3.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 114/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/763

tat-2 ta' Mejju 2017

li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b'mod partikolari, l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri Provviżorji

(1)

Fis-16 ta' Novembru 2016 il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerta karta termali ħafifa (lightweight thermal paper, “LWTP”) li toriġina mir-Repubblika tal-Korea (“il-pajjiż ikkonċernat”) permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2005 (2) (“ir-Regolament provviżorju”).

(2)

L-investigazzjoni nbdiet fit-18 ta' Frar 2016 (3) wara lment li ġie ppreżentat fl-4 ta' Jannar 2016 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karta Termali (European Thermal Paper Association, “ETPA” jew “l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerta LWTP.

(3)

Kif iddikjarat fil-premessa (14) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015 (“il-perjodu ta' investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kien ikopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sal-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

1.2.   Proċedura sussegwenti

(4)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju antidumping provviżorju (id-divulgazzjoni provviżorja), tliet partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet provviżorji. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità.

(5)

Kemm il-Grupp Hansol u l-ETPA talbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali (“l-Uffiċjal tas-Seduta”). Matul is-seduti li saru fit-13 ta' Diċembru 2016 u fit-2 ta' Marzu 2017, il-Grupp Hansol wieġeb dwar il-kwistjonijiet li ġew diskussi matul is-seduta tal-10 ta' Marzu 2016 (jiġifieri t-talba għall-eżenzjoni milli jwieġbu għall-kwestjonarju għal għadd ta' konvertituri relatati) u kkontesta l-metodoloġija li kienet intużat għall-kalkolu tad-dumping u tal-ħsara. Waqt is-seduta tat-22 ta' Marzu 2017, il-Grupp Hansol semma xi kwistjonijiet dwar il-kalkoli tad-dumping u ppropona li tinbidel il-forma tal-miżuri. Fis-seduta tal-24 ta' Jannar 2017, l-ETPA esprimiet tħassib dwar xi kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità u kkontestat id-dikjarazzjonijiet tal-Grupp Hansol dwar l-ambitu tal-prodott u l-livell ta' appoġġ għall-miżuri.

(6)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għall-konklużjonijiet definittivi tagħha. Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet biħsiebha timponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' LWTP li toriġina mir-Repubblika tal-Korea fl-Unjoni (id-divulgazzjoni definittiva). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Wara d-divulgazzjoni definittiva, saru aktar bidliet għal kalkoli ta' dumping u ta' ħsara li għalihom il-partijiet kollha ġew infurmati u ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu l-kummenti tagħhom (id-divulgazzjoni addizzjonali finali). Għaldaqstant, il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar il-bidla tal-forma tal-miżuri.

(7)

Fejn xieraq il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu.

1.3.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

1.3.1.   Il-prodott ikkonċernat

(8)

Kif stabbilit fil-premessa (15) tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat huwa karta termali ħafifa li tiżen 65 g/m2 jew inqas; f'rombli wiesgħa 20 cm jew aktar, piż tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 50 kg jew aktar u dijametru tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 40 cm jew aktar (“rombli jumbo”); b'kisja ta' taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajrha; miksija b'sustanza termosensittiva (jiġifieri taħlita ta' żebgħa u żviluppatur li jirreaġixxu u jifformaw immaġni meta tiġi applikata s-sħana) fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b'kisja ta' fuq jew mingħajrha, li toriġina mir-Repubblika tal-Korea, li attwalment taqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 4809 90 00, ex 4811 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85.

1.3.2.   Dikjarazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott

(9)

Il-Grupp Hansol tenna t-talba tiegħu sabiex LWTP ħielsa mill-fenol tiġi eskluża mill-ambitu tal-prodott abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet naqset milli twettaq valutazzjoni xierqa ta' serje ta' fatturi. Skont il-Grupp Hansol, l-LWTP ħielsa mill-fenol u tipi oħra ta' LWTP għandhom kompożizzjoni kimika, proċessi ta' produzzjoni u perċezzjoni tal-konsumaturi differenti.

(10)

F'termini ta' kompożizzjoni kimika, il-parti ddikjarat li LWTP li fiha fenol u LWTP ħielsa mill-fenol għandhom kompożizzjoni kimika differenti ħafna abbażi tal-fatt li minn perspettiva regolatorja dawn jiġu ttrattati b'mod differenti fis-suq tal-UE, skont l-iżviluppatur li jkun intuża fil-produzzjoni tagħhom. Madankollu għandu jiġi nnotat li l-bisfenol A (“BPA”) biss, jiġifieri wieħed mid-diversi żviluppaturi possibbli li fihom il-fenol, ġie reċentement ipprojbit fl-Unjoni b'effett mill-2020, u li ma hemm l-ebda trattament legali separat għall-iżviluppaturi l-oħrajn kollha li fihom il-fenol. L-allegat trattament regolatorju aktar strett ta' żewġ żviluppaturi li fihom il-bisfenol ma jurix li l-bisfenol u s-sustanzi fenoliċi kollha li jintużaw bħala żviluppaturi huma differenti minn żviluppaturi oħra tal-kulur. Ġie nnotat ukoll li, għalkemm ta' importanza ewlenija, l-iżviluppatur huwa sempliċiment wieħed biss mid-diversi tipi ta' sustanzi kimiċi meħtieġa għall-produzzjoni ta' LWTP. Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-fajl li jappoġġja l-allegazzjoni li l-LWTP li fiha l-BPA kienet diġà ġiet ipprojbita f'xi Stati Membri. Għalhekk, minn perspettiva materjali, ġie konkluż li l-LWTP li fiha l-fenol u l-LWTP ħielsa mill-fenol ma għandhomx kompożizzjoni kimika differenti. Għaldaqstant id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(11)

Fir-rigward tal-proċessi tal-produzzjoni, il-parti sostniet li mhuwiex possibbli li fl-istess linja ta' produzzjoni tiġi prodotta LWTP ħielsa mill-fenol u ħielsa mill-PBA. Madankollu l-investigazzjoni uriet li, teknikament, huwa possibbli li fl-istess linja ta' produzzjoni tiġi prodotta LWTP ħielsa mill-fenol u LWTP li fiha l-fenol, għalkemm f'lottijiet differenti, u li l-produtturi tal-Unjoni jagħmlu dan.

(12)

Fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumaturi, il-parti allegat li l-konsumaturi huma konxji mill-preżenza ta' bisfenol f'LWTP. Barra minn hekk il-grupp Hansol sostna li produttur Amerikan ta' LWTP beda jipproduċi LWTP ħielsa mill-fenol bi tweġiba għal domanda mill-konsumaturi u li katina ta' supermarkets fl-Unjoni esprimiet tħassib dwar it-tip ta' żviluppatur użat fil-LWTP. Madankollu, filwaqt li jista' jkun hemm preferenzi differenti bejn il-konsumaturi, b'mod ġenerali minn perspettiva ta' domanda, it-tipi kollha ta' prodotti huma interkambjabbli (mingħajr ebda tibdil magħmul mill-utenti finali) u jikkompetu bejniethom.

(13)

Il-grupp Hansol allega wkoll li hemm disponibbiltà limitata ta' Pergafast 201 (żviluppatur tal-kulur ħieles mill-fenol) u li fid-dawl tal-prezzijiet tax-xiri ta' żewġ kumpaniji fl-Unjoni relatati mal-Grupp Hansol hemm differenza sinifikanti fil-prezz bejn LWTP ħielsa mill-fenol u dik li fiha l-fenol.

(14)

Minħabba l-eżistenza ta' ħafna tipi ta' żviluppaturi, l-allegata disponibbiltà limitata ta' tip speċifiku wieħed biss, jiġifieri l-Pergafast 201 (li, fi kwalunkwe każ, il-Grupp Hansol ma jidhirx li uża), hija irrelevanti, minħabba li hemm sorsi alternattivi oħra. Pereżempju, fl-2015 il-Kumitati tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, jiġifieri l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (“RAC”) u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”), qiesu li dak iż-żmien kien hemm xi 10 alternattivi realistiċi għal bisfenol A għall-karta termali kif ukoll alternattivi promettenti ġodda (4). Il-fornituri ta' żviluppaturi ta' sustanzi kimiċi huma mistennija li jkunu lesti għall-projbizzjoni fuq il-BPA msemmija fil-premessa (10) u għall-iskadenza tal-privattiva fuq Pergafast 201 sal-2019.

(15)

Fir-rigward tal-allegata differenza fil-prezz, huwa komuni li l-prodott li jkun kopert minn investigazzjoni antidumping jinkludi diversi tipi b'meded differenti ta' prezzijiet. Madankollu fiha nnifisha din id-differenza fil-prezzijiet mhijiex biżżejjed sabiex id-diversi tipi jitqiesu bħala prodotti differenti għall-finijiet tad-definizzjoni ta' prodott soġġett għal investigazzjoni antidumping, sakemm id-diversi tipi jikkondividu l-istess karatteristiċi bażiċi u jikkompetu ma' xulxin, li huwa l-każ hawnhekk. Fi kwalunkwe każ, kwalunkwe element li jaffettwa l-prezzijiet jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tqabbil bejn il-prezzijiet. Il-grupp Hansol tenna li hemm differenza sinifikanti fil-prezz bejn LWTP ħielsa mill-fenol u dik li fiha l-fenol (skont il-prezzijiet tax-xiri tal-konvertituri tagħha fl-Unjoni), li allegatament tkun turi li dawn huma prodotti differenti. F'dan ir-rigward, ir-riżultat ġenerali fil-premessa (113) tar-Regolament provviżorju li l-prezzijiet tal-bejgħ ta' unità ta' LWTP ħielsa mill-fenol waqgħu taħt il-prezzijiet tal-bejgħ ta' unità ta' LWTP li fiha l-fenol ma tistax tiġi kontradetta mill-prezzijiet tax-xiri ta' żewġ kumpaniji fl-Unjoni relatati mal-grupp Hansol, li jirrappreżentaw sehem żgħir tal-konsum tal-Unjoni.

(16)

Għall-ewwel il-grupp Hansol sostna li l-LWTP ħielsa mill-fenol m'għandhiex tkun koperta mill-investigazzjoni għar-raġuni li l-LWTP la hi prodotta u lanqas esportata mir-Repubblika tal-Korea. F'dan ir-rigward, is-siti web tal-Grupp Hansol juru li din il-parti għandha għall-bejgħ kemm karta termali ħielsa mill-bisfenol kif ukoll LWTP mingħajr BPA.

(17)

Il-Grupp Hansol iddikjara wkoll li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ddefinixxiet l-ambitu tal-prodott wiesa' żżejjed, minħabba li dan ixekkel l-iżviluppi teknoloġiċi futuri. B'mod partikolari, il-parti allegat li l-katalgi tal-ilmentaturi ma jurux LWTP li tiżen inqas minn 44 g/m2, u tenniet id-dikjarazzjoni tagħha msemmija fil-premessa (20) tar-Regolament provviżorju li dan it-tip ta' LWTP għandu jiġi eskluż.

(18)

Din id-dikjarazzjoni ma ġiet sostnuta bl-ebda evidenza. L-ewwel nett, ma hemm xejn fil-fajl li juri li LWTP ta' inqas minn 44 g/m2 għandha karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi, użu, perċezzjoni tal-konsumaturi, kanali ta' distribuzzjoni, proċess ta' manifattura, spejjeż ta' produzzjoni u kwalità differenti minn dawk ta' LWTP oħra jew li mhijiex interkambjabbli. It-tieni nett, ma hemm l-ebda ostakolu tekniku li jwaqqaf lill-produtturi milli jipproduċu LWTP ta' inqas minn 44 g/m2. Fil-fatt, produttur wieħed tal-Unjoni attwalment ibigħ LWTP li tiżen 42 g/m2. It-tielet, ma hemmx linja diviżorja ċara fir-rigward il-piż. Produtturi ta' karta termali jaħdmu b'tolleranza f'dak li jirrigwarda l-piż. Pereżempju huwa possibbli li karta kummerċjalizzata bħala 45 g/m2 fil-fatt tiżen ftit inqas jew li karta kummerċjalizzata bħala 44 g/m2 tabilħaqq tiżen aktar milli mħabbar. Għaldaqstant, it-talba ġiet miċħuda.

