31.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/479


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/591

tal-1 ta' Diċembru 2016

li jissuplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-applikazzjoni ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komoditajiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(3) u (12) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex ikun żgurat approċċ armonizzat għall-applikazzjoni ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komoditajiet, jenħtieġ li tiġi speċifikata metodoloġija għall-kalkolu ta' dawk il-limiti. Jenħtieġ li l-metodoloġija tipprevjeni l-arbitraġġ regolatorju u tippromwovi l-konsistenza filwaqt li tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti bi flessibilità suffiċjenti biex jitqiesu l-varjazzjonijiet fost swieq ta' derivattivi ta' komoditajiet differenti u s-swieq fil-komoditajiet sottostanti. Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-limiti jenħtieġ li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jibbilanċjaw l-objettivi tal-istabbiliment ta' limiti f'livell suffiċjentement baxx sabiex persuni li jkollhom pożizzjonijiet f'dawk id-derivattivi ta' komoditajiet ma jitħallewx jabbużaw jew jagħmlu distorsjoni fis-suq, mal-objettivi li jkunu appoġġjati arranġamenti ta' pprezzar u ta' riżoluzzjoni ordnati, jiġu żviluppati derivattivi ta' komoditajiet ġodda u d-derivattivi ta' komoditajiet jiġu megħjuna jkomplu jappoġġjaw il-funzjonament ta' attivitajiet kummerċjali fis-suq tal-komoditajiet sottostanti.

(2)

Sabiex ikunu identifikati b'mod ċar numru limitat ta' kunċetti li joħorġu mid-Direttiva 2014/65/UE, kif ukoll biex ikunu speċifikati termini tekniċi meħtieġa għal dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu definiti numru ta' termini sabiex tkun żgurata applikazzjoni uniformi.

(3)

Pożizzjonijiet twal u qosra f'derivattiv ta' komodità ta' parteċipanti tas-suq jenħtieġ li jiġu nnettjati kontra xulxin biex jiġi determinat id-daqs effettiv ta' pożizzjoni li persuna tikkontrolla fi kwalunkwe mument. Id-daqs ta' pożizzjoni miżmum permezz ta' kuntratt ta' opzjoni jenħtieġ li jiġi kkalkulat fuq bażi ta' ekwivalenti għad-delta. Peress li dan ir-Regolament japplika metodoloġija differenti għall-kalkolu ta' limiti ta' pożizzjoni għal kuntratti ta' xahar spot jew xhur oħra, tali nnettjar jenħtieġ li jiġi applikat b'mod separat għall-pożizzjonijiet tax-xahar spot u tax-xhur l-oħra.

(4)

Id-Direttiva 2014/65/UE tirrikjedi li kwalunkwe pożizzjoni miżmuma minn persuni oħra f'isem persuna jenħtieġ li tkun inkluża fil-kalkolu tal-limitu ta' pożizzjoni ta' dik il-persuna u għal limiti ta' pożizzjoni li jenħtieġ li jiġu applikati kemm fil-livell ta' entità kif ukoll fil-livell ta' grupp u għaldaqstant jeħtieġ li jiġu aggregati l-pożizzjonijiet fil-livell ta' grupp. Ikun xieraq li tiġi pprovduta biss aggregazzjoni fil-livell ta' grupp jekk impriża omm tista' tikkontrolla l-użu tal-pożizzjonijiet. Għaldaqstant, l-impriżi omm jenħtieġ li jaggregaw il-pożizzjonijiet li jkollhom is-sussidjarji tagħhom ma' kwalunkwe pożizzjoni li l-entità omm ikollha direttament, minbarra li s-sussidjarji jaggregaw ukoll il-pożizzjonijiet tagħhom. Tali aggregrazzjoni tista' twassal biex il-pożizzjonijiet ikkalkulati fil-livell tal-impriża omm li jkunu akbar jew, minħabba nnettjar ta' pożizzjonijiet twal u qosra f'idejn sussidjarji differenti, iktar baxxi mil-livell ta' sussidjarju individwali. Jenħtieġ li l-pożizzjonijiet ma jiġux aggregati fil-livell tal-impriża omm jekk il-pożizzjonijiet huma f'idejn impriżi ta' investiment kollettiv li jkollhom dawk il-pożizzjonijiet f'isem l-investituri tagħhom minflok f'isem l-impriżi omm tagħhom f'każijiet fejn l-impriża omm ma tistax tikkontrolla l-użu ta' dawk il-pożizzjonijiet għall-benefiċċju tagħha stess.

(5)

Il-kunċett tal-istess derivattiv ta' komodità jenħtieġ li jistabbilixxi limitu massimu ta' domanda sabiex ħadd ma jkun jista' jinnettja b'mod mhux xieraq pożizzjonijiet ma' derivattivi ta' komoditajiet mhux simili sabiex jevita u jdgħajjef ir-robustezza tal-limitu ta' pożizzjoni fil-kuntratt prinċipali ta' derivattiv ta' komodità. Jenħtieġ li dan ma jwaqqafx lill-awtoritajiet kompetenti milli jistabbilixxu limiti ta' pożizzjoni simili għal kuntratti ta' derivattiv ta' komoditajiet simili taħt il-koordinazzjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titolu u s-Swieq (ESMA). Derivattivi ta' komoditajiet jenħtieġ li jitqiesu biss bħala negozjar f'volum sinifikattiv f'ċentru tan-negozjar jekk jeċċedu l-livell limitu massimu ta' likwidità speċifikat f'dan ir-Regolament għal perjodu ta' żmien suffiċjenti.

(6)

Fil-każ fejn kuntratt barra l-Borża (OTC) ikun ivvalutat fuq l-istess komodità sottostanti li huwa konsenjabbli fl-istess post u bl-istess kundizzjonijiet kuntrattwali u jekk qed ikollu eżitu ekonomiku korrelat ħafna għal kuntratt innegozjat f'ċentru tan-negozjar, jenħtieġ li jitqies ekonomikament ekwivalenti irrispettivament minn differenzi żgħar fl-ispeċifikazzjonijiet kuntrattwali li jikkonċernaw id-daqsijiet tal-lott u d-data tal-konsenja. Barra minn hekk, differenzi fl-arranġamenti għall-ġestjoni tar-riskju ta' wara n-negozju, bħal arranġamenti ta' kklerjar, jenħtieġ li ma jkunux ta' ostakli biex tali kuntratti jiġu ddikjarati bħala ekonomikament ekwivalenti. Sabiex jiġi evitat li jsir innettjar mhux xieraq ta' pożizzjonijiet potenzjalment dominanti nnegozjati f'ċentru tan-negozjar bl-użu ta' arranġamenti bilaterali f'kuntratti OTC u sabiex ikun żgurat it-tħaddim effiċjenti tar-reġim ta' limitazzjonijiet ta' pożizzjoni fil-prattika, jeħtieġ li derivattivi ta' komoditajiet nnegozjati OTC jiġu kkunsidrati ekonomikament ekwivalenti għal kuntratti ta' ċentru tan-negozju f'ċirkustanzi limitati biss. Sabiex jiġi skoraġġit l-evitar ta' limitazzjonijiet ta' pożizzjoni u sabiex tittejjeb l-integrità tar-reġim tal-limitu ta' pożizzjoni, jeħtieġ li definizzjoni ta' kuntratt OTC ekonomikament ekwivalenti tkun ifformulata b'mod ristrett sabiex ma tippermettix li persuna tinnettja pożizzjoni OTC fir-rigward ta' pożizzjonijiet multipli oħra jew li teżerċita diskrezzjoni fl-għażla ta' pożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom hija nnettjata.

