6.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/68


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/649

tal-5 ta' April 2017

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri Proviżorji

(1)

Fis-7 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping proviżorju fuq importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar f'koljaturi jew le (inklużi prodotti “cut-to-length” u “strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar ħlief b'laminazzjoni termali, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin (“il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1778 (2) (“ir-Regolament proviżorju”).

(2)

L-investigazzjoni kienet bdiet fit-13 ta' Frar 2016 (3) wara lment li kien ippreżentat fl-4 ta' Jannar 2016 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“Eurofer” jew “l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar.

(3)

Kif iddikjarat fil-premessa (23) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni ta' dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015 (“il-perjodu ta' investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sat-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

(4)

Kif imsemmi fil-premessa (3) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni bdiet ukoll iż-żewġ investigazzjonijiet li ġejjin:

(a)

Fit-13 ta' Mejju 2016 (4), investigazzjoni kontra s-sussidji fuq importazzjonijiet tal-istess prodott li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

(b)

Fis-7 ta' Lulju 2016 (5), investigazzjoni antidumping dwar importazzjonijiet tal-istess prodott li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja, is-Serbja u l-Ukrajna.

1.2.   Reġistrazzjoni

(5)

Kif iddikjarat fil-premessa (4) tar-Regolament proviżorju, fil-5 ta' April 2016 min għamel l-ilmenti ppreżenta talba għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mir-RPĊ tal-prodott ikkonċernat. Fit-2 ta' Ġunju 2016, min għamel l-ilment aġġorna t-talba billi pprovda data finanzjarja aktar reċenti, iżda fil-11 ta' Awwissu 2016, irtiraha.

1.3.   Proċedura sussegwenti

(6)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbażi tagħhom ġie impost id-dazju antidumping proviżorju (id-divulgazzjoni proviżorja), għadd ta' partijiet interessati għamlu preżentazzjonijiet bil-miktub. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità.

(7)

Kif stipulat fid-dettall fil-premessi minn (135) u segwenti hawn taħt, parti interessata ġiet mistiedna mis-servizzi tal-Kummissjoni biex titlob l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta f'ċerti proċeduri kummerċjali (“l-Uffiċjal tas-Seduta”) dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli proviżorji u dwar id-dritt tagħha li jkollha aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali. Is-seduta ta' smigħ saret fis-7 ta' Frar 2017.

(8)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għall-konklużjonijiet definittivi tagħha. Biex ikollha aktar informazzjoni komprensiva għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-Unjoni (skont it-tip ta' prodott għal kull trimestru tal-perjodu ta' investigazzjoni), il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun intalbu jipprovdu data addizzjonali. Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun kollha pprovdew l-informazzjoni mitluba.

(9)

Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet biħsiebha timponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni definittiva.

(10)

Fejn xieraq, il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu.

1.4.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

(11)

Il-premessa (24) tar-Regolament proviżorju stipulat id-definizzjoni proviżorja tal-prodott ikkonċernat.

(12)

Il-premessi minn (29) sa (35) tar-Regolament proviżorju stipulaw it-talba minn produttur esportatur Ċiniż u minn importatur biex l-azzar tal-għodda u l-azzar ta' veloċità għolja jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott, u r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni eskludiet proviżorjament l-azzar tal-għodda u l-azzar ta' veloċità għolja mill-ambitu tal-prodott.

(13)

Wara d-divulgazzjoni definittiva l-ilmentatur tenna l-kumment tiegħu li din it-talba ma' kellhiex bażi soda u li hemm riskju ta' ċirkomvenzjoni fil-każ li dawn it-talbiet jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni osservat li hi diġà kkunsidrat ir-riskju ta' evażjoni fl-istadju proviżorju. Kif stipulat fil-premessa (34) tar-Regolament proviżorju, hija kkonstatat li l-importazzjonijiet tal-azzar tal-għodda u l-azzar ta' veloċità għolja, mill-aspett ta' volum jirrappreżentaw madwar 1,25 % tal-importazzjonijiet totali Ċiniżi matul l-2015, u li jaqgħu taħt kodiċijiet NM speċifiċi differenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda evidenza li tista' tindika bidla fil-mudell tan-negozju wara l-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji, u dan jissuġġerixxi evażjoni potenzjali.

(14)

Minħabba r-raġunijiet stipulati fil-premessi minn (32) sa (34) tar-Regolament proviżorju u fin-nuqqas ta' fatti jew evidenza ġodda, il-Kummissjoni żammet mad-deċiżjoni tagħha li teskludi l-azzar tal-għodda u l-azzar ta' veloċità għolja mill-ambitu tal-prodott.

(15)

Il-premessi minn (36) sa (37) tar-Regolament proviżorju stipulaw it-talba ta' utent Taljan biex jiġu esklużi tipi ta' prodotti oħrajn mill-ambitu tal-prodott. Kif iddikjarat fil-premessi (38) u (39) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni proviżorjament irrifjutat dawn it-talbiet iżda ddikjarat li tinvestiga ulterjorment din it-talba għall-esklużjoni tal-prodotti. Wara d-divulgazzjoni proviżorja, dan l-utent Taljan tenna t-talba tiegħu.

(16)

Matul żjara ta' verifika fil-post tal-kumpanija, il-Kummissjoni ppruvat tiċċara l-punti li semma dan l-utent.

(17)

Iżda l-utent ma offra l-ebda element ġdid matul dawn id-diskussjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet dawn it-talbiet u kkonfermat il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi (38) u (39) tar-Regolament proviżorju.

(18)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-utent Taljan tenna t-talba tiegħu li tipi tal-azzar Liberi mill-Interstizji (IF), tipi ta' azzar b'fażi doppja, tipi ta' azzar tal-karbonju għoli, u tipi ta' azzar mhux bil-granijiet orjentati jiġu esklużi. Dan l-utent irrefera għal diskussjoni mal-investigaturi tal-Kummissjoni li matulha l-utent qal li li l-uffiċjali tal-Kummissjoni aċċettaw li hemm differenza f'dawk li huma karatteristiċi kimiċi u użi finali bejn tipi “ordinarji” u tipi oħrajn ta' kwalità għolja tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, dan l-utent irrefera għal żewġ investigazzjonijiet oħra fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi ċerti tipi ta' prodotti. L-ewwel każ kien investigazzjoni kontra ċirkomvenzjoni li tirrigwarda ċerti fojl tal-aluminju mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bbażata fuq modifika żgħira allegata tal-prodott. F'dak il-każ, tip partikolari ta' fojl tal-aluminju użat għal ipproċessar ulterjuri ġie allegatament eskluż mill-estensjoni għall-prodott ftit modifikat (6). It-tieni każ kien jirrigwarda investigazzjoni dwar ċerti tipi ta' azzar li huma reżistenti għall-korrożjoni (corrosion resistant steels -CRS) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (7), fejn l-ambitu tal-prodott ġie definit tali biex jeskludi l-gradi awtopropulsivi mill-ambitu tal-miżuri.

(19)

Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba. L-ewwel, il-laqgħa li saret fil-bini tal-kumpanija kienet skambju ta' informazzjoni biex jiġu ċċarati ċerti punti li indika l-utent. L-utent ma jistax inissel aspettattivi leġittimi minn tali tip ta' laqgħa informali. Barra minn hekk, kuntrarju għal dak li qed jgħid l-utent, l-investigaturi tal-Kummissjoni qatt ma qablu li kien hemm differenza bejn ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat f'termini ta' karatteristiċi kimiċi u użi finali. It-tieni, huwa minnu li d-deskrizzjoni attwali u l-kodiċi NM tal-prodott ikkonċernat jinkludu varjetà wiesgħa ta' tipi mill-perspettiva ta' kwalità. Madankollu, il-produzzjoni ta' tipi ta' kwalità għolja tal-prodott ikkonċernat kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-produtturi esportaturi hija inerenti għall-proċess tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, u tipi ogħla ta' kwalità isiru mill-istess materjal bażiku u bl-istess apparat ta' produzzjoni. Għalhekk, dan l-argumenti mhuwiex suffiċjenti biex iwassal għall-konklużjoni mitluba mill-utent. It-tielet, iż-żewġ każijiet li jirreferi għalihom l-utent jinsabu għaddejjin u għadha ma saret l-ebda konklużjoni finali. Aktar minn hekk, waħda miż-żewġ każijiet (il-każ li jikkonċerna t-tip partikolari ta' fojl tal-aluminju) tirrigwarda każ kontra ċ-ċirkomvenzjoni, u għaldaqstant mhuwiex rilevanti. Ir-raba', għat-tipi differenti tal-prodott ikkonċernat inklużi l-hekk imsejħa tipi ta' kwalità għolja, mhuwiex possibbli li tiġi identifikata d-differenza bejn il-ħafna tipi tal-prodott ikkonċernat abbażi ta' spezzjoni viżiva, u għalhekk esklużjoni ma tkunx maniġġabbli mill-awtoritajiet doganali. Il-ħames, f'ħafna każijiet, il-prodotti lanqas biss jistgħu jingħarfu minn analiżi kimika jew minn testijiet mikrostrutturali, minħabba li tali karatteristiċi speċifiċi jitfaċċaw biss matul il-proċess ulterjuri ta' rrumblar bil-kiesaħ. Bħala konklużjoni, dawn it-tipi ta' kwalità relattivament ogħla jissodisfaw għal kollox ukoll id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, u l-ebda argument konvinċenti ma ġie ppreżentat biex jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott ikkonċernat.

(20)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor dwar l-ambitu tal-prodott u l-prodott simili, il-konklużjonijiet li waslu għalihom fil-premessi minn (24) sa (28) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

(21)

Il-prodott ikkonċernat huwa b'hekk definit bħala ċerti prodotti tal-ħadid irrumblati ċatti, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, f'koljaturi jew le (inklużi prodotti “cut-to-length” u “strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar ħlief b'laminazzjoni termali, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin li joriġinaw fir-RPĊ.

Il-prodott ikkonċernat ma jinkludix:

prodotti tal-azzar inossidabbli u azzar elettriku tas-siliċju bil-granijiet orjentati,

prodotti tal-azzar tal-għodda u azzar b'veloċità għolja,

prodotti, mhux f'koljaturi, mingħajr diżinji f'riljev, ta' ħxuna li taqbeż l-10 mm u ta' wisa' ta' 600 mm jew aktar, u

prodotti, mhux f'koljaturi, mingħajr diżinji f'riljev, ta' ħxuna ta' 4,75 mm jew aktar iżda li ma taqbiżx l-10 mm u ta' wisa' ta' 2 050 mm jew aktar.

Il-prodott ikkonċernat bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 7208 10 00, 7208 25 00, 7208 26 00, 7208 27 00, 7208 36 00, 7208 37 00, 7208 38 00, 7208 39 00, 7208 40 00, 7208 52 10, 7208 52 99, 7208 53 10, 7208 53 90, 7208 54 00, 7211 13 00, 7211 14 00, 7211 19 00, ex 7225 19 10, 7225 30 90, ex 7225 40 60, 7225 40 90, ex 7226 19 10, 7226 91 91 u 7226 91 99.

2.   ID-DUMPING

2.1.   Il-valur normali

(22)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji, u wara d-divulgazzjoni definittiva, l-Assoċjazzjoni Ċiniża tal-Ħadid u l-Azzar (Chinese Iron and Steel Association, CISA) qalet li d-differenza bejn il-marġnijiet tad-dannu u tad-dumping tqajjem dubji dwar il-preċiżjoni tal-metodoloġija tal-Kummissjoni. Is-CISA stmat li l-valur normali fil-pajjiż analogu kien 61 % ogħla mill-prezz indikattiv tal-industrija tal-Unjoni. Skont is-CISA, il-valuri normali pprovduti minn produttur li huwa relatat mal-ilmentatur, kif inhu l-każ fl-investigazzjoni attwali, xi drabi huma għoljin wisq.

(23)

Barra minn hekk, is-CISA qalet li, jekk id-data hija korretta fattwalment, fid-dawl ta' differenza bħal din, il-Kummissjoni jinħtieġ li tinvalida l-għażla tal-Istati Uniti bħala pajjiż analogu validu, tagħmel aġġustamenti fid-data jew, minflok, tuża data tal-UE.

(24)

Skont id-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija intitolata li tuża l-prezzijiet ta' kumpaniji relatati mal-produtturi tal-UE meta l-pajjiż analogu jkun xieraq. Dan kien il-każ fl-investigazzjonijiet dwar żbarri u vireg tal-azzar b'reżistenza għolja għar-reħi għar-rinfurzar tal-konkrit (l-Afrika t'Isfel) (8) u dwar prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ (il-Kanada) (9), kif semmiet is-CISA stess. L-eżistenza ta' relazzjoni bejn il-produttur tal-pajjiż analogu u produttur tal-Unjoni ma tinvalidax u lanqas ma taffettwa d-determinazzjoni tal-valur normali li huwa bbażat fuq data vverifikata kif xieraq.

(25)

Il-kalkoli dwar il-valur normali saru u ġew validati skont in-normi ġuridiċi applikabbli. Huma fattwalment korretti.

(26)

L-Istati Uniti huma suq kompetittiv b'għaxar produtturi domestiċi u importazzjonijiet sostanzjali minn ħafna ta' pajjiżi. Għandhom miżuri antidumping u miżuri kompensatorji fis-seħħ li jippermettu lill-kumpaniji tagħhom joperaw f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni. B'hekk, il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni għaliex ma għandhomx jintużaw il-prezzijiet tal-Istati Uniti. Barra minn hekk, ma ngħatat l-ebda evidenza ta' sostenn li tiġġustifika li jsir aġġustament.

(27)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, parti waħda interessata reġgħet esprimiet dubju dwar l-għażla tal-Istati Uniti tal-Amerika bħala pajjiż analogu validu fil-każ preżenti, billi esprimiet dubju dwar l-affidabilità tal-valur normali f'dak il-pajjiż li sabet li huwa għoli wisq meta mqabbel mal-prezz fis-suq tal-Unjoni. Minħabba li d-data tal-pajjiż analogu ġiet ivverifikata u nstabet li hija korretta, l-argument ġie miċħud.

(28)

Rigward is-suġġeriment dwar il-prezzijiet effettivament imħallsin jew li għandhom jitħallsu fl-Unjoni, l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jippermetti l-użu ta' dawn il-prezzijiet biss meta l-użu tal-prezzijiet jew l-esportazzjonijiet ta' pajjiż terz b'ekonomija tas-suq ma jkunx possibbli. Peress li l-użu tal-prezzijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika (il-metodu tal-pajjiż analogu) huwa possibbli fil-każ attwali, dan is-suġġeriment ġie rifjutat.

(29)

B'hekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha dwar il-valur normali.

2.2.   Il-prezzijiet tal-esportazzjoni

(30)

Fl-istadju proviżorju, il-Kummissjoni għamlet aġġustamenti fit-tranżazzjonijiet fejn il-produtturi esportaturi jesportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta' kumpaniji relatati li jaġixxu ta' importatur.

(31)

Dawn l-aġġustamenti saru b'referenza għall-profitt effettiv tal-importaturi relatati.

(32)

Minħabba r-relazzjoni bejn dawn il-produtturi esportaturi u n-negozjanti/importaturi relatati, il-profitti effettivi tal-importaturi relatati għandhom madankollu jitqiesu bħala mhux affidabbli. Għal din ir-raġuni, f'konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, jinħtieġ li jiġi stabbilit marġni ta' profitt adegwat mill-awtorità tal-investigazzjoni fuq bażi raġonevoli. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-profitti magħmulin minn importatur mhux relatat jikkostitwixxu bażi raġonevoli f'din is-sitwazzjoni.

