31.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/492


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/592

tal-1 ta' Diċembru 2016

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-kriterji sabiex jiġi stabbilit meta attività titqies li hija anċillari għan-negozju ewlieni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(4) tagħha,

Billi:

(1)

Il-valutazzjoni ta' jekk persuni jkunux qegħdin jinnegozjaw f'isimhom stess jew ikunux qegħdin jipprovdu servizzi ta' investiment f'derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom fl-Unjoni bħala attività anċillari għan-negozju ewlieni tagħhom għandha ssir fil-livell ta' grupp. F'konformità mal-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), grupp huwa meqjus li jinkludi l-impriża prinċipali u l-impriżi sussidjarji tagħha kollha u jinkludi l-entitajiet domiċiljati fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi, irrispettivament minn jekk il-grupp ikollux il-kwartieri ġenerali tiegħu fi jew barra mill-Unjoni.

(2)

Il-valutazzjoni għandha titwettaq fil-forma ta' żewġ testijiet, li t-tnejn huma bbażati fuq l-attività tan-negozjar tal-persuni fi ħdan il-grupp u għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-klassi ta' assi. L-ewwel test għandu jistabbilixxi jekk il-persuni fi ħdan il-grupp ikunux parteċipanti kbar meta mqabbla mad-daqs tas-suq finanzjarju f'dik il-klassi ta' assi u bħala konsegwenza jridu jkunu meħtieġa li jiksbu awtorizzazzjoni bħala ditta ta' investiment. It-tieni test għandu jistabbilixxi jekk il-persuni fi ħdan il-grupp jinnegozjawx f'isimhom stess jew jipprovdux servizzi ta' investiment f'derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom f'daqs tant kbir meta mqabbel man-negozju ewlieni tal-grupp li dawk l-attivitajiet ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala anċillari fil-livell ta' grupp u li għalhekk il-persuni jridu jkunu meħtieġa li jiksbu awtorizzazzjoni bħala ditta ta' investiment.

(3)

L-ewwel test iqabbel id-daqs tal-attività ta' negozjar ta' persuna mal-attività ġenerali tan-negozjar fl-Unjoni abbażi tal-klassi ta' assi sabiex jiġi determinat is-sehem mis-suq ta' dik il-persuna. Id-daqs tal-attività ta' negozjar għandu jiġi stabbilit billi titnaqqas is-somma tal-volum tat-tranżazzjonijiet għall-iskopijiet ta' likwidità intragrupp jew għall-iskopijiet ta' ġestjoni tar-riskju, it-tnaqqis oġġettivament miżurabbli tar-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew mal-attività ta' finanzjament tat-teżor jew li jissodisfaw obbligi sabiex jipprovdu likwidità f'ċentru tan-negozjar (“tranżazzjonijiet privileġġati”) mill-volum tal-attività globali ta' negozjar imwettqa mill-persuna.

(4)

Il-volum tal-attività ta' negozjar għandu jiġi determinat mill-valur nozzjonali gross tal-kuntratti f'derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom abbażi ta' medja rikorrenti tat-tliet perjodi annwali preċedenti. Id-daqs ġenerali tas-suq għandu jiġi stabbilit abbażi tal-attività ta' negozjar imwettqa mill-Unjoni fir-rigward ta' kull klassi ta' assi li għaliha titfittex l-eżenzjoni, inklużi kuntratti li jiġu negozjati f' ċentri tan-negozjar u barra minnhom fl-Unjoni.

(5)

Billi s-swieq tal-komoditajiet ivarjaw b'mod sinifikanti f'termini tad-daqs, in-numru ta' parteċipanti fis-suq, il-livell ta' likwidità u karatteristiċi oħra, għandhom japplikaw livelli limitu differenti għal klassijiet ta' assi differenti fir-rigward tat-test dwar id-daqs tal-attività tan-negozjar.

