28.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/330

tas-27 ta' Frar 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li jħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2016/849, li inter alia, ħassret u ssostitwixxiet id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (3). Fit-30 ta' Novembru 2016, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2321 (2016) li tipprevedi miżuri ġodda kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea. Dawn jinkludu projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' ram, nikil, fidda, żingu, statwi, ħelikopters, bastimenti, l-issikkar tal-projbizzjonijiet fis-settur tat-trasport u restrizzjonijiet ġodda fis-settur bankarju.

(2)

Fis-27 ta' Frar 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/345 (4), li tagħti effett lil dawn il-miżuri.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 329/2007 jiġi emendat skont dan.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“15.

‘missjonijiet diplomatiċi, karigi konsulari u l-membri tagħhom’ għandu l-istess tifsira bħal dak fil-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1961 dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u l-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, u jinkludi wkoll missjonijiet tal-Korea ta' Fuq għal organizzazzjonijiet internazzjonali ospitati fl-Istati Membri u l-membri tal-Korea ta' Fuq ta' dawk il-missjonijiet.”.

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Anness I għandu jinkludi kull oġġett, materjal, tagħmir, merkanzija u teknoloġija, inkluż is-software, li huma oġġetti jew teknoloġiji b'użu doppju kif definit fir-Regolament (KE) Nru 428/2009 (*1).

L-Anness Ia għandhu jinkludi oġġetti, materjal, tagħmir, merkanzija u teknoloġija oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tal-Korea ta' Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma' armi oħrajn tal-qerda tal-massa jew ma' missili ballistiċi.

L-Anness Ib għandu jinkludi ċerti komponenti ewlenin għas-settur tal-missili ballistiċi.

L-Anness Ie għandu jinkludi l-karburant għall-avjazzjoni msemmi fil-paragrafu 1(b).

L-Anness Ig għandu jinkludi oġġetti relatati mal-armi tal-qerda massiva, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija kif identifikat u nnominat skont il-paragrafu 25 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2270 (2016) u l-paragrafi 4 u 7 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2321 (2016).

(*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).”;"

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Għandhom jiġu pprojbiti:

(a)

l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, tad-deheb, tal-mineral tat-titanju, tal-mineral tal-vanadju u tal-minerali rari tal-art, kif elenkati fl-Anness Ic, jew tal-faħam, tal-ħadid u tal-mineral tal-ħadid, kif elenkati fl-Anness Id, mill-Korea ta' Fuq, kemm jekk joriġinaw mill-Korea u kemm jekk le;

(b)

l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment, b'mod dirett jew indirett, tar-ram, tan-nikil, tal-fidda u taż-żingu, kif elenkati fl-Anness Ih, mill-Korea ta' Fuq, kemm jekk joriġinaw mill-Korea ta' Fuq u kemm jekk le;

(c)

l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment, b'mod dirett jew indirett, ta' prodotti petrolifiċi, kif elenkati fl-Anness If mill-Korea ta' Fuq, kemm jekk joriġinaw mill-Korea ta' Fuq u kemm jekk le;

(d)

il-parteċipazzjoni, konxja u b'intenzjoni, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun biex jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) ta' dan is-subparagrafu.

L-Anness Ic għandu jinkludi d-deheb, il-mineral tat-titanju, il-mineral tal-vanadju u l-minerali rari tal-art msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu.

L-Anness Id għandu jinkludi l-faħam, il-ħadid u l-mineral tal-ħadid imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu.

L-Anness If għandu jinkludi l-prodotti petrolifiċi msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.

L-Anness Ih għandu jinkludi r-ram, in-nikil, il-fidda u ż-żingu msemmija fil-punt (aa) tal-ewwel subparagrafu.”.

(c)

il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-ħadid u l-mineral tal-ħadid li jiġi stabbilit li huma esklussivament għal skopijiet ta' għajxien u li ma jkunux relatati mal-ġenerazzjoni ta' introjtu għall-programmi nukleari jew tal-missili ballistiċi tal-Korea ta' Fuq jew ma' attivitajiet oħra pprojbiti mir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2321 (2016) jew minn dan ir-Regolament;”.

