10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/389

tal-11 ta' Novembru 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-parametri għall-kalkolu ta' penali fi flus għal fallimenti tas-saldu u l-operazzjonijiet tas-CSDs fi Stati Membri ospitanti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1) u b'mod partikolari l-Arikolu 7(14) u l-Artikolu 24(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament huma marbutin mill-qrib minħabba li jindirizzaw l-elementi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fir-Regolament (UE) Nru 909/2014. Biex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawn id-dispożizzjonijiet u sabiex tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess faċli mill-persuni li huma soġġetti għal dawn id-dispożizzjonijiet, ikun tajjeb li dawn l-elementi kollha li jikkonċernaw ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jinġabru f'Regolament wieħed.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jirrikjedi li d-depożitarji ċentrali tat-titoli (CSDs) jimponu penali fi flus fuq il-parteċipanti fis-sistemi tas-saldu tat-titoli tagħhom li jikkawżaw fallimenti tas-saldu (parteċipanti li jfallu).

(3)

Biex jiġi żgurat li l-penali fi flus imposti fuq parteċipanti li jfallu jkunu deterrent effettiv, il-parametri għall-kalkolu tal-livell tal-penali fi flus għandhom ikunu relatati mill-qrib mal-valur tal-istrumenti finanzjarji li jfallu milli jiġu konsenjati, u li għalihom għandhom jiġu applikati rati ta' penali xierqa. Il-valur tal-istrumenti finanzjarji sottostanti t-tranżazzjoni għandhom ikunu wkoll il-bażi għall-kalkolu tal-livell ta' penali fi flus meta l-falliment tas-saldu jkun minħabba nuqqas ta' flus. Il-livell ta' penali fi flus għandu jipprovdi inċentivi għall-parteċipanti li jfallu biex isaldu minnufih it-tranżazzjonijiet li fallew is-saldu. Sabiex jiġi żgurat li jinkisbu b'mod effettiv l-objettivi tal-impożizzjoni tal-penali fi flus, l-adegwatezza tal-parametri għall-kalkolu tagħhom għandhom jiġu mmonitorjati fuq bażi kontinwa u għandhom jiġu aġġustati, kif neċessarju, skont l-impatt tagħhom fuq is-suq.

(4)

Minħabba d-differenzi konsiderevoli fil-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji fi tranżazzjonijiet sottostanti multipli u sabiex jiġi ffaċilitat il-kalkolu tal-penali fi flus, il-valur tal-istrumenti finanzjarji għandu jkun ibbażat fuq ġabra ta' referenza unika. Fl-istess jum għandu jintuża l-istess prezz ta' referenza mis-CSDs għall-kalkolu tal-penali fi flus għal fallimenti tas-saldu fir-rigward ta' strumenti finanzjarji identiċi. Penali fi flus għalhekk għandhom jkunu r-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-għadd ta' strumenti finanzjarji sottostanti t-tranżazzjoni li jfallu milli jiġu saldati, bil-prezz ta' referenza rilevanti. L-istabbiliment tal-prezzijiet ta' referenza għandu jkun ibbażat fuq dejta u metodoloġiji oġġettivi u affidabbli.

(5)

Meta wieħed iqis li l-awtomatizzazzjoni tal-kalkoli tal-penali fi flus għandha tiżgura l-applikazzjoni effettiva tagħhom mis-CSDs, rati ta' penali xierqa għandhom ikunu bbażati fuq tabella unika ta' valuri li għandha tkun faċli li tiġi awtomatizzata u applikata. Rati ta' penali għal tipi differenti ta' strumenti finanzjarji għandhom jiġu stabbiliti f'livelli li jirriżultaw f'penali fi flus li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(6)

Is-saldu ta' transazzjonijiet f'azzjonijiet normalment huwa standardizzat ħafna. Meta l-azzjonijiet ikollhom suq likwidu u għalhekk ikunu jistgħu jinxtraw faċilment, il-fallimenti tas-saldu għandhom ikunu soġġetti għall-ogħla rata ta' penali biex ikunu ta' inċentiv għall-parteċipanti li jfallu milli jsaldu t-tranżazzjonijiet fil-pront. Azzjonijiet li ma għandhomx suq likwidu għandhom ikunu suġġetti għal rata ta' penali aktar baxxa minħabba li rata ta' penali aktar baxxa xorta waħda għandu jkollha effett ta' deterrent mingħajr ma taffettwa l-funzjonament bla intoppi u ordinat tas-swieq konċernati.

