|
9.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 63/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/401
tas-7 ta' Marzu 2017
li jimplimenta l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 747/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 747/2014 tal-10 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 131/2004 u Nru 1184/2005 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fl-10 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 747/2014. |
|
(2) |
Fit-12 ta' Jannar 2017, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1591(2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, aġġorna l-informazzjoni marbuta ma' erba' persuni soġġetti għal miżuri restrittivi. |
|
(3) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 747/2014 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 747/2014 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
L. GRECH
ANNESS
L-entrati li jikkonċernaw il-persuni elenkati hawn taħt jiġu sostitwiti bl-entrati li ġejjin:
“1. ELHASSAN, Gaffar Mohammed
Psewdonimu: Gaffar Mohmed Elhassan
Deżinjazzjoni: Ġeneral Maġġur u Kmandant tar-Reġjun Militari tal-Punent għall-Forzi Armati Sudaniżi (SAF)
Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Karta ta' identifikazzjoni 4302 ta' ex-impjegat tas-servizzi
Data tat-twelid: 24 ta' Ġunju 1952
Indirizz: El Waha, Omdurman, Sudan
Data tan-nomina min-NU: 25 ta' April 2006
Informazzjoni oħra: Irtirat mill-Armata Sudaniża. Indirizz tal-Internet tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5282254
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Il-Grupp ta' Esperti jirrapporta li l-Ġeneral Maġġur Gaffar Mohammed Elhassan stqarrilhom li huwa kellu kmand operazzjonali dirett (primarjament kmand tattiku) tal-elementi kollha tas-SAF f'Darfur meta kien jikkmanda r-Reġjun Militari tal-Punent. Elhassan kien f'din il-pożizzjoni ta' Kmandant taż-Żona Militari tal-Punent minn Novembru 2004 (bejn wieħed u ieħor) sal-bidu tal-2006. L-informazzjoni tal-Grupp tgħid li Elhassan kien responsabbli mill-ksur tal-paragrafu 7 ta' SCR 1591 minħabba li permezz tal-pożizzjoni tiegħu huwa talab (minn Khartoum) u awtorizza (mid-29 ta' Marzu 2005) it-trasferiment ta' tagħmir militari f'Darfur mingħajr approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat 1591. Elhassan innifsu ammetta lill-Grupp ta' Esperti li kienu nġiebu f'Darfur inġenji tal-ajru, magni tal-inġenji tal-ajru u tagħmir militari ieħor minn partijiet oħrajn tas-Sudan bejn id-29 ta' Marzu 2005 u Diċembru 2005. Pereżempju huwa informa lill-Grupp li żewġ ħelikopters tal-attakk Mi-24 inġiebu b'mod mhux awtorizzat f'Darfur bejn it-18 u l-21 ta' Settembru 2005. Hemm ukoll raġunijiet validi biex wieħed jemmen li Elhassan kien direttament responsabbli, bħala Kmandant taż-Żona Militari tal-Punent, mill-awtorizzazzjoni ta' ġlied militari offensiv fiż-żona ta' madwar Abu Hamra, fit-23-24 ta' Lulju 2005 u fiż-żona ta' Jebel Moon f'Darfur tal-Punent, fid-19 ta' Novembru 2005. Il-ħelikopters tal-attakk Mi-24 kienu involuti fiż-żewġ operazzjonijiet u allegatament sparaw fiż-żewġ okkażjonijiet. Il-Grupp ta' Esperti jirrapporta li Elhassan indika lill-Grupp li huwa stess approva t-talbiet għal appoġġ bl-ajru u operazzjonijiet oħrajn tal-ajru fil-kapaċità tiegħu ta' Kmandant taż-Żona Militari tal-Punent. (Ara r-rapport tal-Grupp ta' Esperti, S/2006/65, paragrafi 266-269.) Permezz ta' tali azzjonijiet il-Ġeneral Maġġur Gaffar Mohammed ELHASSAN kiser id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' SCR 1591 u għalhekk jilħaq il-kriterji biex jiġi nominat mill-Kumitat biex ikun soġġett għal sanzjonijiet.
