31.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/124


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/570

tas-26 ta' Mejju 2016

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għad-determinazzjoni ta' suq materjali f'termini ta' likwidità fir-rigward ta' notifiki ta' waqfa temporanja fin-negozjar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 48(12)(e) tagħha,

Billi:

(1)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat liema swieq regolati għandhom jiġu kkunsidrati materjali fir-rigward tal-likwidità għal kull tip ta' strument finanzjarju sabiex dawn is-swieq ikollhom fis-seħħ sistemi u proċeduri xierqa ta' notifika lill-awtoritajiet kompetenti ta' waqfiet temporanji fin-negozjar.

(2)

Id-Direttiva 2014/65/UE testendi r-rekwiżiti relatati ma' waqfien min-negozjar għal faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u faċilitajiet organizzati tan-negozjar u għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li strumenti finanzjarji nnegozjati f'dawn il-postijiet huma wkoll fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-istandards tekniċi regolatorji.

(3)

Huwa importanti li tkun żgurata applikazzjoni proporzjonata tar-rekwiżit ta' notifika. Wara li ġiet notifikata dwar waqfa temporanja fin-negozjar, l-awtorità kompetenti hija obbligata tevalwa jekk dik in-notifika għandhiex tinfirex lill-bqija tas-suq u, fejn meħtieġ, sabiex tikkoordina rispons fis-swieq kollha. Sabiex il-piż amministrattiv ikun limitat biss għal postijiet tan-negozjar, għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu ta' notifika ċ-ċentri tan-negozjar bl-akbar potenzjal għal impatt wiesa' tas-suq meta jitwaqqaf in-negozjar.

(4)

Għal ekwità u strumenti finanzjari li jixbhu l-ekwitajiet, is-suq materjali f'termini ta' likwidità għandu jkun il-post tan-negozjar li għandu l-ogħla dħul fl-istrument finanzjarju konċernat fi ħdan l-Unjoni, peress li ċ-ċentru tan-negozjar għandu l-akbar potenzjal biex ikun hemm impatt wiesa' tas-suq meta jitwaqqaf il-kummerċ.

(5)

Għall-istrumenti finanzjarji mhux tal-ekwità, is-suq materjali f'termini ta' likwidità għandu jkun is-suq regolat fejn l-istrument finanzjarju konċernat kien ammess għall-ewwel darba għan-negozjar. Jekk strument finanzjarju mhux tal-ekwità li ma jkunx aċċettat li jinnegozja f'suq regolat, is-suq materjali f'termini ta' likwidità għandu jkun il-post ta' negozjar fejn l-ewwel ġie nnegozjat. Dan għandu jiżgura ċertezza għal firxa ta' strumenti finanzjarji kumplessi billi jistabbilixxi punt ta' referenza sempliċi lill-post tan-negozjar fejn l-avvenimenti għandhom impatti importanti tal-likwidità fi swieq oħra li jinnegozjaw l-istess strument finanzjarju, tipikament minħabba s-sehem sinifikanti f'termini ta' volumi eżegwiti f'dak l-istrument f'dak iċ-ċentru tan-negozjar.

(6)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(7)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suq materjali f'termini ta' likwidità

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(5) tad-Direttiva 2014/65/UE, is-suq materjali f'termini ta' likwidità għandu jitqies bħala:

(a)

fir-rigward ta' ishma, irċevuti tad-depożiti, fondi nnegozjati fil-boroż, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħra, il-post tan-negozjar li huwa l-aktar suq rilevanti f'termini ta' likwidità għall-istrument kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 (3),

(b)

fir-rigward ta' strumenti finanzjarji oħrajn għajr dawk imsemmija fil-punt (a) li huma ammessi għan-negozjar f'suq regolat, is-suq regolat fejn l-istrument finanzjarju ġie ammess għall-ewwel darba għan-negozjar;

(c)

fir-rigward ta' strumenti finanzjarji oħrajn għajr dawk imsemmija fil-punt (a) li mhumiex ammessi għan-negozju f'suq regolat, il-post ta' negozjar fejn l-istrument finanzjarju ġie nnegozjat.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data li tidher l-ewwel fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għall-ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward ta' ishma, irċevuti depożitarji, fondi nnegozjati fil-boroż, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħrajn u dwar obbligi ta' eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni fir-rigward ta' ċertu ishma f'ċentru tan-negozjar jew minn internalizzaturi sistematiċi (ara l-paġna 387 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).