23.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 78/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/542
tat-22 ta' Marzu 2017
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet billi jżid Anness dwar l-informazzjoni armonizzata relatata mar-reazzjoni ta' emerġenza relatata mas-saħħa
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 45(4) u l-Artikolu 53(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Sabiex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom, il-korpi maħturin skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jeħtieġu tagħrif dwar it-taħlitiet imqiegħda fis-suq u kklassifikati bħala perikolużi abbażi tal-effetti fiżiċi tagħhom jew tal-effetti tagħhom fuq is-saħħa. Dak it-tagħrif jintbagħat lill-korpi maħturin fil-livell nazzjonali mill-importaturi u mill-utenti downstream u normalment ikun jinkludi l-identifikazzjoni tal-prodott, l-identifikazzjoni tal-perikli marbutin miegħu, it-tagħrif dwar il-kompożizzjoni tiegħu u tagħrif tossikoloġiku dwaru. Iċ-Ċentri għal Kontra l-Velenu jiddependu fuq it-tagħrif li jagħtuhom dawn il-korpi maħturin, u xi kultant jikkostitwixxu dawn il-korpi huma stess. |
(2) |
Il-Kummissjoni wettqet l-analiżi prevista fl-Artikolu 45(4) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u s-sejbiet tagħha, li kienu bbażati fuq konsultazzjoni ddettaljata tal-esperti, ġew ippubblikati f'Jannar tal-2012. Mill-analiżi ġie konkluż li hemm differenzi kbar bejn is-sistemi attwali ta' notifika, bejn il-formati attwali tad-dejta u bejn ir-rekwiżiti speċifiċi attwali tal-pajjiżi differenti marbutin mat-tagħrif li jitolbu l-Istati Membri. Dan ifisser li l-importaturi u l-utenti downstream li jqiegħdu taħlitiet fis-suq fi Stati Membri differenti jridu jibagħtu tagħrif li ħafna drabi huwa simili diversi drabi u f'formati differenti. L-analiżi wriet ukoll li din id-diversità twassal għal inkonsistenzi fit-tagħrif li l-persunal mediku u l-pubbliku inġenerali jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu f'każijiet ta' inċidenti ta' avvelenament fi Stati Membri differenti. |
(3) |
Is-sejbiet tal-analiżi ġew appoġġati minn studju tal-Kummissjoni tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji li tlesta f'Marzu tal-2015 (2), li kkonferma li, minbarra li twassal għal titjib fir-reazzjoni relatata mas-saħħa, l-armonizzazzjoni tat-tagħrif li għandu jingħata lill-korpi maħturin se twassal b'mod ġenerali għal iffrankar sinifikanti fl-ispejjeż. |
(4) |
Ġew ikkonsultati l-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-Assoċjazzjoni Ewropea ta' Ċentri għal Kontra l-Velenu u ta' Tossikoloġisti Kliniċi (l-EAPCCT), b'mod partikulari fil-qafas tal-istudju tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji u permezz ta' għadd ta' sessjonijiet ta' ħidma. |
(5) |
Għalhekk huwa xieraq li jiġi armonizzat it-tagħrif li l-importaturi u l-utenti downstream għandhom jibagħtu lill-korpi maħturin, kif ukoll li jiġi stabbilit format għat-tressiq ta' dan it-tagħrif. |
(6) |
Jeħtieġ jiġi speċifikat x'tagħrif irid jintbagħat lil korp maħtur. Dan jinkludi tagħrif dwar l-identifikazzjoni tat-taħlita u ta' min qed jibgħat dan it-tagħrif, dwar l-identifikazzjoni tal-perikli u dwar il-komponenti tat-taħlita. Minħabba l-fatt li l-formulazzjonijiet tat-taħlitiet ta' sikwit jistgħu jsirulhom modifiki żgħar li ftit li xejn ikollhom impatt fuq ir-reazzjoni ta' emerġenza relatata mas-saħħa li għandu jkun hemm, jew li ma jkollhom l-ebda impatt fuqha, ikun sproporzjonat li wieħed jitlob tagħrif dwar il-perċentwali eżatti tal-komponenti tat-taħlita. Għalhekk, minflok jistgħu jintbagħtu l-firxiet tal-konċentrazzjoni għall-komponenti tat-taħlita. Il-medda ta' dawn il-firxiet għandha tiġi stabbilita abbażi tal-effetti fiżiċi jew tal-effetti fuq is-saħħa tal-komponenti tat-taħlita u abbażi ta' kemm it-tagħrif huwa rilevanti għar-reazzjoni ta' emerġenza relatata mas-saħħa. |
(7) |
Fid-dawl tal-fatt li t-taħlitiet ikklassifikati bħala perikolużi jistgħu jinkludu wkoll komponenti mhux ikklassifikati li xorta waħda jista' jkollhom effetti negattivi wara użu mhux intenzjonat tat-taħlita (pereżempju wara li tinbela' bi żball), il-korpi maħturin għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom tagħrif dwar dawn il-komponenti meta jkun meħtieġ biex ifasslu azzjonijiet ta' prevenzjoni jew ta' kura. |
(8) |