1.3.3.   Konklużjoni

(19)

Skont dan, il-konklużjonijiet dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili li ntlaħqu fil-premessi minn (16) sa (24) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

2.   DUMPING

2.1.   Il-valur normali

(20)

Kif ġie spjegat fil-premessa (12) tar-Regolament provviżorju, il-Grupp Hansol huwa magħmul mill-produtturi esportaturi Koreani Hansol Paper u Artone. Fil-każ ta' Artone, kien hemm żewġ tipi ta' prodott bl-ebda bejgħ domestiku jew bejgħ mhux rappreżentattiv. Għal dawn iż-żewġ tipi ta' prodotti, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien ġie kkalkolat abbażi tal-kost tal-produzzjoni ta' Artone (ara l-premessi (34) sa (36) tar-Regolament provviżorju). Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Hansol sostna li, fid-determinazzjoni tal-valur normali għal dawn iż-żewġ tipi ta' prodotti, il-Kummissjoni kien imissha użat il-prezzijiet tal-produttur l-ieħor, Hansol Paper, minflok ma ħadmet il-valur normali abbażi tal-kost tal-produzzjoni ta' Artone. Din id-dikjarazzjoni kienet imtennija wara d-divulgazzjoni definittiva.

(21)

Id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda, minħabba li l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-istruttura tal-kost u l-prezzijiet tal-bejgħ ta' Artone kienu ferm differenti minn dawk ta' Hansol Paper. Barra minn hekk, għal wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta' prodotti mibjugħa minn Hansol Paper, instab li l-kwantitajiet ta' bejgħ domestiku ma kinux rappreżentattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li f'dawn iċ-ċirkostanzi kien aktar xieraq li l-valur normali għal dawn it-tipi ta' prodotti jiġi kkalkolat abbażi tal-kost tal-produzzjoni ta' Artone flimkien ma' ammont raġonevoli għall-bejgħ, għall-kostijiet ġenerali u amministrattivi (“BĠA”) u l-profitt, skont l-ewwel għażla taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

2.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(22)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Hansol ikkontesta l-inklużjoni ta' rombli żgħar sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta' dumping għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, il-volum ta' bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet mhux relatati kien ser ikun wieħed sinifikanti u għalhekk kalkolu abbażi ta' dak il-bejgħ ikun rappreżentattiv. It-tieni nett, ir-rombli żgħar mhumiex il-prodott ikkonċernat.

(23)

Kif spjegat fil-premessi (25) u (37) tar-Regolament provviżorju, il-maġġoranza vasta (bejn 75 % u 85 %) tal-bejgħ tal-Unjoni minn Hansol Paper u Artone kien bejgħ lil partijiet relatati destinat għall-konverżjoni f'rombli żgħar. Fid-dawl tal-kwantità sinifikanti tar-rombli jumbo li ġew konvertiti f'rombli żgħar u li wara dan biss reġgħu nbiegħu lil klijenti mhux relatati, il-Kummissjoni sostniet li dawn ir-rombli żgħar ma setgħux jiġu injorati fil-kalkoli. Għalhekk kien xieraq li fir-rigward tal-bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet relatati għall-konverżjoni f'rombli żgħar, il-prezz tal-esportazzjoni jiġi stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat u kkonvertit kien reġa' nbiegħ għall-ewwel darba lil konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(24)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-Grupp Hansol tenna l-oġġezzjoni tiegħu għall-inklużjoni ta' rombli żgħar fil-kalkolu tad-dumping. Madankollu, ma tressqu l-ebda elementi ġodda.

(25)

Barra minn hekk, il-Grupp Hansol ikkritika l-fatt li, fir-rigward tal-bejgħ permezz ta' partijiet relatati, il-marġni tad-dumping kien ibbażat fuq data minn konvertitur relatat uniku u mhux fuq data mill-erba' konvertituri relatati kollha.

(26)

F'dan ir-rigward, għandu jitqies dan li ġej. Fid-19 ta' Frar 2016, il-Grupp Hansol talab lill-Kummissjoni biex teżenta kompletament tlieta minn erba' konvertituri relatati milli jwieġbu l-kwestjonarju. Fit-23 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni aċċettat din it-talba, madankollu tirriżerva d-dritt li tagħmel aktar stħarriġ/talbiet għal informazzjoni kif u meta jkun meħtieġ fir-rigward ta' dawn it-tliet konvertituri oħrajn relatati. Fis-7 ta' Marzu 2016, wara li analizzat ulterjorment l-informazzjoni ppreżentata mill-Grupp Hansol waqt laqgħa fit-22 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni talbet lil dawn it-tliet konvertituri relatati biex iwieġbu għal verżjoni adattata tal-kwestjonarju li, fost l-oħrajn, kien jinkludi t-talba għal data dwar kostijiet tal-konverżjoni u bejgħ mill-ġdid ta' rombli żgħar. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Grupp Hansol talab smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta li sar fl-10 ta' Marzu 2016. Huwa mmotiva t-talba ta' smigħ tiegħu billi reġa' talab li t-tliet konvertituri jiġu eżentati milli jwieġbu l-kwestjonarju u għaliex ma setax jifhem “għal liema raġuni l-Kummissjoni talbet id-data tal-kostijiet u tal-bejgħ għal prodott mhux ikkonċernat u kif din id-data tista' tintuża b'mod xieraq fl-investigazzjoni preżenti.” Din il-pożizzjoni reġgħet ġiet imtennija matul is-seduta.

(27)

L-uffiċjal tas-Seduta ssuġġerixxa li jintlaħaq kompromess bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-partijiet interessati dwar il-kwistjoni ta' kif għandu jiġi vverifikat jekk il-volum ta' data, it-traċċabilità u tal-prezz tal-esportazzjoni bbażat fuq il-bejgħ ta' rombli żgħar kinux rilevanti għall-investigazzjoni u ssuġġerixxa li ssir żjara ta' verifika minn qabel lir-raba' importatur relatat, li għalih l-ebda eżenzjoni ma kienet mitluba, biex tiġi vverifikata l-korrettezza tal-ispjegazzjonijiet tal-parti. Abbażi tar-riżultati pożittivi, l-Uffiċjal tas-Seduta ssuġġerixxa li tiġi llimitata l-investigazzjoni għal dik il-parti f'dak li jirrigwarda l-kostruzzjoni tal-prezz ta' esportazzjoni għall-bejgħ ta' rombli żgħar mill-Grupp Hansol. B'segwitu għal dawn is-suġġerimenti, il-Kummissjoni kkunsidrat kemm jista' jkun possibbli li jitnaqqas il-piż għall-kumpaniji konvertituri relatati u kif tista' tiġi stabbilita t-traċċabilità bejn il-bejgħ ta' rombli żgħar u l-importazzjonijiet ta' rombli jumbo.

(28)

Wara dik l-ewwel seduta f'Marzu 2016 u ż-żjara sussegwenti fuq il-post, il-Kummissjoni stabbilixxiet dan li ġej. L-ewwel nett, fost l-erba' konvertituri relatati, konvertitur relatat kien xtara, bil-bosta, l-aktar sehem baxx ta' rombli jumbo biex jinbidlu minn produtturi oħra mhux relatati u li ma kinux Koreani ta' rombli jumbo (jiġifieri inqas minn 25 % tax-xiri tiegħu ta' rombli jumbo). It-tieni, dak l-istess konvertitur relatat xtara l-akbar volumi ta' rombli jumbo biex jinbidlu f'rombli żgħar mill-Grupp Hansol. It-tielet nett, l-istess konvertitur relatat kien jirrappreżenta parti kbira mill-bejgħ ta' rombli jumbo tal-Grupp Hansol lil konvertituri relatati fl-Unjoni u kien jirrappreżenta wkoll l-akbar volum ta' bejgħ mill-ġdid ta' rombli jumbo lil klijenti indipendenti. Fl-aħħar nett, il-volum ta' bejgħ ta' rombli żgħar lil klijenti mhux relatati kien ukoll ferm ogħla minn dawk il-volumi mill-erba' konvertituri kollha relatati, minbarra wieħed. Madankollu, dan tal-aħħar ġie akkwistat biss matul it-tieni nofs tal-perjodu ta' investigazzjoni u għalhekk kien inqas rappreżentattiv.

(29)

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża r-riżultati tagħha fir-rigward tal-bejgħ tal-Grupp Hansol li sar permezz ta' konvertituri relatati fuq id-data minn dak il-konvertitur relatat li kien meqjus bħala l-aktar wieħed rappreżentattiv. Dawn ir-riżultati ġew ikkunsidrati bħala rappreżentattivi fir-rigward tal-bejgħ tal-kumpanija permezz ta' konvertituri relatati meta wieħed jikkunsidra l-volumi baxxi rreġistrati mill-konvertitur relatat għax-xiri ta' rombli jumbo b'oriġini mhux Koreana għal konverżjoni kif ukoll il-volumi kbar tal-bejgħ tal-Grupp Hansol lil partijiet mhux relatati li l-konvertitur relatat kien ipparteċipa fihom.

(30)

Barra minn hekk, kif indikat fil-premessa (25) tar-Regolament provviżorju, iż-żewġ mezzi ta' bejgħ (jiġifieri l-bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet mhux relatati u l-bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet relatati destinati għall-konverżjoni f'rombli żgħar) ingħataw l-importanza xierqa. Għalhekk, kif spjegat fil-premessa (45) tar-Regolament provviżorju, il-konstatazzjoni fir-rigward tal-bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet relatati għall-konverżjoni fi u l-bejgħ sussegwenti mill-ġdid bħala rombli żgħar lil partijiet mhux relatati ġiet estrapolata biex tirrifletti l-flussi attwali ta' bejgħ tal-Grupp Hansol matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Il-Kummissjoni kkonfermat li dan l-approċċ kien xieraq għar-raġunijiet li ġejjin. Ġie mfakkar li, matul il-perjodu ta' investigazzjoni, 75 % — 85 % tal-bejgħ tal-Grupp Hansol lill-Unjoni kien sar permezz ta' konvertituri relatati għall-konverżjoni f'rombli żgħar. L-investigazzjoni stabbilixxiet li dan il-bejgħ, ikkalkolat lura għal-livell tar-romblu jumbo, kien sar bi prezzijiet differenti meta mqabbel mal-bejgħ ta' rombli jumbo lil klijenti mhux relatati. Għalhekk, sabiex jiġi rifless b'mod xieraq id-dumping li sar, jekk affattu, iż-żewġ mezzi kienu ngħataw l-importanza xierqa, b'kont debitament meħud tal-volumi ta' bejgħ u l-valuri ta' kull mezz ta' bejgħ.

(31)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-Grupp Hansol sostna wkoll li l-Kummissjoni kienet tabilħaqq ħadet kampjun tal-konvertitur relatat. Skont kif allega l-Grupp Hansol, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, minħabba li matul l-investigazzjoni u b'mod partikolari qabel id-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji ma nfurmatx il-parti rigward il-fatt li l-konklużjoni tal-bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet relatati għall-konverżjoni ta' rombli żgħar u l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti ta' dawn tal-aħħar lil partijiet mhux relatati jista' jiġi estrapolat biex jirrifletti l-flussi attwali tal-bejgħ tal-Grupp Hansol. Din l-allegazzjoni kienet imtennija wara d-divulgazzjoni addizzjonali finali. Il-Grupp Hansol iddikjara wkoll li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jiġu estrapolati l-konklużjonijiet rigward il-konvertitur relatat ma kellha l-ebda bażi legali.

