25.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 138/92 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/893
tal-24 ta' Mejju 2017
li jemenda l-Annessi I u IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Annessi X, XIV u XV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 rigward id-dispożizzjonijiet dwar il-proteina pproċessata tal-annimali
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (2), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(2), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 41(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 42(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (TSEs) f'annimali bovini, ovini u kaprini. Dan japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' annimali ħajjin u ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u, f'ċerti każijiet speċifiċi, għall-esportazzjonijiet tagħhom. |
(2) |
L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprojbixxi t-tmigħ ta' proteini derivati mill-annimali lir-ruminanti. L-Artikolu 7(2) ta' dak ir-Regolament jestendi dik il-projbizzjoni għal annimali oħrajn li mhumiex ruminanti u jillimita din il-projbizzjoni fir-rigward tat-tmigħ ta' dawk l-annimali bi prodotti li joriġinaw mill-annimali, b'konformità mal-Anness IV ta' dak ir-Regolament. |
(3) |
L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jestendi l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1) għat-tmigħ ta', fosta affarijiet oħra, proteini pproċessati tal-annimali lill-annimali mrobbija mhux ruminanti, minbarra t-tmigħ ta' annimali karnivori mrobbija għall-pil. Madankollu, b'deroga u taħt kundizzjonijiet speċifiċi, il-punt (c) tal-Kapitolu II tal-Anness IV jawtorizza t-tmigħ ta' proteina pproċessata tal-annimali mhux ruminanti lill-annimali tal-akkwakultura biss, diment li l-proteina pproċessata tal-annimali u l-ġwież kompost li jkun fih din il-proteina jkunu ġew prodotti skont it-Taqsima D tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. Din it-Taqsima attwalment tirrikjedi li l-prodotti sekondarji mill-annimali użati għall-produzzjoni ta' din il-proteina pproċessata tal-annimali jinkisbu minn biċċeriji jew impjanti tat-tqattigħ. Minħabba l-proċess tal-produzzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-insetti, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi ssodisfat fil-każ tal-insetti. B'riżultat ta' dan, l-użu tal-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-insetti fil-ġwież għall-annimali tal-akkwakultura, attwalment mhuwiex permess. |
(4) |
F'bosta Stati Membri, bdiet it-trobbija tal-insetti għall-produzzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali derivata minnhom u minn derivattivi ta' insetti oħrajn maħsuba għall-ikel tal-annimali domestiċi. Din il-produzzjoni ssir taħt skemi ta' kontroll nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-istudji wrew li l-insetti mrobbija jistgħu jirrappreżentaw soluzzjoni alternattiva u sostenibbli għas-sorsi konvenzjonali ta' proteini tal-annimali maħsuba għall-ġwież ta' annimali mrobbija mhux ruminanti. |
(5) |
Fit-8 ta' Ottubru 2015, l-EFSA (l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel) ippubblikat opinjoni xjentifika dwar il-profil tar-riskju relatat mal-produzzjoni u l-konsum ta' insetti bħala ikel u ġwież (3). Rigward ir-riskji relatati mal-preżenza ta' prijoni, l-EFSA tikkonkludi li, meta mqabbla mal-okkorrenza ta' perikli fis-sorsi ta' proteina li ġejjin mill-annimali awtorizzati bħalissa, l-okkorrenza ta' perikli f'insetti mhux ipproċessati hija mistennija li tkun l-istess jew inqas, sakemm l-insetti jiġu mitmugħa substrati li ma jkunx fihom materjal li jkun ġej minn ruminanti jew bnedmin (demel). Peress li l-ipproċessar tal-insetti jista' jnaqqas ukoll l-okkorrenza ta' perikli bijoloġiċi, dik id-dikjarazzjoni hija valida wkoll f'dak li jirrigwarda l-proteini pproċessati tal-annimali derivati mill-insetti. |
(6) |