(33)

Madankollu, billi l-Kummissjoni ma kellhiex il-kooperazzjoni ta' importatur mhux relatat matul din l-investigazzjoni, irrikorriet għall-profitt ta' importatur mhux relatat ta' prodott li jixxiebaħ. B'hekk, il-Kummissjoni għamlet użu mill-profitt ta' importatur ta' prodotti tal-azzar ċatti b'laminazzjoni kiesħa, li jixbhu ħafna l-prodott ikkonċernat, kif spjegat fil-premessa (221) tar-regolament proviżorju. Dan il-profitt ġie ddeterminat fl-investigazzjoni dwar il-prodotti ċatti b'laminazzjoni kiesħa tal-azzar imsemmijin fil-premessa (24) hawn fuq. Il-kalkolu tal-prezzijiet tal-esportazzjoni ġie aġġustat bix-xieraq.

2.3.   Il-paragun

(34)

Il-produttur esportatur Jiangsu Shagang Group sostna li l-Kummissjoni ma żvelatx l-aġġustamenti kollha li saru fuq il-prezz tal-esportazzjoni ta' Shagang u għamel referenza għal aġġustament speċifiku. Il-Kummissjoni ċċarat li l-bażi legali għal dan l-aġġustament kien l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku minħabba li jirreferi għal valwazzjoni pożittiva li rċeviet kumpanija relatata li twettaq funzjonijiet li jixbhu lil dawk ta' aġent li jaħdem abbażi ta' kummissjoni. Bħala risposta, Shagang sostna li jinħtieġ li huwa jiġi kkunsidrat bħala entità ekonomika waħda flimkien mal-kumpaniji relatati tiegħu u, b'hekk, jinħtieġ li dan l-aġġustament ma jsirx. Fis-16 ta' Novembru 2016, wara talba minn Shagang, saret seduta ta' smigħ bejn Shagang u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiddiskutu ulterjorment din il-kwistjoni. Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni definittiva, fit-12 ta' Jannar 2017, sar it-tieni smiegħ biex fost l-oħrajn jiġi diskuss dan l-argument.

(35)

Shagang tenniet li l-kumpaniji relatati tagħha (żewġ negozjanti f'Hong Kong u Singapore, rispettivament) jittrattaw il-prodotti ta' Shagang, f'dak li jirrigwarda prodotti tal-azzar biss, u l-fatt li ż-żewġ negozjanti relatati huma involuti wkoll fil-kummerċ ta' prodotti (għajr azzar) li ma tipproduċihomx Shagang huwa irrelevanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' entità ekonomika unika.

(36)

Skont il-każistika stabbilita, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma meħtieġa li jikkunsidraw il-fatturi kollha neċessarji biex jiġi determinat jekk in-negozjant relatat iwettaqx il-funzjonijiet ta' dipartiment integrat tal-bejgħ f'dak il-produttur u li dawk il-fatturi ma jistgħux ikunu limitati għall-prodott ikkonċernat. B'mod partikolari, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom id-dritt li jikkunsidraw fatturi bħall-bejgħ minn negozjanti ta' prodotti li mhumiex il-prodott ikkonċernat kif ukoll il-bejgħ ta' tali negozjant ta' prodotti li huma fornuti minn produtturi li mhumiex il-produttur relatat miegħu. Skont dan, il-Kummissjoni analizzat ħafna fatturi u stabbilixxiet, fost l-oħrajn, li: (i) kien hemm żieda konsistenti fil-prezz mitlub minn kumpanija relatata fiċ-Ċina lin-negozjanti relatati tagħha barra mill-pajjiż; (ii) l-attività ewlenija ta' dawn in-negozjanti, li tammonta għal madwar 90 % tal-fatturat tagħhom, kienet tikkonsisti fil-kummerċ ta' prodotti li mhumiex il-prodott ikkonċernat inkluż attivitajiet kummerċjali ma' partijiet mhux relatati; (iii) f'ċerti każi, instab li kienu tħallsu tariffi u spejjeż fuq bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni; (iv) il-liċenzja kummerċjali ta' wieħed minn dawn in-negozjanti relatati kienet tiddeskrivi l-attivitajiet prinċipali tagħha bħala “bejgħ bl-ingrossa fuq il-bażi ta' kummissjoni jew kuntratt, pereż. kummissjonarji”, (v) fuq il-bażi tar-rapport tal-introjtu ġie stabbilit li l-profitt tan-negozjanti relatati nfushom kien ikopri l-ispejjeż kollha relevanti, minflok ma dawn l-ispejjeż ġew koperti mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-kumpanija omm. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-negozjanti relatati u Shagang ma jiffurmawx entità ekonomika unika. Għalhekk it-talba ġiet rifjutata u l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku nżamm.

2.4.   Il-marġni tad-dumping

(37)

Minħabba l-korrezzjoni li saret fid-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni msemmi fil-premessa (33) iktar 'il fuq, il-marġnijiet tad-dumping ta' żewġ gruppi ta' kumpaniji ġew ikkalkulati mill-ġdid u dan wassal għal żieda żgħira. Din iż-żieda kellha impatt ukoll fuq il-marġni ta' dumping tal-kumpaniji l-oħrajn kollha, kemm dawk li kkooperaw kif ukoll dawk li ma kkooperawx, minħabba li dan il-marġni huwa bbażat fuq il-marġnijiet tal-kumpaniji li kkooperaw.

(38)

Il-marġnijiet definittivi tad-dumping mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Tabella 1

Marġnijiet ta' dumping, ir-RPĊ

Produtturi esportaturi Ċiniżi

Marġni ta' dumping definittiv

Bengang Steel Plates Co., Ltd

97,3 %

Hesteel Group Co., Ltd

95,5 %

Jiangsu Shagang Group

106,9 %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

100,5 %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

106,9 %

3.   DANNU

3.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(39)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi minn (62) sa (66) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.2.   Il-Konsum tal-Unjoni

(40)

Parti interessata qalet li l-konsum kumplessiv tal-Unjoni ġie sottovalutat minħabba li l-bejgħ mill-produtturi tal-Unjoni lil kumpaniji relatati, li jsir f'kundizzjonijiet komparabbli lil dawk li jingħataw lis-suq ħieles, ġew esklużi mill-kalkolu tal-konsum tal-Unjoni.

(41)

Din it-talba ma ntlaqgħetx: L-ewwel, kif stipulat fil-premessa (69) tar-Regolament proviżorju, id-distinzjoni bejn is-suq magħluq u s-suq ħieles hija rilevanti għall-analiżi tad-dannu għaliex il-prodotti maħsuba għal użu ristrett mhumiex esposti għall-kompetizzjoni diretta mill-importazzjonijiet, u l-prezzijiet ta' trasferiment huma ffissati fil-grupp skont politiki differenti tal-prezzijiet. Għall-kuntrarju, il-produzzjoni destinata għas-suq ħieles hija f'kompetizzjoni diretta mal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, u l-prezzijiet huma prezzijiet tas-suq ħieles. It-tieni, is-suq ħieles kumplessiv jinkludi bejgħ tal-produtturi tal- Unjoni lil konsumaturi mhux relatati u bejgħ mhux magħluq lil kumpaniji relatati. Ġie investigat u kkonfermat li dan il-bejgħ mhux ristrett huwa tabilħaqq bejgħ bil-prezzijiet tas-suq u li l-konsumatur relatat kellu għażla ħielsa ta' fornitur, irrispettivament minn jekk il-fornitur kienx relatat jew le. B'konsegwenza ta' dan, il-konsum tal-Unjoni (suq ħieles) ma ġiex sottovalutat.

(42)

F'dan ir-rigward, fit-Tabella 2 u t-Tabella 3 tar-Regolament proviżorju, l-iżvilupp tal-konsum tal-Unjoni fis-suq magħluq u fis-suq ħieles kien irrapportat u spjegat. Jekk wieħed jgħaqqad iż-żewġ tabelli, jirriżulta li l-konsum kumplessiv (li allura jinkludi s-suq magħluq u dak ħieles) evolva kif ġej tul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 2

Konsum kumplessiv (suq magħluq u ħieles) (tunnellati)

 

2012

2013

2014

PI

Konsum kumplessiv

72 181 046

74 710 254

76 026 649

77 427 389

Indiċi (2012 = 100)

100

104

105

107

Sors: Tweġiba għall-kwestjonarju tal-Eurofer, u l-Eurostat

(43)

It-tabella ta' hawn fuq turi li l-konsum kumplessiv żdied sa livell li kien ftit ogħla fil-perjodu ta' investigazzjoni milli fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat. Din ix-xejra hija spjegata miż-żieda fil-konsum ristrett li, f'termini assoluti, kien iktar b'saħħtu miż-żieda fil-konsum tas-suq ħieles.

(44)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha li huma stipulati fil-premessi minn (67) sa (74) tar-Regolament proviżorju dwar il-konsum tal-Unjoni.

3.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(45)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment fir-rigward tal-volum, is-sehem tas-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni kkonfermat ukoll il-konklużjonijiet tagħha stipulati fil-premessi minn (75) sa (82) tar-Regolament proviżorju dwar dawn is-suġġetti.

3.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

3.4.1.   Rimarki ġenerali

(46)

Ma wasal l-ebda kumment dwar din il-parti tar-Regolament proviżorju.

3.4.2.   L-indikaturi makroekonomiċi

(47)

Wara l-miżuri proviżorji, parti interessata sostniet li l-biċċa l-kbira tal-indikaturi makroekonomiċi tal-industrija tal-Unjoni juru xejra pożittiva u ma qablitx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali.

(48)

Din it-talba ma ntlaqgħetx. L-ewwel, fir-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni ma ddikjaratx li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali. Għall-kuntrarju, fil-premessa (119) tar-Regolament proviżorju ddikjarat li l-industrija tal-Unjoni kienet f'sitwazzjoni dgħajfa fl-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni iżda mhux sal-punt li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali matul il-perjodu kkunsidrat fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. It-tieni, f'dan ir-rigward, kif deskritt fil-premessa (117) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni rreferiet għall-fatt li xi indikaturi makroekonomiċi (bħall-volumi tal-produzzjoni, u r-rati tal-użu tal-kapaċità minħabba ż-żieda fil-konsum ristrett u ħieles) kienu għadhom isegwu xejra pożittiva.

(49)

B'hekk il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stipulati fil-premessi minn (87) sa (103) tar-Regolament proviżorju rigward l-indikaturi makroekonomiċi.

3.4.3.   L-indikaturi mikroekonomiċi

(50)

L-istess parti interessata nnutat li matul il-perjodu kkunsidrat, indipendentement mill-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina (baxx jew għoli), il-kost ta' unità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun kienu dejjem ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom, ħlief fis-sena 2014 li kienet l-unika eċċezzjoni. Hija indikat ukoll li l-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun baqgħu fil-biċċa l-kbira ma jagħmlux profitt matul il-perjodu kkunsidrat. B'hekk, din il-parti interessata talbet lill-Kummissjoni biex tinvestiga ulterjorment għaliex:

(a)

Il-produtturi tal-azzar tal-Unjoni fil-kampjun ġarrbu, matul il-perjodu 2012-2013, l-akbar telf tagħhom meta l-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienu f'livell baxx u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienu daqs jew ogħla minn dawk tal-industrija tal-Unjoni;

(b)

Matul l-istess perjodu, il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom kienu aktar baxxi mill-kost ta' unità tal-produzzjoni.

(51)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet l-ewwel għall-premessa (106) tar-Regolament proviżorju. Hemm, il-Kummissjoni ddikjarat li l-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet ġiet affettwata b'mod negattiv fl-2012 u l-2013 mill-konsegwenzi tal-kriżi tad-dejn fiż-Żona tal-Euro, kif ukoll mit-tnaqqis fid-domanda għall-azzar fl-2012. Fl-2014, l-industrija tal-Unjoni bdiet proċess ta' rkupru li kompla wkoll fl-ewwel nofs tal-2015. Dan it-titjib temporanju tal-industrija tal-UE kien dovut għaż-żieda fl-isforzi tagħhom biex jibqgħu kompetittivi, b'mod partikolari biż-żieda fil-produttività tal-forza tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni. It-tieni, kif imsemmi fil-premessa (107) tar-Regolament proviżorju, l-kost tal-produzzjoni baqgħu ġeneralment ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ, li kienu qed jonqsu, u sabiex jiġi limitat it-telf fis-sehem mis-suq, il-produtturi tal-Unjoni segwew l-ispiral 'l isfel fil-prezzijiet u naqqsu b'mod sinifikanti l-prezz tal-bejgħ tagħhom, b'mod partikolari matul l-2015. Bħala riżultat, il-Kummissjoni kkunsidrat li kienet investigat u ċċarat dawn l-elementi biżżejjed.

(52)

L-istess parti interessata qalet ukoll li, meta kkalkulat b'lura l-kwantità tal-bejgħ abbażi tat-Tabelli 7 u 14 tar-Regolament proviżorju, sabet li l-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun jirrappreżentaw biss 31 % tal-volum tal-bejgħ kumplessiv tal-industrija tal-Unjoni, filwaqt li l-premessa (64) tar-Regolament proviżorju tiddikjara li jirrappreżentaw 45 % tal-produzzjoni kumplessiva tal-Unjoni. Din il-parti interessata qalet li differenza kbira bħal din tqajjem dubju dwar ir-rappreżentanza tal-kampjun, u li kwalunkwe bidla fil-kampjun setgħet wasslet għal konklużjonijiet kompletament differenti dwar id-dannu.

(53)

Kif imsemmi fil-premessa (64) tar-Regolament proviżorju, il-produzzjoni kumplessiva tal-Unjoni ġiet stabbilita għal madwar 74,7 miljuni. Dan jinkludi kemm is-suq ħieles kif ukoll is-suq magħluq. Għall-kuntrarju, it-Tabelli 7 u 14 fir-Regolament proviżorju jirreferu b'mod ċar għas-suq ħieles biss. B'hekk, jinkludu biss il-bejgħ fis-suq ħieles. Id-differenza li nstabet hija spjegata mill-fatt li l-produzzjoni kumplessiva użata fit-tqabbil li għamlet din il-parti interessata kienet tinkludi l-bejgħ ristrett, meta kellha tinkludi biss il-bejgħ fis-suq ħieles. Bħala konsegwenza, ma hemm l-ebda raġuni għaliex għandu jkun hemm dubju dwar ir-rappreżentattività tal-kampjun magħżul.

(54)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi minn (104) sa (116) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(55)

Abbażi tal-analiżi tal-kummenti, kif imqassra fil-premessi (39) sa (54) iktar 'il fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi minn (117) sa (119) tar-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni kienet f'sitwazzjoni dgħajfa fl-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni iżda mhux sal-punt li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali matul il-perjodu kkunsidrat fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

4.   THEDDIDA TA' DANNU

(56)

Skont il-każistika, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, f'ċerti ċirkostanzi huma intitolati li jqisu data mill-perjodu wara l-investigazzjoni meta jmexxu investigazzjonijiet antidumping li jkunu nbdew fuq il-bażi ta' allegazzjonijiet ta' theddida ta' dannu. Tabilħaqq, il-każistika tqis li d-deċiżjoni dwar jekk hemmx theddida ta' dannu, tirrekjedi, min-natura tagħha, analiżi prospettiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(9) tar-regolament bażiku jirrikjedi li l-konstatazzjoni ta' theddida ta' dannu materjali trid tkun ibbażata fuq fatti u mhux fuq sempliċi allegazzjoni, tbassir jew possibbiltà remota u li bidla fiċ-ċirkustanzi li toħloq sitwazzjoni ta' dumping li jikkawża dannu trid tkun prevista b'mod ċar u tkun imminenti.

(57)

Kif awtorizzata mill-każistika, u kif indikat fil-premessa (122) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kompliet bl-analiżi prospettiva tagħha wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, prinċipalment permezz tal-ġbir ta' data mit-tieni nofs tal-2016 għall-fatturi kollha li kienet investigat b'mod proviżorju, u permezz ta' analiżi dwar jekk din id-data addizzjonali setgħetx tintuża' biex tikkonferma jew tinvalida l-konklużjonijiet ibbażati fuq dik id-data mill-perjodu ta' investigazzjoni.