2. ALNSIEM, Musa Hilal Abdalla
Psewdonimu: (a) (Sheikh) Musa Hilal; (b) Abd Allah; (c) Abdallah; (d) AlNasim; (e) Al Nasim; (f) AlNaseem; (g) Al Naseem; (h) AlNasseem; (i) Al Nasseem
Deżinjazzjoni: (a) Membru tal-Assemblea Nazzjonali tas-Sudan, (b) Fl-2008, inħatar mill-President tas-Sudan bħala konsulent speċjali fil-Ministeri tal-Affarijiet Federali, (c) Kap Suprem tat-Tribù ta' Jalul fid-Darfur tat-Tramuntana
Data tat-twelid: (a) 01 Jan.1964; b) 1959
Post tat-twelid: Kutum
Indirizz: (a) Kabkabiya, is-Sudan, (b) Kutum, is-Sudan (Residenti f'Kabkabiya u l-belt ta' Kutum, fit-Tramuntana tad-Darfur u għex f'Khartoum)
Passaport: Passaport Diplomatiku D014433, maħruġ fil-21 ta' Frar 2013 (Jiskadi il-21 ta' Frar 2015)
Identifikazzjoni: Nru taċ-Ċertifikat ta' Nazzjonalità: A0680623
Data tan-nomina min-NU: 25 ta' April 2006
Informazzjoni oħra: Indirizz tal-Internet tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5795065
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Ir-rapport mill-Human Rights Watch jiddikjara li għandhom memorandum tat-13 ta' Frar 2004 mill-uffiċċju tal-gvern lokali f'Darfur tat-Tramuntana li tordna lill-“unitajiet tas-sigurtà fil-lokalità” biex “jippermettu li l-attivitajiet tal-mujahideen u l-voluntiera taħt il-kmand tax-Sheikh Musa Hilal jipproċedu fiż-żoni tat-[Tramuntana ta' Darfur] u biex jiżguraw il-ħtiġijiet vitali tagħhom”. Fit-28 ta' Settembru 2005, 400 milizzja Għarbija attakkat il-villaġġi ta' Aro Sharrow (inkluż il-kamp tiegħu IDP), Acho u Gozmena f'Darfur tal-Punent. Aħna nemmnu wkoll li Musa Hilal kien preżentati waqt l-attakk fuq il-kamp tal-IDP ta' Aro Sharrow: it-tifel tiegħu ġie maqtul waqt l-attakk tal-Armata tal-Liberazzjoni Sudaniża (SLA) fuq Shareia, jiġifieri issa kien involut fi ġlieda personali ta' tixrid tad-demm. Hemm raġunijiet validi biex wieħed jemmen li bħala l-Kap Suprem huwa kellu responsabbiltà diretta għal dawn l-azzjonijiet u huwa responsabbli mill-ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem u atroċitajiet oħra.
3. SHARIF, Adam Yacub
Psewdonimu: a) Adam Yacub Shant; b) Adam Yacoub
Deżinjazzjoni: Kmandant tal-Armata għal-Liberazzjoni tas-Sudan (ALS)
Data tat-twelid: appross. 1976
Data tan-nomina min-NU: 25 ta' April 2006
Informazzjoni oħra: Allegatament deċedut fis-7 ta' Ġunju 2012.Indirizz tal-Internet tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5283783
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Suldati tal-ALS taħt il-kmand ta' Adam Yacub Shant kisru l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied billi attakkaw kontinġent militari tal-Gvern tas-Sudan li kien qed jakkumpanja konvoj ta' trakkijiet qrib Abu Hamra, f'Darfur tat-Tramuntana fit-23 ta' Lulju 2005, fejn qatlu tliet suldati. Wara l-attakk insterqu armi u munizzjoni militari tal-Gvern. Il-Grupp ta' Esperti għandu informazzjoni li tistabbilixxi li l-attakk mis-suldati tas-SLA sar u kien organizzat b'mod ċar; konsegwentement, dan kien ippjanat sew. Huwa għalhekk raġonevoli li wieħed jassumi li, kif ikkonkluda l-Grupp, li Shant, bħala l-Kmandant konfermat tas-SLA fiż-żona, bilfors kellu għarfien ta' u approva/jew ordna l-attakk. Għalhekk, huwa direttament responsabbli mill-attakk u jilħaq il-kriterji biex jitniżżel fil-lista.
4. MAYU, Jibril Abdulkarim Ibrahim
Psewdonimu: Ġeneral Gibril Abdul Kareem Barey; ‘Tek’; Gabril Abdul Kareem Badri
Deżinjazzjoni: Kmandant Operattiv tal-Moviment Nazzjonali għar-Riforma u l-Iżvilupp (NMRD)
Data tat-twelid: 1 ta' Jannar 1967
Post tat-Twelid: Distrett tan-Nil, El-Fasher, El-Fasher, fit-Tramuntana tad-Darfur
Nazzjonalità: Sudaniż mit-twelid
Indirizz: Tine, Sudan (Residenti f'Tine, fuq in-naħa Sudaniża tal-fruntiera maċ-Chad)
Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: (a) 192-3238459- 9, (b) Ċertifikat ta' nazzjonalità akkwistat permezz tat-twelid 302581
Data tan-nomina min-NU: 25 ta' April 2006
Informazzjoni oħra: Indirizz tal-Internet tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5795071
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Mayu huwa responsabbli għall-ħtif ta' persunal tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS) f'Darfur matul Ottubru 2005. Mayu jagħmel tentattiv bil-miftuħ li jisfratta l-missjoni tal-AMIS permezz ta' intimidazzjoni; pereżempju huwa hedded li jispara fuq ħelikopters tal-Unjoni Afrikana (UA) u jwaqqagħhom fiż-żona ta' Jebel Moon f'Novembru 2005. Permezz ta' tali azzjonijiet Mayu kiser biċ-ċar SCR 1591 billi huwa jikkostitwixxi theddida għall-istabbiltà f'Darfur u jissodisfa l-kriterji li għandhom jiġu nominati mill-Kumitat li għandu jiġi soġġett għal sanzjonijiet.”