(ii)

il-punt li ġej huwa miżjud:

“(c)

tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-faħam li jiġi stabbilit li huma esklussivament għal skopijiet ta' għajxien dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

it-tranżazzjonijiet ma jkunux relatati mal-ġenerazzjoni ta' introjtu għall-programmi nukleari jew tal-missili ballistiċi tal-Korea ta' Fuq jew ma' attivitajiet oħrajn ipprojbiti mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2321 (2016);

(ii)

it-tranżazzjonijiet ma jkunux jinvolvu individwi jew entitajiet li huma assoċjati mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tal-Korea ta' Fuq jew attivitajiet oħrajn ipprojbiti mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2321 (2016), inkluż il-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness IV, jew individwi jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li huma l-proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, direttament jew indirettament, jew individwi jew entitajiet li jgħinu fl-evażjoni tas-sanzjonijiet; u

(iii)

il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx innotifika lill-Istati Membri li l-limitu aggregat annwali jkun intlaħaq.”.

(3)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4c

1.   Għandhom ikunu pprojbiti l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferimentmill-Korea ta' Fuq, indirettament jew indirettament, ta' statwi kif elenkati fl-Anness IIIa, kemm jekk joriġinaw mill-Korea ta' Fuq u kemm jekk le;

2.   B'deroga mill-projbizzjoni fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti rilevanti ta' Stat Membru, kif identifikata fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment, dment li l-Istat Membru jkun kiseb l-approvazzjoni bil-quddiem mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kull każ għalih.

L-Anness IIIa għandu jinkludi l-istatwi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 4d

1.   Għandhom ikunu pprojbiti l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjon, b'mod dirett jew indirett, ta' ħelikopters u bastimenti ġodda, kif elenkati fl-Anness IIIb; lejn il-Korea ta' Fuq.

2.   B'deroga mill-projbizzjoni fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti rilevanti ta' Stat Membru, kif identifikata fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza dan il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, dment li l-Istat Membru jkun kiseb l-approvazzjoni bil-quddiem mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kull każ għalih.

3.   L-Anness IIIb għandu jinkludi l-ħelikopters u l-bastimenti msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 4e

1.   Għandu jiġi pprojbit li:

(a)

tinkera jew issir disponibbli b'mod ieħor proprjetà immobbli, direttament jew indirettament, lil persuni, entitajiet, jew korpi tal-Gvern tal-Korea ta' Fuq, għal kwalunkwe skop għajr attivitajiet diplomatiċi jew konsulari, skont il-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1961 dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u l-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari;

(b)

tinkera proprjetà immobbli, b'mod dirett jew indirett, mingħand persuni, entitajiet jew korpi tal-Gvern tal-Korea ta' Fuq; jew

(c)

jkun hemm involviment fi kwalunkwe attività marbuta mal-użu ta' proprjetà immobbli, li persuni, entitajiet jew korpi tal-Gvern tal-Korea ta' Fuq huma sidien tagħha, jikruha jew huma intitolati b'mod ieħor li jużawha, minbarra għall-provvista ta' oġġetti u servizzi li:

(i)

huma essenzjali għall-funzjonament ta' missjonijiet diplomatiċi jew karigi konsulari, skont il-Konvenzjonijiet ta' Vjenna tal-1961 u l-1963; u

(ii)

ma jistgħux jintużaw biex jiġi ġġenerat dħul jew qligħ direttament jew indirettament għall-Gvern tal-Korea ta' Fuq.

2.   Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu ‘proprjetà immobbli’ tfisser art, bini u partijiet minnhom li jinsabu barra mit-territorju tal-Korea ta' Fuq.”

(4)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-merkanzija, inkluż il-bagalji personali u tal-istiva, li tinsab fl-Unjoni jew li tgħaddi mill-Unjoni, inkluż l-ajruporti, il-portijiet u ż-żoni ħielsa, kif imsemmija fl-Artikoli minn 243 sa 249 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, għandha tkun soġġetta għal spezzjoni biex jiġi żgurat li ma jkunx fiha oġġetti pprojbiti mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2321 (2016) jew minn dan ir-Regolament meta:

(a)

il-merkanzija tkun oriġinat mill-Korea ta' Fuq;

(b)

il-merkanzija tkun iddestinata għall-Korea ta' Fuq;

(c)

is-senserija tal-merkanzija tkun saret, jew il-merkanzija tkun ġiet iffaċilitata mill-Korea ta' Fuq jew minn ċittadini tagħha, jew minn individwi jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew minn entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom;

(d)

is-senserija tal-merkanzija tkun saret jew il-merkanzija tkun ġiet iffaċilitata minn persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness IV; jew

(e)

il-merkanzija tkun qed tiġi ttrasportata fuq bastiment bil-bandiera tal-Korea ta' Fuq jew f'inġenju tal-ajru rreġistrat fil-Korea ta' Fuq, jew fuq bastiment jew inġenju tal-ajru mingħajr Stat.”.