(58)

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Bażiku, li japplika l-istess għal investigazzjonijiet li jinbdew fuq il-bażi ta' allegazzjonijiet ta' theddida ta' dannu, konklużjonijiet rappreżentattivi jridu jkunu bbażati fuq perjodu li jkun skada qabel il-bidu tal-proċeduri. L-għan ta' dan il-prinċipju huwa li jiġi żgurat li r-riżultati tal-investigazzjoni jkunu rappreżentattivi u affidabbli, billi jiżgura li l-fatturi li fuqhom jiġu stabbiliti d-dumping u d-dannu ma jkunux influwenzati mill-imġieba tal-produtturi kkonċernati wara li tkun bdiet il-proċedura antidumping, u għaldaqstant li d-dazju definittiv antidumping impost bħala riżultat tal-proċedura jkun xieraq għal rimedju effikaċi tad-dannu kkawżat mid-dumping.

4.1.   Rata sinifikanti ta' żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fis-suq tal-Unjoni li tindika l-probabilità ta' żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet

4.1.1.   Aġġornament tad-data wara l-PI

(59)

Kif stipulat fil-premessa (124) tar-Regolament proviżorju, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b'mod sinifikanti minn 246 720 għal 1 519 304 tunnellati bejn l-2012 u l-perjodu tal-investigazzjoni. L-istess premessa semmiet ukoll li l-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied ulterjorment (bi 8,5 %) fl-ewwel nofs tal-2016 (773 275 tunnellata) meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2015 (712 390 tunnellata).

(60)

Id-data disponibbli għall-perjodu addizzjonali minn Lulju sa Settembru 2016 turi li l-importazzjonijiet Ċiniżi li huma oġġett ta' dumping bdew jonqsu meta mqabbla mal-PI (2015) u mal-perjodu ta' wara l-PI minn Jannar sa Ġunju 2016, bħala espressjoni bbażata fuq il-medji ta' kull xahar.

Tabella 3

L-evoluzzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi (tunnellati)

 

2014

PI (2015)

Jannar — Ġunju 2016

Lulju — Settembru 2016

Volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina

592 104

1 519 304

773 275

296 267

Medja ta' kull xahar ta' importazzjonijiet Ċiniżi

49 342

126 608

128 879

98 756

Sors: Eurostat

(61)

Il-Kummissjoni b'hekk ikkonkludiet li x-xejra ta' żieda fil-volumi waqfet. Madankollu, waqt li kienet qed tivvaluta s-sinifikat u l-affidabbiltà ta' dawn iċ-ċifri biex tiġi kkonfermata jew invalidata l-analiżi tat-theddida ta' dannu, il-Kummissjoni osservat ukoll li:

(a)

Il-volumi tal-importazzjonijiet medji Ċiniżi fix-xahar matul il-perjodu Lulju — Settembru 2016 għadhom id-doppju tal-importazzjonijiet medji fix-xahar fl-2014;

(b)

It-tnaqqis fl-importazzjonijiet medji Ċiniżi fix-xahar bejn Lulju 2016 u Settembru 2016 (imqabbel mal-2015) jista' jiġi spjegat minn dawn li ġejjin:

l-effett disważiv tat-talba tal-ilmentatur għar-reġistrazzjoni fil-5 ta' April 2016 u l-aġġornament tagħha f'Ġunju 2016 (li madankollu ġiet irtirata biss f'nofs Awwissu 2016);

l-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1329 (10), li skonthom inġabru retroattivament id-dazji antidumping għall-ewwel darba u;

l-għarfien dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar miżuri proviżorji fi żmien tmien (8) xhur mill-bidu (minflok disa' (9) xhur).

4.1.2.   Kummenti minn partijiet interessati wara r-Regolament proviżorju

(62)

Parti interessata argumentat li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha prinċipalment fuq sett ta' data, jiġifieri minn tmiem l-2015, li kellha aktar minn disa' xhur fiż-żmien tal-investigazzjoni u li ma tistax tagħti l-aktar indikazzjoni affidabbli dwar il-probabbiltà ta' żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet. Barra minn hekk, argumentat ukoll li analiżi tax-xejriet tal-importazzjoni għal perjodu ta' żmien rappreżentattiv kienet turi li l-volumi tal-importazzjonijiet qed jonqsu. Bħala riżultat ta' dan, din il-parti interessata kkwalifikat l-analiżi tal-Kummissjoni dwar it-theddida ta' dannu bħala difettuża.

(63)

L-ewwel, il-Kummissjoni nnutat li kienet ipprovdiet id-data kollha li kienet disponibbli dak iż-żmien fil-premessa (124) tar-Regolament proviżorju, kemm għall-perjodu kkunsidrat kif ukoll għall-perjodu ta' wara l-investigazzjoni. It-tieni, il-Kummissjoni reġgħet aġġornat l-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi fil-premessa (60). F'dak l-aġġornament, il-Kummissjoni tabilħaqq innutat li hemm tnaqqis fil-volumi medji fix-xahar tal-importazzjonijiet Ċiniżi minn Lulju 2016 'il quddiem. Madankollu, dan it-tnaqqis jista' jiġi spjegat mir-raġunijiet kif imsemmija fil-premessa (61).

4.1.3.   Kummenti minn partijiet interessati wara d-divulgazzjoni definittiva

(64)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, iċ-China Iron and Steel Association (CISA) minn naħa waħda laqgħet l-użu li għamlet il-Kummissjoni minn data addizzjonali ta' wara l-perjodu ta' investigazzjoni, iżda min-naħa l-oħra argumentat li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi minn Lulju 2016 'il quddiem kienet żbaljata. Il-parti interessata ddikjarat li, minn aspett fattwali, il-volumi ta' importazzjonijiet Ċiniżi bdew jonqsu b'mod konsistenti sa mill-bidu tal-2016. Barra minn hekk, hija argumentat li l-Kummissjoni kienet qed tikser il-prinċipju ġenerali tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku billi ddikjarat li l-aktar tnaqqis reċenti ta' esportazzjonijiet Ċiniżi x'aktarx li jkunu fenomenu temporanju minħabba li deċiżjoni dwar theddida ta' dannu materjali trid “tkun ibbażata fuq il-fatti u mhux fuq allegazzjoni, tbassir jew possibbiltà remota”. Għaldaqstant hija talbet li l-Kummissjoni tikkunsidra l-iktar data reċenti ta' wara l-PI fuq il-bażi tal-fatti biss, u ma tinterpretax id-data l-iktar reċenti ta' wara l-PI fid-dawl ta' possibbiltajiet remoti jew asserzjonijiet bla bażi. Kummenti simili waslu mingħand żewġ produtturi esportaturi oħrajn Ċiniżi u mingħand l-utent Taljan.

(65)

Il-Kummissjoni qablet li x-xejra ta' żieda fil-volumi kienet waqfet, iżda l-iktar minn Lulju 2016 'il quddiem. Madankollu, hija osservat ukoll li l-livell assolut kien għadu għoli. Filwaqt li l-importazzjonijiet Ċiniżi għall-perjodu minn Jannar sa Ġunju 2016 (773 275 tunnellata għal sitt (6) xhur) kienu inqas mill-perjodu minn Lulju sa Diċembru 2015 (806 914 tunnellata għal sitt (6) xhur), il-volumi medji ta' importazzjoni għall-perjodu minn Jannar sa Ġunju 2016 xorta waħda kienu ogħla minn dawk għall-perjodu minn Jannar sa Ġunju 2015 (712 390 tunnellata għal sitt (6) xhur) u għal kull perjodu preċedenti ta' sitt (6) xhur. It-tieni, il-Kummissjoni ma analizzatx ix-xejra tal-volumi tal-importazzjonijiet bħala fattur iżolat, iżda ħadet approċċ komprensiv. Hija pponderat u vvalutat mhux biss il-fatturi kollha li huma elenkati fl-Artikolu 3(9), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament bażiku iżda barra minn hekk ikkunsidrat xi fatturi oħra bħall-ordnijiet li daħlu u l-profittabbiltà (ara t-Taqsimiet 4.2. – 4.5. Hawn taħt), sabiex ikollha bażi soda għall-valutazzjoni ġenerali tagħha.

(66)

Rigward ir-raġuni għalfejn l-esportazzjonijiet Ċiniżi naqsu l-iktar mit-tieni nofs tal-2016 'il quddiem, l-ispjegazzjonijiet mill-Kummissjoni huma bbażati fuq tliet fatti, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru fil-Komunikazzjoni dwar l-Azzar, it-talba għal reġistrazzjoni li għamel l-ilmentatur f'dan il-każ, u d-deċiżjoni dwar il-ġbir retroattiv ta' dazji fuq ċerti prodotti tal-azzar irrumblati fil-kiesaħ.

Fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar l-Azzar mill-Kummissjoni tas-16 ta' Marzu 2016 (“L-Azzar: Iż-żamma tal-impjiegi sostenibbli u t-tkabbir fl-Ewropa”) (11) il-produtturi esportaturi Ċiniżi huma konxji dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża l-marġni disponibbli minnufih biex tħaffef aktar l-adozzjoni ta' miżuri proviżorji billi tnaqqas il-proċeduri tal-investigazzjoni b'xahar (minn disa' xhur sa tmienja). Bħala riżultat, minħabba l-bidu ta' dan il-każ fit-13 ta' Frar 2016, kienu konxji li setgħu jiġu imposti miżuri proviżorji kmieni f'Ottubru 2016.

Fil-5 ta' April 2016, l-Ilmentatur ippreżenta talba għal reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mir-RPĊ għall-prodott ikkonċernat. Fit-2 ta' Ġunju 2016, l-ilmentatur aġġorna t-talba billi pprovda informazzjoni aktar reċenti. Bħala riżultat, produtturi esportaturi u esportaturi infurmati sew kienu jafu li kien hemm ir-riskju li — jekk jittrasbordaw il-prodott ikkonċernat mit-tieni nofs tal-2016 'il quddiem — il-prodotti simili esportati tagħhom setgħu jkunu soġġetti għal dazji retroattivi 90 jum qabel l-impożizzjoni potenzjali tad-dazji proviżorji f'Ottubru 2016, jiġifieri sa Lulju 2016.

Fid-29 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1329, li abbażi tiegħu għall-ewwel darba d-dazji antidumping inġabru b'mod retroattiv fuq ċerti prodotti tal-azzar irrumblati fil-kiesaħ, li huma prodott tal-azzar ukoll. Bħala riżultat, ir-riskju li l-miżuri f'din i-proċedura jkunu japplikaw sa minn daqshekk kmieni bħal Lulju 2016 saret anki iktar ċerta minħabba li l-ġbir retroattiv f'dan il-każ kien jinvolvi prodott tal-azzar.

(67)

Is-CISA targumenta wkoll li l-ispjegazzjonijiet tal-Kumissjoni rigward għalfejn naqsu l-importazzjonijiet Ċiniżi mit-tieni nofs tal-2016 'il quddiem huma “possibbiltajiet remoti jew asserzjonijiet bla bażi”. Kif muri hawn fuq l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-fatti. Il-Kummissjoni tinnota li s-CISA nnifisha ma pprovdietx spejgazzjoni alternattiva plawsibbli rigward għalfejn l-esportazzjonijiet Ċiniżi naqsu.

(68)

Fin-nuqqas ta' kull argument ieħor, il-Kummissjoni għalhekk ikkonfermat il-konklużjoni tagħha li l-iktar tnaqqis reċenti tal-esportazzjonijiet Ċiniżi x'aktarx li jkun fenomenu temporanju minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi identifikati fil-premessa (61) li mhux kapaċi jinvalida l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta' theddida ta' dannu. Jekk ma tittieħed l-ebda miżura fl-istadju definittiv, il-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi x'aktarx jerġgħu jiżdiedu, speċjalment fid-dawl tal-kapaċitajiet żejda attwali fir-RPĊ u l-kapaċità ta' assorbiment insuffiċjenti ta' stati terzi jew tar-RPĊ stess, kif spjegat mill-premessa (70) 'l quddiem.

4.1.4.   Konklużjoni

(69)

It-tnaqqis fil-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi wara Lulju 2016 jista' jiġi spjegat mill-effett disważiv tat-talba għar-reġistrazzjoni u l-għarfien dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar miżuri proviżorji fi żmien tmien (8) xhur mill-bidu. Barra minn hekk, il-livell assolut tal-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi minn Lulju 2016 'il quddiem għadu għoli ħafna meta mqabbel mal-2014. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa probabbli li dan it-tnaqqis fil-volumi tal-importazzjonijiet huwa temporanju biss, u xejra bħal din terġa' għal li kienet jekk ma tiġi imposta l-ebda miżura. Għalhekk, ma biddlitx il-valutazzjoni tal-Kummissjoni li kien hemm theddida ta' dannu ċara u imminenti fi tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni.

4.2.   Kapaċità disponibbli b'mod liberu u suffiċjenti

4.2.1.   Aġġornament tad-data wara l-PI

(70)

Kif innutat fil-premessa (133) u t-tabella fil-premessa (185) tar-Regolament proviżorju, il-produzzjoni attwali tal-2014 tal-prodott ikkonċernat fir-RPĊ (317,4 miljun tunnellata) hija madwar ħames (5) darbiet il-produzzjoni totali aggregata tar-Russja, l-Ukrajna, l-Iran u l-Brażil (57,4 miljun tunnellata). Dan il-fatt kien indikazzjoni tal-kapaċità enormi tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fir-RPĊ. Barra minn hekk, kif stipulat fil-premessi (140) u (139) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni sabet li l-kapaċità ta' assorbiment tas-suq tar-RPĊ mhix suffiċjenti, u li mhux probabbli li pajjiżi terzi jkunu jistgħu jassorbixxu l-ammont enormi ta' kapaċità disponibbli b'mod liberu waħedhom.

(71)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, il-Kummissjoni aġġornat it-tabella tal-premessa (185) tar-Regolament proviżorju abbażi tal-aktar data reċenti disponibbli kif ġej:

Tabella 4

Il-produzzjoni attwali tal-prodott simili minn pajjiżi terzi (f'eluf ta' tunnellati)

Pajjiż

Kapaċità ta' azzar mhux maħdum stmat għas-sena 2015 (12)

Produzzjoni tal-azzar mhux maħdum fl-2014

Produzzjoni tal-azzar mhux maħdum fl-2015 (13)

Kapaċità eċċessiva teoretika fl-2015 (13)

Produzzjoni attwali tal-HRF fl-2014

Produzzjoni attwali tal-HRF fl-2015

Ir-Russja

90 000

71 461

70 898

19 102

26 898

27 509

RPĊ

1 153 098

822 750

803 825

349 273

317 387

322 259

L-Ukrajna

42 500

27 170

22 968

19 532

7 867

6 314

L-Iran

28 850

16 331

16 146

12 704

8 276

7 872

Il-Brażil

49 220

33 897

33 256

15 964

14 229

13 388

Iċ-ċifri aġġornati tal-produzzjoni għall-2015 ta' hawn fuq għal prodotti simili juru li l-pajjiż ikkonċernat jaqbeż bil-bosta l-pajjiżi l-kbar l-oħra li jesportaw; iċ-ċifri aġġornati tal-kapaċità għall-2015 ta' hawn fuq għall-azzar mhux maħdum jindikaw ukoll li r-RPĊ biss għandha kapaċità żejda kbira biżżejjed (li tammonta għal kważi 350 miljun tunnellata fl-2015, imqabbel ma' 317-il miljun tunnellata fl-2014, kif turi t-tabella tal-premessa (185) tar-Regolament proviżorju).

Għalhekk, il-Kummissjoni tenniet li l-kapaċità żejda fil-produzzjoni tal-azzar fir-RPĊ tikkostitwixxi indikatur importanti dwar l-eżistenza ta' theddida ta' dannu imminenti għall-industrija tal-Unjoni.