Il-format għat-tressiq tat-tagħrif għandu jiġi armonizzat sabiex l-importaturi u l-utenti downstream li jkunu qed jaħdmu fi Stati Membri differenti jkunu jistgħu jibagħtu l-istess tagħrif jew jużaw l-istess format għat-tressiq fi Stati Membri differenti. It-tagħrif għandu jintbagħat b'mod elettroniku f'format XML armonizzat li jinżamm mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u li jitqiegħed għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas. |
(9) |
Sabiex tiġi ffaċilitata t-trażmissjoni tat-tagħrif dwar l-użu maħsub ta' taħlita u sabiex tiġi appoġġata l-analiżi statistika tal-każijiet relatati ta' avvelenament, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għandha tiżviluppa sistema għall-kategorizzazzjoni tal-prodotti Ewropej li għandha tintuża meta jintbagħat it-tagħrif. |
(10) |
Skont l-istudju tal-Kummissjoni tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji, iċ-Ċentri għal Kontra l-Velenu u korpi maħturin oħrajn irrappurtaw li qed jiltaqgħu ma' problemi biex jidentifikaw sew it-taħlita kkonċernata f'sa 40 % mis-sejħiet li jirċievu. Dan jista' jwassal biex il-pazjenti jingħataw trattament żejjed bla bżonn u biex dawn jintbagħtu l-isptar bħala prekawzjoni. Għalhekk, bħala parti mill-armonizzazzjoni tat-tagħrif, jeħtieġ li l-identifikazzjoni tat-taħlita permezz ta' kodiċi alfanumeriku uniku (identifikatur uniku tal-formula), li għandu jingħata fuq it-tikketta, tkun obbligatorja. |
(11) |
Ħafna mis-sejħiet li jsiru liċ-Ċentri għal Kontra l-Velenu u lil korpi maħturin oħrajn ikollhom x'jaqsmu ma' esponiment aċċidentali għal taħlitiet perikolużi użati mill-konsumaturi u sa ċertu punt mill-professjonisti. Ftit huma dawk is-sejħiet li jkollhom x'jaqsmu ma' taħlitiet għal użu industrijali li jintużaw f'impjanti industrijali. Barra minn hekk, is-soltu fis-siti industrijali jkun hemm iktar għarfien dwar it-taħlitiet użati u b'mod ġenerali tkun disponibbli l-kura medika. Għalhekk, l-importaturi u l-utenti downstream tat-taħlitiet għal użu industrijali għandhom jitħallew jissodisfaw rekwiżiti limitati tat-tagħrif. |
(12) |
Sabiex jitqassam ix-xogħol meħtieġ ta' adattament tal-format għat-tressiq tad-dejta, u sabiex tingħata prijorità lill-forniment tat-tagħrif fejn ikun hemm l-iktar bżonn, huwa meqjus li huwa raġonevoli u proporzjonat li tiġi stabbilita l-applikabbiltà fi stadji tar-rekwiżiti l-ġodda tat-tagħrif stabbiliti b'dan ir-Regolament skont l-użu tat-taħlita. |
(13) |
Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel u jiġu evitati spejjeż sproporzjonati, it-tagħrif mibgħut lill-korpi maħturin qabel id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jibqa' validu għal perjodu taż-żmien speċifiku wara li jibda japplika dan ir-Regolament. Madankollu, jekk sadanittant ikun hemm tibdil sinifikanti fil-formulazzjoni, fl-identifikatur tal-prodott jew fit-tossikoloġija tal-prodott, għandu jkun obbligatorju li wieħed jibgħat tagħrif aġġornat skont dan ir-Regolament. |
(14) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 54(1) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 qed jiġi emendat kif ġej:
(1) |
Fl-Artikolu 25, għandu jiżdied il-paragrafu 7 li ġej: “7. Meta, skont l-Anness VIII, min ikun qed jibgħat it-tagħrif joħloq identifikatur uniku tal-formula, dak l-identifikatur għandu jitniżżel fuq it-tikketta skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Parti A ta' dak l-Anness”. |
(2) |
Qed jiżdied l-Anness VIII hekk kif mogħti fl-Anness ta' dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Marzu 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.
(2) Studju li jappoġġa l-armonizzazzjoni tat-tagħrif li għandu jintbagħat liċ-Ċentri għal Kontra l-Velenu, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (ir-Regolament CLP), 3.3.2015.
ANNESS
ANNESS VIII
Tagħrif armonizzat relatat mar-reazzjoni ta' emerġenza relatata mas-saħħa u mal-miżuri ta' prevenzjoni
PARTI A
REKWIŻITI ĠENERALI
1. Applikazzjoni
1.1. Mill-1 ta' Jannar 2020, l-importaturi u l-utenti downstream li jqiegħdu taħlitiet fis-suq għall-użu mill-konsumaturi, fis-sens tat-Taqsima 2.4 tal-Parti A ta' dan l-Anness, għandhom jikkonformaw ma' dan l-Anness.
1.2. Mill-1 ta' Jannar 2021, l-importaturi u l-utenti downstream li jqiegħdu taħlitiet fis-suq għall-użu mill-professjonisti, fis-sens tat-Taqsima 2.4 tal-Parti A ta' dan l-Anness, għandhom jikkonformaw ma' dan l-Anness.