(5)

Fl-Artikolu 5a, (1d), il-punt (a) jiġi sostitwit b'li ġej:

“(a)

li jagħlqu kull kont bankarju ma' istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 5c(2).”.

(6)

Fl-Artikolu 5a, jitħassar il-paragrafu 1e;

(7)

Fl-Artikolu 5a, il-paragrafu 1f huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1f.   B'deroga mill-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1d, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru, kif identifikata fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza li ċerti uffiċċji ta' rappreżentanza, sussidjarji jew kontijiet bankarji jibqgħu operattivi, dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddetermina, kull każ għalih, li dawn l-uffiċċji, is-sussidjarji jew il-kontijiet huma meħtieġa għat-twassil ta' attivitajiet umanitarji jew għall-attivitajiet ta' missjonijiet diplomatiċi fil-Korea ta' Fuq jew għall-attivitajiet tan-NU jew l-aġenziji speċjalizzati tagħha jew l-organizzazzjonijiet relatati, jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2321 (2016).”.

(8)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5aa:

1.   Għandu jkun ipprojbit għal istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji li jaqgħu fil-kamp ta' appliazzjoni tal-Artikolu 16 li jiftħu kont bankarju għal missjonijiet diplomatiċi jew karigi konsulari tal-Korea ta' Fuq, u l-membri tagħhom mill-Korea ta' Fuq.

2.   Istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 16 għandhom, sa mhux aktar tard mill-11 ta' April 2017, jagħlqu kwalunkwe kont bankarju f'idejn jew ikkontrollat minn missjoni diplomatika jew kariga konsulari tal-Korea ta' Fuq, u l-membri tagħhom mill-Korea ta' Fuq.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti rilevanti ta' Stat Membru, kif indikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza, fuq talba minn missjoni diplomatika jew kariga konsulari tal-Korea ta' Fuq, jew wieħed mill-membri tagħhom, il-ftuħ ta' kont bankarju wieħed għal kull missjoni, kariga u membru, sakemm il-missjoni jew kariga tkun ospitata f'dak l-Istat Membru jew il-membru tal-missjoni jew kariga jkun akkreditat għal dak l-Istat Membru.

4.   B'deroga mill-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti rilevanti ta' Stat Membru, kif indikata fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza li jibqa' miftuħ kont bankarju wieħed, fuq talba minn missjoni jew kariga tal-Korea ta' Fuq, jew wieħed mill-membri tagħhom, dment li l-Istat Membru jkun iddetermina li l-missjoni jew kariga tkun ospitata f'dak l-Istat Membru jew il-membru ta' dik il-missjoni jew kariga jkun akkreditat għal dak l-Istat Membru u ma jkollhom ebda kont bankarju ieħor f'dak l-Istat Membru. Fil-każ li missjoni, il-kariga jew membru tal-Korea ta' Fuq ikollhom aktar minn kont bankarju wieħed f'dak l-Istat Membru, il-missjoni, il-kariga, jew il-membru jistgħu jindikaw liema kont bankarju għandu jinżamm.

5.   Soġġett għar-regoli applikabbli tal-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1961 dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u l-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-informazzjoni ta' identifikazzjoni ta' kwalunkwe membri tal-missjoni diplomatika jew kariga konsulari mill-Korea ta' Fuq akkreditati għal dak l-Istat Membru, l-aktar tard fit-13 ta' Marzu 2017, u b'aġġornamenti sussegwenti fi żmien ġimgħa minn kwalunkwe bidla f'dik il-lista. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 3 u 4. L-awtorità kompetenti rilevanti ta' Stat Membru, kif indikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tgħarraf lill-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji f'dak l-Istat Membru bl-identità ta' kwalunkwe membru ta' missjoni diplomatika jew kariga konsulari mill-Korea ta' Fuq akkreditat għal dak l-Istat Membru jew għal kwalunkwe Stat Membru ieħor.”

(9)

Fl-Artikolu 6, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-bastimenti kollha elenkati fl-Anness IVa u l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi miżmuma minnhom, għandhom jiġu ffriżati, jekk il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddeċiedi hekk. L-Anness IVa għandu jinkludi l-bastimenti li ġew indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-paragrafu 12 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2321 (2016).”.

