27.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 22/14


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/141

tas-26 ta' Jannar 2017

li jimponi dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma' tarf ta' tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-bidu

(1)

Fid-29 ta' Ottubru 2015, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (2), il-Kummissjoni ħabbret permezz ta' notifika (“Notifika ta' Bidu”) ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3), il-bidu ta' proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, ta' ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma' tarf ta' tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) u t-Tajwan (“il-pajjiżi kkonċernati”).

(2)

Il-proċediment tnieda wara lment ippreżentat fl-14 ta' Settembru 2015 mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija ta' Tagħmir tal-Azzar Inossidabbli iwweldjati tarf ma' tarf tal-Unjoni Ewropea (Defence Committee of the Stainless Steel Butt-welding Fittings Industry of the European Union) (“l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw bejn 37 % u 48 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Ippreżenta ruħu produttur wieħed li esprima l-oppożizzjoni tiegħu.

(3)

Għalhekk, il-livelli limitu rilevanti huma kif stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, jiġifieri “investigazzjoni ma għandhiex tinbeda skont il-paragrafu 1 sakemm ma jkunx ġie stabbilit, abbażi ta' eżami tal-livell ta' appoġġ, jew ta' oppożizzjoni għall-ilment espress mill-produtturi tal-prodott simili tal-Unjoni, li l-ilment ikun sar mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha. L-ilment għandu jitqies li jkun sar minn, jew f'isem, l-industrija tal-Unjoni jekk ikollu l-appoġġ ta' dawk il-produtturi tal-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili prodott minn dik il-porzjoni tal-industrija tal-Unjoni li tesprimi appoġġ jew oppożizzjoni għall-ilment. Madankollu, l-ebda investigazzjoni m'għandha tinbeda li fiha l-produtturi tal-Unjoni li espressament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal anqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili magħmul mill-industrija tal-Unjoni”. Dawn il-kundizzjonijiet intlaħqu fil-waqt tal-bidu tal-każ. Ladarba l-investigazzjoni tkun miftuħa, mhuwiex neċessarju li l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati b'mod permanenti matul l-investigazzjoni kollha. Il-Qorti kkonfermat dan għas-sitwazzjoni fejn kumpanija tirtira l-appoġġ tagħha għall-ilment (4); l-istess raġunament japplika b'analoġija f'sitwazzjoni fejn l-ambitu tal-prodott jinbidel.

(4)

Fl-istadju tal-bidu, waħda mill-partijiet interessati sostniet li l-Kummissjoni kienet ikkalkulat ħażin ir-rappreżentattività tal-ilmentatur fuq il-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni. Huma sostnew li l-ilmentatur preżenti ma jistax jirrappreżenta 43 %-49 % tal-produzzjoni tal-Unjoni billi fil-kawża preċedenti li kienet tkopri firxa simili tal-prodott, tmien kumpaniji kienu rrappreżentaw 48 % tal-produzzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni nnotat li filwaqt li l-firxa tal-prodott taż-żewġ investigazzjonijiet hija fil-fatt simili, il-firxa preċiża tal-prodott u l-perjodu kopert fl-investigazzjoni preżenti huma differenti mill-firxa tal-prodott u l-perjodu kopert fl-investigazzjoni preċedenti. Għalhekk, il-valutazzjonijiet imwettqa u r-riżultati ta' din il-valutazzjoni kienu differenti (jiġifieri l-produtturi tal-Unjoni differenti li ppreżentaw ruħhom f'din l-investigazzjoni kienu differenti minn dawk preżenti fl-investigazzjoni mnedija fl-2012; u dawk il-produtturi tal-Unjoni ġew iddefiniti fuq il-bażi tal-prodott simili tal-investigazzjoni tal-2012). In-nota għall-fajl dwar is-sitwazzjoni bid-data tat-28 ta' Ottubru 2015 tistabbilixxi l-produzzjoni totali tal-prodott simili fl-Unjoni għal 8 600 tunnellata għall-perjodu mill-1 ta' April 2014 sal-31 ta' Marzu 2015. Għall-investigazzjoni preċedenti mibdija fl-2012, in-nota għall-fajl dwar is-sitwazzjoni bid-data tad-9 ta' Novembru 2012 stabbiliet il-produzzjoni totali tal-prodott simili fl-Unjoni għal 21 600 tunnellata.