(7)

Sabiex jiġi stabbilit liema pożizzjonijiet f'derivattivi ta' komoditajiet jistgħu jitkejlu b'mod oġġettiv bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati ma' attività kummerċjali, jenħtieġ li jiġu pprovduti ċerti kriterji, inkluż l-użu tad-definizzjoni kontabilistika ta' kuntratt ta' ħħeġġjar ibbażata fuq ir-regoli tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS). Dik id-definizzjoni ta' kontabilità jenħtieġ li tkun disponibbli wkoll għal entitajiet mhux finanzjarji minkejja li ma japplikawx ir-regoli tal-IFRS fil-livell ta' entità.

(8)

Barra minn hekk, l-entitajiet mhux finanzjarji jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw tekniki ta' ġestjoni tar-riskju biex itaffu r-riskji ġenerali li jirriżultaw mill-attività kummerċjali tagħhom jew dik tal-grupp tagħhom, inklużi riskji li jirriżultaw minn bosta swieq ġeografiċi, bosta prodotti, orizzonti ta' żmien jew entitajiet (“iħħeġġjar makro jew ta' portafoll”). Meta entità mhux finanzjarja tuża ħħeġġjar makro jew ta' portafoll, jista' jkun li ma tkunx tista' tistabbilixxi rabta individwali bejn pożizzjoni speċifika f'derivattiv ta' komodità u riskju speċifiku li jirriżulta mill-attività kummerċjali li d-derivattiv ta' komodità huwa maħsub li jiħħeġġja. Entità mhux finanzjarja tista' tuża wkoll derivattiv ta' komodità mhux ekwivalenti biex tiħħeġġja riskju speċifiku li jirriżulta minn attività kummerċjali fejn ma jkunx disponibbli derivattiv ta' komodità identiku jew fejn derivattiv ta' komodità korrelatat iktar mill-qrib ma jkollux likwidità suffiċjenti (“proxy hedging”). F'każijiet bħal dawn, il-linji politiċi u s-sistemi għall-ġestjoni tar-riskju jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprevjenu li tranżazzjonijiet mhux ta' ħħeġġjar jiġu kategorizzati bħala ħħeġġjar u jenħtieġ li jkunu kapaċi jipprovdu għal ħarsa suffiċjentement diżaggregata lejn il-portafoll ta' ħħeġġjar sabiex komponenti spekulattivi jiġu identifikati u kkunsidrati fir-rigward tal-limitazzjonijiet ta' pożizzjoni. Jenħtieġ li l-pożizzjonijiet ma jikkwalifikawx bħala li jnaqqsu r-riskji relatati ma' attività kummerċjali fuq il-bażi biss li ġew inklużi bħala parti minn portafoll ta' tnaqqis tar-riskju fuq bażi ġenerali.

(9)

Riskju jista' jevolvi maż-żmien u, sabiex isir adattament għall-evoluzzjoni tar-riskju, id-derivattivi ta' komoditajiet inizjalment imwettqa biex jitnaqqas ir-riskju relatat ma' attività kummerċjali, jista' jkun ikollu jiġi kkumpensat permezz tal-użu ta' kuntratti ta' derivattiv ta' komodità addizzjonali li jagħlqu dawk il-kuntratti ta' derivattiv ta' komodità li ma jkunux għadhom relatati mar-riskju kummerċjali. Minbarra dan, l-evoluzzjoni ta' riskju li jkun ġie indirizzat billi pożizzjoni tiddaħħal f'derivattiv ta' komodità għall-fini tat-tnaqqis tar-riskju jenħtieġ li sussegwentement ma tagħtix lok għall-evalwazzjoni mill-ġdid ta' dik il-pożizzjoni bħala li hi tranżazzjoni privileġġata ab initio.

(10)

Entitajiet mhux finanzjarji jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw għall-eżenzjoni fir-rigward tal-iħħeġġjar ta' attivitajiet kummerċjali qabel jidħlu f'pożizzjoni. L-applikazzjoni jenħtieġ li tagħti lill-awtorità kompetenti ħarsa ġenerali ċara u konċiża tal-attivitajiet kummerċjali tal-entità mhux finanzjarja fir-rigward tal-komodità sottostanti, ir-riskji assoċjati u kif id-derivattivi ta' komoditajiet huma użati biex jittaffew dawk ir-riskji. Il-limiti ta' pożizzjoni japplikaw f'kull ħin u jekk fl-aħħar mill-aħħar l-eżenzjoni ma tingħatax mill-awtorità kompetenti, jenħtieġ li l-entità mhux finanzjarja għaldaqstant tnaqqas kwalunkwe pożizzjoni li tkun teċċedi limitu u jista' jkun li jkollha taffaċċja miżuri superviżorji fir-rigward ta' ksur ta' limitu. Entitajiet mhux finanzjarji jenħtieġ li jivvalutaw mill-ġdid l-attivitajiet tagħhom perjodikament sabiex ikunu żguri li l-applikazzjoni kontinwa tal-eżenzjoni hija ġustifikata.

(11)

Il-perjodu ta' xahar spot, li huwa l-perjodu ta' żmien minnufih qabel il-konsenja fl-iskadenza, huwa speċifiku għal kull derivattiv ta' komodità u jista' ma jikkorrispondix għal eżattament xahar wieħed. Għaldaqstant kuntratti ta' xahar spot jenħtieġ li jirreferu għall-kuntratt li jkun il-kuntratt li jmiss f'dak id-derivattiv ta' komodità biex jimmatura. Ir-restrizzjoni tal-pożizzjonijiet li persuna jista' jkollha fil-perjodu li matulu għandha ssir il-konsenja tal-komodità fiżiku tillimita l-kwantità tal-provvista konsenjabbli sottostanti li kull persuna tista' tagħmel jew tirċievi f'konsenja, u b'hekk tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' pożizzjonijiet dominanti minn individwi li jistgħu b'hekk ikunu f'pożizzjoni li jagħmlu squeeze tas-suq billi jirrestrinġu l-aċċess għall-komodità. Il-linja bażi standard għal-limitu ta' pożizzjoni tax-xahar spot kemm għad-derivattivi ta' komoditajiet saldati fiżikament kif ukoll għal dawk saldati b'kontanti għandha għalhekk tkun maħduma bħala perċentwal tal-istima tal-provvista konsenjabbli. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jimplimentaw skeda għat-tnaqqis ta' limiti ta' pożizzjoni fuq firxa mill-mument meta kuntratt isir kuntratt ta' xahar spot sal-maturità sabiex ikun żgurat b'mod aktar preċiż li tul il-perjodu tax-xahar spot kollu jkunu stabbiliti b'mod adegwat limiti ta' pożizzjoni u sabiex ikun żgurat saldament mingħajr problemi.

