2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/173

tal-1 ta' Frar 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2008 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 887/2011, fir-rigward ta' isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni ta' Bacillus amyloliquefaciens CECT 5940 u Enterococcus faecium CECT 4515

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Norel SA ippreżentat applikazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 li tipproponi bidla fl-isem tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fir-rigward tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1292/2008 (2) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 887/2011 (3).

(2)

L-applikant jiddikjara li Evonik Nutrition & Care GmbH akkwistat mingħand Norel SA d-drittijiet tal-kummerċjalizzazzjoni għall-addittivi tal-għalf Bacillus amyloliquefaciens CECT 5940 u Enterococcus faecium CECT 4515 b'effett mill-4 ta' Lulju 2016. L-applikant ippreżenta d-dejta rilevanti b'sosteniment għat-talba tiegħu.

(3)

Il-bidla proposta mid-detentur tal-awtorizzazzjoni hija ta' natura purament amministrattiva u m'hemmx għalfejn titwettaq valutazzjoni ġdida tal-addittivi ikkonċernati. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ġiet mgħarrfa bl-applikazzjoni.

(4)

Sabiex Evonik Nutrition & Care GmbH tkun tista' tisfrutta d-drittijiet tagħha tal-kummerċjalizzazzjoni, hemm bżonn li jinbidlu t-termini tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1292/2008 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 887/2011 għalhekk jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(6)

Billi r-raġunijiet tas-sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-emendi magħmula permezz ta' dan ir-Regolament għar-Regolament (KE) Nru 1292/2008 u għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 887/2011, huwa xieraq li jiġi previst perjodu tranżitorju li matulu jkunu jistgħu jintużaw il-ħażniet kollha eżistenti.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda fir-Regolament (KE) Nru 1292/2008

Fil-kolonna 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1292/2008, it-terminu “Norel SA” huwa sostitwit bit-terminu “Evonik Nutrition & Care GmbH”.

Artikolu 2

Emenda fir-Regolament (UE) Nru 887/2011

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 887/2011 huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-titolu, it-terminu “Norel SA” huwa sostitwit bit-terminu “Evonik Nutrition & Care GmbH”;

(b)

fil-kolonna 2 tal-Anness, it-terminu “Norel SA” huwa sostitwit bit-terminu “Evonik Nutrition & Care GmbH”.

Artikolu 3

Miżuri tranżitorji

Il-ħażniet eżistenti tal-addittivi li huma konformi mad-dispożizzjonijiet li japplikaw qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw kollha.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1292/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-awtorizzazzjoni ta' Bacillus amyloliquefaciens CECT 5940 (Ecobiol u Ecobiol plus) bħala addittiv fl-għalf (ĠU L 340, 19.12.2008, p. 36).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 887/2011 tal-5 ta' Settembru 2011 dwar l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni tal-Enterococcus faecium CECT 4515 bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna (detentur tal-awtorizzazzjoni Norel SA) (ĠU L 229, 6.9.2011, p. 7).