(10)

L-Artikolu 9b jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9b

1.   Għandu jiġi pprojbit li jingħata finanzjament jew assistenza finanzjarja għall-kummerċ mal-Korea ta' Fuq, inkluż l-għoti ta' krediti, garanziji jew assigurazzjoni għall-esportazzjoni lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti f'dan il-kummerċ.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru, kif identifikata fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza l-appoġġ finanzjarju għall-kummerċ mal-Korea ta' Fuq, dment li l-Istat Membru jkun kiseb l-approvazzjoni bil-quddiem tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kull każ għalih.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 2.”.

(11)

L-Artikolu 11a, huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“(f)

li huwa elenkat taħt l-AnnessIVa, jekk il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddeċiedi hekk.”.

(b)

il-paragrafi 2 sa 6 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:

(a)

fil-każ ta' emerġenza;

(b)

meta l-bastiment ikun qed jirritorna lejn il-port ta' oriġini tiegħu.

(c)

fil-każ li bastiment ikun dieħel f'port għal spezzjoni meta dik tkun tikkonċerna bastiment fil-kamp ta' applikazzjoni tal-punti (a)-(e) tal-paragrafu 1.

3.   B'deroga mill-projbizzjoni fil-paragrafu 1, meta dik tkun tikkonċerna bastiment fil-kamp ta' applikazzjoni tal-punti (a)-(e) tal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru, kif indikata fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza bastiment jidħol f'port jekk:

(a)

il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddetermina minn qabel li dan ikun meħtieġ għal skopijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2270 (2016); jew

(b)

l-Istat Membru jkun iddetermina minn qabel li dan ikun meħtieġ għal skopijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

4.   B'deroga mill-projbizzjoni fil-punt (f) tal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru, kif indikata fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza li bastiment jidħol f'port jekk il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ta direzzjoni biex dan isir.

5.   Għandu jkun ipprojbit li inġenji tal-ajru operati minn trasportaturi tal-Korea ta' Fuq jew li joriġinaw mill-Korea ta' Fuq jitilqu minn, jinżlu fi jew itiru minn fuq it-territorju tal-Unjoni.

6.   Il-paragrafu 5 ma għandux japplika:

(a)

meta l-inġenju tal-ajru jagħmel inżul għal spezzjoni;

(b)

fil-każ ta' nżul ta' emerġenza.

7.   B'deroga mill-paragrafu 5, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru, kif indikata fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza li inġenju tal-ajru jitlaq minn, jinżel fi jew itir minn fuq it-territorju tal-Unjoni, jekk dik l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat minn qabel li dan ikun meħtieġ għal skopijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi ta' dan ir-Regolament.”

(12)

L-Artikolu 11b huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11b

1.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-kiri, in-noleġġ jew il-forniment ta' servizzi ta' ekwipaġġ lill-Korea ta' Fuq, persuni jew entitajiet elenkati fl-Anness IV, entitajiet oħra tal-Korea ta' Fuq, kwalunkwe persuna jew entità oħra li għenu fil-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2321 (2016), jew kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi f'isem jew taħt id-direzzjoni ta' tali persuna jew entità, u entitajiet li huma l-proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom;

(b)

il-kisba ta' servizzi tal-ekwipaġġ ta' bastimenti jew ta' inġenji tal-ajru mill-Korea ta' Fuq;

(c)

is-sjieda, il-kiri, it-tħaddim, l-assigurazzjoni jew il-forniment ta' servizzi ta' klassifikazzjoni tal-bastimenti jew servizzi oħra asssoċjati magħhom, lil kwalunkwe bastiment li jtajjar il-bandiera tal-Korea ta' Fuq;

(d)

ir-reġistrazzjoni jew iż-żamma fuq ir-reġistru ta' kwalunkwe bastiment li huwa l-proprjetà, ikkontrollat jew operat mill-Korea ta' Fuq jew minn ċittadini tal-Korea ta' Fuq, jew li jkun ġie dereġistrat minn Stat ieħor skont il-paragrafu 24 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2321 (2016);

(e)

l-għoti ta' servizzi ta' assigurazzjoni jew ta' riassigurazzjoni lil bastimenti li huma ta' proprjetà, ikkontrollati jew operati mill-Korea ta' Fuq.