(6)

It-tieni test jipprovdi żewġ metodi għall-istabbiliment tad-daqs tal-attività tan-negozjar biex jiġi mqabbel mad-daqs tal-attività ewlenija li jwettaq il-grupp. Dan it-test jieħu żewġ forom biex jirrifletti aħjar l-attivitajiet sottostanti tal-persuni li jkun beħsiebhom jużaw l-eżenzjoni filwaqt li jimminimizza l-piż regolatorju u l-kumplessità tal-implimentazzjoni tat-test. It-test ibbażat fuq il-kapital huwa pprovdut bħala alternattiva għat-test ibbażat fuq in-negozjar sabiex jieħu kont tar-realtà ekonomika tal-gruppi eteroġeni ħafna li jridu jwettqu l-valutazzjoni ta' jekk in-negozjar tagħhom huwiex anċillari għall-attivitajiet tan-negozju ewlieni tagħhom, inklużi gruppi li jwettqu investimenti kapitali sinifikanti, meta mqabbla mad-daqs tagħhom, fil-ħolqien ta' faċilitajiet ta' infrastruttura, trasport u produzzjoni, kif ukoll investimenti li ma jistgħux jiġu ħħeġġjati faċilment fis-swieq finanzjarji. Billi ż-żewġ forom tat-tieni test jaqdu r-realtajiet ekonomiċi sottostanti differenti ta' diversi gruppi, iż-żewġ testijiet jikkostitwixxu metodi xierqa ndaqs sabiex jiġi stabbilit jekk l-attività tan-negozjar tkunx anċillari għan-negozju ewlieni ta' grupp partikolari.

(7)

Id-daqs tal-attività ta' negozjar kif użata taħt l-ewwel metodu tat-tieni test huwa meħud bħala sostitut għall-attività kummerċjali li l-persuna jew il-grupp jipparteċipa fiha bħala n-negozju ewlieni tiegħu. Dan is-sostitut jenħtieġ li jkun faċli u kosteffiċjenti għall-persuni biex japplikawh billi jibni fuq id-dejta li diġà hija meħtieġa li tinġabar għall-ewwel test filwaqt li fl-istess ħin jistabbilixxi test utli.

(8)

Dan is-sostitut huwa adattat minħabba li entità razzjonali avversa għar-riskju, bħal produttur, proċessur jew konsumatur ta' komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet, hija meqjusa li tiħħeġġja l-volum tal-attività kummerċjali tan-negozju ewlieni tagħha b'volum ekwivalenti ta' derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom. Għalhekk il-volum tal-attività ta' negozjar kollha tagħha f'derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom, imkejjel fil-valur nozzjonali gross tas-sottostanti, huwa sostitut xieraq għad-daqs tan-negozju ewlieni tal-grupp. Billi gruppi li l-attivitajiet tan-negozju ewlieni tagħhom ma jkunux relatati ma' komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet ma jużawx id-derivattivi tal-komoditajiet jew tal-kwoti tal-emissjonijiet bħala għodda għat-tnaqqis tar-riskju, in-negozjar tagħhom f'derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom ma jikkwalifikax bħala ħħeġġjar.

(9)

Madankollu, l-użu tad-derivattivi tal-komoditajiet bħala għodda għat-tnaqqis tar-riskju ma jistax jitqies bħala sostitut perfett għall-attività kummerċjali li l-persuna jew il-grupp iwettqu bħala n-negozju ewlieni tagħhom billi jista' ma jiħux kont ta' investimenti oħra f'assi fissi mhux relatati mas-swieq tad-derivattivi. Biex tiġi korretta d-diskrepanza potenzjali bejn in-negozjar ta' grupp f'derivattivi tal-komoditajiet u d-daqs reali tan-negozju ewlieni tiegħu fir-rigward, b'mod partikolari, ta' gruppi żgħar, l-ewwel metodu tat-tieni test għandu jinkludi garanzija ta' kontinġenza li tirrikonoxxi li l-attività ta' negozjar imwettqa mill-persuni fi ħdan il-grupp ma tridx ukoll taqbeż ċertu peċentwal tal-ebda wieħed mil-livelli limitu stabbiliti taħt l-ewwel test għal kull klassi ta' assi rilevanti sabiex titqies bħala anċillari. Ogħla ma jkun il-perċentwal ta' attività spekulattiva fi ħdan l-attività tan-negozjar kollha ta' grupp, aktar ikun baxx il-livell limitu stabbilit taħt l-ewwel test.

