31.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/350


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/584

tal-14 ta' Lulju 2016

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti organizzazzjonali taċ-ċentri ta' negozjar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-punti (a), (c) u (g) tal-Artikolu 48(12) tagħha,

Billi:

(1)

Huwa importanti li jiġi żgurat li ċ-ċentri ta' negozjar li jippermettu negozjar algoritmiku jkollhom sistemi u kontrolli suffiċjenti.

(2)

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw mhux biss għal swieq regolati, iżda wkoll għal faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u faċilitajiet organizzati tan-negozjar, kif determinat mill-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2014/65/UE.

(3)

L-impatt tal-iżvilupp teknoloġiku u b'mod partikolari n-negozjar algoritmiku huwa wieħed mill-muturi ewlenin li jiddetermina l-kapaċità u l-arranġamenti għall-ġestjoni taċ-ċentri ta' negozjar. Ir-riskji li jirriżultaw min-negozjar algoritmiku jistgħu jkunu preżenti fi kwalunkwe tip ta' sistema ta' negozjar li hija appoġġjata b'mezzi elettroniċi. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti organizzazzjonali speċifiċi fir-rigward tas-swieq regolati, il-faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u l-faċilitajiet organizzati tan-negozjar li jippermettu negozjar algoritmiku permezz tas-sistemi tagħhom. Dawn is-sistemi ta' negozjar huma dawk fejn in-negozjar algoritmiku jista' jsir bil-kuntrarju għas-sistemi ta' negozjar li fihom in-negozjar algoritmiku mhuwiex permess, inklużi sistemi ta' negozjar fejn it-tranżazzjonijiet huma rranġati permezz ta' negozjati vokali.

(4)

L-arranġamenti ta' governanza, ir-rwol tal-funzjoni ta' konformità, il-persunal u l-esternalizzazzjoni għandhom jiġu regolati bħala parti mir-rekwiżiti organizzazzjonali biex tiġi żgurata r-reżiljenza tas-sistemi ta' negozjar elettroniku.

(5)

Għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti fir-rigward tas-sistemi taċ-ċentri ta' negozjar li jippermettu n-negozjar algoritmiku. Madankollu, l-applikazzjoni speċifika tagħhom għandha ssir flimkien ma' awtovalutazzjoni li għandha titwettaq minn kull ċentru ta' negozjar għaliex mhux il-mudelli tan-negozjar kollha jippreżentaw l-istess riskji. Għalhekk, xi rekwiżiti organizzazzjonali jistgħu ma jkunux xierqa għal ċerti mudelli tan-negozjar minkejja li s-sistemi tan-negozjar tagħhom jistgħu jiġu appoġġjati sa ċertu punt minn mezzi elettroniċi. B'mod partikolari, ir-rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tas-sistemi ta' talba għal proposti jew sistemi ibridi għandhom jitqiesu skont in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attività ta' negozjar algoritmiku mwettqa. Bl-istess mod, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar stretti miċ-ċentri ta' negozjar fejn xieraq.

(6)

Ir-riskji li jirriżultaw min-negozjar algoritmiku għandhom jitqiesu bir-reqqa, billi tingħata attenzjoni partikolari lil dawk li jistgħu jaffettwaw l-elementi ewlenin ta' sistema tan-negozjar, inkluż il-ħardwer, is-softwer u linji ta' komunikazzjoni assoċjati użati minn ċentri ta' negozjar u membri, parteċipanti jew klijenti ta' ċentri ta' negozjar (“membri”) biex iwettqu l-attività tagħhom u kwalunkwe tip ta' sistemi ta' eżekuzzjoni jew sistemi ta' ġestjoni tal-ordnijiet operati minn ċentri ta' negozjar, inkluż algoritmi ta' korrispondenza.

(7)

Ir-rekwiżiti organizzazzjonali speċifiċi għaċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiġu ddeterminati permezz ta' awtovalutazzjoni robusta fejn numru ta' parametri għandhom jiġu vvalutati. Dik l-awtovalutazzjoni għandha tinkludi kwalunkwe ċirkostanza oħra mhux stabbilita b'mod espress li jista' jkollha impatt fuq l-organizzazzjoni tagħhom.

(8)

Il-perjodu minimu għaż-żamma tar-rekords tal-awtovalutazzjoni u d-diliġenza dovuta tal-membri għall-fini ta' dan ir-Regolament għandu jkun l-istess bħall-obbligi ġenerali għaż-żamma tar-rekords stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE.

(9)

Meta ċ-ċentri ta' negozjar ikunu meħtieġa jwettqu monitoraġġ f'ħin reali, jeħtieġ li l-ġenerazzjoni ta' allerti wara dak il-monitoraġġ issir kemm jista' jkun teknikament possibbli qrib għal istantanju u għalhekk f'mhux aktar minn ħames sekondi sabiex ikun effettiv. Għall-istess raġuni, kwalunkwe azzjoni wara dak il-monitoraġġ għandha titwettaq kemm jista' jkun malajr bil-preżunzjoni ta' livell raġonevoli ta' effiċjenza u ta' nfiq fuq sistemi min-naħa tal-persuni kkonċernati.

(10)

Il-faċilitajiet tal-ittestjar offruti miċ-ċentri ta' negozjar m'għandhomx joħolqu riskji għan-negozjar ordnat. Għal dak il-għan, iċ-ċentri ta' negozjar għandhom ikunu meħtieġa jistabbilixxu politika adegwata għall-użu ġust, jiżguraw separazzjoni stretta bejn l-ambjent tal-ittestjar u l-ambjent tal-produzzjoni jew jippermettu l-ittestjar biss barra mis-sigħat tan-negozjar.

(11)

L-ittestjar tal-konformità għandu jiżgura li l-aktar elementi bażiċi tas-sistema jew l-algoritmi użati mill-membri joperaw b'mod korrett u skont ir-rekwiżiti taċ-ċentru, inkluż il-kapaċità li jinteraġixxu kif mistenni mal-loġika ta' korrispondenza taċ-ċentru ta' negozjar u l-ipproċessar adegwat tal-flussi tad-dejta lejn u miċ-ċentru ta' negozjar. L-ittestjar kontra kundizzjonijiet diżordinati ta' negozjar għandu jkun iddisinjat bil-ħsieb li jindirizza b'mod speċifiku r-reazzjoni tal-algoritmu jew l-istrateġija għall-kundizzjonijiet li jistgħu joħolqu suq diżordinat.

(12)

Meta ċ-ċentri ta' negozjar joffru arranġamenti biex jiġu ttestjati l-algoritmi billi joffru simboli tal-ittestjar, l-obbligu tagħhom li jipprovdu faċilitajiet għall-ittestjar kontra kundizzjonijiet diżordinati ta' negozjar għandu jitqies li qed jiġi sodisfatt. Sabiex il-membri jkunu jistgħu jużaw b'mod effettiv dawn is-simboli tal-ittestjar, iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jippubblikaw l-ispeċifikazzjonijiet u l-karatteristiċi tas-simboli tal-ittestjar sal-istess livell ta' dettall disponibbli pubblikament għal kuntratti ta' produzzjoni fil-ħajja reali.

(13)

Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom ikunu soġġetti għal obbligu li jipprovdu mezzi biex jiffaċilitaw l-ittestjar kontra kundizzjonijiet diżordinati ta' negozjar. Madankollu, il-membri tagħhom ma għandhomx ikunu meħtieġa jużaw dawk il-mezzi. Għandha titqies bħala garanzija suffiċjenti jekk iċ-ċentri ta' negozjar jirċievu dikjarazzjoni mill-membri tagħhom li tikkonferma li dan l-ittestjar sar u li tiddikjara l-mezzi użati għal dak l-ittestjar, imma ċ-ċentri ta' negozjar ma għandhomx ikunu obbligati jivvalidaw l-adegwatezza ta' dawk il-mezzi jew ir-riżultati ta' dak l-ittestjar.

(14)

Iċ-ċentri ta' negozjar u l-membri tagħhom għandhom ikunu meħtieġa jkunu mgħammra b'mod adegwat biex jikkanċellaw ordnijiet mhux eżegwiti bħala miżura ta' emerġenza jekk jirriżultaw ċirkostanzi mhux mistennija.

