11.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 98/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/678

tal-10 ta' April 2017

li jagħmel l-importazzjonijiet tal-bajsikils konsenjati mis-Sri Lanka, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mis-Sri Lanka u kemm jekk le, sakemm ikunu jikkonċernaw il-kumpanija Sri Lankana City Cycle Industries, suġġetti għal reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) u 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

A.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

(1)

Il-prodott ikkonċernat minn din ir-reġistrazzjoni huma bajsikils u roti oħrajn tagħhom (inklużi triċikletti għat-tqassim, imma esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati, koperti mill-kodiċijiet NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70 u kkonsenjati mis-Sri Lanka, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mis-Sri Lanka u kemm jekk le, sakemm ikunu jikkonċernaw il-kumpanija Sri Lankana City Cycle Industries.

B.   IS-SENTENZA TAL-QORTI

(2)

Fis-sentenza tagħha tad-19 ta' Marzu 2015 fil-Kawża T-413/13 City Cycle Industries. vs il-Kunsill  (2), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti Ġenerali”) annullat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 tad-29 ta' Mejju 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (3) (“ir-Regolament ikkontestat”), sa fejn japplika għall-kumpanija Sri Lankana City Cycle Industries.

(3)

Bis-sentenza tagħha tas-26 ta' Jannar 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QtĠ”) ċaħdet l-appelli kontra dik is-sentenza mill-industrija tal-Unjoni (C-248/15 P), mill-Kummissjoni Ewropea (C-254/15 P) u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C-260/15 P).

(4)

B'mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-paragrafu 73 tas-sentenza tagħha, li l-premessa 78 tar-Regolament ikkontestat ma kien fiha l-ebda analiżi individwali ta' prattiki ta' ċirkomvenzjoni li City Cycle Industries setgħu kienu involuti fihom. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-paragrafi 75 u 76, ikkonstatat ukoll li l-konklużjoni dwar l-eżistenza ta' operazzjonijiet ta' trasbord fis-Sri Lanka ma setgħux ikunu legalment ibbażati biss fuq iż-żewġ konstatazzjonijiet li saru espressament mill-Kunsill, jiġifieri, l-ewwel, li kien hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ u, it-tieni, li xi wħud mill-produtturi esportaturi naqsu milli jikkooperaw.

(5)

Minħabba dik is-sentenza, l-importazzjonijiet ta' bajsikils fl-Unjoni Ewropea ma għadhomx suġġetti għall-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tar-Regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernaw lil City Cycles Industries.

(6)

Wara s-sentenza tal-QtĠ, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa' tiftaħ parzjalment l-investigazzjoni ta' kontra ċ-ċirkomvenzjoni li tikkonċerna l-importazzjonijiet tal-bajsikils ikkonsenjati mis-Sri Lanka, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mis-Sri Lanka u kemm jekk le, li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat u li tkompliha mill-punt fejn kienet seħħet l-irregolarità. Il-ftuħ mill-ġdid huwa limitat fil-kamp tal-applikazzjoni tiegħu għall-implimentazzjoni tas-sentenza tal-QtĠ fir-rigward ta' City Cycle Industries.

C.   TALBA

(7)

Wara l-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-QtĠ, il-European Bicycle Manufacturers Association u Maxcom Ltd (“l-applikanti”) talbu li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat sa fejn jikkonċerna lil City Cycle Industries ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku biex b'hekk il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati, sussegwentement, fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' dik ir-reġistrazzjoni.

D.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(8)

L-applikanti sostnew li hemm periklu reali u immedjat li l-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn City Cycle Industries terġa' tibda bi kwantitajiet sinifikanti peress li fil-passat City Cycle Industries kienet kapaċi tistabbilixxi malajr attivitajiet ta' ċirkomvenzjoni tal-assemblaġġ tal-bajsikils fuq skala kbira fis-Sri Lanka u li l-kumpanija Sri Lankana kellha klijent kbir fl-Unjoni għaċ-ċirkomvenzjoni tal-bajsikils. Barra minn hekk, minħabba l-ammont baxx ta' investiment meħtieġ għall-operazzjonijiet ta' assemblaġġ, u l-fatt li l-kumpanija Sri Lankana diġà kellha l-kompetenzi u l-esperjenza neċessarji ma' dan it-tip ta' attivitajiet, l-applikanti sostnew li x'aktarx li City Cycle Industries tirritorna malajr ħafna għal livell għoli simili ta' ċirkomvenzjoni tal-esportazzjonijiet mis-Sri Lanka.

(9)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista' titlob lill-awtoritajiet tad-dwana jieħdu l-passi meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu sussegwentement applikati fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' dik ir-reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li tkun tinkludi evidenza suffiċjenti li tiġġustifika tali azzjoni.

(10)

It-talba fiha biżżejjed evidenza biex ir-reġistrazzjoni tkun ġustifikata.

(11)

Is-sentenza tal-QtĠ hija limitata għall-analiżi individwali tal-prattiki ta' ċirkomvenzjoni li City Cycle Industries setgħu kienu involuti fihom. Ta' min ifakkar li konstatazzjonijiet magħmula fir-Regolament ikkontestat, li ma kinux ikkontestati qabel l-iskadenza tal-perjodi preskrittivi għall-kontestazzjoni jew li ġew miċħuda mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali u għalhekk ma wasslux għall-annullament tar-Regolament ikkontestat, jibqgħu validi.

(12)

Fid-dawl ta' li ntqal fuq, huwa kkunsidrat li l-effett ta' rimedju tal-miżura ta' kontra ċ-ċirkomvenzjoni x'aktarx li tkun imminata serjament, sakemm ma tiġix applikata retroattivament. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni f'dan il-każ ġew issodisfati.

E.   PROĊEDURA

(13)

Fid-dawl ta' li ntqal fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba tal-applikanti fiha biżżejjed evidenza biex l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru suġġetti għal reġistrazzjoni, b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(14)

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

F.   REĠISTRAZZJONI

(15)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għandhom isiru suġġetti għal reġistrazzjoni biex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni li tkun reġgħet infetħet tirriżulta f'sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni mill-ġdid ta' dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu ssodisfati, jiġu intaxxati retroattivament skont id-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli. Kull responsabilità futura tiġi mill-konstatazzjonijiet tal-investigazzjoni anti-dumping li tkun reġgħet infetħet.

G.   IPPROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI

(16)

Kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b'dan diretti, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta' bajsikils u roti oħrajn (inklużi triċikletti għat-tqassim, imma esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati, koperti mill-kodiċijiet NM ex 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (kodiċijiet TARIC 8712003010, 8712007091) ikkonsenjati mis-Sri Lanka, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mis-Sri Lanka u kemm jekk le sa fejn jikkonċernaw lil City Cycle Industries (kodiċi addizzjonali TARIC B131). Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, biex jipprovdu evidenza ta' sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 20 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU C 274, 21.9.2013.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 tad-29 ta' Mejju 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).