7.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/34


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/386

tas-6 ta' Marzu 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1207/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-prestazzjoni u l-interoperabilità tas-sorveljanza għall-ajru uniku Ewropew

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta' Amministrazzjoni ta' Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament ta' interoperabilità) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1207/2011 (2) jistabbilixxi rekwiżiti dwar is-sistemi li jikkontribwixxu għall-għoti ta' dejta ta' sorveljanza, il-komponenti tagħhom u l-proċeduri assoċjati sabiex ikunu żgurati l-armonizzazzjoni tal-prestazzjoni, l-interoperabilità u l-effiċjenza ta' dawk is-sistemi fi ħdan in-netwerk Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u sabiex ikun hemm koordinazzjoni ċivili-militari.

(2)

Sabiex ikunu jistgħu jgħammru l-inġenji tal-ajru b'kapaċitajiet ġodda jew aġġornati, l-operaturi jeħtieġ li jkollhom l-ispeċifikazzjonijiet tat-tagħmir meħtieġa sad-dati speċifikati fl-Artikoli 5(4) u 5(5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011. Madankollu, l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni rilevanti żviluppati mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) sa ċertu punt mhumiex konsistenti mar-rekwiżiti tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 u jenħtieġ li jiġu allinjati mill-ġdid u jinġiebu f'konformità ma' dawk ir-rekwiżiti. Bħala konsegwenza ta' dan, mhux l-operaturi kollha se jkunu jistgħu jgħammru l-inġenji tal-ajru ġodda tagħhom bil-funzjonalitajiet il-ġodda ADS-B “Out” u Mode S Enhanced sat-8 ta' Ġunju 2016.

(3)

Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati rrapportaw li, attwalment, il-komponenti mgħammra tas-sistemi ta' sorveljanza li jinġarru fl-ajru mhux dejjem jikkonformaw mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011. Dan japplika b'mod speċjali għat-transponders Mode S Elementary użati qabel li jidhru li ma jikkonformawx mal-istandard (ED-73E) l-aktar reċenti kif stipulat fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni rilevanti tal-Aġenzija. It-transponders Mode S Elementary mhux konformi jeħtieġ li jinġiebu f'konformità billi jiġu aġġornati. Billi r-rekwiżit li l-inġenju tal-ajru jiġi mgħammar ukoll bil-funzjonalitajiet ADS-B u Mode S Enhanced, jenħtieġ li jkun meħtieġ aġġornament uniku tal-komponenti li jinġarru fl-ajru bi tliet funzjonalitajiet għal raġunijiet ta' kosteffiċjenza.

(4)

Għalhekk, id-dati sa meta l-operaturi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-interoperabilità rilevanti tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 jenħtieġ li jiġu emendati, sabiex jingħataw biżżejjed żmien addizzjonali. B'kont meħud tad-dewmien addizzjonali fiċ-ċertifikazzjoni u fid-disponibbiltà tat-tagħmir meħtieġ li jaffettwa l-installazzjoni bla xkiel tal-modifika tal-flotta eżistenti, ma għadux xieraq li ssir distinzjoni f'dan ir-rigward bejn l-inġenji tal-ajru abbażi tad-data taċ-ċertifikat individwali tal-ajrunavigabilità tagħhom.

(5)

Sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom f'termini tal-protezzjoni tal-ispettru stipulata fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011, l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jkollhom l-għodod ta' kejl u l-mezzi ta' konformità meħtieġa sabiex jevitaw il-produzzjoni ta' interferenza dannuża mis-sistemi ta' sorveljanza mill-art. B'kont meħud tal-fatt li dawk il-mezzi ta' konformità u l-għodod mhumiex faċilment disponibbli u li d-dati sa meta l-operaturi jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-interoperabilità rilevanti issa ġew emendati, id-dati sa meta l-Istati Membri jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ispettru rilevanti tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 jenħtieġ li jiġu emendati wkoll, sabiex l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, l-operaturi ta' inġenji tal-ajru tal-Istat jenħtieġ li jibbenefikaw minn posponimenti simili fid-dati tal-implimentazzjoni bħall-operaturi ta' inġenji tal-ajru oħrajn. Id-dati sa meta l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-inġenji tal-ajru tal-Istat ikunu konformi mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 għalhekk jenħtieġ li jiġu emendati. Id-dati li jikkonċernaw l-eżenzjonijiet għal ċerti kategoriji ta' inġenji tal-ajru stabbiliti f'dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu aġġustati sabiex jinżamm l-effett prattiku ta' dawk ir-regoli, u r-referenzi fl-Anness II tiegħu jenħtieġ li jiġu aġġornati.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 jitħassar;

(b)

il-paragrafi 5, 6 u 7 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“5.   L-operaturi għandhom jiżguraw li sa mhux aktar tard mis-7 ta' Ġunju 2020:

(a)

l-inġenji tal-ajru li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2) ikunu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji ta' sorveljanza li jkollhom il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti A tal-Anness II;

