31.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 87/166 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/576
tat-8 ta' Ġunju 2016
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-pubblikazzjoni annwali mid-ditti tal-investiment ta' informazzjoni dwar l-identità taċ-ċentri tal-eżekuzzjoni u dwar il-kwalità tal-eżekuzzjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(10) tagħha,
Billi:
(1) |
Huwa essenzjali li l-pubbliku u l-investituri jkunu jistgħu jevalwaw il-kwalità tal-prassi tal-eżekuzzjoni ta' ditta tal-investiment u li jkunu jistgħu jidentifikaw l-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni f'termini ta' volumi ta' kummerċ fejn id-ditti tal-investiment ikunu eżegwew l-ordnijiet tal-klijenti matul is-sena preċedenti. Sabiex isiru paraguni siewja u biex issir analiżi tal-għażla tal-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni, huwa meħtieġ li l-informazzjoni tiġi ppubblikata mid-ditti tal-investiment b'mod speċifiku għal kull klassi ta' strument finanzjarju. Sabiex ikun jista' jiġi evalwat bir-reqqa l-ordni tal-fluss tal-ordnijiet tal-klijenti liċ-ċentri tal-eżekuzzjoni, l-investituri u l-pubbliku għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw b'mod ċar jekk id-ditta tal-investiment innifisha kinitx fost l-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni għal kull klassi ta' strument finanzjarju. |
(2) |
Sabiex tkun tista' tiġi vvalutata bis-sħiħ l-kwalità tal-eżekuzzjoni li tkun qiegħda tinkiseb fiċ-ċentri tal-eżekuzzjoni użati minn ditti tal-investiment li jeżegwixxu l-ordnijiet tal-klijenti, inklużi ċentri tal-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi, huwa xieraq li d-ditti tal-investiment jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament f'dak li għandu x'jaqsam ma' ċentri tal-eżekuzzjoni, il-ġeneraturi tas-suq jew fornituri oħrajn ta' likwidità jew kull entità li twettaq funzjoni simili f'pajjiż terz simili għall-funzjonijiet imwettqa minn xi wieħed minn dawn li ssemmew. |
(3) |
Sabiex tiġi pprovduta informazzjoni preċiża u paragunabbli, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti klassijiet ta' strumenti finanzjarji abbażi tal-karatteristiċi tagħhom rilevanti għal finijiet ta' pubblikazzjoni. Klassi ta' strumenti finanzjarji għandha tkun iffokata biżżejjed biex tiżvela differenzi fl-imġiba tal-eżekuzzjoni tal-ordni bejn il-klassijiet, iżda fl-istess ħin trid tkun wiesgħa biżżejjed biex tiżgura li l-obbligu ta' rappurtar fuq id-ditti tal-investiment ikun proporzjonat. Meta titqies il-firxa tal-klassi tal-ekwità tal-istrumenti finanzjarji, huwa xieraq li din il-klassi tinqasam f'subklassijiet abbażi tal-likwidità. Peress li l-likwidità hija fattur essenzjali li jirregola l-imġiba tal-eżekuzzjoni u minħabba li ċ-ċentri tal-eżekuzzjoni spiss ikunu f'kompetizzjoni biex jattiraw il-flussi tal-aktar stokkijiet ikkumerċjalizzat, ikun xieraq li l-istrumenti azzjonarji jiġu kklassifikati skont il-likwidità tagħhom kif determinata skont d-daqs minimu ta' funzjonament kif stabbilit fid-Direttiva 2014/65/UE. |
(4) |
Meta jippubblikaw l-identità tal-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni li fihom jeżegwixxu l-ordnijiet tal-klijenti, ikun xieraq għad-ditti tal-investiment li jippubblikaw informazzjoni dwar il-volum u l-għadd ta' ordnijiet eżegwiti f'kull ċentru ta' eżekuzzjoni, sabiex l-investituri jkunu jistgħu jiffurmaw opinjoni dwar il-fluss ta' ordnijiet tal-klijenti mid-ditta għaċ-ċentri tal-eżekuzzjoni. Meta, fil-każ ta' klassi waħda jew aktar ta' strumenti finanzjarji, ditta tal-investiment tesegwixxi biss għadd żgħir ħafna ta' ordnijiet, l-informazzjoni dwar l-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni ma tkunx tassew sinifikanti u lanqas rappreżentattiva tal-arranġamenti għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet. Huwa għalhekk xieraq li d-ditti ta' investiment jintalbu jindikaw b'mod ċar il-klassijiet tal-istrumenti finanzjarji li għalihom jeżegwixxu għadd żgħir ħafna ta' ordnijiet. |
(5) |