Skont id-definizzjoni ta' “annimali tat-trobbija” stipulata fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, l-insetti mrobbija għall-produzzjoni ta' proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-insetti għandhom jitqiesu bħala annimali tat-trobbija, u għaldaqstant huma soġġetti għar-regoli dwar il-projbizzjoni dwar it-tmigħ stipulati fl-Artikolu 7 u fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 kif ukoll għar-regoli dwar it-tmigħ tal-annimali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009. B'hekk, l-użu ta' proteini li ġejjin mir-ruminanti, l-iskart tal-kejtering, id-dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun u d-demel bħala ġwież għall-insetti huwa pprojbit. Barra minn hekk, skont l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-użu ta' ħmieġ tal-imsaren għal skopijiet ta' nutrizzjoni tal-annimali huwa pprojbit. |
(7) |
Il-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-insetti u l-ġwież kompost li fih din il-proteina pproċessata tal-annimali għandha għalhekk tiġi awtorizzata għall-ġwież tal-annimali tal-akkwakultura. Għalhekk, il-punt (c) tal-Kapitolu II tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jiġi emendat skont dan u għandha tiżdied Taqsima li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet relatati mat-TSE għall-produzzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-insetti mrobbija u l-ġwież kompost li fih din il-proteina fil-Kapitolu IV tal-Anness IV ta' dak ir-Regolament. |
(8) |
B'analoġija ma' dak li japplika diġà għall-proteina pproċessata tal-annimali derivata minn annimali mhux ruminanti u għall-ġwież kompost li fih proteina bħal din maħsub għat-tmigħ ta' annimali tal-akkwakultura, għandhom jiġu stipulati kundizzjonijiet speċifiċi għall-produzzjoni u l-użu ta' proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-insetti, sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' kontaminazzjoni kroċjata ma' proteini oħrajn li jistgħu joħolqu riskju ta' TSE għall-annimali ruminanti. B'mod partikolari, b'analoġija mal-kundizzjonijiet stipulati fit-Taqsima A tal-Kapitolu IV tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-insetti għandha tiġi prodotta f'impjanti ddedikati esklussivament għall-produzzjoni ta' prodotti derivati minn insetti mrobbija. |
(9) |
Barra minn hekk, fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt, huwa xieraq li tiddaħħal definizzjoni ta' insetti mrobbija fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. |
(10) |
L-Annessi I u IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan. |
(11) |
L-Anness X tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (5) jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, inklużi l-parametri għall-produzzjoni ta' għalf sikur li ġej mill-annimali maħsub għat-tagħlif tal-annimali mrobbija. Il-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 biss jistgħu jingħataw bħala għalf lill-annimali mrobbija, minbarra l-annimali tal-pil. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness X ta' dak ir-Regolament ma jkoprux l-insetti ħajjin u l-insetti mnixxfin fil-ġwież għall-annimali mrobbija, l-użu ta' insetti mnixxfin fl-ikel għall-annimali domestiċi jew bħala ikel għalihom huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness XIII tar-Regolament imsemmi qabel. |
(12) |
L-emenda tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 bl-għan li tiġi awtorizzata l-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-insetti għat-tmigħ tal-annimali tal-akkwakultura x'aktarx li se toħloq opportunitajiet għal żieda fil-produzzjoni fl-Unjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-insetti. Billi t-trobbija attwali tal-insetti fuq skala żgħira għall-ikel tal-annimali domestiċi tista' tiġi indirizzata b'mod adegwat mill-iskemi ta' kontroll nazzjonali eżistenti, id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jindirizzaw is-saħħa tal-annimali, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-pjanti jew ir-riskji ambjentali huma xierqa biex jiżguraw is-sikurezza tat-trobbija tal-insetti fl-Unjoni fuq skala akbar. Rigward l-ispeċijiet ta' insetti mrobbija fl-Unjoni, dawn ma għandhomx ikunu patoġeniċi jew ikollhom effetti ħżiena oħrajn