(32)

Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni mill-bidu nett li ma għamlitx użu tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Peress li l-Grupp Hansol kien oġġezzjona li jwieġeb kwestjonarju għall-erba' konvertituri relatati u sabiex jintlaħaq is-suġġeriment tal-Uffiċjal tas-Seduta li jiġi limitat il-piż lill-parti kkonċernata u jsiru konklużjonijiet affidabbli fir-rigward tal-bejgħ ta' rombli żgħar u l-bejgħ mill-ġdid ta' rombli jumbo, il-Kummissjoni ffukat fuq il-konvertitur relatat inkwistjoni minħabba li abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Grupp Hansol u li ġiet ivverifikata matul iż-żjara sussegwenti fuq il-post, tali konvertitur kien fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdi l-aktar ċifri eżatti fir-rigward tal-parti l-kbira tal-bejgħ tal-Grupp Hansol fl-Unjoni (jiġifieri l-bejgħ lil konvertituri relatati għal bejgħ mill-ġdid sussegwenti ta' rombli żgħar lil klijenti mhux relatati). Fir-rigward tat-tliet konvertituri relatati l-oħrajn, il-Kummissjoni sabet li l-bejgħ tagħhom fl-Unjoni kien ħafna inqas preċiż u rappreżentattiv minħabba għadd ta' fatturi deskritti fil-premessa hawn fuq(28). Tabilħaqq, il-livelli ħafna ogħla ta' rombli jumbo ta' oriġini mhux Koreana u l-fatt li wieħed mit-tliet konvertituri relatati l-oħrajn ġie akkwistat biss f'nofs il-perjodu ta' investigazzjoni kien iwassal għal riżultat anqas affidabbli fir-rigward ta' dan l-bejgħ Korean, kieku dan ġie inkluż fl-analiżi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mill-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u d-dikjarazzjoni tal-Grupp Hansol li l-Kummissjoni kienet applikat it-teħid ta' kampjuni fir-rigward tal-konvertituri relatati mhijiex korretta. Għall-kuntrarju, f'konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ppruvat tistabbilixxi, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, kif deskritt fil-premessi (28) u (29)hawn fuq, il-prezz tal-esportazzjoni l-aktar affidabbli fil-każ tal-bejgħ lil partijiet relatati ta' rombli jumbo maħsuba għall-konverżjoni f'rombli żgħar. Skont l-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni żgurat li l-informazzjoni mogħtija mill-parti interessata hija preċiża.

(33)

Barra minn hekk, fl-istadji bikrija tal-investigazzjoni, il-Grupp Hansol kellu jkun konxju tar-rilevanza tal-bejgħ li sar permezz tal-konvertituri relatati. L-ewwel nett, meta l-ilmentatur ppreżenta l-marġni ta' dumping, diġà ġibed l-attenzjoni fl-ilment għall-fatt li l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-Unjoni tal-Grupp Hansol saret permezz ta' konvertituri relatati u li d-dumping fir-rigward ta' dan il-bejgħ kien ħafna ogħla mid-dumping rigward il-bejgħ dirett ta' tali grupp. L-ilmentatur ikkalkula żewġ marġnijiet (wieħed għal bejgħ dirett u wieħed għal bejgħ permezz ta' kumpaniji relatati) li għalihom huwa ddetermina wkoll medja sempliċi, peress li ma kienx f'pożizzjoni li jkun jaf bl-eżatt kemm il-bejgħ dirett tal-Grupp Hansol kien sinifikanti għall-partijiet mhux relatati (madankollu l-perċentwal imsemmi fl-ilment li jikkorrispondi għall-proporzjon ta' dan il-bejgħ fir-rigward tal-bejgħ totali tal-Grupp Hansol fl-Unjoni kien ferm qrib ir-realtà). It-tieni, diġà matul l-ewwel seduta, il-Kummissjoni għamlitha ċara lill-Grupp Hansol li hija ma setgħetx tinjora li l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-Grupp Hansol sar permezz ta' konvertituri relatati u li dan għandu jiġu kkunsidrat fil-kalkolu tad-dumping. Għal din ir-raġuni, fil-kwestjonarji għal konvertituri relatati, il-Kummissjoni kienet inkludiet talba għal informazzjoni dettaljata rigward il-bejgħ mill-ġdid ta' rombli żgħar u dwar il-kostijiet għall-konverżjoni ta' romblu jumbo f'romblu żgħir. It-tielet, id-diskussjonijiet sussegwenti u l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni, permezz tal-ittra elettronika tal-21 ta' Marzu 2016, tat-talba tal-Grupp Hansol biex jitneħħa r-rekwiżit għat-tliet konvertituri relatati l-oħrajn li jkunu obbligati jwieġbu għall-kwestjonarju wassal sabiex il-Kummissjoni kellha tillimita l-analiżi tagħha fir-rigward ta' dan il-bejgħ lill-konvertituri relatati inkwistjoni.

(34)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkomunikat ir-raġunijiet kollha u ċ-ċifri li l-estrapolazzjoni, li saret fir-rigward ta' dan il-bejgħ, kienet ibbażata fuqhom, kemm fil-fażi tal-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji kif ukoll fl-istadju tad-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet definittivi. Id-drittijiet tal-partijiet interessati ġew rispettati kompletament. Id-dikjarazzjonijiet tal-Grupp Hansol qegħdin għaldaqstant jiġu miċħuda.

(35)

Il-Grupp Hansol sostna wkoll li l-prezzijiet mitluba mill-konvertituri relatati tiegħu kienu skont il-prinċipju ta' distakkament. Għaldaqstant, il-Grupp argumenta li fir-rigward tal-bejgħ tiegħu permezz ta' konvertituri relatati, ma kienx hemm bżonn li l-prezzijiet tal-esportazzjoni jinħadmu bl-użu tal-prezzijiet tal-bejgħ tar-rombli żgħar lil konsumaturi mhux relatati.

(36)

Il-Kummissjoni ċaħdet din id-dikjarazzjoni minħabba li d-data fil-fajl ma kinitx tappoġġja dan. L-ewwel nett, it-tip ta' prodott l-aktar mibjugħ (li jirrappreżenta aktar minn 30 % tal-bejgħ totali tal-Grupp Hansol fl-Unjoni) kien inbiegħ lil partijiet relatati bi prezz tal-bejgħ li kien bejn 8 % — 15 % ogħla mill-prezz tal-bejgħ medju lil konsumaturi mhux relatati. It-tieni nett, jekk it-tipi kollha ta' prodotti jitqiesu flimkien, il-kumpaniji relatati ħallsu prezz li kien bejn 3 % u 6 % ogħla mill-prezz mitlub lil klijenti mhux relatati. Għalhekk, id-dikjarazzjoni li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-Grupp Hansol lil konvertituri relatati kienu skont il-prinċipju ta' distakkament ma kinitx ikkonfermata mid-data fil-fajl. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet ukoll li ż-żewġ partijiet relatati verifikati fl-Unjoni kienu t-tnejn qegħdin jagħmlu telf kbir fir-rigward tal-prodott ikkonċernat. Dan jikkorrobora s-sejba ta' hawn fuq li l-prezz tax-xiri mħallas mill-kumpaniji relatati tal-Grupp Hansol fl-Unjoni mhuwiex prezz tas-suq għar-rombli jumbo, meta wieħed iqis il-kostijiet li jkollhom iġarrbu jew bħala kostijiet ta' konverżjoni u/jew kostijiet BĠ&A, skont il-kumpanija relatata. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni qieset li għalhekk kellha d-dritt li taħdem il-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-bejgħ tiegħu permezz ta' partijiet relatati.

(37)

Il-Grupp Hansol sostna wkoll li ċerti kunsiderazzjonijiet fit-terminazzjoni tal-proċedimenti antidumping u antisussidji fir-rigward tas-Salamun  (5) u l-proċediment antidumping fuq Ċertu pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli  (6), jindikaw li teżisti prassi tal-Kummissjoni li f'ċirkostanzi bħal dawn inkwistjoni tuża l-prezzijiet imħallsa minn partijiet relatati. Dwar il-proċediment inkwistjoni, il-Kummissjoni tenniet li, kif spjegat fil-premessa (36) hawn fuq, instab li l-bejgħ relatat ma kienx sar bi prezzijiet ta' distakkament iżda bi prezzijiet distorti ta' trasferiment u, għaldaqstant, instabu li ma kinux affidabbli għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. Dawn iċ-ċirkostanzi huma differenti mill-proċedimenti msemmija mill-Grupp Hansol, peress li f'dawk il-każijiet instab li l-bejgħ lill-partijiet relatati kien sar bi prezzijiet li kienu kompletament konformi mal-prezzijiet mitluba lil klijenti indipendenti. Barra minn hekk, f'dawk il-proċedimenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll li l-partijiet relatati kienu qed joperaw bi profitti raġonevoli, li ma kienx il-każ fil-proċediment inkwistjoni (ara l-premessa (36)). Għalhekk, dan il-kumment ma ġiex aċċettat.

(38)

Il-Grupp Hansol sostna wkoll li meta użat il-bejgħ ta' rombli żgħar, il-Kummissjoni kienet inkludiet ukoll ċertu bejgħ ta' rombli żgħar li ma kinux ġew prodotti (jiġifieri konvertiti) mill-konvertitur relatat inkwistjoni, iżda kienu nxtraw minn sorsi relatati u mhux relatati.

(39)

Il-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni dwar il-prezzijiet tax-xiri jew l-identitajiet tal-fornituri għax-xiri ta' rombli żgħar minn dan il-konvertitur relatat. Madankollu jista' jiġi vverifikat li dan il-bejgħ ta' rombli żgħar mixtrija kien jirrappreżenta 10 % — 15 % (f'piż) tal-bejgħ totali ta' rombli żgħar lil klijenti mhux relatati. Meta wieħed iqis li 85 % — 90 % tar-rombli żgħar mibjugħa ġew konvertiti mill-konvertitur inkwistjoni mir-rombli jumbo, il-Kummissjoni qieset li l-approċċ tagħha kien raġonevoli. Barra minn hekk, il-kalkolu tad-dumping kien ibbażat fuq il-prezzijiet tal-bejgħ ta' rombli żgħar. Fl-istess ħin, il-Grupp Hansol ma pprovda l-ebda evidenza li turi li l-prezz tal-bejgħ tar-rombli żgħar kien ikun differenti fil-każ ta' rombli żgħar li jkunu pproduċew huma stess meta mqabbla ma' dawk mixtrija. Għalhekk, ma hemm l-ebda evidenza li turi li s-sehem minuri ta' rombli żgħar mixtrija kellu impatt sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta' dumping. Għalhekk il-Kummissjoni ċaħdet din id-dikjarazzjoni.

(40)

Wara divulgazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji u definittivi, il-Grupp Hansol ikkritika l-inklużjoni ta' rombli jumbo mixtrija mill-Unjoni sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta' dumping għal rombli żgħar. Kif spjegat fil-premessa (43) tar-Regolament provviżorju, minħabba n-nuqqas ta' traċċabilità bejn il-bejgħ ta' rombli żgħar u r-rombli jumbo korrispondenti, rombli żgħar prodotti minn rombli jumbo li ma joriġinawx mill-Grupp Hansol ma setgħux jiġu esklużi sabiex jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni ta' rombli jumbo konvertiti fi u mibjugħa bħala rombli żgħar. Din il-kwistjoni tqum biss peress li l-Grupp Hansol ma għandux sistema ta' traċċabilità fis-seħħ, bħal ma għandhom konvertituri oħra fl-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, kif issemma' wkoll fil-premessa (28)-(29) hawn fuq, fil-kalkolu ta' dan il-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni llimitat il-volum potenzjali tal-preżenza ta' rombli jumbo li ma kinux inxtraw minn Hansol billi llimitat il-kalkolu tagħha ta' dan il-bejgħ għall-konvertitur relatat inkwistjoni. Dan tal-aħħar kien predominantement qiegħed jipproduċi u jerġa' jbigħ rombli żgħar minn rombli jumbo li kienu ġew prodotti minn u akkwistati mill-Grupp Hansol matul il-perjodu ta' investigazzjoni. L-inklużjoni ta' dawn ir-rombli seta' jkollha impatt żgħir fuq il-kalkolu tad-dumping biss, jekk affattu, minħabba l-proporzjon relattivament żgħir tar-rombli jumbo li ma kinux inxtraw mill-Grupp Hansol. Fi kwalunkwe każ, il-kalkolu tad-dumping kien ibbażat fuq il-prezz tal-bejgħ ta' rombli żgħar, li probabbilment kien ser ikun identiku, irrispettivament mill-oriġini tar-romblu jumbo. Għalhekk id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(41)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-Grupp Hansol sostna li, għal ċerti tranżazzjonijiet, l-ispejjeż tat-trasport kien tnaqqsu darbtejn fil-kalkolu tal-prezz ta' esportazzjoni mibni u li dan it-tnaqqis doppju kien ġie applikat ukoll għall-prezz maħdum CIF li ntuża bħala denominatur. Id-dikjarazzjoni ġiet debitament verifikata u ġie stabbilit li tabilħaqq għall-bejgħ ta' rombli żgħar tal-konvertitur relatat, li kienu nxtraw mingħand il-Grupp Hansol permezz tal-kummerċjant relatat, ċerti aġġustamenti kienu tnaqqsu darbtejn. Għaldaqstant, dan l-iżball ġie kkoreġut fir-rigward ta' kemm il-prezz tal-esportazzjoni kif ukoll il-prezz CIF tal-kostruzzjoni.

