10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/9


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/390

tal-11 ta' Novembru 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar ċerti rekwiżiti prudenzjali għal depożitorji ċentrali tat-titoli u istituzzjonijiet ta' kreditu ddeżinjati li joffru servizzi anċillari ta' tip bankarju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 47(3), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 54(8) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 59(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali għad-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) biex jiżgura li huma siguri u li jikkonformaw f'kull ħin mar-rekwiżiti ta' kapital. Dawn ir-rekwiżiti ta' kapital jiżguraw li CSD ikun kapitalizzat b'mod adegwat f'kull ħin kontra r-riskji li għalihom ikun espost u li, jekk ikun meħtieġ, ikun kapaċi jwettaq stralċ ordnat jew ristrutturazzjoni tal-attivitajiet tiegħu.

(2)

Minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar ir-riskji ta' kreditu u likwidità relatati mas-CSDs u l-istituzzjonijiet ta' kreditu ddeżinjati jeħtieġu b'mod espliċitu li r-regoli u l-proċeduri interni jippermettu li jkunu jistgħu jimmonitorjaw, ikejlu u jġestixxu skoperturi u ħtiġijiet ta' likwidità mhux biss fir-rigward tal-parteċipanti individwali iżda wkoll fir-rigward tal-parteċipanti li jagħmlu parti mill-istess grupp u li huma kontropartijiet tas-CSD, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għal gruppi ta' impriżi li jikkonsistu minn impriża omm u s-sussidjarji tagħha.

(3)

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ġew ikkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji maħruġa mill-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u Saldu u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (il-“Prinċipji tas-CPSS-IOSCO”) (2). Ġie kkunsidrat ukoll it-trattament tal-kapital tal-istituzzjonijiet ta' kreditu skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) billi s-CSDs, sa ċertu punt, huma esposti għal riskji li huma simili għar-riskji li huma esposti għalihom l-istituzzjonijiet ta' kreditu.

(4)

Huwa xieraq li d-definizzjoni ta' kapital f'dan ir-Regolament tirrifletti d-definizzjoni ta' kapital stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (EMIR). Din id-definizzjoni hija l-iktar adattata fir-rigward tar-rekwiżiti regolatorji billi d-definizzjoni ta' kapital fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tfasslet b'mod speċifiku għall-infrastrutturi tas-swieq. Is-CSDs awtorizzati li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 huma meħtieġa jilħqu r-rekwiżiti ta' kapital skont dan ir-Regolament u r-rekwiżiti ta' fondi proprji skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 b'mod simultanju. Dawn huma meħtieġa jilħqu r-rekwiżiti ta' fondi proprji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 bi strumenti li jilħqu l-kundizzjonijiet ta' dak ir-Regolament. Sabiex jiġu evitati rekwiżiti kunfliġġenti jew duplikattivi u meta jiġi kkunsidrat li l-metodoloġiji użati għall-kalkolu tal-ħlas addizzjonali ta' kapital għas-CSDs skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 huma relatati mill-qrib ma' dawk previsti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, is-CSDs li joffru servizzi anċillari ta' tip bankarju għandhom jitħallew jilħqu r-rekwiżiti ta' kapital addizzjonali ta' dan ir-Regolament bl-istess strumenti li jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew fir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li, jekk ikun meħtieġ, CSD ikun kapaċi jorganizza r-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet tiegħu jew stralċ ordnat, CSD għandu jżomm kapital flimkien mad-dħul u r-riżervi miżmuma li huma suffiċjenti, f'kull żmien, biex isostni spejjeż operazzjonali tul perjodu ta' żmien li waqtu s-CSD ikun kapaċi jirrikonoxxi l-operazzjonijiet kritiċi tiegħu, inkluż bir-rikapitalizzazzjoni, is-sostituzzjoni tal-maniġment, ir-reviżjoni tal-istrateġiji tan-negozju tiegħu, ir-reviżjoni tal-istrutturi tal-kostijiet jew tat-tariffi u r-ristrutturazzjoni tas-servizzi li jipprovdi. Billi, waqt l-istralċ jew ir-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet tiegħu, CSD xorta jeħtieġ ikompli l-operazzjonijiet tas-soltu tiegħu u minkejja l-fatt li l-ispejjeż effettivi waqt stralċ jew ristrutturazzjoni tal-operazzjonijiet ta' CSD jistgħu jkunu ogħla b'mod sinifikanti mill-ispejjeż operazzjonali grossi annwali minħabba l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni jew tal-istralċ, l-użu ta' spejjeż operazzjonali grossi annwali bħala parametru referenzjarju għall-kalkolu tal-kapital meħtieġ għandu jikkostitwixxi approssimazzjoni xierqa tal-ispejjeż effettivi waqt l-istralċ jew ir-ristrutturazzjoni tal-operazzjonijiet ta' CSD.

(6)

B'mod simili għall-punt (a) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li jeħtieġ li l-istituzzjonijiet inaqqsu t-telf għas-sena finanzjarja kurrenti mill-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, ir-rwol tad-dħul nett fil-kopertura jew l-assorbiment tar-riskji li jinħolqu minn tibdil avvers fil-kundizzjonijiet tan-negozju għandu jiġi rikonoxxut ukoll f'dan ir-Regolament. Għaldaqstant, fil-każijiet biss meta d-dħul nett mhuwiex suffiċjenti biex ikopri t-telf li jinħoloq mill-kristallizzazzjoni tar-riskju ta' negozju, dan it-telf irid jiġi kopert minn fondi proprji. Il-figuri mistennija mis-sena kurrenti biex jiġu kkunsidrati ċirkostanzi ġodda għandhom jiġu kkunsidrati wkoll meta d-dejta mis-sena ta' qabel ma tkunx disponibbli, bħal fil-każ tas-CSDs stabbiliti ġodda. F'konformità ma' dispożizzjonijiet simili fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 152/2013 (5), is-CSDs għandhom ikunu meħtieġa jżommu ammont prudenzjali minimu ta' kapital bħala garanzija kontra r-riskju ta' negozju sabiex jiggarantixxu trattament prudenzjali minimu.

(7)

Skont il-Prinċipji tas-CPSS-IOSCO, l-ispejjeż tal-amortizzazzjoni u d-deprezzament tal-assi tanġibbli u intanġibbli jistgħu jitnaqqsu mill-ispejjeż operazzjonali grossi għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kapital. Billi dawn l-ispejjeż ma jiġġenerawx flussi effettivi ta' flus kontanti li jeħtieġu jiġu ggarantiti minn kapital, dan it-tnaqqis għandu jkun applikabbli għar-rekwiżiti ta' kapital għar-riskju ta' negozju u għal dawk li jkopru stralċ jew ristrutturazzjoni.

(8)

Billi ż-żmien neċessarju għal stralċ ordnat jew ristrutturazzjoni jiddependi b'mod strett fuq is-servizzi pprovduti minn kwalunkwe CSD individwali u fuq l-ambjent tas-swieq li fih jopera, b'mod partikolari fuq il-possibbiltà li CSD ieħor jista' jassumi parti mis-servizzi tiegħu jew is-servizzi tiegħu kollha, in-numru ta' xhur meħtieġa għar-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet tiegħu jew għall-istralċ għandu jkun ibbażat fuq l-istima proprja tas-CSD. Madankollu, dan il-perjodu ta' żmien ma għandux ikun inqas min-numru minimu ta' xhur meħtieġa għar-ristrutturazzjoni jew l-istralċ previst fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 sabiex jiġi żgurat livell prudenti ta' rekwiżiti ta' kapital.

(9)

CSD għandu jfassal xenarji għar-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet tiegħu jew l-istralċ li jiġu adatti għall-mudell ta' negozju tiegħu. Madankollu, sabiex tinkiseb applikazzjoni armonizzata tar-rekwiżiti dwar ir-ristrutturazzjoni jew l-istralċ fl-Unjoni u sabiex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati rekwiżiti prudenzjalment sodi, id-diskrezzjoni dwar it-tfassil ta' dawn ix-xenarji għandha tkun limitata minn kriterji ddefiniti tajjeb.

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa l-parametru referenzjarju rilevanti sabiex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti ta' kapital għas-CSDs. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma' dak ir-Regolament, il-metodoloġiji għall-kalkolu tar-riskju operazzjonali stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom jinftiehmu wkoll li jkopru riskju legali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(11)

Meta jkun hemm nuqqas fis-salvagwardja tat-titoli f'isem parteċipant, dan in-nuqqas jista' jimmaterjalizza bħala kost għall-parteċipant jew kost għas-CSD li jista' jiffaċċja pretensjonijiet legali. Għaldaqstant, ir-regoli għall-kalkolu tal-kapital regolatorju għar-riskju operazzjonali diġà jikkunsidraw ir-riskju ta' kustodja. Għall-istess raġunijiet, ir-riskju ta' kustodja għat-titoli miżmuma permezz ta' konnessjoni ma' CSD ieħor ma għandu jkun soġġett għall-ebda imposta addizzjonali ta' kapital regolatorju iżda għandu jitqies bħala parti mill-kapital regolatorju għar-riskju operazzjonali. B'mod simili, ir-riskju ta' kustodja li jiffaċċja CSD fuq assi proprji miżmuma minn bank kustodju jew CSDs oħrajn ma għandux jingħadd b'mod doppju u ma għandu jkun meħtieġ l-ebda kapital regolatorju addizzjonali.

(12)

CSD jista' jiffaċċja wkoll riskji ta' investiment rigward l-assi li jappartjenu lilu jew fir-rigward tal-investimenti li jagħmel bl-użu ta' kollateral, depożiti tal-parteċipanti, self lill-parteċipanti jew kwalunkwe skopertura oħra taħt is-servizzi anċillari ta' tip bankarju permessi. Ir-riskju ta' investiment huwa r-riskju ta' telf li jiffaċċja CSD meta jinvesti r-riżorsi tiegħu jew dawk tal-parteċipanti, bħal kollateral. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 152/2013 huma l-parametru referenzjarju xieraq għall-fini tat-twaqqif ta' rekwiżiti ta' kapital biex jiġi kopert ir-riskju ta' kreditu, ir-riskju ta' kreditu tal-kontroparti u r-riskji tas-suq li jistgħu jinħolqu mill-investimenti ta' CSD.

(13)

Minħabba n-natura tal-attivitajiet tas-CSDs, CSD jassumi riskju ta' negozju minħabba tibdil potenzjali fil-kundizzjonijiet ġenerali tan-negozju li aktarx idgħajfu l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu wara tnaqqis fid-dħul tiegħu jew żieda fl-ispejjeż tiegħu u li jirriżultaw f'telf li għandu jiġi impost fuq il-kapital tiegħu. Minħabba l-fatt li l-livell ta' riskju ta' negozju jiddependi ħafna fuq is-sitwazzjoni individwali ta' kull CSD u jista' jiġi kkawżat minn fatturi differenti, ir-rekwiżiti ta' kapital ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu bbażati fuq l-istima proprja tas-CSD u l-metodoloġija użata minn CSD għal din l-istima għandha tkun proporzjonali mal-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tas-CSD. CSD għandu jiżviluppa l-istima tiegħu stess tal-kapital meħtieġ kontra riskju ta' negozju taħt sett ta' xenarji ta' kriżi sabiex ikopri r-riskji li jkunu għadhom ma nqabdux mill-metodoloġija użata għar-riskju operazzjonali. Sabiex jiġi żgurat livell prudenti tar-rekwiżiti ta' kapital għar-riskju ta' negozju meta jsir kalkolu bbażat fuq xenarji awtomfassla, għandu jiġi introdott livell minimu ta' kapital fil-forma ta' limitu minimu prudenzjali. Il-livell minimu ta' kapital meħtieġ għar-riskju ta' negozju għandu jiġi allinjat ma' rekwiżiti simili għal infrastrutturi tas-suq oħrajn f'Atti tal-Unjoni relatati bħal Regolament Delegat tal-Kummissjoni fuq rekwiżiti ta' kapital għal kontropartijiet ċentrali (“CCP”).

(14)

Il-ħlas addizzjonali ta' kapital għal riskji relatati mas-servizzi anċillari ta' tip bankarju għandu jkopri r-riskji kollha relatati mal-għoti ta' kreditu ta' matul l-istess jum lill-parteċipanti jew utenti oħrajn tas-CSDs. Meta jirriżultaw skoperturi ta' kreditu mil-lum għall-għada jew itwal mill-għoti ta' kreditu ta' matul l-istess jum, ir-riskji korrispondenti għandhom jitkejlu u jiġu indirizzati bl-użu tal-metodoloġiji diġà stabbiliti fil-Parti Tlieta, Titolu II, Kapitolu 2 għall-Approċċ Standardizzat, u l-Kapitolu 3, għall-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni (IRBA), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, minħabba l-fatt li dak ir-Regolament jipprevedi regoli prudenzjali għall-kejl tar-riskju ta' kreditu li jirriżulta minn skoperturi ta' kreditu mil-lum għall-għada jew itwal. Madankollu, ir-riskji ta' kreditu ta' matul l-istess jum jeħtieġu trattament speċjali billi l-metodoloġija għall-kejl tagħhom mhijiex prevista b'mod espliċitu fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew leġiżlazzjoni applikabbli oħra tal-Unjoni. Bħala riżultat ta' dan, il-metodoloġija li tindirizza b'mod speċifiku r-riskju ta' kreditu ta' matul l-istess jum għandha tkun sensittiva biżżejjed għar-riskju biex tikkunsidra l-kwalità tal-kollateral, il-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tal-parteċipanti u l-iskoperturi effettivi ta' matul il-jum li jiġu osservati. Fl-istess ħin, il-metodoloġija għandha tipprovdi inċentivi tajbin lill-fornituri ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju, inkluż l-inċentiv li tinġabar l-ogħla kwalità ta' kollateral u jintgħażlu kontropartijiet b'affidabbiltà kreditizja. Għalkemm il-fornituri ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju għandhom l-obbligu li jivvalutaw tajjeb u jittestjaw il-livell u l-valur tal-kollateral u tat-telf impost, il-metodoloġija użata biex jiġi ddeterminat il-ħlas addizzjonali ta' kapital għal riskju ta' kreditu ta' matul l-istess jum xorta waħda għandha tipprovdi kapital biżżejjed għall-każ fejn tnaqqis f'daqqa fil-valur tal-kollateral jaqbeż l-istimi u jirriżulta fi skoperturi ta' kreditu residwu parzjalment mhux kollateralizzati.

(15)

Il-kalkolu tal-ħlas addizzjonali ta' kapital għal riskji li jinħolqu mill-għoti ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju jeħtieġ il-kunsiderazzjoni ta' informazzjoni tal-passat dwar l-iskoperturi ta' kreditu ta' matul l-istess jum. B'riżultat ta' dan, sabiex ikun jista' jiġi kkalkulat dan il-ħlas addizzjonali ta' kapital, l-entitajiet li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju lill-utenti ta' servizzi CSD skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 (“fornituri ta' servizzi bankarji-CSD”) għandhom jirreġistraw tal-inqas sena waħda ta' dejta li tikkonċerna l-iskoperturi ta' kreditu tagħhom ta' matul il-jum. Inkella ma jkunux kapaċi jidentifikaw l-iskoperturi rilevanti li abbażi tagħhom isir il-kalkolu. Konsegwentement, il-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD ma għandhomx ikunu meħtieġa jilħqu r-rekwiżiti ta' fondi proprji li jikkorrispondu għall-ħlas addizzjonali ta' kapital qabel ma jkunu kapaċi jiġbru l-informazzjoni neċessarja kollha biex iwettqu l-kalkolu tal-ħlas addizzjonali.

(16)

L-Artikolu 54(8) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jeħtieġ l-iżvilupp ta' regoli biex jiġi ddeterminat il-ħlas addizzjonali ta' kapital imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 54(3) u l-punt (e) tal-Artikolu 54(4) ta' dak ir-Regolament. Barra dan, l-Artikolu 54 ta' dak ir-Regolament jeħtieġ li l-ħlas addizzjonali jirrifletti r-riskju ta' kreditu ta' matul l-istess jum li jirriżulta mill-attivitajiet skont it-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014, u b'mod partikolari l-għoti ta' kreditu ta' matul l-istess jum lill-parteċipanti f'sistema ta' saldu ta' titoli jew lil utenti oħrajn ta' servizzi tas-CSDs. Għaldaqstant, skopertura għar-riskju ta' kreditu ta' matul l-istess jum għandha tinkludi wkoll it-telf li fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jista' jiffaċċja jekk parteċipant mutwatarju jkun inadempjenti fil-ħlas.