(15)

Il-provvista ta' servizz ta' aċċess elettroniku dirett (DEA) lil numru indeterminat ta' persuni jista' joħloq riskju għall-fornitur ta' dak is-servizz u anke għar-reżiljenza u l-kapaċità taċ-ċentru ta' negozjar fejn jintbagħtu l-ordnijiet. Biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji, fejn iċ-ċentri ta' negozjar jippermettu sottodelega, il-fornitur tad-DEA għandu jkun kapaċi jidentifika l-flussi differenti tal-ordnijiet mill-benefiċjarji tas-sottodelega.

(16)

Meta l-aċċess sponsorizzat ikun permess minn ċentru ta' negozjar, klijenti prospettivi tal-aċċess sponsorizzat għandhom ikunu soġġetti għal proċess ta' awtorizzazzjoni miċ-ċentru ta' negozjar. Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jitħallew ukoll jiddeċiedu li l-forniment ta' servizzi ta' aċċess dirett għas-suq mill-membri tagħhom ikun soġġett għall-awtorizzazzjoni.

(17)

Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jispeċifikaw ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-membri tagħhom sabiex jitħallew jipprovdu DEA u jiddeterminaw l-istandards minimi li għandhom jiġu ssodisfati mill-klijenti prospettivi tad-DEA fil-proċess ta' diliġenza dovuta. Dawk ir-rekwiżiti u standards għandhom jiġu adattati għar-riskji maħluqa min-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozjar mistenni tagħhom, u għas-servizz li qed jiġi pprovdut. B'mod partikolari, għandhom jinkludu valutazzjoni tal-livell ta' negozjar mistenni, il-volum tal-ordni u t-tip ta' konnessjoni offruta.

(18)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

(19)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(20)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

REKWIŻITI ORGANIZZAZZJONALI ĠENERALI GĦAĊ-ĊENTRI TA' NEGOZJAR LI JIPPERMETTU NEGOZJAR ALGORITMIKU PERMEZZ TAS-SISTEMI TAGĦHOM

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

(Artikolu 48 tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għar-rekwiżiti organizzazzjonali tas-sistemi taċ-ċentri ta' negozjar li jippermettu n-negozjar algoritmiku, fir-rigward tar-reżiljenza u l-kapaċità tagħhom, rekwiżiti għaċ-ċentri ta' negozjar biex jiżguraw ittestjar xieraq tal-algoritmi u rekwiżiti fir-rigward tal-kontrolli li jikkonċernaw id-DEA skont l-Artikolu 48(12)(a), (b) u (g) tad-Direttiva 2014/65/UE.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, qed jitqies li ċentru ta' negozjar jippermetti negozjar algoritmiku fejn il-preżentazzjoni tal-ordnijiet u t-tqabbil tal-ordnijiet jiġu ffaċilitati b'mezzi elettroniċi.

3.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, kwalunkwe arranġament jew sistema li tippermetti negozjar algoritmiku għandha titqies bħala “sistema ta' negozjar algoritmiku”.

Artikolu 2

Awtovalutazzjonijiet ta' konformità mal-Artikolu 48 tad-Direttiva 2014/65/UE

(Artikolu 48 tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Qabel tibda tintuża sistema ta' negozjar u tal-anqas darba fis-sena, iċ-ċentri ta' negozjar għandhom iwettqu awtovalutazzjoni tal-konformità tagħhom mal-Artikolu 48 tad-Direttiva 2014/65/UE, billi jqisu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tagħhom. L-awtovalutazzjoni għandha tinkludi analiżi tal-parametri kollha stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

2.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom iżommu rekord tal-awtovalutazzjoni tagħhom għal tal-anqas ħames snin.

Artikolu 3

Governanza ta' ċentri ta' negozjar

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Bħala parti mill-qafas globali tagħhom ta' governanza u teħid tad-deċiżjonijiet, iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jistabbilixxu u jagħmlu monitoraġġ tas-sistemi ta' negozjar tagħhom permezz ta' arranġament formalizzat ta' governanza li jistabbilixxi:

(a)

l-analiżi tagħhom ta' kwistjonijiet tekniċi, ta' riskju u ta' konformità meta jittieħdu deċiżjonijiet kritiċi.

(b)

linji ċari ta' kontabilità, inkluż proċeduri biex jiġu approvati l-iżvilupp, l-użu u l-aġġornamenti sussegwenti tas-sistemi ta' negozjar u biex jiġu solvuti problemi identifikati meta jsir il-monitoraġġ tas-sistemi ta' negozjar;

(c)

proċeduri effettivi għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni sabiex l-istruzzjonijiet ikunu jistgħu jintalbu u jiġu implimentati b'mod effiċjenti u f'waqthom;

(d)

separazzjoni ta' kompiti u responsabbiltajiet, biex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tal-konformità miċ-ċentri ta' negozjar.

2.   Il-korp maniġerjali jew il-maniġment superjuri ta' ċentri ta' negozjar għandhom japprovaw:

(a)

l-awtovalutazzjoni ta' konformità skont l-Artikolu 2;

(b)

miżuri biex jespandu l-kapaċità taċ-ċentru ta' negozjar fejn meħtieġ sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 11;

(c)

azzjonijiet biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet materjali identifikati tul il-monitoraġġ skont l-Artikoli 12 u 13 u wara l-eżami perjodiku tal-prestazzjoni u l-kapaċità tas-sistemi ta' negozjar skont l-Artikolu 14.

Artikolu 4

Funzjoni ta' verifika tal-konformità fl-arranġamenti ta' governanza

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li l-funzjoni ta' verifika tal-konformità tagħhom tkun responsabbli biex:

(a)

tipprovdi ċarezza lill-persunal kollu involut fin-negozjar algoritmiku dwar l-obbligi legali taċ-ċentri ta' negozjar fir-rigward ta' tali negozjar;

(b)

tiżviluppa u żżomm il-politiki u l-proċeduri biex jiżguraw li s-sistemi ta' negozjar algoritmiku jikkonformaw ma' dawk l-obbligi.

2.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li l-persunal tal-konformità tagħhom għandu tal-anqas fehim ġenerali tal-mod kif joperaw is-sistemi ta' negozjar algoritmiku u l-algoritmi.

Il-persunal ta' konformità għandu jkun f'kuntatt kontinwu ma' persuni fiċ-ċentru ta' negozjar li għandhom għarfien tekniku dettaljat tas-sistemi ta' negozjar algoritmiku taċ-ċentru jew tal-algoritmi.

Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw ukoll li l-persunal ta' konformità jkollu, il-ħin kollu, kuntatt dirett ma' persuni li għandhom aċċess għall-funzjonalità msemmija fl-Artikolu 18(2)(c) (funzjonalita ta' kanċellazzjoni, “kill functionality”) jew aċċess għal dik il-funzjonalità ta' kanċellazzjoni u għal dawk li huma responsabbli għas-sistema ta' negozjar algoritmiku.

3.   Meta l-funzjoni ta' verifika tal-konformità, jew l-elementi tagħha, jiġu esternalizzati lil parti terza, iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jipprovdu lill-parti terza bl-istess aċċess għall-informazzjoni daqslikieku jipprovdu lill-persunal ta' konformità tagħhom stess. Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jidħlu fi ftehim ma' dawn il-konsulenti ta' konformità, biex jiżguraw li:

(a)

il-privatezza tad-dejta tiġi ggarantita;

(b)

l-awditjar tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità minn awdituri interni u esterni jew mill-awtorità kompetenti ma tiġix imfixkla.

Artikolu 5

Persunal

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jimpjegaw għadd suffiċjenti ta' persunal bil-ħiliet neċessarji biex jimmaniġġjaw is-sistemi ta' negozjar algoritmiku tagħhom u l-algoritmi ta' negozjar u b'biżżejjed għarfien ta':

(a)

is-sistemi ta' negozjar u l-algoritmi rilevanti;

(b)

il-monitoraġġ u l-ittestjar ta' dawn is-sistemi u l-algoritmi;

(c)

it-tipi ta' negozjar imwettqa mill-membri, mill-parteċipanti jew mill-klijenti taċ-ċentru ta' negozjar (“membri”);

(d)

l-obbligi legali taċ-ċentru ta' negozjar.