(72)

Barra minn hekk, l-informazzjoni u l-proġettazzjonijiet li jikkonċernaw il-kapaċità Ċiniża tal-azzar mhux maħdum u tal-prodott ikkonċernat li saru disponibbli wara Lulju 2016 għadhom juru l-istess inkonsistenzi:

(a)

Fuq naħa waħda, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni anedottali li r-RPĊ apparentement bdiet tnaqqas il-kapaċità żejda tagħha: F'dan ir-rigward, id-Delegazzjoni tal-UE f'Beijing irrapportat li Viċi Direttur tal-Assoċjazzjoni Ċiniża tal-Ħadid u l-Azzar (CISA) stqarr li matul l-2016 ir-RPĊ probabbilment se tnaqqas 70 miljun tunnellata ta' kapaċità żejda ta' azzar tħabbira tat-28 ta' Ottubru 2016). Barra minn hekk, Baosteel Group u Wuhan Steel Group ħabbru wkoll li kienu diġà ffinalizzaw il-mira għall-2016 tat-tnaqqis fil-kapaċità f'Ottubru 2016 (tħabbira tal-24 ta' Ottubru 2016).

(b)

Min-naħa l-oħra, proġettazzjonijiet reċenti tal-OECD (14) jistmaw li l-kapaċità Ċiniża se tonqos aktar fl-2016, l-2017 u l-2018. In-naħa Ċiniża kompliet tevita li tiġi involuta fi pjattaforma bilaterali bejn l-Unjoni u r-RPĊ biex isir monitoraġġ tal-kapaċità żejda tal-azzar. Barra minn hekk, it-13-il pjan ta' ħames (5) snin f'konnessjoni mal-“Pjan dwar l-aġġustament u l-aġġornament tal-industrija tal-azzar” (2016-2020) jassumi li l-volum tal-produzzjoni tal-azzar mhux maħdum huwa previst li jkun 750-800 miljun tunnellata fl-2020 u li t-tnaqqis fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-azzar mhux maħdum ikun ta' 100-150 miljun sal-2020. Jinkoraġġixxi wkoll lil dawk l-intrapriżi tal-azzar li jkunu f'pożizzjoni tajba biex imorru f'pajjiż barrani u jwaqqfu bażijiet għall-produzzjoni tal-azzar kif ukoll ċentri għall-ipproċessar u d-distribuzzjoni.

Fil-qosor, il-kwistjoni tal-kapaċità żejda fis-settur tal-azzar fir-RPĊ hija rrikonoxxuta mill-awtoritajiet Ċiniżi, u minkejja xi tħabbiriet li saru wara t-30 ta' Ġunju 2016, probabbli mhux se tiġi solvuta fil-futur qrib. Il-kapaċità żejda Ċiniża tant hi kbira li ma tistax tisparixxi f'perjodu qasir jew medju.

(73)

Id-data li tikkonċerna l-kapaċità ta' assorbiment tar-RPĊ li saret disponibbli wara Lulju 2016 hija limitata. Madankollu, il-Kummissjoni kkonstatat li d-domanda domestika mbassra għall-azzar fiċ-Ċina hija waħda ta' “tkabbir baxx jew ebda tkabbir” fl-erba' (4) jew ħames (5) snin li ġejjin (2015-2020) peress li l-investimenti (bħal dawk fil-kostruzzjoni) qed iseħħu bil-mod, u dan se jkollu impatt drammatiku fuq il-konsum domestiku tal-azzar maħdum fiċ-Ċina (15).

(74)

Id-data dwar il-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi terzi li saret disponibbli minn Lulju 2016 'l quddiem indikat li:

(a)

Minn naħa waħda, f'Jannar 2016, il-Malasja temmet investigazzjoni ta' salvagwardja rigward koljaturi b'laminazzjoni termali kontra ċ-Ċina u xi pajjiżi oħra f'Jannar 2016, filwaqt li f'April 2016 it-Turkija temmet investigazzjoni antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta' koljaturi b'laminazzjoni termali miċ-Ċina, Franza, il-Ġappun, ir-Rumanija, ir-Russja, is-Slovakkja u l-Ukrajna;

(b)

Min-naħa l-oħra, l-Indja reċentement imponiet rati ta' dazju finali f'investigazzjoni ta' salvagwardja dwar folji ċatti b'laminazzjoni termali u pjastri tal-azzar illigati jew mingħajr liga. Barra minn hekk, il-Brażil beda investigazzjoni antisussidji kontra l-importazzjonijiet ta' prodotti ċatti tal-azzar tal-karbonju b'laminazzjoni termali. Fl-aħħar, il-produtturi Torok irreġistraw petizzjonijiet ġodda dwar id-dazji antidumping u kompensatorji kontra l-importazzjonijiet ta' koljaturi b'laminazzjoni termali li joriġinaw, fost l-oħrajn, miċ-Ċina. F'dan ir-rigward, wara d-divulgazzjoni finali, parti interessata infurmat lill-Kummissjoni li l-awtoritajiet Torok kienu fetħu sadanittant investigazzjoni ġdida dwar dumping fil-21 ta' Diċembru 2016, li tkopri pjanċa tqila u ċerti tipi ta' HRF.

Bħala riżultat, abbażi ta' din l-informazzjoni aġġornata, mhux probabbli li pajjiżi terzi se jkunu jistgħu jassorbu ż-żieda fl-esportazzjonijiet Ċiniżi bħala riżultat tal-ammont kbir tal-kapaċità Ċiniża disponibbli b'mod liberu. Anki jekk jinżamm l-istatus quo fl-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi oħrajn, jekk l-ebda miżura ma tkun imposta, is-suq tal-Unjoni probabbilment jibqa' fost il-miri prinċipali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta' dumping.

4.2.2.   Kummenti minn partijiet interessati wara r-Regolament proviżorju u wara d-divulgazzjoni definittiva

(75)

Wara r-Regolament proviżorju l-ilmentatur irrefera għall-fatt li, mill-2008, ir-RPĊ ħabbret ħafna pjanijiet biex tiġi indirizzata l-kapaċità żejda tal-azzar, iżda l-ebda wieħed minnhom ma rnexxa. Wara d-divulgazzjoni definittiva, l-ilmentatur tenna li l-attentati preċedenti taċ-Ċina biex tillimita l-kapaċità eċċessiva domestika tal-azzar ukoll ma rnexxietx. Bħala konsegwenza, skont din il-parti interessata l-gvern Ċiniż x'aktarx li mhux se jkun jista' jeħles mill-kapaċità eċċessiva li ilha tolqot lis-settur tal-azzar għal diversi snin u li pprova jirriżolvi iżda ma rnexxilux diversi drabi qabel.

(76)

Min-naħa l-oħra, wara d-divulgazzjoni definittiva, parti interessata oħra semmiet li l-Gvern Ċiniż dan l-aħħar ħabbar li fl-2016 kien issodisfa l-miri għat-tnaqqis ta' kapaċità eċċessiva fis-settur tal-azzar u li kien impenjat ħafna biex ikompli jnaqqas il-kapaċità fis-settur tal-azzar.

(77)

Rigward l-argument li l-Gvern Ċiniż kien konsistentement falla li jnaqqas il-kapaċità eċċessiva massiva tal-azzar, il-Kummissjoni jinħtieġ li tagħmel analiżi prospettiva f'każ ta' theddida ta' dannu. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet tal-ilmentatur huma irrelevanti minħabba li jirrigwardaw il-passat u ma jistgħux jintużaw biex wieħed jikkonkludi kif se jkun l-aġir futur tal-Gvern Ċiniż.

(78)

Rigward l-argument oppost dwar it-tnaqqis tal-kapaċità Ċiniża li għamlu partijiet interessati oħrajn, il-Kummissjoni tenniet li l-informazzjoni u l-proġezzjonijiet li huma disponibbli rigward il-kapaċità Ċiniża ta' azzar grezz u l-prodott ikkonċernat juru inkonsistenzi. Madankollu, filwaqt li ma tiddubitax mill-impenn serju taċ-Ċina biex tnaqqas il-kapaċità li għandha, jibqa' l-fatt li l-kapaċità eċċessiva li hemm bħalissa, kif turi t-tabella 20 tar-Regolament Proviżorju, hija tant enormi li ma tistax b'mod realistiku tisparixxi fuq perjodu ta' żmien qasir jew medju.

(79)

Rigward il-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi terzi, parti interessata rreferiet għall-fatt li l-Malasja u t-Turkija temmew żewġ investigazzjonijiet dwar koljaturi b'laminazzjoni termali kontra r-RPĊ. B'hekk, din il-parti interessata kkonkludiet li l-probabbiltà allegata ta' devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali lejn l-Unjoni naqset.

(80)

Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew rifjutati. Kif imsemmi fil-premessa (74), hu probabbli li pajjiżi oħrajn se jadottaw miżuri, u għalhekk ma jkunx probabbli li pajjiżi terzi jibdew jassorbu l-kapaċità Ċiniża kbira waħedhom.

(81)

Rigward il-kapaċità ta' assorbiment tal-RPĊ, ma waslu kummenti mingħand ebda parti interessata.

4.2.3.   Konklużjoni

(82)

Bħala konklużjoni, id-data ta' wara l-PI tikkonferma l-analiżi tal-Kummissjoni fl-istadju proviżorju: Minħabba l-progress limitat fit-tnaqqis tal-kapaċità massiva żejda fl-2016, huwa probabbli li volumi sinifikanti tal-kapaċità massiva żejda eżistenti tal-azzar, inkluż il-prodott simili, se jkomplu jiġu diretti lejn is-suq tal-Unjoni jekk ma jittiħdux miżuri. Il-kapaċitajiet żejda attwali u l-kapaċità ta' assorbiment insuffiċjenti ta' stati terzi jew ir-RPĊ nfisha jindikaw il-probabbiltà ta' żieda sostanzjali ta' esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni jekk ma jittiħdux miżuri fl-istadju definittiv.

4.3.   Il-livell tal-prezz tal-importazzjonijiet

4.3.1.   Aġġornament tad-data wara l-PI

(83)

Rigward il-livell tal-prezz tal-importazzjonijiet, il-premessa (142) tar-Regolament proviżorju semmiet li l-prezzijiet medji tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat naqsu bi 33 %, minn EUR 600/tunnellata fl-2012 għal EUR 404/tunnellata fl-2015. Barra minn hekk, it-tabella fil-premessa (145) tar-Regolament proviżorju turi tnaqqis ulterjuri kontinwu tal-prezzijiet unitarji Ċiniżi matul il-perjodu ta' wara l-investigazzjoni Jannar — Ġunju 2016 meta jidħlu fis-suq tal-Unjoni.

(84)

Id-data disponibbli li tikkonċerna l-livell tal-prezz tal-importazzjonijiet għall-perjodu Lulju — Settembru 2016 turi li l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu:

Tabella 5

Prezzijiet medji tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-perjodu ta' wara l-PI

 

Jannar 2016

Ġunju 2016

Lulju 2016

Awwissu 2016

Settembru 2016

Prezzijiet medji ta' importazzjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi

(EUR/tunnellata)

326

308

371

367

370

Sors: Eurostat

(85)

Iż-żieda reċenti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi trid titqiegħed fil-kuntest li ġej:

(a)

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi ma kinux l-uniċi li żdiedu wara t-30 ta' Ġunju 2016. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi ewlenin oħrajn li jesportaw lejn l-Unjoni żdiedu wkoll wara t-30 ta' Ġunju 2016;

(b)

Il-livell milħuq fl-aħħar tliet xhur (Lulju — Settembru 2016) xorta kien taħt il-medja tal-ispejjeż ta' produzzjoni tal-industrija tal-UE (madwar EUR 431/tunnellata fi tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni, kif turi t-tabella 11 tal-premessa (104) tar-Regolament proviżorju). B'hekk, minkejja ż-żieda fil-livelli tal-prezzijiet, it-tnaqqis kbir tal-prezzijiet jibqa', u dan iqiegħed lill-industrija tal-UE f'pożizzjoni mhux sostenibbli;

(c)

Raġuni importanti għal din iż-żieda globali fil-prezz tal-prodott ikkonċernat hija ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima. B'mod partikolari, il-prezzijiet tal-faħam tal-kokk kważi rdoppjaw (għal madwar EUR 200 t-tunnellata) f'Ottubru 2016, imqabbel mal-prezzijiet fl-ewwel nofs tal-2016. Dan ġie kkawżat mill-effett kombinat ta' nuqqas fis-sigħat obbligatorji ta' ħidma fil-minjieri tal-faħam Ċiniżi u għadd ta' interruzzjonijiet fil-minjieri Awstraljani. F'dan il-kuntest, ta' min jinnota li r-RPĊ u l-Awstralja huma fost l-aktar pajjiżi li jipproduċu faħam tal-kokk fid-dinja. Il-grafika ta' hawn taħt turi ż-żieda drammatika fil-prezz tal-faħam tal-kokk (16).

Grafika

Evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-faħam tal-kokk

Image 1

Premium coking coal, contract (USD/t, fob Qld)

Chart of the Day: Premium coking coal prices

Premium coking coal (USD/t, fob Qld)

USD 250/t

USD 230/t

USD 210/t

USD 190/t

USD 170/t

USD 150/t

USD 130/t

USD 110/t

USD 90/t

USD 70/t

Apr-14 Oct-14 Apr-15 Oct-15 Apr-16 Oct-16

Source: Platts, Bloomberg, CBA estimates

B'hekk, wieħed jista' jassumi li l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat jerġgħu jibdew jonqsu ladarba l-impatt ta' dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jikkonċernaw il-faħam tal-kokk ikun sfuma.

4.3.2.   Kummenti minn partijiet interessati wara r-Regolament proviżorju

(86)

Parti interessata semmiet li l-analiżi tal-Kummissjoni hija limitata għal Ġunju 2016, filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat komplew jiżdiedu wara Ġunju 2016. Hi talbet lill-Kummissjoni biex tikkunsidra din l-informazzjoni l-aktar reċenti. Parti interessata oħra semmiet ukoll li reċentement il-prezzijiet tal-importazzjonijiet bdew jiżdiedu.

(87)

Il-Kummissjoni kkonfermat, kif stipulat fit-tabella tal-premessa (84), li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu fil-perjodu Lulju — Settembru 2016. Madankollu, dawn il-partijiet interessati ma semmewx li l-prezzijiet żdiedu mad-dinja kollha, minħabba żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, b'mod partikolari tal-faħam tal-kokk, kif stipulat fil-premessa (85) ta' hawn fuq.

4.3.3.   Kummenti minn partijiet interessati wara d-divulgazzjoni definittiva

(88)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, iċ-China Iron and Steel Association (CISA) reġgħet argumentat li l-Kummissjoni kienet qed tikser il-prinċipju ġenerali tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku minħabba li deċiżjoni ta' theddida ta' dannu materjali trid “tkun ibbażata fuq il-fatti u mhux fuq allegazzjoni, tbassir jew possibbiltà remota”. F'dan il-kuntest hija rreferiet għal “kuntest partikolari, li jikkonsisti biss minn possibbiltajiet”. It-tieni, hija allegat li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-prezz medju tal-importazzjoni matul l-aktar perjodu reċenti minn Lulju sa Settembru 2016 kien inqas mill-kost ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-aħħar tal-PI qed iqarraq għaliex tali tqabbil huwa bbażat fuq żewġ perjodu differenti, u għaldaqstant, ma jqabbilx “tuffieħ ma' tuffieħ”. Kummenti simili waslu mingħand utent Taljan u mingħand il-produtturi esportaturi Ċiniżi l-oħrajn. Wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi semma li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet naqsu bi 13,5 % bejn Jannar 2016 u Settembru 2016.

(89)

Produttur esportatur Ċiniż ieħor ikkummenta wkoll li xejra ta' żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni hija indikazzjoni li ma hemmx theddida ta' dannu u rrefera f'dan ir-rigward għall-każistika.