1.3. Mill-1 ta' Jannar 2024, l-importaturi u l-utenti downstream li jqiegħdu taħlitiet fis-suq għal użu industrijali, fis-sens tat-Taqsima 2.4 tal-Parti A ta' dan l-Anness, għandhom jikkonformaw ma' dan l-Anness.
1.4. Sal-1 ta' Jannar 2025, l-importaturi u l-utenti downstream li jkunu bagħtu tagħrif dwar taħlitiet perikolużi lil korp maħtur skont l-Artikolu 45(1) qabel id-dati tal-applikabbiltà msemmija fit-Taqsimiet 1.1, 1.2 u 1.3 u li ma jkunux konformi ma' dan l-Anness m'għandux ikollhom jikkonformaw ma' dan l-Anness għal dawk it-taħlitiet.
1.5. B'deroga mit-Taqsima 1.4, jekk issir waħda mill-bidliet deskritti fit-Taqsima 4.1 tal-Parti B ta' dan l-Anness qabel l-1 ta' Jannar 2025, l-importaturi u l-utenti downstream għandhom jikkonformaw ma' dan l-Anness qabel ma jqiegħdu dik it-taħlita mibdula fis-suq.
2. L-għan, id-definizzjonijiet u l-kamp ta' applikazzjoni
2.1. Dan l-Anness jistabbilixxi r-rekwiżiti li l-importaturi u l-utenti downstream li jqiegħdu taħlitiet fis-suq, minn hawn 'il quddiem imsejħin “dawk li jibagħtu t-tagħrif”, għandhom jissodisfaw b'rabta mat-tressiq tat-tagħrif sabiex il-korpi maħturin ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom it-tagħrif meħtieġ biex iwettqu l-kompiti li huma responsabbli għalihom skont l-Artikolu 45.
2.2. Dan l-Anness ma għandux japplika għal taħlitiet maħsubin għar-riċerka u għall-iżvilupp xjentifiċi u għal taħlitiet maħsubin għar-riċerka u għall-iżvilupp orjentati lejn il-prodotti u l-proċessi, kif iddefinit fl-Artikolu 3(22) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.
Dan l-Anness ma għandux japplika għat-taħlitiet ikklassifikati biss għal wieħed mill-perikli li ġejjin jew aktar:
(1) |
il-gassijiet taħt pressjoni; |
(2) |
l-isplussivi (l-isplussivi instabbli u d-diviżjonijiet 1.1 sa 1.6) |
2.3. Fil-każ ta' taħlitiet li jitqiegħdu fis-suq għal użu industrijali biss, dawk li jibagħtu t-tagħrif jistgħu jagħżlu li jibagħtu tagħrif limitat, minflok ma jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali tat-tressiq, skont it-Taqsima 5.3 ta' din il-Parti u t-Taqsima 3.1.1 tal-Parti B, sakemm ikun hemm aċċess rapidu għal tagħrif iktar iddettaljat dwar il-prodotti skont it-Taqsima 1.3 tal-Parti B.
2.4. Għall-finijiet ta' dan l-Anness, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“taħlita għall-użu mill-konsumaturi” tfisser taħlita maħsuba biex tintuża mill-konsumaturi; |
(2) |
“taħlita għall-użu mill-professjonisti” tfisser taħlita maħsuba biex tintuża minn utenti li jkunu professjonisti iżda mhux f'siti industrijali; |
(3) |
“taħlita għal użu industrijali” tfisser taħlita maħsuba biex tintuża biss f'siti industrijali. |
Meta t-taħlitiet ikollhom aktar minn użu wieħed, għandhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti għall-kategoriji rilevanti kollha tal-użu.
3. Ir-rekwiżiti tat-tressiq
3.1. Qabel ma jqiegħdu xi taħlita fis-suq, dawk li jibagħtu t-tagħrif għandhom jipprovdu tagħrif dwar it-taħlitiet li huma kklassifikati bħala perikolużi abbażi tal-effetti fiżiċi tagħhom jew tal-effetti tagħhom fuq is-saħħa lill-korpi maħturin skont l-Artikolu 45(1) (minn hawn' il quddiem imsejħin “il-korpi maħturin”) tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri fejn it-taħlita tkun qed titqiegħed fis-suq.
It-tagħrif mibgħut għandu jinkludi t-tagħrif stabbilit fil-Parti B. Dan għandu jintbagħat b'mod elettroniku f'format XML li tipprovdih l-Aġenzija u li jitqiegħed għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas.
3.2. F'każ li, wara li jirċievi t-tagħrif mibgħut skont it-Taqsima 3.1, korp maħtur jagħmel talba motivata lil min ikun qed jibgħat it-tagħrif għal iktar tagħrif jew għal kjarifika biex huwa jkun jista' jwettaq il-kompiti li jkun responsabbli għalihom skont l-Artikolu 45, min ikun qed jibgħat it-tagħrif għandu jipprovdi t-tagħrif meħtieġ jew il-kjarifika mitluba mingħajr dewmien żejjed.