2.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiddefinixxu l-ħiliet neċessarji msemmija fil-paragrafu 1. Il-persunal imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu dawk il-ħiliet meħtieġa fiż-żmien tar-reklutaġġ jew għandu jakkwistahom permezz ta' taħriġ wara r-reklutaġġ. Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li dawk il-ħiliet tal-persunal jibqgħu aġġornati u għandhom jevalwaw il-ħiliet tagħhom fuq bażi regolari.

3.   It-taħriġ tal-persunal imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun imfassal apposta għall-esperjenza u r-responsabbiltajiet tal-persunal, billi jitqiesu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom.

4.   Il-persunal imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi persunal b'anzjanità suffiċjenti biex iwettaq il-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv fiċ-ċentru ta' negozjar.

Artikolu 6

Esternalizzazzjoni u akkwist

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar li jesternalizzaw il-funzjonijiet operazzjonali tagħhom kollha jew parti minnhom fir-rigward tas-sistemi li jippermettu n-negozjar algoritmiku għandhom jiżguraw li:

(a)

il-ftehim ta' esternalizzazzjoni esklussivament jirrelata ma' funzjonijiet operazzjonali u ma jibdilx ir-responsabbiltajiet tal-maniġment superjuri u tal-korp maniġerjali;

(b)

ir-relazzjoni u l-obbligi taċ-ċentru ta' negozjar lejn il-membri tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti, jew kwalunkwe parti terza, bħal klijenti ta' servizzi tal-fluss tad-dejta ma jinbidlux;

(c)

jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom jikkonformaw magħhom sabiex ikunu awtorizzati skont it-Titolu III tad-Direttiva 2014/65/UE.

2.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-funzjonijiet operazzjonali għandhom jinkludu l-attivitajiet diretti kollha relatati mal-prestazzjoni u s-sorveljanza tas-sistema ta' negozjar li jappoġġjaw dawn l-elementi li ġejjin:

(a)

konnettività upstream, kapaċità tal-preżentazzjoni tal-ordnijiet, kapaċitajiet ta' trażżin u kapaċità tal-ibbilanċjar tad-dħul tal-ordnijiet tal-klijenti minn kanali differenti;

(b)

magna tan-negozjar għat-tqabbil tal-ordnijiet;

(c)

konnettività downstream, editjar tal-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet u kwalunkwe tip ieħor ta' fluss ta' dejta tas-suq;

(d)

infrastruttura għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-elementi msemmija fil-punti (a), (b) u (c).

3.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiddokumentaw il-proċess tal-għażla tal-fornitur tas-servizzi li lilu se jiġu esternalizzati l-funzjonijiet operazzjonali (“il-fornitur tas-servizzi”). Għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw, qabel jikkonkludu l-ftehim ta' esternalizzazzjoni u tul il-perjodu kollu tiegħu, li l-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

il-fornitur tas-servizzi jkollu l-kapaċità li jwettaq il-funzjonijiet esternalizzati b'mod affidabbli u professjonali u jkun id-detentur ta' kwalunkwe awtorizzazzjoni meħtieġa skont il-liġi għal dawk l-għanijiet;

(b)

il-fornitur tas-servizzi jissorvelja tajjeb it-twettiq tal-funzjonijiet esternalizzati, u jimmaniġġja b'mod adegwat ir-riskji assoċjati mal-ftehim ta' esternalizzazzjoni;

(c)

is-servizzi esternalizzati jkunu pprovduti skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-ftehim ta' esternalizzazzjoni, li huma bbażati fuq metodi predeterminati għall-valutazzjoni tal-istandard tal-prestazzjoni tal-fornitur tas-servizzi, inkluż il-metrika għall-kejl tas-servizz ipprovdut u l-ispeċifikazzjonijiet tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati;

(d)

iċ-ċentru ta' negozjar ikollu l-għarfien espert meħtieġ biex jissorvelja l-funzjonijiet esternalizzati u jimmaniġġa r-riskji assoċjati mal-ftehim ta' esternalizzazzjoni;

(e)

iċ-ċentru ta' negozjar ikollu l-kapaċità li jieħu azzjoni malajr jekk il-fornitur tas-servizzi ma jkunx qiegħed iwettaq il-funzjonijiet b'mod effettiv u f'konformità ma' liġijiet applikabbli u rekwiżiti regolatorji;

(f)

il-fornitur tas-servizzi jiżvela liċ-ċentru ta' negozjar kwalunkwe fatt li jista' jkollu impatt materjali fuq il-kapaċità tiegħu li jwettaq il-funzjonijiet esternalizzati b'mod effettiv u f'konformità mal-obbligi legali tiegħu;

(g)

iċ-ċentru ta' negozjar huwa kapaċi jittermina l-ftehim ta' esternalizzazzjoni fejn meħtieġ mingħajr detriment għall-kontinwità u l-kwalità tas-servizzi tiegħu lill-klijenti;

(h)

il-fornitur tas-servizzi jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti taċ-ċentru ta' negozjar b'rabta mal-attivitajiet esternalizzati;

(i)

iċ-ċentru ta' negozjar ikollu aċċess effettiv għad-dejta relatata mal-attivitajiet esternalizzati u għal-lok tan-negozju tal-fornitur tas-servizzi, u l-awdituri taċ-ċentru ta' negozjar u l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għad-dejta relatata mal-attivitajiet esternalizzati;

(j)

iċ-ċentru ta' negozjar jistabbilixxi rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-fornituri ta' servizz biex jipproteġu informazzjoni kunfidenzjali relatata maċ-ċentru ta' negozjar u mal-membri tiegħu, u mal-informazzjoni u s-softwer proprjetarji taċ-ċentru;

(k)

il-fornitur tas-servizzi jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt (j);

(l)

iċ-ċentru ta' negozjar u l-fornitur tas-servizzi jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu pjan ta' kontinġenza għall-irkupru minn diżastru u l-ittestjar perjodiku ta' miżuri ta' sostenn, meta dan ikun neċessarju b'qies għall-funzjoni operazzjonali li tkun ġiet esternalizzata;

(m)

il-ftehim ta' esternalizzazzjoni jispeċifika l-obbligi tal-fornitur tas-servizzi f'każ li ma jkunx jista' jipprovdi s-servizzi tiegħu, inkluż il-forniment tas-servizz minn ditta ta' sostituzzjoni;

(n)

iċ-ċentru ta' negozjar għandu aċċess għal informazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti ta' kontinwità tal-kummerċ msemmija fl-Artikolu 16 tal-fornitur tas-servizzi.

4.   Il-ftehimiet ta' esternalizzazzjoni għandhom jiġu konklużi bil-miktub u għandhom jistabbilixxu:

(a)

l-assenjar tad-drittijiet u l-obbligi bejn il-fornitur tas-servizzi u ċ-ċentru ta' negozjar;

(b)

deskrizzjoni ċara ta':

(i)

il-funzjonijiet operazzjonali li huma esternalizzati;

(ii)

l-aċċess taċ-ċentru ta' negozjar għall-kotba u r-rekords tal-fornitur tas-servizzi;

(iii)

il-proċedura biex jiġu identifikati u indirizzati kunflitti ta' interess potenzjali;

(iv)

ir-responsabbiltà assunta minn kull parti;

(v)

il-proċedura għall-emendar u t-terminazzjoni tal-ftehim.

(c)

il-mezzi li jiżguraw li kemm iċ-ċentru ta' negozjar kif ukoll il-fornitur tas-servizzi jiffaċilitaw bi kwalunkwe mod meħtieġ l-eżerċizzju mill-awtorità kompetenti tas-setgħat superviżorji tagħha.

5.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti l-intenzjoni tagħhom li jesternalizzaw il-funzjonijiet operazzjonali f'dawn il-każijiet:

(a)

meta l-fornitur tas-servizzi jipprovdi l-istess servizz lil ċentri ta' negozjar oħra;

(b)

meta l-funzjonijiet operazzjonali kritiċi meħtieġa għall-kontinwazzjoni tan-negozju jiġu esternalizzati, f'liema każ iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jitolbu l-awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-awtorità kompetenti.