(42)

Anki f'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni maħdum, il-Grupp Hansol sostna li f'dak li għandu x'jaqsam mat-tnaqqis ta' aġġustamenti li saru għall-prezz tal-bejgħ ta' rombli żgħar lil konsumaturi mhux relatati, ma ġietx ikkunsidrata biżżejjed il-preżenza ta' ċerti volumi ta' materjal bażiku mhux Korean, li rriżulta f'aġġustamenti globalment eċċessivi. Wara li din id-dikjarazzjoni ġiet ivverifikata, ġie stabbilit li fil-fatt ma kienx iġġustifikat li jiġu applikati l-aġġustamenti fil-kalkolu tal-prezz għall-esportazzjoni peżat mill-fabbrika Korean għall-rombli żgħar magħmula minn rombli jumbo li joriġinaw mill-Ewropa. Dan l-iżball ġie kkorreġut billi tnaqqsu l-aġġustamenti, sa livell CIF biss, għal volum rappreżentattiv ta' bejgħ ta' rombli żgħar. Tabilħaqq, abbażi tal-informazzjoni fuq il-fajl, jista' jiġi stabbilit li l-produttur Ewropew kien biegħ ir-rombli jumbo lill-konvertitur relatat tal-Grupp Hansol skont it-termini tal-konsenja tas-CIP. Għal dan il-bejgħ, il-valur CIF ikkalkolat kien ikkunsidrat li jkun komparabbli għall-valur tal-fabbrika tas-sehem tal-bejgħ b'oriġini Koreana.

(43)

Wara d-divulgazzjoni addizzjonali finali, il-Grupp Hansol ikkontesta l-fatt li l-aġġustamenti riveduti tal-unitajiet kienu ġew ikkalkolati bħala medja ponderata għat-tipi kollha tal-prodott, u ppropona li dawn ikunu bbażati, għal tip ta' prodott wieħed, fuq l-aġġustamenti speċifiċi mġarrba fuq il-bejgħ bejn il-kumpaniji ta' dak it-tip ta' prodott biss. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-volum tax-xiri ta' dak it-tip ta' prodott partikolari mill-konvertitur relatat, li jista' jintuża għal dan il-kalkolu, ma kienx rappreżentattiv biżżejjed biex jifforma bażi affidabbli, matul il-perjodu tal-investigazzjoni, biex jiġu stabbiliti l-aġġustamenti għall-kalkolu ta' prezz ta' esportazzjoni peżat mill-fabbrika Korean ta' dan it-tip ta' prodott. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-volumi ta' dan it-tip ta' prodott inkiseb permezz ta' katina ta' akkwist relatata oħra li ma kinitx użata għal dan il-kalkolu. Barra minn hekk, il-Grupp Hansol ma setax juri li l-metodu tal-Kummissjoni biex tikkalkula u tapplika medja ma kienx preċiż. Għalhekk id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(44)

Fir-rigward tal-BĠ&A ikkalkolati u applikati għall-bejgħ permezz ta' negozjant relatat wieħed fl-Unjoni, wara divulgazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji u għal darb'oħra wara d-divulgazzjoni ta' dawk definittivi, il-Grupp Hansol ikkontesta li l-ammont miżjud mill-Kummissjoni bħala spiża fit-tabella tal-profitt u t-telf tan-negozjant relatat rigward l-ispejjeż ta' ġestjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li n-negozjant relatat inkwistjoni kien irċieva, mingħand Hansol Korea u konvertituri relatati oħrajn, kontribuzzjoni finanzjarja marbuta ma' spejjeż amministrattivi. li kienet kienu inkluża fit-tabella tal-profitt u t-telf tan-negozjant relatat bħala dħul, bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq, li tikkunsidra wkoll 100 % tal-ispejjeż relatati, jiġifieri l-ispejjeż tas-salarji għall-maniġers inkwistjoni. Dawn l-ispejjeż li kienu ġew identifikati waqt il-verifika fuq il-post fil-Korea, ġew ikkonvertiti fil-munita Euro billi ntużat ir-rata tal-kambju medja tal-perjodu tal-investigazzjoni, indikata mill-Kummissjoni u ġew ittrasferiti fit-tabella tal-profitti u t-telf tan-negozjant relatat bħala spiża. B'dan il-mod, it-trattament tat-tariffi tal-ġestjoni (dħul) ġie ibbilanċjat mat-trattament tal-ġestjoni għas-salarji (spejjeż).

(45)

Il-Grupp Hansol sostna li l-fatturat iġġenerat min-negozjant relatat kien jirrigwarda biss parti mill-perjodu ta' investigazzjoni u li l-ebda wieħed mill-maniġers ma kien involut fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, iċ-ċifra tal-BĠ&A użata kienet ġiet iddikjarata b'mod eċċessiv. L-approċċ tal-Kummissjoni kien li tistabbilixxi r-rata tal-BĠ&A (inklużi l-ispejjeż inkwistjoni) tan-negozjant relatat b'rabta mal-fatturat totali tat-tali negozjant. Dan il-fatturat jirreferi fit-totalità tiegħu għall-prodott ikkonċernat. Anki jekk l-ispejjeż BĠ&A eventwalment ikkunsidrati setgħu ġew imġarrba parzjalment qabel ma ġie ġġenerat il-fatturat, ir-rabta tagħhom mal-fatturat tibqa', minħabba li l-ispejjeż ġew imġarrba biex jinkiseb dan il-fatturat. B'hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-approċċ adottat kien wieħed preċiż. Għalhekk id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(46)

Wara d-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji u wara d-divulgazzjoni ta' dawk definittivi, il-Grupp Hansol sostna li l-Kummissjoni kellha tikklassifika mill-ġdid il-bejgħ ta' tip wieħed ta' prodott permezz tal-konvertitur relatat, minħabba li l-konsumatur finali kien ġie fatturat għal tip ta' prodott differenti minn dak li huwa effettivament irċieva. Fir-rigward ta' din il-kwistjoni, matul il-verifika fuq il-post, il-Kummissjoni sabet li l-konvertitur relatat xtara mill-Grupp Hansol xi kwantità ta' rombli jumbo li fihom l-iżviluppatur Bisphenol-S, iżda dan il-prodott kien inbiegħ sussegwentement lil klijent mhux relatat bil-kontenut tal-iżviluppatur Bisphenol-A. Din id-dikjarazzjoni ġiet ivverifikata kif xieraq u jiġi nnutat dan li ġej. L-ewwel nett, iż-żewġ prodotti huma b'mod ċar tipi differenti ta' prodott li għandhom kost ta' produzzjoni differenti u jinbiegħu fis-suq domestiku Korean bi prezzijiet differenti. It-tieni, il-fatt li konvertitur relatat, fil-fatturazzjoni tiegħu, biegħ il-prodott bħala tip ta' prodott differenti fis-suq tal-Unjoni mhuwiex raġuni valida biex ma jiġux rispettati l-ispeċifikazzjonijiet attwali tal-prodott għall-finijiet ta' tqabbil tal-prezzijiet. Il-parti ma pprovdiet ebda evidenza li turi li d-deskrizzjoni qarrieqa tal-prodott fl-istadju tal-bejgħ mill-ġdid affettwat ukoll il-prezz tal-bejgħ tiegħu. Għaldaqstant, din it-talba ġiet miċħuda.

2.3.   Paragun

(47)

Meta ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(48)

Wara l-kummenti tal-Grupp Hansol wara d-divulgazzjoni provviżorja, ġiet aċċettata dikjarazzjoni li tittratta l-metodu ta' kalkolu u l-applikazzjoni tal-kostijiet ta' konverżjoni. Din il-korrezzjoni wasslet ukoll għall-identifikazzjoni ta' żball metodoloġiku simili fir-rigward tat-tnaqqis ta' ċerti konċessjonijiet għall-kost tat-trasport, li b'hekk ġie rranġat. Barra minn hekk, wara l-kumment tal-Grupp Hansol ġie kkoreġut żball f'kalkolu klerikali. Fl-aħħar nett, il-Grupp Hansol sostna wkoll li kellhom jingħataw għadd ta' konċessjonijiet (relatati mal-kostijiet ta' kreditu u ta' rifużjoni ta' dazju) u l-metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija fil-pajjiż ikkonċernat għandha tiġi riveduta billi jiġi applikat il-metodu ta' allokazzjoni pprovdut mill-Grupp Hansol. Il-Kummissjoni aċċettat ukoll dawn id-dikjarazzjonijiet u aġġustat il-kalkoli tal-valur normali u/jew tal-prezz tal-esportazzjoni kif xieraq.

2.4.   Il-marġni tad-dumping

2.4.1.   Ponderazzjoni tal-marġni tad-dumping

(49)

Kif spjegat fil-premessa (46) tar-Regolament provviżorju, il-marġni provviżorju tad-dumping stabbilit għall-Grupp Hansol kien medja ponderata tal-marġni tad-dumping stabbiliti għall-bejgħ ta' rombli jumbo (marġni ta' 0,5 % — 5 % b'ponderazzjoni ta' 15 % — 25 %) u għall-bejgħ ta' rombli żgħar (marġni ta' 10 % — 15 % b'ponderazzjoni ta' 75 % — 85 %). Din il-ponderazzjoni kienet ibbażata fuq il-volum ta' bejgħ lill-Unjoni tal-Grupp Hansol lil klijenti relatati u mhux relatati matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(50)

Wara d-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji u dwak definittivi, il-Grupp Hansol sostna li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda bażi ġuridika biex tapplika tali ponderazzjoni u li l-ponderazzjoni kienet ibbażata fuq suppożizzjonijiet mhux sostanzjati. Din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda, minħabba li l-ponderazzjoni kienet ibbażata fuq il-volumi importati tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni kif irrapportat mill-Grupp Hansol. Il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li wieħed jaġġusta l-ponderazzjoni tal-marġni ta' dumping stabbilit għal bejgħ lil partijiet relatati (għal bejgħ mill-ġdid sussegwenti bħala rombli żgħar lil klijenti mhux relatati) għall-ponderazzjoni attwali tagħha kif kienet fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(51)

Il-Grupp Hansol kkontesta wkoll il-fatt li l-Kummissjoni kkalkolat il-prezz CIF użat bħala d-denominatur għal dak il-bejgħ li l-ewwel ġie kkonvertit f'rombli żgħar minn partijiet relatati fl-Unjoni, qabel ma ġie mibjugħ lil utenti mhux relatati. Huwa ppropona li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-medja tal-prezz CIF tat-trasferiment iddikjarat ta' rombli jumbo jew valur medju CIF ikkalkolat għal kull tunnellata abbażi tal-bejgħ dirett tal-Grupp Hansol lil konsumaturi mhux relatati għal dan il-bejgħ. Alternattivament, jekk il-Kummissjoni ma tużax wieħed mill-metodi ta' hawn fuq, il-Grupp Hansol stieden lill-Kummissjoni biex tapplika dazju antidumping f'forma ta' ammont speċifiku kull tunnellata minflok dazju ad valorem. Il-parti argumentat li d-dazju espress fil-forma ta' ammont speċifiku għal kull tunnellata ikun jindirizza b'mod adegwat it-tħassib tagħha li dazju antidumping ad valorem miġbur, allegatament jaqbeż l-ammont ta' dumping misjub.

(52)

L-argument tal-aħħar jiġi indirizzat b'mod speċifiku u aċċettata fil-premessa (127) u (128)hawn taħt. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn tieħu pożizzjoni dwar iż-żewġ għażliet alternattivi ta' valuri CIF proposti mill-Grupp Hansol, peress li dawn isiru mingħajr skop.

(53)

Wara d-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet definittivi, il-Grupp Hansol ikkontesta t-tnaqqis ta' kostijiet tal-kreditu fil-kalkolu tal-valur CIF maħdum. Din id-dikjarazzjoni tista' tiġi aċċettata. Barra minn hekk, il-prezz CIF użat bħala d-denominatur kien affettwat mill-bidliet deskritti fil-premessa (41) sa (42) hawn fuq.