(10)

Il-garanzija ta' kontinġenza bbażata fuq grupp li ma jaqbiżx ċertu perċentwal tal-ebda wieħed mil-livelli limitu stabbiliti taħt l-ewwel test għal kull klassi ta' assi rilevanti hija partikolarment rilevanti għal gruppi żgħar ħafna b'impronta globali negliġibbli fin-negozjar f'derivattivi tal-komoditajiet rilevanti. Minn banda, dawk il-gruppi jistgħu jkunu meħtieġa jwettqu analiżi għalja tal-attivitajiet ta' negozjar tagħhom sabiex jiġi determinat jekk dak in-negozjar inaqqasx jew le r-riskju mingħajr ma r-riżultat ikun konklużiv dwar in-natura anċillari tal-attività tan-negozjar. Mill-banda l-oħra, dawk il-gruppi ġeneralment mhumiex mgħammra biex jipparteċipaw fit-test tal-kapital bħala alternattiva għat-test ibbażat fuq in-negozjar. Sabiex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati fuq dawk il-gruppi, huwa xieraq li l-gruppi li l-attività tan-negozjar tagħhom għal kull klassi ta' assi rilevanti tammonta għal anqas minn wieħed minn kull ħamsa tal-livell limitu stabbilit taħt l-ewwel test, jitqiesu bħala li jwettqu dak in-negozjar bħala attività anċillari għan-negozju ewlieni tagħhom. L-ewwel metodu taħt it-tieni test, madankollu, jista' ma jkejjilx adegwatament l-attività ewlenija ta' persuni li jkollhom investimenti kapitali sinifikanti, meta mqabbla mad-daqs tagħhom, fil-ħolqien ta' faċilitajiet ta' infrastruttura, trasport u produzzjoni. Ma jirrikonoxxix lanqas investimenti li ma jistgħux jiġu ħħeġġjati fi swieq finanzjarji. Għalhekk huwa neċessarju li t-tieni test jinkludi metodu ieħor li juża metrika bbażata fuq il-kapital sabiex ikejjel li dik l-attività ta' negozjar tkun anċillari għan-negozju ewlieni tal-grupp.

(11)

It-tieni metodu taħt it-tieni test juża l-kapital stmat li grupp mhux finanzjarju jkun meħtieġ li jżomm kontra r-riskju tas-suq inerenti fil-pożizzjonijiet tiegħu li jirriżultaw min-negozjar f'derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom, għajr dawk minn pożizzjonijiet privileġġati, bħala sostitut għall-ammont ta' attivitajiet anċillari mwettqa mill-persuni fi grupp. Il-qafas żviluppat taħt l-awspiċi tal-Kumitat ta' Basel u implimentat fl-Unjoni permezz tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital huwa użat sabiex tiġi applikata ponderazzjoni proporzjonata tal-kapital nozzjonali għall-pożizzjonijiet. F'dan il-qafas, il-pożizzjoni netta f'derivattiv ta' komodità, kwota ta' emissjonijiet jew derivattiv tagħha għandha tiġi stabbilita billi jiġi kkalkulat il-valur nett tal-pożizzjonijiet twal u qosra f'tip partikolari ta' kuntratt ta' derivattiv tal-komoditajiet, kwota tal-emissjonijiet jew kuntratt ta' derivattiv tagħha, bħal futuri, opzjoni, forward jew warrants. Fl-istabbiliment tal-pożizzjoni netta, il-kalkolu tal-valur nett għandu jseħħ irrispettivament minn fejn jiġi nnegozjat il-kuntratt, il-kontroparti tal-kuntratt jew il-maturità tiegħu. Il-pożizzjoni grossa f'derivattiv ta' komodità rilevanti, kuntratt ta' kwota tal-emissjonijiet jew kuntratt ta' derivattiv tagħha għandha, mill-banda l-oħra, tiġi kkalkulata billi jiġu miżjuda l-pożizzjonijiet netti tat-tipi ta' kuntratti li jirrigwardaw komodità partikolari jew, kwota ta' emissjonijiet jew id-derivattiv tagħha. F'dan il-kuntest, il-pożizzjonijiet netti f'tip partikolari ta' kuntratt ta' derivattiv ta' komodità, kuntratt ta' kwota tal-emissjonijiet jew kuntratt ta' derivattiv tagħha m'għandhomx jiġu nnettjati kontra xulxin.

(12)

Bit-tieni metodu tat-tieni test, l-ammont tal-kapital stmat ta' grupp imbagħad jiġi pparagunat mal-ammont reali tal-kapital impjegat ta' dak il-grupp li għandu jirrifletti d-daqs tal-attività ewlenija tiegħu. Il-kapital impjegat huwa kkalkulat abbażi tal-assi totali tal-grupp li minnhom jitnaqqas id-dejn kurrenti tiegħu. Id-dejn kurrenti għandu jinkludi d-dejn li jkun se jiġi saldat fi żmien tnax-il xahar.