6.   Għall-finijiet tal-punt (b) fil-paragrafu 5, il-funzjonijiet operazzjonali kritiċi jinkludu dawk il-funzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 47(1)(b), (c) u (e) tad-Direttiva 2014/65/UE.

7.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe ftehim ta' esternalizzazzjoni li ma jkunx soġġett għal rekwiżit ta' għoti ta' awtorizzazzjoni preliminari immedjatament wara l-iffirmar tal-ftehim.

KAPITOLU II

KAPAĊITÀ U REŻILJENZA TA' ĊENTRI TA' NEGOZJAR

Artikolu 7

Diliġenza dovuta għall-membri ta' ċentri ta' negozjar

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-użu tas-sistemi ta' preżentazzjoni tal-ordnijiet elettroniċi mill-membri tagħhom. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti wara li jiġi kkunsidrat il-mudell tan-negozjar taċ-ċentru ta' negozjar u għandhom ikopru tal-anqas:

(a)

il-kontrolli ta' qabel in-negozjar fuq il-prezz, il-volum u l-valur tal-ordnijiet u l-użu tas-sistema u l-kontrolli ta' wara n-negozjar fuq l-attivitajiet tan-negozjar tal-membri;

(b)

il-kwalifiki meħtieġa mill-persunal f'pożizzjonijiet ewlenin fost il-membri;

(c)

l-ittestjar tekniku u l-funzjonali tal-konformità;

(d)

il-politika dwar l-użu tal-funzjonalita ta' kanċellazzjoni;

(e)

id-dispożizzjonijiet dwar jekk il-membru jistax jagħti lill-klijenti tiegħu stess aċċess elettroniku dirett għas-sistema u, jekk iva, il-kundizzjonijiet applikabbli għal dawk il-klijenti.

2.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom iwettqu valutazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-membri prospettivi tagħhom kontra l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jistabbilixxu l-proċeduri għal din il-valutazzjoni.

3.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom, darba fis-sena, iwettqu valutazzjoni fuq bażi ta' riskju tal-konformità tal-membri tagħhom mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u jikkontrallaw jekk il-membri tagħhom għadhomx reġistrati bħala ditti ta' investiment. Il-valutazzjoni fuq bażi ta' riskju għandha tqis l-iskala u l-impatt potenzjali tan-negozjar imwettaq minn kull membru kif ukoll iż-żmien li jkun għadda sa mill-aħħar valutazzjoni fuq bażi ta' riskju tal-membru.

4.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom, fejn meħtieġ, iwettqu valutazzjonijiet addizzjonali tal-konformità tal-membri tagħhom mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 wara l-valutazzjoni annwali fuq bażi ta' riskju stabbilita fil-paragrafu 3.

5.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jistabbilixxu l-kriterji u l-proċeduri għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq membru mhux konformi. Dawk is-sanzjonijiet għandhom jinkludu sospensjoni tal-aċċess għaċ-ċentru ta' negozjar u telf tas-sħubija.

6.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom, għal mill-anqas ħames snin, iżommu r-rekords ta':

(a)

il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta

(b)

il-kriterji u l-proċeduri għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet;

(c)

il-valutazzjoni inizjali tad-diliġenza dovuta tal-membri tagħhom;

(d)

il-valutazzjoni annwali fuq bażi ta' riskju tal-membri tagħhom;

(e)

il-membri li jkunu fallew il-valutazzjoni annwali fuq bażi ta' riskju u kwalunkwe sanzjoni imposta fuq dawn il-membri.

Artikolu 8

Ittestjar tas-sistemi ta' negozjar

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom, qabel jibdew jużaw jew jaġġornaw sistema ta' negozjar, jagħmlu użu minn metodoloġiji ddefiniti b'mod ċar tal-iżvilupp u l-ittestjar li jiżguraw tal-anqas li:

(a)

is-sistema ta' negozjar ma taġixxix b'mod mhux maħsub;

(b)

il-kontrolli ta' konformità u ta' ġestjoni tar-riskju inklużi fis-sistemi jaħdmu kif maħsub, inkluż il-ġenerazzjoni awtomatika tar-rapporti tal-iżbalji;

(c)

is-sistema ta' negozjar tkun tista' tkompli taħdem b'mod effettiv fil-każ ta' żieda sinifikanti fl-għadd ta' messaġġi ġestiti mis-sistema.

2.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom ikunu kapaċi juru l-ħin kollu li ħadu l-passi raġonevoli kollha biex jevitaw li s-sistemi ta' negozjar tagħhom jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet diżordinati ta' negozjar.

Artikolu 9

Ittestjar tal-konformità

(Artikolu 48(6) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jirrikjedu li l-membri tagħhom iwettqu l-ittestjar tal-konformità qabel l-użu jew l-aġġornament sostanzjali ta':

(a)

l-aċċess għas-sistema taċ-ċentru ta' negozjar;

(b)

is-sistema ta' negozjar tal-membru, l-algoritmu tan-negozjar jew l-istrateġija tan-negozjar.

2.   L-ittestjar tal-konformità għandu jiżgura li l-funzjonament bażiku tas-sistema, l-algoritmu u l-istrateġija ta' negozjar jikkonformaw mal-kundizzjonijiet taċ-ċentru ta' negozjar.

3.   L-ittestjar tal-konformità għandu jivverifika l-funzjonament tas-segwenti:

(a)

il-kapaċità tas-sistema jew l-algoritmu li jinteraġixxu kif mistenni mal-loġika tat-tqabbil taċ-ċentru ta' negozjar u l-ipproċessar adegwat tal-flussi tad-dejta minn u lejn iċ-ċentru ta' negozjar;

(b)

il-funzjonalitajiet bażiċi bħall-preżentazzjoni, il-modifika jew il-kanċellazzjoni ta' ordni jew indikazzjoni ta' interess, it-tniżżil ta' dejta statika u tas-suq u l-flussi kollha tad-dejta tan-negozju;

(c)

il-konnettività, inkluż il-kmand ta' kanċellazzjoni mal-iskonnessjoni, it-telf u r-regolazzjoni tal-fluss tad-dejta tas-suq, u t-tkomplija tal-attività inkluża t-tkomplija tan-negozjar fl-istess jum u t-trattament ta' strumenti sospiżi jew dejta tas-suq mhux aġġornata.

4.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jipprovdu ambjent għall-ittestjar tal-konformità lill-membri attwali u prospettivi tagħhom li:

(a)

ikun aċċessibbli bil-kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għas-servizzi tal-ittestjar l-oħra taċ-ċentru ta' negozjar;

(b)

jipprovdi lista ta' strumenti finanzjarji li jistgħu jiġu ttestjati u li huma rappreżentattivi ta' kull klassi ta' strumenti disponibbli fl-ambjent tal-produzzjoni;

(c)

ikun disponibbli matul is-sigħat ġenerali tas-suq jew, jekk disponibbli biss barra mis-sigħat tas-suq, fuq bażi perjodika skedata minn qabel;

(d)

ikun appoġġjat minn persunal b'għarfien suffiċjenti.

5.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jagħtu rapport tar-riżultati tal-ittestjar tal-konformità lill-membru attwali jew prospettiv biss.

6.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jirrikjedu lill-membri attwali u prospettivi tagħhom jużaw il-faċilitajiet tal-ittestjar tal-konformità tagħhom.

7.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw separazzjoni effettiva tal-ambjent tal-ittestjar mill-ambjent tal-produzzjoni għall-ittestjar tal-konformità msemmi fil-paragrafi 1 sa 3.

Artikolu 10

Ittestjar tal-algoritmi tal-membri biex jiġu evitati kundizzjonijiet diżordinati ta' negozjar

(Artikolu 48(6) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jirrikjedu lill-membri tagħhom jiċċertifikaw li l-algoritmi li jużaw ikunu ġew ittestjati biex jiġi evitat li jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet diżordinati ta' negozjar, jew joħolquhom, qabel l-użu jew l-aġġornament sostanzjali ta' algoritmu tan-negozjar jew strateġija tan-negozjar u jispjegaw il-mezzi użati għal dak l-ittestjar.

