17.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/268

tal-14 ta' Frar 2017

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha, jew li żżid xi subdiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata f'konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott li jikkonsisti f'pilloli bojod magħmula minn dan li ġej:

glikosidi tal-istevjol,

karbonat tas-sodju,

ċitrat tas-sodju,

lewċin.

200 pillola (ta' 56 mg kull waħda) imqegħdin għall-bejgħ bl-imnut f'distributur tal-but,

Il-prodott għandu valur kalorifiku ta' 0,06 kcal għal kull pillola.

2106 90 92

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita skont ir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 1. (b) tal-Kapitolu 38 u l-kliem tal-kodiċi tan-NM 2106 , 2106 90 u 2106 90 92 .

F'konformità man-Nota 1. (b) tal-Kapitolu 38, il-prodott ma jistax jitqies bħala prodott kimiku tal-Kapitolu 38 peress li fih sustanzi b'valur nutrittiv, tat-tip użat fit-tħejjija tal-oġġetti tal-ikel. M'hemm l-ebda livell limitu għall-ammont tal-valur nutrittiv.

Il-glikosidi tal-istevjol u l-lewċin huma meqjusa bħala sustanzi b'valur nutrittiv (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) tal-Kapitolu 38, Ġenerali, il-paragrafu ta' qabel ta' qabel tal-aħħar u ta' qabel tal-aħħar).

Il-preparati (bħall-pilloli) li jikkonsistu f'dolċifikant u oġġett tal-ikel użati għall-fini ta' dolċifikazzjoni għandhom jiġu klassifikati taħt l-intestatura 2106 (ara wkoll l-HSEN tal-intestatura 2106 , in-numru 10).

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi klassifikat taħt l-intestatura 2106 bħala preparat ieħor tal-ikel tal-kodiċi tan-NM 2106 90 92 .