3.3. It-tagħrif għandu jintbagħat bil-lingwa jew bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri fejn it-taħlita tkun qed titqiegħed fis-suq, ħlief jekk l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati ma jiddeċidux mod ieħor.
3.4. L-użu maħsub tat-taħlita għandu jiġi deskritt skont is-sistema armonizzata għall-kategorizzazzjoni tal-prodotti li tipprovdi l-Aġenzija.
3.5. Għandu jintbagħat tagħrif aġġornat mingħajr dewmien żejjed meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 4.1 tal-Parti B.
4. It-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta' taħlitiet
4.1. Jista' jintbagħat tagħrif f'daqqa għal iktar minn taħlita waħda, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “it-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta' taħlitiet”, f'każ li t-taħlitiet kollha fi grupp ikunu kklassifikati bl-istess mod fejn jidħlu l-perikli fiżiċi tagħhom jew il-perikli tagħhom marbutin mas-saħħa u f'każ li dawn ikunu jagħmlu parti mill-istess kategorija tal-prodotti msemmija fit-Taqsima 3.4.
4.2. It-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta' taħlitiet għandu jitħalla jsir biss meta t-taħlitiet kollha fil-grupp ikun fihom l-istess komponenti (kif identifikat fit-Taqsima 3.2 tal-Parti B), u meta l-firxa tal-konċentrazzjoni rrappurtata għal kull komponent tkun l-istess għat-taħlitiet kollha (kif previst fit-Taqsima 3.4 tal-Parti B).
4.3. B'deroga mit-taqsima 4.2, it-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta' taħlitiet għandu jitħalla jsir ukoll meta d-differenza fil-kompożizzjoni tat-taħlitiet differenti fil-grupp ikollha x'taqsam biss mal-fwejjaħ, sakemm il-konċentrazzjoni totali tal-fwejjaħ f'kull taħlita ma tkunx taqbeż il-5 %.
4.4. Fil-każ tat-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta' taħlitiet, it-tagħrif meħtieġ fil-Parti B għandu jingħata għal kull taħlita inkluża fil-grupp fejn dan ikun applikabbli.
5. L-identifikatur uniku tal-formula (l-UFI)
5.1. Min ikun qed jibgħat it-tagħrif għandu joħloq identifikatur uniku tal-formula, minn hawn' il quddiem imsejjaħ “l-UFI”, b'mezzi elettroniċi li tqegħedhom għad-dispożizzjoni l-Aġenzija. L-UFI huwa kodiċi alfanumeriku uniku li jorbot biċ-ċar it-tagħrif mibgħut dwar il-kompożizzjoni ta' taħlita jew ta' grupp ta' taħlitiet ma' taħlita speċifika jew ma' grupp speċifiku ta' taħlitiet. L-UFI jiġi allokat mingħajr ħlas.
Meta bidla fil-kompożizzjoni ta' taħlita jew ta' grupp ta' taħlitiet tkun tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet previsti fil-punti (a), (b) u (c) tar-raba' inċiż tat-Taqsima 4.1 tal-Parti B jew aktar, għandu jinħoloq UFI ġdid.
B'deroga mit-tieni subparagrafu, m'għandux ikun hemm bżonn ta' UFI ġdid fil-każ ta' taħlitiet inklużi fit-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta' taħlitiet li jkun fihom il-fwejjaħ sakemm il-bidla fil-kompożizzjoni jkollha x'taqsam biss ma' dawk il-fwejjaħ jew maż-żieda ta' fwejjaħ ġodda fihom.
5.2. Min ikun qed jibgħat it-tagħrif għandu jistampa l-UFI fuq it-tikketta ta' taħlita perikoluża jew iwaħħlu fuqha. Qabel l-UFI għandu jkun hemm l-akronimu “UFI” mogħti b'ittri kapitali, u dan għandu jkun jidher b'mod ċar, ikun jista' jinqara sew u jkun immarkat b'mod li ma jkunx jista' jitħassar.
5.3. B'deroga mit-Taqsima 5.2, fil-każ ta' taħlitiet perikolużi għal użu industrijali u ta' taħlitiet li ma jkunux ippakkjati, l-UFI jista' jiġi indikat minflok fl-iskeda ta' dejta tas-sigurtà.
6. Il-formati għat-tressiq tat-tagħrif u l-appoġġ tekniku għal dan
6.1. L-Aġenzija għandha tispeċifika, iżżomm u taġġorna l-ġeneratur tal-UFI, il-formati XML għat-tressiq tat-tagħrif u s-sistema armonizzata għall-kategorizzazzjoni tal-prodotti u tqegħedhom għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas fuq is-sit web tagħha.
6.2. L-Aġenzija għandha tipprovdi gwida teknika u xjentifika, appoġġ tekniku u għodda li jiffaċilitaw it-tressiq tat-tagħrif.
PARTI B
IT-TAGĦRIF LI JRID JINTBAGĦAT
1. L-identifikazzjoni tat-taħlita u ta' min ikun qed jibgħat it-tagħrif
1.1. L-identifikatur tal-prodott tat-taħlita
L-identifikatur tal-prodott għandu jintbagħat skont l-Artikolu 18(3)(a).