2.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jipprovdu lill-membri tagħhom b'aċċess għal ambjent tal-ittestjar li għandu jikkonsisti fi kwalunkwe mis-segwenti:

(a)

faċilitajiet ta' simulazzjoni li jirriproduċu kemm jista' jkun possibbli b'mod realistiku l-ambjent tal-produzzjoni, inklużi kundizzjonijiet diżordinati ta' negozjar, u li jipprovdu l-funzjonalitajiet, il-protokolli u l-istruttura li jippermettu lill-membri jittestjaw firxa ta' xenarji li huma jqisu rilevanti għall-attività tagħhom;

(b)

simboli tal-ittestjar kif definiti u miżmuma miċ-ċentru ta' negozjar.

3.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw separazzjoni effettiva tal-ambjent tal-ittestjar mill-ambjent tal-produzzjoni għat-testijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

Kapaċità taċ-ċentri ta' negozjar

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li s-sistemi ta' negozjar tagħhom għandhom biżżejjed kapaċità biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom mingħajr fallimenti tas-sistemi, perjodi ta' qtugħ jew żbalji fit-tqabbil tat-tranżazzjonijiet tal-anqas fl-ogħla numru ta' messaġġi kull sekonda rreġistrat fuq dik is-sistema matul il-ħames snin preċedenti mmultiplikat bi tnejn.

Għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ogħla numru ta' messaġġi, għandhom jitqiesu dawn il-messaġġi segwenti:

(a)

kwalunkwe input, inkluż ordnijiet u modifiki jew kanċellazzjonijiet ta' ordnijiet;

(b)

kwalunkwe output, inkluż ir-reazzjoni tas-sistema għal input, wiri tad-dejta tal-ktieb tal-ordnijiet u d-disseminazzjoni tal-fluss ta' wara n-negozjar li jimplika użu indipendenti tal-kapaċità tas-sistema ta' negozjar.

2.   L-elementi ta' sistema ta' negozjar li għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk li jappoġġjaw l-attivitajiet segwenti:

(a)

konnettività upstream, kapaċità tal-preżentazzjoni tal-ordnijiet, kapaċitajiet ta' trażżin u kapaċità tal-ibbilanċjar tad-dħul tal-ordnijiet tal-klijenti minn kanali differenti;

(b)

magna tan-negozjar li tippermetti li ċ-ċentru ta' negozjar iqabbel l-ordnijiet b'dewmien adegwat;

(c)

konnettività downstream, editjar tal-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet u kwalunkwe tip ieħor ta' fluss ta' dejta tas-suq;

(d)

infrastruttura għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-elementi msemmija hawn fuq.

3.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jivvalutaw jekk il-kapaċità tas-sistemi ta' negozjar tagħhom tibqax adegwata meta l-għadd ta' messaġġi jkun qabeż l-ogħla għadd ta' messaġġi kull sekonda rreġistrati fuq dik is-sistema matul il-ħames snin ta' qabel. Wara l-valutazzjoni, iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe miżura ppjanata biex tespandi l-kapaċità tagħhom u l-ħin tal-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri.

4.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li s-sistemi taghom huma kapaċi jlaħħqu ma' flussi ta' messaġġi dejjem jiżdiedu mingħajr degradazzjoni materjali tal-prestazzjoni tas-sistemi tagħhom. B'mod partikolari, it-tfassil tas-sistema ta' negozjar għandu jippermetti li l-kapaċità tagħha tespandi fi żmien raġonevoli kull meta meħtieġ.

5.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom immedjatament jippubblikaw u jirrapportaw lill-awtorità kompetenti u lill-membri kwalunkwe interruzzjoni severa fin-negozjar li mhix minħabba l-volatilità tas-suq u kwalunkwe tfixkil materjali ieħor fil-konnettività.

Artikolu 12

Obbligi ġenerali ta' monitoraġġ

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li s-sistemi ta' negozjar algoritmiku huma l-ħin kollu adattati għan-negozju li jseħħ minnhom u li huma robusti biżżejjed biex jiżguraw il-kontinwità u r-regolarità fil-prestazzjoni tas-swieq li joperaw fihom, irrispettivament mill-mudell ta' negozjar użat.

2.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom iwettqu monitoraġġ f'ħin reali tas-sistemi ta' negozjar algoritmiku tagħhom fir-rigward tas-segwenti:

(a)

il-prestazzjoni tagħhom u l-kapaċità tagħhom imsemmija fl-Artikolu 11(4);

(b)

ordnijiet mibgħuta mill-membri tagħhom fuq bażi individwali u aggregata.

B'mod partikolari, iċ-ċentri ta' negozjar għandhom joperaw limiti fuq it-trażżin u jagħmlu monitoraġġ tal-fluss tal-konċentrazzjoni tal-ordnijiet biex jiġi identifikat theddid potenzjali għall-funzjonament ordnat tas-suq.

3.   L-allerti f'ħin reali għandhom jiġu ġġenerati f'ħames sekondi mill-avveniment rilevanti.

Artikolu 13

Monitoraġġ kontinwu

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom ikunu kapaċi juru l-ħin kollu lill-awtorità kompetenti tagħhom li huma qed jagħmlu monitoraġġ f'ħin reali tal-prestazzjoni u tal-użu tal-elementi tas-sistemi ta' negozjar tagħhom imsemmija fl-Artikolu 11(2) fir-rigward tal-parametri segwenti:

(a)

il-persentaġġ tal-kapaċità massima tal-messaġġi użat kull sekonda;

(b)

l-għadd totali ta' messaġġi ġestiti mis-sistema ta' negozjar maqsuma skont kull element tas-sistema ta' negozjar, inkluż:

(i)

l-għadd ta' messaġġi li jaslu kull sekonda;

(ii)

l-għadd ta' messaġġi mibgħuta kull sekonda;

(iii)

l-għadd ta' messaġġi rrifjutati mis-sistema kull sekonda;

(c)

il-perjodu ta' żmien minn meta jasal il-messaġġ fi kwalunkwe kanal ta' barra tas-sistema ta' negozjar sa meta jintbagħat messaġġ relatat mill-istess kanal wara li l-magna ta' korrispondenza tkun ipproċessat il-messaġġ oriġinali;

(d)

il-prestazzjoni tal-magna ta' korrispondenza.

2.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jieħdu l-azzjoni xierqa kollha fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni identifikata fis-sistema ta' negozjar matul il-monitoraġġ kontinwu hekk kif ikun raġonevolment possibbli, f'ordni ta' prijorità, u għandhom ikunu kapaċi jaġġustaw, ixolju, jew jagħlqu s-sistema ta' negozjar, jekk meħtieġ.

Artikolu 14

Eżami perjodiku tal-prestazzjoni u l-kapaċità tas-sistemi ta' negozjar algoritmiku

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom, fil-kuntest tal-awtovalutazzjoni li għandha titwettaq skont l-Artikolu 2, jevalwaw il-prestazzjoni u l-kapaċità tas-sistemi ta' negozjar algoritmiku tagħhom u proċessi assoċjati għall-governanza, il-kontabilità, l-approvazzjoni u l-arranġamenti ta' kontinwità tal-kummerċ.

2.   Bħala parti mill-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, iċ-ċentri ta' negozjar għandhom iwettqu testijiet tal-istress fejn huma għandhom jissimulaw xenarji avversi biex jivverifikaw il-prestazzjoni tal-ħardwer, is-softwer u l-komunikazzjonijiet u jidentifikaw ix-xenarji li taħthom is-sistema ta' negozjar jew partijiet mis-sistema ta' negozjar iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'fallimenti fis-sistemi, qtugħ jew żbalji fit-tranżazzjonijiet tat-tqabbil.

3.   It-testijiet tal-istress għandhom ikopru l-fażijiet kollha tan-negozjar, is-segmenti tan-negozjar u t-tipi ta' strumenti nnegozjati miċ-ċentru ta' negozjar u għandhom jissimulaw l-attivitajiet tal-membri bl-istruttura eżistenti ta' konnettività.