fuq is-saħħa tal-pjanti, tal-annimali jew tal-bniedem; magħandhomx ikunu rikonoxxuti bħala vetturi ta' patoġeni tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti u ma għandhomx ikunu protetti jew definiti bħala speċijiet aljeni invażivi. B'kont meħud ta' dawn il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali, kif ukoll tal-opinjoni tat-8 ta' Ottubru 2015 tal-EFSA, dawn l-ispeċijiet ta' insetti li ġejjin jistgħu jiġu identifikati bħala dawk l-ispeċijiet ta' insetti attwalment imrobbija fl-Unjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' sikurezza msemmija hawn fuq għall-produzzjoni ta' insetti maħsuba għall-użu fil-ġwież: Il-“Black Soldier Fly”(Hermetia illucens), il-“Common Housefly” (Musca domestica), il-“Yellow Mealworm”(Tenebrio molitor), il-“Lesser Mealworm” (Alphitobius diaperinus), il-“House cricket”(Acheta domesticus), il-“Banded cricket”(Gryllodes sigillatus) u l-“Field Cricket”(Gryllus Assimilis). |
(13) |
Għaldaqstant, l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għandu jiġi emendat sabiex fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tiegħu tiddaħħal lista ta' speċijiet ta' insetti li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali miksuba mill-insetti mrobbija. Din il-lista għandha tinkludi l-ispeċijiet ta' insetti msemmija hawn fuq u fil-futur tista' tiġi emendata abbażi ta' valutazzjoni tar-riskji li jinħolqu għas-saħħa tal-annimali, għas-saħħa pubblika, għas-saħħa tal-pjanti u għall-ambjent minħabba l-ispeċijiet ta' insetti kkonċernati. |
(14) |
L-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-importazzjoni ta' prodotti sekondarji tal-annimali u ta' prodotti derivati minn pajjiżi terzi. Ir-rekwiżiti tas-sikurezza li japplikaw għat-tkabbir tal-insetti maħsuba biex jintużaw fil-ġwież għall-annimali tal-akkwakultura u għat-tqegħid fis-suq ta' proteini pproċessati tal-annimali derivati minn dawk l-insetti, b'mod partikolari rigward l-ispeċijiet ta' insetti li jistgħu jintużaw u l-għalf li jista' jingħata lill-insetti, għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Għaldaqstant it-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu I tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għandhom jiġu emendati sabiex jiġu stabbiliti dawk ir-rekwiżiti għall-importazzjonijiet fl-Unjoni. |
(15) |
L-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jistabbilixxi mudell taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti sekondarji tal-annimali. Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fil-Kapitolu 1 tal-Anness XV ta' dak ir-Regolament japplika għall-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali. Għall-finijiet tal-importazzjonijiet tal-proteina pproċessata tal-annimali derivata minn insetti mrobbija, għandu jiġi stabbilit mudell ġdid taċ-ċertifikat tas-saħħa li għandu jinkludi r-rekwiżiti speċifiċi għat-trobbija ta' insetti mrobbija għall-produzzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali fl-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, kif ukoll ir-rekwiżiti rilevanti l-oħrajn għall-importazzjonijiet tal-proteina pproċessata tal-annimali. Għaldaqstant il-mudell il-ġdid taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-importazzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali derivata minn insetti mrobbija għandu jiddaħħal fil-Kapitolu 1 tal-Anness XV. |
(16) |
Barra minn hekk, il-mudell il-ġdid taċ-ċertifikat tas-saħħa mdaħħal fil-Kapitolu 1 tal-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għandu wkoll jieħu kont tal-emenda permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1396 (6) tar-rekwiżiti relatati mat-TSE applikabbli għall-importazzjonijiet ta' prodotti sekondarji tal-annimali u ta' prodotti derivati mill-bovini, l-ovini u l-kaprini, kif stipulat fil-Kapitolu D tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. |
(17) |
L-Annessi X, XIV u XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan. |
(18) |