(12)

Il-limitu ta' pożizzjoni tax-xhur l-oħra huwa applikat mal-firxa tal-maturitajiet kollha minbarra x-xahar spot. Il-linja bażi standard għal-limiti ta' pożizzjoni tax-xhur l-oħra kemm għad-derivattivi ta' komoditajiet saldati fiżikament kif ukoll għal dawk saldati b'kontanti għandha tinħadem bħala perċentwal tal-interess miftuħ totali. Id-distribuzzjoni tal-pożizzjonijiet mal-firxa tax-xhur l-oħra ta' kuntratt ta' komodità hija ta' spiss ikkonċentrata fl-aktar xhur qrib ta' maturità. Għalhekk, l-interess miftuħ totali jipprovdi linja bażi aktar adatta għall-istabbiliment ta' limiti ta' pożizzjoni mill-użu ta' ċifra maħduma fuq medja fuq il-maturitajiet kollha.

(13)

Il-linja bażi standard ta' 25 % ta' provvista konsenjabbli u ta' interess miftuħ ġiet stabbilita b'referenza għall-esperjenza ta' swieq oħra u ġurisdizzjonijiet oħra. Il-linja bażi għandha tkun aġġustata mill-awtoritajiet kompetenti biex tkun tista' tiġi mnaqqsa b'massimu ta' 20 % (jew 22,5 % fil-każ ta' xi derivattivi ta' komoditajiet agrikoli) u li tiġi miżjuda b'massimu ta' 10 % (jew 15 % fil-każ ta' derivattivi ta' komoditajiet inqas likwidi) jekk il-karatteristiċi tas-suq ikunu jirrikjedu dan, bħan-nuqqas ta' parteċipanti fis-suq, jew sabiex ikun appoġġjat is-saldament mingħajr problemi u l-funzjonament tal-kuntratt u s-suq sottostanti tiegħu. Peress li kull aġġustament għaċ-ċifra linja bażi japplika biss jekk, u sakemm, il-karatteristiċi tal-objettivi tas-suq jeħtieġu dan, l-aġġustamenti temporanji għal-linja bażi jenħtieġu għalhekk ikunu possibbli. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li aġġustament 'l isfel tal-linja bażi jiġi affettwat kull meta dan ikun meħtieġ biex jiġu evitati pożizzjonijiet dominanti u biex jiġi appoġġjat l-ipprezzar ordinat fid-derivattiv ta' komodità u fil-komodità sottostanti. Il-firxa tirrifletti l-fatt li d-Direttiva 2014/65/UE tkopri firxa usa' ta' derivattivi ta' komoditajiet u swieq minn swieq u ġurisdizzjonijiet oħra. Id-definizzjoni ta' derivattiv ta' komodità skont l-Artikolu 2(1)(30) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) hija wiesgħa, u tinkludi wkoll derivattivi titolizzati u derivattivi saldati b'kontanti li ma għandhomx bażi tanġibbli bħal varjabbli tal-klima. Għal derivattivi titolizzati l-kunċett ta' xahar spot u xhur oħra ma japplikax. Għal derivattivi mingħajr bażi tanġibbli l-provvista konsenjabbli ma tistax tintuża biex ikun stabbilit limitu ta' pożizzjoni. Għaldaqstant l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jtejbu jew jaġġustaw il-metodoloġiji biex jiddeterminaw il-limiti ta' pożizzjoni għal dawn id-derivattivi ta' komoditajiet fuq parametri differenti bħan-numru ta' titoli maħruġa jew l-użu ta' interess miftuħ għax-xahar spot.

(14)

Ċerti derivattivi ta' komoditajiet, b'mod partikolari għall-enerġija u l-gass, jipprovdu li s-sottostanti jkunu konsenjati kostantement fuq perjodu speċifikat ta' żmien bħal jum, xahar jew sena. Barra minn hekk, ċerti kuntratti b'perjodi ta' konsenja itwal bħal sena jew tliet xhur jistgħu jiġu awtomatikament sostitwiti b'kuntratti relatati ta' perjodi ta' konsenja iqsar bħal tliet xhur jew xahar (kuntratti kaskata). F'dawn il-każijiet, limitu ta' pożizzjoni ta' xahar spot għall-kuntratt li għandu jiġi sostitwit qabel il-konsenja ma jkunx xieraq, peress li tali limitu ma jkoprix l-iskadenza u l-konsenja fiżika jew saldament b'kontanti tal-kuntratt. Sal-punt li perjodi ta' konsenja ta' kuntratti tal-istess sovraimpożizzjoni sottostanti, limitu ta' pożizzjoni uniku għandu japplika għall-kuntratti relatati kollha sabiex jitqiesu tajjeb il-pożizzjonijiet tul dawk il-kuntratti li jistgħu potenzjalment ikunu konsenjati. Sabiex dan ikun faċilitat, kuntratti relatati għandhom jitkejlu f'unitajiet tas-sottostanti u jiġu aggregati u nnettjati skont il-każ.

(15)

Għal ċerti derivattivi ta' komoditajiet agrikoli, li għandhom impatt materjali fuq il-prezzijiet tal-ikel għall-konsumaturi, il-metodoloġija tippermetti lil awtorità kompetenti tistabbilixxi linja bażi u limitu ta' pożizzjoni taħt il-minimu tal-medda ġenerali fejn issib evidenza ta' attività spekulattiva b'impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet.

(16)

L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk il-fatturi elenkati taħt il-paragrafu 3 tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/65/UE jeħtiġux aġġustament tal-linja bażi sabiex jiġi stabbilit il-livell finali tal-limitu ta' pożizzjoni. Il-valutazzjoni għandha tqis dawn il-fatturi bħala rilevanti għad-derivattiv ta' komodità partikolari inkwistjoni. Il-metodoloġiji għandhom jipprovdu direzzjoni dwar kif jiġi stabbilit il-limitu mingħajr ma titneħħa d-deċiżjoni aħħarija dwar limitu ta' pożizzjoni adatt għal derivattiv ta' komodità mill-awtorità kompetenti sabiex ikun evitat abbuż tas-suq. Il-fatturi għandhom jagħtu indikazzjonijiet importanti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien tal-opinjonijiet tagħha u jiġi żgurat allinjament xieraq mal-limiti ta' pożizzjonijiet madwar l-Unjoni, inkluż billi jiġi vvalutat l-impatt tal-volatilità fuq bażi ta' każ b'każ u bil-frekwenza meħtieġa biex jiġi żgurat li l-limiti ta' pożizzjoni jibqgħu xierqa.

