|
29.4.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 113/18 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/752
tat-28 ta' April 2017
li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 10/2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a), (c), (d), (e), (h), (i) u (j), u l-Artikolu 11(3),
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 (2) (“ir-Regolament”) jistabbilixxi regoli speċifiċi fir-rigward tal-materjali u l-oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel. |
|
(2) |
Mill-aħħar darba li ġie emendat ir-Regolament, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat rapporti oħra dwar sustanzi partikolari li jistgħu jintużaw f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel kif ukoll dwar l-użu permess ta' sustanzi li diġà tkun inħarġet awtorizzazzjoni għalihom. Barra minn hekk, ġew identifikati xi żbalji u ambigwitajiet fit-test. Sabiex jiġi żgurat li r-Regolament jirrifletti l-iktar sejbiet reċenti tal-Awtorità u sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju fir-rigward tal-applikazzjoni korretta tiegħu, jenħtieġ li r-Regolament jiġi emendat u kkoreġut. |
|
(3) |
L-awtorizzazzjoni ta' diversi sustanzi fit-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament tirreferi għan-nota (1) fit-Tabella 3 ta' dak l-Anness. Għalhekk, il-konformità tiġi vverifikata permezz tal-kontenut residwu għall-erja tas-superfiċe ta' kuntatt mal-ikel (QMA), sakemm ma jkunx hemm metodu analitiku biex tiġi stabbilita l-migrazzjoni speċifika. Peress li hemm metodi adegwati ta' ttestjar tal-migrazzjoni, u ġew speċifikati l-limiti ta' migrazzjoni speċifika, jenħtieġ li l-possibbiltà li l-konformità tiġi vverifikata permezz tal-kontenut residwu titneħħa mill-entrati għal sustanzi bin-Nri tal-FCM 142, 168, 202, 387, 462, 467, 481, 502, 662 u 779. |
|
(4) |
L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika (3) favorevoli dwar l-użu tas-sustanza dietil[[3,5-bis(1,1-dimetiletil)-4-idrossifenil]metil]fosfonat, bin-numru tas-CAS 976-56-7 u s-sustanza bin-Nru tal-FCM 1007. L-Awtorità kkonkludiet li s-sustanza mhijiex ta' tħassib għas-sikurezza tal-konsumatur jekk tintuża sa 0,2 % tal-piż skont il-piż abbażi tal-piż finali tal-polimeri fil-proċess ta' polimerizzazzjoni għall-manifattura ta' polietilentereftalat (PET) maħsub għall-kuntatt ma' kull tip ta' ikel fi kwalunkwe kundizzjoni ta' kuntatt ta' ħin u ta' temperatura. Għalhekk, jenħtieġ li dik is-sustanza tiżdied mal-lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni bir-restrizzjoni li tintuża biss fil-proċess ta' polimerizzazzjoni fil-proċess ta' polimerizzazzjoni għall-manifattura tal-PET u sa 0,2 % (tal-piż skont il-piż). Peress li l-Awtorità indikat li s-sustanza tintuża fil-proċess ta' polimerizzazzjoni u ssir parti mis-sinsla polimerika tal-polimeru finali, jenħtieġ li tiġi elenkata bħala sustanza inizjali. |
|
(5) |
L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika (4) favorevoli dwar l-użu tas-sustanza (aċidu metakriliku, akrilat etiliku, akrilat n-butil, metakrilat tal-metil u butadjen) kopolimerika fin-nanoforma, mas-sustanza bin-Nru tal-FCM 1016. L-Awtorità kkonkludiet li s-sustanza mhijiex ta' tħassib għas-sikurezza tal-konsumatur jekk tintuża bħala addittiv sa 10 % tal-piż skont il-piż fil-klorur tal-polivinil (PVC) mhux plastiċizzat jew sa 15 % tal-piż skont il-piż fil-poliattur (PLA) mhux plastiċizzat, li jintuża f'kuntatt ma' kull tip ta' ikel, f'temperatura ambjentali jew inqas, għal ħżin fit-tul. Għalhekk, jenħtieġ li dan l-addittiv jiġi inkluż fil-lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni bir-restrizzjoni li jenħtieġ li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jiġu ssodisfati. |
|
(6) |