(54)

Filwaqt li jitqies it-tibdil fl-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni, il-valur normali u l-prezz CIF, kif stabbilit fil-premessa (41), (42), (48) u (53) hawn fuq u filwaqt li jiġu kkonfermati s-sejbiet l-oħra fil-premessi minn (25) sa (47) tar-Regolament provviżorju, il-medja ponderata tal-marġni definittiv ta' dumping tal-Grupp Hansol, espressa bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel il-ħlas tad-dazju, kienet ta' 10,3 %. Kif deskritt fil-premessi (49) u (50) tar-Regolament provviżorju, il-marġni residwali tad-dumping kien ġie stabbilit fl-istess livell.

3.   ĦSARA

3.1.   Introduzzjoni

(55)

Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li għadd ta' indikaturi ta' ħsara żviluppaw b'mod pożittiv jew kienu stabbli. Din id-dikjarazzjoni kienet diġà ġiet miċħuda fil-premessi minn (95) sa (96) tar-Regolament provviżorju u hija b'dan definittivament miċħuda.

(56)

Sabiex jiġi konkluż li hemm ħsara materjali, mhuwiex neċessarju li l-analiżi tal-ħsara turi li kull indikatur jindika sitwazzjoni ta' ħsara. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 3.5 tar-Regolament bażiku, fattur wieħed jew aktar rilevanti ta' ħsara mhux neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva. F'dan il-każ, il-ħsara li nstabet hija materjali. Dan jidher b'mod partikolari mil-livell ta' profittabilità, l-indikaturi relatati mal-prezz u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Il-produtturi kollha fil-kampjun esperjenzaw tnaqqis lineari qawwi fil-profitti u fil-likwidità li kkoinċida maż-żmien li fih seħħet iż-żieda fl-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea. Barra minn hekk, il-volum ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni baqa' relattivament stabbli, iżda peress li dan seħħ fil-kuntest ta' żieda sinifikanti fil-konsum tal-Unjoni (+ 15 %), fil-fatt is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni kien qiegħed jonqos. Anki jekk ċerti fatturi ta' ħsara bħall-utilizzazzjoni tal-kapaċità, l-impjiegi, il-kost lavorattiv u l-investimenti ma jistgħux jagħtu gwida deċiżiva dwar il-qagħda ta' ħsara tal-produtturi tal-Unjoni, ma kkontradixxewx u lanqas ipprekludew il-konstatazzjoni ta' ħsara materjali.

(57)

L-argumenti speċifiċi mqajma mill-Grupp Hansol dwar indikaturi partikolari ta' ħsara huma indirizzati fid-dettall fil-bqija ta' din it-Taqsima.

3.2.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(58)

Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (51) u (52) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.3.   Konsum tal-Unjoni

(59)

Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (53) sa (55) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.4.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

3.4.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(60)

Il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni kien ferm 'il fuq mil-livelli negliġibbli (7).

(61)

Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (56) sa (58) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.4.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezz

(62)

Il-Grupp Hansol qies li l-marġni ta' twaqqigħ tal-prezz ta' 8,1 % stabbilit b'mod provviżorju mhuwiex sinifikanti minħabba l-volum limitat ta' importazzjonijiet (13,6 % tal-konsum tal-Unjoni). Il-parti sostniet li r-rapport tal-Bord tad-WTO dwar Ċipep DRAM  (8) iqis li “sinifikanti” tfisser importanti, maġġuri, konsegwenzjali, aktar milli sempliċiment moviment nominali/marġinali. Tikkwota wkoll żewġ każijiet (Karbonat dens tas-sodju  (9) u Ċerti sistemi ta' qari ottiku bil-lażer  (10)) fejn il-Kummissjoni qieset li l-marġni ta' twaqqigħ kien limitat.

(63)

Il-Kummissjoni ċaħdet id-dikjarazzjonijiet tal-Grupp Hansol għar-raġunijiet segwenti. L-ewwel nett, anke jekk f'Karbonat dens tas-sodju l-Kummissjoni qieset li marġni ta' twaqqigħ ta' 6 % mhuwiex sinifikanti, ġie nnotat li f'dak il-każ is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet kien ħafna inqas (3,2 % qabel l-1983; 1,4 % wara dan) milli fil-każ attwali. It-tieni nett, id-deċiżjoni dwar Ċerti sistemi ta' qari ottiku bil-lażer kienet prinċipalment tittratta prodotti mhux omoġenji b'varjetà kbira ta' karatteristiċi u differenzi tekniċi u soġġetti għal żvilupp teknoloġiku mgħaġġel, li mhuwiex il-każ fir-rigward ta' prodotti LWTP. L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Kummissjoni qieset li fir-rigward ta' LWTP, marġni ta' twaqqigħ ta' 8,1 % tal-prezz kien sinifikanti peress li l-livell ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping kien importanti u li dan żdied b'mod qawwi matul il-perjodu meqjus. Kif indikat fil-premessa (67) hawn taħt, il-marġni definittiv ta' twaqqigħ fil-prezz stabbilit kien saħansitra ogħla minn dak provviżorju, li jikkontesta wkoll l-argument li l-marġni kellu jitqies bħala wieħed limitat.

(64)

Id-dikjarazzjoni tal-Grupp Hansol li l-kalkolu tat-twaqqigħ fil-prezz kien illegali ġiet miċħuda għal raġunijiet simili bħal dawk dikjarati fit-Taqsima 6.1 hawn taħt.

(65)

Sabiex tiġi segwita l-istess metodoloġija bħal fil-każ tal-kalkolu tad-dumping, fi stadju definittiv ġie deċiż li t-twaqqigħ tal-prezz jiġi kkalkolat bl-applikazzjoni tal-istess ponderazzjoni bħal fit-Taqsima 2.4.1 ta' dan ir-Regolament. Il-marġni ta' twaqqigħ tal-prezz stabbilit għall-Grupp Hansol kien medja ponderata tal-marġni stabbilit għall-bejgħ ta' rombli jumbo (marġni ta' — 5 % — 0 % b'ponderazzjoni ta' 15 % — 25 %) u għall-bejgħ ta' rombli żgħar (marġni ta' 10 % — 20 % b'ponderazzjoni ta' 75 % -85 %). Dan l-approċċ u l-korrezzjonijiet spjegati fit-Taqsima 2 hawn fuq kienu jinvolvu reviżjoni tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz stabbilit b'mod provviżorju.

(66)

Wara divulgazzjoni tal-konklużjonijiet definittivi, il-Grupp Hansol sostna li l-Kummissjoni ma ffurmatx il-konklużjonijiet tagħha billi bbażat fuq il-marġni negattiv ta' twaqqigħ fil-prezz li nstab għal parti waħda tal-bejgħ u b'hekk kisret l-Artikoli 3(2) u 3(3) tar-Regolament bażiku. Madankollu din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda peress li l-Kummissjoni għamlet il-konklużjonijiet tagħha abbażi ta' marġni ġenerali ta' twaqqigħ tal-prezz, skont il-prattika normali tagħha.

(67)

Il-marġni definittiv ta' twaqqigħ tal-prezz ilaħħaq id-9,4 %.

(68)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-prezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, u bl-eċċezzjoni tal-marġni ta' twaqqigħ tal-prezz kif spjegat fil-premessi hawn fuq, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (59) sa (64) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.5.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

3.5.1.   Indikaturi makroekonomiċi

3.5.1.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità

(69)

Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li, ħlief għal kumpanija waħda, ir-riżultati tal-produzzjoni kienu impressjonanti u xi produtturi tal-Unjoni żiedu l-kapaċità ta' produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tagħhom. Qal ukoll li l-utilizzazzjoni tal-kapaċità kienet kważi laħqet il-kapaċità sħiħa.

(70)

Madankollu, fir-rigward tal-produzzjoni, il-premessa (70) tar-Regolament provviżorju wriet li l-volum ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b'mod ġenerali b'wieħed fil-mija. Din it-tendenza negattiva hija konsistenti mal-konstatazzjoni li l-industrija kienet fi stat ta' ħsara, minħabba l-ispejjeż fissi għoljin li ġġarrab. Din il-konstatazzjoni ġenerali ma tistax tiġi mdgħajfa minħabba s-sitwazzjoni ta' xi produtturi individwali. Fi kwalunkwe każ, iż-żieda sostanzjali fl-output tal-produzzjoni ta' produttur wieħed mhux fil-kampjun kienet sempliċiment ir-riżultat matematiku tal-bidu mill-ġdid ta' operazzjonijiet li kienu waqfu temporanjament, kif spjegat fil-premessa (71) tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, produttur wieħed kien iqiegħed jelimina l-produzzjoni tal-LWTP b'mod gradwali. Dan seħħ fil-kuntest ta' żieda fil-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat (+ 15 %). F'każijiet passati, bħal f'Certain candles  (11), il-Kummissjoni sabet ħsara fil-preżenza ta' żieda fil-produzzjoni (li mhuwiex il-każ fir-rigward ta' LWTP), fejn tali żieda kienet anqas miż-żieda fil-konsum tal-Unjoni.

(71)

Fir-rigward tal-kapaċità ta' produzzjoni, mhuwiex korrett li, kif sostniet il-parti, li l-produtturi kollha tal-Unjoni żiedu l-kapaċità ta' produzzjoni tagħhom, ħlief għal kumpanija waħda. Il-produttur tal-Unjoni msemmi fil-premessa (71) tar-Regolament provviżorju ma żiedx il-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu bħala tali. Sempliċiment reġa' beda faċilità ta' produzzjoni li ma kinitx disponibbli għall-użu fl-2012, u għalhekk ma kinitx meqjusa bħala kapaċità eżistenti dik is-sena. Barra minn hekk, il-premessa (70) tar-Regolament provviżorju tenfasizza d-diffikultajiet esperjenzati minn kumpanija waħda fil-kampjun fir-rigward tal-produzzjoni.

(72)

Fir-rigward tal-utilizzazzjoni ġenerali tal-kapaċità, it-Tabella 4 tar-Regolament provviżorju ma turix żieda iżda tnaqqis fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità fl-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda sostanzjali minn produttur wieħed tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità tiegħu kienet ir-riżultat tal-bidu mill-ġdid tal-operazzjonijiet wara l-waqfa ddikjarata fil-premessa (71) tar-Regolament provviżorju.

(73)

Barra minn hekk, anki jekk utilizzazzjoni tal-kapaċità ta' 92 % tista' tabilħaqq tidher għolja, huwa meqjus li distakk ta' 8 % bejn il-kapaċità u l-utilizzazzjoni attwali, speċjalment f'industrija bi spejjeż fissi għoljin, mhuwiex insinifikanti. Il-produtturi ta' LWTP jridu jżommu reġistru tal-ordnijiet kostanti, jibqgħu jbiegħu u jipproduċu sabiex jiġi evitat ħin wieqaf fuq il-linji tal-produzzjoni tagħhom. Produttur tal-karta jippreferi jbigħ prodott bi prezz aktar baxx, pjuttost milli jipproduċi inqas, peress li magni wieqfa saħansitra jikkawżaw ħsara akbar. Minħabba n-natura ferm intensiva fil-kapital tal-industrija tal-karta u l-kamp ta' applikazzjoni sikwit limitat tal-prezzijiet meta tinbiegħ, rati għoljin ta' utilizzazzjoni huma essenzjali għall-profittabilità. Għalhekk, tibdil marġinali fir-rati ta' utilizzazzjoni jista' jgħin jew jeqred ditta. Fir-rigward tad-distakk ta' 8 %, dan jirrappreżenta 32 240 tunnellata ta' produzzjoni ta' LWTP, li huwa aktar mill-volumi tal-importazzjoni tal-Grupp Hansol fl-2015. Barra minn hekk, il-produtturi tal-Unjoni għandhom tagħmir li jservi diversi skopijiet b'“kapaċità polivalenti” (swing capacity), kif enfasizzat fil-premessa (125) tar-Regolament provviżorju. Madankollu l-“kapaċità polivalenti” ma tistax tintuża f'suq fejn jeżistu prattiki ta' dumping.

