|
10.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 148/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/980
tas-7 ta' Ġunju 2017
li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-formuli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-kooperazzjoni fl-attivitajiet superviżorji, għall-verifiki fuq il-post, u l-investigazzjonijiet u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1) b'mod partikolari l-Artikoli 80(4) u 81(4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2014/65/UE tistabbilixxi l-obbligi għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Bħala parti minn din il-proċedura, awtorità kompetenti tista' titlob il-kooperazzjoni tal-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor għal verifika fuq il-post jew f'investigazzjoni. |
|
(2) |
Sabiex ikun żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni b'mod effiċjenti u fil-ħin għall-finijiet tad-Direttiva 2014/65/UE u jipprovdu lil xulxin assistenza reċiproka sħiħa, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri kif ukoll mudelli u formoli biex jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għal tali kooperazzjoni u skambji ta' informazzjoni, inkluż il-preżentazzjoni ta' talbiet għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni, ir-rikonoxximent tar-riċevuta u t-tweġibiet għal dawn it-talbiet. |
|
(3) |
Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet li qed jirċievu t-talba jipproċessaw it-talbiet għal koperazzjoni jew informazzjoni b'mod effiċjenti u malajr, kull talba għandha tistabbilixxi b'mod ċar ir-raġuni għat-talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta' informazzjoni. Lil hinn mill-użu ta' mudelli u formoli għal talbiet għal kooperazzjoni jew għal talbiet għal informazzjoni u t-tweġibiet għal dawn it-talbiet, il-proċeduri għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni jenħtieġ li jippermettu u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, il-konsultazzjoni u l-interazzjoni bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta matul il-proċess kollu. |
|
(4) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(5) |
Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data. |
|
(6) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-ESMA) lill-Kummissjoni. |
|
(7) |
L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati mal-introduzzjoni ta' formoli, mudelli u proċeduri standard biex jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-iskop u tal-impatt ta' dawn l-istandards, meta wieħed iqis li d-destinatarji tagħhom se jkunu biss l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq. |
|
(8) |
L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Punti ta' kuntatt
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħtru punti ta' kuntatt għall-komunikazzjoni ta' talbiet għal kooperazzjoni u għal iskambju ta' informazzjoni skont l-Artikoli 80 u 81 tad-Direttiva 2014/65/UE rispettivament. Huma għandhom jippubblikaw id-dettalji tal-punti ta' kuntatt fis-siti elettroniċi tagħhom.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-punti ta' kuntatt tagħhom lill-ESMA. L-ESMA għandha żżomm u taġġorna lista tal-punti ta' kuntatt deżinjati skont il-paragrafu 1, għall-użu tal-awtoritajiet kompetenti.
Artikolu 2
Talba għal kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni
1. Awtorità rikjedenti għandha tagħmel talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, billi tuża l-formola li tinsab fl-Anness I. Għandha tindirizza t-talba lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità rikjesta.
2. F'każijiet urġenti, l-awtorità rikjedenti tista' tagħmel talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni bil-fomm dment li sussegwentament issir konferma tat-talba bil-miktub fi żmien raġonevoli, sakemm l-awtorità rikjesta ma taqbilx mod ieħor.
3. L-awtorità li tagħmel it-talba tista' tehmeż mat-talba kwalunkwe dokument jew materjal ta' appoġġ li tqis meħtieġ biex issostni t-talba.
Artikolu 3
Konferma ta' riċevuta
Fi żmien 10 ijiem minn meta l-punt ta' kuntatt ta' awtorità jirċievi talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni, dik l-awtorità għandha tibgħat konferma tar-riċevuta lill-awtorità rikjedenti, permezz tal-formola li tinsab fl-Anness II.
Artikolu 4
Talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni
1. Awtorità rikjesta għandha twieġeb għal talba ta' kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, billi tuża l-formola li tinsab fl-Anness III. Sakemm l-awtorità rikjedenti ma tispeċifikax mod ieħor, it-tweġiba għandha tiġi indirizzata lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità rikjedenti.
2. L-awtorità rikjesta għandha tesegwixxi t-talbiet għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni b'mod li jiżgura li kwalunkwe azzjoni regolatorja meħtieġa tipproċedi mingħajr dewmien żejjed meta wieħed iqis il-kumplessità tat-talba u l-ħtieġa li jiġu involuti partijiet terzi jew xi awtorità oħra.
Artikolu 5
Proċeduri għall-bgħit u l-ipproċessar ta' talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni
1. L-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jikkomunikaw dwar it-talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni, jew b'forma stampata jew elettronikament, skont liema minn dawn it-tnejn ikun l-aktar mezz espedjenti u meta jitqiesu il-konsiderazzjonijiet tal-kunfidenzjalità, tat-tul ta' ħin tal-korrispondenza, tal-volum tal-materjal li se jiġi kkomunikat u tal-faċilità tal-aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità rikjedenti. B'mod partikolari, l-awtorità rikjedenti għandha twieġeb fil-pront għal kwalunkwe kjarifika mitluba mill-awtorità rikjesta.