L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika (5) favorevoli dwar l-użu tal-addittiv tat-tafal montmorillonit immodifikat bil-klorur tad-dimetildialkil(C16-C18)ammonju bin-Nru tal-FCM 1030. L-Awtorità kkonkludiet li l-użu tat-taħlita mhuwiex ta' tħassib għas-sikurezza jekk is-sustanza tintuża sa 12 % tal-piż skont il-piż fil-poljolefini maħsuba għall-ikel niexef li għalih huwa assenjat is-simulant E fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 10/2011, u jekk tintuża f'temperatura ambjentali jew inqas, u jekk il-migrazzjoni tas-sustanzi 1-kloroeżadekan u 1-kloroottadekan li jistgħu jkunu preżenti bħala impuritajiet jew bħala prodotti ta' degradazzjoni ma taqbiżx iż-0,05 mg/kg ta' ikel. L-Awtorità nnutat li l-partikuli jaf jiffurmaw pjastrini li jistgħu jkunu f'dimensjoni waħda fil-medda nano iżda li l-migrazzjoni ta' dawn il-pjastrini ma tkunx mistennija jekk dawn ikunu orjentati b'mod parallel mas-superfiċe tar-rita u meta jkunu integrati għalkollox fil-polimeri. Għalhekk, jenħtieġ li dak l-addittiv jiġi inkluż fil-lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni bir-restrizzjoni li jenħtieġ li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jiġu ssodisfati. |
|
(7) |
L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika (6) favorevoli dwar l-użu tal-addittiv aċetat tal-α-tokoferol bin-Nru tal-FCM 1055, u n-Nri tas-CAS 7695-91-2 u 58-95-7. L-Awtorità kkonkludiet li l-użu tas-sustanza bħala antiossidant fil-poljolefini mhuwiex ta' tħassib għas-sikurezza. L-Awtorità nnutat li s-sustanza tidrolizza mat-α-tokoferol u mal-aċidu aċetiku li t-tnejn huma addittivi tal-ikel awtorizzati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). B'hekk, hemm riskju li jinqabżu r-restrizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u li huma applikabbli għal dawk iż-żewġ prodotti tal-idroliżi. Għaldaqstant, jenħtieġ li dak l-addittiv jiġi inkluż fil-lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni bir-restrizzjoni li jista' jintuża biss bħala antiossidant fil-poljolefini, u jenħtieġ li tiżdied nota li r-restrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 iridu jiġu ssodisfati. |
|
(8) |
L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika (8) favorevoli dwar l-użu tal-addittiv tal-qxur taż-żerriegħa mitħuna tal-ġirasol bin-Nru tal-FCM 1060. L-Awtorità kkonkludiet li l-użu tas-sustanza mhuwiex ta' tħassib għas-sikurezza jekk din tintuża bħala addittiv fl-oġġetti tal-plastik maħsuba għall-kuntatt ma' ikel niexef, jekk dawn jintużaw f'temperatura ambjentali jew inqas. Jenħtieġ li l-qxur taż-żerriegħa jinkisbu minn żrieragħ tal-ġirasol li jkunu tajbin għall-konsum mill-bniedem u jenħtieġ li l-plastik li jitpoġġa fih l-addittiv ikun soġġett għal temperaturi tal-ipproċessar li ma jkunux ogħla minn 240 °C. Għalhekk, jenħtieġ li dak l-addittiv jiġi inkluż fil-lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni bir-restrizzjoni li jista' jintuża biss f'kuntatt ma' ikel li għalih ikun assenjat is-simulant E fit-Tabella 2 tal-Anness III, u jekk jinkiseb minn żrieragħ tal-ġirasol li jkunu tajbin għall-konsum mill-bniedem, u l-plastik li jirriżulta u li jitpoġġa fih l-addittiv ma jkunx soġġett għal temperaturi tal-ipproċessar li jkunu ogħla minn 240 °C. |
|
(9) |
L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika (9) favorevoli dwar l-użu tat-taħlita ddefinita bin-Nru tal-FCM 1062, komposta minn 97 % ortosilikat tetraetil (TEOS) bin-Nru tas-CAS 78-10-4 u minn 3 % eżametildisilażan (HMDS) bin-Nru tas-CAS 999-97-3. L-Awtorità kkonkludiet li t-taħlita mhijiex ta' tħassib għas-sikurezza jekk tintuża sa 0,12 % (tal-piż skont il-piż) bħala sustanza inizjali waqt ir-riċiklaġġ tal-PET. Għalhekk, jenħtieġ li t-taħlita tiżdied bħala sustanza inizjali fil-lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni bir-restrizzjoni li tintuża biss waqt ir-riċiklaġġ tal-PET u sa 0,12 % (tal-piż skont il-piż). |
|
(10) |