(74)

Konsegwentement, id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda, u, fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (69) sa (72) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.5.1.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(75)

Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx għaliex i) il-produtturi tal-Unjoni żiedu l-bejgħ tagħhom fl-Unjoni u ii) iddeċidew li jnaqqsu l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lis-suq tal-Unjoni sabiex jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq swieq ta' pajjiżi terzi.

(76)

Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda peress li, anki jekk il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni żdied b'mod globali b'1 % matul il-perjodu meqjus, il-produtturi tal-Unjoni ma setgħux jaħsdu l-benefiċċji kollha taż-żieda fil-konsum tal-Unjoni (+ 15 %). Dan sarraf f'telf sostanzjali fl-ishma tas-suq. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni dwar it-tnaqqis tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni, din tikkontradixxi l-ewwel parti tad-dikjarazzjoni.

(77)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (73) sa (75) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.5.1.3.   L-impjiegi, il-kost lavorattiv u l-produttività

(78)

Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li t-Tabella 6 tar-Regolament provviżorju tippreżenta fil-qosor il-prestazzjoni tajba tal-industrija tal-Unjoni b'referenza għall-impjiegi. Il-parti ddikjarat ukoll li ma kien hemm l-ebda inflazzjoni li setgħet tispjega żieda fil-kost lavorattiv.

(79)

Fir-rigward tal-impjiegi, il-Kummissjoni ma sabitx li l-industrija tal-Unjoni kienet sejra tajjeb. Kif enfasizzat fir-Regolament provviżorju, b'kuntrast hija sabet li l-livell ta' impjiegi naqas b'1 %. Skont il-fajl ippreżentat għal spezzjoni mill-partijiet interessati, il-livell tal-impjiegi żdied b'mod sinifikanti għal tnejn mill-produtturi tal-Unjoni. Madankollu, minħabba d-daqs ta' dawn il-produtturi, dan isarraf fi ftit impjiegi f'termini assoluti u fi tnaqqis ġenerali għall-industrija sħiħa tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, meta wieħed iqis li f'dan is-settur speċifiku l-livell tal-impjiegi jsegwi mill-qrib il-produzzjoni, l-impjiegi mhumiex meqjusa bħala indikatur li jagħti gwida deċiżiva dwar il-qagħda ta' ħsara tal-produtturi tal-Unjoni.

(80)

Wara divulgazzjoni tal-konklużjonijiet definittivi, il-Grupp Hansol sostna li minħabba s-sitwazzjoni speċifika tagħhom il-forza tax-xogħol minn żewġ produtturi tal-Unjoni għandha tiġi eskluża mit-Tabella 6 tar-Regolament provviżorju. Din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda għax ma ngħatat l-ebda ġustifikazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni biex ma ssegwix il-prassi normali tagħha f'dak li jirrigwarda l-analiżi tal-indikaturi ta' ħsara makroekonomika.

(81)

Fir-rigward tal-kost lavorattiv, il-premessa (86) tar-Regolament provviżorju trid tiġi interpretata fis-sens li fid-dawl tar-rati annwali ta' inflazzjoni ż-żieda fil-kost lavorattiv ma kinitx tidher għolja wisq.

(82)

Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda, u, fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (77) sa (79) u (85) sa (86) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.5.1.4.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(83)

Il-Grupp Hansol sostna li l-prezzijiet fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni jenħtieġ li jkomplu jiġu investigati. Din il-parti poġġiet f'dubju n-nuqqas ta' żidiet fil-prezzijiet mill-produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni abbażi tal-allegazzjoni li ċerti produtturi tal-Unjoni kienu żiedu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom. Il-Grupp Hansol iddikjara wkoll li t-tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ li seħħ bejn l-2013 u l-2014 kien ikkawżat mill-fatt li produttur wieħed tal-Unjoni faqa' s-suq tal-Unjoni b'oġġetti li ma setax ibigħ fl-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”).

(84)

Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda. Fir-rigward tal-ewwel dikjarazzjoni, il-fatt li xi produtturi kienu ħabbru sensiela ta' żidiet fil-prezzijiet ma jfissirx li ż-żidiet kollha seħħew. Id-dikjarazzjoni tal-parti hija bbażata fuq żidiet fil-prezzijiet għall-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni lill-kumpaniji relatati tagħha, li jirrappreżenta biss parti żgħira mill-konsum tal-Unjoni. Skont it-Tabella 7 tar-Regolament provviżorju, li hija bbażata fuq ċifri vverifikati, ma kienx hemm żieda globali fil-prezzijiet fl-Unjoni. L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-waqgħa fil-prezzijiet tal-bejgħ bejn l-2013 u l-2014 tikkoinċidi fiż-żmien mal-akbar tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjoni mir-Repubblika tal-Korea skont it-Tabella 3 tar-Regolament provviżorju.

(85)

Dwar it-tieni dikjarazzjoni, it-Tabella 5 tar-Regolament provviżorju (il-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni) ma turi l-ebda sinjal tal-allegat ammont eċċessiv ta' inventarju għall-bejgħ fis-suq. Bejn l-2013 u l-2014 l-indiċi naqas minn 101 għal 97.

(86)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (82) sa (84) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.5.1.5.   Inventarji

(87)

Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li l-livelli ta' inventarji naqsu kemm f'termini assoluti u relattivi, b'hekk l-industrija tal-Unjoni ma sabet l-ebda diffikultà biex tbigħ il-produzzjoni tagħha.

(88)

Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda minħabba li, kif intqal fil-premessa (88) tar-Regolament provviżorju, b'mod ġenerali l-prodott simili huwa prodott abbażi ta' ordnijiet speċifiċi tal-utenti. Għalhekk, l-istokks mhumiex meqjusa bħala indikatur importanti ta' ħsara għal din it-tip ta' industrija minħabba li dawn isegwu l-produzzjoni u matul il-perjodu kkunsidrat baqgħu b'mod konsistenti mhux akbar mill-produzzjoni ta' xahar.

(89)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (87) sa (88) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.5.1.6.   Profittabilità u investimenti

(90)

Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li l-investimenti tagħha aktar milli rdoppjaw matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fil-fehma tiegħu, it-Tabella 10 tar-Regolament provviżorju u l-evidenza dokumentata ma jsostnux id-dikjarazzjoni fil-premessa (93) tar-Regolament provviżorju li l-produtturi fil-kampjun żammew il-livell ta' investiment tagħhom fl-ammonti assolutament meħtieġa biex ikomplu jiffunzjonaw. Sostna wkoll li żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għamlu investimenti kbar fl-2014.

(91)

Madankollu d-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda minħabba li, minkejja l-fatt li l-investimenti rdoppjaw, il-livell assolut ta' investiment baqa' limitat, b'mod partikolari meta wieħed iqis il-fatt li, pereżempju, il-valur ta' linja ta' produzzjoni ġdida ta' LWTP huwa stmat li jlaħħaq il-EUR 120 miljun. Matul il-perjodu meqjus, kif jissemma fil-premessa (119) tar-Regolament provviżorju, l-industrija tal-Unjoni ppostponiet xi investimenti minħabba tnaqqis fil-profitti.

(92)

L-istess parti talbet ukoll għal rivalutazzjoni tal-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni minħabba l-problemi ta' produttur wieħed tal-Unjoni fil-kampjun li allegatament kienu ġejjin minn fatturi li mhumiex relatati mal-importazzjonijiet soġġett ta' dumping imma, b'mod partikolari, minn spejjeż kbar marbuta mal-għeluq ta' żewġ imtieħen, u, barra minn hekk, bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet ta' kumpanija oħra biex jiġu koperti pagamenti futuri ta' dazji antidumping fl-Istati Uniti. Żiedet li kwalunkwe preġudizzju dwar l-istrateġiji tas-suq imwettqa miż-żewġ kumpaniji l-oħra fil-kampjun fi swieq ġeografiċi differenti għandu jiġu eliminat u allegat li, b'mod ġenerali, matul il-perjodu ta' investigazzjoni l-istess żewġ kumpaniji ġġeneraw profitti sostanzjali.

(93)

Il-Kummissjoni qieset li ma hemmx bżonn ta' rivalutazzjoni tal-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni għax l-allegati kostijiet eċċezzjonali kollha kienu diġà ġew iżolati u esklużi mill-istabbiliment tal-profittabilità murija fl-istadju provviżorju. Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa (90) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ, jiġifieri twarrbet il-profittabilità fis-swieq mhux tal-Unjoni. Għalhekk, dawk id-dikjarazzjonijiet ġew miċħuda.

(94)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (89) sa (91) u, fir-rigward tal-investimenti, fil-premessa (93) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.5.1.7.   Daqs tal-marġni tad-dumping, tkabbir, likwidità, redditu fuq l-investimenti u kapaċità ta' ġenerazzjoni ta' kapital

(95)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra dwar id-daqs tal-marġni tad-dumping, it-tkabbir, il-likwidità, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità ta' ġenerazzjoni ta' kapital, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (76), (80) sa (81), (92), (93) fir-rigward tar-redditu fuq l-investimenti u fil-premessa (94) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.5.2.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(96)

Abbażi tal-analiżi tal-kummenti ppreżentati fil-qosor fil-premessi minn(55) sa (95) hawn fuq, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (95) sa (98) tar-Regolament provviżorju kienu b'dan ikkonfermati.

4.   KAWŻALITÀ

(97)

Il-Grupp Hansol sostna li l-ħsara ma setgħetx tiġi attribwita għall-importazzjonijiet ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat iżda għal: l-impatt tal-miżura antidumping tal-Istati Uniti fuq produttur wieħed tal-Unjoni fil-kampjun; l-impatt tal-kostijiet tal-manifattura flimkien mar-rati tal-kambju; u l-impatt tal-prezz ta' LWTP ħielsa mill-fenol. Ħafna mill-argumenti kienu tennija ta' dawk diġà ppreżentati fl-istadju provviżorju. Dawn huma kollha indirizzati fil-premessi minn (98) sa (101) hawn taħt.

(98)

Fir-rigward tal-miżura antidumping tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni nnotat li fil-premessa (109) tar-Regolament provviżorju ġie rikonoxxut li kien hemm xi impatt fuq il-produttur tal-Unjoni inkwistjoni. Anki jekk tali impatt ma kienx limitat għal dik il-kumpanija, kif spjegat fil-premessa (110) tar-Regolament provviżorju, l-impatt globali kien kważi ineżistenti għall-industrija sħiħa tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fil-premessa (110) tar-Regolament provviżorju ġie stabbilit li l-Istati Uniti imponew dazji għoljin fuq produttur tal-Unjoni wieħed biss, iżda li dawn id-dazji tneħħew fl-2015 u li l-produttur tal-Unjoni fil-kampjun rnexxielu jikkumpensa parzjalment billi żied l-esportazzjonijiet lejn swieq oħra. Jekk il-produttur tal-Unjoni fil-kampjun inkwistjoni rnexxilux jikkumpensa b'mod sħiħ għall-bejgħ mitluf fl-Istati Uniti u jirkuprah huwa irrelevanti peress li dawk iċ-ċirkostanzi mhu ser ikollhom ebda effett fuq ħafna mid-data relatata mal-produttur tal-Unjoni, kif iddikjarat fil-premessa (109) tar-Regolament provviżorju. Kuntrarjament għal dak li ssuġġerixxa l-Grupp Hansol, fiż-żmien meta kien hemm dazji għoljin mill-Istati Uniti fis-seħħ, ma kienx hemm ammont eċċessiv ta' LWTP għall-bejgħ li kienet toriġina mill-Unjoni (din id-dikjarazzjoni hija kkonfutata ulterjorment fil-premessa (85) hawn fuq) jew żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ fl-2015 (kif muri fit-Tabelli 3 u 7 tar-Regolament provviżorju). Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u tas-sejbiet fl-istadju provviżorju, ġie konkluż li l-miżuri antidumping mill-Istati Uniti li ġew analizzati ma wasslux għal tnaqqis fil-prezzijiet u fil-profittabilità fis-suq tal-Unjoni.