It-Taqsima A tal-Kapitolu III tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-prevenzjoni ta' kontaminazzjoni kroċjata waqt it-trasport bl-ingrossa bejn, fuq naħa waħda, il-ħut mitħun, id-dicalcium u t-tricalcium phosphate li ġej mill-annimali, il-prodotti tad-demm derivati minn annimali mhux ruminanti kif ukoll il-ġwież kompost li fih dawn il-prodotti, maħsub għat-tmigħ ta' annimali mrobbija mhux ruminanti, u, min-naħa l-oħra, il-ġwież maħsub għar-ruminanti. Meta jitqies li jeżisti riskju simili ta' kontaminazzjoni kroċjata meta dawk il-materjali jinħażnu fi kwantitajiet kbar, ir-rekwiżiti tat-Taqsima A tal-Kapitolu III tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru l-ħażna fi kwantitajiet kbar tal-ħut mitħun, id-dicalcium u t-tricalcium phospate li ġej mill-annimali, il-prodotti tad-demm derivati minn annimali mhux ruminanti u l-ġwież kompost li fih dawn il-prodotti. |
(19) |
It-Taqsima B tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-prevenzjoni ta' kontaminazzjoni kroċjata waqt it-trasport bejn, minn naħa, il-materjali tal-ġwież bl-ingrossa u l-ġwież kompost bl-ingrossa li jkun fih prodotti derivati minn ruminanti, minbarra l-ħalib u l-prodotti bbażati fuq il-ħalib, id-dicalcium u t-tricalcium phospate li ġej mill-annimali u l-proteini idrolizzati derivati mill-ġlud tar-ruminanti, u, min-naħa l-oħra, il-ġwież maħsub għall-annimali mrobbija minbarra l-annimali tal-pil. Meta jitqies li jeżisti riskju simili ta' kontaminazzjoni kroċjata meta dawk il-materjali jinħażnu fi kwantitajiet kbar, ir-rekwiżiti tat-Taqsima B tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru l-ħażna fi kwantitajiet kbar ta' materjali tal-ġwież bl-ingrossa u tal-ġwież kompost li jkun fihom prodotti derivati minn ruminanti, minbarra l-ħalib u l-prodotti bbażati fuq il-ħalib, id-dicalcium u t-tricalcium phospate li ġej mill-annimali u l-proteini idrolizzati derivati mill-ġlud tar-ruminanti. |
(20) |
Il-punt (a) tat-Taqsima D tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jeżiġi li l-prodotti sekondarji tal-annimali użati għall-produzzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali, minbarra l-ħut mitħun, derivata minn annimali mhux ruminanti u maħsuba sabiex tintuża fil-ġwież tal-annimali tal-akkwakultura, jinkisbu minn biċċeriji li ma joqtlux ruminanti u minn impjanti tat-tqattigħ li fihom ma jsirx dissussar jew tqattigħ ta' laħam tar-ruminanti. Il-punt (a) jipprevedi deroga minn dak ir-rekwiżit għall-biċċeriji li għandhom miżuri effettivi sabiex jipprevjenu l-kontaminazzjoni kroċjata bejn il-prodotti sekondarji ta' annimali ruminanti u mhux ruminanti u li jiġu spezzjonati u awtorizzati abbażi tagħhom mill-awtorità kompetenti. |
(21) |
Biex ikun hemm aktar possibbiltajiet fit-tipi ta' materja prima użati għall-produzzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali mhux ruminanti maħsuba biex tintuża fil-ġwież tal-annimali tal-akkwakultura jew biex tiġi esportata, huwa xieraq li jiġi emendat il-punt (a) tat-Taqsima D tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 sabiex jippermetti l-użu ta' prodotti sekondarji tal-annimali li ġejjin minn stabbilimenti oħrajn minbarra biċċeriji u impjanti tat-tqattigħ, diment li dawk l-istabbilimenti l-oħrajn ikunu ddedikati esklussivament għall-immaniġġar ta' materjali ta' annimali mhux ruminanti, jew huma awtorizzati mill-awtorità kompetenti, wara spezzjoni fuq il-post, abbażi tal-istess rekwiżiti relatati mal-kanali tad-distribuzzjoni bħal dawk previsti fid-deroga eżistenti għall-biċċeriji, peress li dawk ir-rekwiżiti relatati mal-kanali tad-distribuzzjoni jipprovdu l-garanziji meħtieġa biexil-kontaminazzjoni kroċjata tiġi evitata u kkontrollata. Huwa xieraq ukoll li d-deroga attwali għall-biċċeriji tiġi estiża wkoll għall-impjanti tat-tqattigħ, diment li jiġu applikati l-istess rekwiżiti relatati mal-kanali tad-distribuzzjoni. Għaldaqstant, it-Taqsima D tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandha tiġi emendata skont dan. |
(22) |
