31.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/189


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/579

tat-13 ta' Ġunju 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni u biex ma jiġux evitati r-regoli u l-obbligi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 28(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-varjetà wiesgħa ta' kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (OTC), u sabiex jiġi ddeterminat meta kuntratt tad-derivattivi OTC jista' jitqies li għandu effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u biex jispeċifika l-każijiet fejn huwa meħtieġ jew xieraq li jkun impedit li jiġu evitati r-regoli u l-obbligi li jirriżultaw minn kwalunkwe dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għandu jiġi adottat approċċ ibbażat fuq il-kriterji.

(2)

L-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jgħid li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 28 u 29 ta' dan ir-Regolament jitqiesu li jkunu ġew issodisfati meta mill-inqas waħda mill-kontropartijiet tkun stabbilita f'pajjiż li għalih il-Kummissjoni tkun adottat att ta' implimentazzjoni li jiddikjara ekwivalenza skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Dawn l-istandards tekniċi regolatorji għandhom għalhekk japplikaw ukoll għal kuntratti fejn iż-żewġ kontropartijiet ikunu stabbiliti f'pajjiż terz li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tiegħu jkunu għadhom ma ġewx iddikjarati bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(3)

Ċerta informazzjoni dwar il-kuntratti konklużi minn entitajiet minn pajjiżi terzi xorta waħda tkun disponibbli biss għall-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib ma' dawn l-awtoritajiet tal-pajjiż terz sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet relevanti jkunu applikati u infurzati.

(4)

Minħabba r-relazzjoni intrinsika bejn dan ir-Regolament u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 285/2014 (3), it-termini tekniċi neċessarji għal fehim komprensiv tal-istandards tekniċi għandu jkollhom l-istess tifsira.

(5)

Il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet stabbiliti f'pajjiżi terzi koperti minn garanzija mogħtija minn entitajiet stabbiliti fl-Unjoni joħolqu riskju finanzjarju għall-garanti stabbilit fl-Unjoni. Minħabba li r-riskju jkun jiddependi fuq il-kobor tal-garanzija mogħtija mill-kontropartijiet finanzjarji sabiex tkopri l-kuntratti tad-derivattivi OTC, u minħabba l-interkonnessjonijiet bejn il-kontropartijiet finanzjarji meta mqabblin ma' dawk tal-kontropartijiet mhux finanzjarji, huma biss il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet stabbiliti f'pajjiżi terzi li huma koperti minn garanzija li taqbeż ċerti limiti kwantitattivi u li tkun ipprovduta minn kontropartijiet finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni li għandhom jitqiesu li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni.

(6)

Il-kontropartijiet finanzjarji stabbiliti f'pajjiżi terzi jistgħu jagħmlu kuntratti tad-derivattivi OTC permezz ta' fergħat tagħhom fl-Unjoni. Minħabba l-impatt tal-attività ta' dawn il-fergħat fuq is-suq tal-Unjoni, il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi bejn dawn il-fergħat tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni.

(7)

Il-kuntratti tad-derivattivi OTC li jsiru minn kontropartijiet speċifiċi bl-għan ewlieni li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-obbligu tan-negozjar applikabbli għal entitajiet li li kieku kienu jkunu l-kontropartijiet naturali tal-kuntratt, għandhom jitqiesu li jevadu r-regoli jew l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 minħabba li jfixklu milli jintlaħaq wieħed mill-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

(8)

Il-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma parti minn xi arranġament li l-karatteristiċi tiegħu mhumiex sostnuti minn motivazzjoni kummerċjali jew ma għandhomx karattru kummerċjali u li għandhom l-għan primarju li jevitaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, inklużi r-regoli dwar il-kundizzjonijiet ta' eżenzjoni, jitqiesu li qed jevadu r-regoli u l-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament.

(9)

Sitwazzjonijiet fejn il-komponenti individwali tal-ftehim jkunu inkonsistenti mas-sustanza legali tal-ftehim sħiħ, fejn il-ftehim isir b'tali mod li mhux il-mod kif normalment wieħed jistenna li jsir negozju raġonevoli, meta l-ftehim jew is-sensiela ta' ftehimiet ikunu jinkludu elementi li għandhom l-effett li jpaċu jew li jannullaw is-sustanza ekonomika reċiproka tagħhom, meta t-tranżazzjonijiet ikunu ta' natura ċirkolari, għandhom jitqiesu bħala indikaturi ta' ftehim artifiċjali jew sensiela ta' ftehimiet artifiċjali.

(10)

Minħabba li entitajiet ta' pajjiżi terzi milquta minn dawn l-istandards tekniċi regolatorji jeħtieġu ż-żmien sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 meta l-kuntratti tad-derivattivi OTC tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawn l-istandards tekniċi regolatorji biex jitqiesu li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni, huwa xieraq li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni li fiha dawk il-kundizzjonijiet tiġi ttardjata b'sitt xhur.

(11)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplikaw mill-istess data.

(12)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(13)

L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, tapplika d-definizzjoni li ġejja:

 

“garanzija” tfisser obbligu ġuridiku dokumentat b'mod espliċitu minn garanti li jagħmel tajjeb għal pagamenti tal-ammonti dovuti jew li jistgħu jsiru dovuti skont il-kuntratti tad-derivattivi OTC koperti minn din il-garanzija u li daħlet għalihom l-entità ggarantita favur il-benefiċjarju, meta jkun hemm każ ta' inadempjenza kif definit fil-garanzija jew fejn ma jkun sar l-ebda pagament mill-entità ggarantita.