(90)

L-ewwel, rigward l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ġenerali tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ttenni li hija bbażat id-deċiżjoni fuq fatti, u mhux fuq allegazzjonijiet, suppożizzjonijiet jew possibbiltajiet remoti. Il-Kummissjoni qieset il-fatti bħad-data li hemm fit-Tabella 5, u interpretat din id-data, li skontha ġie nnutat tnaqqis fil-prezzijiet sa Ġunju 2016, u wara kien hemm żieda, l-iktar minħabba żieda fil-prezzijiet tal-materja prima kif stipulat fil-premessa (85) hawn fuq. It-tieni, is-CISA nnifisha ma tipprovdix spjegazzjoni alternattiva plawsibbli għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta' importazzjonijiet miċ-Ċina. It-tielet, il-Kummissjoni ma analizzatx ix-xejra tal-prezzijiet Ċiniżi bħala fattur iżolat, iżda ħadet approċċ komprensiv. Hija pponderat u vvalutat mhux biss il-fatturi kollha li huma elenkati fl-Artikolu 3 (9), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament bażiku iżda wkoll xi fatturi oħra bħall-ordnijiet li daħlu u l-profittabbiltà (ara t-Taqsima 4.5) sabiex ikollha bażi fattwali b'saħħitha għall-valutazzjoni ġenerali tagħha.

(91)

Rigward l-allegazzjoni li l-Kummissjoni intenzjonalment qarrqet lill-partijiet interessati billi qabblet il-prezz medju tal-importazzjoni matul il-perjodu Lulju — Settembru 2016 mal-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-aħħar tal-PI, il-Kummissjoni b'mod ċar iddistingwiet iż-żewġ perjodi. Barra minn hekk, f'dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-data dwar il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-aħħar tal-PI kienet l-iktar data reċenti disponibbli f'din il-proċedura minħabba li ma tinġabarx data ta' wara l-PI dwar il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk — ipotetikament — il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-iktar perjodu reċenti kien naqas, dan ma jkun jinvalida l-fatt li l-livell tal-prezzijiet Ċiniżi f'Settembru 2016 kien għadu jagħmel pressjoni enormi fuq l-industrija tal-azzar tal-Unjoni.

(92)

Rigward l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma segwietx il-każistika, il-Kummissjoni nnutat li dan l-argument ma jaħdimx, minħabba li l-Kummissjoni f'dan il-każ analizzat l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima fil-perjodu ta' wara l-investigazzjoni, kif muri fil-premessa (85). Għaldaqstant dan l-argument huwa miċħud.

4.3.4.   Konklużjoni

(93)

Anki biż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi minn Lulju 2016 'il quddiem, u fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, id-data ta' wara l-PI dwar il-prezzijiet ġeneralment ma tinvalidax il-konklużjoni li t-tnaqqis fil-prezzijiet Ċiniżi kien wassal għal theddida ta' dannu. Din it-theddida ta' dannu ma tneħħietx biż-żieda reċenti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi minn Lulju 2016 'il quddiem. Kif stipulat fil-premessa (85), anki din iż-żieda fil-livell tal-prezzijiet ma twaqqafx it-tnaqqis enormi tal-prezzijiet li jqiegħed lill-industrija tal-UE f'pożizzjoni mhux sostenibbli meta ż-żieda fil-prezzijiet Ċiniżi titqabbel mal-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni. Fl-aħħar, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni tista' tkun biss xejra temporanja, li probabbilment tieqaf ladarba r-raġunijiet għaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima jkunu sfumaw. Il-produtturi esportaturi Ċiniżi kellhom iffissar ta' prezzijiet aggressiv fis-suq tal-Unjoni, b'mod partikolari fit-tieni nofs tal-2015 u l-ewwel nofs tal-2016. Jekk ma tittieħed l-ebda miżura, u meta wieħed iqis il-kapaċità żejda massiva eżistenti tal-azzar Ċiniża, inkluż il-prodott ikkonċernat, il-produtturi esportaturi Ċiniżi jistgħu jżommu strateġija ta' prezzijiet aggressiva, waqt li jnaqqsu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom għal livelli minimi.

4.4.   Il-livell tal-inventarji

4.4.1.   Aġġornament tad-data ta' wara l-PI

(94)

Rigward il-livell tal-inventarji, il-premessa (147) tar-Regolament proviżorju semmiet li l-Kummissjoni qieset li dan il-fattur ma għandux xi sinifikat partikolari, prinċipalment għax il-produtturi tal-Unjoni jipproduċu skont l-ordni, fattur li jippermetti li jżommu l-livelli tal-inventarji tagħhom baxxi.

(95)

Rigward l-istokks fir-RPĊ, wara l-investigazzjoni, il-Kummissjoni għal darb'oħra ma setgħetx issib data komprensiva dwar l-istokks, minkejja talbiet lill-produtturi Ċiniżi li kienu qed jikkooperaw u r-riċerkaturi tagħha stess.

(96)

Madankollu, il-Kummissjoni sabet li, skont rapporti, l-inventarji tal-azzar fl-imħażen ta' 40 belt Ċiniża maġġuri naqsu għal 8,89 miljun tunnellata tard f'Ottubru 2016 minn 9,41 miljun tunnellata tard f'Settembru 2016. Barra minn hekk, l-inventarji tal-azzar ta' 80 mitħna maġġuri Ċiniżi ammontaw għal 13,46 miljun tunnellata tard f'Settembru 2016 (17) meta mqabbel ma' 16,07 miljun tunnellata tard f'Settembru 2015.

4.4.2.   Kummenti minn partijiet interessati wara r-Regolament proviżorju u wara d-divulgazzjoni definittiva.

(97)

Ma wasal l-ebda kumment mingħand partijiet interessati rigward il-livell tal-inventarji.

4.4.3.   Konklużjoni

(98)

Bħala konklużjoni, l-inventarji tal-azzar fir-RPĊ baqgħu f'madwar l-istess livelli wara t-30 ta' Ġunju 2016 bħal dawk stipulati fil-premessa (150) tar-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni b'hekk ikkonfermat il-konklużjoni tagħha fil-premessa (151) tar-Regolament proviżorju.

4.5.   Elementi oħrajn: Profittabilità u l-volum tal-ordnijiet fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Aġġornament tad-data wara l-PI

(99)

Kif stipulat fil-premessa (155) tar-Regolament proviżorju, id-dħul tal-ordnijiet żviluppa b'mod negattiv. Barra minn hekk, l-investigazzjoni stabbilixxiet deterjorament ulterjuri tal-profittabilità tal-ilmentaturi li jirrappreżentaw madwar 90 % tal-produzzjoni kumplessiva tal-industrija tal-Unjoni.

Id-data disponibbli għall-perjodu minn Lulju 2015 sa Ġunju 2016 turi deterjorament ulterjuri fil-profittabilità, minkejja xejra aktar pożittiva (mqabbla mal-2015), għad-dħul tal-ordnijiet kif ġej:

Tabella 6

Evoluzzjoni tal-profittabilità u d-dħul tal-ordnijiet tal-Ilmentaturi

Deskrizzjoni

2013

2014

2015

April 2015 — Marzu 2016

Lulju 2015 — Ġunju 2016

Profittabilità

– 4,86 %

– 1,28 %

minn – 3 % sa – 5 %

minn – 5 % sa – 7 %

minn – 7 % sa – 9 %

Dħul tal-ordnijiet

16 631 630

16 677 099

15 529 155

15 636 444

15 944 183

Sors: Eurofer, kollha vverifikati barra l-aħħar kolonna

4.5.2.   Kummenti minn partijiet interessati wara d-divulgazzjoni definittiva

(100)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, iċ-China Iron and Steel Association (CISA) argumentat li, minħabba l-ordnijiet proċessati fil-perjodu ta' wara l-investigazzjoni żdiedu, il-produtturi tal-Unjoni rċevew iżjed ordnijiet u għalhekk l-industrija tal-Unjoni għandha futur pożittiv.

(101)

Il-Kummissjoni qablet li l-ordnijiet proċessati żdiedu kemxejn, iżda fl-istess ħin irreferiet għat-telf rekord li ġarrbu l-ilmentaturi li deher ukoll fl-istess tabella. Bħala konsegwenza ta' dan, anki jekk ikun hemm irkupru possibbli għall-produtturi tal-Unjoni matul l-aktar perjodu reċenti ta' wara l-PI, tali rkupru ma jkunx jikkumpensa għat-telf li qed jiżdied b'mod drammatiku mġarrab fl-istess perjodu.

4.5.3.   Konklużjoni

(102)

Bħala konklużjoni, u fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni sabet deterjorament ulterjuri tal-profittabilità tal-ilmentaturi fl-aktar perjodu reċenti. Għaldaqstant, il-valutazzjoni li kienet teżisti theddida ta' dannu imminenti fi tmiem l-2015 ma ġietx invalidata. Pjuttost, id-deterjorament ulterjuri fil-profittabilità fl-ewwel nofs tal-2016 ikkonferma l-preċiżjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta' dan l-indikatur.

4.6.   Prevedibbiltà u imminenza tal-bidla fiċ-ċirkustanzi

(103)

L-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku jipprovdi li “… il-bidla fiċ-ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni ta' dumping li jikkawża dannu għandha tkun ġiet imbassra b'mod ċar u għandha tkun imminenti”.

(104)

Kif stipulat fil-premessa (157) tar-Regolament proviżorju, il-fatturi kollha msemmija hawn fuq ġew analizzati u vverifikati fir-rigward tal-perjodu ta' investigazzjoni. B'mod partikolari, il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun laħqet il-livell mhux sostenibbli ta' – 10 % fir-raba' trimestru tal-2015 meta l-pressjoni tal-prezzijiet Ċiniżi kienet inħasset l-aktar.

(105)

Barra minn hekk, id-data tal-perjodu ta' wara l-investigazzjoni żvelat li x-xejra negattiva fil-profittabilità tal-Unjoni, li bdiet fit-tieni nofs tal-2015, kompliet matul l-ewwel nofs tal-2016.

(106)

Id-data disponibbli għall-perjodu Lulju — Settembru 2016 ippreżentat stampa mħallta. Filwaqt li l-volumi ta' importazzjonijiet Ċiniżi naqsu, il-kapaċità żejda baqgħet ta' theddida. Rigward iż-żieda fil-prezzijiet Ċiniżi matul l-istess perjodu reċenti, anki jekk — ipotetikament — il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-iktar perjodu reċenti kien naqas, jibqa' l-fatt li l-livell tal-prezzijiet Ċiniżi f'Settembru 2016 kien għadu jagħmel pressjoni enormi fuq l-industrija tal-azzar tal-Unjoni. Minn dan isegwi li t-theddida ta' dannu kienet imminenti u prevedibbli wara tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni.

(107)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li kien ċar li kien hemm bidla prevedibbli u imminenti fiċ-ċirkostanzi fi tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni, li kienet se toħloq sitwazzjoni li fiha d-dumping se jikkawża dannu.

4.7.   Konklużjonijiet dwar it-theddida ta' dannu

(108)

Kif imsemmi fil-premessa (158) tar-Regolament proviżorju, waqt li l-industrija tal-Unjoni kienet qed tirkupra matul l-2014 u l-ewwel żewġ trimestri tal-2015, kważi l-indikaturi tad-dannu kollha bdew jaqgħu drammatikament matul it-tieni nofs tal-2015. L-investigazzjoni żvelat li din ix-xejra negattiva, li bdiet fit-tieni nofs tal-2015, ma kinitx invalidata matul l-ewwel nofs tal-2016. Bħala riżultat, il-fatturi kollha vvalutati fil-qafas tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, b'mod partikolari r-rata sinifikattiva ta' żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fl-2015 bi tnaqqis ulterjuri fil-prezzijiet, il-kapaċità eċċessiva kbira fir-RPĊ, u l-iżviluppi negattivi fil-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni jindikaw l-istess direzzjoni.

(109)

Id-data disponibbli għall-perjodu Lulju — Settembru 2016 tippreżenta stampa mħallta. Waqt li l-volumi tal-importazzjoni Ċiniża naqsu, il-kapaċità żejda baqgħet theddida u l-prezzijiet baqgħu taħt il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni minkejja ż-żieda aktar reċenti tagħhom.

(110)

Fid-dawl ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm theddida ta' dannu prevedibbli ċara u imminenti għall-industrija tal-Unjoni fit-tmiem tal-perjodu ta' investigazzjoni. Din il-valutazzjoni ma ġietx invalidata mill-iżviluppi ta' wara l-PI analizzati hawn fuq.

(111)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tas-CISA — wara d-divulgazzjoni definittiva — li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx konformi mal-każistika, billi nnutat iż-żewġ differenzi ewlenin li ġejjin bejn l-approċċ tagħha fil-każ preżenti u dak li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009 (18):

L-ewwel, kif imsemmi fil-premessa (119) tar-Regolament proviżorju l-industrija tal-Unjoni nstabet f'din li kienet f'sitwazzjoni dgħajfa fl-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni, iżda mhux sal-punt li sofriet dannu materjali matul il-perjodu kkunsidrat fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

It-tieni, il-Kummissjoni analizzat u vvalutat bir-reqqa d-data ta' wara l-PI sal-punt possibbli fil-każ preżenti sabiex tikkonferma jew tinvalida l-konklużjonijiet tagħha, kif awtorizzat mill-każistika.

5.   KAWŻALITÀ

(112)

Parti interessata tenniet li matul il-perjodu ta' investigazzjoni, ir-Russja kellha l-akbar volum ta' importazzjonijiet fl-Unjoni u li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi, għalkemm dawn kienu qed jiżdiedu matul il-perjodu kkunsidrat, xorta baqgħu f'livell baxx ħafna, jiġifieri madwar 4 %. Wara d-divulgazzjoni definittiva, parti oħra interessata kkummentat ukoll li 4 % biss tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ċinii kienu jipprekludu konklużjoni ta' kawżalità.

(113)

Dawn l-allegazzjonijiet ġew indirizzati fil-premessi minn (177) sa (188) tar-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, rigward is-sehem mis-suq, il-premessa (77) tar-Regolament proviżorju ddikjarat li s-sehem mis-suq totali tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni żdied aktar minn ħames darbiet matul il-perjodu kkunsidrat.

(114)

Skont l-ilmentatur, ikun xieraq li l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina jiġu akkumulati mal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping ta' ħames pajjiżi oħra koperti minn investigazzjoni, li għaddejja attwalment. Wara d-divulgazzjoni definittiva, l-ilmentatur tenna dan il-punt.

(115)

Il-Kummissjoni ma sabithiex possibbli f'dan il-każ li tikkumula l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping billi tgħaqqad iż-żewġ investigazzjonijiet. Il-kunċett ta' importazzjonijiet li jkunu “fl-istess ħin soġġetti għal investigazzjonijiet kontra dumping,” skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku jirrekjedi jew importazzjonijiet li qegħdin taħt l-istess investigazzjoni jew importazzjonijiet li huma taħt żewġ investigazzjonijiet differenti li għaddejjin simultanjament u li għandhom l-istess perjodi ta' investigazzjoni jew perjodi ta' investigazzjoni li huma fil-biċċa l-kbira mrikkbin. F'dan il-każ, iż-żewġ investigazzjonijiet għandhom perjodi ta' investigazzjoni differenti, bi trikkib tal-PI ta' sitt xhur biss.

(116)

Minħabba dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stipulati fil-premessi minn (197) sa (198) tar-Regolament proviżorju.

6.   L-INTERESS TAL-UNJONI

6.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(117)

Fin-nuqqas ta' kummenti rigward l-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjoni li ntlaħqet fil-premessa (203) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

6.2.   L-interess tal-importaturi

(118)

Fin-nuqqas ta' kummenti rigward l-interess tal-importaturi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha li ntlaħqet fil-premessa (204) tar-Regolament proviżorju wkoll.

6.3.   L-interess tal-utenti

(119)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, xi utenti stqarru li ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri antidumping kontra l-pajjiż kkonċernat. Huma allegaw li miżuri antidumping ikunu kontra l-interess tal-utenti għaliex:

(a)

Ikollhom effett antikompetittiv u;

(b)

Iwasslu għal volumi akbar ta' importazzjonijiet ta' prodotti downstream manifatturati f'pajjiżi terzi.