(5)

L-istess parti interessata sostniet li n-numru ta' kumpaniji li jappoġġaw l-ilment huwa baxx, 3 minn 16-il produttur tal-Unjoni, u talbet lill-Kummissjoni tinvestiga għalfejn il-produtturi l-oħra tal-Unjoni baqgħu siekta. Bi tweġiba għal dan il-kumment, il-Kummissjoni nnotat li n-numru ta' produtturi li jappoġġaw ilment mhuwiex importanti fil-ħin tal-bidu ta' kawża, iżda biss il-parti tagħhom fil-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif definit fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

(6)

Barra minn hekk, il-parti interessata kkontestat l-inklużjoni ta' produttur tal-Unjoni fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni billi dan il-produttur tal-Unjoni kien qiegħed jipproduċi tagħmir ta' valur miżjud konsiderevolment ogħla mill-produtturi l-oħra tal-Unjoni. Madankollu, l-investigazzjoni kkonfermat li dan il-produttur tal-Unjoni kien qiegħed jipproduċi wkoll u jbigħ il-prodott simili, u l-inklużjoni tiegħu fil-kampjun kienet ġustifikata. Hija kienet tkopri biss dawk il-volumi ta' dan il-produttur li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni. B'hekk din id-dikjarazzjoni ma ntlaqgħetx.

1.2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-proċediment

(7)

Il-Kummissjoni avżat b'mod uffiċjali lill-ilmentatur, lill-produtturi kollha tal-Unjoni, l-importaturi, kummerċjanti u l-utenti magħrufa li huma kkonċernati u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom, kif ukoll lill-produtturi esportaturi u l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni.

(8)

Il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-produtturi fil-Brażil, fl-Indja, fil-Malasja, fil-Korea, fl-Iżvizzera, fit-Tajlandja u fl-Istati Uniti tal-Amerka (“il-USA”) li kienu elenkati fin-Notifika ta' Bidu bħala pajjiżi analogi possibbli għall-finijiet tal-istabbiliment ta' valur normali għar-RPĊ.

(9)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta' żmien stabbilit fin-Notifika ta' Bidu. Il-partijiet kollha interessati li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari biex jinstemgħu ngħataw seduta ta' smigħ.

1.3.   Teħid ta' kampjuni

(10)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni stqarret li għandha mnejn tieħu kampjun tal-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(a)   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(11)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stqarret li, minħabba n-numru kbir ta' produtturi tal-Unjoni involuti fl-investigazzjoni, hija kienet se tillimita l-analiżi tagħha għal numru raġonevoli ta' produtturi tal-Unjoni. Fiż-żmien tal-bidu, ippreżentaw ruħhom il-produtturi msemmija fil-premessa 2, jiġifieri produttur wieħed tal-Unjoni u grupp ta' żewġ sussidjarji, li jinsabu fl-Unjoni, li jipproduċu l-prodott simili.

(12)

Wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika ta' Bidu, produttur ieħor tal-Unjoni talab li jiġi inkluż fil-kampjun. L-erba' produtturi tal-Unjoni li kkooperaw għalhekk kienu inklużi fil-kampjun. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu responsabbli għal madwar 47 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni, u l-kampjun tqies bħala rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

(13)

Madankollu, wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, jiġifieri Springer GmbH, sussegwentement informa lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu li ma jikkooperax. Dan il-produttur għalhekk ma ġiex investigat aktar. Il-Kummissjoni madankollu kkonkludiet li t-tliet produtturi tal-Unjoni li kien fadal fil-kampjun, li kienu responsabbli għal madwar 43 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni, xorta kienu rappreżentattivi tal-industrija tal-Unjoni. Dan il-produttur tal-Unjoni informa wkoll lill-Kummissjoni li mhux biss kien produttur tal-Unjoni, iżda li kellu wkoll arranġament ta' pproċessar passiv ma' produttur Ċiniż.