Artikolu 2

Kuntratti b'effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni

1.   Kuntratt tad-derivattivi OTC jitqies li għandu effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni meta mill-inqas entità ta' pajjiż terz tibbenefika minn garanzija pprovduta minn kontroparti finanzjarja stabbilita fl-Unjoni li tkopri l-obbligazzjonijiet kollha, jew parti minnhom, li jirriżulataw minn kuntratt tad-derivattivi OTC, sal-punt li l-garanzija tkun tissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tkun tkopri l-obbligazzjonijiet kollha ta' entità minn pajjiż terz li jirriżultaw minn kuntratt jew bosta kuntratti tad-derivattivi OTC, għall-ammont nozzjonali aggregat ta' mill-inqas EUR 8 biljun jew l-ammont ekwivalenti fil-munita barranija rilevanti, jew tkun tkopri biss parti mill-obbligazzjonijiet ta' entità minn pajjiż terz li jirriżultaw minn kuntratt jew bosta kuntratti tad-derivattivi OTC għall-ammont nozzjonali aggregat ta' mill-inqas EUR 8 biljun jew l-ammont ekwivalenti fil-munita barranija rilevanti, diviż bil-perċentwal tal-obbligazzjonijiet koperti;

(b)

tkun mill-inqas daqs 5 fil-mija tas-somma tal-iskoperturi attwali, kif definit fl-Artikolu 272(17) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fil-kuntratti tad-derivattivi OTC tal-kontroparti finanzjarja li toħroġ il-garanzija u li tkun stabbilita fl-Unjoni.

2.   Meta tinħareġ garanzija għall-ammont massimu li hu taħt il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1(a), il-kuntratti koperti minn din il-garanzija ma jitqisux li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni sakemm l-ammont tal-garanzija ma jiżdiedx, f'liema każ l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni jerġa' jiġi vvalutat mill-garanti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 fil-jum meta ssir iż-żieda.

3.   Meta obbligazzjoni li tirriżulta minn kuntratt jew bosta kuntratti tad-derivattivi OTC tkun taħt il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1(a), dawn il-kuntratti ma jitqisux li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni anke meta l-ammont massimu tal-garanzija li tkopri din l-obbligazzjoni jkun daqs jew jaqbeż il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1(a) u anki meta l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(b) tkun intlaħqet.

4.   Jekk ikun hemm żieda fl-obbligazzjoni li tirriżulta minn kuntratti ta' derivattivi OTC jew minn tnaqqis fl-iskopertura attwali, il-garanti jivvaluta mill-ġdid jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 intlaħqux. Din il-valutazzjoni ssir rispettivment fil-jum li fih tiżdied l-obbligazzjoni għall-kundizzjoni stipulata fil-paragrafu 1(a) u ta' kull xahar għall-kundizzjoni stipulata fil-paragrafu 1(b).

5.   Il-kuntratti tad-derivattivi OTC b'ammont nozzjonali aggregat ta' mill-inqas EUR 8 biljun jew bl-ammont ekwivalenti fil-munita barranija rilevanti konklużi qabel ma tinħareġ garanzija jew qabel ma tiżdied, u li sussegwentement ikunu koperti minn garanzija li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, jitqiesu li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni.

6.   Kuntratt tad-derivattivi OTC jitqies li għandu effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni meta ż-żewġ entitajiet stabbiliti f'pajjiż terz jidħlu f'kuntratt tad-derivattivi OTC permezz tal-fergħat tagħhom fl-Unjoni u jkunu jikkwalifikaw bħala kontropartijiet finanzjarji li kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 3

Każijiet fejn huwa meħtieġ jew xieraq li jiġi impedit l-evitar tar-regoli jew tal-obbligi previsti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014

1.   Kuntratt tad-derivattivi OTC jitqies li ġie mfassal b'tali mod biex tiġi evitata l-applikazzjoni ta' xi dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jekk il-mod li bih sar dan il-kuntratt jitqies, meta wieħed jarah b'mod sħiħ u wara li jittieħdu inkonsiderazjoni ċ-ċirkostanzi kollha, li l-iskop ewlieni tiegħu huwa li tiġi evitata l-applikazzjoni ta' xi dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kuntratt jitqies li ġie mfassal b'tali mod biex tiġi evitata l-applikazzjoni ta' xi dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jekk l-għan ewlieni ta' arranġament, jew serje ta' arranġamenti marbutin mal-kuntratt tad-derivattivi OTC huwa li jxejjen l-oġġett, l-ispirtu u l-iskop ta' kwalunkwe dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 li li kieku tkun tapplika anki meta l-kuntratt ikun parti minn arranġament artifiċjali jew sensiela artifiċjali ta' arranġamenti.

3.   Arranġament li intrinsikament ma għandux motivazzjoni u karattru kummerċjali jew ġustifikazzjoni ekonomika rilevanti, u jikkonsisti f'kuntratt, tranżazzjoni, skema, azzjoni, operazzjoni, ftehim, għotja, qbil, wegħda, impenn jew event jitqies bħala arranġament artifiċjali. L-arranġament jista' jinkludi aktar minn stadju jew parti waħda.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 285/2014 tat-13 ta' Frar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni, u biex ma jkunx hemm l-evażjoni ta' regoli jew ta' obbligi (ĠU L 85, 21.3.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).