(17)

Il-limiti ta' pożizzjoni ma għandhomx joħolqu ostakli għall-iżvilupp ta' derivattivi ta' komoditajiet ġodda u ma għandhomx ifixklu taqsimiet inqas likwidi tas-swieq ta' derivattivi ta' komoditajiet milli jaħdmu sew. Meta japplikaw il-metodoloġija, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-ħin meħtieġ biex tkun żviluppata u miġbuda l-likwidità kemm lejn derivattivi ta' komoditajiet ġodda kif ukoll lejn dawk eżistenti u, b'mod partikolari, lejn derivattivi ta' komoditajiet li jistgħu jappoġġjaw il-ġestjoni tar-riskju fi swieq mfassla apposta jew immaturi jew li jippruvaw jiżviluppaw arranġamenti ta' ħħeġġjar ġodda f'komoditajiet ġodda. Minħabba l-firxa wiesgħa ta' swieq u komoditajiet li fir-rigward tagħhom japplika r-reġim ta' limiti ta' pożizzjoni, ma hemm l-ebda perjodu ta' żmien uniku u predeterminat li jaqbad b'mod adegwat iċ-ċaqliqa milli kuntratt ta' derivattiv ta' komodità jkun ġdid għal li jkun stabbilit. Bl-istess mod, hemm bosta kuntratti ta' derivattivi ta' komoditajiet li jistgħu ma jiġbdu qatt biżżejjed parteċipanti jew likwidità biex tkun possibbli l-applikazzjoni effettiva ta' limiti ta' pożizzjoni mingħajr ir-riskju li l-parteċipanti regolarment u mingħajr ma jridu jiksru l-limitu u konsegwentement ifixklu l-ipprezzar u s-saldu ta' dawk id-derivattivi ta' komoditajiet. Sabiex ikunu indirizzati dawn ir-riskji għall-funzjonament effiċjenti tas-swieq, il-metodoloġija tipprevedi approċċ b'diversi saffi fejn il-limitu ta' pożizzjoni għax-xahar spot u għax-xhur l-oħra jkun stabbilit f'livell fiss ta' 2 500 lott għad-derivattivi ta' komoditajiet u ta' 2,5 miljun titolu għad-derivattivi titolarizzati b'komodità sottostanti sakemm jinqabeż livell limitu massimu ta' 10 000 lott jew 10 miljun titolu, rispettivament. Il-kuntratti li jaqbżu dawn il-limiti massimi filwaqt li xorta jibqgħu relattivament illikwidi għandhom, fejn ikun il-każ, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn limitu ogħla sabiex ikun żgurat li n-negozjar f'kuntratti tali ma jkunx ristrett bla bżonn.

(18)

In-numru, il-kompożizzjoni, u r-rwol tal-parteċipanti tas-suq f'derivattiv ta' komodità jistgħu jinfluwenzaw in-natura u d-daqs tal-pożizzjonijiet li ċerti parteċipanti tas-suq ikollhom fis-suq. Għal xi derivattivi ta' komoditajiet, ċerti parteċipanti tas-suq jista' jkollhom pożizzjoni kbira li tirrifletti r-rwol tagħhom fix-xiri u l-bejgħ tal-komodità, u l-konsenja tagħha, meta jkunu fuq in-naħa l-oħra tas-suq meta mqabbla mal-maġġoranza tal-parteċipanti tas-suq l-oħra li jkunu jipprovdu likwidità jew servizzi għall-ġestjoni tar-riskju għas-suq tal-komodità sottostanti.

(19)

Il-provvista, l-użu, l-aċċess għal, u d-disponibbiltà tal-komodità sottostanti huma karatteristiċi tas-suq tal-komodità sottostanti. Permezz tal-valutazzjoni ta' komponenti aktar granulari ta' dawn il-karatteristiċi, bħad-deterjorabbiltà tal-komodità u l-metodu ta' trasportazzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tiddetermina l-flessibbiltà tas-suq u taġġusta l-limiti ta' pożizzjoni skont il-każ.

(20)

Għal xi derivattivi ta' komoditajiet jista' jkun hemm diskrepanza kbira bejn l-interess miftuħ u l-provvista konsenjabbli. Dan jista' jiġri meta hemm relattivament ftit negozjar fid-derivattivi meta mqabbel mal-provvista konsenjabbli, f'liema l-każ l-interess miftuħ ikun iżgħar meta mqabbel mal-provvista konsenjabbli, jew, pereżempju, fejn derivattiv ta' komodità partikolari jintuża b'mod wiesa' għall-iħħeġġjar ta' bosta esponimenti għar-riskju differenti u l-provvista konsenjabbli tkun għalhekk iżgħar meta mqabbla mal-interess miftuħ. Diskrepanzi sinifikanti bħal dawn bejn l-interess miftuħ u l-provvista konsenjabbli jiġġustifikaw aġġustamenti mil-linja bażi applikabbli għal-limiti tax-xhur l-oħra 'l isfel jew 'il fuq sabiex ikun evitat suq diżordinat meta joqrob ix-xahar spot.

(21)

Bl-istess objettiv li jkunu limitati swieq diżordinati kif joqrob ix-xahar spot minħabba diskrepanzi kbar bejn il-kalkoli tal-provvista konsenjabbli u l-interess miftuħ, il-konsenja konsenjabbli hija definita bħala li tinkludi kwalunkwe gradi jew tipi sostituti ta' komodità li jista' jkun konsenjat f'saldament ta' kuntratt ta' derivattiv ta' komodità taħt it-termini ta' dak il-kuntratt.

(22)

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fi strumenti finanzjarji stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplika mit-3 ta' Jannar 2017. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u ċ-ċertezza legali, dan ir-Regolament għandu japplika mill-istess data.

(23)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(24)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-kalkolu tal-pożizzjoni netta miżmuma minn persuna f'derivattiv ta' komodità u l-metodoloġija għall-kalkolu tal-limiti ta' pożizzjoni fuq id-daqs ta' dik il-pożizzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“entità mhux finanzjarja” tfisser persuna fiżika jew ġuridika minbarra:

(a)

ditta ta' investiment awtorizzata f'konformità mad-Direttiva 2014/65/UE,

(b)

istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

(c)

impriża tal-assigurazzjoni awtorizzata f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE (5),

(d)

impriża tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja awtorizzata f'konformità mad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

(e)

impriża tar-riassigurazzjoni awtorizzata f'konformità mad-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),

(f)

impriża ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u, fejn rilevanti, il-kumpanija ta' ġestjoni tagħha, awtorizzata f'konformità mad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8),

(g)

istituzzjoni għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali fis-sens tal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9),

(h)

fond ta' investiment alternattiv ġestit minn maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi awtorizzati jew reġistrati f'konformità mad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10),

(i)

kontroparti ċentrali awtorizzata f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11),

(j)

depożitorju ċentrali tat-titoli awtorizzat f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

Entità ta' pajjiż terz hija entità mhux finanzjarja meta ma tkunx teħtieġ l-awtorizzazzjoni taħt l-ebda leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq li kieku l-entità kienet ibbażata fl-Unjoni u kienet soġġetta għal-liġi tal-Unjoni

(2)

“kuntratt ta' xahar spot” tfisser il-kuntratt ta' derivattiv ta' komodità fir-rigward ta' komodità sottostanti partikolari li l-maturità tagħha jmissha hi tiskadi f'konformità mar-regoli stabbiliti miċ-ċentru tan-negozjar.