(13)

Ir-razzjonal tat-testijiet tal-attività anċillari huwa li jiġi ċċekkjat jekk il-persuni fi ħdan grupp li ma jkunux awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE għandhomx japplikaw għal awtorizzazzjoni minħabba d-daqs relattiv jew assolut tal-attività tagħhom f'derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom. It-testijiet tal-attività anċillari għalhekk jiddeterminaw id-daqs tal-attivitajiet f'derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom li persuni fi ħdan grupp jistgħu jwettqu mingħajr awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE minħabba li dawk l-attivitajiet ikunu anċillari għan-negozju ewlieni tal-grupp. Għalhekk huwa xieraq li d-daqs tal-attività anċillari tal-grupp jiġi kkalkulat permezz ta' kriterji li jeskludu l-attività mwettqa minn membri tal-grupp li jkunu awtorizzati skont dik id-Direttiva sabiex jiġi valutat id-daqs tal-attività anċillari ġenwina mwettqa minn membri tal-grupp li ma jkunux awtorizzati.

(14)

Biex il-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jippjanaw u joperaw in-negozju tagħhom b'mod raġonevoli u sabiex jittieħed kont tal-mudelli staġjonali tal-attività, il-kalkolu tat-testijiet li jistabbilixxu meta attività titqies li hija anċillari għan-negozju ewlieni għandu jkun ibbażat fuq perjodu ta' tliet snin. Għalhekk, jenħtieġ li l-entitajiet iwettqu l-valutazzjoni ta' jekk jiksrux wieħed miż-żewġ livelli limitu fuq bażi annwali billi jikkalkulaw medja sempliċi ta' tliet snin fuq bażi rikorrenti sabiex ikunu jistgħu jissottomettu n-notifika annwali tagħhom lill-awtorità kompetenti. Dan l-obbligu jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtorità kompetenti li titlob, fi kwalunkwe ħin, rapport mingħand persuna dwar il-bażi li fuqha dik il-persuna tqis l-attività tagħha skont il-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 2(1)(j) tad-Direttiva 2014/65/UE bħala anċillari għan-negozju ewlieni tagħha.

(15)

It-tranżazzjonijiet oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta' finanzjament tat-teżor u t-tranżazzjonijiet intragrupp jenħtieġ li jitqiesu b'mod konsistenti mar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Madankollu, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet f'derivattivi li jkunu oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta' finanzjament tat-teżor, ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 (4) jirreferi biss għal derivattivi mhux kummerċjati fi swieq regolati filwaqt li l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2014/65/UE jkopri d-derivattivi negozjati f'ċentri tan-negozjar. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jikkunsidra wkoll id-derivattivi nnegozjati fi swieq regolati fir-rigward ta' tranżazzjonijiet meqjusa bħala oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew ta' finanzjament tat-teżor.

(16)

F'xi ċirkostanzi, jista' ma jkunx possibbli li riskju kummerċjali jiġi ħħeġġjat permezz ta' kuntratt ta' derivattiv ta' komodità direttament relatat: kuntratt eżattament bl-istess sottostanti u data tas-saldu bħar-riskju li jkun qed jiġi kopert. F'każ bħal dan, il-persuna tista' tuża ħħeġġjar proxy permezz ta' strument korrelatat mill-qrib biex tkopri l-iskopertura tagħha bħal strument b'sottostanti differenti iżda qrib ħafna f'termini ta' mġiba ekonomika. Barra minn hekk, jista' jintuża ħeġġjar makro jew ta' portafoll minn persuni, li jidħlu f'kuntratti ta' derivattivi ta' komoditajiet biex jiħħeġġjaw riskju fir-rigward tar-riskji ġenerali tagħhom jew ir-riskji ġenerali tal-grupp. Dawk il-kuntratti ta' derivattivi tal-komoditajiet b'ħeġġjar makro, ta' portafoll jew proxy jistgħu jikkostitwixxu ħħeġġjar għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(17)

