25.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/117


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/894

tal-24 ta' Mejju 2017

li jemenda l-Annessi III u VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġenotipar tal-annimali ovini

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikulari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (TSE) f'annimali bovini, ovini u kaprini. Dan ir-Regolament japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' annimali ħajjin u ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u, f'ċerti każijiet speċifiċi, għall-esportazzjonijiet tagħhom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li kull Stat Membru għandu jwettaq programm annwali ta' monitoraġġ għat-TSE f'konformità mal-Anness III tiegħu, li jistipula regoli għal sistema ta' monitoraġġ. Il-Parti II tal-Kapitolu A ta' dak l-Anness jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' annimali ovini u kaprini u l-punt 8.2 tal-Parti II ta' dak il-Kapitolu jipprevedi li l-Istati Membri kollha għandhom jiddeterminaw il-ġenotip tal-proteina prijonika għall-kodoni 136, 141, 154 u 171 ta' kampjun minimu ta' annimali ovini, rappreżentattivi tal-popolazzjoni ovina kollha tal-Istat Membru, ta' mill-anqas 600 annimal għal Stati Membri b'popolazzjoni adulta ta' nagħaġ ta' aktar minn 750 000 annimal u ta' mill-anqas 100 annimal għal Stati Membri oħra.

(3)

Sa mill-introduzzjoni ta' rekwiżit ta' ġenotipar alleatorju stipulat fil-punt 8.2 tal-Parti II tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, inkisbu l-għanijiet oriġinali tal-immappjar ta' ġenotipi tan-nagħaġ suxxettibbli għall-iscrapie u l-identifikazzjoni ta' ġenotipi tan-nagħaġ reżistenti għal kull pajjiż. Madankollu, il-ġenotipar alleatorju tan-nagħaġ għadu ta' użu fi Stati Membri li, f'konformità mal-Artikolu 6a tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 u l-Kapitolu C tal-Anness VII tiegħu, iwettqu programm ta' tnissil biex jagħmlu selezzjoni għar-reżistenza għat-TSE fil-popolazzjoni ovina tagħhom, u li l-programm ta' tnissil tagħhom għandu l-għan li jħalli impatt fuq il-profil ġenetiku tal-popolazzjoni ġenerali ovina tagħhom. Għal dawk l-Istati Membri, il-ġenotipar alleatorju ta' frazzjoni tal-popolazzjoni kollha ovina tagħhom jippermettilhom li jivvalutaw jekk il-programm ta' tnissil fis-seħħ hux iħalli l-impatt mixtieq, li huwa li tiżdied il-frekwenza tal-allel ARR filwaqt li tonqos il-prevalenza ta' dawk l-alleli li ma urewx li jikkontribwixxu għas-suxxettibbiltà għat-TSE.

(4)

Il-Kapitolu C tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-programmi ta' tnissil għar-reżistenza għat-TSE f'annimali ovini fl-Istati Membri, u l-punt 1 tal-Parti 1 ta' dak il-Kapitolu jipprevedi li l-programm ta' tnissil għandu jikkonċentra fuq merħliet b'mertu ġenetiku għoli. It-tieni paragrafu tal-punt 1 jippermetti lil dawk l-Istati Membri fejn hemm fis-seħħ programm tat-tnissil li jiddeċidu li jippermettu it-teħid tal-kampjuni u l-ġenotipar ta' mtaten tat-tagħmir biss, f'merħliet li ma jieħdux sehem fil-programm ta' tnissil. Dik id-dispożizzjoni tintuża meta l-programm ta' tnissil ta' Stat Membru jkollu l-għan li jħalli impatt fuq il-profil ġenetiku tal-popolazzjoni ġenerali ovina. Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta' ġenotipar każwali stabbilit fil-punt 8.2 tal-Parti II tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jkun limitat għal dawk l-Istati Membri li jwettqu programm ta' tnissil u li jippermettu t-teħid tal-kampjuni u l-ġenotipar ta' mtaten tat-tagħmir f'merħliet li ma jieħdux sehem fil-programm ta' tnissil.

(5)

L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar il-Perikli Bijoloġiċi (BIOHAZ) dwar il-programm ta' tnissil għal nagħaġ reżistenti għat-TSE fit-13 ta' Lulju 2006 (2), tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Opinjoni tal-EFSA”), qieset li r-rekwiżit preżenti stabbilit fil-punt 8.2 tal-Parti II tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 biex b'mod alleatorju jkunu ġenotipati 100 jew 600 annimali ovini fis-sena, skont id-daqs tal-popolazzjoni tan-nagħaġ tal-Istat Membru, mhux biżżejjed biex ikun monitorjat l-impatt ta' programm ta' tnissil fuq il-popolazzjoni ġenerali ovina ta' Stat Membru minħabba d-daqs żgħir tal-kampjun meħtieġ. L-Opinjoni tal-EFSA rrakkomandat li jiżdied d-daqs tal-kampjun u nnutat li, jekk wieħed jassumi li l-prevalenza tal-ġenotip mmirat mill-monitoraġġ hija ta' 50 %, ikun meħtieġ li 1 560 annimal jiġu ttestjatji fis-sena biex tinqabad xi bidla ta' 5 % fil-prevalenza tal-ġenotip b'livell ta' fiduċja ta' 95 %. Peress li bidla ta' 5 % fil-prevalenza tal-ġenotip fil-livell tal-popolazzjoni kollha ovina aktarx li ma sseħħx f'sena waħda, jixraq li ġenotipar alleatorju bħal dan jitwettaq darba kull tliet snin.

