5.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 116/20


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/777

tal-4 ta' Mejju 2017

li jagħti bidu għal rieżami tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 (li jestendi d-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le) għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil produttur esportatur Tuneżin wieħed, li jirrevoka d-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur jagħmilhom soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4), 13(4) u 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal eżenzjoni mill-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, estiżi għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le, skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament antidumping bażiku.

(2)

It-talba ġiet imressqa fit-13 ta' Settembru 2016 minn Look Design System SA (“l-applikant”), produttur esportatur tal-biċikletti fit-Tuneżija (“il-pajjiż ikkonċernat”).

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

(3)

Il-prodott taħt rieżami huwa biċikletti u roti oħrajn tagħhom (inkluż triċikletti għat-tqassim, imma esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati, ikkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le, attwalment koperti mill-kodiċijiet NM ex 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (il-kodiċijiet TARIC 8712003010 u 8712007091).

3.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(4)

Fid-29 ta' Mejju 2013, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (UE) Nru 502/2013 (2), emenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 (3) li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-RPĊ wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (4).

(5)

Fl-istess jum, il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 501/2013 (5) estenda l-miżuri għal importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le.

(6)

Fit-18 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni, permezz ta' Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/776 (6), estendiet il-miżuri għal importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le.

4.   RAĠUNIJIET GĦAR-RIEŻAMI

(7)

L-applikant allega li ma huwa marbut ma' ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, li ttieħdu miżuri antidumping fil-konfront tagħhom għall-prodott taħt rieżami.

(8)

Barra minn hekk, l-applikant allega li ma esportax il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni użat fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri estiżi, jiġifieri mill-1 ta' Settembru 2011 sal-31 ta' Awwissu 2012.

(9)

Minbarra dan, l-applikant allega li ma evitax il-miżuri eżistenti.

(10)

Fl-aħħar nett, l-applikant ipprovda evidenza li huwa kien esporta l-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni f'Awwissu 2016.

5.   PROĊEDURA

5.1.   Il-bidu

(11)

Wara li ġiet eżaminata l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika t-tnedija ta' investigazzjoni skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament antidumping bażiku għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li l-applikant jingħata eżenzjoni mill-miżuri estiżi.

L-industrija tal-Unjoni li kien magħruf li kienet ikkonċernata ġiet infurmata bit-talba għal rieżami u ngħatat l-opportunità li tikkummenta, iżda ma wasal l-ebda kumment.

5.2.   It-tħassir tal-miżuri antidumping eżistenti u r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet

(12)

Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament antidumping bażiku, id-dazju antidumping fis-seħħ għandu jitħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott rieżaminat li huma prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant.

(13)

Fl-istess waqt, tali importazzjonijiet għandhom isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku, sabiex jiġi żgurat li, jekk ir-rieżami juri li teżisti ċirkomvenzjoni fir-rigward tal-applikant, id-dazji antidumping ikunu jistgħu jiġu imposti mid-data tar-reġistrazzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet. L-ammont tar-responsabilitajiet futuri possibbli tal-applikant ma jistax jiġi stmat f'dan l-istadju tal-investigazzjoni.

5.3.   Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

(14)

L-investigazzjoni se tkopri l-perjodu mill-1 ta' April 2016 sal-31 ta' Marzu 2017 (“il-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami”).

5.4.   L-investigazzjoni tal-applikant

(15)

Sabiex tkun tista' tikseb it-tagħrif li hija tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant. L-applikant għandu jippreżenta l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament antidumping bażiku.

5.5.   Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

(16)

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

5.6.   Possibbiltà ta' smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni

(17)

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi tal-bidu tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.   Istruzzjonijiet għal sottomissjonijiet bil-miktub u sabiex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija kif ukoll il-korrispondenza

(18)

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta' partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b'mod espliċitu (a) lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta' dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f'għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

(19)

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jkun intalab trattament kunfidenzjali għalihom jiġu mmarkati “Limited” (7) (“Ristrett”).

(20)

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament antidumping bażiku, li jiġu tikettati “For inspection by interested parties” (“Għal spezzjoni minn partijiet interessati”). Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitlubin, din l-informazzjoni tista' tiġi injorata.

(21)

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skennjati ta' prokuri u ta' ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' tweġibiet voluminużi li jiġu mressqa fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta' ittra reġistrata. Permezz ta' ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F'KAŻIJIET TA' DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta' kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b'mezz ieħor ta' komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email: TRADE-R662-BICYCLES-CIR@ec.europa.eu

6.   NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI

(22)

F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskritti stipulati, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament antidumping bażiku.

(23)

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

(24)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u s-sejbiet għalhekk jissejsu fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament antidumping bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

(25)

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta' kooperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

7.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(26)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' punt ta' kuntatt bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta' żmien u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta' smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi l-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

(27)

It-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta jenħtieġ li ssir bil-miktub u għandhom jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

(28)

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

8.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(29)

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament antidumping bażiku, fi żmien disa' xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

9.   IPPROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI

(30)

Kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Rieżami tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 501/2013, huwa b'dan mibdi skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 sabiex jiġi stabbilit jekk l-importazzjonijiet ta' biċikletti u roti oħrajn tagħhom (inkluż triċikletti għat-tqassim, imma esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati, ikkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le, attwalment koperti mill-kodiċijiet NM ex 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (il-kodiċi TARIC 8712003010 u 8712007091), prodotti minn Look Design System SA (Kodiċi addizzjonali TARIC C206), għandhomx jiġu soġġetti għal miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013.

Artikolu 2

Id-dazju antidumping impost bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 huwa b'dan revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.

Artikolu 3

L-awtoritajiet Doganali għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) 2016/1036.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 tad-29 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 17).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 tat-3 ta' Ottubru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 261, 6.10.2011, p. 2).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 tad-29 ta' Mejju 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/776 tat-18 ta' Mejju 2015 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta' roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le (ĠU L 122, 19.5.2015, p. 4).

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).