Biex ma jkunx hemm żvelar ta' informazzjoni potenzjalment sensittiva fis-suq dwar il-volum tan-negozju li jkun qiegħed isir minn ditta tal-investiment, il-volum tal-eżekuzzjoni u l-għadd ta' ordnijiet eżegwiti għandhom jiġu mfissra bħala persentaġġ tal-volumi totali ta' eżekuzzjoni tad-ditta u l-għadd totali tal-ordnijiet eżegwiti f'dik il-klassi ta' strumenti finanzjarji, rispettivament, minflok bħala valuri assoluti. |
(6) |
Huwa xieraq li d-ditti tal-investiment jintalbu jippubblikaw informazzjoni li tkun relevanti għall-imġiba tagħhom fl-eżekuzzjoni tal-ordnijiet. Sabiex jiġi żgurat li d-ditti tal-investiment ma jinżammux responsabbli għal deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet li ma jkunux responsabbli għalihom, ikun xieraq li d-ditti ta' investiment jiżvelaw l-perċentwali tal-ordnijiet eżegwiti f'kull waħda mill-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni fejn l-għażla taċ-ċentru tal-eżekuzzjoni tkun ġiet speċifikata mill-klijenti. |
(7) |
Hemm diversi fatturi li jistgħu potenzjalment jinfluwenzaw l-imġiba tal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tad-ditti tal-investiment bħal rabtiet mill-qrib bejn ditti tal-investiment u ċentri tal-eżekuzzjoni. Minħabba l-materjalità potenzjali ta' dawn il-fatturi ikun xieraq li tintalab analiżi ta' tali il-fatturi fl-evalwazzjoni tal-kwalità tal-eżekuzzjoni miksuba fiċ-ċentri kollha tal-eżekuzzjoni. |
(8) |
It-tipi differenti ta' ordni jistgħu jkunu fattur importanti li jispjegaw kif u għaliex id-ditti tal-investiment jeżegwixxu l-ordnijiet f'ċentru tal-eżekuzzjoni wieħed u mhux ieħor. Jista' wkoll ikollu impatt fuq il-mod kif ditta tal-investiment tistabbilixxi l-istrateġiji ta' eżekuzzjoni tagħha, inkluż l-ipprogrammar ta' routers intelliġenti tal-ordnijiet biex jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi ta' dawk l-ordnijiet. Ikun għalhekk xieraq li fir-rapport issir distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta' tipi ta' ordnijiet. |
(9) |
Sabiex janalizzaw l-informazzjoni b'mod xieraq, huwa importanti li l-utenti jkunu f'pożizzjoni li jiddistingwu bejn iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni użati għall-ordnijiet ta' klijenti professjonali u ċ-ċentri tal-eżekuzzjoni għal ordnijiet ta' klijenti konsumaturi, minħabba d-differenzi notevoli fil-mod kif id-ditti tal-investiment jiksbu l-aħjar riżultat possibbli għall-klijenti konsumaturi meta mqabbel ma' klijenti professjonali, jiġifieri li d-ditti ta' investiment jkunu jridu fuq kollox jevalwaw il-fatturi ta' prezz u kost meta jeżegwixxu ordnijiet minn klijenti konsumaturi. Għalhekk huwa xieraq li l-informazzjoni dwar l-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni tingħata separatament għal klijenti konsumaturi u għal klijenti professjonali rispettivament, b'mod li tkun tista' ssir valutazzjoni kwalitattiva tal-flussi tal-ordnijiet lejn dawn iċ-ċentri. |
(10) |
Sabiex ikunu konformi mal-obbligu legali tal-aqwa eżekuzzjoni, id-ditti tal-investiment, meta japplikaw il-kriterji għall-aħjar eżekuzzjoni għal klijenti professjonali, tipikament ma jużawx l-istess ċentri ta' eżekuzzjoni għal tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (securities financing transactions — SFTs) u tranżazzjonijiet oħra. Dan għar-raġuni li l-SFTs jintużaw bħala sors ta' finanzjament suġġett għall-impenn li min jissellef ikun se jirritorna titoli ekwivalenti f'data fil-futur u l-kundizzjonijiet tal-SFTs tipikament ikunu definiti b'mod bilaterali bejn il-kontropartijiet qabel l-eżekuzzjoni. Għalhekk, l-għazla taċ-ċentri tal-eżekuzzjoni għall-SFTs hija aktar limitata milli fil-każ ta' tranżazzjonijiet oħra, meta wieħed iqis li hija tiddependi fuq il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti minn qabel bejn il-kontropartijiet u fuq jekk ikunx hemm domanda speċifika fuq dawk iċ-ċentri ta' eżekuzzjoni fil-każ tal-istrumenti finanzjarji involuti. Huwa għalhekk xieraq li d-ditti ta' investiment jagħtu sommarju u jippubblikaw l-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni f'termini ta' volumi ta' kummerċ fejn ikunu eżegwew SFTs f'rapport separat sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni kwalitattiva tal-flussi tal-ordnijiet lejn dawn iċ-ċentri. Minħabba n-natura speċifika tal-SFTs, u minħabba li d-daqs kbir tagħhom x'aktarx li jħarbat il-ħabra l-aktar rappreżentattiva ta' tranżazzjonijiet tal-klijenti (jiġifieri dawk li ma jinvolvux SFTs), huwa meħtieġ li dawn jiġu esklużi mit-tabelli dwar l-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni fejn id-ditti tal-investiment jeżegwixxu ordnijiet ta' klijenti oħra. |
