3.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/181

tas-27 ta' Jannar 2017

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali (1) tal-Unjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jenħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha, parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid xi subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati bil-kodiċijiet NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stipulati fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda bil-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Xkaffa singla tal-ħġieġ b'sapporti tal-metall biex titwaħħal mal-ħajt.

L-ixkaffa tal-ħġieġ hi magħmula minn pjastra tal-ħġieġ trasparenti b'qisien ta' madwar 60 × 13,5 × 0,7 cm ta' forma irregolari bi xfar ipproċessati (ix-xifer ta' quddiem hu f'forma tonda) u żewġ ħolders magħmulin minn liga tar-ram u taż-żingu(ram isfar), miksi bin-nikil u bil-krom. Il-pjastra tal-ħġieġ għandha żewġ toqob għall-immuntar fuq il-ħolders.

Il-prodott hu ppreżentat mhux immuntat, flimkien mal-viti u d-dawils għall-immuntar, ippakkjat f'kaxxa tal-kartun.

Ara l-istampa (*1).

9403 89 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-nota 2(a) tal-Kapitolu 94 u mill-kliem tal-Kodiċi tan-NM 9403 u 9403 89 00 .

Il-prodott jintuża biex jiġu mgħammra l-kmamar, pereżempju, f'abitazzjonijiet privati. Għalhekk huwa biċċa għamara fis-sens tal-intestatura 9403 . Skont in-nota 2 (a) tal-Kapitolu 94, dan it-titlu jinkludi xkafef singli ppreżentati b'sapporti biex jitwaħħlu mal-ħitan. Il-klassifikazzjoni fl-intestatura 7020 bħala oġġetti oħra tal-ħġieġ għalhekk hija eskluża.

L-ixkaffa tal-ħġieġ tagħti lill-oġġett il-karattru essenzjali tiegħu. Il-ħolders tal-metall, il-viti u d-dawils iservu biss biex titwaħħal l-ixkaffa tal-ħġieġ mal-ħajt. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni fil-kodiċi tan-NM 9403 20 80 bħala għamara oħra tal-metall hija eskluża.

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat fil-kodiċi tan-NM 9403 89 00 bħala għamara oħra.

Image

(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.