Meta persuna li tkun qiegħda tapplika t-test tal-attività anċillari tuża ħeġġjar ta' portafoll jew makro, hija tista' ma tkunx kapaċi tistabbilixxi rabta waħda għal waħda bejn tranżazzjoni speċifika f'derivattiv ta' komodità u riskju speċifiku direttament relatat mal-attivitajiet kummerċjali u ta' finanzjament tat-teżor li tidħol fihom biex tiħħeġġjah. Ir-riskji direttament relatati mal-attivitajiet kummerċjali u ta' finanzjament tat-teżor jistgħu jkunu ta' natura kumplessa, eż. diversi swieq ġeografiċi, diversi prodotti, perjodi ta' żmien jew entitajiet. Il-portafoll ta' kuntratti ta' derivattivi tal-komoditajiet li wieħed jidħol fihom sabiex jimmitiga dawk ir-riskji jista' joħroġ minn sistemi ta' ġestjoni tar-riskju kumplessi. F'każijiet bħal dawn, is-sistemi ta' ġestjoni tar-riskju għandhom jimpedixxu tranżazzjonijiet mhux ta' ħħeġġjar milli jiġu kklassifikati bħala ħeġġjar u jipprovdu għal stampa suffiċjentement diżaggregata tal-portafoll ta' ħħeġġjar sabiex il-komponenti spekulattivi jiġu identifikati u magħduda għal-livelli limitu. Il-pożizzjonijiet ma għandhomx jikkwalifikaw bħala li jnaqqsu r-riskji relatati ma' atività kummerċjali fuq il-bażi biss li jiffurmaw parti minn portafoll ta' tnaqqis tar-riskju fuq bażi ġenerali.

(18)

Riskju jista' jevolvi maż-żmien u, sabiex jaddattaw għall-evoluzzjoni tar-riskju, derivattivi tal-komoditajiet jew ta' kwoti tal-emissjonijiet inizjalment eżegwiti għat-tnaqqis tar-riskju relatat mal-attività kummerċjali, jista' jkollhom jiġu paċuti bl-użu ta' kuntratti addizzjonali ta' derivattivi tal-komoditajiet jew ta' kwoti tal-emissjonijiet.Bħala riżultat, l-iħħeġġjar ta' riskju jista' jinkiseb b'kombinazzjoni ta' kuntratti ta' derivattivi tal-komoditajiet jew ta' kwoti tal-emissjonijiet li jinkludu kuntratti ta' derivattivi tal-komoditajiet ta' tpaċija li jtemmu dawk il-kuntratti ta' derivattivi tal-komoditajiet li ma baqgħux relatati mar-riskju kummerċjali. Barra minn hekk, l-evoluzzjoni ta' riskju li jkun ġie indirizzat billi pożizzjoni tiddaħħal f'derivattiv tal-komoditajiet jew ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-finijiet tat-tnaqqis ta' dak ir-riskju ma għandhiex sussegwentement tagħti lok għall-evalwazzjoni mill-ġdid ta' dik il-pożizzjoni bħala li mhijiex tranżazzjoni privileġġata ab initio.

(19)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(20)

L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(21)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Applikazzjoni tal-livelli limitu

L-attivitajiet tal-persuni msemmija fil-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 2(1)(j) tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jitqiesu bħala anċillari għan-negozju ewlieni tal-grupp jekk dawk l-attivitajiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u jikkostitwixxu minoranza tal-attivitajiet fil-livell ta' grupp skont l-Artikolu 3.

Artikolu 2

Livell limitu ġenerali tas-suq

1.   Id-daqs tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 ikkalkulati skont il-paragrafu 2 diviżi bl-attività ġenerali ta' negozjar fis-suq ikkalkulata skont il-paragrafu 3 għandu, f'kull waħda mill-klassijiet ta' assi li ġejjin, jammonta għal anqas mill-valuri li ġejjin:

(a)

4 % fir-rigward tad-derivattivi fuq il-metalli;

(b)

3 % fir-rigward tad-derivattivi fuq iż-żejt u l-prodotti taż-żejt;

(c)

10 % fir-rigward tad-derivattivi fuq il-faħam;

(d)

3 % fir-rigward tad-derivattivi fuq il-gass;

(e)

6 % fir-rigward tad-derivattivi fuq l-enerġija;

(f)

4 % fir-rigward tad-derivattivi fuq il-prodotti agrikoli;

(g)

15 % fir-rigward tad-derivattivi fuq komoditajiet oħra, inklużi t-trasport ta' merkanzija u l-komoditajiet imsemmija fit-Taqsima C 10 tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE;

(h)

20 % fir-rigward tal-kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom.

2.   Id-daqs tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, li jitwettqu fl-Unjoni minn pesuna fi ħdan grupp f'kull waħda mill-klassijiet ta' assi msemmija fil-paragrafu 1, għandu jiġi kkalkulat billi jiġi aggregat il-valur nozzjonali gross tal-kuntratti kollha fi ħdan il-klassi ta' assi rilevanti li dik il-persuna tkun parti fihom.