(11) |
Huwa xieraq li d-ditti tal-investiment jippubblikaw valutazzjoni tal-kwalità tal-eżekuzzjoni miksuba fiċ-ċentri kollha li jintużaw mill-kumpanija. Din l-informazzjoni se tipprovdi stampa ċara tal-istrateġiji u l-għodod ta' eżekuzzjoni użati biex tiġi vvalutata l-kwalità tal-eżekuzzjoni miksuba f'dawk iċ-ċentri. Din l-informazzjoni tippermetti wkoll lill-investituri jevalwaw l-effettività tal-monitoraġġ imwettaq minn ditti tal-investiment fir-rigward ta' dawk iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni. |
(12) |
Fil-valutazzjoni speċifika tal-kwalità tal-eżekuzzjoni miksuba f'kull ċentru tal-eżekuzzjoni fir-rigward tal-kost, huwa xieraq li ditta tal-investiment twettaq ukoll analiżi tal-arranġamenti li jkollhom ma' dawn iċ-ċentri f'relazzjoni mal-pagamenti magħmula jew irċevuti u l-iskontijiet, ribassi jew benefiċċji mhux fi flus riċevut. Tali valutazzjoni għandha wkoll tippermetti lill-pubbliku biex jikkunsidra kif dawn l-arranġamenti jkollhom impatt fuq il-kosti li jiffaċċjaw l-investituri u kif dawn jikkonformaw mal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2014/65/UE. |
(13) |
Huwa wkoll xieraq li jkun iddeterminat l-abitu ta' tali ubblikazzjoni u l-elementi essenzjali tagħha, inkluż l-użu li d-ditti tal-investiment jagħmlu mid-dejta dwar il-kwalita tal-eżekuzzjoni disponibbli miċ-ċentri tal-eżekuzzjoni skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/575 (2) |
(14) |
L-informazzjoni dwar l-identità taċ-ċentri tal-eżekuzzjoni u dwar il-kwalità tal-eżekuzzjoni għandha tiġi ppubblikata kull sena u għandha tirreferi għall-imġiba tal-eżekuzzjoni tal-ordni għal kull klassi ta' strument finanzjarju sabiex jirriflettu l-bidliet rilevanti matul is-sena kalendarja ta' qabel. |
(15) |
Id-ditti tal-investiment għandhom jitħallew jadottaw livell addizzjonali ta' rapportar li jkun ħafna aktar granulari, sakemm li f'każ bħal dan ir-rapport addizzjonali jikkomplementa u mhux jieħu post dak meħtieġ skont dan ir-Regolament. |
(16) |
Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data. |
(17) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni. |
(18) |
L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-kontenut u l-format tat-tagħrif li d-ditti ta' investiment għandhom jippubblikaw fuq bażi annwali fir-rigward tal-ordnijiet tal-klijenti eżegwiti f'ċentri tan-negozjar, l-internalizzaturi sistematiċi, il-ġeneraturi tas-suq jew fornituri ta' likwidità jew entitajiet li jwettqu funzjonijiet simili għal dawk imwettqa minn xi wieħed minn dawn li ssemmew f'pajjiż terz.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“ordni passiva” tfisser ordni li tiddaħħal fil-ktieb tal-ordnijiet li pprovdiet likwidità; |
(b) |
“ordni aggressiva” tfisser ordni li tiddaħħal fil-ktieb tal-ordnijiet li ħadet il-likwidità; |
(c) |
“ordni indirizzata” tfisser ordni fejn ċentru tal-eżekuzzjoni speċifiku ikun ġie speċifikat mill-klijent qabel l-eżekuzzjoni tal-ordni. |
Artikolu 3
Informazzjoni dwar l-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni u l-kwalita tal-eżekuzzjoni miksuba
1. Id-ditti tal-investiment għandhom jippubblikaw l-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni f'termini ta' volumi ta' eżekuzzjoni għall-ordnijiet tal-klijenti kollha eżegwiti li ssir referenza għalihom fl-Anness I. L-informazzjoni rigward il-klijenti konsumaturi għandha tiġi ppubblikata fil-format stabbilit fit-Tabella 1 tal-Anness II u l-informazzjoni rigward il-klijenti professjonali għandha tiġi ppubblikata fil-forma stabbilit fit-Tabella 2 tal-Anness II.