(17)

Il-punt (d) tal-Artikolu 59(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 rigward ir-riskju ta' kreditu ta' fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jeħtieġ il-ġbir ta' “kollateral likwidu ħafna b'riskju minimu ta' kreditu u tas-suq”. Il-punt (d) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 rigward ir-riskju ta' likwidità ta' fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jeħtieġ id-disponibbiltà ta' “riżorsi ta' likwidità kwalifikanti”. Riżorsa ta' likwidità kwalifikanti partikolari hija “kollateral likwidu ħafna”. Meta jkun mifhum li t-terminoloġija użata f'kull wieħed miż-żewġ każijiet hija differenti, minħabba n-natura differenti tar-riskji involuti u l-korrispondenza għal kunċetti differenti fir-regolamentazzjoni tar-riskju ta' kreditu u ta' likwidità, it-tnejn li huma jirrigwardaw kwalità għolja b'mod simili ta' fornituri jew assi. Għaldaqstant, ikun xieraq li jkun meħtieġ li l-istess kundizzjonijiet jintlaħqu qabel ma kollateral jew riżorsa ta' likwidità fil-forma ta' kollateral jkunu jistgħu jikkwalifikaw bħala parti mill-kategorija ta' “kollateral likwidu ħafna b'riskju minimu ta' kreditu u tas-suq”, jew mill-kategorija ta' “riżorsi ta' likwidità kwalifikanti” rispettivament.

(18)

Il-punt (d) tal-Artikolu 59(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jeħtieġ li fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jaċċetta kollateral likwidu ħafna b'riskju minimu ta' kreditu u tas-suq biex iġestixxi r-riskju ta' kreditu korrispondenti. L-istess japplika għal tipi oħrajn ta' kollateral għajr kollateral likwidu ħafna b'riskju minimu ta' kreditu u tas-suq li għandu jintuża f'sitwazzjonijiet speċifiċi, bl-applikazzjoni ta' telf impost xieraq. Biex jiġi ffaċilitat dan, għandha tiġi stabbilita ġerarkija ċara tal-kwalità ta' kollateral sabiex issir distinzjoni bejn liema kollateral għandu jkun aċċettabbli biex ikopri bis-sħiħ l-iskoperturi ta' riskju ta' kreditu, liema kollateral huwa aċċettabbli bħala riżorsa ta' likwidità u liema kollateral, għalkemm jibqa' aċċettabbli għall-mitigazzjoni tar-riskju ta' kreditu, jeħtieġ sorsi ta' likwidità kwalifikanti. Il-fornituri ta' kollateral ma għandhomx jiġu impediti milli jissostitwixxu liberament il-kollateral skont id-disponibbiltà ta' riżorsi tagħhom jew l-istrateġiji ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv tagħhom. Għaldaqstant, għandu jiġi permess li prattiki komuni ta' kollateral, bħad-dipendenza fuq il-kontijiet ta' rahan tal-parteċipanti, fejn il-kollateral jiġi ddepożitat mill-parteċipant fil-kontijiet ta' rahan tiegħu sabiex ikopri bis-sħiħ kwalunkwe skopertura ta' kreditu, jitħallew jintużaw għas-sostituzzjoni ta' kollateral sakemm il-kwalità u l-likwidità tal-kollateral jiġu mmonitorjati u jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Skont dawn l-arranġamenti ta' kontijiet ta' rahan, il-kollateral jiġi ddepożitat mill-parteċipant fil-kontijiet mirhuna tiegħu sabiex ikopri bis-sħiħ kwalunkwe skopertura ta' kreditu. Minbarra dan, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jaċċetta kollateral waqt li jikkunsidra l-ġerarkija speċifikata, iżda jista' jwettaq il-likwidazzjoni tal-kollateral aċċettat, meta jkun meħtieġ, bil-mod l-iktar effiċjenti wara inadempjenza ta' parteċipant. Madankollu, mill-perspettiva prudenzjali, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jkun kapaċi jimmonitorja d-disponibbiltà ta' kollateral, il-kwalità tiegħu u l-likwidità tiegħu fuq bażi kontinwa biex ikopri bis-sħiħ l-iskoperturi ta' riskju. Għandu jkollu stabbiliti wkoll arranġamenti mal-parteċipanti mutwatarji biex jiżgura li r-rekwiżiti kollha ta' kollateral ta' dan ir-Regolament jintlaħqu f'kull żmien.

(19)

Għall-finijiet tal-kejl ta' riskju ta' kreditu ta' matul l-istess jum, il-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD għandhom ikunu f'pożizzjoni li jantiċipaw skoperturi massimi għal dak il-jum. Dan ma għandux jeħtieġ tbassir tan-numru eżatt iżda għandu jidentifika tendenzi f'dawn l-iskoperturi ta' matul l-istess jum. Dan huwa appoġġjat b'mod ulterjuri bir-referenza għall-“antiċipazzjoni ta' skoperturi massimi” anke fl-istandards tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (7).

(20)

It-Titolu II tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxi l-piżijiet tar-riskju li għandhom jiġu applikati għall-iskoperturi ta' kreditu għall-Bank Ċentrali Ewropew u entitajiet eżenti oħrajn. Meta jitkejjel ir-riskju ta' kreditu għal finijiet regolatorji, dawn il-piżijiet tar-riskju jiġu mifhuma b'mod wiesgħa bħala l-aħjar referenza possibbli. Għaldaqstant, l-istess metodoloġija tista' tiġi applikata għall-iskoperturi ta' kreditu ta' matul l-istess jum. Madankollu, sabiex tiġi ggarantita s-sodezza kunċettwali ta' dan l-approċċ, hija meħtieġa xi korrezzjoni u b'mod partikolari, fit-twettiq tal-komputazzjonijiet bl-użu tal-qafas tar-riskju ta' kreditu tal-Parti Tlieta, Titolu II, Kapitolu 2 tal-Approċċ Standardizzat, u l-Kapitolu 3 għall-IRBA, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-iskoperturi ta' matul l-istess jum għandhom jitqiesu bħala skoperturi fi tmiem il-jum billi din hija s-suppożizzjoni ta' dak ir-Regolament.

(21)

Skont l-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jinkludi referenza espliċita għall-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-garanziji bankarji jew l-ittri ta' kreditu, meta jkun xieraq, għandhom jiġu allinjati mal-Prinċipji tas-CPSS-IOSCO u jilħqu rekwiżiti simili bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dawn jinkludu r-rekwiżit li l-garanziji bankarji u l-ittri ta' kreditu jiġu kollateralizzati bis-sħiħ mill-garanti. Madankollu, sabiex tiġi ppreservata l-effiċjenza tas-saldu tat-titoli fl-Unjoni, meta jintużaw garanziji bankarji jew ittri ta' kreditu fir-rigward ta' skoperturi ta' kreditu li jistgħu jinħolqu minn konnessjonijiet interoperabbli tas-CSD, għandu jkun permess li jiġu kkunsidrati mitiganti tar-riskju alternattivi xierqa sakemm dawn jipprovdu livell ta' protezzjoni daqs jew ogħla mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dan it-trattament speċjali għandu japplika biss għall-garanziji bankarji jew l-ittri ta' kreditu li jipproteġu konnessjoni interoperabbli ta' CSD u għandhom ikopru esklużivament l-iskopertura ta' kreditu bejn iż-żewġ CSDs konnessi. Billi l-garanzija bankarja jew l-ittra ta' kreditu tipproteġi s-CSDs mhux f'inadempjenza kontra telf ta' kreditu, il-ħtiġijiet ta' likwidità tas-CSDs mhux f'inadempjenza għandhom jiġu indirizzati wkoll permezz ta' saldu fil-ħin tal-obbligi tal-garanti jew, b'mod alternattiv, biż-żamma ta' riżorsi ta' likwidità kwalifikanti.

(22)

Il-punt (d) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jeħtieġ li l-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD jimmitigaw ir-riskji ta' likwidità b'riżorsi ta' likwidità kwalifikanti f'kull munita. Bħala riżultat ta' dan, ir-riżorsi likwidi mhux kwalifikanti ma jistgħux jintużaw biex jintlaħqu r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu. Madankollu, xejn ma jipprekludi milli riżorsi likwidi mhux kwalifikanti, bħal swap tal-muniti, jintużaw fil-ġestjoni ta' kuljum tal-likwidità minbarra r-riżorsi ta' likwidità kwalifikanti. Dan huwa konsistenti wkoll mal-istandards internazzjonali riflessi fil-Prinċipji tas-CPSS-IOSCO. Għaldaqstant ir-riżorsi likwidi mhux kwalifikanti għandhom jitkejlu u jiġu mmonitorjati għal dan il-fini.

(23)

Ir-riskju ta' likwidità potenzjalment jista' jinħoloq minn kwalunkwe wieħed mis-servizzi anċillari ta' tip bankarju mwettqa minn CSD. Il-qafas tal-ġestjoni għar-riskji ta' likwidità għandu jidentifika r-riskji li jinħolqu mis-servizzi anċillari ta' tip bankarju differenti, inkluż is-self ta' titoli, u jiddistingwi l-ġestjoni tagħhom bħala xierqa.

(24)

Sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet kollha ta' likwidità, inklużi l-ħtiġijiet ta' likwidità matul l-istess jum ta' fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju ta' likwidità tas-CSDs għandu jiżgura li l-obbligi ta' ħlas u ta' saldu jiġu effettwati meta jkunu dovuti, inklużi l-obbligi ta' matul l-istess jum, fil-muniti kollha ta' saldu tas-sistema ta' saldu tat-titoli operata mis-CSD.

(25)

Minħabba l-fatt li r-riskji kollha ta' likwidità, għajr dawk ta' matul l-istess jum, diġà huma koperti mid-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013, dan ir-Regolament għandu jiffoka fuq ir-riskji ta' matul l-istess jum.

(26)

Billi l-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD huma infrastrutturi importanti b'mod sistemiku, huwa essenzjali li jiġi żgurat li fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jġestixxi r-riskji ta' kreditu u ta' likwidtà tiegħu b'mod konservattiv. Bħala riżultat ta' dan, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jitħalla jagħti biss linji ta' kreditu mhux impenjati lil parteċipanti mutwatarji fil-kors tal-għoti ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(27)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskji ta' fornitur ta' servizzi bankarji-CSD huma sodi biżżejjed anke f'kundizzjonijiet avversi, l-ittestjar tal-istress tar-riżorsi finanzjarji likwidi tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jkun rigoruż u jħares 'il quddiem. Għall-istess raġuni, it-testijiet għandhom jikkunsidraw firxa ta' xenarji estremi iżda plawsibbli u jitwettqu għal kull munita rilevanti offruta mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD b'kunsiderazzjoni tal-falliment possibbli ta' wieħed mill-arranġamenti ta' finanzjament prestabbiliti. Ix-xenarji għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, l-inadempjenza ta' tnejn mill-ikbar parteċipanti f'dik il-munita tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD. Dan huwa neċessarju sabiex tiġi stabbilita regola li min-naħa l-waħda hija prudenti, billi tikkunsidra l-fatt li parteċipanti oħrajn huma kapaċi wkoll li jiġġeneraw riskju ta' likwidità, minbarra l-ikbar wieħed; u, min-naħa l-oħra, regola li hija wkoll proporzjonata mal-objettiv, billi ma tikkunsidrax dawk il-parteċipanti l-oħrajn li jippreżentaw potenzjal iktar inferjuri għall-ġenerazzjoni ta' riskju ta' likwidità.

(28)

Il-punt (c) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jeħtieġ li l-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD jiżguraw riżorsi likwidi suffiċjenti fil-muniti rilevanti kollha taħt firxa wiesgħa ta' xenarji ta' kriżi potenzjali. Għaldaqstant, ir-regoli li jispeċifikaw l-oqfsa u l-għodod għall-ġestjoni ta' riskju ta' likwidità f'xenarji ta' kriżi, għandhom jippreskrivu metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' muniti li huma rilevanti għall-ġestjoni ta' riskju ta' likwidità. L-identifikazzjoni ta' muniti rilevanti għandha tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta' materjalità, tiddependi fuq l-iskopertura ta' likwidità kumulattiva netta identifikata u bbażata fuq dejta miġbura tul perjodu ta' żmien estiż u ddefinit tajjeb. Barra dan, sabiex jinżamm qafas regolatorju koerenti fl-Unjoni, il-muniti tal-Unjoni l-iktar rilevanti identifikati taħt ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392 (8) skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandhom jiġu inklużi awtomatikament bħala muniti rilevanti.

(29)

Il-ġbir ta' dejta suffiċjenti biex jiġu identifikati l-muniti l-oħrajn kollha mill-muniti tal-Unjoni l-iktar rilevanti jeħtieġ l-iskadenza ta' perjodu ta' żmien minimu mid-data tal-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD sat-tmiem ta' dan il-perjodu ta' żmien. Għaldaqstant, l-użu ta' metodi alternattivi biex jiġu identifikati l-muniti l-oħrajn kollha mill-muniti l-iktar rilevanti tal-Unjoni għandu jiġi permess għall-ewwel sena wara l-awtorizzazzjoni ta' fornituri ta' servizzi bankarji-CSD skont il-qafas regolatorju ġdid stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 909/2014 għal dawk il-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD li diġà jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards tekniċi msemmija fl-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014. L-arranġament tranżitorju ma għandux jaffettwa r-rekwiżit għall-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD biex jiġu żgurati riżorsi likwidi suffiċjenti bħala tali, iżda biss l-identifikazzjoni ta' dawk il-muniti li huma soġġetti għall-ittestjar tal-istress għall-fini tal-ġestjoni ta' likwidità.

(30)

Il-punt (d) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jeħtieġ li l-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD ikollhom imwaqqfa arranġamenti ta' finanzjament prestabbiliti u affidabbli ħafna biex jiġi żgurat li l-kollateral ipprovdut minn klijent f'kontumaċja jkun jista' kkonvertit fi flus kontanti anke f'kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli. L-istess Regolament jeħtieġ li l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jimmitiga r-riskji matul l-istess jum b'kollateral likwidu ħafna b'riskju minimu ta' kreditu u tas-suq. Minħabba l-fatt li l-likwidità trid tkun disponibbli fil-pront, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jkun kapaċi jindirizza kwalunkwe ħtieġa ta' likwidità matul l-istess jum. Minħabba l-fatt li l-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD jistgħu joperaw f'żoni tal-ħin multipli, għandha tiġi applikata d-dispożizzjoni li l-kollateral jiġi kkonvertit fi flus kontanti permezz ta' arranġamenti ta' finanzjament prestabbiliti matul l-istess jum meta jiġu kkunsidrati s-sigħat tal-ftuħ tas-sistemi lokali ta' ħlas ta' kull munita individwali li tapplika għalihom.

(31)

Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma konnessi mill-qrib, billi jittrattaw rekwiżiti prudenzjali għas-CSDs. Biex tiġi żgurata koerenza bejn dawn id-dispożizzjonijiet, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex jiġu ffaċilitati perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom minn persuni soġġetti għal dawn l-obbligi, huwa mixtieq li jkunu inklużi l-istandards tekniċi regolatorji kollha meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 909/2014 f'Regolament wieħed.

(32)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(33)

L-Awtorità Bankarja Ewropea ħadmet f'kooperazzjoni mill-qrib mas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) qabel ma ssottomettiet l-abbozz tal-istandards tekniċi li fuqhom huwa msejjes dan ir-Regolament. Din wettqet ukoll konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

REKWIŻITI TA' KAPITAL GĦAS-CSDS KOLLHA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 47 TAR-REGOLAMENT (UE) NRU 909/2014

Artikolu 1

Prospett tar-rekwiżiti dwar il-kapital ta' CSD

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, depożitorju ċentrali tat-titoli (“CSD”) iżomm f'kull żmien, flimkien mal-qligħ u r-riżervi miżmuma, l-ammont ta' kapital speċifikat fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

2.   Ir-rekwiżiti ta' kapital imsemmija fl-Artikolu 3 għandhom jintlaħqu bi strumenti ta' kapital li jilħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet dwar l-istrumenti ta' kapital

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 1, CSD għandu jżomm strumenti ta' kapital li jilħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu kapital sottoskritt fis-sens tal-Artikolu 22 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE (10);

(b)

ikunu tħallsu, inkluż il-kontijiet tal-premium azzjonarju relatati;

(c)

jassorbixxu bis-sħiħ it-telf f'sitwazzjoniiet ta' negozju avvjat;

(d)

fl-eventwalità ta' falliment jew likwidazzjoni, jiġu kklassifikati wara l-pretensjonijiet l-oħrajn kollha f'azzjonijiet ta' insolvenza jew taħt il-liġi dwar l-insolvenza applikabbli.

2.   Minbarra l-istrumenti ta' kapital li jilħqu l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 1, CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 biex jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju jista', sabiex jilħaq ir-rekwiżiti fl-Artikolu 1, juża l-istrumenti ta' kapital li:

(a)

jilħqu l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 1;

(b)

huma “strumenti ta' fondi proprji” kif definit fil-punt 119 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 3

Livell ta' rekwiżiti ta' kapital għal CSD

1.   CSD għandu jżomm kapital, flimkien mal-qligħ u r-riżervi miżmuma, li f'kull ħin għandu jkun iktar jew daqs is-somma ta':

(a)

ir-rekwiżiti ta' kapital tas-CSD għal riskji operazzjonali, legali u ta' kustodja, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, ikkalkulati skont l-Artikolu 4;

(b)

ir-rekwiżiti ta' kapital tas-CSD għal riskji ta' investiment, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, ikkalkulati skont l-Artikolu 5;

(c)

ir-rekwiżiti ta' kapital tas-CSD għal riskji ta' nagozju, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, ikkalkulati skont l-Artikolu 6;

(d)

ir-rekwiżiti ta' kapital tas-CSD għal stralċ jew ir-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet tiegħu, imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, ikkalkulati skont l-Artikolu 7.

