10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/44


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/391

tal-11 ta' Novembru 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ulterjorment il-kontenut tar-rappurtar dwar is-saldi internalizzati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1) u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) qieset ir-“Rapport dwar l-eżitu tas-sejħa tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej għal evidenza dwar l-internalizzazzjoni tas-saldu mill-banek kustodji u l-attivitajiet tagħhom li jixbħu lil dawk ta' Kontropartijiet Ċentrali” tas-17 ta' April 2009, li juri differenzi konsiderevoli rigward ir-regoli u l-proċeduri ta' monitoraġġ fil-livell ta' internalizzaturi tas-saldu fost l-Istati Membri, kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' saldu internalizzat.

(2)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-internalizzaturi tas-saldu għandhom jirrappurtaw dwar is-saldi li jinternalizzaw. Sabiex tiġi pprovduta ħarsa ġenerali tajba lejn l-ambitu u l-firxa tas-saldi internalizzati, jeħtieġ li jiġi speċifikat aktar il-kontenut ta' dan ir-rappurtar. Ir-rapporti dwar is-saldu internalizzat għandhom jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar il-volum u l-valur aggregati tal-istruzzjonijiet tas-saldu saldati minn internalizzaturi tas-saldu barra s-sistemi tas-saldu tat-titoli li jispeċifikaw il-klassi tal-assi, it-tip ta' tranżazzjonijiet ta' titoli, it-tip ta' klijenti, u d-Depożitorju Ċentrali tat-Titoli (CSD — Central Securities Depository) tal-emittenti.

Internalizzatur tas-saldu għandu jirrapporta biss saldi internalizzati fejn ikun eżegwixxa istruzzjoni ta' saldu minn klijent tal-internalizzatur tas-saldu fil-kotba tiegħu stess. Internalizzatur tas-saldu ma għandux jirrapporta allinjamenti sussegwenti ta' pożizzjonijiet ta' entrati fil-kotba li jirriflettu s-saldu ta' struzzjonijiet minn entitajiet oħra fil-katina taż-żamma tat-titoli, peress li dawn ma jikkwalifikawx bħala saldu internalizzat. B'mod simili, internalizzatur tas-saldu ma għandux jirrapporta tranżazzjonijiet eżegwiti f'ċentru tan-negozjar u trasferiti miċ-ċentru tan-negozjar lil kontroparti ċentrali (CCP — central counterparty) għall-ikklerjar jew lil CSD għas-saldu.

(3)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-komparabbiltà tad-dejta bejn l-internalizzaturi tas-saldu, kalkoli relatati mal-valur ta' struzzjonijiet ta' saldu internalizzat skont dan ir-Regolament għandhom ikunu bbażati fuq dejta u metodoloġiji oġġettivi u affidabbli.

(4)

Ir-rekwiżiti ta' rappurtar stabbiliti f'dan ir-Regolament jistgħu jeħtieġu bidliet sinifikanti fis-sistema tal-IT, ittestjar tas-suq u aġġustamenti għall-arranġamenti legali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. Huwa għalhekk neċessarju li dawk l-istituzzjonijiet jingħataw żmien biżżejjed biex jippreparaw għall-applikazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(6)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(7)

F'konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, waqt li kienet qed tiżviluppa l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa msejjes dan ir-Regolament, l-ESMA ħadmet f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“Struzzjoni ta' saldu internalizzat” tfisser struzzjoni minn klijent tal-internalizzatur tas-saldu sabiex jitqiegħed għad-dispożizzjoni tar-riċevitur ammont ta' flus jew sabiex tiġi trasferita s-sjieda ta' titolu jew titoli jew interess fihom permezz ta' entrata f'reġistru, jew b'mod ieħor, li tiġi saldata mill-internalizzatur tas-saldu fil-kotba tiegħu stess u mhux permezz ta' sistema tas-saldu tat-titoli.

2.

“Struzzjoni li ma tirnexxix tal-internalizzar tas-saldu” tfisser li saldu, jew saldu parzjali, ta' tranżazzjoni tat-titoli ma jseħħux fid-data miftiehma mill-partijiet ikkonċernati minħabba nuqqas ta' titoli jew flus, indipendentement mill-kawża sottostanti.

Artikolu 2

1.   Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kodiċi tal-pajjiż tal-post tal-istabbiliment tal-internalizzatur tas-saldu;

(b)

il-kronogramma tar-rappurtar;

(c)

il-perjodu kopert mir-rapport;

(d)

l-identifikatur tal-internalizzatur tas-saldu;

(e)

id-dettalji ta' kuntatt tal-internalizzatur tas-saldu;

(f)

il-volum u l-valur aggregati, espressi f'euro, tal-istruzzjonijiet ta' saldu internalizzat saldati mill-internalizzatur tas-saldu matul il-perjodu kopert mir-rapport;

(g)

il-volum u l-valur aggregati, espressi f'euro, tal-istruzzjonijiet ta' saldu internalizzat saldati mill-internalizzatur tas-saldu matul il-perjodu kopert mir-rapport, għal kull wieħed mit-tipi li ġejjin ta' strumenti finanzjarji:

(i)

titoli trasferibbli msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

(ii)

dejn sovran imsemmi fil-punt (61) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(iii)

titoli trasferibbli msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE, minbarra dawk imsemmija fil-punt (ii) tal-punt (g) ta' dan is-subparagrafu;

(iv)

titoli trasferibbli msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(v)

fondi nnegozjati fis-suq kif definiti fil-punt (46) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(vi)

unitajiet f'impriżi ta' investiment kollettiv, għajr għal fondi nnegozjati fil-borża;

(vii)

strumenti tas-suq monetarju, għajr dawk imsemmija fil-punt (ii);

(viii)

kwoti ta' emissjonijiet;

(ix)

strumenti finanzjarji oħra.