L-Awtorità adottat opinjoni dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika marbuta mal-preżenza ta' nikil fl-ikel u fl-ilma tajjeb għax-xorb (10). L-opinjoni tistabbilixxi doża tollerabbli ta' kuljum (TDI) ta' 2,8 μg ta' nikil għal kull kg ta' piż tal-ġisem għal kull ġurnata, u tindika li l-esponiment kroniku medju fid-dieta għan-nikil huwa 'l fuq mit-TDI, b'mod partikolari meta titqies il-popolazzjoni taż-żgħażagħ. B'hekk, huwa xieraq li jiġi applikat fattur ta' allokazzjoni ta' 10 % għal-limitu ta' migrazzjoni li jkun idderivat b'mod konvenzjonali. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi applikat limitu ta' migrazzjoni ta' 0,02 mg/kg ta' ikel għall-migrazzjoni tan-nikil minn materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Għalhekk, jenħtieġ li dak il-limitu jiżdied mal-ispeċifikazzjoni għall-migrazzjoni tal-metall fl-Anness II tar-Regolament. |
|
(11) |
Il-punt 4 tal-Anness III tar-Regolament jassenja kombinazzjonijiet ta' simulanti li jkunu rappreżentattivi għal tipi differenti ta' ikel li jenħtieġ li jintużaw għall-ittestjar tal-migrazzjoni globali. It-test tal-punt 4 mhux ċar biżżejjed u għaldaqstant jenħtieġ li jiġi ċċarat. |
|
(12) |
Il-punt 8(iii) tal-Anness IV tar-Regolament jistabbilixxi li d-Dikjarazzjoni ta' Konformità maħruġa minn operatur tan-negozju tista' tispeċifika l-proporzjon tal-erja tas-superfiċe ta' kuntatt mal-ikel mal-volum li ntuża biex ġiet stabbilita l-konformità tal-materjal jew tal-oġġett. Madankollu, mhux dejjem ikun ċar għall-operatur li jirċievi l-materjal jew l-oġġett jekk dan il-proporzjon ikunx ukoll l-ogħla proporzjon li bih ikun konformi mal-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament. F'każijiet oħra, jaf li ma jkunx jagħmel sens li jiġi speċifikat il-proporzjon tas-superfiċje mal-volum biex wieħed jifhem jekk il-konformità tistax titqies issodisfata fil-proporzjonijiet tal-materjal jew tal-oġġett finali. F'dawn il-każijiet, ikun hemm bżonn ta' tagħrif ekwivalenti, bħal pereżempju l-volum minimu tal-imballaġġ fil-każ ta' kapep u lukketti. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-punt 8(iii) tal-Anness IV tar-Regolament jiġi ċċarat billi ssir referenza għall-ogħla proporzjon tas-superfiċe mal-volum li bih tkun ġiet stabbilita l-konformità skont l-Artikoli 17 u 18 jew għal tagħrif ekwivalenti. |
|
(13) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 10/2011 jiġi emendat skont dan. |
|
(14) |
Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv u biex l-operaturi tan-negozju jingħataw biżżejjed żmien biex jaġġustaw il-prattiki tagħhom biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu pprovduti miżuri tranżizzjonali. |
|
(15) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi I, II, III u IV tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik li jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 10/2011 kif applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jitqiegħdu fis-suq sad-19 ta' Mejju 2018 u jistgħu jibqgħu fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-punt 2 tal-Anness għandu japplika mid-19 ta' Mejju 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' April 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta' Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1).
(3) EFSA Journal 2016;14(7):4536.
(4) EFSA Journal 2015;13(2):4008.
(5) EFSA Journal 2015;13(11):4285.
(6) EFSA Journal 2016;14(3):4412.
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).
(8) EFSA Journal 2016;14(7):4534.
(9) EFSA Journal 2016;14(1):4337.
(10) EFSA Journal 2015;13(2):4002.
ANNESS
Ir-Regolament (UE) Nru 10/2011 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
L-Anness I huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
fil-punt 1 tal-Anness II, il-frażi li ġejja tiddaħħal wara Manganiż: “Nikil = 0,02 mg/kg ta' ikel jew ta' simulant tal-ikel.”; |
|
(3) |
Fl-Anness III, il-punt 4 jinbidel b'dan li ġej: “4. Assenjazzjoni tas-simulanti tal-ikel għall-ittestjar tal-migrazzjoni ġenerali Sabiex it-testijiet juru l-konformità mal-limitu ta' migrazzjoni ġenerali, is-simulanti tal-ikel għandhom jintgħażlu kif stabbilit fit-Tabella 3: Tabella 3 Assenjazzjoni tas-simulanti tal-ikel biex tintwera l-konformità mal-limitu ta' migrazzjoni ġenerali
|
|
(4) |
Fl-Anness IV, il-punt 8(iii) jinbidel b'dan li ġej:
|