17.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/57


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/461

tas-16 ta' Marzu 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(9) tagħha,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċeduri, forom u mudelli komuni biex jiżguraw il-valutazzjoni preċiża mill-awtoritajiet kompetenti ta' notifiki ta' akkwisti diretti jew indiretti proposti jew żidiet ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu meta l-akkwirent propost ikun entità taħt superviżjoni fi Stat Membru jew f'settur ieħor, l-impriża prinċipali ta' din l-entità taħt superviżjoni, jew il-persuna naturali jew legali li tikkontrolla din l-entità taħt superviżjoni. F'dawn il-każijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jikkonsultaw ma' xulxin u jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni mitluba jew kwalunkwe informazzjoni essenzjali oħra.

(2)

Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, il-proċess ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 24 ta' dik id-Direttiva japplika wkoll għall-valutazzjoni tal-azzjonisti u membri ta' istituzzjoni ta' kreditu għall-finijiet tal-għoti ta' awtorizzazzjoni biex tinbeda l-attività ta' istituzzjoni ta' kreditu. Il-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għalhekk jenħtieġ li jippermettu wkoll konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti meta l-valutazzjoni tal-azzjonisti jew membri b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti titwettaq bħala parti mill-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu.

(3)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u tiġi żgurata effiċjenza fl-iskambju ta' informazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jaħtru punti ta' kuntatt dedikati speċifikament għall-għan tal-proċess ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE u jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tagħhom.

(4)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri ta' konsultazzjoni li fihom restrizzjonijiet ta' ħin ċari sabiex jiżguraw kooperazzjoni fil-ħin u effiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti.

(5)

Dawn il-proċeduri ta' konsultazzjoni għandhom ukoll jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw u jaħdmu lejn it-titjib tal-proċess ta' konsultazzjoni billi fejn xieraq, jippromwovu l-iskambju ta' rispons dwar il-kwalità u r-rilevanza tal-informazzjoni rċevuta.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (“EBA”) lill-Kummissjoni.

(7)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Kkonċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE bejn dawn li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti ta' istituzzjoni ta' kreditu eżistenti li fiha huwa propost li tiġi akkwistata jew miżjuda parteċipazzjoni kwalifikanti jew l-awtorità responsabbli għall-għoti tal-awtorizzazzjoni biex tinbeda l-attività ta' istituzzjoni ta' kreditu (l-“awtorità rikjedenti”);

(b)

l-awtorità kompetenti rilevanti tal-akkwirent, azzjonist jew membru propost, meta dan l-akkwirent, azzjonist jew membru propost jaqa' taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2013/36/UE (iktar 'il quddiem l- “awtorità li ssirilha t-talba”).

Artikolu 2

Punti ta' kuntatt maħtura

Għall-fini tal-proċess ta' konsultazzjoni stabbilit fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jaħtru, permezz ta' indirizz uniku ta' dipartiment jew kaxxa postali dedikat, punti ta' kuntatt għat-trażmissjoni ta' avviżi ta' konsultazzjoni u komunikazzjonijiet oħra f'konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom jagħmlu dawn il-punti ta' kuntatt disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tagħhom.

Artikolu 3

Avviż ta' konsultazzjoni

1.   L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż ta' konsultazzjoni lill-awtorità li ssirilha t-talba mill-aktar fis possibbli wara li jasal l-avviż imsemmi fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36/UE u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 10 ijiem ta' xogħol wara l-bidu tal-perjodu ta' valutazzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) ta' dik id-Direttiva.

2.   Meta l-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36/UE titwettaq bħala parti mill-valutazzjoni ta' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex istituzzjoni ta' kreditu tibda l-attivitajiet tagħha, l-awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż ta' konsultazzjoni lill-awtorità li ssirilha t-talba mill-aktar fis possibbli wara li tasal din l-applikazzjoni u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 10 ijiem ta' xogħol wara li tasal l-informazzjoni sħiħa msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/36/UE.

3.   L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat l-avviżi ta' konsultazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 bil-miktub permezz tal-posta, tal-faks jew ta' mezz elettroniku sigur, u tindirizzahom lill-persuna ta' kuntatt maħtura tal-awtorità rikjedenti.

4.   L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat l-avviżi ta' konsultazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 billi timla l-mudell stipulat fl-Anness I, u tispeċifika d-dettalji ewlenin tal-parteċipazzjoni proposta u tal-informazzjoni li l-awtorità rikjedenti titlob mill-awtorità li ssirilha t-talba f'dan ir-rigward.

Artikolu 4

Konferma tar-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni

L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 lill-awtorità rikjedenti fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta jasal dan l-avviż.