Il-punt (b) tat-Taqsima A tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jirrikjedi li d-dokument kummerċjali li jakkumpanja ċ-ċertifikat tas-saħħa u kwalunkwe imballaġġ ta' ħut mitħun u ta' ġwież kompost li fih ħut mitħun ikun immarkat bil-kliem “fih il-ħut mitħun — ma għandux jingħata bħala ġwież lill-annimali ruminanti”. Madankollu, id-dokument kummerċjali jew iċ-ċertifikat tas-saħħa msemmi fl-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 mhuwiex meħtieġ għall-ġwież kompost. Għaldaqstant huwa xieraq li l-punt (b) tat-Taqsima A tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġi emendat sabiex jiċċara li, għall-ġwież kompost li fih il-ħut mitħun, il-kliem “fih il-ħut mitħun — ma għandux jingħata bħala ġwież lill-annimali ruminanti” għandu jitqiegħed biss fuq it-tikketta tal-ġwież kompost. Fit-Taqsima B, il-punt (d) tat-Taqsima C u l-punt (e) tat-Taqsima D tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 ukoll għandhom jiġu emendati f'dan ir-rigward. |
(23) |
It-Taqsima C tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tipprojbixxi l-produzzjoni ta' ġwież għall-annimali mrobbija, minbarra l-annimali tal-pil, fi stabbilimenti li jipproduċu l-ikel għall-annimali domestiċi jew ġwież għall-annimali tal-pil li jkun fihom prodotti li ġejjin mir-ruminanti li huma pprojbiti għall-użu fil-ġwież għall-annimali mrobbija, minbarra l-annimali tal-pil. Projbizzjoni simili għandha tiġi stipulata għall-istabbilimenti li jipproduċu l-ikel għall-annimali domestiċi jew il-ġwież għall-annimali tal-pil li jkun fihom il-proteina pproċessata tal-annimali mhux ruminanti, minbarra l-ħut mitħun, sabiex tiżgura li ma jkunx hemm kontaminazzjoni kroċjata bejn il-ġwież għall-annimali mrobbija, minbarra l-annimali tal-pil jew l-annimali tal-akkwakultura, ma' prodotti pprojbiti fil-ġwież bħal dan. Għaldaqstant, it-Taqsima C tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandha tiġi emendata skont dan. |
(24) |
Il-punt 1 tat-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprojbixxi l-esportazzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-annimali ruminanti. Dak ir-rekwiżit kien oriġinarjament maħsub biex jikkontrolla t-tixrid tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina (BSE) fi żmien meta fl-Unjoni kien hemm epidemija tal-BSE u meta l-Ewropa kienet l-aktar parti tad-dinja affettwata mill-epidemija. Madankollu, is-sitwazzjoni tal-BSE fl-Unjoni tjiebet b'mod sinifikanti. Fl-2015, fl-Unjoni ġew irrapportati ħames każijiet ta' BSE filwaqt li fl-2001 ġew irrapportati 2 166 każ. Dan it-titjib fis-sitwazzjoni tal-BSE fl-Unjoni huwa rifless fil-fatt li 23 Stat Membru issa huma rikonoxxuti bħala li għandhom status ta' riskju negliġibbli tal-BSE skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (7), abbażi tal-istatus ta' riskju tal-BSE rikonoxxut fil-livell internazzjonali mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE). |
(25) |
Il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-annimali ruminanti għandha għalhekk titneħħa u tiġi sostitwita minn kundizzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu rispettati, sabiex jitnaqqas il-piż għall-kummerċ u jkun hemm aktar proporzjonalità meta mqabbla mas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali tal-BSE. B'mod partikolari, dawk il-kundizzjonijiet għandhom ikunu mmirati biex jiżguraw li l-prodotti esportati ma jkunx fihom dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun, li l-esportazzjoni tiegħu mhijiex awtorizzata mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009. Peress li d-dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun jista' jkun fih materjali speċifiċi ta' riskju jew jista' jkun derivat minn annimali li jkunu mietu jew inqatlu għal raġunijiet oħrajn minbarra l-qatla għall-konsum mill-bniedem, id-dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun jirrappreżenta riskju ogħla ta' BSE u għaldaqstant m'għandux ikun esportat. |
(26) |
