|
25.4.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 107/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/723
tas-16 ta' Frar 2017
li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta' pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 77(7) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fid-dawl tal-esperjenza miksuba wara l-introduzzjoni tal-pagament għal prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-klima u għall-ambjent (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-pagament ta' ekoloġizzazzjoni”) kif previst fil-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), huwa xieraq li jiġu ssimplifikati ċerti regoli dwar il-metodu ta' kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni stabbilit fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 (3). |
|
(2) |
Fis-sistema integrata ta' amministrazzjoni u ta' kontroll, il-kalkolu tal-għajnuna li l-benefiċjarju jkun intitolat għaliha jissejjes fuq il-kunċett ta' grupp ta' għelejjel. Madankollu jidher li dan il-kunċett mhuwiex neċessarju fil-kuntest speċifiku tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni, billi l-pagament ta' ekoloġizzazzjoni jrid jissejjes fuq l-erja totali tal-azjenda. Għalhekk, fl-interess tas-simplifikazzjoni, jenħtieġ li l-kunċett ta' grupp ta' għelejjel jiġi abolit għall-pagament ta' ekoloġizzazzjoni. |
|
(3) |
L-Artikoli 24 u 26 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jistabbilixxu r-regoli għall-kalkolu tat-tnaqqis tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel u mar-rekwiżiti tal-erja b'fokus ekoloġiku, rispettivament. Dawk il-kalkoli jinkludu proporzjon ta' differenza u fattur ta' tnaqqis ta' 50 %. Għal raġunijiet ta' kjarifika, mingħajr ma jinbidel il-livell tat-tnaqqis, huwa ġġustifikat li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu rriformulati u li l-proporzjon ta' differenza kif ukoll il-fattur ta' tnaqqis ta' 50 % jiġu sostitwiti b'multiplikatur. |
|
(4) |
Bil-ħsieb li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-livell ta' severità tat-tnaqqis u l-ħtieġa li jiġi ppreservat tnaqqis proporzjonat u ġust, huwa xieraq li jittaffa t-tnaqqis tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni meta l-obbligu tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel jeħtieġ il-kultivazzjoni ta' tliet għelejjel differenti. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jiġi emendat skont dan. |
|
(6) |
Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jkollhom jadattaw is-sistemi tagħhom ta' kalkolu tal-pagamanent għas-sena tat-talba 2016 matul il-perjodu ta' pagament, u biex tingħata previdibbiltà lill-benefiċjarji rigward liema regoli huma applikabbli għall-kalkolu tal-pagament, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mis-16 ta' Ottubru 2017 fir-rigward tas-snin ta' talba li jibdew mill-1 ta' Jannar 2017, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014
Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
L-Artikolu 22 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 22 Prinċipji ġenerali Għall-finijiet ta' din it-Taqsima, meta l-istess erja tiġi stabbilita għal iżjed minn waħda mill-prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-klima u għall-ambjent kif imsemmi fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dik l-erja għandha titqies b'mod separat għal kull waħda minn dawk il-prattiki bil-ħsieb li jiġi kkalkolat il-pagament għall-prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-klima u għall-ambjent, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-pagament ta' ekoloġizzazzjoni”.”; |
|
(2) |
Fl-Artikolu 23(2), l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej: “2. Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattivi applikabbli skont l-Artikolu 28, jekk l-erja ddikjarata f'applikazzjoni unika għall-pagament bażiku jew il-pagament uniku skont l-erja taqbeż l-erja stabbilita, l-erja stabbilita għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni.”; |
|
(3) |
L-Artikolu 24 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 24 Tnaqqis tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni f'każ ta' nuqqas ta' konformità mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel 1. Fir-rigward tar-raba' li għalih l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jirrikjedi minn tal-inqas żewġ għelejjel differenti filwaqt li l-għalla ewlenija ma għandhiex tkopri aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba', iżda l-erja stabbilita għall-għalla ewlenija tkun tkopri aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita, l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament għandha titnaqqas bid-doppju tal-erja tal-għalla ewlenija li teċċedi l-75 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita. 2. Fir-rigward tar-raba' li għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jirrikjedi minn tal-inqas tliet għelejjel differenti filwaqt li l-għalla ewlenija ma għandhiex tkopri aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba', iżda l-erja stabbilita għall-għalla ewlenija tkun tkopri aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita, l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament għandha titnaqqas bl-erja tal-għalla ewlenija li teċċedi l-75 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita. 3. Fir-rigward tar-raba' li għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jirrikjedi minn tal-inqas tliet għelejjel differenti filwaqt li ż-żewġ għelejjel ewlenin ma għandhomx ikopru aktar minn 95 % tal-erja totali tar-raba', iżda l-erja stabbilita għall-għelejjel ewlenin tkun tkopri aktar minn 95 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita, l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament għandha titnaqqas b'ħames darbiet l-erja taż-żewġ għelejjel ewlenin li teċċedi l-95 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita. 4. Fir-rigward tal-azjendi li għalihom l-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jirrikjedi li l-għalla ewlenija fuq il-kumplament tar-raba' ma għandhiex tkopri iżjed minn 75 % ta' dak il-kumplament tar-raba', iżda l-erja stabbilita għall-għalla ewlenija fuq il-kumplament tar-raba' stabbilit tkun tkopri iżjed minn 75 %, l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament għandha titnaqqas bid-doppju tal-erja tal-għalla ewlenija li teċċedi l-75 % tal-kumplament tar-raba' stabbilit. 5. Meta benefiċjarju jinstab li ma jkunx konformi mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel kif deskritt f'dan l-Artikolu għal tliet snin, l-erja li biha trid titnaqqas l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont il-paragrafi 1 sa 4 għas-snin sussegwenti għandha tiġi mmultiplikata bi tnejn.”; |
|
(4) |
Fl-Artikolu 26, il-paragrafi 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej: “2. Jekk l-erja b'fokus ekoloġiku meħtieġa taqbeż l-erja b'fokus ekoloġiku li tkun stabbilita, filwaqt li titqies il-ponderazzjoni tal-erjas b'fokus ekoloġiku kif previst fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament għandha titnaqqas b'10 darbiet l-erja b'fokus ekoloġiku li ma tkunx ġiet stabbilita. Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-erja b'fokus ekoloġiku li tkun stabbilita ma għandhiex taqbeż is-sehem tal-erjas b'fokus ekoloġiku li jkunu ġew iddikjarati fl-erja totali ta' raba' ddikjarata. 3. Meta benefiċjarju ma jinstabx konformi mar-rekwiżiti tal-erja b'fokus ekoloġiku kif deskritt f'dan l-Artikolu għal tliet snin, l-erja li biha trid titnaqqas l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont il-paragrafu 2 għas-snin sussegwenti għandha tiġi mmultiplikata bi tnejn.”. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mis-16 ta' Ottubru 2017 għall-applikazzjonijiet ta' għajnuna fir-rigward tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni u għall-applikazzjonijiet uniċi relatati mas-snin tat-talba li jibdew mill-1 ta' Jannar 2017.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16ta' Frar 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta' pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 48).