(120)

L-allegazzjoni li l-miżuri antidumping ikollhom effett antikompetittiv kienet diġà ġiet indirizzata fil-premessi minn (205) sa (212) tar-Regolament proviżorju. L-allegazzjoni li l-miżuri antidumping fuq il-prodott ikkonċernat iwasslu għal volumi akbar ta' prodotti downstream mmanifatturati f'pajjiżi terzi ma kinitx appoġġata minn informazzjoni addizzjonali sostantiva. Il-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument.

(121)

L-utent Taljan li kkoopera matul l-investigazzjoni argumenta li l-premessa (210) tar-Regolament proviżorju jintħieġ li tiġi kkomplementata billi jiġi indikat ukoll l-impatt li għandhom il-miżuri antidumping fuq il-marġni tal-profitt tiegħu. F'dan ir-rigward, l-utent Taljan qal li — bis-suppożizzjoni ta' dazju antidumping ta' 22,6 % — il-profitt tiegħu qabel it-taxxi jonqos b'2,3 punti perċentwali. Bħala riżultat, ikkonkluda li l-impożizzjoni ta' miżuri antidumping se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-profittabilità tiegħu u, a fortiori, fuq l-utenti l-oħrajn iż-żgħar li mhumiex relatati u li huma attivi fl-ipproċessar tal-prodott ikkonċernat. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-dazji antidumping se jkollhom effett negattiv fuq il-profittabilità tal-utent Taljan. Madankollu, il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-utent mhuwiex esklussivament dipendenti fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi, iżda xtara wkoll il-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni minn produtturi tal-Unjoni kif ukoll minn produtturi oħrajn f'pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-profittabilità tiegħu għandha tibqa' pożittiva, għalkemm fuq livell aktar baxx.

(122)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, l-ilmentatur argumenta li r-riżultati ta' dan l-utent Taljan f'termini ta' tkabbir u profitti huwa f'kuntrast qawwi ma' dawk tal-produtturi tal-Unjoni, li qed isofru telf kbir. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dan l-argument ma biddilx l-analiżi dwar l-impatt fuq l-utenti. Pjuttost, l-interessi tal-produttur tal-Unjoni ġew ikkunsidrati kif stabbilit fit-Taqsima 6.1.

(123)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta l-impatt tal-impożizzjoni tal-miżuri fuq utenti oħrajn billi dawn ma kkooperawx matul din l-investigazzjoni.

(124)

Minħabba dan ta' hawn fuq, u fin-nuqqas ta' xi kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha fil-premessa (213) tar-Regolament proviżorju.

6.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(125)

Fin-nuqqas ta' xi kumment ieħor rigward l-interess tal-Unjoni, il-konklużjonijiet milħuqa fi premessi minn (214) sa (217) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

7.   MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

7.1.   Livell ta' eliminazzjoni tad-dannu

(126)

Il-Kummissjoni għażlet li tistabbilixxi proviżorjament il-profitt fil-mira bħala 7 % ibbażat fuq studju tal-OECD, li ssimula kif l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni mir-reċessjoni kkawżata mill-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-2009 kieku kien jiżviluppa. Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji u kif imsemmi fil-premessa (224) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni investigat iktar din il-kwistjoni, mhux biss fid-dawl tal-kummenti li waslulha wara d-divulgazzjoni, iżda wkoll billi talbet u analizzat iktar informazzjoni f'dan ir-rigward.

(127)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja u definittiva, ħafna partijiet ikkummentaw dwar il-profitt fil-mira ta' 7 %. Parti interessata ddikjarat li kien baxx wisq, filwaqt li parti interessata oħra qalet li kien eċċessiv.

(128)

Eurofer qieset li l-profitt fil-mira ta' 7 % kien baxx wisq. L-ewwelnett, din qalet li l-aktar metodu xieraq biex jiġi determinat il-marġni tal-profitt kien jew li titqies id-data minn investigazzjoni preċedenti dwar prodotti ċatti b'laminazzjoni termali (fis-sena 2000), jew li titqies il-profittabilità miksuba mill-industrija tal-azzar matul is-sena 2008. Profitt fil-mira bbażat fuq il-profitti miksuba fis-sena 2000 iwassal għal profitt fil-mira ta' 12,9 %, filwaqt li jekk ikun ibbażat fuq il-profitti miksuba matul is-sena 2008, dan iwassal għal profitt fil-mira ta' 14,4 %. L-Eurofer allegat li fil-kuntest fejn ma saret l-ebda bidla teknoloġika u finanzjarja fl-Unjoni mis-sena 2000 'l hawn, l-użu tal-profitti miksuba fis-sena 2000 ikun xieraq. L-użu tal-profitti miksubin fl-2008 jista' jkun għażla oħra, billi l-Kummissjoni vverifikat id-data dwar il-profittabilità għal perjodu ta' 10 snin, inkluża s-sena 2008, li kienet is-sena qabel bdiet il-kriżi finanzjarja. L-Eurofer żiedet li l-profitt fil-mira jinħtieġ li ma jkunx derivat minn snin li ġew affettwati jew mill-kriżi ekonomika jew inkella mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat. It-tieni, jekk il-Kummissjoni rrifjutat iż-żewġ approċċi, l-Eurofer stqarret li l-profitt fil-mira appoġġat mill-istudju tal-2013 tal-OECD jinħtieġ li jiġi aġġustat fid-dawl tar-riżultati attwali miksubin matul il-PI mill-industrija Ewropea tal-HRF. Dan imbagħad iwassal għal marġni ta' profitt raġonevoli ta' 10 %.

(129)

Kif spjegat fil-premessa (220) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-użu tal-profitti miksubin fis-sena 2000 bħala bażi għall-profitt fil-mira mhix għażla raġonevoli. Anki bis-suppożizzjoni mhux probabbli li — kif tallega l-Eurofer — ma kien hemm l-ebda bidla teknoloġika u finanzjarja fl-Unjoni mis-sena 2000 'hawn, kien hemm tal-inqas xi bidliet fid-daqs tas-suq tal-Unjoni mis-sena 2000 bħala riżultat tal-għadd dejjem jikber ta' Stati Membri matul il-perjodu 2000-2016. It-tieni, għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (222) tar-Regolament proviżorju, l-użu tal-profitti li nkisbu fis-sena 2008 bħala bażi għall-profitt fil-mira wkoll mhuwiex għażla xierqa, prinċipalment għaliex każ ta' theddida ta' dannu, jirrekjedi, pjuttost, analiżi prospettiva. Fl-aħħar, it-talba tal-Eurofer li l-profitt mira jiżdied minn 7 % għal 10 % — fil-każ li l-profitt fil-mira ma jkunx ibbażat la fuq is-sena 2000 u lanqas fuq is-sena 2008 — ma kinitx sostanzjata biżżejjed.

(130)

Il-produttur esportatur Ċiniż Hebei Iron & Steel Group (19) u l-importatur relatat tiegħu Duferco S.A. qalu li l-użu ta' profitt fil-mira ta' 7 % kien eċċessiv, mhux xieraq u mhux preċiż għar-raġunijiet li ġejjin: L-ewwel, jirrifletti stima tal-qligħ li hija mimlija b'inċertezza u li l-parametri sottostanti tagħha sadattant inbidlu. It-tieni, jirrifletti l-profittabilità meħtieġa għas-sopravivenza tal-industrija tal-azzar globali tal-Unjoni, mhux speċifikament tal-produtturi tal-azzar tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat. It-tielet, billi l-Kummissjoni kienet iddeterminat proviżorjament li l-importazzjonijiet kienu oġġett ta' dumping fl-2015, għall-kuntrarju ma sar l-ebda dumping fis-snin 2012 – 2014, fejn il-profitti li nkisbu matul dan l-aħħar perjodu varjaw bejn – 3,3 % (telf) u 0,4 % (profitt). Fl-alternattiva, bis-suppożizzjoni li sar dumping matul is-snin 2012-2014, l-aktar sena reċenti fejn ma' hemm l-ebda evidenza ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping tal-prodott ikkonċernat hija s-sena 2011 fejn kien hemm profitti li ammontaw għal medja ta' 3,11 %. Barra minn hekk, wara divulgazzjoni definittiva, l-istess produttur esportatur Ċiniż allega li dan l-approċċ kien manifestament bi ksur tal-każistika tal-qorti, minħabba li kien responsabbli għal fatturi oħra apparti d-dumping u pjuttost huwa maħsub li jiżgura li l-industrija tal-Unjoni tibqa' ħajja.

(131)

L-ewwel, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-parti interessata ma ssostantjatx l-allegazzjonijiet tagħha li l-parametri sottostanti li huma l-bażi tal-istudju użat biex jiddetermina l-profitt fil-mira ta' 7 % sadanittant kienu nbidlu.

(132)

It-tieni, il-parti interessata argumentat ukoll li l-istudju jirrifletti profittabilità meħtieġa għas-sopravivenza tal-industrija tal-azzar globali tal-Unjoni, mhux speċifikament tal-produtturi tal-azzar tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat. F'dan ir-rigward, kif diġà stipulat fil-premessa (223) tar-Regolament proviżorju, fin-nuqqas ta' data affidabbli oħra, il-Kummissjoni ekwivalat dawn iċ-ċifri magħmula għall-industrija tal-azzar b'mod ġenerali għall-prodott ikkonċernat, billi l-HRF tikkostitwixxi proporzjon kbir tal-produzzjoni tal-azzar mhux maħdum.

(133)

It-tielet, rigward il-kumment biex tintuża d-data dwar il-profittabilità jew mill-perjodu 2012 – 2014 jew mis-sena 2011, dan ma jidhirx li huwa xieraq. Il-profitt fil-mira huwa l-prezz li l-industrija tal-Unjoni tista' tibbaża fuqu b'mod raġonevoli f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni, fin-nuqqas ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping. Kif imsemmi fil-premessa (106) tar-Regolament proviżorju, is-snin 2012, 2013 u 2014 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala snin b'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni minħabba s-sitwazzjoni ta' wara l-kriżi tad-dejn fiż-Żona tal-Euro, u t-tnaqqis fid-domanda għall-azzar fl-2012. Barra minn hekk, kif instab fil-każ ta' prodotti llaminati fil-kiesaħ (20), id-data tal-2011 mhix affidabbli minħabba l-impatt tal-kriżi finanzjarja tal-2009 li xorta kellha impatt fuq id-data dwar il-profittabilità sentejn wara.

(134)

Abbażi ta' dak ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat li l-profitt fil-mira ta' 7 % kien l-aktar bażi xierqa f'dan il-każ ta' theddida ta' dannu. Din il-fehma tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti (21) li l-analiżi dwar jekk hemmx theddida ta' dannu tirrekjedi, min-natura tagħha, analiżi prospettiva.

7.2.   Miżuri definittivi

7.2.1.   L-aċċess għal data kunfidenzjali

(135)

Ir-rappreżentant legali ta' produttur esportatur Ċiniż iddikjara li l-informazzjoni ddivulgata fid-divulgazzjoni proviżorja ma tippermettix li hu jikkummenta dwar il-korrettezza u r-rilevanza tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-marġni tad-dumping, l-effetti fuq il-prezzijiet, u l-kalkoli tal-marġni tad-dannu, inkluż jekk il-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u s-sottokwotazzjonijiet qisux il-bejgħ kollu tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, jew ta' dawk biss fejn kien hemm il-bejgħ ta' tipi ta' prodotti li jaqblu mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. F'dan il-kuntest, fit-8 ta' Novembru 2016, il-produttur esportatur Ċiniż talab kjarifiki. Barra minn hekk, fit-8 ta' Novembru 2016 u wara d-divulgazzjoni definittiva, il-produttur esportatur Ċiniż talab ukoll li jkollu aċċess għal ċerta informazzjoni kunfidenzjali. Issuġġerixxa li r-rappreżentanti legali biss ikollhom aċċess għal din l-informazzjoni kunfidenzjali, jew bħala alternattiva, jiġi involut l-Uffiċjal tas-Seduta.

(136)

Is-servizzi tal-Kummissjoni wieġbu fit-8 ta' Diċembru 2016 li l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tas-sottokwotazzjoni kienu jqisu biss tipi ta' prodotti korrispondenti biex iqabblu d-data dwar il-bejgħ tal-produttur esportatur Ċiniż mad-data dwar il-bejgħ mill-produtturi tal-UE. F'kull każ, il-volum ta' prodotti paragunabbli mibjugħin mill-industrija tal-Unjoni rrappreżenta biss 62 % tal-volum ta' esportazzjoni totali tagħha. F'dan ir-rigward, il-prodotti esportati lejn l-Unjoni minn dan il-produttur esportatur speċifiku setgħu jitqabblu ma' prodott tal-Unjoni paragunabbli. Barra minn hekk, informaw lir-rappreżentant legali ta' dik il-parti li t-talba tiegħu biex ikollu aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali ma setgħetx tiġi aċċettata minħabba li l-Kummissjoni hija marbuta li tipproteġi l-kunfidenzjalità tad-data ta' partijiet interessati oħrajn. Billi skont il-liġi attwali ma' hemm l-ebda mezz ieħor kif tiġi protetta l-kunfidenzjalità u, fl-istess ħin, tiġi fornuta l-informazzjoni mitluba lill-partijiet, is-servizzi tal-Kummissjoni qalulu jikkuntattja lill-Uffiċjal tas-Seduta biex dan jivverifika l-informazzjoni kunfidenzjali.

(137)

F'dan il-kuntest, wara d-divulgazzjoni definittiva, l-ilmentatur ikkummenta f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni hija legalment obbligata li tipproteġi d-data kunfidenzjali li jippreżentaw il-partijiet interessati kollha. Għaldaqstant hija rrifjutat li twarrab il-protezzjoni mogħtija lil din id-data kunfidenzjali permezz tal-Artikolu 19 tar-Regolament Bażiku.

(138)

Skont il-liġi attwali tal-Unjoni, kif interpretata mill-każistika, mhuwiex legalment possibbli li jingħata aċċess għal data kunfidenzjali li tipprovdi parti interessata lil xi parti interessata oħra, sakemm mhux bil-kunsens ta' min ipprovda d-data, jew fil-każ ta' litiġju quddiem il-Qrati tal-Unjoni. L-unika alternattiva hija l-mekkaniżmu ta' kontroll previst mill-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni tad-29 ta' Frar 2012 dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta (22). Saret seduta ta' smiegħ fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-7 ta' Frar 2017, fejn ġie diskuss il-qafas legali rigward l-aċċess għal data kunfidenzjali.

7.2.2.   Talba għal kjarifiki ulterjuri wara d-divulgazzjoni definittiva

(139)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, ir-rappreżentant legali tal-istess produttur esportatur Ċiniż instema' għall-ewwel darba fit-12 ta' Jannar 2017 biex jiġu diskussi fid-dettall il-kjarifiki li kien talab. Wara din il-laqgħa, huwa tenna fi preżentazzjoni bil-miktub tal-istess ġurnata t-talba tiegħu li tingħatalu informazzjoni dwar il-kalkoli tad-dannu “biex jifhem aħjar in-natura u l-grad tal-effetti tal-prezzijiet li allegatament jeżistu”.

(140)

Fit-18 ta' Jannar 2017, is-servizzi tal-Kummissjoni pprovdew f'ittra separata l-kjarifiki kollha sal-punt possibbli — jiġifieri mingħajr ma kisru l-obbligu legali tar-regolament bażiku li jipproteġu data kunfidenzjali — li kien talab ir-rappreżentant legali ta' dan il-produttur esportatur Ċiniż. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnutat li hemm tqabbil ta' 100 % bejn l-10 tipi tal-prodott ikkonċernat mibjugħa minn dan i-produttur esportatur Ċiniż u dawk mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni. Iktar minn dan, wieħed biss mill għaxar (10) tipi ta' prodott jirrappreżenta madwar 75 % tal-volumi kollha tal-bejgħ tiegħu lill-Unjoni matul il-PI.