2. Meta l-awtorità rikjesta tantiċipa dewmien ta' aktar minn ħamest ijiem tax-xogħol mid-data stmata għat-tweġiba speċifikata fir-rikonoxximent tal-wasla hija għandha tinnotifika b'dan lill-awtorità rikjedenti.
3. Meta l-awtorità rikjedenti tikkwalifika r-rikjesta bħala urġenti, l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom jaqblu dwar il-frekwenza li biha l-awtorità rikjesta se taġġorna lill-awtorità rikjedenti dwar it-trattament tat-talba u dwar id-data li fiha tistenna li tagħti risposta.
4. L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom jikkooperaw biex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista' tinħoloq fl-eżekuzzjoni ta' talba.
Artikolu 6
Proċedura għal talbiet biex tittieħed dikjarazzjoni mingħand persuna
1. Jekk l-awtorità rikjedenti fit-talba tagħha tinkludi li tittieħed dikjarazzjoni minn xi kwalunkwe persuna, l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom, soġġett għal-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet legali eżistenti u kwalunkwe differenza fir-rekwiżiti proċedurali, jivvalutaw u jieħdu kont ta':
|
(a) |
id-drittijiet tal-persuna jew tal-persuni li jridu jittieħdu d-dikjarazzjonijiet tagħhom; |
|
(b) |
ir-rwol tal-persunal tal-awtorità rikjesta u tal-awtorità rikjedenti fit-teħid tad-dikjarazzjoni; |
|
(c) |
jekk il-persuna li mingħandha trid tittieħed d-dikjarazzjoni għandhiex id-dritt li tkun assistita minn rappreżentant legali, u jekk iva, l-ambitu tal-assistenza mir-rappreżentant matul it-teħid tad-dikjarazzjoni, inkluż fir-rigward ta' kwalunkwe rekord jew rapport tad-dikjarazzjoni; |
|
(d) |
jekk id-dikjarazzjoni tkunx se tittieħed fuq bażi volontarja jew imġiegħla, jekk din id-distinzjoni tkun teżisti; |
|
(e) |
jekk, abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli fiż-żmien tat-talba, il-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni tkunx xhud jew suġġett ta' investigazzjoni; |
|
(f) |
jekk, abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli fiż-żmien tat-talba, id-dikjarazzjoni tkunx tista' jew hijiex maħsuba biex tintuża fi proċedimenti kriminali; |
|
(g) |
l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità rikjedenti; |
|
(h) |
ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni u tal-proċeduri applikabbli, inkluż jekk hux ser ikunu kontemporanji jew minuti sommarji miktubin jew reġistrazzjoni awdjo jew awdjoviżiva; |
|
(i) |
il-proċeduri dwar iċ-ċertifikazzjoni jew il-konferma tad-dikjarazzjoni mill-persuni li jagħmlu d-dikjarazzjoni, anke jekk dan iseħħ wara li d-dikjarazzjoni tkun ittieħdet. |
2. L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ arranġamenti biex il-persunal tagħhom jipproċedi b'mod effiċjenti, inklużi arranġamenti li jippermettu lill-persunal tagħhom jiftiehem dwar kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista' tkun meħtieġa, inklużi dan li ġej:
|
(a) |
l-ippjanar ta' dati; |
|
(b) |
il-lista ta' mistoqsijiet li għandhom isiru lill-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni u r-rieżami tagħha; |
|
(c) |
l-arranġamenti tal-ivvjaġġar, inkluż l-iżgurar li l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti jkunu jistgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kwistjoni qabel ma tittieħed id-dikjarazzjoni; |
|
(d) |
l-arranġamenti tat-traduzzjoni. |
Artikolu 7
Il-proċedura għal talbiet għal verifika jew investigazzjoni fuq il-post
1. Meta jkun hemm talba biex titwettaq verifika jew investigazzjoni fuq il-post, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jikkonsultaw ma' xulxin dwar l-aħjar mod biex iwettqu t-talba għal kooperazzjoni billi jikkunsidraw il-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, inkluż dwar il-merti biex titwettaq verifika konġunta jew investigazzjoni konġunta fuq il-post.