Artikolu 5

Tweġiba minn awtorità li ssirilha t-talba

1.   Tweġiba għal avviż ta' konsultazzjoni għandha ssir bil-miktub, billi jintuża l-format stabbilit fl-Anness II, bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniċi siguri. Għandha tiġi indirizzata lill-punt ta' kuntatt maħtur tal-awtorità rikjedenti msemmija fl-Artikolu 2, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-awtorità rikjedenti.

2.   L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 20 jum ta' xogħol mir-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni:

(a)

l-informazzjoni rilevanti kollha mitluba fl-avviż ta' konsultazzjoni, inkluża kwalunkwe opinjoni jew riżerva fir-rigward tal-akkwiżizzjoni mill-akkwirent propost;

(b)

kull informazzjoni essenzjali, fuq l-inizjattiva tagħha stess.

3.   Meta l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista' tissodisfa l-limitu perentorju stabbilit fil-paragrafu 2, għandha tinforma minnufih lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet ġustifikabbli li jeħtieġu dewmien bħal dan u tipprovdi data mistennija tat-tweġiba. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi rispons regolari dwar il-progress li sar jew fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-awtorità rikjedenti.

4.   Meta minħabba każijiet ġustifikati ta' neċessità, l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista' tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-ħin biex tilħaq il-limitu perentorju stabbilit fil-paragrafu 2, hija għandha:

(a)

tipprovdi l-informazzjoni li hija diġà disponibbli fil-limitu perentorju stabbilit fil-paragrafu 2, billi tuża l-format stabbilit fl-Anness II;

(b)

tipprovdi kwalunkwe informazzjoni nieqsa malli ssir disponibbli u b'manjiera, inkluż verbalment, li tiżgura li kwalunkwe azzjoni meħtieġa tista' tipproċedi b'mod espedjenti.

5.   Jekk l-informazzjoni mitluba tiġi pprovduta verbalment skont il-punt (b) tal-paragrafu 4, din għandha sussegwentement tiġi kkonfermata bil-miktub f'konformità mal-paragrafu 1, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti involuti jiddeċiedu mod ieħor.

Artikolu 6

Proċeduri għall-konsultazzjoni

1.   L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkomunikaw fir-rigward ta' avviż ta' konsultazzjoni u t-tweġiba billi jużaw il-mezzi l-aktar espedjenti minn fost dawk stabbiliti fl-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 5(1), filwaqt li jqisu kif dovut kunsiderazzjonijiet ta' kunfidenzjalità, il-ħinijiet ta' korrispondenza, il-volum ta' materjal li għandu jiġi kkomunikat u l-faċilità ta' aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità rikjedenti.

2.   L-informazzjoni pprovduta mill-awtorità li ssirilha t-talba għandha, sa fejn taf hi, tkun kompleta, preċiża u aġġornata.

3.   Wara li tirċievi avviż ta' konsultazzjoni, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tikkomunika mal-awtorità rikjedenti fi żmien xieraq jekk ikun hemm bżonn xi kjarifika rigward l-informazzjoni mitluba.

L-awtorità rikjedenti għandha mbagħad twieġeb fil-pront għal kwalunkwe kjarifika mitluba mill-awtorità li ssirilha t-talba.

4.   Jekk l-informazzjoni mitluba hija miżmuma minn awtorità oħra tal-istess Stat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba iżda li ma tikkostitwixxix awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tagħmel l-aħjar sforzi biex tiġbor l-informazzjoni minnufih u tibgħatha lill-awtorità rikjedenti skont l-Artikolu 5.

Jekk l-informazzjoni mitluba hija miżmuma minn awtorità oħra ta' Stat Membru differenti jew minn awtorità oħra tal-istess Stat Membru li tikkostitwixxi awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha minnufih tgħarraf lill-awtorità rikjedenti dwar dan.

5.   L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jikkooperaw biex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista' tinħoloq fl-eżekuzzjoni ta' talba.

6.   L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jipprovdu rispons lil xulxin dwar l-eżitu tal-valutazzjoni li dwarha tkun sar il-proċess ta' konsultazzjoni u, fejn ikun adegwat, dwar l-utilità tal-informazzjoni jew għajnuna oħra rċevuta jew kwalunkwe problema li tinqala' fl-għoti ta' tali għajnuna jew informazzjoni.

7.   Meta jkun hemm informazzjoni ġdida jew il-ħtieġa għal aktar informazzjoni waqt il-perjodu ta' valutazzjoni, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jiżguraw li l-informazzjoni essenzjali u rilevanti kollha tiġi skambjata. Il-mudelli stipulati fl-Annessi I u II, fejn xieraq, għandhom jintużaw għal dan l-għan.