(99)

Dwar il-kostijiet tal-manifattura, il-parti l-ewwel iffokat biss fuq il-perjodu bejn l-2014-2015. Wara d-divulgazzjoni definittiva hija estendiet id-dikjarazzjoni għall-perjodu kollu taħt investigazzjoni u sostniet li ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, flimkien mat-tendenza 'l isfel tar-rata tal-kambju tal-Euro affettwat b'mod partikolari l-industrija tal-Unjoni. Madankollu ġie stabbilit li, matul il-perjodu kkunsidrat, it-telf fil-profittabilità kien dovut għal nuqqas ta' korrelazzjoni bejn il-kostijiet (+ 3 %) u l-prezzijiet (- 11 %), fejn il-waqgħa fil-prezzijiet kienet ogħla miż-żidiet fil-kost. Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u tas-sejbiet fl-istadju provviżorju, ġie konkluż li ż-żieda fil-kostijiet ma kisritx ir-rabta kawżali bejn il-ħsara materjali u l-importazzjonijiet soġġett ta' dumping mir-Repubblika tal-Korea.

(100)

Fir-rigward tal-impatt tal-prezz ta' LWTP ħielsa mill-fenol, l-allegati prezzijiet ogħla tax-xiri ta' xi kumpaniji relatati mal-produttur esportatur ma jikkontradixxux is-sejba globali fil-premessa (113) tar-Regolament provviżorju li “matul il-perjodu meqjus il-prezzijiet tal-bejgħ ta' unità ta' LWTP ħielsa mill-fenol waqgħu għal inqas mill-prezzijiet tal-bejgħ ta' unità ta' LWTP li fiha l-fenol”. Dawk il-kumpaniji jirrappreżentaw sehem minuri tal-konsum tal-Unjoni. Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u tas-sejbiet fl-istadju provviżorju, ġie konkluż li t-tnaqqis fil-prezz tal-industrija tal-Unjoni ma setax jiġi attribwit għall-allegat tnaqqis fil-prezz ta' LWTP ħielsa mill-fenol.

(101)

Il-Grupp Hansol sostna li anke kieku l-ebda wieħed mill-fatturi allegati waħdu ma kellu influwenza deċiżiva, il-Kummissjoni għandha tkompli tinvestiga kawżi attwali ta' ħsara allegata, inkluż l-effett aggregat tagħhom. Din id-dikjarazzjoni madankollu ġiet miċħuda, peress li l-Kummissjoni kienet diġà għamlet valutazzjoni kombinata bħal din fil-premessa (121) tar-Regolament provviżorju, u ma ġie ppreżentat l-ebda element ġdid wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji.

(102)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (99) sa (121) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

5.   L-INTERESS TAL-UNJONI

5.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(103)

L-ilmentatur issuġġerixxa l-eżistenza ta' theddida ta' aktar ħsara lill-produtturi tal-Unjoni fid-dawl tal-aħbar li l-Grupp Hansol kien ser iżid b'mod sinifikanti l-kapaċità ta' karta termali tiegħu sal-2019. Minħabba s-sejbiet dwar il-ħsara materjali, il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi tat-theddida ta' ħsara.

(104)

Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (123) sa (128) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

5.2.   L-interess ta' partijiet interessati oħra

(105)

Il-Gvern tal-Korea tenna d-dikjarazzjoni tiegħu ddikjarata fil-premessa (132) tar-Regolament provviżorju mingħajr ma pprovda evidenza addizzjonali. Din id-dikjarazzjoni kienet diġà ġiet miċħuda fl-istadju provviżorju.

(106)

Il-Gvern tal-Korea sostna wkoll li l-miżuri mhumiex fl-interess tal-Unjoni minħabba l-fatt li ħafna konvertituri u importaturi Ewropej kienu esprimew l-oġġezzjonijiet tagħhom waqt is-seduta ta' Settembru 2016 (ara l-premessa (5) tar-Regolament provviżorju), li l-miżuri ser jaffettwaw b'mod negattiv il-konvertituri sussidjarji tal-Grupp Hansol, li jinkludu s-settur downstream fl-industrija tal-LWTP, u li l-produtturi tal-Unjoni huma kumpaniji kbar, filwaqt li l-konvertituri sussidjarji tal-Grupp Hansol huma fil-biċċa l-kbira intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (“SMEs”) mingħajr wisq setgħa biex jinfluwenzaw il-prezzijiet.

(107)

Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda. L-investigazzjoni ma sabitx li hemm maġġoranza ta' konvertituri u importaturi fl-Unjoni kontra l-miżuri, kif żviluppat aktar fil-premessa (109) hawn isfel. Barra minn hekk, ma kienx possibbli li jiġi konkluż sa liema punt il-miżuri kienu ser jaffettwaw ħażin is-sussidjarji tal-Grupp Hansol fl-Unjoni, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu wkoll li l-Grupp Hansol innifsu enfasizza li waħda minn dawn is-sussidjarji kien qed ikollha riżultati negattivi minħabba tmexxija ħażina. Fir-rigward tad-daqs tal-konvertituri sussidjarji tal-Grupp Hansol, ġie nnotat li fl-aħħar mill-aħħar dawn jagħmlu parti minn grupp kbir. Peress li l-Grupp Hansol stess irrikonoxxa n-nuqqas ta' rieda tal-konsumaturi finali li jaċċettaw żidiet fil-prezzijiet, ġie konkluż li l-klijenti għandhom setgħa ta' negozjar fin-negozjati tal-prezzijiet.

(108)

Il-Grupp Hansol sostna li l-industriji downstream tal-Unjoni huma kważi unanimament kontra l-impożizzjoni ta' miżuri u li, skont il-fajls miftuħa għal spezzjoni mill-partijiet interessati, mill-inqas 36 konvertitur mhux relatat u utenti finali esprimew l-oppożizzjoni qawwija tagħhom għall-miżuri. Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-parti sostniet li l-Kummissjoni kienet skartat il-fatt li l-maġġoranza tal-industrija downstream tal-konvertituri u tal-utenti tal-Unjoni kooperanti opponew l-impożizzjoni tal-miżuri. Ġie sostnut li l-fatt li mhux l-industriji downstream kollha tal-Unjoni kienu esprimew l-oppożizzjoni tagħhom, jew il-fatt li ħafna minnhom ma tennewx il-pożizzjoni tagħhom wara d-divulgazzjoni provviżorja, ma jnaqqasx l-oppożizzjoni tagħhom.

(109)

Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda. Il-premessa (129) tar-Regolament provviżorju tieħu kont tal-kooperazzjoni limitata ta' xi partijiet. Ħafna industriji downstream tal-Unjoni baqgħu siekta matul l-investigazzjoni u l-ebda industrija downstream ma għamlet ebda rappreżentazzjoni wara d-divulgazzjoni provviżorja jew definittiva. Dan is-skiet ma setax jiġi interpretat bħala oppożizzjoni għall-miżuri, iżda bħala “pożizzjoni mhux magħrufa”. Kif imsemmi fil-premessa (130) tar-Regolament provviżorju, f'termini ta' volum ta' xiri ta' LWTP, il-konvertituri li ppreżentaw ruħhom u esprimew li huma favur il-miżuri jegħlbu lil dawk li ma esprimewx opinjonijiet jew li kienu kontra l-miżuri. Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, konvertitur ieħor esprima li huwa favur il-miżuri. Anke l-Konfederazzjoni tal-Industriji tal-Karta Ewropej, li fl-aħħar mill-aħħar tirrapreżenta ħafna industriji downstream, esprimiet li hija favur il-miżuri kemm fl-istadju inizjali u dak definittiv. Fir-rigward tal-fajls disponibbli għall-aċċess minn partijiet interessati, dawn juru li f'xi punt fil-proċediment qabel id-divulgazzjoni provviżorja madwar terz tal-konvertituri mhux relatati u utenti finali magħduda fil-premessa ta' hawn kienu opponew il-miżuri.

(110)

Il-Grupp Hansol sostna li l-miżuri jmorru kontra l-interess tan-negozji Ewropej għaliex is-suq tal-Unjoni jista' jiġi definit bħala duwopolju/oligopolija u għandha tiġi promossal-kompetizzjoni, minħabba li ma hemmx sorsi alternattivi ta' provvista, il-produtturi tal-Unjoni ma għandhomx infrastruttura kompetittiva u ma jkunux jistgħu jaqilbu l-produzzjoni b'mod effiċjenti għal LWTP, minħabba li huwa improbabbli ħafna li l-produttur iżgħar tal-Unjoni jiddeċiedi li jreġġa' lura deċiżjoni kummerċjali li tkun wasslet għal żieda fil-profittabilità u għaliex l-SMEs Ewropej li huma attivi fl-industrija downstream ser jiffaċċjaw disponibbiltà limitata ta' provvista flimkien ma' prezzijiet mhux raġonevoli li ser jheddu serjament is-sopravivenza tagħhom. Barra minn hekk, il-miżuri jeliminaw il-kompetizzjoni u jwasslu għal telf ta' impjieg għall-utenti.

(111)

Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda. Is-sempliċi eżistenza ta' ftit produtturi fl-Unjoni hija irrelevanti u, kif ġie rrilevat fil-premessa (115) tar-Regolament provviżorju, ma hemm l-ebda evidenza fil-fajl ta' xi prattiki antikompetittivi. Skont il-premessa (131) tar-Regolament provviżorju, hemm diversi sorsi ta' provvista fl-Unjoni. Jeżistu alternattivi addizzjonali: l-importazzjonijiet tal-Grupp Hansol (bi prezzijiet ġusti) u importazzjonijiet minuri minn pajjiżi terzi oħra. Id-dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta' infrastruttura kompetittiva hija kontradetta fost oħrajn mill-preżentazzjoni tal-Grupp Hansol datata t-8 ta' Diċembru 2016, li tiddeskrivi l-industrija tal-Unjoni bħala “waħda bi prestazzjoni għolja”. Fir-rigward tal-produttur iżgħar tal-Unjoni, huwa liberu li jreġġa' lura d-deċiżjoni jekk ikun hemm prospetti aħjar għal LWTP. Fir-rigward tal-industrija downstream, huwa meqjus li din ser tibbenefika mill-kapaċità sinifikanti tal-industrija tal-Unjoni (kif iddikjarat fil-premessa (73), mid-diversi sorsi ta' provvista msemmija hawn fuq u mill-kompetizzjoni restawrata fis-suq tal-Unjoni.

(112)

Il-Grupp Hansol allega wkoll li l-miżuri ser imorru kontra l-interess tal-konsumaturi, li ser jiġu mċaħħda milli jkollhom aċċess għal LWTP bi prezz raġonevoli. Fin-nuqqas ta' xi evidenza sostantiva li tappoġġja din id-dikjarazzjoni, din l-allegazzjoni ġiet miċħuda.

(113)

Il-Grupp Hansol allega wkoll li, minbarra ammont eċċessiv ta' rombli żgħar Ċiniżi għall-bejgħ fis-suq, il-miżuri ser iwasslu għall-ħolqien ta' mtieħen ġodda ta' konverżjoni madwar il-fruntiera tal-Unjoni b'aċċess liberu għall-materja prima, u b'hekk għall-għeluq ta' ħafna konvertituri fl-Unjoni. Fin-nuqqas ta' xi evidenza sostantiva li tappoġġja din id-dikjarazzjoni, din l-allegazzjoni ġiet miċħuda.

(114)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-interess ta' partijiet interessati oħra, il-konklużjoni stabbilita fil-premessi minn (129) sa (134) tar-Regolament provviżorju ġiet ikkonfermata.

5.3.   Argumenti oħrajn

(115)

Il-Grupp Hansol sostna li grupp partikolari ta' negozji Ewropej jsegwu żieda artifiċjali fil-profitti tagħhom billi jfittxu li l-Kummissjoni tabbuża mill-istrument antidumping.

(116)

Id-dikjarazzjoni ta' hawn fuq ma ġietx sostanzjata ulterjorment. Il-Kummissjoni enfasizzat li l-investigazzjoni kienet saret fil-qafas legali applikabbli bl-ogħla standards għan-newtralità u t-trasparenza.

5.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(117)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra rigward l-interess tal-Unjoni, il-konklużjoni li ntlaħqet fil-premessa (135) tar-Regolament provviżorju ġiet ikkonfermata.

6.   MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

6.1.   Livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara

(118)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-ebda parti ma għamlet kummenti dwar il-profitt fil-mira użat provviżorjament għall-kalkolu tal-bejgħ taħt il-prezz. Barra minn hekk, lanqas fl-istadju definittiv l-ebda parti ma għamlet kummenti dwar il-profitt fil-mira.