(7)

Il-livell ta' penali fi flus għal falliment tas-saldu ta' tranżazzjonijiet fi strumenti ta' dejn maħruġa minn emittenti sovrani għandu jqis id-daqs tipikament kbir ta' dawn it-tranżazzjonijiet u l-importanza tagħhom għall-funzjonament bla intoppi u ordninat tas-swieq finanzjarji. Il-fallimenti tas-saldu għandhom għalhekk ikunu soġġetti għall-inqas rata ta' penali. Din ir-rata ta' penali għandha madankollu jkollha effett deterrenti u tkun ta' inċentiv biex is-saldu jsir fil-pront.

(8)

Strumenti ta' dejn li mhumiex maħruġa minn emittenti sovrani għandhom swieq inqas likwidi u d-daqs tat-tranżazzjonijiet f'dawn l-istrumenti huwa iżgħar. Barra minn hekk strumenti ta' dejn bħal dawn jaffettwaw il-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji inqas milli jaffettwawhom strumenti ta' dejn maħruġa minn emittenti sovrani. Ir-rata tal-penali għal falliment tas-saldu għandha għalhekk tkun ogħla milli għal strumenti ta' dejn maħruġa minn emittenti sovrani.

(9)

Fallimenti tas-saldu ta' tranżazzjonijiet fi strumenti ta' dejn għandhom ikunu soġġetti għal rati ta' penali aktar baxxi milli għall-fallimenti tas-saldu ta' tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji oħrajn minħabba fid-daqs kumplessivament akbar tagħhom, is-saldu mhux standardizzat, id-dimensjoni u l-importanza transfruniera akbar għall-funzjonament bla xkiel u ordinat tas-swieq finanzjarji. Din ir-rata aktar baxxa ta' penali għandha madankollu jkollha effett deterrenti u tkun ta' inċentiv biex is-saldu jsir fil-pront.

(10)

Strumenti finanzjarji oħra għajr azzjonijiet u strumenti ta' dejn li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, bħal riċevuti depożitarji, kwoti tal-emissjonijiet u fondi nnegozjati fil-borża, normalment ma jkollhomx saldu standardizzat ħafna u lanqas swieq likwidi. Ħafna drabi dawn jiġu nnegozjati barra l-borża (OTC). Minħabba l-volum limitat u d-daqs tat-tranżazzjonijiet u biex jiġi rifless in-negozjar u s-saldu mhux standardizzati tagħhom, il-fallimenti tas-saldu għandhom ikunu soġġetti għal rata ta' penali simili għal dik tal-ishma li ma għandhomx suq likwidu.

(11)

Il-parametri għall-kalkolu tal-penali fi flus għandhom jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' ċerti ċentri tan-negozjar, bħal swieq ta' tkabbir tal-SMEs kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Il-penali fi flus għal falliment tas-saldu ma għandhomx ixekklu l-aċċess minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għas-swieq tal-kapital bħala alternattiva għas-self bankarju. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jippermetti lis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs ikollhom il-flessibbiltà li ma japplikawx il-proċess ta' xiri sfurzat għall-fallimenti tas-saldu sa 15-il ġurnata wara d-data tas-saldu intenzjonata. Konsegwentement, il-penali fi flus għal falliment tas-saldu fi strumenti finanzjarji nnegozjati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs jistgħu japplikaw matul perjodu itwal minn dak għal strumenti finanzjarji oħra. Meta jitqies it-tul ta' applikazzjoni ta' penali fi flus, inqas likwidità u l-ispeċifiċitajiet tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, ir-rata tal-penali għal falliment tas-saldu ta' tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji nnegozjati f'dawn iċ-ċentri tan-negozjar għandha tiġi stabbilita għal rata speċifika li għandha tkun ta' inċentiv biex is-saldu jsir fil-ħin iżda ma għandhiex taffettwa l-funzjonament bla xkiel u ordinat tagħhom. Huwa xieraq ukoll li jiġi żgurat li l-fallimenti tas-saldu tat-tranżazzjonijiet f'ċerti strumenti finanzjarji, bħal strumenti ta' dejn innegozjati f'dawn iċ-ċentri, ikunu suġġetti għal rata ta' penali aktar baxxa milli għal strumenti ta' dejn simili nnegozjati fi swieq oħra.