(14)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tal-esklużjoni tat-tagħmir bit-truf forma ta' flanġijiet u ta' ħruxija baxxa (ara t-taqsima 2.2 aktar 'l isfel) fuq ir-rappreżentattività tal-kampjun. Hija sabet li l-produzzjoni ta' tagħmir bit-truf forma ta' flanġijiet u ta' ħruxija baxxa ma kinitx sostanzjali la fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lanqas fir-rigward tal-produzzjoni totali tal-Unjoni u, għalhekk, ma kellha l-ebda impatt fuq ir-rappreżentattività tal-kampjun diġà magħżul.

(15)

Parti interessata waħda sostniet li l-produtturi tal-Unjoni għajr dawk li kienu qegħdin jappoġġaw l-ilment kienu qegħdin iżidu l-bejgħ tagħhom matul il-perjodu 2010-2015 u jbigħu bi prezzijiet u volum ogħla, skont l-istatistika tal-Eurostat dwar il-kummerċ intern tal-Unjoni.

(16)

Il-Kummissjoni analizzat id-dannu potenzjali kkawżat mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni, inklużi l-produtturi kollha tal-Unjoni permezz tad-dejta makroekonomika (ara l-premessi 193-207) Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-parti bbażat l-analiżi tagħha fuq kodiċijiet tan-NM li kienu jinkludu mhux biss il-prodott ikkonċernat iżda wkoll prodotti barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, b'mod ġenerali, il-volum irrappurtat fl-istatistika tal-kummerċ intern tal-Unjoni ma jirrigwardax biss il-produzzjoni tal-Unjoni iżda wkoll il-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti importati. Għalhekk, ma setgħet tinstilet l-ebda konklużjoni dwar il-prezzijiet tal-bejgħ jew il-volum tal-produtturi tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, jibqa' l-fatt li d-dejta makroekonomika tal-kampjun qed titqies bħala rappreżentattiva għall-industrija tal-Unjoni. Li din id-dejta ma tinkludix il-produtturi mhux ilmentaturi hija l-konsegwenza tal-fatt li dawn ma ppreżentawx ruħhom biex jiġu inklużi fil-kampjun.

(b)   It-teħid ta' kampjuni tal-importaturi

(17)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk hux neċessarju li jittieħed kampjun u, jekk iva, tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha ntalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(18)

Tliet importaturi mhux relatati pprovdew informazzjoni u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Flimkien, huma kienu jirrappreżentaw 10 % tal-volumi stmati importati mir-RPĊ u t-Tajwan matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Billi l-Kummissjoni setgħet teżamina l-importaturi kollha li ppreżentaw ruħhom, ma kien meħtieġ l-ebda kampjunar.

(c)   Kampjunar ta' produtturi esportaturi fit-Tajwan

(19)

Biex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ kampjunar u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, fin-Notifika ta' Bidu l-produtturi esportaturi kollha fit-Tajwan intalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. L-informazzjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni u n-Notifika ta' Bidu (li kienet tinkludi formola tal-kampjunar) intbagħtu lill-10 kumpaniji Tajwaniżi identifikati fl-ilment bħala produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Rappreżentattiv tat-Taipei fl-Unjoni Ewropea ntalab jidentifika u/jew jikkuntattja produtturi esportaturi addizzjonali, jekk kien hemm.

(20)

Erba' produtturi esportaturi fit-Tajwan ipprovdew l-informazzjoni mitluba fin-Notifika ta' Bidu u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Fid-dawl tan-numru ta' produtturi esportaturi Tajwaniżi li kkooperaw, ma tqiesx meħtieġ li jittieħed kampjun.