(h)

il-volum u l-valur aggregati, espressi f'euro, tal-istruzzjonijiet ta' saldu internalizzat kollha, għal kull wieħed mit-tipi li ġejjin ta' tranżazzjonijiet ta' titoli saldati mill-internalizzatur tas-saldu matul il-perjodu kopert mir-rapport:

(i)

ix-xiri jew il-bejgħ ta' titoli;

(ii)

il-ġestjoni kollaterali tal-operazzjonijiet;

(iii)

l-għoti jew teħid b'self ta' titoli;

(iv)

it-tranżazzjonijiet ta' riakkwist;

(v)

tranżazzjonijiet oħra ta' titoli.

(i)

il-volum u l-valur aggregati, espressi f'euro, tal-istruzzjonijiet ta' saldu internalizzat kollha saldati mill-internalizzatur tas-saldu matul il-perjodu kopert mir-rapport, li jkopru t-tipi li ġejjin ta' klijenti:

(i)

klijenti professjonali kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(ii)

klijenti mhux professjonali kif definiti fil-punt (11) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

(j)

il-volum u l-valur aggregati, espressi f'euro, tal-istruzzjonijiet ta' saldu internalizzat kollha li jirreferu għal trasferimenti ta' flus likwidi saldati mill-internalizzatur tas-saldu matul il-perjodu kopert mir-rapport;

(k)

il-volum u l-valur aggregati, espressi f'euro, tal-istruzzjonijiet ta' saldu internalizzat kollha saldati mill-internalizzatur tas-saldu matul il-perjodu kopert mir-rapport, għal kull CSD li jipprovdi s-servizz ewlieni msemmi fil-punti 1 jew 2 tat-Taqsima A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tat-titoli sottostanti;

(l)

il-volum u l-valur aggregati, espressi f'euro, tal-istruzzjonijiet ta' saldu internalizzat kollha msemmija fil-punti (g) sa (j), għal kull CSD li jipprovdi s-servizz ewlieni msemmi fil-punt 1 jew 2 tat-Taqsima A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tat-titoli sottostanti;

(m)

il-volum u l-valur aggregati, espressi f'euro, tal-istruzzjonijiet ta' saldu internalizzat li jfallu msemmija fil-punti (f) sa (l) li jonqsu li jiġu saldati matul il-perjodu kopert mir-rapport;

(n)

ir-rati ta' struzzjonijiet ta' saldu internalizzat imsemmija fil-punti (f) sa (l) li jonqsu li jitħallsu meta mqabbla ma' dan li ġej:

(i)

il-valur aggregat, espress f'euro, tal-istruzzjonijiet ta' saldu internalizzat saldati mill-internalizzatur tas-saldu u struzzjonijiet ta' saldu internalizzat li jfallu;

(ii)

il-volum aggregat tal-istruzzjonijiet ta' saldu internalizzat saldati mill-internalizzatur tas-saldu u struzzjonijiet ta' saldu internalizzat li ma jirnexxux.

Għall-fini tal-punti (k) u (l) tal-ewwel subparagrafu, jekk l-informazzjoni dwar is-CSD li jipprovdi s-servizz prinċipali msemmi fil-punti 1 jew 2 tat-Taqsima A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tal-ħruġ tat-titoli sottostanti ma tkunx disponibbli, l-ISIN tat-titoli għandu jintuża bħala indikatur, billi tinqasam id-dejta skont l-ewwel żewġ karattri tal-kodiċi ISIN.

2.   Fejn disponibbli, ir-rata tal-kambju tal-Bank Ċentrali Ewropew fl-aħħar jum tal-perjodu kopert mir-rapporti għandha tintuża għall-konverżjoni ta' muniti oħrajn f'euro.

3.   Il-valur aggregat tal-istruzzjonijiet ta' saldu internalizzat imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

(a)

fil-każ ta' struzzjonijiet ta' saldu internalizzat bi ħlas, l-ammont tas-saldu tal-parti li tikkonsisti fi flus likwidi;

(b)

fil-każ ta' struzzjonijiet ta' saldu internalizzat mingħajr ħlas, il-valur tas-suq tat-titoli jew, jekk mhux disponibbli, il-valur nominali tat-titoli.

Il-valur tas-suq imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

(a)

għal strumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ammessi għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, il-valur determinat skont il-prezz tal-għeluq tal-aktar suq rilevanti f'termini ta' likwidità msemmi fl-Artikolu 4(6)(b) ta' dak ir-Regolament;

(b)

għal strumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, għajr dawk imsemmija fil-punt (a), il-valur iddeterminat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-għeluq taċ-ċentru tan-negozjar fl-Unjoni bl-ogħla fatturat;

(c)

għal strumenti finanzjarji għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b), il-valur determinat fuq il-bażi ta' prezz ikkalkulat bl-użu ta' metodoloġija predeterminata, approvata mill-awtorità kompetenti, li tirreferi għal kriterji relatati ma' dejta tas-suq, bħal prezzijiet tas-suq disponibbli fost iċ-ċentri ta' negozjar jew id-ditti tal-investiment.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-10 ta' Marzu 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).