(a) |
il-klassi tal-istrumenti finanzjarji; |
(b) |
isem iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni u l-identifikatur; |
(c) |
il-volum tal-ordnijiet tal-klijenti eżekwiti f'dak iċ-ċentru tal-eżekuzzjoni espress bħala perċentwal tal-volum totali eżegwit; |
(d) |
l-għadd ta' ordnijiet tal-klijenti eżekwiti f'dak iċ-ċentru tal-eżekuzzjoni espress bħala perċentwal tal-volum totali eżegwit; |
(e) |
il-perċentwali tal-ordnijiet eżegwiti msemmija fil-punt (d) li kienu ordnijiet passivi u aggressivi; |
(f) |
il-perċentwali tal-ordnijiet imsemmija fil-punt (d) li kienu ordnijiet diretti; |
(g) |
il-konferma dwar jekk tkunx eżegwiet medja ta' inqas minn negozju wieħed għal kull jum ta' negozju fis-sena preċedenti f'dik il-klassi ta' strumenti finanzjarji. |
2. Id-ditti tal-investiment għandhom jippubblikaw l-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni f'termini ta' volumi ta' kummerċ għall-ordnijiet kollha eżekwiti ta' SFTs għall-klassi ta' strumenti finanzjarji li ssir referenza għalihom fl-Anness I fil-format stabbilit fit-Tabella 3 tal-Anness II. Il-pubblikazzjoni jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
il-volum tal-ordnijiet tal-klijenti eżekwiti f'dak iċ-ċentru tal-eżekuzzjoni espress bħala perċentwal tal-volum totali eżegwit; |
(b) |
l-għadd ta' ordnijiet tal-klijenti eżekwiti f'dak iċ-ċentru tal-eżekuzzjoni espress bħala perċentwal tal-volum totali eżegwit; |
(c) |
il-konferma dwar jekk id-ditta tal-investiment tkunx eżegwiet medja ta' inqas minn negozju wieħed għal kull jum ta' negozju fis-sena preċedenti f'dik il-klassi ta' strumenti finanzjarji. |
3. Id-ditti tal-investiment għandhom jippubblikaw, għal kull klassi ta' strumenti finanzjarji, sommarju tal-analiżi u l-konklużjonijiet li jaslu għalihom fuq il-bażi ta' monitoraġġ dettaljata tal-kwalità tal-eżekuzzjoni miksuba fiċ-ċentri tal-eżekuzzjoni fejn ikun eżekwew l-ordnijiet kollha tal-klijenti fis-sena preċedenti. L-informazzjoni għandha tinkludi:
(a) |
spjegazzjoni tal-importanza relattiva li tkun tat id-ditta għall-fatturi ta' eżekuzzjoni bħal ma huma prezz, kosti, ħeffa, probabbiltà tal-eżekuzzjoni jew kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra, inklużi fatturi kwalitattivi fl-evalwazzjoni tal-kwalità tal-eżekuzzjoni; |
(b) |
deskrizzjoni ta' kwalunkwe rabtiet mill-qrib, kunflitti ta' interess, u sjieda komuni fir-rigward ta' kull ċentru tal-eżekuzzjoni użati biex jitwettqu l-ordnijiet; |
(c) |
deskrizzjoni ta' kwalunkwe arranġamenti speċifiċi ma' kull ċentru tal-eżekuzzjoni rigward pagamenti magħmula jew irċevuti, skonti, ribassi jew benefiċċji mhux fi flus riċevut; |
(d) |
spjegazzjoni tal-fatturi li jkunu wasslu għal tibdil fil-lista ta' ċentri tal-eżekuzzjoni elenkati fil-politika ta' eżekuzzjoni tad-ditta, jekk rtkun seħħet bidla bħal din; |
(e) |
spjegazzjoni dwar kif l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tvarja skont il-kategorizzazzjoni tal-klijent, meta d-ditta tittratta kategoriji ta' klijenti b'mod differenti u meta dan jista' jaffettwa l-arranġamenti tat-eżekuzzjoni tal-ordnijiet; |
(f) |
spjegazzjoni dwar jekk jingħatatx preferenza lil kriterji oħra fuq il-prezz u l-kost fl-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta' klijenti konsumaturi u kif dawn il-kriterji oħra kienu strumentali biex jinkiseb l-aħjar riżultat possibbli f'termini tal-konsiderazzjoni totali lill-klijent; |
(g) |
spjegazzjoni ta' kif id-ditta tal-investiment tkun użat xi dejta jew għodda marbuta mal-kwalità tal-eżekuzzjoni, inklużi kwalunkwe dejta ppubblikata skont ir-Regolament Delegat (UE) 2017/575. |
(h) |
fejn applikabbli, spjegazzjoni ta' kif id-ditta tal-investiment tkun użat il-produzzjoni ta' fornitur ta' sistema konsolidata ta' pubblikazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 65 tad-Direttiva 2014/65/UE. |
Artikolu 4
Format
Id-ditti tal-investiment għandhom jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 3(1) u 3(2) fuq is-siti web tagħhom, billi jimlew il-formoli stabbiliti fl-Anness II, f'format elettroniku li jista' jinqara mill-magni, li tista' titniżżel mill-pubbliku u l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 3(3), għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit web tagħhom f'format elettroniku disponibbli għat-tniżżil mill-pubbliku.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa japplika mit-3 ta' Jannar 2018.
Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/575 tat-8 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-informazzjoni li trid tiġi ppubblikata minn ċentri tal-eżekuzzjoni dwar il-kwalità tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet (ara paġna 152 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).)
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
ANNESS I
Lista ta' strumenti finanzjarji
(a) |
Ekwitajiet — Ishma u irċevuti depożitarji
|
(b) |
Strumenti ta' dejn
|
(c) |
Derivattivi tar-rati tal-imgħax
|
(d) |
derivattivi tal-kreditu.
|
(e) |
derivattivi tal-munita
|
(f) |
Strumenti ta' finanzjament strutturati |
(g) |
Derivattivi ta' ekwità
|
(h) |
Derivattivi Titolizzati
|
(i) |
Derivattivi ta' komoditajiet u derivattivi tal-kwoti tal-emissjonijiet
|
(j) |
Kuntratti għad-differenza |
(k) |
Prodotti negozjati fil-borża (Exchange traded funds, u Noti Nnegozjati fil-Boroż u exchange traded commodities) |
(l) |
Kwoti tal-emissjonijiet |
(m) |
Strumenti oħrajn |
ANNESS II
Tabella 1
Klassi ta' strument |
|
||||
Notifika jekk < 1 tal-kummerċ medju għal kull jum ta' xogħol fis-sena ta' qabel |
IVA/LE |
||||
L-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni elenkati f'termini ta' volumi ta' kummerċ (f'ordni mill-kbir għaż-żgħir) |
Proporzjon ta' volum innegozjat bħala perċentwal tat-total f'dik il-klassi |
Proporzjon ta' ordnijiet innegozjati bħala perċentwal tat-total f'dik il-klassi |
Perċentwal ta' ordnijiet passivi |
Perċentwal ta' ordnijiet aggressivi |
Perċentwal ta' ordnijiet diretti |
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
|
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
|
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
|
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
|
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
|
|
|
Tabella 2
Klassi ta' strument |
|
||||
Notifika jekk < 1 tal-kummerċ medju għal kull jum ta' xogħol fis-sena ta' qabel |
IVA/LE |
||||
L-aqwa ħames ċentri tal-eżekuzzjoni elenkati f'termini ta' volumi ta' kummerċ (f'ordni mill-kbir għaż-żgħir) |
Proporzjon ta' volum innegozjat bħala perċentwal tat-total f'dik il-klassi |
Proporzjon ta' ordnijiet innegozjati bħala perċentwal tat-total f'dik il-klassi |
Perċentwal ta' ordnijiet passivi |
Perċentwal ta' ordnijiet aggressivi |
Perċentwal ta' ordnijiet diretti |
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
|
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
|
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
|
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
|
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
|
|
|
Tabella 3
Klassi ta' strument |
|
|
Notifika jekk < 1 tal-kummerċ medju għal kull jum ta' xogħol fis-sena ta' qabel |
IVA/LE |
|
L-aqwa ħames ċentri elenkati f'termini ta' volumi (f'ordni mill-kbir għaż-żgħir) |
Proporzjon ta' volum eżegwit bħala perċentwal tat-total f'dik il-klassi |
Proporzjon ta' ordnijiet innegozjati bħala perċentwal tat-total f'dik il-klassi |
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|
Isem u Post Identifikatur (MIC jew LEI) |
|
|