4.   Ix-xenarji avversi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu bbażati fuq:

(a)

żieda fl-għadd ta' messaġġi li jaslu billi jibda bl-ogħla għadd ta' messaġġi ġestiti mis-sistema taċ-ċentru ta' negozjar matul il-ħames snin preċedenti;

(b)

aġir mhux mistenni tal-funzjonijiet operazzjonali taċ-ċentru ta' negozjar;

(c)

kombinazzjoni aleatorja ta kundizzjonijiet tas-suq normali u taħt stress u mġiba mhux mistennija tal-funzjonijiet operazzjonali taċ-ċentru ta' negozjar.

5.   L-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-kapaċità taċ-ċentru ta' negozjar deskritta fil-paragrafi 1 sa 4 għandha titwettaq minn assessur indipendenti jew minn dipartiment fiċ-ċentru ta' negozjar għajr dak li għandu r-responsabbiltà għall-funzjoni li tkun qed tiġi riveduta.

6.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jieħdu azzjoni biex b'mod rapidu u effettiv jirrimedjaw kwalunkwe defiċjenza identifikata fl-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-kapaċità taċ-ċentru ta' negozjar imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 u għandhom iżommu rekord tar-reviżjoni u ta' kwalunkwe azzjoni ta' rimedju meħuda f'dan ir-rigward għal mill-anqas ħames snin.

Artikolu 15

Arranġamenti ta' kontinwità tal-kummerċ

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom ikunu kapaċi juru l-ħin kollu li s-sistemi tagħhom għandhom stabbiltà suffiċjenti billi jkollhom arranġamenti effettivi ta' kontinwità tal-kummerċ biex jindirizzaw inċidenti ta' tfixkil.

2.   L-arranġamenti ta' kontinwità tal-kummerċ għandhom jiżguraw li n-negozjar ikun jista' jitkompla fi żmien sagħtejn jew qrib sagħtejn minn inċident ta' tfixkil u li l-ammont massimu ta' dejta li jista' jintilef minn kwalunkwe servizz tal-IT taċ-ċentru ta' negozjar wara inċident ta' tfixkil ikun qrib iż-żero.

Artikolu 16

Pjan ta' kontinwità tal-kummerċ

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom, fil-kuntest tal-qafas tagħhom ta' governanza u ta' teħid ta' deċiżjonijiet skont l-Artikolu 3, jistabbilixxu pjan ta' kontinwità tal-kummerċ biex jimplimentaw arranġamenti ta' kontinwità tal-kummerċ effettivi previsti fl-Artikolu 15. Il-pjan ta' kontinwità tal-kummerċ jistabbilixxi l-proċeduri u l-arranġamenti għall-immaniġġjar ta' inċidenti ta' tfixkil.

2.   Il-pjan ta' kontinwità tal-kummerċ jipprovdi għal dan il-kontenut minimu segwenti:

(a)

il-firxa ta' xenarji avversi possibbli li jirrelataw mal-operazzjoni tas-sistemi ta' negozjar algoritmiku, inkluż in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' sistemi, persunal, spazju tax-xogħol, fornituri esterni jew ċentri tad-dejta jew telf jew tibdil ta' dejta kritika u dokumenti;

(b)

il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fil-każ ta' avveniment ta' tfixkil;

(c)

iż-żmien massimu biex titkompla l-attività kummerċjali u l-ammont ta' dejta li jista' jintilef fis-sistema tal-IT;

(d)

il-proċeduri għar-rilokazzjoni tas-sistema ta' negozjar għal sit ta' riżerva u għall-operazzjoni tas-sistema ta' negozjar minn dak is-sit.

(e)

riżerva tad-dejta kummerċjali kritika inkluż informazzjoni aġġornata dwar il-kuntatti neċessarji biex tiġi żgurata l-komunikazzjoni fiċ-ċentru ta' negozjar, bejn iċ-ċentru ta' negozjar u l-membru tiegħu u bejn iċ-ċentru ta' negozjar u l-infrastrutturi tal-ikklerjar u s-saldu;

(f)

it-taħriġ tal-persunal dwar l-operazzjoni tal-arranġamenti ta' kontinwità tal-kummerċ;

(g)

l-assenjazzjoni tal-kompiti u l-istabbiliment ta' tim speċifiku għall-operazzjonijiet tas-sigurtà lest biex iwieġeb immedjatament wara inċident ta' tfixkil;

(h)

programm kontinwu għall-ittestjar, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tal-arranġamenti inkluż proċeduri għall-modifika tal-arranġamenti fid-dawl tar-riżultati ta' dak il-programm.

3.   Is-sinkronizzazzjoni tal-arloġġ wara inċident ta' tfixkil tiġi inkluża fil-pjan ta' kontinwità tal-kummerċ.

4.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni tal-impatt li tidentifika r-riskji u l-konsegwenzi tat-tfixkil titwettaq u tiġi riveduta perjodikament. Għal dan il-għan, kwalunkwe deċiżjoni miċ-ċentru ta' negozjar li ma jqisx riskju identifikat ta' nuqqas ta' disponibbiltà tas-sistema ta' negozjar fil-pjan ta' kontinwità tal-kummerċ għandha tiġi ddokumentata b'mod adegwat u approvata b'mod espliċitu mill-korp maniġerjali taċ-ċentru ta' negozjar.

5.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li l-maniġment superjuri tagħhom:

(a)

jistabbilixxi objettivi u strateġiji ċari f'termini ta' kontinwità tal-kummerċ;

(b)

jalloka riżorsi umani, teknoloġiċi u finanzjarji adegwati biex jiġu segwiti l-objettivi u l-istrateġiji taħt il-punt (a);

(c)

japprova l-pjan ta' kontinwità tal-kummerċ u kwalunkwe emenda għalih meħtieġa bħala konsegwenza ta' tibdil organizzazzjonali, teknoloġiku u legali;

(d)

ikun informat, tal-anqas fuq bażi annwali, dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt jew kwalunkwe reviżjoni tagħha u dwar kwalunkwe sejba li tikkonċerna l-adegwatezza tal-pjan ta' kontinwità tal-kummerċ;

(e)

jistabbilixxi funzjoni għall-kontinwità tal-kummerċ fl-organizzazzjoni.

6.   Il-pjan ta' kontinwità tal-kummerċ għandu jistabbilixxi l-proċeduri li jindirizzaw kwalunkwe tfixkil tal-funzjonijiet operazzjonali kritiċi esternalizzati, inkluż fejn dawk il-funzjonijiet operazzjonali kritiċi ma jibqgħux disponibbli.

Artikolu 17

Eżami perjodiku tal-arranġamenti ta' kontinwità tal-kummerċ

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom, fil-kuntest tal-awtovalutazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 2, jittestjaw fuq il-bażi ta' xenarji realistiċi l-operazzjoni tal-pjan ta' kontinwità tal-kummerċ u jivverifikaw il-kapaċità taċ-ċentru ta' negozjar li jirkupra minn inċidenti ta' tfixkil u jkompli bin-negozjar kif stabbilit fl-Artikolu 15(2).

2.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom, fejn meqjus neċessarju, billi jikkunsidraw ir-riżultati tal-eżami perjodiku skont il-paragrafu 1, jiżguraw li l-eżami tal-pjan u l-arranġamenti ta' kontinwità tal-kummerċ tagħhom titwettaq minn assessur indipendenti jew minn dipartiment fiċ-ċentru ta' negozjar għajr dak li għandu r-responsabbiltà għall-funzjoni li tkun qed tiġi eżaminata. Ir-riżultati tal-attività tal-ittestjar jiġu ddokumentati bil-miktub, maħżuna u ppreżentati lill-maniġment superjuri taċ-ċentru ta' negozjar kif ukoll lill-unitajiet operattivi involuti fil-pjan ta' kontinwità tal-kummerċ.

3.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li l-ittestjar tal-pjan ta' kontinwità tal-kummerċ ma jinterferixxix mal-attività normali tan-negozjar.