(6)

L-Opinjoni tal-EFSA tirrikkmanda wkoll il-ġbir tad-dejta epidemjoloġika rilevanti, bħar-reġjun, it-tip tal-merħla u s-sess tal-annimal, għal aġġustament a posteriori u l-monitoraġġ ta' tfassil kif għandu jkun tal-kampjunar. Għaldaqstant jixraq li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jiddeterminaw id-daqs eżatt tal-kampjunar u l-frekwenza tal-kampjunar rappreżentattiv u l-ġenotipar tal-popolazzjoni nazzjonali tan-nagħaġ tagħhom, filwaqt li titqies id-dejta epidemoloġika miġbura matul il-kampanji tal-kampjunar preċedenti, sakemm it-tfassil tal-kampjunar jippermetti, tal-anqas, li tinqabad bidla ta' 5 % fil-prevalenza tal-ġenotip fuq perjodu ta' tliet snin, b'livell ta' fiduċja ta' 95 %.

(7)

Ir-rekwiżit ta' ġenotipar alleatorju stabbilit fil-punt 8.2 tal-Parti II tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għaldaqstant għandu jitħassar u jinbidel b'rekwiżit stabbilit fil-Parti 1 tal-Kapitolu C tal-Anness VII ta' dak ir-Regolament li jistabbilixxi li l-Istati Membri li jwettqu programm ta' tnissil għall-annimali ovini, u li jippermettu t-teħid tal-kampjuni u l-ġenotipar ta' mtaten tat-tagħmir f'merħliet li ma jieħdux sehem fil-programm ta' tnissil, għandhom jagħmlu l-ġenotipar ta' kampjun alleatorju ta' annimali ovini, rappreżentattivi tal-popolazzjoni ovina tal-Istat Membru, ta' minn tal-inqas 1 560 annimal darba kull tliet snin, inkella ta' daqs ta' kampjun u fi frekwenza determinata mill-Istat Membru abbażi tal-kriterji definiti fil-premessa preċedenti.

(8)

Għaldaqstant, l-Annessi III u VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom jiġu emendati skont dan.

(9)

Peress li l-ġenotipar alleatorju jiġi organizzat skont is-sena kalendarja, din l-emenda għandha ssir applikabbli mill-1 ta' Jannar 2018.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi III u VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  The EFSA Journal (2006) 382, 1-46.


ANNESS

L-Annessi III u VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Kapitolu A, fil-Parti II, il-punt 8 jinbidel b'li ġej:

“8.   Ġenotipar

Il-ġenotip tal-proteina prijonika għall-kodoni 136, 154 u 171 għandu jiġi determinat għal kull każ pożittiv tat-TSE fin-nagħaġ. Il-każijiet kollha tat-TSE misjuba f'nagħaġ ta' ġenotipi li jikkodifikaw l-alanina fiż-żewġ alleli tal-kodon 136, l-arġinina fiż-żewġ alleli tal-kodon 154 u l-arġinina fiż-żewġ alleli tal-kodon 171, għandhom jiġu rrappurtati minnufih lill-Kummissjoni. Meta l-każ pożittiv ta' TSE ikun każ ta' scarpie atipiku għandu jiġi determinat il-ġenotip tal-proteina prijonika għall-kodon 141.”

(b)

fil-Kapitolu B, fil-Parti I(A), il-punt 8 jinbidel b'li ġej:

“8.

Il-ġenotip, u meta possibbli, ir-razza, ta' kull animal ovin li instab pożittiv għat-TSE jew li ttieħed kampjun minnu skont il-Kapitolu A, il-Parti II, il-punt 8.”

(2)

Fl-Anness VII, fil-Kapitolu C, fil-Parti 1, jiżdied il-punt 8 li ġej:

“8.

Meta Stat Membru jippermetti, f'konformità mat-tieni paragrafu tal-punt 1, it-teħid tal-kampjuni u l-ġenotipar ta' mtaten tat-tagħmir f'merħliet li ma jieħdux sehem fil-programm ta' tkabbir, il-ġenotip tal-proteina prijonika għall-kodoni 136, 141, 154 u 171 għandhom jiġu determinati għal kampjun minimu rappreżentattiv tal-popolazzjoni ovina kollha tal-Istat Membru, jew:

(a)

darba kull tliet snin b'kampjun minimu ta' mill-anqas 1 560 annimal ovin; jew

(b)

bi frekwenza u b'daqs ta' kampjun determinat mill-Istat Membru abbażi tal-konformità mal-kriterji li ġejjin:

(i)

it-tfassil tal-kampjunar iqis dejta epidemjoloġika rilevanti miġbura waqt stħarriġ preċedenti, inkluża dejta dwar il-ġenotip tal-proteina prijonika tan-nagħaġ għall-kodoni 136, 141, 154 u 171 skont ir-razza, ir-reġjun, l-età, is-sess u t-tip ta' merħla;

(ii)

it-tfassil tal-kampjunar jippermetti, tal-anqas, li tinqabad bidla ta' 5 % fil-prevalenza ta' ġenotip fuq perjodu ta' tliet snin, b'potenza ta' 80 % u livell ta' fiduċja ta' 95 %.”