2.   CSD għandu jkollu stabbiliti proċeduri biex jidentifikaw is-sorsi kollha tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Livell ta' rekwiżiti ta' kapital għal riskji operazzjonali, legali u ta' kustodja

1.   CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju u b'permess li juża l-Approċċi ta' Kejl Avvanzat (“AMA”) imsemmija fl-Artikoli 321 sa 324 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għandu jikkalkula r-rekwiżiti ta' kapital tiegħu għar-riskji operazzjonali, legali u ta' kustodja skont l-Artikoli 231 sa 234 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju u li juża l-Approċċ Standardizzat għar-riskji operazzjonali msemmi fl-Artikoli 317 sa 320 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għandu jikkalkula r-rekwiżiti ta' kapital tiegħu għar-riskji operazzjonali, legali u ta' kustodja skont id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament applikabbli għall-Approċċ Standardizzat għar-riskju operazzjonali msemmi fl-Artikoli 317 sa 320 tiegħu.

3.   CSD li jilħaq kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin għandu jikkalkula r-rekwiżiti ta' kapital tiegħu għar-riskji operazzjonali, legali u ta' kustodja skont id-dispożizzjonijiet tal-Approċċ tal-Indikatur Bażiku msemmi fl-Artikoli 315 u 316 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013:

(a)

CSD li mhuwiex awtorizzat skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

CSD li huwa awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 iżda li ma għandux permess li juża l-AMA msemmi fl-Artikoli 321 sa 324 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

CSD li huwa awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 iżda li ma għandux permess li juża l-Approċċ Standardizzat imsemmi fl-Artikoli 317 sa 320 tar-Regolament (UE) (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 5

Livell ta' rekwiżiti ta' kapital għal riskju ta' investiment

1.   CSD għandu jikkalkula r-rekwiżiti ta' kapital tiegħu għal riskju ta' investiment bħala s-somma ta' dan li ġej:

(a)

8 % tal-ammonti tal-iskopertura ponderata għar-riskju tas-CSD relatati ma' dawn it-tnejn li ġejjin:

(i)

riskju ta' kreditu skont il-paragrafu 2;

(ii)

riskju ta' kreditu tal-kontroparti skont il-paragrafu 3;

(b)

ir-rekwiżiti ta' kapital ta' CSD għar-riskju tas-suq skont il-paragrafi 4 u 5.

2.   Għall-kalkolu tal-ammonti tal-iskopertura ponderata għar-riskju għal riskju ta' kreditu ta' CSD, għandu japplika dan li ġej:

(a)

meta CSD mhuwiex awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju, is-CSD għandu japplika l-Approċċ Standardizzat għar-riskju ta' kreditu msemmi fl-Artikoli 107 sa 141 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f'kombinazzjoni mal-Artikoli 192 sa 241 ta' dak ir-Regolament dwar il-mitigazzjoni tar-riskju ta' kreditu;

(b)

meta CSD ikun awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju iżda ma għandux permess li juża l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni (IRBA) stabbilit fl-Artikoli 142 sa 191 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, is-CSD għandu japplika l-Approċċ Standardizzat għal riskju ta' kreditu stabbilit fl-Artikoli 107 sa 141 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f'kombinazzjoni mad-dispożizzjonijiet dwar il-mitigazzjoni tar-riskji ta' kreditu stabbiliti fl-Artikoli 192 sa 241 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

meta CSD ikun awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju u għandu permess li juża l-Approċċ IRB, is-CSD għandu japplika l-Approċċ IRB għal riskju ta' kreditu previst fl-Artikoli 142 sa 191 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f'kombinazzjoni mad-dispożizzjonijiet dwar il-mitigazzjoni tar-riskji ta' kreditu stabbiliti fl-Artikoli 192 sa 241 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3.   Għall-kalkolu tal-ammonti tal-iskopertura ponderata għar-riskju għal riskju ta' kreditu ta' kontroparti, CSD għandu juża dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

wieħed mill-metodi stabbiliti fl-Artikoli 271 sa 282 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

il-Metodu Komprensiv tal-Kollateral Finanzjarju bl-applikazzjoni tal-aġġustamenti tal-volatilità previsti fl-Artikoli 220 sa 227 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

4.   CSD li jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin għandu jikkalkula r-rekwiżiti ta' kapital tiegħu għar-riskju tas-suq, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 102 sa 106 u 325 sa 361 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż permezz tal-użu ta' deroga għal negozju żgħir b'portafoll tan-negozjar prevista fl-Artikolu 94 ta' dak ir-Regolament:

(a)

CSD li mhuwiex awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

CSD li huwa awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 iżda li ma għandux permess juża mudelli interni biex jikkalkula rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tas-suq.

5.   CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju u li għandu l-permess li juża mudelli interni biex jikkalkula rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tas-suq, għandu jikkalkula r-rekwiżiti ta' kapital tiegħu għar-riskju tas-suq skont l-Artikoli 102 sa 106 u 362 sa 376 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 6

Rekwiżiti ta' kapital għar-riskju ta' negozju

1.   Ir-rekwiżiti ta' kapital ta' CSD għal riskju ta' negozju għandhom ikunu kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin li jkun l-ogħla:

(a)

l-istima li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 2, nieqes kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin li jkun l-iktar baxx:

(i)

id-dħul nett wara t-taxxa tal-aħħar sena finanzjarja awditjata;

(ii)

id-dħul nett mistenni wara t-taxxa għas-sena finanzjarja kurrenti;

(iii)

id-dħul nett mistenni wara t-taxxa għas-sena finanzjarja l-iktar il-bogħod fiż-żmien li għaliha ma jkunux disponibbli riżultati awditjati;

(b)

25 % tal-ispejjeż operazzjonali grossi annwali msemmija fil-paragrafu 3.

2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, CSD għandu japplika dawn kollha li ġejjin:

(a)

jagħmel stima tal-kapital neċessarju biex ikopri t-telf li jirriżulta mir-riskju ta' negozju fuq xenarji avversi li jistgħu jitbassru b'mod raġonevoli rilevanti għall-mudell ta' negozju tiegħu;

(b)

jiddokumenta s-suppożizzjonijiet u l-metodoloġiji użati biex issir stima tat-telf mistenni msemmi fil-punt (a);

(c)

jirrevedi u jaġġorna x-xenarji msemmija fil-punt (a) tal-inqas darba kull sena.

3.   Għall-kalkolu tal-ispejjeż operazzjonali grossi annwali ta' CSD, għandu japplika dan li ġej:

(a)

l-ispejjeż operazzjonali grossi annwali tas-CSD għandhom jikkonsistu minn tal-inqas dan li ġej:

(i)

l-ispejjeż totali tal-persunal, inklużi l-pagi, is-salarji, il-bonusijiet u l-kostijiet soċjali;

(ii)

l-ispejjeż amministrattivi ġenerali totali u, b'mod partikolari, l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni u r-rappreżentazzjoni;

(iii)

l-ispejjeż tal-assigurazzjoni;

(iv)

l-ispejjeż u l-ivvjaġġar ta' impjegati oħrajn;

(v)

l-ispejjeż tal-propjetà immobbli;

(vi)

l-ispejjeż ta' appoġġ tal-IT;

(vii)

l-ispejjeż tat-telekomunikazzjoni;

(viii)

l-ispejjeż postali u tat-trasferiment ta' dejta;

(ix)

l-ispejjeż ta' konsulenza esterna;

(x)

id-deprezzament u l-ammortizzament tal-assi tanġibbli u intanġibbli;

(xi)

l-indeboliment u d-disponiment ta' assi fissi;

(b)

l-ispejjeż operazzjonali grossi annwali tas-CSD għandhom jiġu ddeterminati skont wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

L-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(ii)

id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE (12), 83/349/KEE (13) u 86/635/KEE;

(iii)

prinċipji ta' kontabilità ġeneralment aċċettati ta' pajjiż terz iddeterminati bħala ekwivalenti għall-IFRS skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 (14) jew standards tal-kontabilità ta' pajjiż terz li l-użu tagħhom huwa permess skont l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament;

(c)

is-CSD jista' jnaqqas id-deprezzament u l-ammortizzament tal-assi tanġibbli u intanġibbli mill-ispejjeż operazzjonali grossi annwali;

(d)

is-CSD għandu juża l-informazzjoni awditjata l-iktar reċenti mid-dikjarazzjoni finanzjarja annwali tiegħu;

(e)

meta s-CSD ma jkunx lesta negozju għal sena mid-data li fiha jibda l-operazzjonijiet tiegħu, għandu japplika l-ispejjeż operazzjonali grossi ppjanati fil-pjan ta' negozju tiegħu.

Artikolu 7

Rekwiżiti ta' kapital għal stralċ jew ristrutturazzjoni

CSD għandu jikkalkula r-rekwiżiti ta' kapital tiegħu għal stralċ jew ristrutturazzjoni billi japplika l-passi li ġejjin f'sekwenza:

(a)

jagħmel stima tal-perjodu ta' żmien meħtieġ għall-istralċ u r-ristrutturazzjoni għax-xenarji ta' kriżi kollha msemmija fl-Anness b'mod konsistenti mal-pjan imsemmi fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

jiddividi l-ispejjeż operazzjonali grossi annwali tas-CSD iddeterminati skont l-Artikolu 6(3) bi tnax (“spejjeż operazzjonali grossi ta' kull xahar”);

(c)

jimmultiplika l-ispejjeż operazzjonali grossi ta' kull xahar imsemmija fil-punt (b) bl-itwal wieħed mill-punti li ġejjin:

(i)

il-perjodu ta' żmien imsemmi fil-punt (a);

(ii)

sitt xhur.

TITOLU II

ĦLAS ADDIZZJONALI TA' KAPITAL GĦAS-CSDS AWTORIZZATI LI JOFFRU SERVIZZI ANĊILLARI TA' TIP BANKARJU U GĦALL-ISTITUZZJONIJIET TA' KREDITU DDEŻINJATI, KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 54 TAR-REGOLAMENT (UE) NRU 909/2014

Artikolu 8

Ħlas addizzjonali ta' kapital li jirriżulta mill-għoti ta' kreditu matul l-istess jum

1.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlas addizzjonali ta' kapital li jirriżulta mill-għoti ta' kreditu matul l-istess jum, kif stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, u fil-punt (e) tal-Artikolu 54(4) ta' dak ir-Regolament, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu japplika l-passi li ġejjin f'sekwenza:

(a)

għandu jikkalkula, fuq is-sena kalendarja l-iktar reċenti, il-medja tal-ogħla ħames skoperturi ta' kreditu ta' matul l-istess jum (“skoperturi massimi”) li jirriżultaw mill-għoti tas-servizzi stabbiliti fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

għandu japplika telf impost għall-kollateral miġbur kollu relatat mal-iskoperturi massimi, u għandu jassumi li, wara l-applikazzjoni ta' telf impost skont l-Artikoli 222 sa 227 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-kollateral jitlef 5 % tal-valur tas-suq tiegħu;

(c)

għandu jikkalkula l-medja tar-rekwiżiti ta' fondi proprji rigward l-iskoperturi massimi kkalkulati skont il-paragrafu 2 billi jikkunsidra dawn l-iskoperturi bħala skoperturi fi tmiem il-jum (“ħlas addizzjonali ta' kapital”).

2.   Għall-kalkolu tal-ħlas addizzjonali ta' kapital imsemmi fil-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw wieħed mill-approċċi li ġejjin:

(a)

l-Approċċ Standardizzat għar-riskju ta' kreditu msemmi fl-Artikoli 107 sa 141 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta ma jkollhomx permess jużaw l-Approċċ IRB;

(b)

l-Approċċ IRB u r-rekwiżiti tal-Artikoli 142 sa 191 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta jkollhom il-permess jużaw l-Approċċ IRB.

3.   Meta l-istituzzjonijiet japplikaw l-Approċċ Standardizzat għal riskju ta' kreditu, skont il-paragrafu 2(a), l-ammont ta' kull waħda mill-ħames skoperturi massimi msemmija fil-paragrafu 1(a) għandu jiġi kkunsidrat bħala valur ta' skopertura fis-sens tal-Artikolu 111 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-iskop tal-paragrafu 1(b). Għandhom japplikaw ukoll ir-rekwiżiti tal-Kapitolu 4 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jirrigwardaw l-Artikolu 111 ta' dak ir-Regolament.

4.   Meta l-istituzzjonijiet japplikaw l-Approċċ IRB għal riskju ta' kreditu skont il-paragrafu 2(b), l-ammont pendenti ta' kull waħda mill-ħames skoperturi massimi msemmija fil-paragrafu 1(a) għandu jiġi kkunsidrat bħala valur ta' skopertura fis-sens tal-Artikolu 166 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-fini tal-paragrafu 1(b). Għandhom japplikaw ukoll ir-rekwiżiti tal-Kapitolu 4 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jirrigwardaw l-Artikolu 166 ta' dak ir-Regolament.

5.   Ir-rekwiżiti ta' kapital ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw tnax-il xahar wara l-ksib tal-awtorizzazzjoni biex jiġu pprovduti servizzi anċillari ta' tip bankarju skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

TITOLU III

REKWIŻITI PRUDENZJALI APPLIKABBLI GĦALL-ISTITUZZJONIJIET TA' KREDITU JEW CSDS AWTORIZZATI LI JIPPROVDU SERVIZZI ANĊILLARI TA' TIP BANKARJU, KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 59 TAR-REGOLAMENT (UE) NRU 909/2014

KAPITOLU I

KOLLATERAL U RIŻORSI FINANZJARJI EKWIVALENTI GĦAL RISKJI TA' KREDITU U TA' LIKWIDITÀ

Artikolu 9

Regoli ġenerali dwar il-kollateral u riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn

1.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jilħaq il-kundizzjonijiet li ġejjin rigward il-kollateral:

(a)

għandu jiddistingwi b'mod ċar il-kollateral minn titoli oħrajn tal-parteċipant mutwatarju;

(b)

għandu jaċċetta kollateral li jilħaq il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10, jew tipi oħrajn ta' kollateral li jilħqu r-rekwiżiti tal-Artikolu 11 fil-ġerarkija li ġejja:

(i)

l-ewwel nett jaċċetta bħala kollateral it-titoli kollha fil-kont tal-parteċipant mutwatarju li jilħqu r-rekwiżiti tal-Artikolu 10 u dawk biss;

(ii)

it-tieni jaċċetta bħala kollateral it-titoli kollha fil-kont tal-parteċipant mutwatarju li jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu (11)1 u dawk biss;

(iii)

finalment jaċċetta bħala kollateral it-titoli kollha fil-kont tal-parteċipant mutwatarju li jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(2), fi ħdan il-limiti tar-riżorsi disponibbli ta' likwidità kwalifikanti msemmija fl-Artikolu 34 bil-għan li jilħaq ir-rekwiżit minimu tar-riżorsi ta' likwidità minimi msemmija fl-Artikolu 35(3);

(c)

għandu jimmonitorja tal-inqas kuljum il-kwalità kreditizja, il-likwidità tas-suq u l-volatilità tal-prezzijiet ta' kull titolu aċċettat bħala kollateral u jagħtih valur skont l-Artikolu 12;

(d)

għandu jispeċifika metodoloġiji relatati mat-telf impost applikat għall-valur tal-kollateral skont l-Artikolu 13;

(e)

għandu jiżgura li l-kollateral jibqà diversifikat b'mod suffiċjenti biex jippermetti l-likwidazzjoni tiegħu matul il-perjodi msemmija fl-Artikoli 10 u 11 mingħajr impatt sinifikanti tas-suq, skont l-Artikolu 14.

2.   Il-kollateral għandu jiġi pprovdut mill-kontropartijiet taħt arranġament kollaterali finanzjarju ta' garanzija kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jew taħt arranġament kollaterali finanzjarju dwar trasferiment ta' titolu kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) ta' dik id-Direttiva.

3.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jilħaq il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 15 u 16 rigward riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn.