(3)

“kuntratt ta' xhur oħra” tfisser kwalunkwe kuntratt ta' derivattiv ta' komodità li mhux kuntratt ta' xahar spot.

KAPITOLU II

METODU GĦALL-KALKOLU TAD-DAQS TAL-POŻIZZJONI NETTA TA' PERSUNA

Artikolu 3

Aggregazzjoni u nnettjar ta' pożizzjonijiet f'derivattiv ta' komodità

(l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Il-pożizzjoni netta ta' persuna f'derivattiv ta' komodità għandha tkun l-aggregazzjoni tal-pożizzjonijiet tagħha miżmuma f'dak id-derivattiv ta' komodità nnegozjat f'ċentru tan-negozjar, f'derivattivi ta' komoditajiet meqjus l-istess derivattiv ta' komodità bħal dak id-derivattiv ta' komodità f'konformità mal-paragrafu 1 tal-Artikolu 5, u f'kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti skont l-Artikolu 6.

2.   Fejn persuna jkollha kemm pożizzjonijiet twal kif ukoll dawk qosra fi kwalunkwe derivattiv ta' komodità msemmija fil-paragrafu 1, il-persuna għandha tinnettja dawk il-pożizzjonijiet sabiex tiddetermina l-pożizzjoni netta tagħha għal dak id-derivattiv ta' komodità.

3.   Pożizzjonijiet miżmuma minn entità mhux finanzjarja f'derivattivi ta' komodità li jistgħu jitkejlu b'mod oġġettiv bħala li jnaqqsu r-riskji f'konformità mal-Artikolu 7, kif approvati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 8, ma għandhomx ikunu aggregati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-pożizzjoni netta ta' dik l-entità mhux finanzjarja.

4.   Persuna għandha tiddetermina separatament il-pożizzjoni netta li jkollha f'derivattiv ta' komodità kemm għall-kuntratti ta' xahar spot kif ukoll għall-kuntratti tax-xhur l-oħra.

Artikolu 4

Metodu għall-kalkolu ta' pożizzjonijiet għall-entitajiet legali fi ħdan grupp

(l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Impriża omm għandha tiddetermina l-pożizzjoni netta tagħha billi taggrega, f'konformità mal-Artikolu 3, il-pożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-pożizzjoni netta tagħha stess;

(b)

il-pożizzjonijiet netti ta' kull waħda mill-impriżi sussidjarji tagħha.

2.   Permezz ta' deroga għal paragrafu 1, l-impriża omm ta' impriża ta' investiment kollettiv jew, fejn l-impriża ta' investiment kollettiv tkun ħatret kumpanija ta' ġestjoni, l-impriża omm ta' dik il-kumpanija ta' ġestjoni ma għandhiex taggrega l-pożizzjonijiet f'derivattivi ta' komoditajiet fi kwalunkwe impriża ta' investiment kollettiv fejn ma tinfluwenza bl-ebda mod id-deċiżjonijiet ta' investiment fir-rigward tal-ftuħ, iż-żamma jew l-għeluq ta' dawk il-pożizzjonijiet.

Artikolu 5

L-istess derivattivi ta' komodità u volumi sinifikattivi

(l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Derivattiv ta' komoditajiet innegozjat f'ċentru tan-negozjar għandu jitqies l-istess derivattiv ta' komodità bħal derivattiv ta' komodità nnegozjat f'ċentru tan-negozjar ieħor fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfati:

(a)

iż-żewġ derivattivi ta' komodità għandhom speċifikazzjonijiet, termini u kundizzjonijiet kuntrattwali identiċi, esklużi arranġamenti ta' ġestjoni tar-riskju ta' wara n-negozjar;

(b)

iż-żewġ derivattivi ta' komodità jiffurmaw pula funġibbli unika ta' interess miftuħ jew, fil-każ ta' derivattivi ta' komodità definiti taħt il-punt (c) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE, ta' titoli fi ħruġ li permezz tagħhom il-pożizzjonijiet miżmuma f'derivattiv ta' komodità nnegozjat f'ċentru tan-negozjar jistgħu jingħalqu fir-rigward tal-pożizzjonijiet miżmuma fid-derivattiv ta' komodità nnegozjat fiċ-ċentru tan-negozju l-ieħor.

2.   Derivattiv ta' komodità għandu jitqies bħala li ġie negozjat f'volum sinifikanti f'ċentru tan-negozjar meta n-negozju fid-derivattiv ta' komodità f'dak iċ-ċentru tan-negozjar tul perjodu ta' tliet xhur konsekuttivi:

(a)

jaqbeż interess miftuħ medju ta' kuljum ta' 10 000 lott fix-xahar spot u fix-xhur l-oħra magħduda flimkien; jew

(b)

fil-każ ta' derivattivi ta' komodità definiti skont il-punt (c) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE, meta n-numru ta' unitajiet innegozjati mmultiplikat bil-prezz jaqbeż ammont medju ta' kuljum ta' EUR 1 miljun.

3.   Iċ-ċentru tan-negozjar fejn iseħħ l-akbar volum ta' negozjar fl-istess derivattiv ta' komodità għandu jkun iċ-ċentru tan-negozjar li tul sena jkollu:

(a)

l-ikbar interess miftuħ medju ta' kuljum; jew

(b)

fil-każ ta' derivattivi ta' komodità definiti skont il-punt (c) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE, l-ogħla ammont medju ta' kuljum.

Artikolu 6

Kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti għal derivattivi ta' komodità nnegozjati f'ċentri tan-negozju

(l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

Derivattiv OTC jitqies ekonomikament ekwivalenti għal derivattiv ta' komodità nnegozjat f'ċentru tan-negozjar meta jkollu speċifikazzjonijiet u termini u kundizzjonijiet kuntrattwali identiċi, esklużi speċifikazzjonijiet tad-daqs tal-lott differenti, dati ta' konsenja b'diverġenza ta' inqas minn jum ta' kalendarju wieħed u arranġamenti differenti għall-ġestjoni tar-riskju wara n-negozjar.