Għandhom jingħataw l-isem jew l-ismijiet kummerċjali sħaħ tat-taħlita, fosthom, fejn ikun rilevanti, isem il-marka, isem il-prodott u l-ismijiet differenti hekk kif jidhru fuq it-tikketta, mingħajr abbrevjazzjonijiet, u li jippermettu l-identifikazzjoni speċifika tagħha.
Barra minn hekk, mat-tagħrif mibgħut iridu jintbagħtu wkoll l-UFI jew l-UFIs.
1.2. Id-dettalji ta' min ikun qed jibgħat it-tagħrif
Għandhom jintbagħtu l-isem, l-indirizz sħiħ, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika ta' min ikun qed jibgħat it-tagħrif. Din l-informazzjoni għandha tkun tikkorrispondi għad-dejta mogħtija fuq it-tikketta skont l-Artikolu 17(1)(a).
1.3. In-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika għal aċċess rapidu għal iktar tagħrif dwar il-prodott
F'każ li jintbagħat tagħrif limitat kif stabbilit fit-Taqsima 2.3 tal-Parti A, iridu jingħataw numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika għal aċċess rapidu għal servizzi ta' tagħrif addizzjonali ddettaljat dwar il-prodott li permezz tagħhom il-korpi maħturin ikollhom aċċess rapidu għal tagħrif addizzjonali ddettaljat dwar il-prodott fil-lingwa pprovduta fit-Taqsima 3.3 tal-Parti A waqt l-emerġenzi. In-numru tat-telefown għandu jkun aċċessibbli 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.
2. L-identifikazzjoni tal-perikli u t-tagħrif addizzjonali
Din it-taqsima tistabbilixxi r-rekwiżiti tat-tagħrif relatati mal-perikli fiżiċi tat-taħlita u mal-perikli tagħha marbutin mas-saħħa u t-tagħrif ix-xieraq ta' twissija marbut ma' dawk il-perikli, kif ukoll it-tagħrif addizzjonali li jrid jintbagħat.
2.1. Il-klassifikazzjoni tat-taħlita
Il-klassifikazzjoni tat-taħlita b'rabta mal-perikli fiżiċi tagħha u mal-perikli tagħha marbutin mas-saħħa (il-klassi ta' periklu u l-kategorija tiegħu) għandha tingħata skont ir-regoli tal-klassifikazzjoni mogħtija fl-Anness I.
2.2. L-elementi tat-tikketta
Għandhom jingħataw l-elementi li ġejjin tat-tikketta, li huma meħtieġa skont l-Artikolu 17, jekk dawn ikunu japplikaw:
— |
il-kodiċijiet tal-pittogrammi tal-periklu (l-Anness V); |
— |
il-kelma bħala sinjal; |
— |
il-kodiċijiet tad-dikjarazzjonijiet ta' periklu (l-Anness III, inkluż tagħrif supplimentari dwar il-periklu); |
— |
il-kodiċijiet tad-dikjarazzjonijiet ta' prekawzjoni. |
2.3. It-tagħrif tossikoloġiku
It-tagħrif mibgħut għandu jinkludi t-tagħrif dwar l-effetti tossikoloġiċi tat-taħlita jew tal-komponenti tagħha li titlob it-Taqsima 11 tal-iskeda ta' dejta tas-sigurtà tat-taħlita, skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.
2.4. Tagħrif addizzjonali
Għandu jingħata t-tagħrif addizzjonali li ġej:
— |
it-tipi ta' imballaġġ użati biex it-taħlita titqiegħed fis-suq għall-użu mill-konsumaturi jew għall-użu mill-professjonisti u d-daqsijiet tagħhom; |
— |
il-kuluri u l-istati fiżiċi tat-taħlita, kif fornuta; |
— |
il-pH, fejn dan ikun applikabbli; |
— |
il-kategorizzazzjoni tal-prodott (ara t-Taqsima 3.4 tal-Parti A); |
— |
l-użu (użu mill-konsumaturi, użu mill-professjonisti, użu industrijali, jew kombinazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawn it-tlieta). |
3. Tagħrif dwar il-komponenti tat-taħlita
3.1. Rekwiżiti ġenerali
Fit-tagħrif mibgħut għandhom jingħataw l-identità kimika tal-komponenti tat-taħlita u l-konċentrazzjoni tagħhom fiha skont it-Taqsimiet 3.2, 3.3 u 3.4.
M'għandhomx jiġu nnotifikati l-komponenti li ma jkunux jinsabu fit-taħlita.
B'deroga mit-tieni subparagrafu, fit-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta' taħlitiet, tal-inqas waħda mit-taħlitiet irid ikun fiha komponenti tal-fwejjaħ.
Għat-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta' taħlitiet, f'każ li l-fwejjaħ ma jkunux l-istess fit-taħlitiet inklużi fil-grupp, għandha tingħata lista tat-taħlitiet u tal-fwejjaħ li dawn jinkludu, inkluża l-klassifikazzjoni tagħhom.