Artikolu 10

Kollateral għall-finijiet tal-punt (d) tal-Artikolu 59(3), u l-punt (d) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

1.   Sabiex il-kollateral jiġi kkunsidrat bħala wieħed tal-aħjar kwalità għall-finijiet tal-punt (d) tal-Artikolu 59(3), u l-punt (d) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, għandu jikkonsisti minn strumenti ta' dejn li jilħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jinħarġu jew jiġu ggarantiti b'mod espliċitu minn wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

gvern;

(ii)

bank ċentrali;

(iii)

wieħed mill-banek multilaterali tal-iżvilupp elenkati fl-Artikolu 117 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(iv)

il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja jew il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà;

(b)

is-CSD jista' juri li għandu riskju ta' kreditu u tas-suq baxx abbażi tal-valutazzjoni interna tiegħu stess li bl-adozzjoni ta' metodoloġija definita u oġġettiva li ma tiddependix esklużivament fuq opinjonijiet esterni u li tikkunsidra r-riskju tal-pajjiż tal-pajjiż partikolari fejn ikun stabbilit l-emittent;

(c)

jiġu ddenominati f'munita li r-riskji tagħha jistgħu jiġu ġestiti mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD;

(d)

ikunu trasferibbli liberament u mingħajr ebda restrizzjoni legali jew pretensjonijiet ta' parti terza li jxekklu l-likwidazzjoni tagħhom;

(e)

jilħqu wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

għandhom suq ta' ftehim attiv ta' bejgħ dirett jew xiri mill-ġdid, ma' grupp varjat ta' xerrejja u bejjiegħa, inkluż f'kundizzjonijiet ta' kriżi u li għalih il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu aċċess affidabbli;

(ii)

jistgħu jiġu llikwidati mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD permezz ta' ftehim ta' finanzjament prestabbilit u affidabbli ħafna kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u speċifikat fl-Artikolu 38 ta' dan ir-Regolament;

(f)

dejta affidabbli dwar il-prezzijiet ta' dawn l-istrumenti ta' dejn tiġi ppubblikata tal-inqas kuljum;

(g)

ikunu disponibbli fil-pront u konvertibbli fi flus kontanti matul l-istess jum.

2.   Sabiex il-kollateral jiġi kkunsidrat bħala wieħed ta' kwalità iktar baxxa minn dak imsemmi fil-paragrafu 1 għall-finijiet tal-punt (d) tal-Artikolu 59(3), u l-punt (d) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, għandu jikkonsisti minn titoli trasferibbli u strumenti tas-suq monetarju li jilħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-istrumenti finanzjarji jinħarġu minn emittent b'riskju ta' kreditu baxx ibbażat fuq valutazzjoni interna adegwata mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, bl-adozzjoni ta' metodoloġija definita u oġġettiva li ma tiddependix esklużivament fuq opinjonijiet esterni u li tikkunsidra r-riskju li jinħoloq mill-istabbiliment ta' emittent f'pajjiż partikolari;

(b)

l-istrumenti finanzjarji jkollhom riskju tas-suq baxx ibbażat fuq valutazzjoni interna adegwata mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, bl-adozzjoni ta' metodoloġija definita u oġġettiva li ma tiddependix esklużivament fuq opinjonijiet esterni;

(c)

jiġu ddenominati f'munita li r-riskji tagħha jistgħu jiġu ġestiti mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD;

(d)

ikunu trasferibbli liberament u mingħajr ebda restrizzjoni legali jew pretensjonijiet ta' parti terza li jxekklu l-likwidazzjoni tagħhom;

(e)

jilħqu wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

ikollhom suq ta' ftehim attiv ta' bejgħ dirett jew xiri mill-ġdid, ma' grupp varjat ta' xerrejja u bejjiegħa, u li l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jista' juri aċċess affidabbli għalih, inkluż f'kundizzjonijiet ta' kriżi;

(ii)

ikunu jistgħu jiġu llikwidati mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD permezz ta' ftehim ta' finanzjament prestabbilit u affidabbli ħafna kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u speċifikat fl-Artikolu 38 ta' dan ir-Regolament;

(f)

ikunu jistgħu jiġu llikwidati matul l-istess jum;

(g)

id-dejta dwar il-prezzijiet ta' dawn l-istrumenti tkun disponibbli għall-pubbliku f'ħin li jvarja bejn kważi reali u reali;

(h)

ma jinħarġu mill-ebda wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

il-parteċipant li jipprovdi l-kollateral, jew minn entità li tkun parti mill-istess grupp tal-parteċipant, għajr fil-każ ta' bond koperta u f'każ biss meta l-assi li jsostnu dan il-bond ikunu segregati b'mod xieraq f'qafas legali b'saħħtu u jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f'dan l-Artikolu;

(ii)

fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jew entità li tagħmel parti mill-istess grupp tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD;

(iii)

entità li n-negozju tagħha jinvolvi l-għoti ta' servizzi kritiċi għall-funzjonament tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, għajr jekk din l-entità tkun bank ċentrali tal-Unjoni jew bank ċentrali li joħroġ munita li fiha l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu skoperturi;

(i)

ma jkunux soġġetti mod ieħor għal riskju ta' korrelazzjoni ħażina fis-sens tal-Artikolu 291 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 11

Kollateral ieħor

1.   Tipi oħrajn ta' kollateral li għandhom jintużaw minn fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandhom jikkonsistu minn strumenti finanzjarji li jilħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu trasferibbli liberament u mingħajr ebda restrizzjoni legali jew pretensjonijiet ta' parti terza li jxekklu l-likwidazzjoni;

(b)

ikunu eliġibbli f'bank ċentrali tal-Unjoni, fejn fornitur ta' servizzi bankarji-CSD ikollu aċċess għal kreditu regolari u mhux okkażjonali (“kreditu ta' rutina”) f'dak il-bank ċentrali;

(c)

jiġu ddenominati f'munita li r-riskji tagħha jistgħu jiġu ġestiti mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD;

(d)

fornitur ta' servizzi bankarji-CSD ikollu ftehim ta' finanzjament prestabbilit mat-tip ta' istituzzjoni finanzjarja b'affidabbiltà kreditizja msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u speċifikata fl-Artikolu 38 ta' dan ir-Regolament, li jipprevedi l-konverżjoni ta' dawn l-istrumenti fi flus kontanti matul l-istess jum.

2.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-Artikolu 59(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, tip ieħor ta' kollateral li għandu jintuża minn fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jkun ikkostitwit minn strumenti finanzjarji li jilħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu trasferibbli liberament u mingħajr ebda restrizzjoni legali jew pretensjonijiet ta' parti terza li jxekklu l-likwidazzjoni tagħhom;

(b)

jiġu ddenominati f'munita li r-riskji tagħha jistgħu jiġu ġestiti mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD;

(c)

il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD ikollu dawn it-tnejn li ġejjin:

(i)

arranġament ta' finanzjament prestabbilit skont il-punt (e) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u speċifikat fl-Artikolu 38 ta' dan ir-Regolament, sabiex b'hekk dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jiġu likwidati fi żmien ħamest ijiem ta' negozju

(ii)

riżorsi ta' likwidità kwalifikanti skont l-Artikolu 34 sa ammont suffiċjenti biex jiġi żgurat li jkopri d-differenza fiż-żmien għal-likwidazzjoni ta' dan il-kollateral f'każ ta' inadempjenza tal-parteċipant.

Artikolu 12

Valwazzjoni tal-kollateral

1.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jistabbilixxi politiki ta' valwazzjoni ta' kollateral li jiżguraw dan li ġej:

(a)

li l-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 10 issirilhom valwazzjoni skont is-suq tal-inqas darba kuljum;

(b)

li l-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 11(1) issirilhom valwazzjoni tal-inqas darba kuljum u, meta din il-valwazzjoni ta' kuljum ma tkunx possibbli, issirilhom valwazzjoni skont mudell;

(c)

li l-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 11(2) issirilhom valwazzjoni tal-inqas darba kuljum u, meta din il-valwazzjoni ta' kuljum ma tkunx possibbli, issirilhom valwazzjoni skont mudell;

2.   Il-metodoloġiji għal valwazzjoni skont mudell imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu ddokumentati bis-sħiħ.

3.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu janalizza l-adegwatezza tal-politiki u l-proċeduri ta' valwazzjoni tiegħu fil-każijiet kollha li ġejjin:

(a)

fuq bażi regolari li trid tkun tal-inqas darba kull sena;

(b)

meta bidla materjali taffettwa l-politiki u l-proċeduri ta' valwazzjoni.

Artikolu 13

Telf impost

1.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jistabbilixxi l-livell ta' telf impost kif ġej:

(a)

meta l-kollateral huwa eliġibbli fil-bank ċentrali li fih il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD ikollu aċċess għal kreditu ta' rutina, it-telf impost applikat għal dan it-tip ta' kollateral mill-bank ċentrali jista' jitqies bħala l-limitu minimu tat-telf impost;

(b)

meta l-kollateral mhuwiex eliġibbli fil-bank ċentrali li fih il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD ikollu aċċess għal kreditu ta' rutina, it-telf impost applikat mill-bank ċentrali li joħroġ il-munita li fiha l-istrument finanzjarju huwa denominat għandu jitqies bħala l-limitu minimu tat-telf impost;

2.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiżgura li l-politiki u l-proċeduri tiegħu biex jiġi ddeterminat it-telf impost jikkunsidraw il-possibbiltà li l-kollateral jista' jeħtieġ li jiġi llikwidat f'kundizzjonijiet ta' kriżi tas-suq u l-ħin meħtieġ biex jiġi llikwidat.

3.   It-telf impost għandu jiġi ddeterminat billi jiġu kkunsidrati l-kriterji rilevanti, inkluż dan li ġej kollu:

(a)

it-tip ta' assi;

(b)

il-livell ta' riskju ta' kreditu assoċjat mal-istrument finanzjarju;

(c)

il-pajjiż tal-ħruġ tal-assi;

(d)

il-maturità tal-assi;

(e)

il-volatilità tal-prezzijiet futuri storiċi u ipotetiċi tal-assi f'kundizzjonijiet ta' kriżi tas-suq;

(f)

il-likwidità tas-suq sottostanti, inkluż il-firxa bejn it-talba u l-offerta;

(g)

ir-riskju tal-kambju, meta applikabbli;

(h)

ir-riskju ta' korrelazzjoni ħażina fis-sens tal-Artikolu 291 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta applikabbli.

4.   Il-kriterji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 għandu jiġi ddeterminat minn valutazzjoni interna tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, abbażi ta' metodoloġija definita u oġġettiva li ma tiddependix esklużivament fuq opinjonijiet esterni.

5.   Ma għandu jiġi assenjat l-ebda valur ta' kollateral lit-titoli pprovduti minn entità li tagħmel parti mill-istess grupp ta' min jissellef.

6.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiżgura li t-telf impost jiġi kkalkulat b'mod konservattiv biex tiġi limitata l-proċikliċità kemm jista' jkun possibbli.

7.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiżgura li l-politiki u l-proċeduri tiegħu dwar it-telf impost jiġu validati tal-inqas darba fis-sena minn unità indipendenti tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD u li t-telf impost applikabbli jsir punt ta' riferiment bil-ħruġ mill-bank ċentrali tal-munita rilevanti u, meta l-punt ta' riferiment tal-bank ċentrali ma jkunx disponibbli, ta' sorsi rilevanti oħrajn.

8.   It-telf impost applikat għandu jiġu rivedut mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD tal-inqas darba kuljum.

Artikolu 14

Limiti ta' konċentrazzjoni tal-kollateral

1.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jkollu stabbilit politiki u proċeduri dwar limiti ta' konċentrazzjoni ta' kollateral li jinkludu dan li ġej:

(a)

il-politiki u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta jsir kwalunkwe ksur tal-limiti ta' konċentrazzjoni;

(b)

il-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskju li għandhom jiġu applikati meta l-limiti ta' konċentrazzjoni definiti fil-politiki jinqabżu;

(c)

l-iskeda taż-żmien tal-implimentazzjoni mistennija tal-miżuri skont il-punt (b).

2.   Il-limiti ta' konċentrazzjoni fi ħdan l-ammont totali tal-kollateral miġbur (“portafoll tal-kollateral”) għandhom jiġu stabbiliti billi jiġu kkunsidrati l-kriterji li ġejjin:

(a)

l-emittenti individwali billi tiġi kkunsidrata l-istruttura ta' grupp tagħhom;

(b)

il-pajjiż tal-emittent;

(c)

it-tip ta' emittent;

(d)

it-tip ta' assi;

(e)

il-munita tas-saldu;

(f)

il-kollateral b'riskju ta' kreditu, likwidità u tas-suq 'il fuq mil-livelli minimi;

(g)

l-eliġibbiltà tal-kollateral biex il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD ikollu aċċess għal kreditu ta' rutina fil-bank ċentrali tal-ħruġ;

(h)

kull parteċipant mutwatarju;

(i)

il-parteċipanti mutwatarji kollha;

(j)

strumenti finanzjarji maħruġa minn emittenti tal-istess tip f'termini tas-settur ekonomiku, l-attività u r-reġjun ġeografiku;

(k)

il-livell tar-riskju ta' kreditu tal-istrument finanzjarju jew tal-emittent iddeterminat minn valutazzjoni interna mwettqa mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, abbażi ta' metodoloġija definita u oġġettiva li ma tiddependix esklużivament fuq opinjonijiet esterni u li tikkunsidra r-riskju li jinħoloq mill-istabbiliment tal-emittent f'pajjiż partikolari;

(l)

il-likwidità u l-volatilità tal-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji.

3.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiżgura li mhux iktar minn 10 % tal-iskopertura ta' kreditu matul l-istess jum tiegħu jiġi ggarantit minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

istituzzjoni ta' kreditu singola;

(b)

istituzzjoni ta' pajjiż terz soġġetta għal u li tikkonforma ma' regoli prudenzjali li tal-inqas ikunu stretti daqs dawk previsti fid-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013, skont l-Artikolu 114(7) ta' dak ir-Regolament;

(c)

entità kummerċjali li hija parti mill-istess grupp tal-istituzzjoni msemmija fil-punt (a) jew (b).

4.   Meta jikkalkula l-limiti ta' konċentrazzjoni ta' kollateral imsemmija fil-paragrafu 2, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jaggrega l-iskopertura totali tiegħu għal kontroparti singola li tirriżulta mill-ammont tal-linji ta' kreditu kumulattivi, kontijiet ta' depożitu, kontijiet kurrenti, strumenti tas-swieq monetarji, u faċilitajiet ta' retroriakkwist użati mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD.

5.   Meta jiddetermina l-limitu ta' konċentrazzjoni ta' kollateral għall-iskopertura ta' fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għal emittent individwali, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jaggrega u jittratta bħala riskju singolu l-iskopertura tiegħu għall-istrumenti finanzjarji kollha maħruġa mill-emittent jew minn entità ta' grupp, iggarantiti b'mod espliċitu mill-emittent jew minn entità ta' grupp.

6.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiżgura l-adegwatezza tal-politiki u l-proċeduri tal-limitu ta' konċentrazzjoni tal-kollateral tiegħu f'kull ħin. Għandu jirrevedi l-limiti ta' konċentrazzjoni tal-kollateral tiegħu tal-inqas darba fis-sena u kull darba li sseħħ bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD.

7.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jinforma lill-parteċipanti mutwatarji bil-limiti ta' konċentrazzjoni tal-kollateral applikabbli u bi kwalunkwe emenda għal dawn il-limiti skont il-paragrafu 6.

Artikolu 15

Riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn

1.   Riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn għandhom jikkonsistu biss f'riżorsi finanzjarji jew il-protezzjoni tal-kreditu msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 u dawk imsemmija fl-Artikolu 16.

2.   Riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn jistgħu jinkludu garanziji ta' banek kummerċjali pprovduti minn istituzzjoni finanzjarja b'affidabbiltà kreditizja li tilħaq ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 38(1) jew kartell ta' dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji li jilħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jinħarġu minn emittent b'riskju ta' kreditu baxx ibbażat fuq valutazzjoni interna adegwata mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, bl-adozzjoni ta' metodoloġija definita u oġġettiva li ma tiddependix esklużivament fuq opinjonijiet esterni u li tikkunsidra r-riskju li jinħoloq mill-istabbiliment ta' emittent f'pajjiż partikolari;

(b)

jiġu ddenominati f'munita li r-riskji tagħha jistgħu jiġu ġestiti b'mod adegwat mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD;

(c)

ikunu rrevokabbli, inkondizzjonali u ma jkun hemm l-ebda eżenzjoni jew opzjoni legali jew kuntrattwali li tippermetti li l-emittent jopponi l-ħlas tal-garanzija;

(d)

jistgħu jiġu onorati, fuq talba, matul jum wieħed tan-negozju, waqt il-perjodu tal-likwidazzjoni tal-portafoll tal-parteċipant mutwatarju f'kontumaċja mingħajr l-ebda restrizzjoni regolatorja, legali jew operazzjonali;

(e)

ma jinħarġux minn entità li hija parti mill-istess grupp tal-parteċipant mutwatarju kopert mill-garanzija, jew minn entità li n-negozju tagħha jinvolvi l-għoti ta' servizzi kritiċi għall-funzjonament tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, għajr jekk din l-entità hija bank ċentrali taż-Żona Ekonomika Ewropea jew bank ċentrali li joħroġ munita li fiha l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu skoperturi;

(f)

ma jkunux soġġetti għal riskju sinifikanti ta' korrelazzjoni ħażina fis-sens tal-Artikolu 291 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(g)

ikunu ggarantiti bis-sħiħ minn kollateral li jilħaq il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ma jkunx soġġett għal riskju ta' korrelazzjoni ħażina fis-sens tal-Artikolu 291 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 abbażi ta' korrelazzjoni b'affidabbiltà kreditizja tal-garanti jew il-parteċipant mutwatarju, għajr jekk dan ir-riskju ta' korrelazzjoni ħażina jiġi mmitigat b'mod adegwat minn telf impost applikat lill-kollateral;

(ii)

il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD ikollu aċċess fil-pront għall-kollateral u jkun falliment remot f'każ ta' inadempjenza simultanja tal-parteċipant mutwatarju u l-garanti;

(iii)

l-idoneità tal-garanti tkun ġiet ratifikata mill-korp maniġerjali tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD wara valutazzjoni sħiħa tal-emittent u tal-qafas legali, kuntrattwali u operazzjonali tal-garanzija sabiex jinkiseb livell għoli ta' kumdità dwar l-effikaċja tal-garanzija, u tkun ġiet notifikata lill-awtorsità kompetenti rilevanti skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

3.   Riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn jistgħu jinkludu garanziji bankarji maħruġa minn bank ċentrali li jilħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin kollha:

(a)

jinħarġu minn bank ċentrali tal-Unjoni jew bank ċentrali li joħroġ munita li fiha l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu skoperturi;

(b)

jiġu ddenominati f'munita li r-riskju tagħha jista' jiġi ġestit b'mod adegwat mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD;

(c)

ikunu rrevokabbli, inkondizzjonali u l-bank ċentrali emittenti ma jkun jista' jiddependi fuq l-ebda eżenzjoni jew opzjoni legali jew kuntrattwali li tippermetti li l-emittent jopponi l-ħlas tal-garanzija;

(d)

jiġu onorati fi żmien jum ta' negozju wieħed.