Artikolu 18

Prevenzjoni ta' kundizzjonijiet diżordinati ta' negozjar

(Artikolu 48(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandu jkollhom tal-anqas dawn l-arranġamenti li ġejjin fis-seħħ biex jipprevjenu n-negozjar diżordinat u l-ksur tal-limiti tal-kapaċità:

(a)

limiti għal kull membru fuq l-għadd ta' ordnijiet mibgħuta kull sekonda;

(b)

mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-volatilità;

(c)

kontrolli ta' qabel in-negozjar.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, iċ-ċentri ta' negozjar għandhom ikunu kapaċi:

(a)

jitolbu informazzjoni mingħand kwalunkwe membru jew utent tal-aċċess sponsorizzat dwar ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-kontrolli tan-negozjar;

(b)

jissospendu l-aċċess ta' membru jew negozjant għas-sistema ta' negozjar fuq l-inizjattiva taċ-ċentru ta' negozjar jew fuq talba ta' dak il-membru, membru tal-ikklerjar, is-CCP, fejn previst fir-regoli regolatorji tas-CCP, jew l-awtorità kompetenti;

(c)

joperaw funzjonalità ta' kanċellazzjoni li tikkanċella ordnijiet mhux eżegwiti ppreżentati minn membru, jew minn klijent tal-aċċess sponsorizzat taħt dawn iċ-ċirkostanzi segwenti:

(i)

meta ssir talba mill-membru, jew mill-klijent ta' aċċess sponsorizzat meta l-membru, jew il-klijent ma jkunx teknikament jista' jħassar l-ordnijiet tiegħu stess;

(ii)

meta l-ktieb tal-ordnijiet ikun fih ordnijiet duplikati ħżiena;

(iii)

wara sospensjoni mibdija mill-operatur tas-suq jew mill-awtorità kompetenti;

(d)

jikkanċellaw jew jirrevokaw tranżazzjonijiet fil-każ ta' ħsara fil-mekkaniżmi taċ-ċentru ta' negozjar għall-ġestjoni tal-volatilità jew fil-funzjonijiet operazzjonali tas-sistema ta' negozjar;

(e)

jibbilanċjaw l-entratura tal-ordnijiet mill-kanali differenti tagħhom, meta ċ-ċentru ta' negozjar juża aktar minn kanal wieħed sabiex jevita kollassi.

3.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jistabbilixxu politiki u arranġamenti fir-rigward ta':

(a)

mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-volatilità skont l-Artikolu 19;

(b)

kontrolli ta' qabel in-negozjar u ta' wara n-negozjar użati miċ-ċentru u kontrolli ta' qabel in-negozjar u ta' wara n-negozjar meħtieġa għall-membri tagħhom biex jaċċessaw is-suq;

(c)

obbligu tal-membri li joperaw il-funzjonalità ta' kanċellazzjoni tagħhom stess;

(d)

rekwiżiti ta' informazzjoni għall-membri;

(e)

sospensjoni tal-aċċess;

(f)

politika dwar il-kanċellazzjoni fir-rigward tal-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet inkluż:

(i)

iż-żmien;

(ii)

il-proċeduri;

(iii)

l-obbligi tar-rapportar u tat-trasparenza;

(iv)

il-proċeduri għar-riżoluzzjoni ta' tilwimiet;

(v)

il-miżuri biex jiġu mminimizzati n-negozji żbaljati;

(g)

arranġamenti għat-trażżin tal-ordnijiet inkluż:

(i)

l-għadd ta' ordnijiet kull sekonda f'intervalli ta' ħin definiti minn qabel;

(ii)

politika ta' trattament indaqs bejn il-membri sakemm il-mekkaniżmu ta' regolazzjoni ma jkunx indirizzat lejn membri individwali;

(iii)

miżuri li għandhom jiġu adottati wara avveniment ta' trażżin.

4.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jippubblikaw il-politiki u l-arranġamenti tagħhom stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3. Dak l-obbligu ma għandux japplika fir-rigward tal-għadd speċifiku ta' ordnijiet kull sekonda f'intervalli ta' ħin definiti minn qabel u l-parametri speċifiċi tal-mekkaniżmi tagħhom għall-ġestjoni tal-volatilità.

5.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom iżommu rekords sħaħ tal-politiki u l-arranġamenti tagħhom skont il-paragrafu 3 għal perjodu minimu ta' ħames snin.

Artikolu 19

Mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-volatilità

(Artikolu 48(5) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li mekkaniżmi xierqa biex b'mod awtomatiku jwaqqfu jew jirrestrinġu n-negozjar huma operazzjonali l-ħin kollu matul is-sigħat tan-negozjar.

2.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li:

(a)

l-mekkaniżmi li jwaqqfu jew jirrestrinġu n-negozjar jiġu ttestjati qabel l-implimentazzjoni u perjodikament wara meta l-kapaċità u l-prestazzjoni tas-sistemi ta' negozjar jiġu riveduti;

(b)

jiġu allokati riżorsi tal-IT u umani biex jittrattaw it-tfassil, iż-żamma u l-monitoraġġ tal-mekkaniżmi implimentati biex iwaqqfu jew jirrestrinġu n-negozjar;

(c)

il-mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-volatilità tas-suq isir monitoraġġ tagħhom kontinwament.

3.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom iżommu rekords tar-regoli u l-parametri tal-mekkaniżmi biex tiġi ġestita l-volatilità u kwalunkwe tibdil fiha, kif ukoll rekords tal-operazzjoni, il-ġestjoni u l-aġġiornament ta' dawk il-mekkaniżmi.

4.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li r-regoli tagħhom tal-mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-volatilità jinkludu proċeduri għall-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet fejn il-parametri jridu jitħaddmu manwalment biex jiġi żgurat negozjar ordnat.

Artikolu 20

Kontrolli ta' qabel in-negozjar u ta' wara n-negozjar

(Artikolu 48(4) u (6) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom iwettqu dawn il-kontrolli ta' qabel in-negozjar segwenti adattati għal kull strument finanzjarju negozjat fuqhom:

(a)

collars tal-prezzijiet, li b'mod awtomatiku jimblokkaw l-ordnijiet li ma jissodisfawx il-parametri tal-prezzijiet stabbiliti minn qabel fuq il-bażi ta' kull ordni għaliha;

(b)

il-valur massimu tal-ordni, li b'mod awtomatiku jipprevjeni ordnijiet b'valur tal-ordni għoli b'mod mhux tas-soltu milli jidħlu fil-ktieb tal-ordnijiet b'referenza għall-valuri nozzjonali għal kull strument finanzjarju;

(c)

il-volum massimu tal-ordni, li b'mod awtomatiku jipprevjeni ordnijiet ta' daqs tal-ordni kbir b'mod mhux tas-soltu milli jidħlu fil-ktieb tal-ordnijiet.

2.   Il-kontrolli ta' qabel in-negozjar stabbiliti fil-paragrafu 1 jitfasslu biex jiżguraw li:

(a)

l-applikazzjoni awtomatizzata tagħhom ikollha l-kapaċità taġġusta limitu mill-ġdid matul is-sessjoni tan-negozjar u fil-fażijiet kollha tagħha;

(b)

il-monitoraġġ tagħhom ikollu dewmien ta' mhux aktar minn ħames sekondi;

(c)

ordni tiġi rrifjutata meta jinkiser il-limitu;

(d)

proċeduri u arranġamenti jkunu fis-seħħ biex jawtorizzaw l-ordnijiet li huma 'l fuq mil-limiti fuq talba mingħand il-membru kkonċernat. Dawn il-proċeduri u arranġamenti japplikaw fir-rigward ta' ordni speċifika jew sett ta' ordnijiet fuq bażi temporanja f'ċirkustanzi eċċezzjonali.

3.   Iċ-ċentri ta' negozjar jistgħu jistabbilixxu l-kontrolli ta' wara n-negozjar li huma jqisu xierqa fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju tal-attività tal-membri tagħhom.

Artikolu 21

Predeterminazzjoni tal-kundizzjonijiet biex jiġi pprovdut l-aċċess elettroniku dirett

(Artikolu 48(7) tad-Direttiva 2014/65/UE)

Iċ-ċentri ta' negozjar li jippermettu d-DEA permezz tas-sistemi tagħhom għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw ir-regoli u l-kundizzjonijiet li skonthom il-membri tagħhom jistgħu jipprovdu d-DEA lill-klijenti tagħhom stess. Dawk ir-regoli u l-kundizzjonijiet għandhom tal-anqas ikopru r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/589 (3).