7.2.3.   L-inklużjoni ta' hekk imsejjaħ “marġni tal-importaturi” fil-kalkolu tal-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-bejgħ u tas-sottokwotazzjoni

(141)

Wara divulgazzjoni proviżorja u definittiva, produttur esportatur Ċiniż ikkontesta l-mod kif il-Kummissjoni kienet ikkalkolat il-marġni tad-dannu. Din il-parti interessata allegat li l-prezzijiet tal-bejgħ Ċiniżi jridu jiġu aġġustati b'hekk imsejjaħ “marġni tal-importaturi”, jiġifieri li jinkludi l-iżdoganar tal-merkanzija, l-immaniġġar, il-finanzjament, l-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (Selling, General and Administrative Expenses, SG&A), u l-profitt (f'ammont ta' 5 %). Bħala tali, il-prezz dirett mill-imaħżen tal-importatur ikun jinkludi elementi tal-kost simili għal dawk korrispondenti għall-prezz tal-bejgħ mill-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-parti interessata allegat li l-Kummissjoni kienet ħadet prezz tal-iżbark biss (jiġifieri, mingħajr ebda aġġustament għal SG&A u profitt) li mhux biżżejjed biex isir paragun xieraq bejn il-prezzijiet rispettivi tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u l-produtturi tal-Unjoni għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u s-sottokwotazzjoni. Biex issostni l-punt tagħha, il-parti interessata rreferiet għal żewġ Regolamenti proviżorji, li t-tnejn imorru lura aktar minn 20 sena. Dan il-produttur esportatur Ċiniż allega wkoll li l-Kummissjoni kienet injorat il-fatt li l-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni kien ikun affettwat mir-relazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur. Permezz ta' dan, il-Kummissjoni tispiċċa tuża, fl-aħħar mill-aħħar, il-prezz tat-trasferiment bejn il-kumpaniji relatati bħala bażi għat-tqabbil mal-prezzijiet mill-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni.

(142)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba għar-raġuni li ġejja. l-għan tal-kalkolu ta' marġni ta' dannu huwa li jiġi ddeterminat jekk l-impożizzjoni ta' rata ta' dazju iktar baxxa (minn dik ibbażata fuq il-marġni ta' dumping) fuq il-prezz tal-esportazzjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping tkunx biżżejjed biex tikkanċella d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Din il-valutazzjoni jinħtieġ li tkun ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni, li hu meqjus bħala livell komparabbli mal-prezz tal-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni biex tqabbel id-data tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u l-produtturi tal-Unjoni rigward it-twaqqigħ tal-prezzijiet u s-sottokwotazzjoni tiżgura li kemm il-produtturi esportaturi kif ukoll il-produtturi tal-Unjoni jirċievu għall-kuntrarju trattament ekwu. Il-Kummissjoni kkunsidrat li d-determinazzjoni tal-prezz ta' importazzjoni relevanti u l-kalkoli tat-twaqqiegħ ta' prezzijiet u s-sottokwotazzjonijiet jinħtieġ li ma jiġux influwenzati minn jekk l-esportazzjonijiet isiru f'relazzjoni ma' operazzjonijiet fl-Unjoni jew indipendentement minnhom. Għal dak il-għan, il-prezz relevanti li jrid jitqies huwa l-prezz li bih il-prodott ikkonċernat jinbiegħ lill-Unjoni, u mhux il-prezz li bih il-materjali importati jerġgħu jinbiegħu mill-produtturi importaturi fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa (144) ta' dan ir-Regolament. B'hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-approċċ tagħha kien wieħed preċiż.

7.2.4.   Dipendenza b'analoġija fuq l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku

(143)

L-ilmentatur ikkummenta li l-Kummissjoni jinħħtieġ li tapplika l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku meta tiddetermina l-prezzijiet tal-esportazzjoni għal bejgħ li jsir permezz ta' importaturi relatati fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni tad-dannu. Din il-parti interessata kkummentat ukoll li, b'differenza mill-każ tal-laminazzjoni fil-kiesaħ, id-divulgazzjoni proviżorja ma kinitx tikkonferma b'mod espliċitu li ntużat din il-metodoloġija.

(144)

Il-Kummissjoni kkonfermat li l-għan tal-kalkolu ta' marġni ta' dannu huwa li jiddetermina jekk l-impożizzjoni ta' rata ta' dazju iktar baxxa (minn dik ibbażata fuq il-marġni ta' dumping) fuq il-prezz tal-esportazzjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping tkunx biżżejjed biex tikkanċella d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Din il-valutazzjoni jinħtieġ li tkun ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni, li hu meqjus bħala livell komparabbli mal-prezz tal-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Fil-każ tal-bejgħ ta' esportazzjonijiet permezz ta' importaturi relatati, il-prezz tal-esportazzjoni hu ddeterminat abbażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel konsumatur indipendenti aġġustat kif xieraq skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Peress li l-prezz tal-esportazzjoni huwa element indispensabbli għall-kalkolu tal-marġni ta' dannu u peress li din id-dispożizzjoni hija l-unika dispożizzjoni fir-Regolament bażiku li tagħti gwida dwar kif jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni, l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni b'analoġija hija ġġustifikata.

(145)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CISA argumentat li kienet sorpriża li l-Kummissjoni applikat b'analoġija l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Hija allegat li tali applikazzjoni kienet bi ksur tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku nnifsu, u invalida permezz ta' żball manifest ta' valutazzjoni. Hija allegat ukoll li mill-inqas produttur esportatur Ċiniż wieħed kien qed jesporta permezz ta' importaturi relatati u li konsegwentement ir-rata tad-dazju definittiva tiegħu tkun esaġerata.

(146)

L-ewwel, il-Kummissjoni wieġbet li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku huwa l-unika dispożizzjoni tar-Regolament bażiku li tagħti gwida dwar il-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. Għalhekk l-applikazzjoni tiegħu hija ġustifikata fil-qafas tal-kalkolu ta' marġni ta' dannu. It-tieni, kuntrarju għal dak li huwa allegat, hija l-prassi tal-Kummissjoni f'każijiet reċenti li b'mod konsistenti (23) tapplika l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku b'analoġija fil-qafas tal-kalkolu ta' marġni ta' dannu. It-tielet, l-għan tal-kalkoli tal-marġni ta' dannu mhuwiex li jitkejjel sa liema punt qed jikkawża dannu l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni, iżda pjuttost jekk l-esportazzjonijiet mill-produttur esportatur Ċiniż għandhomx tali effett negattiv billi jwaqqgħu l-prezz u joħolqu sottokwotazzjoni tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni. Għal dan il-għan, il-prezz relevanti li jrid jitqies huwa l-prezz li bih il-prodott ikkonċernat jinbiegħ lill-Unjoni, u mhux il-prezz li bih il-materjali importati jerġgħu jinbiegħu mill-produtturi importaturi fl-Unjoni. Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni kkonfermat li użat din il-metodoloġija biex tiddetermina l-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-bejgħ li sar permezz ta' importaturi relatati.

7.2.5.   Il-perjodu li għandu jintuża għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu f'każ ta' theddida ta' dannu

(147)

L-ilmentatur ikkritika l-fatt li l-Kummissjoni kienet proviżorjament applikat approċċ standard dwar dannu materjali billi ħadet il-marġni tad-dannu medju matul il-PI kollu (jiġifieri l-2015). Allega li dan mhux approċċ korrett peress li l-marġni tat-theddida ta' dannu jrid jirrifletti t-theddida, u meta t-theddida timmaterjalizza aktar tard matul il-PI, il-marġni tad-dannu jrid jirrifletti l-impatt konkret tat-theddida. Sabiex tneħħi b'mod effettiv l-impatt tat-theddida ta' dannu, il-Kummissjoni jinħtieġ li tħares lejn dawk il-partijiet tal-PI fejn it-theddida ta' dannu tkun bdiet timmaterjalizza. F'dan il-kuntest, l-ilmentatur irrefera għall-fatt li t-theddida ta' dannu beda jkollha impatt fuq l-industrija tal-azzar tal-Unjoni mit-tieni nofs tal-2015 'il quddiem. Għalhekk, it-tieni nofs tal-2015 biss jinħtieġ li jintuża għall-kalkolu tal-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-bejgħ u tas-sottokwotazzjoni. L-ilmentatur semma' wkoll li l-każijiet ta' theddida ta' dannu huma mmirati biex jippermettu lill-Kummissjoni taġixxi b'mod effettiv u preventiv qabel it-theddida ta' dannu tikkawża dannu Jekk il-Kummissjoni ma tkunx inklinata li tbiddel il-metodu tagħha tal-kalkolu tal-marġni (tat-theddida) tad-dannu, l-industriji jkollhom jistennew aktar, sakemm isofru dannu materjali għal sena sħiħa, biex jitolbu protezzjoni minn importazzjonijiet oġġett ta' dumping sabiex jakkwistaw marġni tad-dannu realistiku. Imġiba bħal din tkun detrimentali għall-impjiegi u għall-attivitajiet industrijali fis-suq tal-Unjoni, u ddgħajjef ukoll l-objettivi tal-ilmenti dwar theddida ta' dannu.

(148)

Wara analiżi dettaljata tal-argumenti tal-ilmentatur, il-Kummissjoni fakkret li kienet ikkonkludiet proviżorjament li kien hemm bidla imminenti u prevedibbli b'mod ċar fiċ-ċirkostanzi fl-aħħar tal-perjodu tal-investigazzjoni, li tista' toħloq sitwazzjoni li fiha d-dumping se jikkawża dannu. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet fost oħrajn għall-premessi (157), (159) u (198) tar-Regolament proviżorju li jgħid li “filwaqt li l-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda tirkupra matul l-2014 u l-ewwel żewġ trimestri tal-2015, kważi l-indikaturi tad-dannu kollha bdew jaqgħu drammatikament matul it-tieni nofs tal-2015. L-investigazzjoni żvelat li din ix-xejra negattiva, li bdiet fit-tieni nofs tal-2015, ma kinitx invalidata matul l-ewwel nofs tal-2016”. Fil-premessa (163) tar-Regolament proviżorju, ipprovdiet ulterjorment li “Fid-dawl tal-koinċidenza fiż-żmien bejn, fuq naħa waħda, il-livell dejjem jiżdied ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezzijiet kontinwament jonqsu u, min-naħa l-oħra, it-telf tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni u deprezzament fil-prezzijiet li rriżultaw f'aktar telf, b'mod partikolari mit-tieni nofs tal-2015 'il quddiem, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping kellhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.”

(149)

It-tieni, rigward il-mertu tal-kwistjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet li, kif imniżżel fil-premessa (157) tar-Regolament proviżorju, ix-xejra negattiva bdiet fit-tieni nofs tal-2015 u wasslet għal bidla imminenti u prevedibbli b'mod ċar fiċ-ċirkostanzi fl-aħħar tal-perjodu tal-investigazzjoni li tista' toħloq sitwazzjoni li fiha d-dumping jikkawża dannu, jekk ma tittieħed l-ebda miżura. Dan huwa f'konformità ma' dak li stqarret il-Kummissjoni fil-premessa (113) tar-Regolament proviżorju li “il-produtturi tal-Unjoni setgħu jirkupraw parzjalment matul l-2014 u fl-ewwel nofs tal-2015”. B'konsegwenza ta' hekk, it-tieni nofs tal-2015 jirrifletti aħjar l-impatt attwali tat-theddida ta' dannu lill-industrija tal-Unjoni li jinħtieġ li titneħħa.

(150)

It-tielet, il-Qorti sostniet li l-analiżi tad-data tal-perjodu ta' wara l-investigazzjoni hija xierqa b'mod partikolari f'investigazzjoni li tiddetermina jekk hemmx theddida ta' dannu li, min-natura tagħha stess, tirrekjedi analiżi prospettiva. Għall-Kummissjoni, it-tieni nofs tal-2015 jidher li jwieġeb aħjar għal dan ir-rekwiżit peress li huwa aktar qrib tal-iżviluppi futuri mill-PI sħiħ.

(151)

Ir-raba', kalkolu abbażi ta' perjodu ta' investigazzjoni sħiħ, irrispettivament minn jekk kienx hemm sinjali ta' xejriet negattivi, jipperikola l-objettiv ta' każ ta' theddida ta' dannu li jkun hemm azzjoni effettiva u preventiva qabel it-theddida ta' dannu tikkawża dannu.

(152)

Għar-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni aċċettat l-opinjoni li, f'dan il-każ partikolari, il-perjodu biex jiġu kkalkolati l-marġni tad-dannu jinħtieġ li jkun ibbażat fuq it-tieni nofs tal-2015 u mhux fuq il-perjodu sħiħ tal-investigazzjoni.

(153)

Bħala riżultat, il-Kummissjoni talbet data addizzjonali lill-produtturi li kienu qed jikkooperaw. Irċeviet data trimestrali addizzjonali tal-PI dwar il-kost tal-produzzjoni minn kull tip ta' prodott għall-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun u wara vverifikat din id-data. Il-verifiki kienu jikkonċernaw biss id-data addizzjonali pprovduta li ma kinitx intalbet qabel, u żgurat li d-data li fuqha l-Kummissjoni eventwalment ibbażat il-konklużjonijiet tagħha kienet affidabbli.

(154)

Minħabba li l-livell ta' kooperazzjoni kien ikkunsidrat għoli, il-marġni ta' dannu definittiv għar-RPĊ, applikabbli għal produtturi esportaturi li ma kinux fil-kampjun li kkooperaw, ġie kkalkulat bħala l-medja tat-tliet produtturi esportaturi/gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun. Il-marġni ta' dannu definittiv għar-RPĊ, applikabbli għal produtturi esportaturi li ma kkooperawx, ġie stabbilit fil-livell tal-ogħla marġni tat-tliet kumpaniji/gruppi ta' kumpaniji li kkooperaw.

(155)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CISA kkummentat li l-PI sħiħ intuża bħala bażi għall-kalkolu tal-prezz unitarju fil-mira għall-industrija tal-Unjoni, filwaqt li sitt (6) xhur biss mill-PI ntużaw għall-kalkolu tal-prezz tal-bejgħ unitarju ta' ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni għall-produtturi esportaturi ċiniżi li jappartjenu għall-grupp Shagang. Bħala riżultat, is-CISA talbet lill-Kummissjoni biex tikkalkula mill-ġdid iż-żewġ elementi billi tuża d-data disponibbli għall-istess perjodu.

(156)

Wara l-analiżi, instab li dan il-kumment kien preċiż. Il-Kummissjoni għalhekk għamlet kalkolu mill-ġdid tal-prezz unitarju fil-mira tal-industrija tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi Ċiniżi, li jappartjenu għall-grupp Shagang, billi użat tali data tal-kost tal-produzzjoni għall-istess perjodu(it-tieni nofs tal-2015) bħala l-perjodu użat għall-kalkolu tal-prezz tal-bejgħ unitarju ta' ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kollha.

(157)

Il-kalkolu rivedut wassal għall-konklużjoni li l-marġni tad-dannu għall-kumpaniji li jappartjeni għall-grupp Shagang niżel minn 36,6 % għal 35,9 %.

(158)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat il-kalkoli inizjali tal-marġni tad-dannu taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi l-oħra. Filwaqt li l-kalkolu inizjali għall-grupp Hebei kien ivvalutat korrett, l-analiżi tal-kalkolu inizjali għal Bengang Steel Plates Co., Ltd wera li li kien jinkludi l-iżbalji klerikali li ġejjin:

Tip ta' prodott wieħed instab li kien eskluż bi żball mill-kalkolu inizjali. Bħala riżultat, il-kalkolu rivedut kien jinkludi dan it-tip ta' prodott peress li dan it-tip ta' prodott kien mibjugħ kemm mill-produtturi tal-Unjoni kif ukoll minn Bengang Steel Plates Co., Ltd;

Ftit valuri fid-data tal-industrija tal-Unjoni ġew assoċjati flimkien bi żball fil-folja tal-kalkolu.

Bħala riżultat tal-effetti msemmijin hawn fuq, il-marġni tad-dannu għal dan il-produttur esportatur Ċiniż żdied għal 28,1 % (minflok 25,5 %).