4.   Riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn jistgħu jinkludu kapital, wara li jitnaqqsu r-rekwiżiti ta' kapital ta-Artikoli 1 sa 8, iżda wkoll għall-finijiet ta' kopertura tal-iskoperturi għall-banek ċentrali, il-banek multilaterali tal-iżvilupp u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li mhumiex eżenti skont l-Artikolu 23(2).

Artikolu 16

Riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn għal skoperturi f'konnessjonijiet interoperabbli

Riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn jistgħu jinkludu garanziji bankarji u ittri ta' kreditu, użati biex jiggarantixxu l-iskoperturi ta' kreditu maħluqa bejn CSDs li jistabbilixxu konnessjonijiet interoperabbli, li jilħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikopru biss l-iskoperturi ta' kreditu bejn iż-żewġ CSDs konnessi;

(b)

ikunu nħarġu minn konsorzju tal-istituzzjonijiet finanzjarji b'affidabbiltà kreditizja li jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 38(1), li fihom kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji tkun obbligata tħallas il-parti tal-ammont totali li dwaru jkun intlaħaq ftehim kuntrattwali;

(c)

jiġu ddenominati f'munita li r-riskju tagħha jista' jiġi ġestit b'mod adegwat mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD;

(d)

ikunu rrevokabbli, inkondizzjonali u l-istituzzjonijiet emittenti ma jkunu jistgħu jiddependu fuq l-ebda eżenzjoni jew opzjoni legali jew kuntrattwali li tippermetti li l-emittent jopponi l-ħlas tal-ittra ta' kreditu;

(e)

jistgħu jiġu onorati, fuq talba, mingħajr l-ebda restrizzjoni regolatorja, legali jew operazzjonali;

(f)

ma jinħarġux minn:

(i)

entità li tagħmel parti mill-istess grupp tas-CSD mutwatarju jew CSD bi skopertura koperta mill-garanzija bankarja u ittri ta' kreditu;

(ii)

entità li n-negozju tagħha jinvolvi l-għoti ta' servizzi kritiċi għall-funzjonament tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD;

(g)

ma jkunux soġġetti għal riskju sinifikanti ta' korrelazzjoni ħażina fis-sens tal-Artikolu 291 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(h)

il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jimmonitorja l-affidabbiltà kreditizja tal-istituzzjonijiet finanzjarji emittenti fuq bażi regolari billi jivvaluta b'mod indipendenti l-affidabbiltà kreditizja ta' dawn l-istituzzjonijiet u billi jassenja u jirrevedi b'mod regolari l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu interni għal kull istituzzjoni finanzjarja;

(i)

jistgħu jiġu onorati waqt il-perjodu ta' likwidazzjoni fi żmien tlett ijiem ta' negozju mill-mument li fih il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD f'kontumaċja jonqos milli jilħaq l-obbligi ta' ħlas meta jkunu dovuti;

(j)

ir-riżorsi ta' likwidità kwalifikanti msemmija fl-Artikolu 34 ikunu disponibbli sa ammont suffiċjenti li jkopri d-distakk fiż-żmien sakemm il-garanzija bankarja u l-ittri ta' kreditu jiġu onorati f'każ ta' inadempjenza ta' wieħed mis-CSDs konnessi;

(k)

ir-riskju tan-nuqqas tal-ammont sħiħ tal-garanzija bankarja u li l-ittri ta' kreditu ma jitħallsux mill-konsorzju jiġi mitigat permezz ta':

(i)

l-istabbiliment ta' limiti xierqa ta' konċentrazzjoni li jiżguraw li l-ebda istituzzjoni finanzjarja, inkluża l-impriża omm u s-sussidjarji tagħha, ma tkun parti mill-garanziji tal-konsorzju għal iktar minn 10 % tal-ammont totali tal-ittra ta' kreditu;

(ii)

il-limitazzjoni tal-iskopertura ta' kreditu li hija koperta bl-użu tal-garanzija bankarja u l-ittri ta' kreditu sal-ammont totali tal-garanzija bankarja nieqes 10 % tal-ammont totali, jew l-ammont iggarantit miż-żewġ istituzzjonijiet ta' kreditu bl-ikbar sehem tal-ammont totali, skont liema wieħed ikun l-iktar baxx;

(iii)

l-implimentazzjoni ta' miżuri addizzjonali ta' mitigazzjoni tar-riskju bħal arranġamenti ta' kondiviżjoni tat-telf li huma effettivi u għandhom regoli u proċeduri definiti tajjeb;

(l)

l-arranġamenti jiġu ttestjati u riveduti b'mod perjodiku skont l-Artikolu 41(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

KAPITOLU II

QAFAS PRUDENZJALI GĦAR-RISKJU TA' KREDITU U TA' LIKWIDITÀ

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Għall-finijiet tar-rekwiżiti prudenzjali dwar ir-riskju ta' kreditu li jinħoloq mill-għoti ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju minn fornitur ta' servizzi bankarji-CSD rigward kull sistema ta' saldu tat-titoli, kif imsemmi fl-Artikolu 59(3) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jikkonforma mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-Kapitolu dwar il-monitoraġġ, il-kejl, il-ġestjoni, ir-rappurtar u l-iżvelar pubbliku ta' riskju ta' kreditu rigward dan li ġej:

(a)

riskju ta' kreditu ta' matul il-jum u riskju ta' kreditu mil-lum għall-għada;

(b)

kollateral rilevanti u riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn użati fir-rigward tar-riskji msemmija fil-punt (a);

(c)

skoperturi ta' kreditu residwi potenzjali;

(d)

proċeduri ta' rimborż u rati ta' sanzjonar.

2.   Għall-finijiet tar-rekwiżiti prudenzjali dwar ir-riskju ta' likwidità li jinħoloq mill-għoti ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju minn fornitur ta' servizzi bankarji-CSD rigward kull sistema ta' saldu tat-titoli, kif imsemmi fl-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jikkonforma ma' dan li ġej:

(a)

ir-rekwiżiti tat-Taqsima 2 għall-monitoraġġ, il-kejl, il-ġestjoni, ir-rappurtar u l-iżvelar pubbliku tar-riskji ta' likwidità;

(b)

ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-monitoraġġ, il-kejl, il-ġestjoni, ir-rappurtar u l-iżvelar pubbliku ta' riskji ta' likwidità oħrajn għajr dawk koperti mill-punt (a).

TAQSIMA 1

Riskju ta' kreditu

Artikolu 18

Qafas tal-ġestjoni tar-riskju ta' kreditu

1.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 17(1), fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jfassal u jimplimenta politiki u proċeduri li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-kejl tar-riskju ta' kreditu ta' matul il-jum u mil-lum għall-għada skont is-Sottotaqsima 1;

(b)

il-monitoraġġ tar-riskju ta' kreditu ta' matul il-jum u mil-lum għall-għada skont is-Sottotaqsima 2;

(c)

il-ġestjoni tar-riskju ta' kreditu ta' matul il-jum u mil-lum għall-għada skont is-Sottotaqsima 3;

(d)

il-kejl, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-kollateral u riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn, kif imsemmi fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 59(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, skont il-Kapitolu I ta' dan ir-Regolament;

(e)

l-analiżi u l-pjanijiet kif wieħed għandu jindirizza kwalunkwe skopertura ta' kreditu residwu potenzjali, skont is-Sottotaqsima 4;

(f)

il-ġestjoni tal-proċeduri ta' rimborż u r-rati ta' sanzjonar tiegħu, skont is-Sottotaqsima 5;

(g)

ir-rappurtar tar-riskju ta' kreditu tiegħu skont is-Sottotaqsima 6;

(h)

l-iżvelar pubbliku tar-riskju ta' kreditu tiegħu skont is-Sottotaqsima 7;

2.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jirrevedi l-politiki u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 tal-inqas darba fis-sena.

3.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jirrevedi dawn il-politiki u l-proċeduri kull darba li sseħħ waħda minn dawn li ġejjin u meta waħda mill-bidliet imsemmija fil-punti (a) jew (b) jaffettwaw l-iskopertura għar-riskju tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD:

(a)

il-politiki u l-proċeduri jkunu soġġetti għal bidla materjali;

(b)

meta l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD iwettaq b'mod volontarju bidla wara l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 19.

4.   Il-politiki u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-preparazzjoni u l-aġġornament ta' rapport relatat mar-riskji ta' kreditu. Dan ir-rapport għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

il-metrika msemmija fl-Artikolu 19;

(b)

it-telf impost skont l-Artikolu 13, irrappurtat skont it-tip ta' kollateral;

(c)

it-tibdil tal-politiki jew tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jkun soġġett għal reviżjoni ta' kull xahar mill-kumitati rilevanti stabbiliti mill-korp maniġerjali tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD. Meta l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD ikun istituzzjoni ta' kreditu ddeżinjata mis-CSD skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jsir disponibbli wkoll għall-kumitat tar-riskju stabbilit skont l-Artikolu 48 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392 tas-CSD bl-istess frekwenza ta' kull xahar.

6.   Meta l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jikser limitu tal-konċentrazzjoni wieħed jew iktar minn wieħed imsemmija fl-Artikolu 14, għandu jirrapporta dan minnufih lill-kumitat rilevanti tiegħu li jkun inkarigat mill-kontroll tar-riskju u, fil-każ ta' istituzzjoni ta' kreditu msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, għandu jirrapporta minnufih għand il-kumitat tar-riskju tas-CSD.

Sottotaqsima 1

Kejl tar-Riskji ta' Kreditu

Artikolu 19

Kejl tar-riskji ta' kreditu ta' matul l-istess jum

1.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jidentifika u jkejjel l-iskoperturi ta' riskji ta' kreditu ta' matul l-istess jum u jantiċipa skoperturi ta' kreditu massimi ta' matul l-istess jum permezz ta' għodod operazzjonali u analitiċi li jidentifikaw u jkejlu skoperturi ta' kreditu ta' matul l-istess jum, u li jirreġistraw, b'mod partikolari, il-metrika li ġejja kollha għal kull kontraparti:

(a)

skoperturi ta' kreditu massimi u medji ta' matul l-istess jum għas-servizzi anċillari ta' tip bankarju stabbiliti fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

skoperturi ta' kreditu massimi u medji ta' matul l-istess jum għal kull parteċipant mutwatarju, u analiżi statistika ulterjuri tal-kollateral li jkopri dawn l-iskoperturi ta' kreditu;

(c)

skoperturi ta' kreditu massimi u medji ta' matul l-istess jum għal kontropartijiet oħrajn u, jekk ikun iggarantit minn kollateral, analiżi statistika ulterjuri tal-kollateral li jkopri dawn l-iskoperturi ta' kreditu ta' matul l-istess jum;

(d)

il-valur totali tal-linji ta' kreditu ta' matul l-istess jum estiżi lill-parteċipanti;

(e)

l-analiżi statistika ulterjuri tal-iskoperturi ta' kreditu msemmija fil-punti (b) u (c) għandha tkopri dan li ġej:

(i)

il-kollateral li jilħaq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10;

(ii)

kollateral ieħor skont l-Artikolu 11(1);

(iii)

kollateral ieħor skont l-Artikolu 11(2);

(iv)

riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn skont l-Artikolu 15 u 16.

2.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jwettaq il-kejl imsemmi fil-paragrafu 1 fuq bażi kontinwa.

Meta l-identifikazzjoni u l-kejl ta' riskju ta' kreditu ta' matul l-istess jum ma jkunx possibbli minħabba d-dipendenza fuq id-disponibbiltà ta' dejta esterna, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jkejjel l-iskoperturi ta' kreditu ta' matul l-istess jum fuq l-ogħla frekwenza possibbli u tal-inqas darba kuljum.

Artikolu 20

Kejl ta' skoperturi ta' kreditu mil-lum għall-għada

Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jkejjel l-iskoperturi ta' kreditu mil-lum għall-għada għas-servizzi anċillari ta' tip bankarju stabbiliti fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 billi kuljum jirreġistra l-iskoperturi ta' kreditu pendenti mill-jum ta' qabel, fl-aħħar tal-jum ta' negozju.

Sottotaqsima 2

Monitoraġġ tar-Riskji ta' Kreditu

Artikolu 21

Monitoraġġ tal-iskoperturi ta' kreditu matul l-istess jum

Għall-finijiet tal-monitoraġġ tar-riskji ta' kreditu ta' matul l-istess jum, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu, b'mod partikolari:

(a)

jimmonitorja fuq bażi kontinwa, permezz ta' sistema ta' rappurtar awtomatiku, l-iskoperturi ta' kreditu ta' matul l-istess jum li jinħolqu mis-servizzi anċillari ta' tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

iżomm, għal tal-inqas għaxar snin, rekord ta' kuljum tal-iskoperturi ta' kreditu massimi u medji ta' matul l-istess jum li jinħolqu minn servizzi anċillari ta' tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(c)

jirreġistra l-iskoperturi ta' kreditu ta' matul l-istess jum li joriġinaw minn kull entità li fuqha jaqgħu l-iskoperturi ta' kreditu ta' matul l-istess jum, inkluż dawn li ġejjin:

(i)

l-emittenti;

(ii)

il-parteċipanti fis-sistema ta' saldu tat-titoli operata minn CSD, fil-livell ta' entità u ta' grupp;

(iii)

is-CSDs b'konnessjonijiet interoperabbli;

(iv)

il-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn użati biex isiru jew jiġu riċevuti l-ħlasijiet;

(d)

jiddeskrivi bis-sħiħ kif il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju ta' kreditu jikkunsidra l-interdipendenzi u r-relazzjonijiet multipli li fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jista' jkollu ma' kull waħda mill-entitajiet imsemmija fil-punt (c);

(e)

jispeċifika, għal kull kontroparti, kif fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jimmonitorja l-konċentrazzjoni tal-iskoperturi ta' kreditu ta' matul l-istess jum, inklużi l-iskoperturi tiegħu għall-entitajiet tal-gruppi li jinkludu l-entitajiet elenkati fil-punt (c);

(f)

jispeċifika kif fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jevalwa l-adegwatezza tat-telf impost applikat lill-kollateral miġbur;

(g)

jispeċifika kif il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jimmonitorja l-kopertura tal-kollateral tal-iskoperturi ta' kreditu u l-kopertura ta' skoperturi ta' kreditu b'riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn.

Artikolu 22

Monitoraġġ ta' riskji ta' kreditu mil-lum għall-għada

Għall-finijiet tal-monitoraġġ ta' skoperturi ta' kreditu mil-lum għall-għada, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu, fir-rigward tal-kreditu mil-lum għall-għada:

(a)

iżomm rekord tas-somma tal-iskoperturi ta' kreditu fi tmiem il-jum effettivi, għal tal-inqas għaxar snin;

(b)

jirreġistra kuljum l-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

Sottotaqsima 3

Ġestjoni ta' Riskji ta' Kreditu ta' Matul l-Istess Jum

Artikolu 23

Rekwiżiti ġenerali għall-ġestjoni ta' riskju ta' kreditu ta' matul l-istess jum

1.   Għall-finijiet tal-monitoraġġ ta' riskju ta' kreditu ta' matul l-istess jum, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu:

(a)

jispeċifika kif jivvaluta t-tfassil u l-operat tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju ta' kreditu tiegħu rigward l-attivitajiet kollha elenkati fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

jagħti biss linji ta' kreditu kanċellabbli mingħajr kundizzjonijiet fi kwalunkwe ħin mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD u mingħajr avviż minn qabel lill-parteċipanti mutwatarji tas-sistema ta' saldu tat-titoli operati mis-CSD;

(c)

meta garanzija bankarja msemmija fl-Artikolu 16 tintuża f'konnessjonijiet interoperabbli, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jivvaluta u janalizza l-interkonnettività li tista' tinħoloq meta l-istess parteċipanti jipprovdu din il-garanzija bankarja.