Artikolu 7

Pożizzjonijiet li jikkwalifikaw bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati ma' attivitajiet kummerċjali

(l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Pożizzjoni miżmuma minn entità mhux finanzjarja f'derivattivi ta' komodità nnegozjati f'ċentri tan-negozjar jew f'kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti skont l-Artikolu 6 li tikkwalifika bħala li tnaqqas r-riskji direttament relatati mal-attivitajiet kummerċjali ta' dik l-entità mhux finanzjarja fejn waħedha, jew flimkien ma' derivattivi oħra f'konformità mal-paragrafu 2 (“pożizzjoni f'portafoll ta' derivattivi ta' komodità”), il-pożizzjoni tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

tnaqqas ir-riskji li jirriżultaw mill-bidla potenzjali fil-valur tal-assi, servizzi, inputs, prodotti, komoditajiet jew obbligazzjonijiet li l-entità mhux finanzjarja jew il-grupp tagħha jippossjedu, jipproduċu, jimmanifatturaw, jipproċessaw, ifornu, jixtru, jikkummerċjalizzaw, jikru, ibigħu jew iġarrabu jew li b'mod raġonevoli jantiċipaw li se jippossjedu, jipproduċu, jimmanifatturaw, jipproċessaw, ifornu, jixtru, jikkummerċjalizzaw, jikru, ibigħu jew iġarrbu tul il-ħidma normali tan-negozju tagħhom;

(b)

tikkwalifika bħala kuntratt ta' ħħeġġjar skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) adottati f'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 pożizzjoni li tnaqqas ir-riskju li tikkwalifika meħuda waħedha jew flimkien ma' derivattivi oħra hija waħda fir-rigward ta' liema l-entità mhux finanzjarja jew il-persuna li żżomm il-pożizzjoni f'isem dik l-entità:

(a)

jiddeskrivu kif isegwu l-linji politiċi interni tagħha:

(i)

it-tipi ta' kuntratti ta' derivattivi ta' komodità inklużi fil-portafolli użati biex jitnaqqsu r-riskji direttament relatati ma' attività kummerċjali u l-kriterji ta' eliġibilità tagħhom;

(ii)

ir-rabta bejn il-portafoll u r-riskji li l-portafoll qiegħed itaffi;

(iii)

il-miżuri adottati sabiex ikun żgurat li l-pożizzjonijiet fir-rigward ta' dawk il-kuntratti ma jservu l-ebda għan ieħor ħlief li jkopru r-riskji direttament relatati mal-attivitajiet kummerċjali tal-entità mhux finanzjarja, u li kwalunkwe pożizzjoni li sservi għan ieħor tista' tiġi identifikata b'mod ċar;

(b)

kapaċi jipprovdu ħarsa suffiċjentement diżaggregata lejn il-portafolli f'termini ta' klassi tad-derivattiv ta' komodità, komodità sottostanti, orizzont taż-żmien u kwalunkwe fattur rilevanti ieħor.

Artikolu 8

Applikazzjoni għall-eżenzjoni minn limiti ta' pożizzjoni

(l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Entità mhux finanzjarja li jkollha pożizzjoni f'derivattiv ta' komodità li tikkwalifika għandha tapplika għall-eżenzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/65/UE lill-awtorità kompetenti li tistabbilixxi l-limitu ta' pożizzjoni għal dak id-derivattiv ta' komodità.

2.   Il-persuna msemmija fil-paragrafu 1 għandha tippreżenta lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni li ġejja li turi kif il-pożizzjoni tnaqqas ir-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali tal-entità mhux finanzjarja:

(a)

deskrizzjoni tan-natura u l-valur tal-attivitajiet kummerċjali tal-entità mhux finanzjarja fil-komodità li huwa rilevanti għalih id-derivattiv ta' komodità li għalih hija mitluba eżenzjoni;

(b)

deskrizzjoni tan-natura u l-valur tal-attivitajiet tal-entità mhux finanzjarja fl-innegozjar ta' u l-pożizzjonijiet miżmuma fid-derivattivi ta' komodità rilevanti nnegozjati f'ċentri tan-negozju u l-kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti tagħhom;

(c)

deskrizzjoni tan-natura u d-daqs tal-esponimenti u r-riskji fil-komodità li l-entità mhux finanzjarja għandha jew tistenna li jkollha b'riżultat tal-attivitajiet kummerċjali tagħha u li huma jew li jkunu mtaffija bl-użu tad-derivattivi ta' komoditajiet;

(d)

spjegazzjoni ta' kif l-użu mill-entità mhux finanzjarja ta' derivattivi ta' komodità jnaqqas direttament l-esponiment u r-riskji tagħha fl-attivitajiet kummerċjali tagħha.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tapprova jew tiċħad l-applikazzjoni fi żmien 21 jum kalendarju wara li tirċievi l-applikazzjoni u għandha tinnotifika lill-entità mhux finanzjarja bl-approvazzjoni jew iċ-ċaħda tagħha tal-eżenzjoni.

4.   L-entità mhux finanzjarja għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti jekk ikun hemm bidla sinifikanti fin-natura jew il-valur tal-attivitajiet kummerċjali tal-entità mhux finanzjarja jew l-attivitajiet ta' negozjar tagħha f'derivattivi ta' komoditajiet u l-bidla tkun rilevanti għall-informazzjoni mniżżla f'punt (b) paragrafu 2 u għandha tippreżenta applikazzjoni ġdida għall-eżenzjoni jekk beħsiebha tkompli bl-użu.

KAPITOLU III

METODOLOĠIJA GĦALL-AWTORITAJIET KOMPETENTI BIEX JIKKALKULAW IL-LIMITI TA' POŻIZZJONI

TAQSIMA 1

Determinazzjoni taċ-ċifri tal-linja bażi

Artikolu 9

Metodoloġija għad-determinazzjoni taċ-ċifra tal-linja bażi għal-limiti ta' xahar spot

(l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw ċifra tal-linja bażi għal-limitu ta' pożizzjoni tax-xahar spot f'derivattiv ta' komodità billi jikkalkulaw 25 % tal-provvista konsenjabbli għal dak id-derivattiv ta' komodità.

2.   Iċ-ċifra tal-linja bażi tkun speċifikata f'lottijiet li jkunu l-unità ta' negozjar użata miċ-ċentru tan-negozjar fejn negozjar tad-derivattiv ta' komodità li jirrappreżentaw kwantità standardizzata tal-komodità sottostanti.

3.   Fil-każ fejn awtorità kompetenti tistabbilixxi limiti ta' pożizzjoni differenti għal ħinijiet differenti fil-perjodu ta' xahar spot, dawk il-limiti ta' pożizzjonijiet għandhom jonqsu fuq bażi inkrimentali lejn il-maturità tad-derivattiv ta' komodità u għandhom jieħdu kont tal-arranġamenti ta' ġestjoni tal-pożizzjoni taċ-ċentru tan-negozjar.