(21)

Matul l-investigazzjoni, tnejn mill-erba' kumpaniji ma kkooperawx aktar. Il-Kummissjoni infurmat lil dawn il-kumpaniji li, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, setgħu jsiru sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli.

(d)   Kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ, pretensjonijiet għal TES (trattament ta' ekonomija tas-suq) u talbiet għal eżami individwali

(22)

Biex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ kampjunar u, jekk iva, tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ intalbu jidentifikaw ruħhom mal-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea ntalbet tidentifika u/jew tikkuntattja produtturi esportaturi addizzjonali, jekk kien hemm.

(23)

Disa' produtturi esportaturi fir-RPĊ ipprovdew l-informazzjoni mitluba u talbu li jkunu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' erba' kumpaniji jew gruppi ta' kumpaniji, li kienu jirrappreżentaw madwar 79 % tal-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni u madwar 35 % tal-kwantitajiet totali esportati mir-RPĊ lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-kriterju użat sabiex jintgħażlu l-erba' kumpaniji inklużi fil-kampjun kien il-volum tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa kollha kkonċernati u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun, u ma waslu l-ebda kummenti.

(24)

Matul l-investigazzjoni, waħda mill-erba' kumpaniji inklużi fil-kampjun ma kkoperatx aktar. Il-Kummissjoni infurmat lil din il-kumpanija li skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, setgħu jsiru sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli.

(25)

L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi li kkooperaw fir-RPĊ ma talab trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”). Madankollu, ħames produtturi esportaturi fir-RPĊ li ma kinux inklużi fil-kampjun talbu eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Kif issemma fil-premessa 99, dawn it-talbiet ma ġewx aċċettati.

1.4.   It-tweġibiet tal-kwestjonarju

(26)

Intbagħtu kwestjonarji lill-erba' kumpaniji fit-Tajwan u lill-erba' kumpaniji inklużi fil-kampjun fir-RPĊ, lill-erba' produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lit-tliet importaturi inklużi fil-kampjun.

(27)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju waslu biss mingħand żewġ kumpaniji fit-Tajwan, tliet kumpaniji fir-RPĊ, tliet produtturi tal-Unjoni u tliet importaturi.

(28)

Wara divulgazzjoni provviżorja, waslet tweġiba għall-kwestjonarju wkoll mingħand wieħed mill-produtturi ta' pajjiż analogu potenzjali li kien jinsab fl-Iżvizzera.

1.5.   Żjarat ta' verifika

(29)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset bħala meħtieġa sabiex jiġi stabbilit id-dumping, id-dannu li jirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Saru żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku fl-istabbilimenti tal-kumpaniji/l-assoċjazzjoni li ġejjin:

Il-produtturi tal-Unjoni:

OSTP Sweden AB, l-Iżvezja,

OSTP Finland OY, il-Finlandja,

Erne Fittings, l-Awstrija,

Importatur mhux relatat:

Arcus Nederland BV, in-Netherlands,

Produtturi esportaturi fit-Tajwan:

Ta Chen Stainless Pipes Co. Ltd, Taichung,

King Lai Hygienic Materials Co. Ltd Tainan,

Produtturi esportaturi fir-RPĊ:

Suzhou Yuli Pipeline Industry Co. Ltd u l-kumpaniji relatati tiegħu, Suzhou, Jiangsu u Shanghai,

Zhejiang Jndia Pipeline Industry Co. Ltd, Wenzhou,

Zhejiang Good Fittings Co. Ltd, Wenzhou.

(30)

Saret żjara ta' verifika wkoll fil-bini tal-kumpanija Żvizzera Rohrbogen AG (Basel), li tqieset bħala produttur ta' pajjiż analogu potenzjali. Din iż-żjara ta' verifika saret wara divulgazzjoni provviżorja.