8.   Matul il-proċess ta' konsultazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw lingwa uffiċjali ta' Stat Membru tal-Unjoni li hija lingwa użata b'mod komuni għal kooperazzjoni superviżorja internazzjonali u għandhom jippubblikaw l-għażla ta' din il-lingwa jew lingwi fuq is-siti web tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li għandhom lingwa uffiċjali komuni jew jiftiehmu reċiprokament li jużaw lingwa uffiċjali oħra ta' Stat Membru tal-Unjoni jistgħu jużaw dik il-lingwa.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


ANNESS I

Mudell ta' avviż ta' konsultazzjoni

[L-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461]

Data: …

MINN:

Stat Membru:

Awtorità Rikjedenti:

Indirizz:

(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)

Telefown:

Posta elettronika:

Numru ta' referenza:

LIL:

Stat Membru:

Awtorità li ssirilha t-talba:

Indirizz:

(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)

Telefown:

Posta elettronika:

Sinjur/a,

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 (1), qed issir notifika ta' konsultazzjoni b'rabta mas-suġġetti mfissra f'aktar dettall hawn taħt.

Jekk jogħġbok innota li l-proċedura ta' valutazzjoni se tiskadi fi [daħħal data] (2). Għalhekk inkunu grati jekk tkun tista' tipprovdi l-informazzjoni mitluba u kwalunkwe informazzjoni essenzjali oħra, kif ukoll kwalunkwe fehmiet jew riżervi li jista' jkollok dwar il-parteċipazzjoni proposta, fi żmien 20 jum ta' xogħol mir-riċevuta ta' din l-ittra, jew jekk dan mhuwiex possibbli, indikazzjoni dwar meta tistenna li tkun f'pożizzjoni li tipprovdi l-għajnuna mfittxija.

Dan l-avviż ta' konsultazzjoni, ir-risposta tiegħek u l-ipproċessar tagħhom huma soġġetti għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni proposta

Identità tal-akkwirent(i), azzjonist(i) jew membru/i propost(i):

[Għal persuni fiżiċi, inkludi d-dettalji personali, inklużi l-isem, id-data u l-post ta' twelid tal-persuna, in-numru ta' identifikazzjoni personali (meta disponibbli) u l-indirizz. Għal persuni ġuridiċi, inkludi l-isem reġistrat, l-indirizz reġistrat tal-uffiċċju prinċipali, l-indirizz postali (jekk inhu differenti) u n-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali (meta disponibbli)]

Isem l-entità(jiet) rilevanti regolati fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba u r-relazzjoni mal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost:

[Meta l-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost huwa entità regolata kif imsemmi fl-Artikolu 24(1)(a) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-isem tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost huwa biżżejjed. Meta l-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jaqa' taħt waħda mill-kategoriji definiti skont l-Artikolu 24(1)(b) jew (c) tad-Direttiva 2013/36/UE, huwa neċessarju wkoll li tiġi spjegata r-relazzjoni tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost mal-entità rilevanti regolata fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba]

Identità tal-impriża jew l-istituzzjoni fil-mira li għaliha hija mitluba awtorizzazzjoni:

Inkludi l-isem reġistrat, l-indirizz reġistrat tal-uffiċċju prinċipali tagħha, l-indirizz postali (jekk differenti) u n-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali (meta disponibbli)]

Daqs tal-parteċipazzjoni diretta jew indiretta attwali u maħsuba tal-akkwirent, l-azzjonist jew membru propost fl-impriża jew l-istituzzjoni fil-mira li għaliha hija mitluba l-awtorizzazzjoni:

[Inkludi informazzjoni dwar l-ishma tal-impriża jew istituzzjoni fil-mira li għaliha hija mitluba l-awtorizzazzjoni li jappartjenu, jew huma kontemplati li jsiru jappartjenu, lill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta), inkluż (i) in-numru u t-tip ta' ishma, kemm jekk huma ishma ordinarji jew oħrajn, tal-impriża li jappartjenu jew li huma maħsuba li jiġu akkwistati, mill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta), flimkien mal-valur nominali ta' dawn l-ishma, (ii) is-sehem tal-kapital globali tal-impriża li l-ishma tagħha jappartjenu, jew huma maħsuba li jsiru jappartjenu, lill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jirrappreżentaw (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta) u (iii) is-sehem tad-drittijiet ta' votazzjoni globali tal-impriża li l-ishma li jappartjenu, jew li huma kontemplati li jiġu jappartjenu, lill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jirrappreżentaw (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta), jekk differenti mis-sehem tal-kapital tal-impriża. Għal akkwiżizzjonijiet indiretti, din l-informazzjoni għandha tkun provduta mutatis mutandis.]