Artikolu 22

Rekwiżiti speċifiċi għaċ-ċentri ta' negozjar li jippermettu l-aċċess sponsorizzat

(Artikolu 48(7) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jagħmlu l-provvista ta' aċċess sponsorizzat soġġetta għall-awtorizzazzjoni tagħhom u għandhom jirrikjedu li d-ditti li jkollhom l-aċċess sponsorizzat ikunu soġġetti għal tal-anqas l-istess kontrolli bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 18(3)(b).

2.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' aċċess sponsorizzat ikunu l-ħin kollu esklussivament intitolati li jistabbilixxu jew jimmodifikaw il-parametri li japplikaw għall-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-fluss tal-ordnijiet tal-klijenti tagħhom b'aċċess sponsorizzat.

3.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom ikunu kapaċi jissospendu jew jirtiraw il-provvista ta' aċċess sponsorizzat għall-klijenti li jkunu kisru d-Direttiva 2014/65/UE, ir-Regolamenti (UE) Nru 600/2014 (4) u (UE) Nru 596/2014 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew ir-regoli interni taċ-ċentru ta' negozjar.

Artikolu 23

Sigurtà u limiti għall-aċċess

(Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri u arranġamenti għal sigurtà fiżika u elettronika mfassla biex tipproteġi s-sistemi tagħhom minn użu ħażin jew aċċess mhux awtorizzat u biex tiżgura l-integrità tad-dejta li hija parti mis-sistemi tagħhom, jew li tgħaddi mis-sistemi tagħhom, inklużi arranġamenti li jippermettu l-prevenzjoni jew il-minimizzazzjoni tar-riskji ta' attakki kontra s-sistemi ta' informazzjoni kif definiti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

2.   B'mod partikolari, iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jistabbilixxu u jżommu miżuri u arranġamenti għas-sigurtà fiżika u elettronika biex jidentifikaw malajr u jipprevjenu jew jimminimizzaw ir-riskji relatati ma':

(a)

aċċess mhux awtorizzat għas-sistema ta' negozjar tagħhom jew għal parti minnha, inkluż l-aċċess mhux awtorizzat għall-ispazju tax-xogħol u ċ-ċentri tad-dejta;

(b)

interferenzi tas-sistema li jfixklu serjament jew jinterrompu l-funzjonament ta' sistema ta' informazzjoni bi dħul ta' dejta, bi trażmissjoni, ħsara, tħassir, deterjorazzjoni, tibdil, trażżin ta' din id-dejta, jew bl-inaċċessibilità ta' din id-dejta;

(c)

interferenzi tad-dejta li jħassru, jagħmlu ħsara, jiddeterjoraw, jibdlu jew irażżnu d-dejta fuq is-sistema ta' informazzjoni, jew jagħmlu din id-dejta inaċċessibbli;

(d)

interċettazzjonijiet, b'mezzi tekniċi, ta' trażmissjonijiet ta' dejta mhux pubbliċi lejn, minn jew f'sistema ta' informazzjoni, inkluż l-emissjonijiet elettromanjetiċi minn sistema ta' informazzjoni li ġġorr din id-dejta.

3.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom minnufih jinformaw lill-awtorità kompetenti dwar inċidenti ta' użu ħażin jew aċċess mhux awtorizzat billi minnufih jipprovdu rapport tal-inċident li jindika n-natura tal-inċident, il-miżuri adottati b'reazzjoni għall-inċident u l-inizjattivi meħuda biex jiġu evitati inċidenti simili milli jiġru fil-futur.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data li tidher l-ewwel fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/589 tad-19 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti organizzazzjonali ta' ditti ta' investiment involuti f'negozjar algoritmiku (ara l-paġna 417 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).


ANNESS

Parametri li għandhom jitqiesu fl-awtovalutazzjonijiet taċ-ċentri ta' negozjar, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)

(a)

In-natura taċ-ċentru tan-negozjar, f'termini ta':

(i)

tipi u status regolatorju tal-istrumenti nnegozjati f'dak iċ-ċentru bħal jekk iċ-ċentru tan-negozjar jinnegozjax strumenti likwidi soġġetti għal negozjar obbligatorju;

(ii)

ir-rwol taċ-ċentru ta' negozjar fis-sistema finanzjarja, bħal jekk l-istrumenti finanzjarji nnegozjati fih jistgħux jiġu nnegozjati x'imkien ieħor.

(b)

L-iskala, f'termini ta' impatt potenzjali taċ-ċentru ta' negozjar fuq il-funzjonament ġust u ordnat tas-swieq abbażi ta' mill-inqas dawn l-elementi:

(i)

l-għadd ta' algoritmi li joperaw fiċ-ċentru;

(ii)

il-kapaċitajiet ta' volum ta' messaġġi taċ-ċentru;

(iii)

il-volum tan-negozjar eżegwit fiċ-ċentru;

(iv)

il-persentaġġ ta' negozjar algoritmiku fuq l-attività totali tan-negozjar u l-fatturat totali nnegozjat fiċ-ċentru;

(v)

il-persentaġġ ta' atitività ta' kummerċ ta' frekwenza għolja (high frequency trading, HFT) fuq l-attività totali tan-negozjar u l-ammont totali nnegozjat fiċ-ċentru;

(vi)

l-għadd tal-membri u l-parteċipanti tiegħu;

(vii)

l-għadd ta' membri tiegħu li jipprovdu DEA, inkluż, fejn applikabbli, l-għadd speċifiku ta' membri tiegħu li jipprevedu aċċess sponsorjat u l-kondizzjonijiet li taħthom huwa offrut jew jista' jiġi ddelegat id-DEA;

(viii)

il-proporzjon ta' ordnijiet mhux eżegwiti għal tranżazzjonijiet kif osservat u ddeterminat skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/566 (1);

(ix)

l-għadd u l-persentaġġ ta' membri remoti;

(x)

l-għadd ta' siti ta' kolokazzjoni jew ta' “proximity hosting” provduti;

(xi)

l-għadd ta' pajjiżi u reġjuni li fihom iċ-ċentru tan-negozjar qed iwettaq attività kummerċjali.

(xii)

Il-kundizzjonijiet operattivi biex il-mekkaniżmi jġestixxu l-volatilità u jekk jintużawx limiti tan-negozjar dinamiċi jew statiċi biex jikkawżaw waqfien min-negozjar jew rifjut ta' ordnijiet).

(c)

Il-kumplessità, f'termini ta':

(i)

il-klassijiet ta' strumenti finanzjarji nnegozjati fiċ-ċentru tan-negozjar;

(ii)

il-mudelli tan-negozjar disponibbli fiċ-ċentru tan-negozjar inklużi l-mudelli tan-negozjar differenti li joperaw fl-istess ħin bħall-irkant, l-irkant kontinwu u s-sistemi ibridi;

(iii)

l-użu ta' eżenzjonijiet ta' trasparenza qabel in-negozjar flimkien mal-mudelli ta' negozjar operati;

(iv)

id-diversità tas-sistemi tan-negozjar impjegati miċ-ċentru u l-limitu tal-kontroll miċ-ċentru tan-negozjar fuq l-istabbiliment, l-aġġustament, l-ittestjar, u r-reviżjoni tas-sistemi tan-negozjar tiegħu;

(v)

l-istruttura taċ-ċentru tan-negozjar f'termini ta' sjieda u governanza u l-istabbiliment organizzattiv, operattiv, tekniku, fiżiku u ġeografiku;

(vi)

id-diversi postijiet tal-konnettività u t-teknoloġija taċ-ċentru tan-negozjar;

(vii)

id-diversità tal-infrastruttura tan-negozjar fiżika taċ-ċentru tan-negozjar;

(viii)

il-livell ta' esternalizzazzjoni taċ-ċentru tan-negozjar u b'mod partikolari meta jiġu esternalizzati funzjonijiet operattivi;

(ix)

il-frekwenza ta' tibdil fil-mudelli tan-negozjar, fis-sistemi tal-IT u fis-sħubija taċ-ċentri tan-negozjar.


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/566 tat-18 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-proporzjon ta' ordnijiet mhux eżegwiti għal tranżazzjonijiet sabiex jiġu evitati kundizzjonijiet diżordinati ta' negozjar (ara l-paġna 84 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).