(159)

Il-kalkolu rivedut tal-prezz unitarju fil-mira tal-industrija tal-Unjoni ġie kkomunikat kemm lill-grupp Shagang kif ukoll lil Bengang Steel Plates Co., Ltd fis-16 ta' Jannar 2017. Minħabba li l-uniku element li nbidel meta mqabbel mad-divulgazzjoni definittiva bid-data tat-22 ta' Diċembru 2016 kien il-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni, iż-żewġ partijiet interessati ntalbu jikkummentaw rigward dawn id-divulgazzjonijiet limitati addizzjonali sat-18 ta' Jannar 2017. Sa dakinhar, però, ma wasal l-ebda kumment.

(160)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, produttur esportatur Ċiniż wieħed ikkummenta wkoll li ma kienx persważ bir-raġunijiet mogħtija li l-użu biss tad-data li tkopri t-tieni nofs tal-2015 ikun jirrifletti aktar xieraq is-sitwazzjoni tal-impatt tat-theddida. Huwa allega wkoll li kull użu selettiv tal-perjodu għall-iskop tal-kalkolu tal-marġni tad-dannu jrendi t-tqabbil tad-dumping u l-marġni tad-dannu għall-iskop tar-“regola tad-dazju inferjuri” illoġiku u distorsiv, u jwassal għal marġnijiet ogħla milli kieku kienet intużat is-sena sħiħa tal-2015 B'riżultat ta' dan, huwa talba lill-Kummissjoni biex tuża perjodu ta' 12-il xahar biex tikkalkula l-marġni tad-dannu, simili għall-perjodu li ntuża għall-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping. Kummenti simili waslu mingħand l-utent Taljan, li żied li l-użu selettiv ta' informazzjoni li tirrigwarda parti mill-PI ma jippermettix għal valutazzjoni oġġettiva tal-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu fil-każ preżenti.

(161)

Kumment simili wasal mingħand is-CISA u mingħand iż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, li t-tnejn allegaw li l-għażla ta' perjodu ta' sitt xhur kien bi ksur taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi. F'dan ir-rigward, filwaqt li l-produttur esportatur Ċiniż l-ieħor allega prinċipalment l-limitu għal perjodu ta' sitt xhur fuq is-sett tad-data ma jikkwalifikax bħala evidenza pożittiva skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, is-CISA rreferiet għall-punt 5.1 tan-Notifika ta' Bidu billi ddikjarat li “l-investigazzjoni ta' dumping u dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015 u l-każistika”.

(162)

Barra minn hekk, produttur esportatur Ċiniż wieħed semma wkoll li hija l-prassi stabbilita tal-Kummissjoni li ma tużax data li tirreferi għal parti biss tal-perjodu ta' investigazzjoni u li l-metodoloġija applikata f'dan il-każ mhijiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Antidumping tad-WTO li “il-perjodu tal-ġbir tad-data....għandu jinkludi l-perjodu fl-intier tiegħu tal-kollezzjoni tad-data għall-investigazzjoni tad-dumping”.

(163)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-argumenti kollha kif ġej: L-ewwel, id-determinazzjoni ta' dumping u dannu ssir fuq il-bażi ta' perjodu ta' investigazzjoni u perjodu kkunsidrat iddefiniti b'konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament bażiku u mħabbra fin-Notifika ta' Bidu. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament bażiku ma jipprevedix xi metodu speċifiku għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu użat għall-applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri. It-tieni, ir-Regolament bażiku wkoll ma jipprevedix kriterji speċifiċi għad-definizzjoni tal-perjodu li matulu l-parametri għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu jiġu vvalutati. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-perjodu magħżul jirrifletti l-ispeċifiċità tal-każ u huwa xieraq fil-kuntest ta' analiżi prospettiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu l-istess perjodu ta' sitt (6) xhur biex tqabbel il-prezz tal-esportazzjoni u l-prezz fil-mira biex tiżgura valutazzjoni oġġettiva.

(164)

B'kunsiderazzjoni għall-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq fil-premessi minn (135) sa (163), u fin-nuqqas ta' xi kummenti oħrajn, il-marġnijiet ta' dannu definittivi ġew ikkalkolati mill-ġdid bid-data għat-tieni nofs tal-2015. Dawn il-marġnijiet definittivi mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej. Murija hawn ukoll ir-rati tad-dazju definittiv.

Tabella 7

Marġnijiet u Rati ta' Dazju Definittivi

Produtturi esportaturi Ċiniżi

Marġni ta' dumping definittiv

Marġni ta' dannu definittiv

Rata tad-dazju definittiv

Bengang Steel Plates Co., Ltd

97,3 %

28,1 %

28,1 %

Hesteel Group Co., Ltd

95,5 %

18,1 %

18,1 %

Jiangsu Shagang Group

106,9 %

35,9 %

35,9 %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

100,5 %

27,3 %

27,3 %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

106,9 %

35,9 %

35,9 %

(165)

Il-marġnijiet ta' dannu msemmija hawn fuq ġew imqarrba 'l isfel, fejn xieraq, lejn l-eqreb parti minn għaxra ta' figura wara kummenti minn produttur esportatur wara d-divulgazzjoni definittiva.

(166)

Ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tal-konklużjonijiet ta' din l-investigazzjoni. Gћaldaqstant, huma jirriflettu l-qagħda li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju (kuntrarju għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”) huma għaldaqstant esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u huwa mmanifatturat mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati magħmulin minn kumpanija oħra li isimha mhuwiex speċifikament imsemmi fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, jinħtieġ li ma jibbenefikawx minn dawn ir-rati u jinħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(167)

Kull talba għall-applikazzjoni ta' dawn ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpanija individwali (pereżempju wara bidla fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta' entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) jinħtieġ li tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (*1) bl-informazzjoni rilevanti kollha, b'mod partikolari kull bidla fl-attivitajiet tal-kumpanija marbutin mal-produzzjoni, mal-bejgħ domestiku u mal-bejgħ b'esportazzjoni assoċjat, pereżempju, ma' dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew tal-bejgħ. Jekk ikun xieraq, dan ir-Regolament se jiġi emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta' kumpaniji li jibbenifikaw minn rati tad-dazju individwali.

(168)

“Hebei Iron & Steel Group” biddel ismu għal “Hesteel Group Co., Ltd” matul l-investigazzjoni. Uħud mill-kumpaniji relatati tiegħu wkoll biddlu isimhom. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet kif xieraq dawn il-bidliet fl-ismijiet u adattat l-Artikolu 1 paragrafu 2 skont dan.

(169)

Sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' evażjoni, qed jitqies li jinħtieġu miżuri speċjali f'dan il-każ sabiex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-miżuri antidumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej. il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn fattura bħal din għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

7.3.   Rilaxx ta' dazji proviżorji

(170)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, perti waħda interessata qalet li l-Kummissjoni ma tistax definittivament tiġbor dazji proviżorji skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku sakemm ma jintweriex li fin-nuqqas ta' miżuri proviżorji, is-sitwazzjoni tkun żviluppat f'dannu materjali qabel l-adozzjoni tal-miżuri definittivi.

(171)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tqis li, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku, l-ammonti żgurati permezz tad-dazju antidumping proviżorju, impost mir-Regolament proviżorju, jinħtieġ li jiġu rilaxxati.

(172)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv antidumping huwa impost fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, f'koljaturi jew le (inklużi prodotti “cut-to-length” u “strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar ħlief b'laminazzjoni termali, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Il-prodott ikkonċernat ma jinkludix:

prodotti tal-azzar inossidabbli u azzar elettriku tas-siliċju bil-granijiet orjentati,

prodotti tal-azzar tal-għodda u azzar b'veloċità għolja,

prodotti, mhux f'koljaturi, mingħajr diżinji f'riljev, ta' ħxuna li taqbeż l-10 mm u ta' wisa' ta' 600 mm jew aktar, u

prodotti, mhux f'koljaturi, mingħajr diżinji f'riljev, ta' ħxuna ta' 4,75 mm jew aktar iżda li ma taqbiżx l-10 mm u ta' wisa' ta' 2 050 mm jew aktar.

Il-prodott ikkonċernat bħalissa jaqa' fil-kodiċijiet NM 7208 10 00, 7208 25 00, 7208 26 00, 7208 27 00, 7208 36 00, 7208 37 00, 7208 38 00, 7208 39 00, 7208 40 00, 7208 52 10, 7208 52 99, 7208 53 10, 7208 53 90, 7208 54 00, 7211 13 00, 7211 14 00, 7211 19 00, ex 7225 19 10 (il-kodiċi TARIC 7225191090), 7225 30 90, ex 7225 40 60 (il-kodiċi TARIC 7225406090), 7225 40 90, ex 7226 19 10 (il-kodiċi TARIC 7226191090), 7226 91 91 u 7226 91 99.

2.   Ir-rata tad-dazju tal-antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun din li ġejja:

Pajjiż

Kumpanija

Ir-Rata tad-dazju definittiv

Il-Kodiċi Addizzjonali TARIC

RPĊ

Bengang Steel Plates Co., Ltd

28,1 %

C157

Handan Iron & Steel Group Han-Bao Co., Ltd

18,1 %

C158

Hesteel Co., Ltd Tangshan Branch (24)

18,1 %

C159

Hesteel Co., Ltd Chengde Branch (25)

18,1 %

C160

Zhangjiagang Hongchang Plate Co., Ltd

35,9 %

C161

Zhangjiagang GTA Plate Co., Ltd

35,9 %

C162

Kumpaniji oħra li kkooperaw elenkati fl-Anness I

27,3 %

Ara l-Anness

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

35,9 %

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju antidumping speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 isseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li tinkludi dikjarazzjoni bid-data u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat minn ismu/isimha u l-kariga, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt(a), niċċertifika li l-(volum) ta' prodotti tal-azzar b'laminazzjoni termali mibjugħin għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea koperti minn din il-fattura kienu manifatturati minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f'din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, għandha tapplika r-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

5.   Meta xi produttur esportatur ġdid fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jipprovdi evidenza biżżejjed lill-Kummissjoni li:

(1)

ma esportax lill-Unjoni il-prodott deskritt fil-paragrafu 1 fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2015 u l-31 ta' Diċembru 2015 (il-perjodu tal-investigazzjoni),

(2)

ma huwiex relatat ma xi esportatur jew produttur fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huwa soġġett għal miżuri antidumping imposti minn dan ir-Regolament,

(3)

esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu ta' investigazzjoni li dwar huma bbażati l-miżuri, jew daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni,

Il-paragrafu 2 jista' jiġi emendat billi jiżdied il-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpaniji li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun u għalhekk huma soġġetti għal dazju individwali li ma jeċċedix il-medja ponderata ta' 27,3 %.

Artikolu 2

L-ammonti ggarantiti bħala dazji antidumping proviżorji skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/181 (26) għandhom jiġu rilaxxati b'mod definittiv.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1778 tas-6 ta' Ottubru 2016 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 272, 7.10.2016, p. 33).

(3)   ĠU C 58, 13.2.2016, p. 9.

(4)  Notifika ta' bidu ta' proċediment antisussidji dwar importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 172, 13.5.2016, p. 29).

(5)  Notifika ta' bidu ta' proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja, is-Serbja u l-Ukrajna (ĠU C 246, 7.7.2016, p. 7).

(6)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/865 tal-31 ta' Mejju 2016 li jniedi investigazzjoni dwar l-evażjoni possibbli tal-miżuri kontra d-dumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju kemm kemm immodifikati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 144, 1.6.2016, p. 35).

(7)  Proċeduri Relatati mal-Implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni, Notifika ta' bidu ta' proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 459, 9.12.2016, p. 17).

(8)   ĠU L 23, 29.1.2016, p. 16.

(9)   ĠU L 210, 4.8.2016, p. 1.

(10)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1329 tad-29 ta' Lulju 2016 li jimponi d-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet reġistrati ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (ĠU L 210, 4.8.2016, p. 27).

(11)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, Brussell, 16.3.2016, COM(2016) 155 final, L-Azzar: Iż-żamma tal-impjiegi sostenibbli u t-tkabbir fl-Ewropa.

(12)   Sors għad-data dwar il-kapaċità: OECD [OECD, DSTI/SU/SC(2016)6/Final, 5 ta' Settembru 2016, id-Direttorat għax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni, Ċifri aġġornati dwar il-kapaċità tax-xogħol tal-azzar u qafas propost għat-titjib tal-attività ta' monitoraġġ tal-kapaċità, Anness, p. 7 u segwitu].

(13)   Sors għad-data tal-produzzjoni: Assoċjazzjoni Dinjija Tal-Azzar, Steel Statistical Yearbook 2015 [Assoċjazzjoni Dinjija Tal-Azzar, Steel Statistical Yearbook 2016, it-Tabella 1 fuq paġni 1 u 2 u t-Tabella 13 fuq paġna 35, http://www.worldsteel.org/statistics/statistics-archive/yearbook-archive.html].

(14)  Ir-rapport tal-Kumitat tal-Azzar tal-OECD, 8-9 ta' Settembru 2016, Ċifri aġġornati dwar il-kapaċità tax-xogħol tal-azzar u qafas propost għat-titjib tal-attività ta' monitoraġġ tal-kapaċità.

(15)  Richard Lu, 15 ta' Lulju 2016, the downside Chinese steel demand scenario: gory details, http://www.crugroup.com/about-cru/cruinsight/The_downside_Chinese_steel_demand_scenario_gory_details

(16)  http://www.businessinsider.com.au/is-it-a-bird-a-plane-no-its-the-coking-coal-price-2016-10

https://www.bloomberg.com/news/articles/2016-09-23/goldman-says-higher-coking-coal-prices-are-here-to-stay

(17)  Estratt mill-aġġornament ta' kull xahar ta' Worldsteel dwar l-industrija Ċiniża tal-azzar, Ottubru 2016.

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, 6.10.2009, p. 19).

(19)  Kif spjegat fil-premessa (168) hawn taħt, il-grupp ta' produtturi esportaturi “Hebei Iron & Steel Group” biddel ismu għal “Hesteel Group Co., Ltd” matul l-investigazzjoni. Il-kumpaniji relatati tiegħu wkoll biddlu isimhom. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet kif xieraq dawn il-bidliet fl-ismijiet u adattat l-Artikolu 1 paragrafu 2 skont dan.

(20)   ĠU L 210, 4.8.2016, p. 1.

(21)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' April 2016, numru tal-kawża C-186/14, premessa 72, li tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta' Jannar 2014, dwar il-Kawża T-528/09, Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, premessa 71.

(22)   ĠU L 107, 19.4.2012, p. 5.

(23)  Pereżempju wieħed jista' jirreferi għall-każijiet li ġejjin:

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 217/2013 tal-11 ta' Marzu 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti folji tal-aluminju f'rombli li joriġinaw mir-Repubblika Popolari (tal-Poplu) taċ-Ċina (ĠU L 69, 13.3.2013, p. 11),

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1953 tad-29 ta' Ottubru 2015 li jimponi dazju definittiv tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti bi grani orjentati rrumblati ċatti ta' azzar manjetiku tas-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 284, 30.10.2015, p. 109).

(*1)   European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, 1049 Brussels, Belgium.

(24)  Qabel “Hebei Iron & Steel Co., Ltd Tangshan Branch”.

(25)  Qabel “Hebei Iron & Steel Co., Ltd Chengde Branch”.

(26)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/181 tal-10 ta' Frar 2016 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatt fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (ĠU L 37, 12.2.2016, p. 1).


ANNESS

Il-pajjiż

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Angang Steel Company Limited

C150

Inner Mongolia Baotou Steel Union Co., Ltd.

C151

Jiangyin Xingcheng Special Steel Works Co., Ltd.

C147

Shanxi Taigang Stainless Steel Co., Ltd.

C163

Shougang Jingtang United Iron & Steel Co., Ltd

C164

Maanshan Iron & Steel Co., Ltd

C165

Rizhao Steel Wire Co., Ltd.

C166

Rizhao Baohua New Material Co., Ltd.

C167

Tangshan Yanshan Iron and Steel Co., Ltd.

C168

Wuhan Iron & Steel Co., Ltd.

C156