L-aggregazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex tinkludi kuntratti li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) u (c) tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2014/65/UE jew kuntratti fejn il-persuna fi ħdan il-grupp li jkun parti għal kwalunkwe wieħed minnhom tkun awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/UE jew id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

3.   L-attività ġenerali ta' negozjar fis-suq f'kull waħda mill-klassijiet ta' assi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkulata permezz ta' aggregazzjoni tal-valur nozzjonali gross tal-kuntratti kollha li ma jkunux negozjati f'ċentru tan-negozjar fi ħdan il-klassi ta' assi rilevanti li kwalunkwe persuna li tinsab fl-Unjoni tkun parti fihom u ta' kwalunkwe kuntratt ieħor fi ħdan dik il-klassi ta' assi li jkun negozjat f'ċentru tan-negozjar li jkun jinsab fl-Unjoni matul il-perjodu kontabilistiku annwali rilevanti msemmi fl-Artikolu 4(2).

4.   Il-valuri aggregati msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu denominati fil-munita EUR.

Artikolu 3

Livell limitu tan-negozju ewlieni

1.   L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu minoranza tal-attivitajiet fil-livell ta' grupp meta jikkonformaw ma' kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-daqs ta' dawk l-attivitajiet, ikkalkulat skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, ma jammontax għal aktar minn 10 % tad-daqs totali tal-attività ta' negozjar tal-grupp, ikkalkulat skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3;

(b)

il-kapital impjegat stmat għat-twettiq ta' dawk l-attivitajiet, ikkalkulat skont il-paragrafi 5 sa 7, ma jammontax għal aktar minn 10 % tal-kapital impjegat fil-livell ta' grupp għat-twettiq tan-negozju ewlieni, ikkalkulat skont il-paragrafu 9.

2.   Għandhom japplikaw id-derogi li ġejjin mill-paragrafu 1(a):

(a)

meta d-daqs tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, ikkalkulat skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, jammonta għal aktar minn 10 % iżda anqas minn 50 % tad-daqs totali tal-attività ta' negozjar tal-grupp, ikkalkulat skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, l-attivitajiet anċillari għandhom jitqiesu biss bħala li jikkostitwixxu minoranza tal-attivitajiet fil-livell ta' grupp meta d-daqs tal-attività ta' negozjar għal kull waħda mill-klassijiet ta' assi msemmija fl-Artikolu 2(1) jammonta għal anqas minn 50 % tal-livell limitu stabbilit mill-Artikolu 2(1) għal kull klassi ta' assi rilevanti;

(b)

meta d-daqs tal-attivitajiet ta' negozjar, ikkalkulat skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, jammonta għal 50 % jew aktar tad-daqs totali tal-attività ta' negozjar tal-grupp ikkalkulat skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, l-attivitajiet anċillari għandhom jitqiesu biss bħala li jikkostitwixxu minoranza tal-attivitajiet fil-livell ta' grupp meta d-daqs tal-attività ta' negozjar għal kull waħda mill-klassijiet ta' assi msemmija fl-Artikolu 2(1) jammonta għal anqas minn 20 % tal-livell limitu stabbilit mill-Artikolu 2(1) għal kull klassi ta' assi rilevanti.

3.   Id-daqs tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, li jitwettqu minn persuna fi ħdan grupp, għandu jiġi kkalkulat permezz ta' aggregazzjoni tad-daqs tal-attivitajiet imwettqa minn dik il-persuna fir-rigward tal-klassijiet ta' assi kollha msemmija fl-Artikolu 2(1) skont l-istess kriterji ta' kalkolu bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2).

Id-daqs totali tal-attività ta' negozjar tal-grupp għandu jiġi kkalkulat permezz ta' aggregazzjoni tal-valur nozzjonali gross tal-kuntratti kollha f'derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom li l-persuni fi ħdan dak il-grupp ikunu parti fihom.

4.   L-aggregazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ma għandhiex tinkludi kuntratti fejn il-persuna fi ħdan il-grupp li jkun parti għal kwalunkwe wieħed minn dawk il-kuntratti tkun awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/UE jew id-Direttiva 2013/36/UE.