(b)

l-inġenji tal-ajru b'massa ta' tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5 700 kg jew b'kapaċità massima ta' tajran b'veloċità moderata reali fl-arja ta' aktar minn 250 knots, li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2), ikunu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji ta' sorveljanza li, minbarra li jkollhom il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti A tal-Anness II, ikollhom ukoll il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti B ta' dak l-Anness;

(c)

l-inġenji tal-ajru bi ġwienaħ fissi b'massa ta' tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5 700 kg jew b'kapaċità massima ta' tajran b'veloċità moderata reali fl-arja ta' aktar minn 250 knots, li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2), ikunu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji ta' sorveljanza li, minbarra li jkollhom il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti A tal-Anness II, ikollhom ukoll il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti C ta' dak l-Anness.

6.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-inġenji tal-ajru mgħammra skont il-paragrafu 5 u li jkollhom massa ta' tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5 700 kg jew kapaċità massima ta' tajran b'veloċità moderata reali fl-arja ta' aktar minn 250 knots joperaw b'diversi antenni kif preskritt fil-paragrafu 3.1.2.10.4 tal-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta' Chicago, Volum IV, ir-Raba' Edizzjoni, inklużi l-emendi kollha san-Nru 85.

7.   L-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti tat-trasport skont il-punt (b) tal-paragrafu 5 għall-inġenji tal-ajru kollha li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2) f'żoni fejn is-servizzi ta' sorveljanza li jużaw id-dejta ta' sorveljanza identifikata fil-Parti B tal-Anness II jkunu pprovduti mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.”;

(2)

fil-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6, “mill-5 ta' Frar 2015” tinbidel u ssir “mit-2 ta' Jannar 2020”;

(3)

fl-Artikolu 8, il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa mhux aktar tard mis-7 ta' Ġunju 2020, l-inġenji tal-ajru tal-Istat li joperaw skont l-Artikolu 2(2) ikunu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji ta' sorveljanza li jkollhom il-kapaċità mniżżla fil-Parti A tal-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa mhux aktar tard mis-7 ta' Ġunju 2020, l-inġenji tal-ajru tal-Istat tat-tip tat-trasport b'massa ta' tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5 700 kg jew b'kapaċità massima ta' tajran b'veloċità moderata reali fl-arja ta' aktar minn 250 knots, li joperaw skont l-Artikolu 2(2), ikunu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji ta' sorveljanza li, minbarra li jkollhom il-kapaċità mniżżla fil-Parti A tal-Anness II, ikollhom ukoll il-kapaċità mniżżla fil-Parti B u l-Parti C ta' dak l-Anness.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019, il-lista tal-inġenji tal-ajru tal-Istat li ma jistgħux ikunu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji ta' sorveljanza li jikkonformaw mar-rekwiżiti mniżżla fil-Parti A tal-Anness II, flimkien mal-ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta' tagħmir.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019, il-lista tal-inġenji tal-ajru tal-Istat tat-tip tat-trasport b'massa ta' tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5 700 kg jew b'kapaċità massima ta' tajran b'veloċità moderata reali fl-arja ta' aktar minn 250 knots, li ma jistgħux ikunu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji ta' sorveljanza li jikkonformaw mar-rekwiżiti mniżżla fil-Parti B u l-Parti C tal-Anness II, flimkien mal-ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta' tagħmir.

Il-ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta' tagħmir għandha tkun waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

raġunijiet tekniċi konvinċenti;

(b)

inġenji tal-ajru tal-Istat li joperaw skont l-Artikolu 2(2) li se jitneħħew mis-servizz operattiv sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2024;

(c)

limitazzjonijiet relatati mal-akkwisti pubbliċi.”;

(4)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, “it-8 ta' Ġunju 2016” tinbidel u ssir “is-7 ta' Ġunju 2020”;

(b)

fil-paragrafu 3, “mill-1 ta' Lulju 2017” tinbidel u ssir “mill-1 ta' Jannar 2019”;

(5)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu tal-Parti A huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Parti A: Il-kapaċitajiet tat-transponders tar-radars sekondarji ta' sorveljanza msemmija fl-Artikolu 4(3), fil-punt (a) tal-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 8(1) u (3)”;

(b)

it-titolu tal-Parti B huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Parti B: Il-kapaċitajiet tat-transponders tar-radars sekondarji ta' sorveljanza msemmija fl-Artikolu 4(3), fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 5(7), fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 8(2) u (3)”;

(c)

it-titolu tal-Parti C huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Parti C: Il-kapaċità addizzjonali tad-dejta ta' sorveljanza tat-transponders tar-radars sekondarji ta' sorveljanza msemmija fl-Artikolu 4(3), fil-punt (c) tal-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 7(2), fl-Artikolu 8(2) u (3) u fl-Artikolu 14(1)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1207/2011 tat-22 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-prestazzjoni u l-interoperabilità tas-sorveljanza għall-ajru uniku Ewropew (ĠU L 305, 23.11.2011, p. 35).