28.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/42


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/337

tas-27 ta' Frar 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1375/2007 dwar l-importazzjonijiet tar-residwi mill-manifattura tal-lamtu mill-qamħirrum mill-Istati Uniti tal-Amerka

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 178 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1375/2007 (2) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li r-residwi mill-manifattura tal-lamtu mill-qamħirrum li jiġi importat mill-Istati Uniti tal-Amerka jikkonformaw mad-definizzjoni miftehma għat-tariffa. L-Anness I ta' dak ir-Regolament fih ċertifikat mudell ta' konformità maħruġ mill-industrija tat-tħin niedi tal-Istati Uniti tal-Amerka.

(2)

Inbidlet il-kumpanija li tikkonferma l-wasla taċ-ċertifikati tal-produtturi u li toħroġ iċ-ċertifikati tal-konformità. Għaldaqstant, l-isem tal-kumpanija li jidher fuq iċ-ċertifikati tal-konformità jeħtieġ li jinbidel ukoll.

(3)

Biex ikunu jistgħu jintużaw iċ-ċertifikati li nħarġu qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandha tiġi stabbilita dispożizzjoni dwar dan.

(4)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1375/2007 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1375/2007, il-mudell taċ-“Ċertifikat ta' Konformità” jinbidel bil-mudell stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Iċ-ċertifikati li nħarġu skont ir-Regolament (KE) Nru 1375/2007 qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1375/2007 tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-importazzjonijiet tar-residwi mill-manifattura tal-lamtu mill-qamħirrum mill-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 307, 24.11.2007, p. 5)


ANNESS

Image