5.   Il-kapital impjegat stmat sabiex jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun is-somma ta' dan li ġej:

(a)

15 % ta' kull pożizzjoni netta, twila jew qasira, immultiplikat bil-prezz għad-derivattiv ta' komodità, kwota tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħha;

(b)

3 % tal-pożizzjoni grossa, twila u qasira, immultiplikat bil-prezz għad-derivattiv ta' komodità, kwota tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħha;

6.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 5, il-punt (a), il-pożizzjoni netta f'derivattiv ta' komodità, kwota tal-emissjonijiet jew derivattiv tagħha għandha tiġi determinata billi jiġi kkalkulat il-valur nett tal-pożizzjonijiet twal u qosra:

(a)

f'kull tip ta' kuntratt ta' derivattiv ta' komodità b'komodità partikolari bħala sottostanti sabiex tiġi kkalkulata l-pożizzjoni netta għal kull tip ta' kuntratt b'dik il-komodità bħala sottostanti;

(b)

f'kuntratt ta' kwota tal-emissjonijiet sabiex tiġi kkalkulata l-pożizzjoni netta f'dak il-kuntratt ta' kwoti tal-emissjonijiet; jew

(c)

f'kull tip ta' kuntratt ta' derivattiv ta' kwoti tal-emissjonijiet sabiex tiġi kkalkulata l-pożizzjoni netta għal kull tip ta' kuntratt ta' derivattiv tal-kwoti tal-emissjonijiet.

Għall-iskopijiet tal-paragrafu 5, il-punt (a), il-pożizzjonijiet netti f'tipi differenti ta' kuntratti bl-istess komodità bħala sottostanti jew tipi differenti ta' kuntratti ta' derivattivi bl-istess kwota ta' emissjonijiet bħala sottostanti jistgħu jiġu nnettjati kontra xulxin.

7.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 5, il-punt (b), il-pożizzjoni grossa f'derivattiv ta' komodità, kwota ta' emissjonijiet jew kuntratt ta' derivattiv tagħha, għandha tiġi determinata permezz ta' komputazzjoni tas-somma tal-valuri assoluti tal-pożizzjonijiet netti għal kull tip ta' kuntratt b'komodità partikolari bħala s-sottostanti, għal kull kuntratt ta' kwota tal-emissjonijiet jew għal kull tip ta' kuntratt bi kwota partikolari ta' emissjonijiet bħala s-sottostanti.

Għall-iskopijiet tal-paragrafu 5, il-punt (b), il-pożizzjonijiet netti f'tipi differenti ta' kuntratti ta' derivattivi bl-istess komodità bħala sottostanti jew tipi differenti ta' kuntratti ta' derivattivi bl-istess kwota ta' emissjonijiet bħala sottostanti ma jistgħux jiġu nnettjati kontra xulxin.

8.   Il-kalkolu tal-kapital stmat ma għandux jinkludi pożizzjonijiet li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tas-subparagrafu 5 tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2014/65/UE.

9.   Il-kapital impjegat sabiex jitwettaq in-negozju ewlieni ta' grupp għandu jkun is-somma tal-assi totali tal-grupp li minnha jitnaqqas id-dejn ta' terminu qasir kif irreġistrat fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tal-grupp fit-tmiem tal-perjodu ta' kalkolu annwali rilevanti. Għall-iskopijiet tal-ewwel sentenza, dejn ta' terminu qasir ifisser dejn b'maturità ta' anqas minn 12-il xahar.

10.   Il-valuri li jirriżultaw mill-kalkoli msemmija f'dan l-Artikolu għandhom ikunu denominati fil-munita EUR.

Artikolu 4

Proċedura għall-kalkolu

1.   Il-kalkolu tad-daqs tal-attivitajiet ta' negozjar u tal-kapital imsemmija fl-Artikolu 2 u 3 għandu jkun ibbażat fuq medja sempliċi tal-attivitajiet ta' negozjar ta' kuljum jew tal-kapital stmat allokat għal dawk l-attivitajiet ta' negozjar, matul tliet perjodi ta' kalkolu annwali li jippreċedu d-data tal-kalkolu. Il-kalkoli għandhom jitwettqu kull sena fl-ewwel kwart tas-sena kalendarja li ssegwi perjodu ta' kalkolu annwali.

2.   Għall-iskop tal-paragrafu 1, perjodu ta' kalkolu annwali jfisser perjodu li jibda fl-1 ta' Jannar ta' sena partikolari u jintemm fil-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena.