3.1.1. Rekwiżiti għat-taħlitiet għal użu industrijali
F'każ li jintbagħat tagħrif limitat kif stabbilit fit-Taqsima 2.3 tal-Parti A, it-tagħrif li jrid jintbagħat dwar il-kompożizzjoni tat-taħlita għal użu industrijali jista' jkun limitat għat-tagħrif mogħti fl-iskeda ta' dejta tas-sigurtà skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, sakemm dak it-tagħrif addizzjonali dwar il-komponenti jkun disponibbli b'mod rapidu fuq talba waqt l-emerġenzi skont it-Taqsima 1.3.
3.2. Il-komponenti tat-taħlita
3.2.1. Is-sustanzi
L-identifikatur tal-prodott għas-sustanzi identifikati skont it-Taqsima 3.3 għandu jingħata skont l-Artikolu 18(2). Madankollu, jista' jintuża l-isem INCI, l-isem tal-indiċi tal-kulur jew isem internazzjonali ieħor tas-sustanza kimika, sakemm l-isem kimiku jkun magħruf sew u jkun jiddefenixxi l-identità tas-sustanza mingħajr ambigwità. Għandu jingħata wkoll l-isem kimiku tas-sustanzi li għalihom ikun tħalla jintuża isem kimiku alternattiv skont l-Artikolu 24.
3.2.2. It-taħlita f'taħlita
Meta fil-kompożizzjoni ta' taħlita mqiegħda fis-suq tintuża taħlita oħra, din it-taħlita l-oħra tkun tissejjaħ “taħlita f'taħlita” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “MIM”).
It-tagħrif dwar is-sustanzi li jkun fiha l-MIM għandu jingħata skont il-kriterji tat-Taqsima 3.2.1, ħlief jekk min ikun qed jibgħat it-tagħrif ma jkollux aċċess għat-tagħrif dwar il-kompożizzjoni kollha tal-MIM. F'dan il-każ, għandu jingħata tagħrif skont it-Taqsima 3 dwar il-komponenti tat-taħlita li jkunu magħrufin u l-MIM għandha tiġi identifikata permezz tal-identifikatur tal-prodott tagħha skont l-Artikolu 18(3)(a), flimkien mal-konċentrazzjoni tagħha u mal-UFI tagħha, meta dan ikun disponibbli. Jekk ma jkunx hemm UFI, għandha tingħata l-iskeda ta' dejta tas-sigurtà tal-MIM, flimkien mal-isem, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefown tal-fornitur tal-MIM.
3.2.3. L-identifikaturi tal-prodotti ġeneriċi
B'deroga mit-Taqsimiet 3.2.1 u 3.2.2, l-identifikaturi tal-prodotti ġeneriċi “fwejjaħ” jew “koloranti” jistgħu jintużaw għall-komponenti tat-taħlita użati biss biex tiżdied il-fwieħa jew biex jiżdied il-kulur magħha meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
— |
il-komponenti tat-taħlita mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi għas-saħħa; |
— |
il-konċentrazzjoni tal-komponenti tat-taħlita identifikati permezz ta' identifikatur tal-prodott ġeneriku partikulari b'kollox ma taqbiżx:
|
3.3. Il-komponenti tat-taħlita suġġetti għar-rekwiżiti tat-tressiq
Għandhom jiġu indikati l-komponenti tat-taħlita li ġejjin (is-sustanzi u l-MIMs):
(1) |
il-komponenti tat-taħlita kklassifikati bħala perikolużi abbażi tal-effetti fiżiċi tagħhom jew tal-effetti tagħhom fuq is-saħħa li:
|
(2) |
il-komponenti tat-taħlita mhux ikklassifikati bħala perikolużi abbażi tal-effetti fiżiċi tagħhom jew tal-effetti tagħhom fuq is-saħħa li huma identifikati u li jinsabu fit-taħlita f'konċentrazzjoni ta' 1 % jew iktar. |
3.4. Il-konċentrazzjoni tal-komponenti tat-taħlita u l-firxiet tal-konċentrazzjoni tagħhom
Dawk li jibagħtu t-tagħrif għandhom jipprovdu t-tagħrif stabbilit fit-Taqsimiet 3.4.1 u 3.4.2 b'rabta mal-konċentrazzjoni tal-komponenti tat-taħlita (is-sustanzi u l-MIMs) identifikati skont it-Taqsima 3.3.
3.4.1. Il-komponenti perikolużi li huma ta' tħassib kbir għar-reazzjoni ta' emerġenza relatata mas-saħħa u għall-miżuri ta' prevenzjoni
Meta l-komponenti tat-taħlita jkunu kklassifikati skont dan ir-Regolament bħala komponenti li jidħlu tal-inqas f'waħda mill-kategoriji ta' periklu mniżżlin hawn taħt, il-konċentrazzjoni tagħhom fit-taħlita għandha tingħata bħala perċentwal eżatt, f'ordni dekrexxenti skont il-massa jew il-volum tagħhom:
— |
tossiċità akuta, il-kategorija 1, 2 jew 3; |
— |
tossiċità speċifika għall-organi fil-mira — esponiment ta' darba, il-kategorija 1 jew 2; |
— |
tossiċità speċifika għall-organi fil-mira — esponiment ripetut, il-kategorija 1 jew 2; |
— |
korrużjoni tal-ġilda, il-kategorija 1, 1 A, 1B jew 1C; |
— |
ħsara serja lill-għajnejn, il-kategorija 1. |
Minflok ma jingħataw il-konċentrazzjonijiet bħala perċentwali eżatti, tista' tintbagħat firxa ta' perċentwali skont it-Tabella 1.