Biex ikun żgurat li l-proteina pproċessata tal-annimali li ġejja mill-annimali ruminanti ma jkunx fiha dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun u ma tintużax għal skopijiet oħrajn minbarra dawk awtorizzati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-proteina pproċessata tal-annimali li tkun derivata mill-annimali ruminanti għandha tiġi trasportata f'kontejners issiġillati direttament mill-impjant tal-ipproċessar sal-punt ta' ħruġ mill-Unjoni, li għandu jkun post ta' spezzjoni fil-fruntiera elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE (8), biex ikunu jistgħu jsiru l-kontrolli uffiċjali. Dawn il-kontrolli uffiċjali għandhom isiru skont il-proċeduri ta' kontroll uffiċjali eżistenti, b'mod partikolari d-dokument kummerċjali skont il-mudell stabbilit fil-punt 6 tal-Kapitolu III tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti permezz tas-sistema kompjuterizzata veterinarja integrata (TRACES) introdotta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE (9). |
(27) |
Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, l-impjant tal-ipproċessar irid jiġi approvat għall-ipproċessar ta' materjal tal-Kategorija 3 u skont l-Artikolu 45 ta' dak ir-Regolament, irid ikun soġġett għal kontrolli uffiċjali regolari, anki meta l-impjant tal-ipproċessar jiġi approvat ukoll għall-ipproċessar ta' materjal tal-Kategorija 1 u/jew 2, fir-rigward tal-immarkar permanenti ta' materjal tal-Kategorija 1 u 2 meħtieġ minn dak ir-Regolament. |
(28) |
Il-punt 2 tat-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jirrikjedi li l-ġwież kompost li fih il-proteini pproċessati tal-annimali derivati minn annimali mhux ruminanti u maħsub għall-esportazzjoni jiġi prodott skont ċerti rekwiżiti, u jirreferi fost l-oħrajn għall-punt (e) tat-Taqsima A tal-Kapitolu V tal-Anness IV ta' dak ir-Regolament, li, min-naħa tiegħu, jirreferi għat-Taqsima D tal-Kapitolu IV ta' dak l-Anness. Minħabba li dawk il-kontroreferenzi wasslu għal interpretazzjonijiet differenti, huwa xieraq li l-punt 2 tat-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġi riformulat sabiex jiġu ċċarati r-rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni tal-proteini pproċessati tal-annimali derivati minn annimali mhux ruminanti, jew tal-ġwież kompost li fih proteini bħal dawn, maħsuba għall-esportazzjoni mill-Unjoni. |
(29) |
B'mod partikolari, ir-referenza fil-punt 2(b) tat-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, li tirrigwarda l-esportazzjonijiet tal-ġwież kompost li fih il-proteina pproċessata tal-annimali derivata minn annimali mhux ruminanti, għall-punt (d) tat-Taqsima D tal-Kapitolu IV ta' dak l-Anness, li jikkonċerna l-produzzjoni ta' ġwież kompost li fih il-proteina pproċessata tal-annimali derivata minn annimali mhux ruminanti għat-tmigħ tal-annimali tal-akkwakultura, mhijiex adatta għall-każijiet kollha. Filwaqt li l-punt (d) tat-Taqsima D tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jirrikjedi li l-istabbiliment tal-ġwież kompost għandu jkun iddedikat esklussivament għall-produzzjoni tal-ġwież tal-annimali tal-akkwakultura jew ikun awtorizzati abbażi tal-miżuri meħuda sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni kroċjata bejn il-ġwież maħsub għall-annimali tal-akkwakultura u l-ġwież maħsub għall-annimali mrobbija oħrajn, fil-każ tal-esportazzjonijiet, l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 ma jillimitax l-ispeċijiet li għalihom jista' jingħata l-ġwież kompost fil-pajjiż terz. Il-kontaminazzjoni kroċjata fil-mira f'dan il-każ hija għalhekk dik bejn il-ġwież kompost esportat li jkun fih il-proteina pproċessata tal-annimali mhux ruminanti u l-ġwież maħsub għall-annimali mrobbija oħrajn, minbarra l-annimali tal-akkwakultura, li għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-punt 2 tat-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jiġi emendat skont dan. |
(30) |