(12)

Il-fallimenti tas-saldu minħabba nuqqas ta' flus għandhom ikunu suġġetti għall-istess rata ta' penali għat-tranżazzjonijiet kollha peress li tali sitwazzjoni hija indipendenti mit-tip ta' assi u mill-likwidità tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew mit-tip ta' tranżazzjoni. Biex jiġi żgurat effett deterrenti u jiġi inċentivat is-saldu fil-ħin billi l-parteċipanti li jfallu milli jsaldu jisselfu l-flus, huwa xieraq li jintużaw il-kostijiet tas-self ta' flus bħala bażi għar-rata tal-penali. L-iktar penali xierqa għandha tkun ir-rata uffiċjali tar-rata tal-imgħax tal-bank ċentrali li joħroġ il-munita tas-saldu li għandha tindika l-kostijiet tas-self għal dik il-munita.

(13)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jippermetti lis-CSDs jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Unjoni taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju tagħhom. Sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta' sikurezza fil-forniment ta' servizzi minn CSDs fi Stati Membri ospitanti, ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jirrikjedi lill-awtoritajiet kompetenti u rilevanti tal-Istati Membri tad-domiċilju u tal-Istati Membri ospitanti biex jistabbilixxu arranġamenti ta' kooperazzjoni għas-superviżjoni tal-attivitajiet tas-CSDs fl-Istat Membru ospitanti meta l-operazzjonijiet tagħhom isiru ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri fl-Istat Membru ospitanti konċernat.

(14)

Biex jiġi stabbilit b'mod komprensiv jekk l-operazzjonijiet tas-CSDs ikunux saru ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri fl-Istati Membri ospitanti, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-kriterji meqjusa ta' valutazzjoni jikkunsidraw is-servizzi ewlenin pprovduti mis-CSDs fl-Istati Membri ospitanti kif speċifikat fit-Taqsima A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 peress li tali servizzi ewlenin huma pprovduti mis-CSDs fil-kapaċità tagħhom bħala infrastrutturi tas-suq finanzjarju.

(15)

Għall-fini li tiġi vvalutata l-importanza tal-operazzjonijiet tas-CSDs fl-Istati Membri ospitanti, il-kriterji tal-valutazzjoni għandhom jikkunsidraw id-daqs tas-servizzi ewlenin ipprovduti mis-CSDs lill-utenti mill-Istati Membri ospitanti, inkluż lill-emittenti, lill-parteċipanti fis-sistemi tas-saldu tat-titoli u lil detenturi oħra ta' kontijiet tat-titoli miżmuma mis-CSDs. Meta d-daqs tas-servizzi ewlenin ipprovduti mis-CSDs lill-utenti minn Stati Membri ospitanti jkun kbir biżżejjed, l-operazzjonijiet tas-CSDs f'dawk l-Istati Membri ospitanti għandhom jitqiesu li huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri minħabba li xi fallimenti jew nuqqasijiet fl-operazzjonijiet ta' dawn is-CSDs jistgħu jaffettwaw il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli u tal-protezzjoni tal-investituri fl-Istati Membri ospitanti konċernati. Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni komprensiva, huwa xieraq li jiġu applikati kriterji ta' valutazzjoni li jqisu b'mod indipendenti d-daqs ta' kull servizz ewlieni pprovdut mis-CSDs lill-utenti mill-Istati Membri ospitanti.

(16)

Meta s-CSDs joħorġu jew iżommu ċentralment partijiet kbar ta' titoli għal emittenti stabbiliti fl-Istati Membri ospitanti jew meta jżommu ċentralment partijiet kbar minn kontijiet ta' titoli għal parteċipanti fis-sistemi tagħhom tas-saldu tat-titoli jew ta' detenturi oħrajn ta' kontijiet stabbiliti fl-Istati Membri ospitanti, l-operazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu li huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri fl-Istati Membri ospitanti konċernati.

(17)

Meta s-CSDs isaldu valuri kbar ta' tranżazzjonijiet f'titoli maħruġa minn emittenti stabbiliti fi Stati Membri ospitanti jew meta jsaldu valuri kbar ta' struzzjonijiet ta' saldu minn parteċipanti jew detenturi oħrajn ta' kontijiet stabbiliti fl-Istati Membri ospitanti, l-operazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu li huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri fl-Istati Membri ospitanti konċernati.