(119)

Il-Grupp Hansol ikkontesta l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 2(9) għall-kalkoli tal-ħsara, fejn qal li l-Artikolu 2(9) jidher taħt id-dispożizzjonijiet tad-dumping tar-Regolament bażiku u ma jistax jintuża b'analoġija għall-kalkolu tal-marġni ta' ħsara. Il-parti kkontestat li fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-kalkolu huwa bbażat fuq tranżazzjoni aġġustata ta' bejgħ għal rombli żgħar, prodott differenti li mhuwiex soġġett għall-investigazzjoni. Skont il-Grupp Hansol, ma hemm l-ebda raġuni għal kompetizzjoni bejn il-bejgħ ta' rombli żgħar fl-Unjoni mill-konvertituri relatati tiegħu u l-bejgħ ta' rombli jumbo mill-industrija tal-Unjoni u, billi kkalkolat il-marġni ta' ħsara abbażi tal-prezzijiet tal-bejgħ ta' prodott li mhuwiex il-prodott simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku. Il-parti sostniet il-punt tagħha f'termini ta' rabta kawżali billi tirrikorri għall-Artikolu 3(6) tar-Regolament Bażiku, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO taċ-Ċina — GOES (12) u r-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO taċ-Ċina — X-ray (13).

(120)

L-għan tal-kalkolu ta' marġni ta' ħsara huwa li jiġi determinat jekk l-impożizzjoni ta' rata ta' dazju aktar baxxa (minn dik ibbażata fuq il-marġni tad-dumping) fuq il-prezz tal-esportazzjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping tkunx biżżejjed biex tneħħi l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni, li huwa meqjus bħala livell komparabbli mal-prezz tal-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Fil-każ tal-bejgħ għall-esportazzjoni permezz ta' importaturi relatati, b'analoġija mal-approċċ segwit għall-kalkoli tal-marġni tad-dumping, il-prezz tal-esportazzjoni kien inħadem abbażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel konsumatur indipendenti aġġustat kif xieraq skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Peress li l-prezz tal-esportazzjoni huwa element indispensabbli fil-kalkolu tal-marġni ta' ħsara u peress li dan l-Artikolu huwa l-uniku Artikolu fir-Regolament bażiku li jagħti gwida dwar kif jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni, l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu b'analoġija hija ġġustifikata.

(121)

Il-Kummissjoni qieset li l-istabbiliment tal-prezz rilevanti tal-importazzjoni għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u għall-bejgħ taħt il-prezz ma għandux ikun influwenzat minn jekk l-esportazzjonijiet isirux lil operaturi relatati jew indipendenti fl-Unjoni. Il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni żgurat li ż-żewġ ċirkostanzi jirċievu trattament indaqs.

(122)

Normalment il-kalkolu tal-marġni ta' ħsara għandu jkun ibbażat fuq tqabbil tal-prezzijiet fil-livell fejn isseħħ il-kompetizzjoni fl-UE. F'dan il-każ, porzjon żgħir biss tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat isir lil klijenti mhux relatati fl-UE. Il-maġġoranza vasta tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat issir lil konvertituri relatati fl-Unjoni li jikkonvertu l-prodotti f'rombli żgħar. F'dawn iċ-ċirkostanzi, ħafna mill-kompetizzjoni seħħet fil-livell tal-konvertituri relatati. B'analoġija mal-kalkoli tad-dumping, dawn il-prezzijiet tal-bejgħ ma setgħux jitqiesu bħala affidabbli għall-fini ta' paragun oġġettiv tal-prezz. Konsegwentement, il-prezzijiet tal-importazzjoni għall-prodott ikkonċernat kellhom jinħadmu. It-Taqsima 2.2 hawn fuq tkompli tiżviluppa r-raġunijiet għaliex ir-rombli żgħar ma setgħux jiġu injorati fil-kalkoli u għaliex, għal ċerti tranżazzjonijiet, kien neċessarju li jinħadmu l-prezzijiet tal-esportazzjoni.

(123)

Sa fejn il-Kummissjoni kkonfermat l-approċċ tagħha li tqis ir-rombli żgħar għall-finijiet tal-kalkoli, ir-referenzi għall-Artikoli 3(3) u 3(6) tar-Regolament bażiku, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO China — GOES u r-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO China — X-ray huma irrelevanti.

(124)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li l-approċċ segwit kien preċiż u ċaħdet id-dikjarazzjonijiet.

(125)

Sabiex tiġi segwita l-istess metodoloġija bħal tal-kalkolu tad-dumping, fi stadju definittiv ġie deċiż li l-marġni ta' ħsara jiġi kkalkolat bl-applikazzjoni tal-istess ponderazzjoni bħal tat-Taqsima 2.4.1 ta' dan ir-Regolament. Dan l-approċċ u l-korrezzjonijiet spjegati fit-Taqsima 2 hawn fuq kienu jinvolvu reviżjoni tal-marġni ta' ħsara stabbilit provviżorjament.

(126)

Il-marġni definittiv ta' ħsara b'hekk stabbilit laħħaq is-37,0 %.

6.2.   L-għamla tal-miżuri

(127)

Huwa mfakkar li l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-Grupp Hansol jsir permezz ta' partijiet relatati għall-konverżjoni f'rombli żgħar. Wara d-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet finali, il-Grupp Hansol ikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkalkolat il-prezz CIF użat bħala denominatur għal dan il-bejgħ (ara l-premessa (51) aktar 'il fuq). F'dan ir-rigward hija sostniet, fost oħrajn, li l-prezz CIF li l-Kummissjoni użat b'mod provviżorju bħala denominatur fil-kalkolu tad-dumping għal dan il-bejgħ iwassal għal ammont ogħla mill-ammont ta' dazju ta' dumping misjub. Sabiex din id-distorsjoni allegata tiġi rimedjata, il-Grupp Hansol ippropona li l-Kummissjoni tapplika dazju antidumping f'forma ta' ammont speċifiku kull tunnellata minflok dazju ad valorem.

(128)

Id-dikjarazzjoni ġiet analizzata kif dovut u fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' dan il-każ f'dak li jikkonċerna l-iffissar ta' prezz affidabbli għal dan il-bejgħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li jkun aktar xieraq li tintuża forma ta' dazju li ma jeħtieġx li jiġi stabbilit prezz CIF affidabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li d-dazju antidumping jenħtieġ li jiġi impost bħala ammont fiss għal kull tunnellata f'Euro għal kull tunnellata netta minflok dazju ad valorem kif impost b'mod provviżorju.

6.3.   Miżuri definittivi

(129)

Meta wieħed iqis il-kwistjonijiet imsemmija fit-taqsima ta' hawn fuq, ir-rati tad-dazju antidumping, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, għandhom ikunu bbażati fuq il-marġni tad-dumping u jkunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni ta' dumping definittiv (%)

Marġni ta' ħsara definittiv (%)

Rata tad-dazju definittiva (%)

Ir-rata fissa tad-dazju definittiv — EUR għal kull tunnellata

Ir-Repubblika tal-Korea

Il-Grupp Hansol (Hansol Paper Co., Ltd. u Hansol Artone Paper Co., Ltd)

10,3

37,0

10,3

104,46

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

10,3

37,0

10,3

104,46

(130)

Wara d-divulgazzjoni addizzjonali tal-konklużjonijiet finali, Hansol Group sostna li d dazju speċifiku kkalkolat u rrappurtat fl-aħħar kolonna tat-tabella ta' hawn fuq ikun jirrifletti ammont ta' dumping ogħla minn dak misjub fl-investigazzjoni. Madankollu, il-kalkolu li twettaq biex issir tali konklużjoni kien żbaljat peress li ma ġietx ikkunsidrata l-ponderazzjoni kif deskritt fil-premessa (46) tar-Regolament provviżorju u l-premessa (49) ta' hawn fuq. Għalhekk id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(131)

Ir-rati tad-dazju antidumping għal kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni attwali.

(132)

Kif spjegat fil-premessa (50) tar-Regolament provviżorju, f'dan il-każ il-livell ta' kooperazzjoni kien għoli, minħabba li l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi kooperanti kienu jikkostitwixxu l-esportazzjonijiet kollha lill-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Għalhekk, id-dazju antidumping residwu kien ibbażat fuq il-livell tal-kumpanija kooperanti.

(133)

Biex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji antidumping, id-dazju antidumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha għandu jiġi applikat mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f'din l-investigazzjoni, imma anki għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

6.4.   Ġbir definittiv tad-dazji provviżorji

(134)

Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell ta' ħsara kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti garantiti permezz tad-dazju antidumping provviżorju impost bir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru b'mod definittiv. L-ammonti garantiti li jaqbżu r-rata tad-dazju definittiva determinata skont l-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu rilaxxati.

(135)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma esprimiex opinjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju antidumping definittiv huwa impost fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li tiżen 65 g/m2 jew inqas; f'rombli wiesgħa 20 cm jew aktar, piż tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 50 kg jew aktar u dijametru tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 40 cm jew aktar (“rombli jumbo”); b'kisja ta' taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajrha; miksija b'sustanza termosensittiva fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b'kisja ta' fuq jew mingħajrha, li toriġina mir-Repubblika tal-Korea, li bħalissa taqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 4809 90 00, ex 4811 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85 (kodiċijiet TARIC: 4809900010, 4811900010, 4816900010, 4823908520).

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 ikun ammont fiss ta' EUR 104,46 għal kull tunnellata netta.

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti bħala dazji antidumping provviżorji skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2005 għandhom jinġabru b'mod definittiv. L-ammonti garantiti li jaqbżu r-rata tad-dazju li jinsabu fl-Artikolu 1(2) hawn fuq, għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2005 tas-16 ta' Novembru 2016 li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 310, 17.11.2016, p. 1).

(3)  ĠU C 62, 18.2.2016, p. 7.

(4)  RAC u SEAC, Dokument ta' sfond tal-Opinjoni dwar id-dossier skont l-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet fuq l-4.4′-isopropilidenedifenol (Bisfenol A; BPA), 4 ta' Diċembru 2015, disponibbli fuq http://echa.europa.eu/documents/10162/d52d2c6b-2f1c-4ddf-bb44-4e3e42ea1820, p. 356-358.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 930/2003 tas-26 ta' Mejju 2003 li jtemm il-proċedimenti antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta' salamun tal-Atlantiku kultivat li joriġina min-Norveġja u l-proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta' salamun tal-Atlantiku kultivat li joriġina miċ-Ċili u l-Gżejjer tal-Faeroe (ĠU L 133, 29.5.2003, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 tas-27 ta' Ġunju 2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta' skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta' l-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta' skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta' l-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukrajna (ĠU L 175, 29.6.2006, p. 4).

(7)  L-Artikolu 5(7) tar-Regolament Bażiku jistabbilixxi l-livell għal “negliġibbli” f'sehem ta' 1 % mis-suq, sakemm il-pajjiżi esportaturi flimkien jammontaw għal mill-inqas 3 % tal-konsum tal-Unjoni.

(8)  Rapport tal-Bord tad-WTO, Il-Komunitajiet Ewropej — Miżuri Kompensatorji fir-rigward ta' Ċipep ta' Memorja Dinamika b'Aċċess Każwali mill-Korea, WT/DS299/R, 3.8.2015.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/507/KEE (ĠU L 283, 16.10.1990. p. 38).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/55/KE tal-21 ta' Diċembru 1998 li twaqqaf il-proċeduri tal-antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' ċerti sistemi ta' qari ottiku bil-lażer, u l-elementi kostitwenti prinċipali, għall-użu f'vetturi bil-mutur, li joriġinaw fil-Ġappun, il-Korea, il-Malasja, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU L 18, 23.1.1999, p. 62).

(11)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1130/2008 tal-14 ta' Novembru 2008 li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjoni ta' ċerti xemgħat, kandiletti u oġġetti simili li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 306, 15.11.2008, p. 22).

(12)  Rapport tal-Korp tal-Appell, fil-każ China — GOES, WT/DS414/AB/R, tat-18 ta' Ottubru 2012, punt 128.

(13)  Ir-Rapport tal-Bord, China — X-ray, WT/DS425/R, tas-26 ta' Frar 2013, punt 7.50.