31.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 87/145 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/573
tas-6 ta' Ġunju 2016
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti li jiżguraw servizzi ġusti u mhux diskriminatorji ta' kolokazzjoni u strutturi ta' tariffi
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 48(12)(d),
Billi:
(1) |
Huwa importanti li jiġu adottati standards tekniċi regolatorji biex jiġu identifikati b'mod ċar il-kundizzjonijiet meta l-istrutturi ta' kolokazzjoni u ta' tariffi użati minn postijiet tan-negozjar jistgħu jitqiesu ġusti u mhux diskriminatorji. |
(2) |
Id-Direttiva 2014/65/UE testendi r-rekwiżiti relatati mal-istrutturi ta' kolokazzjoni u ta' tariffi għal faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u faċilitajiet organizzati tan-negozjar. Għaldaqstant huwa importanti li jiġi żgurat li dawn iċ-ċentri jkunu wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
(3) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet armonizzati, għandhom japplikaw rekwiżiti komuni għat-tipi kollha ta' servizzi ta' kolokazzjoni u għaċ-ċentri tan-negozjar li jorganizzaw iċ-ċentri tad-dejta tagħhom stess jew li jużaw iċ-ċentri tad-dejta li huma ġestiti jew huma proprjetà ta' partijiet terzi. |
(4) |
Iċ-ċentri tan-negozjar għandu jkollhom l-abbiltà li jiddeterminaw il-politika kummerċjali tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-kolokazzjoni u jiddeterminaw lil liema tipi ta' parteċipanti fis-suq iridu jagħtu aċċess għal dawk is-servizzi diment li l-politika kummerċjali tagħhom tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji. Iċ-ċentri tan-negozjar ma għandhomx ikunu meħtieġa li jestendu l-kapaċitajiet ta' kolokazzjoni tagħhom lil hinn mil-limiti tal-ispazju, tal-enerġija, tat-tkessiħ jew faċilitajiet simili disponibbli u għandu jkollhom id-diskrezzjoni li jiddeċiedu jekk għandhomx jespandu l-ispazju ta' kolokazzjoni tagħhom jew le. |
(5) |
Servizzi ġusti u mhux diskriminatorji ta' kolokazzjoni u ta' tariffi jirrikjedu ċertu livell ta' trasparenza suffiċjenti sabiex jiżguraw li ma ssirx ċirkomvenzjoni tal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE. Għalhekk, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jużaw kriterji oġġettivi meta jiġu ddeterminati roħsijiet, inċentivi u diżinċentivi. |
(6) |
L-istrutturi ta' tariffi li jikkontribwixxu għall-kundizzjonijiet li jwasslu għal kundizzjonijiet ta' negozjar diżordinati permezz tal-inkoraġġiment ta' negozjar intensiv u li jista' jwassal għal stress fl-infrastrutturi tas-suq għandhom jiġu pprojbiti. Għaldaqstant, għandhom ikunu permessi skontijiet fuq il-kwantità, diment li, bħala skemi ta' divrenzjar tal-prezzijiet, dawn ikunu bbażati fuq il-volum totali tan-negozjar, l-għadd totali tan-negozjar jew it-tariffi akkumulati tan-negozjar iġġenerati minn membru wieħed fejn in-negozjar marġinali eżegwit sussegwentament biex jintlaħaq il-limitu biss ikun eżegwit bi prezz imnaqqas. |
(7) |
Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data. |
(8) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni. |
(9) |
L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Servizzi ġusti u mhux diskiminatorji ta' kolokazzjoni
1. Iċ-ċentri tan-negozjar li jipprovdu s-servizzi ta' kollokazzjoni għandhom, fi ħdan il-limiti tal-ispazju, tal-enerġija, tat-tkessiħ u faċilitajiet simili disponibbli, jiżguraw li dawn is-servizzi jkunu pprovduti b'mod ġust u mhux diskriminatorju kif stabbilit fil-paragrafi 2, 3 u 4 fir-rigward ta':
(a) |
iċ-ċentri tad-dejta li huma ġestiti minnhom u li huma proprjetà tagħhom stess; |
(b) |
iċ-ċentri tad-dejta li huma proprjetà tagħom stess u li huma ġestiti minn parti terza magħżula minnhom; |
(c) |
iċ-ċentri tad-dejta li huma ġestiti u huma proprjetà ta' parti terza li ċ-ċentru tan-negozjar ikollu arranġament ta' esternalizzazzjoni magħha għall-organizzazzjoni kemm tal-eżekuzzjoni tal-infrastruttura taċ-ċentru tan-negozjar kif ukoll tal-aċċess ta' viċinanza għalih; |
(d) |
servizzi ta' proximity hosting li huma ġestiti u li huma proprjetà ta' parti terza b'arranġament kuntrattwali ma' ċentru tan-negozjar. |
2. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jipprovdu lill-utenti kollha li jkunu abbonaw għall-istess servizzi ta' kolokazzjoni l-aċċess għan-network tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet, inkluż fir-rigward tal-ispazju, tal-enerġija, tat-tkessiħ, tat-tul tal-kejbil, tal-aċċess għad-dejta, tal-konnettività tas-suq, tat-teknoloġija, tal-appoġġ tekniku u tat-tipi ta' messaġġi.
3. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jagħmlu monitoraġġ tal-konnessjonijiet u tal-kejl tal-latenza kollha sabiex jiżguraw it-trattament mhux diskriminatorju tal-utenti kollha tas-servizzi ta' kolokazzjoni li għandhom l-istess tip ta' aċċess għal-latenza.
4. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jagħmlu disponibbli servizzi ta' kolokazzjoni individwali, mingħajr l-ebda rekwiżit biex jinxtraw servizzi magħquda.
Artikolu 2
Trasparenza fil-forniment tas-sreizzi ta' kolokazzjoni
Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jippubblikaw din l-informazzjoni dwar is-servizzi ta' kolokazzjoni tagħhom fuq is-siti web tagħhom:
(a) |
lista ta' servizzi pprovduti li tagħti informazzjoni dwar l-ispazju, l-enerġija, it-tkessiħ, it-tul tal-kejbil, l-aċċess għad-dejta, il-konnettività tas-suq, it-teknoloġija, l-appoġġ tekniku, it-tipi ta' messaġġi, it-telekomunikazzjoni u prodotti u servizzi relatati; |
(b) |
l-istruttura tat-tariffi għal kull servizz kif stabbilit fl-Artikolu 3(2); |
(c) |
il-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-servizz, inklużi r-rekwiżiti tal-IT u arranġamenti operazzjonali; |
(d) |
it-tipi differenti ta' latenza ta' aċċess disponibbli; |
(e) |
il-proċedura għall-allokazzjoni tal-ispazju ta' kolokazzjoni; |
(f) |
ir-rekwiżiti għal fornituri ta' parti terza ta' servizzi ta' kolokazzjoni, fejn applikabbli. |
Artikolu 3
Tariffi ġusti u mhux diskriminatorji
1. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom iżommu l-istess tariffa u jipprovdu l-istess kundizzjonijiet għall-utenti kollha tal-istess tip ta' servizzi bbażati fuq kriterji oġġettivi. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jistabbilixxu strutturi ta' tariffi differenti għall-istess tip ta' servizzi biss fejn dawn l-istrutturi ta' tariffi jkunu bbażati fuq kriterji mhux diskriminatorji, oġġettivi u li jistgħu jitkejlu, li għandhom x'jaqsmu ma':
(a) |
il-volum totali nnegozjat, in-numri ta' tariffi ta' negozji jew negozji kumulati; |
(b) |
is-servizzi jew il-pakketti ta' servizzi pprovduti miċ-ċentru tan-negozjar; |
(c) |
l-ambitu jew il-qasam tal-użu mitlub; |
(d) |
il-provvista ta' likwidità skont l-Artikolu 48(2) tad-Direttiva 2014/65/UE jew f'kapaċità ta' ġeneratur tas-suq kif definit fl-Artikolu 4(1)(7) tad-Direttiva 2014/65/UE; |
2. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jiżguraw li l-istruttura tat-tariffi tkun granulari biżżejjed biex tippermetti li l-utenti jipprevedu t-tariffi pagabbli fuq il-bażi ta' mill-inqas dawn l-elementi:
(a) |
servizzi bi ħlas, inkluż l-attività li tikkaġuna t-tariffa; |
(b) |
it-tariffa għal kull servizz, li tiddikjara jekk it-tariffa tkunx fissa jew varjabbli; |
(c) |
roħsijiet, inċentivi jew diżinċentivi. |
3. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jagħmlu disponibbli s-servizzi individwali mingħajr ma jiġu rraggruppati ma' servizzi oħrajn.
Artikolu 4
Trasparenza tal-istrutturi tat-tariffi
Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jippubblikaw il-kriterji oġġettivi għall-istabbiliment tat-tariffi tagħhom u l-istrutturi tat-tariffi u kundizzjonijiet oħrajn previsti fl-Artikolu 3, flimkien ma' tariffi ta' eżekuzzjoni, tariffi anċillari, roħsijiet, inċentivi u diżinċentivi f'dokument wieħed komprensiv u pubblikament aċċessibbli fuq is-sit web tagħhom.
Artikolu 5
Strutturi ta' tariffi pprojbiti
Iċ-ċentri tan-negozjar ma għandhomx joffru lill-membri, lill-parteċipanti jew lill-klijenti tagħhom struttura ta' tariffi fejn, ladarba n-negozji tagħhom jaqbżu ċertu limitu, in-negozji kollha tagħhom jibbenefikaw minn tariffa aktar baxxa għal perjodu definit, inklużi dawk in-negozji li jkunu saru qabel ma jkun intlaħaq dan il-limitu.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).