3.   Għall-iskop tal-paragrafu 1, il-kalkolu tad-daqs tal-attivitajiet ta' negozjar jew tal-kapital stmat allokat għall-attivitajiet ta' negozjar li se jseħħu fl-2018 għandu jqis it-tliet perjodi ta' kalkolu annwali preċedenti, li jibdew fl-1 ta' Jannar 2015, l-1 ta' Jannar 2016 u l-1 ta' Jannar 2017, u l-kalkolu li se jsir fl-2019 għandu jqis it-tliet perjodi ta' kalkolu annwali preċedenti, li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016, l-1 ta' Jannar 2017 u l-1 ta' Jannar 2018.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3, il-perjodu ta' referenza għall-kalkolu tal-attivitajiet ta' negozjar ta' kuljum jew il-kapital stmat allokat għal tali attivitajiet ta' negozjar għandu jinkludi biss l-aktar perjodu ta' kalkolu annwali riċenti meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-attivitajiet ta' negozjar ta' kuljum jew il-kapital stmat allokat għal tali attivitajiet ta' negozjar jonqsu b'aktar minn 10 %, meta jitqabbel l-ewwel mit-tliet perjodi ta' kalkolu annwali preċedenti mal-aktar perjodu ta' kalkolu annwali riċenti; kif ukoll

(b)

l-attivitajiet ta' negozjar ta' kuljum jew il-kapital stmat allokat għal tali attivitajiet ta' negozjar fl-aktar perjodu riċenti mit-tliet perjodi ta' kalkolu annwali jkunu aktar baxxi milli fiż-żewġ perjodi ta' kalkolu preċedenti.

Artikolu 5

Tranżazzjonijiet li jikkwalifikaw bħala li jnaqqsu r-riskji

1.   Għall-iskopijiet tal-punt (b) tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2014/65/UE, tranżazzjoni f'derivattivi għandha titqies bħala oġġettivament miżurabbli bħala li tnaqqas ir-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta' finanzjament tat-teżor meta jiġi ssodisfat wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:

(a)

it-tranżazzjoni tnaqqas ir-riskji li jirriżultaw mill-bidla potenzjali fil-valur tal-assi, servizzi, inputs, prodotti, komoditajiet jew obbligazzjonijiet li l-persuna jew il-grupp tagħha jippossjedu, jipproduċu, jimmanifatturaw, jipproċessaw, ifornu, jixtru, jikkummerċjalizzaw, jikru, ibigħu jew iġarrbu jew li b'mod raġonevoli jantiċipaw li se jippossjedu, jipproduċu, jimmanifatturaw, jipproċessaw, ifornu, jixtru, jikkummerċjalizzaw, jikru, ibigħu jew iġarrbu tul il-ħidma normali tan-negozju tagħhom;

(b)

it-tranżazzjoni tkopri r-riskji li jirriżultaw mill-impatt indirett potenzjali fuq il-valur tal-assi, is-servizzi, l-inputs, il-prodotti, il-komoditajiet jew l-obbligazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), li jirriżultaw minn varjazzjoni tar-rati tal-imgħax, ir-rati tal-inflazzjoni, ir-rati tal-kambju jew ir-riskju tal-kreditu;

(c)

it-tranżazzjoni tikkwalifika bħala kuntratt ta' ħħeġġjar skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) adottati f'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, tranżazzjoni li tikkwalifika bħala li tnaqqas ir-riskju, meħuda waħedha jew f'kombinazzjoni ma' derivattivi oħra, hija waħda li għaliha entità mhux finanzjarja:

(a)

tiddeskrivi dan li ġej fil-politiki interni tagħha:

(i)

it-tipi ta' kuntratti ta' derivattivi ta' komoditajiet, ta' kwoti tal-emissjonijiet jew ta' derivattivi tagħhom inklużi fil-portafolji użati sabiex inaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta' finanzjament tat-teżor u l-kriterji tal-eliġibbiltà tagħhom;

(ii)

ir-rabta bejn il-portafoll u r-riskji li l-portafoll ikun qiegħed itaffi;

(iii)

il-miżuri adottati sabiex ikun żgurat li t-tranżazzjonijiet fir-rigward ta' dawk il-kuntratti ma jservu l-ebda għan ieħor ħlief li jkopru r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta' finanzjament tat-teżor tal-entità mhux finanzjarja, u li kwalunkwe tranżazzjoni li sservi għan ieħor tista' tiġi identifikata b'mod ċar;

(b)

tkun kapaċi tipprovdi stampa suffiċjentement diżaggregata tal-portafolji f'termini tal-klassi tad-derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom, il-komodità sottostanti, il-perjodu taż-żmien u kwalunkwe fattur rilevanti ieħor.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-regolament japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(6)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).