Dettalji ta' kwalunkwe awtorità oħra involuta:

[Jekk l-awtorità rikjedenti tkun ġiet jew ser tiġi f'kuntatt ma' kwalunkwe awtorità oħra fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba f'rabta mas-suġġett tat-talba jew kwalunkwe awtorità oħra li l-awtorità rikjedenti tkun taf li jkollha interess attiv fis-suġġett tat-talba]

[Informazzjoni addizzjonali provduta mill-awtorità rikjedenti (jekk hemm):

…]

Tip ta' għajnuna mitluba

Informazzjoni speċifika mitluba:

[Inkludi deskrizzjoni dettaljata tal-informazzjoni speċifika mitluba, inklużi kwalunkwe dokumenti mitluba. Din l-informazzjoni għandha tinkludi:

meta disponibbli, l-eżitu tal-valutazzjoni l-iktar riċenti tal-adegwatezza (f'termini ta' kompetenza u idoneità) tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jew tal-uffiċjali rilevanti tal-entità rilevanti regolata;

meta disponibbli, l-eżitu tal-valutazzjoni l-iktar riċenti tas-solidità finanzjarja tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jew tal-entità rilevanti regolata, b'rapporti ta' verifika pubbliċi jew esterni relatati;

meta disponibbli, l-eżitu tal-valutazzjoni l-iktar riċenti mill-awtorità li ssirilha t-talba tal-kwalità tal-istruttura ta' ġestjoni tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jew tal-entità rilevanti regolata, u l-proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi tagħha, is-sistemi ta' kontroll intern, il-governanza korporattiva, l-istruttura tal-grupp eċċ.;

jekk hemm xi raġunijiet biex jiġi suspettat, b'konnessjoni mal-akkwiżizzjoni jew il-parteċipazzjoni proposta, li seħħew jew kien hemm attentat ta' ħasil ta' flus jew finanzjament tat-terroriżmu,

u kwalunkwe informazzjoni speċifika oħra mitluba mill-awtorità rikjedenti.]

Dejjem tiegħek,

[firma]


(1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 57).

(2)  Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2013/36/UE jew, kif jista' jkun il-każ, l-Artikolu 15 tad-Direttiva

(3)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).


ANNESS II

Mudell tar-risposta mill-awtorità li ssirilha t-talba

[L-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461]

Data: …

Informazzjoni ġenerali

MINN:

Stat Membru:

Awtorità li ssirilha t-talba:

Indirizz:

(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)

Telefown:

Posta elettronika:

Numru ta' referenza tal-awtorità li ssirilha t-talba

LIL:

Stat Membru:

Awtorità Rikjedenti:

Indirizz:

(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)

Telefown:

Posta elettronika:

Numru ta' referenza tal-awtorità rikjedenti:

Sinjur/a,

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 (1), l-avviż ta' konsultazzjoni tiegħek datat [jj.xx.ssss] bin-numru ta' referenza msemmi hawn fuq ġie pproċessat min-naħa tagħna.

Din ir-risposta hija soġġetta għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Fejn applikabbli, spjega kwalunkwe dubju li jista' jkollok fir-rigward tal-informazzjoni preċiża mitluba jew ta' kwalunkwe aspett ieħor ta' din il-valutazzjoni:

Inkludi l-informazzjoni mitluba hawn jew irreferi għall-annessi rilevanti li jinkludu l-informazzjoni mitluba:

Jekk hemm xi informazzjoni oħra essenzjali jew kwalunkwe informazzjoni oħra li l-awtorità li ssirilha t-talba tixtieq tipprovdi, niżżel dik l-informazzjoni hawnhekk jew agħti spjegazzjoni ta' kif se tiġi pprovduta, jew agħmel referenza għall-annessi rilevanti li jinkludu dik l-informazzjoni:

[Ipprovdi kwalunkwe informazzjoni essenzjali, bħall-istruttura tal-grupp jew il-valutazzjonijiet l-iktar reċenti tas-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost jew tal-entità rilevanti regolata.]

Jekk hemm kwalunkwe opinjonijiet jew riżervi fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta, iktibhom hawn:

Jekk kwalunkwe informazzjoni mitluba ma kinitx disponibbli waqt it-tħejjija ta' din ir-risposta u l-istennija għal din l-informazzjoni kienet tirriżulta li r-risposta tiġi sottomessa tard, identifika din l-informazzjoni hawn u speċifika meta huwa mistenni li tiġi pprovduta:

Dejjem tiegħek,

[firma]


(1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 57).

(2)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).