2.   L-iskoperturi li ġejjin huma eżenti mill-applikazzjoni tal-Artikoli 9 sa 15 u 24:

(a)

l-iskoperturi għall-membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), korpi oħra tal-Istati Membri li jwettqu funzjonijiet simili, u korpi pubbliċi oħra tal-Unjoni inkarigati li jintervjenu fil-ġestjoni tad-dejn pubbliku;

(b)

l-iskoperturi għal wieħed mill-banek multilaterali tal-iżvilupp elenkati fl-Artikolu 117(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

l-iskoperturi għal wieħed mill-organizzazzjonijiet internazzjonali elenkati fl-Artikolu 118 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

l-iskoperturi għall-entitajiet tas-settur pubbliku fis-sens tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 meta jkunu l-proprjetà ta' gvernijiet ċentrali u jkollhom arranġamenti espliċiti pprovduti minn gvernijiet ċentrali li jiggarantixxu l-iskoperturi ta' kreditu tagħhom;

(e)

l-iskoperturi għall-banek ċentrali ta' pajjiżi terzi li huma ddenominati fil-munita domestika ta' dan il-bank ċentrali bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tadotta att ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 114(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jikkonferma li dan il-pajjiż terz huwa kkunsidrat bħala wieħed li japplika arranġamenti superviżorji u regolatorji tal-inqas ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni.

Artikolu 24

Limiti ta' kreditu

Għall-finijiet tal-ġestjoni ta' riskju ta' kreditu ta' matul l-istess jum, u meta jiġu stabbiliti l-limiti ta' kreditu għal parteċipant mutwatarju individwali fil-livell ta' grupp, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jikkonforma ma' dan kollu li ġej:

(a)

jivvaluta l-affidabbiltà kreditizja tal-parteċipant mutwatarju abbażi ta' metodoloġija li ma tiddependix esklużivament fuq opinjonijiet esterni;

(b)

jivverifika l-konformità tal-kollateral u riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn ipprovduti minn parteċipant biex jiġu koperti l-iskoperturi ta' kreditu ta' matul l-istess jum, mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 9 u 15 rispettivament;

(c)

jistabbilixxi l-limiti ta' kreditu lil parteċipant mutwatarju abbażi tar-relazzjonijiet multipli li l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jkollu mal-parteċipant mutwatarju, inkluż meta l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jipprovdi iktar minn servizz anċillari ta' tip bankarju wieħed minn fost dawk imsemmija fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 lill-istess parteċipant;

(d)

jikkunsidra l-livell ta' riżorsi ta' likwidità kwalifikanti skont l-Artikolu 34;

(e)

jirrevedi l-limiti ta' kreditu lil parteċipant mutwatarju bil-għan li jiżgura t-tnejn li ġejjin:

(i)

meta l-affidabbiltà kreditizja ta' parteċipant mutwatarju tonqos, li l-limiti ta' kreditu jiġu riveduti jew imnaqqsa;

(ii)

meta l-valur tal-kollateral ipprovdut minn parteċipant mutwatarju jonqos, li d-disponibbiltà ta' kreditu titnaqqas.

(f)

jirrevedi l-linji ta' kreditu mogħtija lill-parteċipanti mutwatarji tal-inqas darba kull sena abbażi tal-użu effettiv tal-kreditu tagħhom;

(g)

jiżgura li l-ammont ta' skoperturi ta' kreditu mil-lum għall-għada jiġi integrat fl-użu tal-limitu ta' kreditu mogħti lill-parteċipant;

(h)

jiżgura li l-ammont ta' kreditu mil-lum għall-għada li jkun għadu ma ġiex rimborsat jiġi inkluż fl-iskoperturi matul l-istess jum tal-jum ta' wara u jiġi pprovdut limitu massimu ta' kreditu.

Sottotaqsima 4

Skoperturi ta' kreditu reżidwu potenzjali

Artikolu 25

Skoperturi ta' kreditu reżidwu potenzjali

1.   Il-politiki u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 18(1) għandhom jiżguraw li kwalunkwe skoperturi ta' kreditu reżidwu potenzjali jiġu ġestiti, inkluż fis-sitwazzjonijiet meta l-valur ta' wara l-likwidazzjoni tal-kollateral u riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn ma jkunux suffiċjenti biex ikopru l-iskoperturi ta' riskju tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD.

2.   Dawn il-politiki u l-proċeduri għandhom:

(a)

jispeċifikaw kif telf ta' kreditu potenzjalment mhux kopert jiġi allokat, inkluż il-ħlas lura ta' kwalunkwe fondi li fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jista' jissellef minn fornituri ta' likwidità biex ikopri lakuni ta' likwidità relatati ma' dan it-telf;

(b)

jinkludu valutazzjoni kontinwa tal-kundizzjonijiet tas-swieq li jevolvu relatati mal-valur ta' wara l-likwidazzjoni tal-kollateral jew ta' riżorsi finanzjarji ekwivalenti li jistgħu jiżviluppaw fi skopertura ta' kreditu reżidwu potenzjali;

(c)

jispeċifikaw li l-valutazzjoni msemmija fil-punt (b) għandha tiġi akkumpanjata minn proċedura li tistabbilixxi:

(i)

il-miżuri li għandhom jiġu kkunsidrati bħala dawk li jindirizzaw il-kundizzjonijiet tas-suq imsemmija fil-punt (b);

(ii)

l-iskeda taż-żmien tal-miżuri msemmija fil-punt (i);

(iii)

kwalunkwe aġġornament tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju ta' kreditu bħala riżultat tal-kundizzjonijiet tas-suq imsemmija fil-punt (b).

3.   Il-kumitat tar-riskju tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD u, meta jkun rilevanti, il-kumitat tar-riskju tas-CSD għandhom jiġu infurmati bi kwalunkwe riskju li jista' joħloq skoperturi ta' kreditu reżidwu potenzjali u l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandha tiġi infurmata fil-pront b'dawn ir-riskji.

4.   L-iżvilupp tas-suq u tal-attivitajiet li jaffettwaw l-iskoperturi ta' riskju ta' kreditu ta' matul l-istess jum għandhom jiġu analizzati u riveduti kull sitt xhur u rrappurtati lill-kumitat tar-riskju tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD u, meta jkun rilevanti, lill-kumitat tar-riskju tas-CSD.

Sottotaqsima 5

Proċeduri ta' rimborż u rati ta' sanzjonar

Artikolu 26

Proċeduri ta' rimborż ta' kreditu ta' matul l-istess jum

1.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jkollu proċeduri ta' rimborż effettivi ta' kreditu ta' matul l-istess jum, li jikkonformaw mar-rekwiżiti fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Il-proċeduri ta' rimborż ta' kreditu ta' matul il-jum għandhom jipprevedu rati ta' sanzjonar li jaġixxu bħala deterrent effettiv biex jiskoraġġixxu skoperturi ta' kreditu mil-lum għall-għada u, b'mod partikolari, li għandhom jilħqu ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu ogħla mir-rata tas-suq kollateralizzata mil-lum għall-għada tas-suq monetarju interbankarju u r-rata ta' self marġinali ta' bank ċentrali tal-ħruġ tal-munita tal-iskopertura ta' kreditu;

(b)

jikkunsidraw il-kostijiet tal-finanzjament tal-munita tal-iskopertura ta' kreditu u l-affidabbiltà kreditizja tal-parteċipant li jkollu skopertura ta' kreditu mil-lum għall-għada.

Sottotaqsima 6

Rappurtar tar-riskju ta' kreditu

Artikolu 27

Rappurtar lill-awtoritajiet dwar il-ġestjoni ta' riskji matul l-istess jum

1.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jirrapporta lill-awtorità kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jikkonforma mar-rekwiżiti ta' rappurtar kollha li ġejjin:

(a)

għandu jissottometti dikjarazzjoni kwalitattiva li tispeċifika l-azzjonijiet meħuda dwar kif ir-riskji ta' kreditu, inklużi r-riskji ta' kreditu ta' matul l-istess jum, jiġu mkejla, immonitorjati u ġestiti, b'tal-inqas frekwenza annwali;

(b)

għandu jinnotifika kwalunkwe tibdil materjali fl-azzjonijiet meħuda skont il-punt (a), immedjatament wara li dan it-tibdil materjali jseħħ;

(c)

għandu jissottometti l-metrika msemmija fl-Artikolu 19 kull xahar.

3.   Meta l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jikser, jew ikun f'riskju li jikser ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, inkluż waqt żminijiet ta' kriżi, għandu jinnotifika dan minnufih lill-awtorità kompetenti rilevanti u għandu jissottometti mingħajr dewmien żejjed lil din l-awtorità kompetenti pjan dettaljat sabiex terġa' tintlaħaq il-konformità fi żmien debitu.

4.   Sakemm terġa' tintlaħaq il-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jirrapporta kuljum il-punti msemmija fil-paragrafu 2, skont kif xieraq, sat-tmiem ta' kull jum ta' negozju għajr jekk l-awtorità kompetenti rilevanti tawtorizza frekwenza ta' rappurtar iktar baxxa u dewmien fir-rappurtar itwal billi tikkunsidra s-sitwazzjoni individwali tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD u l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tiegħu.

Sottotaqsima 7

Żvelar pubbliku

Artikolu 28

Żvelar pubbliku

Għall-finijiet tal-punt (h) tal-Artikolu 18(1), kull sena l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiżvela lill-pubbliku dikjarazzjoni kwalitattiva komprensiva li tispeċifika kif ir-riskji ta' kreditu, inklużi r-riskji ta' kreditu ta' matul l-istess jum, jiġu mkejla, immonitorjati u ġestiti.

TAQSIMA 2

Riskju ta' likwidità

Artikolu 29

Regoli ġenerali dwar ir-riskju ta' likwidità

1.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 17(2), fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jfassal u jimplimenta politiki u proċeduri li:

(a)

ikejlu r-riskju ta' likwidità ta' matul l-istess jum u mil-lum għall-għada, skont is-Sottotaqsima 1;

(b)

jimmonitorjaw ir-riskju ta' likwidità ta' matul l-istess jum u mil-lum għall-għada, skont is-Sottotaqsima 2;

(c)

iġestixxu r-riskju ta' likwidità, skont is-Sottotaqsima 3;

(d)

jirrappurtaw ir-riskju ta' likwidità ta' matul l-istess jum u mil-lum għall-għada, skont is-Sottotaqsima 4;

(e)

jiżvelaw il-qafas u l-għodod għall-monitoraġġ, il-kejl, il-ġestjoni, u r-rappurtar dwar ir-riskju ta' likwidità, skont is-Sottotaqsima 5.

2.   Għal kull tibdil fil-qafas tar-riskju ta' likwidità ġenerali għandu jiġi rrappurtat lill-korp maniġerjali tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD.

Sottotaqsima 1

Kejl tar-riskji ta' likwidità ta' matul l-istess jum

Artikolu 30

Kejl tar-riskji ta' likwidità ta' matul l-istess jum

1.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jwaqqaf għodod operazzjonali u analitiċi effikaċi biex ikejjel, fuq bażi kontinwa, il-metrika li ġejja fuq bażi ta' munita b'munita:

(a)

l-użu massimu ta' likwidità ta' matul l-istess jum, ikkalkulat bl-użu tal-ikbar pożizzjoni kumulattiva netta pożittiva u l-ikbar pożizzjoni kumulattiva netta negattiva;

(b)

ir-riżorsi totali ta' likwidità ta' matul l-istess jum disponibbli fil-bidu tal-jum ta' negozju, disaggregati f'dan kollu li ġej:

(i)

ir-riżorsi ta' likwidità kwalifikanti kif speċifikat fl-Artikolu 34;

il-flus kontanti ddepożitati f'bank ċentrali tal-ħruġ;

il-flus kontanti disponibbli f'istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn b'affidabbiltà kreditizja msemmija fl-Artikolu 38(1);

il-linji ta' kreditu impenjati jew arranġamenti simili;

l-assi li jilħqu r-rekwiżiti tal-Artikoli 10 u 11(1) ta' dan ir-Regolament applikabbli għall-kollateral, jew strumenti finanzjarji konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/392, li jkunu disponibbli fil-pront u konvertibbli fi flus kontanti b'arranġamenti ta' finanzjament prestabbiliti u affidabbli ħafna, kif imsemmi fl-Artikolu 38;

il-kollateral imsemmi fl-Artikolu 10 u l-Artikolu 11(1);

(ii)

riżorsi li mhumiex riżorsi ta' likwidità kwalifikanti, inklużi linji ta' kreditu mhux impenjati;

(c)

il-valur totali ta' dawn kollha li ġejjin:

(i)

ħruġ ta' likwidità ta' matul l-istess jum, inkluża dik li għaliha jkun hemm skadenza ta' ħin speċifiku matul l-istess jum;

(ii)

obbligi ta' saldu fi flus kontanti f'sistemi ta' saldu tat-titoli oħrajn meta s-CSD li għalih il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jaġixxi bħala aġent tas-saldu jkollu jagħmel is-saldu tal-pożizzjonijiet;

(iii)

l-obbligi relatati mal-attivitajiet tas-suq tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, bħall-konsenja jew ir-ritorn ta' tranżazzjonijiet tas-suq monetarju jew ħlasijiet ta' marġni;

(iv)

ħlasijiet oħrajn ta' importanza kritika għar-reputazzjoni tas-CSD u l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD.

2.   għal kull munita tas-sistemi ta' saldu tat-titoli li għaliha fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jaġixxi bħala aġent tas-saldu, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jimmonitorja l-ħtiġijiet ta' likwidità li joriġinaw minn kull entità li għaliha l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jkollu skopertura ta' likwidità.

Artikolu 31

Kejl tar-riskji ta' likwidità mil-lum għall-għada

Rigward ir-riskji ta' likwidità mil-lum għall-għada, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jqabbel, fuq bażi kontinwa, ir-riżorsi ta' likwidità mal-ħtiġijiet ta' likwidità tiegħu, meta dawn il-ħtiġijiet jirriżultaw mill-użu ta' kreditu mil-lum għall-għada, għal kull munita tas-saldu tas-sistemi ta' saldu tat-titoli li għalihom il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jaġixxi bħala aġent tas-saldu.

Sottotaqsima 2

Monitoraġġ ta' riskji ta' likwidità ta' matul l-istess jum

Artikolu 32

Monitoraġġ ta' riskji ta' likwidità ta' matul l-istess jum

1.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jistabbilixxi u jżomm rapport dwar ir-riskju ta' likwidità ta' matul l-istess jum li jassumi. Dan ir-rapport għandu jinkludi, tal-inqas:

(a)

il-metrika msemmija fl-Artikolu 30(1);

(b)

il-predispożizzjoni għar-riskju tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD;

(c)

pjan ta' finanzjament ta' kontinġenza li jiddeskrivi r-rimedji li għandhom jiġu applikati meta tinkiser il-predispożizzjoni għar-riskju.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi rivedut kull xahar mill-kumitat tar-riskju tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD u mill-kumitat tar-riskju tas-CSD.

2.   Għal kull munita tas-saldu tas-sistema ta' saldu tat-titoli li għaliha l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jaġixxi bħala aġent tas-saldu, għandu jkun hemm għodod operazzjonali u analitiċi effikaċi biex jiġu mmonitorjati fuq bażi ta' ħin li jvarja bejn kważi reali u reali l-pożizzjonijiet ta' likwidità ta' matul l-istess jum tagħha meta mqabbla mal-attivitajiet mistennija tagħha u r-riżorsi disponibbli abbażi tal-bilanċi u l-bqija tal-kapaċità ta' likwidità ta' matul l-istess jum. Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu:

(a)

iżomm, għal tal-inqas għaxar snin, rekord tal-ikbar pożizzjoni kumulattiva netta pożittiva ta' matul l-istess jum ta' kuljum u l-ikbar pożizzjoni kumulattiva netta negattiva ta' matul l-istess jum għal kull munita ta' saldu tas-sistema ta' saldu tat-titoli li għaliha jaġixxi bħala aġent tas-saldu;

(b)

jimmonitorja l-iskoperturi ta' likwidità tiegħu fuq bażi kontinwa meta mqabbla mal-iskopertura ta' likwidità massima ta' matul l-istess jum li tkun ġiet storikament irreġistrata.

Artikolu 33

Monitoraġġ ta' riskji ta' likwidità mil-lum għall-għada

Rigward ir-riskji ta' likwidità mil-lum għall-għada, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu japplika dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

iżomm, għal tal-inqas għaxar snin, rekord tar-riskji ta' likwidità maħluqa mill-użu ta' kreditu mil-lum għall-għada għal kull munita tas-sistema ta' saldu tat-titoli li għaliha jaġixxi bħala aġent tas-saldu;

(b)

jimmonitorja r-riskju ta' likwidtà maħluq mill-kreditu estiż mil-lum għall-għada meta mqabbel mal-iskopertura ta' likwidità massima maħluqa mill-kreditu estiż mil-lum għall-għada li tiġi storikament irreġistrata.