4.   B'deroga għall-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw iċ-ċifra tal-linja bażi ta' limiti ta' pożizzjoni tax-xahar spot għal kwalunkwe kuntratt derivattiv b'sottostanti li jikkwalifika bħala ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem b'total ikkombinat ta' interess miftuħ fi spot u kuntratti oħra fix-xahar ta' aktar minn 50 000 lott matul il-perjodu ta' tliet xhur konsekuttivi, bil-kalkolu ta' 20 % tal-provvista konsenjabbli f'dak id-derivattiv ta' komoditajiet.

Artikolu 10

Provvista konsenjabbli

(l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkalkulaw il-provvista konsenjabbli għal derivattiv ta' komodità billi jidentifikaw il-kwantità tal-komodità sottostanti li tista' tintuża biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' konsenja tad-derivattiv ta' komodità.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw il-provvista konsenjabbli għal derivattiv ta' komodità msemmi fil-paragrafu 1 b'referenza għall-ammont medju ta' kull xahar tal-komodità sottostanti disponibbli għal konsenja tul il-perjodu ta' sena li tippreċedi immedjatament id-determinazzjoni.

3.   Sabiex jidentifikaw il-kwantità tal-komodità sottostanti li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont tal-kriterji li ġejjin:

(a)

l-arranġamenti għall-ħżin tal-komodità sottostanti;

(b)

il-fatturi li jistgħu jaffetwaw il-provvista tal-komodità sottostanti.

Artikolu 11

Metodoloġija għad-determinazzjoni taċ-ċifra tal-linja bażi għal-limiti tax-xhur l-oħra

(l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw ċifra tal-linja bażi għal-limitu ta' pożizzjoni tax-xhur l-oħra f'derivattiv ta' komodità billi jikkalkulaw 25 % tal-interess miftuħ f'dak id-derivattiv ta' komodità.

2.   Iċ-ċifra tal-linja bażi tkun speċifikata f'lottijiet li jkunu l-unità ta' negozjar użata miċ-ċentru tan-negozjar fejn negozjar tad-derivattiv ta' komodità li jirrappreżentaw kwantità standardizzata tal-komodità sottostanti.

Artikolu 12

Interess miftuħ

(l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/65/UE)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkalkulaw l-interess miftuħ f'derivattiv ta' komodità billi jaggregaw in-numru ta' lottijiet ta' dak id-derivattiv ta' komodità li huma pendenti f'ċentri tan-negozjar f'ħin partikolari.

Artikolu 13

Metodoloġija għad-determinazzjoni taċ-ċifra tal-linja bażi fir-rigward ta' ċerti kuntratti

(l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva (UE) 2014/65/UE)

1.   B'deroga għall-Artikolu 9, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw iċ-ċifra tal-linja bażi għal-limiti ta' pożizzjoni tax-xahar spot għal kuntratti ta' xahar spot saldati b'kontanti li jaqgħu taħt C(10) tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE u li ma għandhom l-ebda provvista konsenjabbli li tista' titkejjel tal-komoditajiet sottostanti tagħhom billi jikkalkulaw 25 % tal-interess miftuħ f'dawk il-kuntratti ta' derivattivi ta' komoditajiet.

2.   B'deroga għall-Artikoli 9 u 11, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw iċ-ċifra tal-linja bażi għal-limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komodità definiti taħt il-punt (c) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE billi jikkalkulaw 25 % tan-numru ta' titoli maħruġa. Iċ-ċifra tal-linja ta' bażi għandha tkun speċifikata fl-għadd ta' titoli.

3.   B'deroga għall-Artikoli 9 u 11, fejn derivattiv ta' komodità jipprovdi li s-sottostanti jkun konsenjat kostantement tul perjodu ta' żmien speċifikat, iċ-ċifri tal-linja bażi kkalkulati skont l-Artikoli 9 u 11 għandhom japplikaw għal derivattivi ta' komodità relatati għall-istess sottostanti sal-punt li l-perjodi ta' konsenja tagħhom huma sovraimposti. Iċ-ċifra tal-linja bażi għandha tkun speċifikata f'unitajiet tas-sottostanti.

TAQSIMA II

Fatturi rilevanti għall-kalkolu tal-limiti ta' pożizzjonijiet

Artikolu 14

Valutazzjoni tal-fatturi

(l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/65/UE)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-limiti ta' pożizzjoni tax-xahar spot u tax-xhur l-oħra għal derivattiv ta' komodità billi jieħdu ċ-ċifra tal-linja bażi determinata skont l-Artikoli 9, 11 u 13 u jaġġustawha skont l-impatt potenzjali tal-fatturi msemmija fl-Artikoli 16 sa 20 dwar l-integrità tas-suq għal dak id-derivattiv u għall-komodità sottostanti għal limitu:

(a)

bejn 5 % u 35 %; jew

(b)

bejn 2,5 % u 35 %, għal kwalunkwe kuntratt ta' derivattiv b'sottostanti li jikkwalifika bħala ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem b'interess miftuħ kombinat totali f'kuntratti ta' xahar spot u ta' xhur oħra li jaqbeż 50 000 lott tul perjodu ta' tliet xhur konsekuttivi.

Artikolu 15

Kuntratti ġodda u illikwidi

(l-Artikolu 57(3)(g) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   B'deroga għall-Artikolu 14,

(a)

għal derivattivi ta' komoditajiet nnegozjati f'ċentru tan-negozjar b'interess miftuħ kombinat totali f'kuntratti ta' xahar spot u ta' xhur oħra li ma jaqbiżx 10 000 lott tul perjodu ta' tliet xhur konsekuttivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-limitu ta' pożizzjonijiet miżmuma f'dawk id-derivattivi ta' komoditajiet għal 2 500 lott;

(b)

għal derivattivi ta' komoditajiet innegozjati f'ċentru tan-negozjar b'interess miftuħ kombinat totali f'kuntratti ta' xahar spot u ta' xhur oħra 'l fuq minn 10 000 iżda li ma jaqbiżx l-20 000 lott tul perjodu ta' tliet xhur konsekuttivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-limitu ta' pożizzjoni ta' xahar spot u ta' xhur oħra bejn 5 % u 40 %;

(c)

għal derivattivi ta' komoditajiet kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE b'numru totali ta' titoli maħruġa li ma jaqbiżx l-10 miljuni tul perjodu ta' tliet xhur konsekuttivi, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-limitu ta' pożizzjonijiet miżmuma f'dawk id-derivattivi ta' komoditajiet għal 2,5 miljun titolu;

(d)

għal derivattivi ta' komoditajiet kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE b'numru totali ta' titoli maħruġa aktar minn 10 miljuni iżda li ma jaqbiżx l-20 miljun tul perjodu ta' tliet xhur konsekuttivi, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-limitu ta' pożizzjoni tax-xahar spot u tax-xhur l-oħra bejn 5 % u 40 %.