Meta jiddeċiedu dwar l-aħjar mod biex iwettqu b'mod utli t-talba għall-kooperazzjoni, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom iqisu tal-anqas dan li ġej:
|
(a) |
il-kontenut ta' kwalunkwe talba għal koperazzjoni rċevuta mingħand l-awtorità rikjedenti, inkluż kwalunkwe suġġeriment dwar l-adegwatezza li twettaq investigazzjoni jew verifika konġunta fuq il-post; |
|
(b) |
jekk humiex it-tnejn li huma qed iwettqu inkjesti separati dwar kwistjoni b'implikazzjonijiet transfruntiera u jekk din il-kwistjoni tkunx trattata aħjar b'kollaborazzjoni konġunta; |
|
(c) |
il-qafas legali u regolatorju fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom, b'mod li jiżguraw li ż-żewġ awtoritajiet ikunu fehmu sew ir-restrizzjonijiet potenzjali u l-limitazzjonijiet legali fuq l-aġir tagħhom u fuq kwalunkwe proċediment li jista' jsegwi, inkluż kwalunkwe kwistjoni relatata mal-prinċipju ta' ne bis in idem; |
|
(d) |
l-immanġġjar u d-direzzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni jew l-ispezzjoni fuq il-post; |
|
(e) |
l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-ħatra tal-persunal inkarigat biex iwettaq investigazzjonijiet jew spezzjonijiet fuq il-post; |
|
(f) |
il-possibbiltà li jiġi stabbilit pjan ta' azzjoni konġunta u l-iskedar tal-ħidma miż-żewġ awtoritajiet; |
|
(g) |
id-determinazzjoni ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu, b'mod konġunt jew b'mod individwali, minn kull awtorità; |
|
(h) |
kondiviżjoni reċiproka tal-informazzjoni miġbura u tar-rappurtar dwar ir-riżultati tal-azzjonijiet individwali meħuda; |
|
(i) |
kwistjonijiet speċifiċi oħra tal-każ. |
2. Meta l-awtorità rikjesta twettaq il-verifika jew l-investigazzjoni hija stess, hija għandha żżomm lill-awtorità rikjedenti infurmata dwar il-progress ta' dawn l-attivitajiet u għandha tagħti r-riżultati tagħha fil-ħin.
3. Meta l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta jiddeċiedu li jwettqu verifika jew investigazzjoni konġunta fuq il-post, huma għandhom:
|
(a) |
jidħlu fi djalogu kontinwu biex jikkoordinaw il-proċess tal-ġbir tal-informazzjoni u l-konstatazzjoni tal-fatti; |
|
(b) |
jaħdmu mill-qrib u jikkooperaw ma' xulxin meta jwettqu investigazzjoni jew spezzjoni konġunta fuq il-post; |
|
(c) |
jidentifikaw id-dispożizzjonijiet legali speċifiċi li jkunu s-suġġett tal-investigazzjoni jew tal-ispezzjoni fuq il-post; |
|
(d) |
meta rilevanti, jaqblu dwar mill-inqas dan li ġej:
|
Artikolu 8
Skambji mhux mitluba ta' informazzjoni
1. Meta awtorità kompetenti jkollha informazzjoni li temmen li tkun ta' għajnuna għal awtorità kompetenti oħra biex twettaq dmirijietha skont id-Direttiva 2014/65/UE jew ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), din għandha tittrażmetti dik l-informazzjoni f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti l-oħra.
2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, jekk l-awtorità kompetenti li tibgħat l-informazzjoni, taħseb li l-informazzjoni għandha tintbagħat b'urġenza, din tista' inizjalment tikkomunika l-informazzjoni verbalment dment li ssir trasmissjoni sussegwenti tal-informazzjoni bil-miktub fi żmien raġonevoli, sakemm l-awtorità li tirċievi l-informazzjoni ma taqbilx mod ieħor.
3. Awtorità li tibgħat informazzjoni fuq bażi mhux mitluba għandha tagħmel dan permezz tal-formola li tidher fl-Anness III, filwaqt li tidentifika b'mod partikolari kwistjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.
Artikolu 9
Rekwiżit li l-awtoritajiet kompetenti jiġu nnotifikati
1. Meta, skont l-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, awtorità kompetenti ta' suq regolat tindirizza direttament lil ditti ta' investiment li jkunu membri jew parteċipanti remoti tas-suq regolat, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-membru jew tal-parteċipant remot, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, bl-użu tal-formola li tidher fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament, immedjatament wara li tkun ikkuntattjat lill-membru jew lill-parteċipant remot dment li l-awtorità tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-membru jew tal-parteċipant remot ma tkunx diġà qablet bil-miktub li tiġi infurmata permezz ta' mezzi oħra ta' komunikazzjoni.
2. Jekk ir-raġuni biex jiġi indirizzat il-membru jew il-parteċipant remot tas-suq regolat tkun urġenti, l-awtorità kompetenti tas-suq regolat tista' għal raġunijiet ġustifikati tinnotifika verbalment, dment li l-konferma sussegwenti tat-talba ssir bil-miktub fi żmien raġonevoli, sakemm l-awtorità rikjesta ma taqbilx mod ieħor.
Artikolu 10
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012(ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
ANNESS I
Formula għal talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta' informazzjoni
ANNESS III
Formula għal talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta' informazzjoni
ANNESS IV
Formola għan-notifika biex jiġi indirizzat direttament membru jew parteċipant remot ta' suq regolat