Sottotaqsima 3

Ġestjoni ta' Riskji ta' Likwidità

Artikolu 34

Riżorsi ta' likwidità kwalifikanti

Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jimmitiga r-riskji ta' likwidità korrispondenti, inklużi r-riskji ta' likwidità ta' matul l-istess jum, f'kull munita billi juża kwalunkwe waħda mir-riżorsi ta' likwidità kwalifikanti li ġejjin:

(a)

il-flus kontanti ddepożitati f'bank ċentrali tal-ħruġ;

(b)

il-flus kontanti ddepożitati f'waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji b'affidabbiltà kreditizja identifikati fl-Artikolu 38(1);

(c)

il-linji ta' kreditu impenjati jew ftehimiet simili;

(d)

l-assi li jilħqu r-rekwiżiti tal-Artikolu 10 u tal-Artikolu 11(1) ta' dan ir-Regolament applikabbli għall-kollateral, jew strumenti finanzjarji konformi mar-Regolament Delegat (UE) 2017/392, li jkunu disponibbli fil-pront u konvertibbli fi flus kontanti b'arranġamenti ta' finanzjament prestabbiliti u affidabbli ħafna skont l-Artikolu 38 ta' dan ir-Regolament;

(e)

il-kollateral imsemmi fl-Artikolu 10 u l-Artikolu 11(1).

Artikolu 35

Ġestjoni tar-riskju ta' likwidità ta' matul l-istess jum

1.   Għal kull munita ta' kwalunkwe waħda mis-sistemi ta' saldu tat-titoli li għaliha jaġixxi bħala aġent tas-saldu, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu:

(a)

jagħmel stima tad-dħul u tal-ħruġ ta' likwidità ta' matul l-istess jum għas-servizzi anċillari ta' tip bankarju pprovduti kollha;

(b)

jantiċipa l-iskeda taż-żmien ta' matul l-istess jum ta' dawn il-flussi;

(c)

ibassar il-ħtiġijiet ta' likwidità ta' matul l-istess jum li jistgħu jinħolqu f'perjodi differenti waqt il-jum.

2.   Għal kull munita ta' kwalunkwe waħda mis-sistemi ta' saldu tat-titoli li għaliha jaġixxi bħala aġent tas-saldu, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu:

(a)

jagħmel arranġamenti biex jakkwista finanzjament suffiċjenti matul l-istess jum biex jilħaq l-objettivi ta' matul l-istess jum hekk kif jirriżultaw mill-analiżi msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

iġestixxi u jkun lest li jikkonverti fi flus kontanti l-kollateral neċessarju biex jinkisbu fondi matul l-istess jum f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, billi jikkunsidra t-telf impost skont l-Artikolu 13 u l-limiti ta' konċentrazzjoni skont l-Artikolu 14;

(c)

iġestixxi l-iskeda taż-żmien tal-ħruġ ta' likwidità tiegħu f'konformità mal-objettivi tiegħu ta' matul l-istess jum;

(d)

ikollu stabbiliti arranġamenti biex jittratta tħarbit mhux mistenni fil-flussi ta' likwidità tiegħu matul l-istess jum.

3.   Għall-fini li jilħaq ir-rekwiżit minimu ta' riżorsi ta' likwidità kwalifikanti tiegħu, fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jidentifika u jġestixxi r-riskji li għalihom jista' jiġi espost wara l-indempjenza ta' mill-inqas żewġ parteċipanti, inklużi l-impriża omm u s-sussidjarji tagħhom, li għalihom ikollu l-ikbar skopertura ta' likwidità.

4.   Għar-riskju ta' tħarbit mhux mistenni fil-flussi ta' likwidità tiegħu matul l-istess jum, imsemmi fil-paragrafu 2(d), il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jispeċifika xenarji estremi iżda plawżibbli, inklużi dawk identifikati fl-Artikolu 36(7) meta rilevanti, u tal-inqas abbażi ta' waħda minn dawn:

(a)

firxa ta' xenarji storiċi, inklużi perjodi ta' movimenti estremi tas-suq osservati tul dawn l-aħħar 30 sena, jew sakemm tkun disponibbli dejta affidabbli, li setgħu jesponu lill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għall-ikbar riskju finanzjarju, għajr jekk il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD juri li r-rikorrenza ta' sitwazzjoni storika ta' movimenti kbar fil-prezzijiet mhijiex plawżibbli;

(b)

firxa ta' xenarji futuri potenzjali li jilħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet konsistenti dwar il-volatilità tas-suq u l-korrelazzjoni tal-prezzijiet fis-swieq u l-istrumenti finanzjarji;

(ii)

ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi ta' kundizzjonijiet potenzjali tas-suq, inkluż tħarbit u diżlokazzjonijiet jew irregolaritajiet ta' aċċessibbiltà għas-swieq, kif ukoll tnaqqis fil-valur tal-likwidazzjoni tal-kollateral, u tnaqqis fil-likwidità tas-suq meta assi mhux fi flus kontanti jiġu aċċettati bħala kollateral.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jikkunsidra wkoll dan li ġej:

(a)

it-tfassil u l-operazzjonijiet tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, inkluż rigward l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 30(2) u infrastrutturi tas-swieq finanzjarji konnessi jew entitajiet oħrajn li jistgħu joħolqu riskju ta' likwidità materjali għall-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD u, meta applikabbli, ikopru perjodu ta' ħafna jiem;

(b)

kwalunkwe relazzjoni b'saħħitha jew skopertura simili bejn il-parteċipanti tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, inkluż bejn il-parteċipanti u l-impriża omm u s-sussidjarji tagħhom;

(c)

valutazzjoni tal-probabbiltà ta' inadempjenzi multipli min-naħa tal-parteċipanti u l-effetti fost il-parteċipanti li dawn l-inadempjenzi jistgħu joħolqu;

(d)

l-impatt tal-inadempjenzi multipli msemmija fil-punt (c) fuq il-flussi ta' flus kontanti tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD u fuq il-kapaċità ta' kontrobilanċ u tal-orizzont ta' sopravivenza tiegħu;

(e)

jekk l-immudellar jirriflettix l-impatti differenti li kriżi ekonomika jista' jkollha fuq l-assi u d-dħul u l-ħruġ ta' likwidità tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD.

6.   Il-grupp ta' xenarji storiċi u ipotetiċi użati biex jiġu identifikati kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawżibbli għandu jiġi rivedut mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD u, meta rilevanti, f'konsultazzjoni mal-kumitat tar-riskju tas-CSD, tal-inqas darba kull sena. Dawn ix-xenarji għandhom jiġu riveduti b'mod iktar frekwenti meta l-iżviluppi tas-suq jew l-operazzjonijiet tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jaffettwaw is-suppożizzjonijiet sottostanti tax-xenarji b'mod li jkunu meħtieġa aġġustamenti għal dawn ix-xenarji.

7.   Il-qafas tar-riskju ta' likwidità għandu jikkunsidra, b'mod kwantitattiv u kwalitattiv, il-punt sa fejn jistgħu jseħħu b'mod simultanju movimenti estremi tal-prezzijiet fil-kollateral jew l-assi fi swieq identifikati multipli. Il-qafas għandu jirrikonoxxi li korrelazzjonijiet ta' prezzijiet storiċi jistgħu ma jibqgħux applikabbli f'kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli. Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jikkunsidra wkoll kwalunkwe waħda mid-dipendenzi esterni tiegħu fl-ittestjar tal-istress tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu.

8.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jidentifika kif il-metrika tal-monitoraġġ ta' matul l-istess jum imsemmija fl-Artikolu 30(1) tintuża biex jiġi kkalkulat il-valur xieraq tal-finanzjament meħtieġ matul l-istess jum. Għandu jiżviluppa qafas intern biex jivvaluta valur prudenti ta' assi likwidi li jiġu kkunsidrati bħala suffiċjenti għall-iskopertura tiegħu ta' matul l-istess jum inkluż, b'mod partikolari, dan kollu li ġej:

(a)

il-monitoraġġ opportun ta' assi likwidi, inkluż il-kwalità tal-assi, il-konċentrazzjoni tagħhom u d-disponibbiltà immedjata tagħhom;

(b)

politika xierqa dwar il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tas-suq li jistgħu jaffettwaw il-likwidità tar-riżorsi ta' likwidità kwalifikanti ta' matul l-istess jum;

(c)

il-valur tar-riżorsi ta' likwidità kwalifikanti ta' matul l-istess jum, evalwati u kkalibrati taħt kundizzjonijiet ta' suq fi kriżi, inklużi x-xenarji msemmija fl-Artikolu 36(7).

9.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiżgura li l-assi likwidi tiegħu jkunu taħt il-kontroll ta' funzjoni speċifika ta' ġestjoni ta' likwidità.

10.   Il-qafas tar-riskju ta' likwidità tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jinkludi arranġamenti ta' governanza xierqa relatati mal-ammont u l-forma tar-riżorsi ta' likwidità kwalifikanti totali miżmuma mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, kif ukoll dokumentazzjoni adegwata rilevanti u, b'mod partikolari waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

it-tqegħid tal-assi likwidi tiegħu f'kont separat taħt il-ġestjoni diretta tal-funzjoni ta' ġestjoni tal-likwidità, li jkun jista' jintuża biss bħala sors ta' fondi kontinġenti waqt perjodi ta' kriżi;

(b)

l-istabbiliment ta' sistemi u kontrolli interni biex il-funzjoni ta' ġestjoni tal-likwidità tingħata kontroll operazzjonali effikaċi biex jitwettqu dawn it-tnejn li ġejjin:

(i)

il-parteċipazzjonijiet ta' assi likwidi jiġu kkonvertiti fi flus kontanti fi kwalunkwe punt fil-perjodu ta' kriżi;

(ii)

isir aċċess għall-fondi kontinġenti mingħajr ma jkun hemm kunflitt dirett ma l-ebda strateġija eżistenti ta' negozju jew ta' ġestjoni ta' riskju, sabiex b'hekk l-ebda assi ma jiġi inkluż fir-riżervi ta' likwidità meta l-bejgħ tagħhom mingħajr ma jiġu sostitwiti tul il-perjodu ta' kriżi jkun jista' joħloq pożizzjoni ta' riskju miftuħa b'eċċess tal-limiti interni tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD;

(c)

kombinazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b), meta din il-kombinazzjoni tiżgura riżultat kumparabbli.

11.   Ir-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu dwar il-qafas tar-riskju ta' likwidità tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandhom japplikaw ukoll għal skoperturi transkonfinali u bejn il-muniti meta jkun rilevanti.

12.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jirrevedi l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 11 tal-inqas darba fis-sena, waqt li jikkunsidra l-iżviluppi rilevanti kollha tas-suq kif ukoll l-iskala u l-konċentrazzjoni tal-iskoperturi.

Artikolu 36

Ittestjar tal-istress tas-suffiċjenza tar-riżorsi finanzjarji likwidi

1.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiddetermina u jittestja s-suffiċjenza tar-riżorsi ta' likwidità tiegħu fil-livell tal-munita rilevanti permezz ta' ttestjar tal-istress regolari u rigoruż li jilħaq ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

jitwettaq abbażi tal-fatturi msemmija fil-paragrafi 4 u 5, kif ukoll ix-xenarji speċifiċi msemmija fil-paragrafu 6;

(b)

jinkludi ttestjar regolari tal-proċeduri tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD sabiex jaċċedi għar-riżorsi ta' likwidità kwalifikanti tiegħu minn fornitur ta' likwidità bl-użu ta' xenarji ta' matul l-istess jum;

(c)

jikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafi 2 sa 6.

2.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiżgura, tal-inqas permezz ta' diliġenza xierqa u rigoruża u ttestjar tal-istress li kull fornitur ta' likwidità tar-riżorsi ta' likwidità kwalifikanti minimi meħtieġa tiegħu stabbiliti skont l-Artikolu 34, ikollu informazzjoni biżżejjed biex jifhem u jġestixxi r-riskju ta' likwidità assoċjat tiegħu, u jkun kapaċi jikkonforma mal-kundizzjonijiet ta' arranġament ta' finanzjament prestabbilit u affidabbli ħafna stabbiliti fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

3.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jkollu regoli u proċeduri stabbiliti biex jindirizza l-insuffiċjenza tar-riżorsi finanzjarji ta' likwidità kwalifikanti enfasizzati mit-testijiet tal-istress.

4.   Meta t-testijiet tal-istress jirriżultaw fi ksur tal-predispożizzjoni għar-riskju msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 32(1), il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu:

(a)

jirrapporta għand il-kumitat tar-riskju tiegħu stess u, meta rilevanti, għand il-kumitat tar-riskju tas-CSD ir-riżultati tat-testijiet tal-istress;

(b)

jirrevedi u jaġġusta l-pjan ta' kontinġenza msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 32(1) meta l-ksur ma jkunx jista' jiġi restawrat sa tmiem il-jum;

(c)

ikollu regoli u proċeduri biex jevalwa u jaġġusta l-adegwatezza tal-qafas ta' ġestjoni tar-riskju ta' likwidità tiegħu u tal-fornituri ta' likwidità skont ir-riżultati u l-analiżi tat-testijiet tal-istress tiegħu.

5.   Ix-xenarji tal-ittestjar tal-istress użati fl-ittestjar tal-istress tar-riżorsi finanzjarji likwidi għandhom jitfasslu billi jiġu kkunsidrati d-disinn u l-operat tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, u jinkludu l-entitajiet kollha li jistgħu joħolqu riskju materjali għalih.

6.   Ix-xenarji tal-ittestjar tal-istress użati fl-ittestjar tal-istress tar-riżorsi finanzjarji ta' likwidità kwalifikanti għandhom jitfasslu billi tiġi kkunsidrata l-inadempjenza, f'iżolament jew f'kombinazzjoni, ta' mill-inqas żewġ parteċipanti tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, inklużi l-impriża omm u s-sussidjarji tagħhom, li għalihom il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu l-ikbar skopertura ta' likwidità.

7.   Ix-xenarji użati fl-ittestjar tal-istress ta' riżorsi finanzjarji likwidi għandhom jitfasslu billi tiġi kkunsidrata firxa wiesgħa ta' xenarji rilevanti estremi iżda plawsibbli, li jkopru stress fuq perjodu qasir u fuq perjodu twil, u stress speċifiku għall-istituzzjoni u mifrux mas-suq kollu, inkluż:

(a)

l-irċevuta nieqsa tal-ħlasijiet mill-parteċipanti fil-ħin;

(b)

in-nuqqas jew l-inkapaċità temporanji ta' wieħed mill-fornituri ta' likwidità tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD li jipprovdi likwidità, inklużi dawk imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, banek kustodji, aġenti nostro, jew kwalunkwe infrastruttura relatata, inklużi CSDs interoperabbli;

(c)

pressjonijiet simultanji fis-swieq tal-finanzjament u tal-assi, inkluż tnaqqis fil-valur tar-riżorsi ta' likwidità kwalifikanti;

(d)

stress fil-konvertibilità tal-kambju u aċċess għas-swieq tal-kambju;

(e)

tibdil avvers fir-reputazzjoni ta' fornitur ta' servizzi bankarji-CSD bir-riżultat li ċerti fornituri ta' likwidità jirtiraw il-likwidità;

(f)

volatilitajiet tal-prezzijiet storiċi massimi rilevanti ta' kollateral jew assi bħala avvenimenti rikorrenti;

(g)

tibdil fid-disponibbiltà ta' kreditu fis-suq.

8.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiddetermina l-muniti rilevanti msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 billi japplika l-passi li ġejjin f'sekwenza:

(a)

jikklassifika l-muniti mill-ogħla waħda għal dik l-iktar baxxa abbażi tal-medja tal-ikbar tliet pożizzjonijiet kumulattivi netti negattivi ta' kuljum, ikkonvertiti f'euro, fi żmien tnax-il xahar;

(b)

jikkunsidra bħala rilevanti:

(i)

il-muniti tal-Unjoni l-iktar rilevanti li jilħqu l-kundizzjonijiet speċifikati fir-Regolament Delegat (UE) 2017/392;

(ii)

il-bqija tal-muniti kollha sakemm l-ammont aggregat korrispondenti tal-ikbar pożizzjonijiet kumulattivi negattivi netti medji mkejla skont (a) ikun daqs jew jaqbeż il-95 % għall-muniti kollha.

9.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jidentifika u jaġġorna l-muniti rilevanti msemmija fil-paragrafu 8 b'mod regolari iżda tal-inqas kull xahar. Għandu jipprevedi fir-regoli tiegħu li, f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, is-servizzi ta' saldu provviżorji fil-muniti mhux rilevanti jistgħu jitwettqu għall-valur ekwivalenti tagħhom f'munita rilevanti.

Artikolu 37

Nuqqasijiet ta' likwidità mhux previsti u potenzjalment mhux koperti

1.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jistabbilixxi regoli u proċeduri biex jaffettwa s-saldu fil-ħin matul l-istess jum u f'iktar minn jum wieħed tal-obbligi tal-ħlas wara kwalunkwe inadempjenza individwali jew ikkombinata bejn il-parteċipanti tiegħu. Dawn ir-regoli u l-proċeduri għandhom jipprovdu kwalunkwe nuqqas ta' likwidità mhux previst u potenzjalment mhux kopert li jirriżulta minn din l-inadempjenza bil-għan li tiġi evitata t-tneħħija tal-istralċ, ir-revoka, jew id-dewmien tas-saldu matul l-istess jum tal-obbligi tal-ħlas.