2.   Iċ-ċentru tan-negozjar għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti meta l-interess miftuħ totali ta' kwalunkwe derivattiv ta' komoditajiet jilħaq kwalunkwe wieħed mill-ammonti ta' lottijiet jew numru ta' titoli maħruġa msemmija fil-paragrafu preċedenti tul perjodu ta' tliet xhur konsekuttivi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrevedu l-limitu ta' pożizzjoni meta jirċievu notifiki tali.

Artikolu 16

Il-maturità tal-kuntratti ta' derivattivi ta' komoditajiet

(l-Artikolu 57(3)(a) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Għal-limiti ta' pożizzjoni ta' xahar spot, jekk id-derivattiv ta' komoditajiet għandu maturità qasira, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġustaw il-limitu ta' pożizzjoni 'l isfel.

2.   Għal-limiti ta' pożizzjoni tax-xhur l-oħra, fejn id-derivattiv ta' komoditajiet għandu numru kbir ta' skadenzi separati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġustaw il-limitu ta' pożizzjoni 'l fuq.

Artikolu 17

Provvista konsenjabbli fil-komoditajiet sottostanti

(l-Artikolu 57(3)(b) tad-Direttiva 2014/65/UE)

Fejn il-provvista konsenjabbli fil-komoditajiet sottostanti tista' tiġi ristretta jew ikkontrollata jew jekk il-livell ta' provvista konsenjabbli huwa baxx meta mqabbel mal-ammont meħtieġ għal saldament ordnat, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġustaw il-limitu ta' pożizzjoni 'l isfel. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw il-punt sa liema din il-provvista konsenjabbli hija użata wkoll bħala l-provvista konsenjabbli għal derivattivi ta' komoditajiet oħra.

Artikolu 18

L-interess miftuħ kumplessiv

(l-Artikolu 57(3)(c) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Fejn hemm volum kbir ta' interess miftuħ kumplessiv, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġustaw il-limitu ta' pożizzjoni 'l isfel.

2.   Fejn l-interess miftuħ huwa sinifikantement ogħla mill-provvista konsenjabbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġustaw il-limitu ta' pożizzjoni 'l isfel.

3.   Fejn l-interess miftuħ huwa sinifikantement iktar baxx mill-provvista konsenjabbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġustaw il-limitu ta' pożizzjoni 'l fuq.

Artikolu 19

In-numru ta' parteċipanti tas-suq

(l-Artikolu 57(3)(e) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Fejn in-numru medju ta' kuljum ta' parteċipanti tas-suq li għandhom pożizzjoni fid-derivattiv ta' komoditajiet tul perjodu ta' sena huwa għoli, l-awtorità kompetenti għandha taġġusta l-limitu ta' pożizzjoni 'l isfel.

2.   B'deroga mill-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-limitu ta' pożizzjoni tax-xahar spot u tax-xhur l-oħra bejn 5 % u 50 % jekk:

(a)

in-numru medju ta' parteċipanti tas-suq li għandhom pożizzjoni fid-derivattiv ta' komoditajiet fil-perjodu ta' qabel l-istabbiliment tal-limitu ta' pożizzjoni jkun aktar baxx minn 10; jew

(b)

in-numru ta' ditti tal-investiment li jaġixxu bħala ġeneratur tas-suq f'konformità mal-Artikolu 4(1)(7) tad-Direttiva 2014/65/UE fid-derivattiv ta' komoditajiet fil-mument li jiġi stipulat jew rieżaminat il-limitu ta' pożizzjoni huwa aktar baxx minn 3.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistabbilixxu limiti ta' pożizzjoni diversi għal perjodi differenti għax-xahar spot, il-perjodu tax-xhur l-oħra, jew għaż-żewġ perjodi.

Artikolu 20

Karatteristiċi tas-suq tal-komodità sottostanti

(l-Artikolu 57(3)(f) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu kif il-karatteristiċi tas-suq sottostanti jħallu impatt fuq il-funzjonament u n-negozjar tad-derivattiv ta' komoditajiet u fuq id-daqs tal-pożizzjonijiet miżmuma mill-parteċipanti tas-suq, inkluża l-kunsiderazzjoni tal-faċilità u l-veloċità tal-aċċess li l-parteċipanti tas-suq għandhom għall-komodità sottostanti.

2.   Il-valutazzjoni tas-suq tal-komodità sottostanti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)

jekk hemmx restrizzjonijiet fuq il-provvista tal-komodità, inkluża d-deterjorabbiltà tal-komodità konsenjabbli;

(b)

il-metodu ta' trasportazzjoni u konsenja tal-komodità fiżika, inkluż li ġej:

(i)

jekk il-komodità tistax tiġi konsenjata f'punti ta' konsenja speċifikati biss;

(ii)

il-limiti ta' kapaċità ta' punti ta' konsenja speċifikati.

(c)

l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-operat tas-suq, inkluża l-istaġonalità preżenti fi swieq ta' komodità estrattivi jew agrikoli fejn il-provvista fiżika tinbidel tul is-sena kalendarja;

(d)

il-kompożizzjoni u r-rwol tal-parteċipanti tas-suq fis-suq ta' komodità sottostanti, inkluża l-kunsiderazzjoni tan-numru ta' parteċipanti tas-suq li jipprovdu servizzi li jippermettu l-funzjonament tas-suq tal-komodità sottostanti bħall-ġestjoni tar-riskju, il-konsenja, il-ħażna, jew servizzi ta' saldu;

(e)

fatturi makroekonomiċi jew fatturi relatati oħra li jinfluwenzaw il-ħidma tas-suq ta' komodità sottostanti inklużi l-konsenja, il-ħażna, u s-saldu tal-komodità;

(f)

il-karatteristiċi, il-proprjetajiet fiżiċi u ċ-ċikli tal-ħajja tal-komodità sottostanti.

Artikolu 21

Il-volatilità fis-swieq rilevanti

(l-Artikolu 57(3)(d) tad-Direttiva 2014/65/UE)

Wara li jkunu applikaw il-fatturi msemmija fl-Artikoli 16 sa 20, li huma rilevanti biex jiġi stabbilit il-limitu ta' pożizzjoni għal kull kuntratt ta' derivattivi ta' komoditajiet imsemmija fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikomplu jaġġustaw dan il-limitu ta' pożizzjoni fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

hemm volatilità eċċessiva fil-prezz tad-derivattiv ta' komodità jew tal-komodità sottostanti;

(b)

aġġustament ulterjuri tal-limiti ta' pożizzjoni inaqqas effettivament il-volatilità eċċessiva fil-prezz ta' dak id-derivattiv ta' komoditajiet jew tal-komoditajiet sottostanti.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament għall-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 173.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti ta' investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE tal-24 ta' Lulju 1973 dwar il-koordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3).

(6)  Id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1).

(7)  id-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2005 dwar ir-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 92/49/KEE kif ukoll id-Direttivi 98/78/KE u 2002/83/KE (ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(9)  Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).

(10)  id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u depożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).