27.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/2


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/736

tas-26 ta' April 2017

li jemenda l-Anness VIII tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 f'dak li jirrigwarda l-approvazzjoni tal-programm nazzjonali tas-Slovenja għall-kontroll tal-iscrapie klassika

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-punt 3.1(b) tat-Taqsima A tal-Kapitolu A tal-Anness VIII tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatiji sponġiformi li tinxtered (TSEs) f'annimali bovini, ovini u kaprini. Dan japplika għall-produzzjoni u l-introduzzjoni fis-suq ta' annimali ħajjin u ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u, f'ċerti każijiet speċifiċi, għall-esportazzjonijiet tagħhom.

(2)

L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula li l-introduzzjoni fis-suq jew, jekk meħtieġ, l-esportazzjoni ta' annimali bovini, ovini u kaprini u s-semen, l-embrijuni u l-ova tagħhom huma soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VIII tiegħu. Il-punt 3.1(a) tat-Taqsima A tal-Kapitolu A ta' dak l-Anness jistipula li Stat Membru li jkollu programm nazzjonali għall-kontroll tal-iscrapie klassika (“programm nazzjonali”) li jkopri t-territorju kollu tiegħu jista' jippreżenta l-programm nazzjonali tiegħu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Il-punt 3.1(b) ta' dik it-Taqsima jistipula li l-Kummissjoni tista' tapprova l-programm nazzjonali jekk ikun konformi mal-kriterji stipulati fil-punt 3.1(a) ta' dik it-Taqsima. Il-punt 3.2 ta' dik it-Taqsima jelenka l-Istati Membri li l-programmi nazzjonali tagħhom ġew approvati.

(3)

Fit-13 ta' Settembru 2016, is-Slovenja ppreżentat lill-Kummissjoni talba għall-approvazzjoni tal-programm nazzjonali tagħha. Fit-8 ta' Jannar 2017, wara talbiet għal aktar informazzjoni, is-Slovenja ppreżentat programm nazzjonali emendat li jipprovdi kjarifika u aktar informazzjoni dwar ċerti aspetti tal-programm stess. Jenħtieġ li dak il-programm nazzjonali emendat jiġi approvat, billi jikkonforma mal-kriterji stipulati fil-punt 3.1(a) tat-Taqsima A tal-Kapitolu A tal-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-punt 3.2 tat-Taqsima A tal-Kapitolu A tal-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġi emendat sabiex is-Slovenja tiżdied fil-lista ta' Stati Membri bi programmi nazzjonali approvati.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-punt 3.2 tat-Taqsima A tal-Kapitolu A jinbidel b'dan li ġej:

“3.2.

Il-programmi nazzjonali għall-kontroll tal-iscrapie tal-Istati Membri li ġejjin huma b'dan approvati:

id-Danimarka,

is-Slovenja.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.