2.   Ir-regoli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD ikollu aċċess għal depożiti fi flus kontanti jew investimenti mil-lum għall-għada ta' depożiti fi flus kontanti, u jkollu stabbilit proċess sabiex jissostitwixxi kwalunkwe riżorsa ta' likwidità li jista' juża waqt kriżi, sabiex b'hekk ikun jista' jkompli jopera b'mod sigur u tajjeb.

3.   Ir-regoli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 għandhom jinkludu rekwiżiti għal dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

analiżi kontinwa tal-ħtiġijiet ta' likwidità li jevolvu maż-żmien biex tkun tista' ssir l-identifikazzjoni ta' avvenimenti li jistgħu jiżviluppaw f'nuqqasijiet ta' likwidità mhux previsti u potenzjalment mhux koperti, inkluż pjan għat-tiġdid tal-arranġamenti ta' finanzjament qabel ma jiskadu;

(b)

ittestjar prattiku regolari tar-regoli u l-proċeduri nfushom.

4.   Ir-regoli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu akkumpanjati minn proċedura li tistabbilixxi kif in-nuqqasijiet ta' likwidità potenzjali identifikati għandhom jiġu indirizzati mingħajr dewmien żejjed inkluż, meta jkun meħtieġ, bl-aġġornament tal-qafas ta' ġestjoni tar-riskju ta' likwidità.

5.   Ir-regoli u l-proċeduri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom iniżżlu fid-dettall ukoll dan kollu li ġej:

(a)

kif fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jkollu aċċess għal depożiti ta' flus kontanti jew investimenti mil-lum għall-għada ta' depożiti ta' flus kontanti;

(b)

kif fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jwettaq tranżazzjonijiet tas-suq matul l-istess jum;

(c)

kif fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu juża bħala sors linji ta' likwidità prestabbiliti.

6.   Ir-regoli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu rekwiżit biex il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jirrapporta kwalunkwe riskju ta' likwidità li jkollu l-potenzjal li joħloq nuqqasijiet ta' likwidità li preċedentement ma kinux previsti u potenzjalment mhux koperti lil:

(a)

il-kumitat tar-riskju tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD u, meta jkun rilevanti, lill-kumitat tar-riskju tas-CSD;

(b)

l-awtorità kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, bil-mod stabbilit fl-Artikolu 39 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 38

Arranġamenti sabiex il-kollateral jew l-investiment jiġi kkonvertit fi flus kontanti bl-użu ta' arranġamenti prestabbiliti u affidabbli ħafna

1.   Għall-finijiet tal-punt (e) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 l-istituzzjonijiet finanzjarji b'affidabbiltà kreditizja għandhom jinkludu waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE li l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jista' juri li għandha riskju ta' kreditu baxx abbażi ta' valutazzjoni interna, bl-użu ta' metodoloġija definita u oġġettiva li ma tiddependix esklużivament fuq opinjonijiet esterni;

(b)

istituzzjoni ta' kreditu ta' pajjiż terz li tilħaq ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(i)

hija soġġetta għal u tikkonforma ma' regoli prudenzjali kkunsidrati bħala stretti tal-inqas daqs dawk stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(ii)

ikollha prattiki ta' kontabilità b'saħħithom, proċeduri ta' salvagwardja, u kontrolli interni;

(iii)

ikollha riskju ta' kreditu baxx ibbażat fuq valutazzjoni interna mwettqa mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD, bl-adozzjoni ta' metodoloġija definita u oġġettiva li ma tiddependix esklużivament fuq opinjonijiet esterni;

(iv)

tikkunsidra r-riskji li jinħolqu mit-twaqqif tal-istituzzjoni finanzjarja ta' dan il-pajjiż terz f'pajjiż partikolari.

2.   Meta fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jippjana li jistabbilixxi arranġament ta' finanzjament prestabbilit u affidabbli ħafna ma' istituzzjoni finanzjarja b'affidabbiltà kreditizja kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandu juża biss l-istituzzjonijiet finanzjarji li tal-inqas ikollhom aċċess għal kreditu mill-bank ċentrali li joħroġ il-munita użata fi ħdan l-arranġamenti ta' finanzjament prestabbiliti, b'mod dirett jew permezz ta' entitajiet tal-istess grupp.

3.   Wara li jiġi stabbilit arranġament ta' finanzjament prestabbilit u affidabbli ħafna ma' waħda mill-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jimmonitorja l-affidabbiltà kreditizja ta' dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji fuq bażi kontinwa billi japplika dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

jissoġġetta lil dawn l-istituzzjonijiet għal valutazzjonijiet regolari u indipendenti tal-affidabbiltà kreditizja tagħhom;

(b)

jassenja u jirrevedi b'mod regolari l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu interni għal kull istituzzjoni finanzjarja li magħha s-CSD ikun stabbilixxa arranġament ta' finanzjament prestabbilit u affidabbli ħafna.

4.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jimmonitorja u jikkontrolla mill-qrib il-konċentrazzjoni tal-iskopertura ta' riskju ta' likwidità għal kull istituzzjoni finanzjarja involuta f'arranġament ta' finanzjament prestabbilit u affidabbli ħafna, inklużi l-impriża omm u s-sussidjarji tagħha.

5.   Il-qafas ta' ġestjoni tar-riskju ta' likwidità tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jinkludi rekwiżit biex jiġu stabbiliti limiti ta' konċentrazzjoni, li jipprevedu dan li ġej:

(a)

li l-limiti ta' konċentrazzjoni jiġu stabbiliti skont il-munita;

(b)

li tal-inqas jiġu stabbiliti żewġ arranġamenti għal kull munita ewlenija;

(c)

li l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD ma jkun jiddependi żżejjed fuq l-ebda istituzzjoni finanzjarja individwali, meta jiġu kkunsidrati l-muniti kollha.

Għall-finijiet tal-punt (b), il-muniti ewlenin għandhom jiġu kkunsidrati li tal-inqas ikunu l-ewwel 50 % tal-muniti l-iktar rilevanti kif iddeterminat skont l-Artikolu 36(8). Meta munita tiġi ddeterminata bħala l-munita ewlenija, għandha tkompli tiġi kkunsidrata bħala ewlenija għal perjodu ta' tliet snin kalendarji mid-data tad-determinazzjoni tagħha bħala munita ewlenija.

6.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD li jkollu aċċess għal kreditu ta' rutina fil-bank ċentrali tal-ħruġ għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jilħaq ir-rekwiżiti tal-punt (b) fil-paragrafu 5 sa fejn ikollu kollateral eliġibbli għal ipotekazzjoni għall-bank ċentrali rilevanti.

7.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jimmonitorja u jikkontrolla kontinwament il-limiti ta' konċentrazzjoni tiegħu lejn il-fornituri ta' likwidità tiegħu, bl-eċċezzjoni ta' dawk imsemmija fil-paragrafu 6, u għandu jimplimenta politiki u proċeduri biex jiżgura li l-iskopertura għar-riskju ġenerali tiegħu għal kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja individwali tibqa' fi ħdan il-limiti ta' konċentrazzjoni ddeterminati skont il-paragrafu 5.

8.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jirrevedi l-politiki u l-proċeduri tiegħu dwar limiti ta' konċentrazzjoni applikabbli lejn il-fornituri ta' kreditu tiegħu, bl-eċċezzjoni ta' dawk imsemmija fil-paragrafu 6, tal-inqas darba kull sena u kull darba li jseħħ tibdil materjali li jaffettwa l-iskopertura għar-riskju tiegħu għal kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja individwali.

9.   Fil-kuntest tar-rappurtar tiegħu lill-awtorità kompetenti rilevanti skont l-Artikolu 39, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jinforma lill-awtorità kompetenti b'dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe tibdil sinifikanti fil-politiki u l-proċeduri li jikkonċernaw il-limiti ta' konċentrazzjoni lejn il-fornituri ta' likwidità tiegħu ddeterminati skont dan l-Artikolu;

(b)

każijiet fejn jaqbeż limitu ta' konċentrazzjoni lejn il-fornituri ta' likwidità tiegħu stabbiliti fil-politiki u l-proċeduri tiegħu, kif imsemmi fil-paragrafu 5.

10.   Meta jinqabeż limitu ta' konċentrazzjoni lejn il-fornituri ta' likwidità tiegħu, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jirrimedja l-eċċess mingħajr dewmien żejjed billi jsegwi l-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 7.

11.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiżgura li l-ftehim dwar il-kollateral jippermettilu aċċess fil-pront għall-kollateral tiegħu fl-eventwalità ta' inadempjenza ta' klijent, billi jikkunsidra tal-inqas in-natura, id-daqs, il-kwalità, il-maturità, u l-post tal-assi pprovduti mill-klijent bħala kollateral.

12.   Meta l-assi użati bħala kollateral mill-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD ikunu fil-kontijiet tat-titoli miżmuma minn entità oħra ta' parti terza, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiżgura li jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikollu viżibbiltà f'ħin reali tal-assi identifikati bħala kollateral;

(b)

il-kollateral jiġi ssegregat mit-titoli l-oħrajn tal-parteċipant mutwatarju;

(c)

l-arranġamenti ma' din l-entità ta' parti terza jipprevjenu kwalunkwe telf ta' assi għall-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD.

13.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa minn qabel biex jistabbilixxi l-infurzabbiltà tal-pretensjoni tiegħu għal strumenti finanzjarji pprovduti bħala kollateral.

14.   Il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jkun kapaċi li jaċċedi u jikkonverti l-assi mhux fi flus kontanti msemmija fl-Artikolu 10 u l-Artikolu 11(1) fi flus kontanti matul l-istess jum permezz ta' arranġamenti prestabbiliti u affidabbli ħafna stabbiliti skont il-punt (d) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Sottotaqsima 4

Rappurtar tar-Riskji ta' Likwidità

Artikolu 39

Rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-ġestjoni tar-riskji ta' matul l-istess jum

1.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jirrapporta lill-awtorità kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jikkonforma mar-rekwiżiti ta' rappurtar kollha li ġejjin:

(a)

għandu jissottometti dikjarazzjoni kwalitattiva li tispeċifika l-azzjonijiet kollha meħuda dwar kif ir-riskji ta' likwidità, inklużi r-riskji ta' matul l-istess jum, jiġu mkejla, immonitorjati u ġestiti, b'tal-inqas frekwenza annwali;

(b)

għandu jinnotifika kwalunkwe tibdil materjali fl-azzjonijiet meħuda, imsemmija fil-punt (a), immedjatament wara li dan it-tibdil materjali jseħħ;

(c)

għandu jissottometti l-metrika msemmija fl-Artikolu 30(1) kull xahar.

3.   Meta l-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD jikser, jew ikun f'riskju li jikser ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, inkluż waqt żminijiet ta' kriżi, għandu jinnotifika dan minnufih lill-awtorità kompetenti rilevanti u għandu jissottometti mingħajr dewmien żejjed lil din l-awtorità kompetenti rilevanti pjan dettaljat sabiex terġa' tintlaħaq il-konformità fi żmien debitu.

4.   Sakemm terġa' tintlaħaq il-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, il-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jirrapporta l-punti msemmija fil-paragrafu 2, kif xieraq, tal-inqas darba kuljum, sat-tmiem ta' kull jum ta' negozju għajr jekk l-awtorità kompetenti rilevanti tawtorizza frekwenza ta' rappurtar iktar baxxa u dewmien fir-rappurtar itwal, billi tikkunsidra s-sitwazzjoni individwali tal-fornitur ta' servizzi bankarji-CSD u l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tiegħu.

Sottotaqsima 5

Żvelar pubbliku

Artikolu 40

Żvelar pubbliku

Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jiżvela pubblikament dikjarazzjoni kwalitattiva komprensiva li tispeċifika kif ir-riskji ta' likwidità, inklużi r-riskji ta' likwidità ta' matul l-istess jum, jiġu mkejla, immonitorjati u ġestiti fuq bażi annwali.

Sottotaqsima 6

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 41

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Fornitur ta' servizzi bankarji-CSD għandu jidentifika l-muniti rilevanti skont il-punt (ii) tal-Artikolu 36(8)(b) tnax-il xahar wara li jikseb l-awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju.

2.   Waqt il-perjodu tranżitorju ta' tnax-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1, il-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD imsemmija f'dan is-subparagrafu għandhom jidentifikaw il-muniti rilevanti skont il-punt (ii) tal-Artikolu 36(8)(b) billi jikkunsidraw dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

sehem relattiv kbir biżżejjed ta' kull munita fil-valur totali tas-saldu minn CSD ta' struzzjonijiet dwar is-saldu, fil-konfront tal-ħlas ikkalkulat tul perjodu ta' sena;

(b)

l-impatt tan-nuqqas ta' disponibbiltà ta' kull munita fuq il-funzjonament mingħajr xkiel tal-operazzjonijiet tal-fornituri ta' servizzi bankarji-CSD taħt firxa wiesgħa ta' xenarji ta' kriżi potenzjali msemmija fl-Artikolu 36.

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1.

(2)  Il-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji, il-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u Saldu, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, u l-Kumitat Tekniku tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli, April 2012.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 152/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti kapitali għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 37).

(6)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(7)  Il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja “Għodod ta' monitoraġġ għall-ġestjoni tal-likwidità matul l-istess jum” April 2013

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392 tal-11 ta' Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni, superviżorji u operazzjonali għal depożitarji ċentrali tat-titoli (ara l-paġna 48 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

(12)  Ir-raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji (ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11).

(13)  Is-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1).

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabilità applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta' titoli skont id-Direttiva 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 340, 22.12.2007, p. 66).

(15)  Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43).


ANNESS

Xenarji ta' ristrutturazzjoni jew ta' stralċ

1.

Xenarju fejn is-CSD ma jkunx jista' jiġbor kapital ġdid li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandu jitqies bħala li jagħti lok għar-ristrutturazzjoni ta' CSD (“ristrutturar”) fejn l-avvenimenti deskritti fix-xenarju xorta jwasslu s-CSD li jkomplu jopera sistema ta' saldu tat-titoli msemmija fil-punt (3) tat-Taqsima A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u jipprovdi tal-anqas servizz ewlieni ieħor elenkat fit-Taqsima A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.

Xenarju fejn is-CSD ma jkunx jista' jiġbor kapital ġdid li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandu jitqies bħala li jwassal għall-istralċ tal-operazzjonijiet tagħha (“stralċ”) fejn l-avvenimenti deskritti fix-xenarju jrendu s-CSD mhux kapaċi li jissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

3.

Ix-xenarji msemmija fl-Artikolu 7(a) għandhom jinkludu dawn il-valutazzjonijiet li ġejjin:

(a)

f'każ ta' ristrutturar, is-CSD għandu jivvaluta n-numru ta' xhur meħtieġa biex jiġi żgurat ir-ristrutturar bil-galbu tal-operazzjonijiet tagħha;

(b)

fil-każ ta' stralċ, in-numru mistenni ta' xhur meħtieġa għall-istralċ.

4.

Ix-xenarji għandhom ikunu proporzjonati man-natura tan-negozju tas-CSD, id-daqs tagħha, l-interkonnettività tagħha ma' istituzzjonijiet oħra u mas-sistema finanzjarja, il-mudell ta' finanzjament u ta' negozju tagħha, l-attivitajiet u l-istruttura tagħha u kwalunkwe vulnerabbiltajiet jew dgħufijiet identifikati tas-CSD. Ix-xenarji jridu jissejsu fuq avvenimenti li huma eċċezzjonali iżda plawżibbli.

5.

Meta jitfasslu x-xenarji, is-CSD għandu jilħaq ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-okkorrenzi previsti fix-xenarju jheddu li jikkawżaw ir-ristrutturar tal-operazzjonijiet tas-CSD;

(b)

l-okkorrenzi previsti fix-xenarju jheddu li jikkawżaw l-istralċ tal-operazzjonijiet tas-CSD;

6.

Il-pjan li jiżgura ristrutturar jew stralċ b'mod ordinat tal-attivitajiet tas-CSD imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandu jinkludi dawn ix-xenarji kollha li ġejjin (“avvenimenti idjosinkratiċi”):

(a)

in-nuqqas ta' kontropartijiet sinifikanti;

(b)

ħsara għar-reputazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-grupp;

(c)

ħruġ kbir ta' likwidità;

(d)

movimenti negattivi fil-prezzijiet tal-assi li l-istituzzjoni jew il-grupp huwa l-aktar espost għalihom;

(e)

telf qawwi ta' kreditu;

(f)

telf qawwi tar-riskju operazzjonali.

7.

Il-pjan li jiżgura ristrutturar jew stralċ b'mod ordinat tal-attivitajiet tas-CSD imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandu jinkludi dawn ix-xenarji kollha li ġejjin (“avvenimenti fis-sistema kollha”):

(a)

in-nuqqas ta' kontropartijiet sinifikanti li jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja;

(b)

tnaqqis fil-likwidità disponibbli tas-suq tas-self interbankarju;

(c)

żieda tar-riskju tal-pajjiż u ħruġ ta' kapital ġeneralizzat minn pajjiż sinifikanti ta' operazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-grupp;

(d)

movimenti avversi fil-prezz tal-assi f'suq jew diversi swieq;

(e)

kriżi makroekonomika.