Tabella 1
Il-firxiet tal-konċentrazzjoni li japplikaw għall-komponenti perikolużi li huma ta' tħassib kbir għar-reazzjoni ta' emerġenza relatata mas-saħħa (is-sustanzi jew l-MIMs)
Il-firxa tal-konċentrazzjoni tal-komponent perikoluż li jinsab fit-taħlita (f'perċentwali) |
Il-medda massima tal-firxa ta' konċentrazzjoni li għandha tintuża meta jintbagħat it-tagħrif |
≥ 25 — < 100 |
Unitajiet ta' 5 % |
≥ 10 — < 25 |
Unitajiet ta' 3 % |
≥ 1 — < 10 |
Unitajiet ta' 1 % |
≥ 0,1 — < 1 |
Unitajiet ta' 0,3 % |
> 0 — < 0,1 |
Unitajiet ta' 0,1 % |
3.4.2. Komponenti perikolużi oħrajn u komponenti li mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi
Il-konċentrazzjoni tal-komponenti perikolużi f'taħlita li mhumiex ikklassifikati bħala komponenti li jidħlu fi kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta' periklu mniżżlin fit-Taqsima 3.4.1 u l-konċentrazzjoni tal-komponenti identifikati li mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi għandhom jingħataw bħala firxiet ta' perċentwali f'ordni dekrexxenti skont il-massa jew il-volum tagħhom, skont it-Tabella 2. Minflok jistgħu jingħataw il-perċentwali eżatti.
B'deroga mill-ewwel subparagrafu, għall-komponenti tal-fwieħa li mhumiex ikklassifikati jew li huma kklassifikati biss għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda tal-kategorija 1, 1 A jew 1B jew għat-tossiċità marbuta mal-aspirazzjoni, dawk li jibagħtu t-tagħrif m'għandhomx ikunu obbligati jipprovdu tagħrif fuq il-konċentrazzjoni tagħhom, sakemm il-konċentrazzjoni totali tagħhom ma tkunx taqbeż il-5 %.
Tabella 2
Il-firxiet tal-konċentrazzjoni li japplikaw għal komponenti perikolużi oħrajn u għal komponenti li mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi (is-sustanzi jew l-MIMs)
Il-firxa tal-konċentrazzjoni tal-komponent li jinsab fit-taħlita (f'perċentwali) |
Il-medda massima tal-firxa ta' konċentrazzjoni li għandha tintuża meta jintbagħat it-tagħrif |
≥ 25 — < 100 |
Unitajiet ta' 20 % |
≥ 10 — < 25 |
Unitajiet ta' 10 % |
≥ 1 — < 10 |
Unitajiet ta' 3 % |
> 0 — < 1 |
Unitajiet ta' 1 % |
3.5. Il-klassifikazzjoni tal-komponenti tat-taħlita (is-sustanzi u l-MIMs)
Għandha tingħata l-klassifikazzjoni tal-komponenti tat-taħlita b'rabta mal-perikli fiżiċi tagħhom u mal-perikli tagħhom marbutin mas-saħħa (il-klassijiet ta' periklu u l-kategoriji tiegħu, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta' periklu). Din tinkludi tal-inqas il-klassifikazzjoni tas-sustanzi kollha msemmija fil-punt 3.2.1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-rekwiżiti għat-tfassil tal-iskedi ta' dejta tas-sigurtà. Bħala alternattiva, fil-każ ta' MIM, tista' tingħata biss il-klassifikazzjoni tagħha b'rabta mal-perikli fiżiċi tagħha u mal-perikli tagħha marbutin mas-saħħa.
4. Aġġornament tat-tagħrif mibgħut
4.1. Meta tapplika xi waħda mill-bidliet li ġejjin għal taħlita li t-tagħrif dwarha jkun tressaq għaliha waħedha jew bħala parti mit-tagħrif għal grupp ta' taħlitiet, dawk li jibagħtu t-tagħrif għandhom jibagħtu tagħrif aġġornat qabel ma jqiegħdu dik it-taħlita mibdula fis-suq:
— |
meta jkun inbidel l-identifikatur tal-prodott tat-taħlita (inkluż l-UFI tagħha); |
— |
meta tkun inbidlet il-klassifikazzjoni tat-taħlita b'rabta mal-perikli fiżiċi tagħha jew mal-perikli tagħha marbutin mas-saħħa; |
— |
meta jsir disponibbli tagħrif tossikoloġiku rilevanti ġdid dwar il-karatteristiċi tat-taħlita jew tal-komponenti tagħha b'rabta mal-perikli, li titolbu t-Taqsima 11 tal-iskeda ta' dejta tas-sigurtà; |
— |
meta jkun hemm bidla fil-kompożizzjoni tat-taħlita li tkun tissodisfa xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
Tabella 3
Varjazzjonijiet fil-konċentrazzjoni tal-komponenti li minħabba fihom ikollu jintbagħat tagħrif aġġornat
Il-konċentrazzjoni eżatta tal-komponent li jinsab fit-taħlita (f'perċentwali) |
Varjazzjonijiet (±) fil-konċentrazzjoni inizjali tal-komponent li minħabba fihom ikollu jintbagħat tagħrif aġġornat |
> 25 — ≤ 100 |
5 % |
> 10 — ≤ 25 |
10 % |
> 2,5 — ≤ 10 |
20 % |
≤ 2,5 |
30 % |
Meta jinbidlu l-fwejjaħ inklużi fit-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta' taħlitiet, għandha tiġi aġġornata l-lista tat-taħlitiet u tal-fwejjaħ li dawn jinkludu li hija meħtieġa skont it-Taqsima 3.1.