(18)

Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tippermetti lill-Istati Membri jagħżlu sistemi ta' saldu tat-titoli regolati mil-liġijiet tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva meta l-Istati Membri jqisu li dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet ta' riskju sistemiku. Meta CSDs joperaw sistemi ta' saldu tat-titoli magħżula mill-Istati Membri ospitanti skont id-Direttiva 98/26/KE, l-operazzjonijiet tagħhom għandhom minħabba f'hekk jitqiesu li huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f'dawk l-Istati Membri ospitanti.

(19)

Il-valutazzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-CSDs għandhom jitwettqu bi frekwenza suffiċjenti sabiex jippermettu lill-awtoritajiet konċernati jistabbilixxu mingħajr dewmien bla bżonn l-arranġamenti ta' kooperazzjoni mill-mument meta l-operazzjonijiet tas-CSDs rilevanti jsiru ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri fl-Istati Membri ospitanti.

(20)

Meta l-operazzjonijiet tas-CSDs isiru ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri fi Stat Membru ospitanti, dawn għandhom jitqiesu li huma ta' importanza sostanzjali għal perjodu twil biżżejjed biex jippermetti lill-awtoritajiet konċernati jistabbilixxu arranġamenti ta' kooperazzjoni effettiva u effiċjenti skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(21)

Il-kalkoli marbuta mal-valutazzjonijiet skont dan ir-Regolament għandhom ikunu bbażati fuq dejta u metodoloġiji oġġettivi u affidabbli. Minħabba li ċerti kalkoli meħtieġa skont dan ir-Regolament huma bbażati fuq ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), dawn il-kalkoli għandhom jitwettqu biss meta jkun japplika r-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(22)

Minħabba li l-miżuri li jindirizzaw il-fallimenti tas-saldu relatati mal-kalkolu tal-penali fi flus u ċerti miżuri biex tiġi stabbilita l-importanza sostanzjali jistgħu jkunu jeħtieġu bidliet sinifikanti fis-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni, ittestjar tas-suq u aġġustamenti fl-arranġamenti legali bejn il-partijiet konċernati, inklużi s-CSDs u parteċipanti oħra fis-suq, għandu jingħata biżżejjed żmien qabel jibdew japplikaw il-miżuri rilevanti biex jiġi żgurat li s-CSDs u l-partijiet l-oħra konċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “struzzjoni tas-saldu” tfisser ordni ta' trasferiment kif definit fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 98/26/KE.

Artikolu 2

Kalkolu tal-penali fi flus

Il-livell tal-penali fi flus imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għal falliment tas-saldu ta' tranżazzjonijiet fi strument finanzjarju partikolari għandu jiġi kkalkulat billi r-rata tal-penali rilevanti stipulata fl-Anness ta' dan ir-Regolament tiġi applikata għall-prezz ta' referenza tat-tranżazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Prezz ta' referenza tat-tranżazzjoni

1.   Il-prezz ta' referenza msemmi fl-Artikolu 2 għandu jkun daqs il-valur tas-suq aggregat tal-istrumenti finanzjarji stabbilit skont l-Artikolu 7 għal kull jum ta' negozju li tranżazzjoni tfalli milli tiġi saldata.

2.   Il-prezz ta' referenza msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża biex jiġi kkalkulat il-livell ta' penali fi flus għall-fallimenti kollha tas-saldu, irrispettivament minn jekk il-falliment tas-saldu huwiex minħabba nuqqas ta' titoli jew ta' flus.

Artikolu 4

Kriterji biex tiġi stabbilita l-importanza sostanzjali ta' CSD

L-operazzjonijiet ta' CSD fi Stat Membru ospitanti għandhom jitqiesu li huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f'dak l-Istat Membru ospitanti meta tiġi ssodisfata tal-anqas waħda mill-kriterji speċifikati fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 5

Kriterji għall-istabbiliment tal-importanza sostanzjali tas-servizzi notarili u taż-żamma ċentrali

1.   Il-forniment ta' servizzi notarili u ta' żamma ċentrali, kif imsemmi fil-punti 1 u 2 tat-Taqsima A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, minn CSD fi Stat Membru ospitanti għandu jitqiesu li huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f'dak l-Istat Membru ospitanti jekk ikun issodisfat kwalunkwe kriterju minn dawn:

(a)

il-valur aggregat tas-suq tal-istrumenti finanzjarji maħruġa minn emittenti minn Stat Membru ospitanti li inizjalment ikunu rreġistrati jew miżmuma ċentralment f'kontijiet ta' titoli għand is-CSD u li jirrappreżenta mill-inqas 15 % tal-valur totali tal-istrumenti finanzjarji maħruġa mill-emittenti kollha mill-Istat Membru ospitanti li inizjalment ikunu rreġistrati jew miżmuma ċentralment f'kontijiet ta' titoli għand is-CSDs kollha stabbiliti fl-Unjoni;

(b)

il-valur aggregat tas-suq tal-istrumenti finanzjarji miżmuma ċentralment f'kontijiet ta' titoli għand is-CSD għall-parteċipanti u detenturi oħra ta' kontijiet ta' titoli mill-Istat Membru ospitanti jirrappreżenta mill-inqas 15 % tal-valur totali tal-istrumenti finanzjarji miżmuma ċentralment f'kontijiet ta' titoli għand is-CSDs kollha stabbiliti fl-Unjoni għall-parteċipanti u d-detenturi l-oħra kollha ta' kontijiet ta' titoli mill-Istat Membru ospitanti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-valur tas-suq tal-istrumenti finanzjarji għandu jiġi ddeterminat f'konformità mal-Artikolu 7.

3.   Jekk ikun issodisfat kwalunkwe kriterju minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 1, l-operazzjonijiet tas-CSD fi Stat Membru ospitanti għandhom jitqiesu ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f'dak l-Istat Membru ospitanti għal perjodi rinnovabbli ta' tliet snin kalendarji mit-30 ta' April tas-sena kalendarja wara li jkun ġie ssodisfat il-kriterju.

Artikolu 6

Kriterji biex tiġi stabbilita l-importanza sostanzjali tas-servizzi tas-saldu

1.   Il-forniment ta' servizzi tas-saldu, kif imsemmi fil-punt 3 tat-Taqsima A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, minn CSD fi Stat Membru ospitanti għandu jitqies li huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f'dak l-Istat Membru ospitanti jekk ikun issodisfat kwalunkwe kriterju minn dawn:

(a)

il-valur annwali tal-istruzzjonijiet tas-saldu relatati ma' tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji maħruġa minn emittenti mill-Istat Membru ospitanti u saldati mis-CSD jirrappreżenta mill-inqas 15 % tal-valur annwali totali tal-istruzzjonijiet tas-saldu kollha relatati mat-tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji maħruġa minn emittenti mill-Istat Membru ospitanti u saldati mis-CSDs kollha stabbiliti fl-Unjoni;

(b)

il-valur annwali tal-istruzzjonijiet tas-saldu saldati mis-CSD għall-parteċipanti u detenturi oħra ta' kontijiet ta' titoli mill-Istat Membru ospitanti jirrappreżenta mill-inqas 15 % tal-valur annwali totali tal-istruzzjonijiet tas-saldu saldati mis-CSDs kollha stabbiliti fl-Unjoni għall-parteċipanti u d-detenturi l-oħra ta' kontijiet ta' titoli mill-Istat Membru ospitanti;

(c)

is-CSD jopera sistema tas-saldu tat-titoli regolati mil-liġi tal-Istat Membru ospitanti u li ġiet innotifikata lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

2.   Għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, il-valur tal-istruzzjoni tas-saldu għandu jkun:

(a)

għal struzzjoni ta' saldu bi ħlas, il-valur tat-tranżazzjoni korrispondenti fi strumenti finanzjarji kif imdaħħal fis-sistema ta' saldu tat-titoli;

(b)

għal struzzjonijiet tas-saldu bla ħlas (free of payment — FOP), il-valur aggregat tas-suq tal-istrumenti finanzjari rilevanti kif iddeterminat skont l-Artikolu 7.

3.   Jekk ikun issodisfat kwalunkwe kriterju minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 1, l-operazzjonijiet tas-CSD fi Stat Membru ospitanti għandhom jitqiesu ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f'dak l-Istat Membru ospitanti għal perjodi rinnovabbli ta' tliet snin kalendarji mit-30 ta' April tas-sena kalendarja wara li jkun ġie ssodisfat il-kriterju.