L-emendi deskritti fil-premessi preċedenti li jirrigwardaw (1) il-ħażna ta' ċerti materjali tal-ġwież u l-ġwież kompost; (2) il-produzzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-insetti mrobbija u tal-ġwież kompost li fih din il-proteina; (3) l-esportazzjoni tal-ġwież kompost li fih il-proteina pproċessata tal-annimali derivata minn annimali mhux ruminanti; u (4) l-użu tal-materja prima minn stabbilimenti oħrajn minbarra l-biċċeriji u l-impjanti tat-tqattigħ għall-manifattura tal-proteina pproċessata tal-annimali mhux ruminanti, jinkludu r-rekwiżiti biex l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri tirreġistra jew tawtorizza ċerti stabbilimenti abbażi tat-twettiq ta' dawk ir-rekwiżiti. Għaldaqstant it-Taqsima A tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandha tiġi emendata sabiex tinkludi l-obbligu għall-Istati Membri li jaġġornaw u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-listi ta' dawk l-istabbilimenti. |
(31) |
Biex jiġi limitat il-piż għall-awtoritajiet kompetenti, il-pubblikazzjoni tal-listi tal-operaturi għandha tiġi limitata biss għal dawk il-każijiet fejn din il-pubblikazzjoni tkun meħtieġa sabiex l-operaturi jidentifikaw liema fornituri potenzjali jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jikkontrollaw li dawk ir-rekwiżiti qed jiġu rispettati tul il-katina kollha tal-produzzjoni. Għaldaqstant it-Taqsima A tal-Kapitolu V tal-Anness IV għandha tiġi emendata sabiex teskludi l-listi ta' dawk li jħalltu l-għalf għall-użu proprju mill-obbligu li jkunu magħmula disponibbli għall-pubbliku. |
(32) |
Peress li l-Istati Membri u l-operaturi jeħtieġu żmien biżżejjed sabiex jadattaw għall-emendi magħmula minn dan ir-Regolament fit-Taqsima A tal-Kapitolu III, rigward il-ħażna ta' ċerti materjali tal-ġwież u ta' ġwież kompost bl-ingrossa, u fit-Taqsimiet A, B u C tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, rigward il-listi tal-istabbilimenti li jipproduċu skont ċerti rekwiżiti tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, rigward il-ħażna ta' ġwież li fih prodotti derivati mill-annimali ruminanti, u rigward il-produzzjoni ta' ikel għall-annimali domestiċi li fih il-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-annimali mhux ruminanti, dawk il-bidliet għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2018. |
(33) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi I u IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-Annessi X, XIV u XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2017.
Madankollu, l-emendi li ġejjin magħmulin fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 permezz ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2018:
(a) |
l-emendi fit-Taqsima A tal-Kapitolu III tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 permezz tal-punt 2(b)(i) tal-Anness I ta' dan ir-Regolament; kif ukoll |
(b) |
l-emendi fit-Taqsima A, B u C tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 permezz tal-punt 2(d)(i) tal-Anness I ta' dan ir-Regolament. |
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Mejju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1
(3) “Scientific Opinion on a Risk profile related to production and consumption of insects as food and feed”, The EFSA Journal (2015);13(10):4257.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1396 tat-18 ta' Awwissu 2016 li jemenda ċerti Annessi tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 225, 19.8.2016, p. 76).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta' Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE tat-28 ta' Settembru 2009, Tfassil ta' lista approvata ta' postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera, li tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-ispezzjonijiet mwettqa mill-esperti veternarji tal-Kummissjoni u tistabbilixxi l-unitajiet veterinarji fi TRACES (ĠU L 296, 12.11.2009, p. 1).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces u li temenda d-Deċiżjoni 92/486/KEE (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63).
ANNESS I
L-Annessi I u IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:
(1) |
L-Anness I huwa emendat kif ġej:
|
(2) |
L-Anness IV huwa emendat kif ġej:
|
ANNESS II
L-Annessi X, XIV u XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati kif ġej:
(1) |
Fl-Anness X, il-Kapitolu II, it-Taqsima 1, il-Parti A tinbidel b'dan li ġej: “A. Materja prima
|
(2) |
Fl-Anness XIV, il-Kapitolu 1 huwa emendat kif ġej:
|
(3) |
L-Anness XV huwa emendat kif gej:
|