4.2. Il-kontenut tat-tagħrif aġġornat
It-tagħrif aġġornat għandu jkun magħmul minn verżjoni riveduta tat-tagħrif li jkun intbagħat qabel li jkun fiha t-tagħrif il-ġdid disponibbli kif deskritt fit-Taqsima 4.1.
PARTI Ċ
IL-FORMAT GĦAT-TRESSIQ
1.1. Il-format għat-tressiq
It-tagħrif mibgħut lill-korpi maħturin skont l-Artikolu 45 għandu jkun f'format li għandha tipprovdih l-Aġenzija. Il-format għat-tressiq għandu jindirizza l-elementi li ġejjin:
1.2. L-identifikazzjoni tat-taħlita u ta' min ikun qed jibgħat it-tagħrif
L-identifikatur tal-prodott
— |
L-isem kummerċjali sħiħ tal-prodott (fil-każ tat-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta' taħlitiet għandhom jitniżżlu l-identifikaturi tal-prodotti kollha) |
— |
Ismijiet oħrajn jew sinonimi |
— |
L-identifikatur(i) uniku/uniċi tal-formula (l-UFI) |
— |
Identifikaturi oħrajn (in-numru tal-awtorizzazzjoni, il-kodiċi tal-prodott tal-kumpanija) |
Id-dettalji ta' kuntatt ta' min ikun qed jibgħat it-tagħrif
— |
L-isem |
— |
L-indirizz sħiħ |
— |
In-numru tat-telefown |
— |
L-indirizz tal-posta elettronika |
Id-dettalji ta' kuntatt għal aċċess rapidu għal iktar tagħrif dwar il-prodott (24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa). F'każ li jintbagħat tagħrif limitat biss
— |
L-isem |
— |
In-numru tat-telefown (aċċessibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa) |
— |
L-indirizz tal-posta elettronika |
1.3. Il-klassifikazzjoni tat-taħlita, l-elementi tat-tikketta u t-tossikoloġija
Il-klassifikazzjoni tat-taħlita u l-elementi tat-tikketta
— |
Il-klassi ta' periklu u l-kategorija tiegħu |
— |
Il-kodiċijiet tal-pittogrammi tal-periklu (l-Anness V) |
— |
Il-kelma bħala sinjal |
— |
Il-kodiċijiet tad-dikjarazzjonijiet ta' periklu, inkluż il-kodiċijiet tat-tagħrif supplimentari dwar il-periklu (l-Anness III) |
— |
Il-kodiċijiet tad-dikjarazzjonijiet ta' prekawzjoni (l-Anness IV) |
It-tagħrif tossikoloġiku
— |
Deskrizzjoni tat-tossiċità tat-taħlita jew tal-komponenti tagħha (hekk kif titlob it-Taqsima 11 tal-iskeda ta' dejta tas-sigurtà skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006) |
Tagħrif addizzjonali dwar it-taħlita
— |
Il-kulur |
— |
Il-pH (fejn dan ikun applikabbli) |
— |
L-istat fiżiku |
— |
L-imballaġġ (it-tip u d-daqs) |
— |
L-użu maħsub (il-kodiċi tal-kategorizzazzjoni tal-prodott) |
— |
L-użijiet (użu mill-konsumaturi, użu mill-professjonisti, użu industrijali) |
1.4. L-identifikaturi tal-prodott tal-komponenti tat-taħlita
L-identifikaturi tal-prodott tal-komponenti tat-taħlita (is-sustanzi u t-taħlitiet f'taħlitiet fejn dan ikun applikabbli)
— |
L-isem kimiku jew l-isem kummerċjali tal-komponenti |
— |
In-numru CAS (fejn dan ikun applikabbli) |
— |
In-numru EC (fejn dan ikun applikabbli) |
— |
L-UFI (fejn dan ikun applikabbli) |
Il-konċentrazzjoni tal-komponenti tat-taħlita u l-firxiet tal-konċentrazzjoni tagħhom
— |
Il-konċentrazzjoni eżatta jew il-firxa tal-konċentrazzjoni |
Il-klassifikazzjoni tal-komponenti tat-taħlita (is-sustanzi u l-MIMs)
— |
Il-klassifikazzjoni ta' periklu (fejn dan ikun applikabbli) |
— |
Identifikaturi addizzjonali (fejn dan ikun applikabbli u rilevanti għar-reazzjoni relatata mas-saħħa) |
Il-lista skont ir-raba' paragrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Parti B (fejn dan ikun applikabbli)