Artikolu 7

Determinazzjoni tal-valuri tas-suq

Il-valur tas-suq tal-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikoli 3, 5 u 6 ta' dan ir-Regolament għandu jiġi ddeterminat kif ġej:

(a)

għal strumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 ammessi għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, il-valur tas-suq tal-istrument finanzjarju rilevanti għandu jkun il-prezz tal-għeluq tal-aktar suq rilevanti f'termini ta' likwidità msemmi fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(b)

għal strumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, għajr dawk imsemmija fil-punt (a), il-valur tas-suq għandu jkun il-prezz tal-għeluq derivat miċ-ċentru tan-negozjar fl-Unjoni bl-ogħla fatturat;

(c)

għal strumenti finanzjarji oħra għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b), il-valur tas-suq għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta' metodoloġija predeterminata approvata mill-awtorità kompetenti tas-CSD rilevanti li tirreferi għal kriterji relatati ma' dejta affidabbli tas-suq, bħal prezzijiet tas-suq disponibbli fiċ-ċentri tan-negozjar jew fid-ditti tal-investiment.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Il-kriterji msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) u fl-Artikolu 6(1)(c) għandhom jiġu applikati għall-ewwel darba fi żmien erba' xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom ikunu bbażati fuq il-valuri ta' strumenti finanzjarji inizjalment irreġistrati jew miżmuma ċentralment f'kontijiet ta' titoli għand is-CSD fil-31 ta' Diċembru tas-sena kalendarja ta' qabel.

2.   Il-kriterji msemmija fl-Artikolu 5(1)(b) u fl-Artikolu 6(1)(a) u (b) għandhom jiġu applikati għall-ewwel darba fi żmien erba' xhur mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) u għandhom ikunu bbażati fuq il-valuri ta' strumenti finanzjarji miżmuma ċentralment f'kontijiet ta' titoli għand is-CSD fil-31 ta' Diċembru tas-sena kalendarja ta' qabel.

3.   Għall-perjodu li jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u li jintemm fid-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, għandu japplika dan li ġej:

(a)

b'deroga mill-Artikolu 5(2), il-valur tas-suq ta' strumenti finanzjarji għandu jkun il-valur nominali ta' dawk l-istrumenti;

(b)

b'deroga mill-Artikolu 6(2)(b), il-valur tas-suq tal-istrumenti finanzjarji rilevanti għandu jkun il-valur nominali ta' dawk l-istrumenti finanzjarji;

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-10 ta' Marzu 2019.

B'deroga mit-tieni paragrafu,

(a)

L-Artikoli 2 u 3 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(15) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(b)

L-Artikolu 7 għandu japplika mid-data msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(c)

L-Artikolu 8 għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(3)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).


ANNESS

Rati ta' penali applikabbli għal fallimenti tas-saldu

Tip ta' falliment

Rata

1.

Falliment tas-saldu minħabba nuqqas ta' ishma li għandhom suq likwidu skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(1)(17) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, minbarra l-ishma msemmija fil-punt 3

1,0 punt bażi

2.

Falliment tas-saldu minħabba nuqqas ta' ishma li ma għandhomx suq likwidu skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(1)(17) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, minbarra l-ishma msemmija fil-punt 3

0,5 punti bażi

3.

Falliment tas-saldu minħabba nuqqas ta' strumenti finanzjarji nnegozjati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, minbarra l-istrumenti ta' dejn imsemmija fil-punt 6

0,25 punti bażi

4.

Falliment tas-saldu minħabba nuqqas ta' strumenti ta' dejn maħruġa jew iggarantiti minn:

(a)

emittent sovran kif definit fl-Artikolu 4(1)(60) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(b)

emittent sovran li jkun pajjiż terz;

(c)

awtorità governattiva lokali;

(d)

bank ċentrali;

(e)

kwalunkwe bank multilaterali tal-iżvilupp msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 117(1) u fl-Artikolu 117(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(f)

il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja jew il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà.

0,10 punti bażi

5.

Falliment tas-saldu minħabba nuqqas ta' strumenti ta' dejn għajr dawk imsemmija fil-punti 4 u 6

0,20 punti bażi

6.

Falliment tas-saldu minħabba nuqqas ta' strumenti ta' dejn nnegozjati fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs

0,15 punti bażi

7.

Falliment tas-saldu minħabba nuqqas tal-istrumenti finanzjarji l-oħra kollha mhux imsemmija fil-punti 1 sa 6

0,5 punti bażi

8.

Falliment tas-saldu minħabba nuqqas ta' flus

Ir-rata tal-imgħax uffiċjali għal kreditu mil-lum għal għada ddebitata mill-bank ċentrali li joħroġ il-munita tal-ħlas b'limitu minimu ta' 0


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).