2.   B'deroga mill-projbizzjoni fil-paragrafu 1(a), l-awtorità kompetenti rilevanti ta' Stat Membru, kif identifikata fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza l-kiri, in-noleġġ jew il-forniment ta' servizzi ta' ekwipaġġ, dment li l-Istat Membru jkun kiseb l-approvazzjoni bil-quddiem mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kull każ għalih.

3.   B'deroga mill-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1(b) u 1(c), l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru, kif identifikata fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza s-sjieda, il-kiri, l-operat, jew l-għoti ta' servizzi ta' klassifikazzjoni tal-bastimenti jew ta' servizzi assoċjati lil kwalunkwe bastiment li jtajjar il-bandiera tal-Korea ta' Fuq, jew ir-reġistrazzjoni, jew iż-żamma fuq ir-reġistru, ta' kwalunkwe bastiment li huwa ta' proprjetà, operat mill-Korea ta' Fuq jew minn ċittadini tal-Korea ta' Fuq, dment li l-Istat Membru jkun kiseb l-approvazzjoni bil-quddiem mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kull każ għalih.

4.   B'deroga mill-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1(e), l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru, kif identifikata fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza l-forniment ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni, dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun stabbilixxa bil-quddiem, kull każ għalih, li l-bastiment ikun involut f'attivitajiet esklussivament għal skopijiet ta' għajxien li mhux ser jintuża minn individwi jew entitajiet tal-Korea ta' Fuq biex jiġġeneraw dħul jew esklussivament għal finijiet umanitarji.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b'kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 2, 3 u 4.”

(13)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Article 11c

B'deroga mill-projbizzjonijiet li jirriżultaw mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2070 (2016) jew 2321 (2016), l-awtorità kompetenti rilevanti ta' Stat Membru, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza kwalunkwe attività jekk il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun stabbilixxa, kull każ għalih, li hija meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi li jwettqu attivitajiet ta' assistenza u għajnuna fil-Korea ta' Fuq li jkunu ta' benefiċċju għall-popolazzjoni ċivili tal-Korea ta' Fuq, skont il-paragrafu 46 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2321 (2016).”.

(14)

Fl-Artikolu 13(1), il-punti (c), (d) u (g) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(c)

temenda l-Anness III, IIIa u IIIb sabiex tirfina jew tadatta l-lista ta' oġġetti inklużi fiha, skont kwalunkwe definizzjoni jew linji gwida li jistgħu jkunu ppromulgati jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u sabiex iżżid in-numri ta' referenza meħuda min-Nomenklatura Magħquda kif stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jekk ikun neċessarju jew xieraq;”

“(d)

temenda l-Annessi IV u IVa abbażi tad-deċiżjonijiet meħuda jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;”;

“(g)

temenda l-Annessi Ig u Ih abbażi ta' deċiżjonijiet meħudin jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u żżid in-numri ta' referenza meħuda min-Nomenklatura Maqgħuda kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.”.

Artikolu 2

L-Annessi I, II, III u IV għal dan ir-Regolament jiżdiedu mar-Regolament (KE) Nru 329/2007 bħala l-Annessi Ih, IIIa, IIIb u IVa rispettivament.

Artikolu 3

Fl-Anness Ig, it-test li ġej:

“Oġġetti marbuta ma' armi tal-qerda tal-massa, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija kif identifikati u ddeżinjati bħala oġġetti sensittivi, skont il-paragrafu 25 ta' Riżoluzzjoni 2270 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.”

huwa sostitwit bi:

“Oġġetti marbuta ma' armi tal-qerda tal-massa, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija kif deżinjati skont il-paragrafu 25 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2270 (2016) u l-paragrafi 4 u 7 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2321 (2016).”.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. MIZZI


(1)  ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 tas-27 ta' Marzu 2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/183/PESK tat-22 ta' April 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/800/PESK (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 52).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/345 tas-27 ta' Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (Ara paġna 59 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

“ANNESS Ih

Ir-ram, in-nikil, il-fidda u ż-żingu msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(4)”


ANNESS II

“ANNESS IIIa

L-istatwi msemmija fl-Artikolu 4c(1)”


ANNESS III

“ANNESS IIIb

Il-ħelikopters u l-bastimenti msemmija fl-Artikolu 4d(1)”


ANNESS IV

“ANNESS IVa

Il-bastimenti li ġew deżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-paragrafu 12 tal-UNSCR 2321 (2016).”