1.6.   Divulgazzjoni provviżorja

(31)

Fl-istadju provviżorju tal-investigazzjoni l-Kummissjoni ddeċidiet li ma timponix miżuri antidumping provviżorji. Ir-raġuni prinċipali għal din id-deċiżjoni kienet it-tfittxija li kienet għaddejja għal pajjiż analogu xieraq li abbażi tiegħu kien se jiġi stabbilit il-valur normali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. Fin-nuqqas ta' stabbiliment ta' marġni tad-dumping għar-RPĊ, ma setax lanqas jiġi stabbilit il-livell tal-importazzjonijiet akkumulati li kienu l-oġġett ta' dumping miż-żewġ pajjiżi kkonċernati. Filwaqt li d-dejta fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni kienet disponibbli għall-finijiet tal-analiżi tad-diversi indikaturi tad-dannu, il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping huma element indispensabbli fl-istabbiliment tad-dannu skont l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Għalhekk, fl-istadju provviżorju tal-investigazzjoni ma sar l-ebda stabbiliment tad-dannu, u konsegwentement tar-rabta kawżali bejn id-dannu u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

(32)

Il-partijiet interessati rċevew divulgazzjoni provviżorja fit-13 ta' Lulju 2016. Wara d-divulgazzjoni provviżorja waslu sottomissjonijiet mingħand produttur esportatur Tajwaniż wieħed, produttur esportatur Ċiniż wieħed, il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-Metall, l-Importaturi u l-Esportaturi tal-Minerali u l-Prodotti Kimiċi (“CCCMC”) u l-ilmentatur. Dawn is-sottomissjonijiet kollha huma ttrattati fil-premessi li ġejjin.

1.7.   Id-divulgazzjoni finali

(33)

Il-partijiet interessati rċevew id-dokument ta' divulgazzjoni finali fis-27 ta' Ottubru 2016. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw kummenti bil-miktub u/jew biex jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali sas-16 ta' Novembru 2016.

(34)

Tliet produtturi esportaturi Ċiniżi, is-CCCMC, żewġ importaturi tal-Unjoni u l-ilmentatur ipprovdew il-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, u ntalbet seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta mill-produttur tal-Unjoni li kellu wkoll l-arranġament ta' pproċessar passiv kif ukoll seduta ta' smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni mis-CCCMC.

(35)

Matul is-smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta, il-produttur tal-Unjoni talab li l-prodotti li huma importati mill-ġdid wara proċessar passiv jkunu eżentati mid-dazji, minħabba li huma mhux qed jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni billi dawn jirkbu ftit li xejn fuq il-produzzjoni tal-produtturi li lmentaw u minħabba li ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti dazji, filwaqt li jitqies l-istatus tiegħu bħala SME, il-fatt li rċieva fondi strutturali tal-UE bl-għan li tiġi stabbilita l-fabbrika tiegħu, u l-fatt li l-impożizzjoni tad-dazji teqred in-negozju tiegħu. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jesprimu kull opinjoni li jista' jkollhom f'dan ir-rigward.

(36)

Barra minn hekk, produttur esportatur Ċiniż wieħed talab il-korrezzjoni ta' ismu li nkiteb ħażin, u importatur tal-Unjoni wieħed issuġġerixxa definizzjoni aktar preċiża ta' “tagħmir ta' ħruxija baxxa”, li kienet aċċettata mill-Kummissjoni.

(37)

Fir-rigward tad-divulgazzjoni finali, żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u s-CCCMC sostnew li l-perjodu previst mill-Kummissjoni għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet mill-partijiet interessati kien insuffiċjenti u ma kienx jippermettilhom jindirizzaw b'mod sħiħ u komprensiv id-dejta kollha u r-raġunament kollu, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba fid-divulgazzjoni finali. Huma qiesu dan bħala ksur serju tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati f'dan il-proċediment.

(38)

Il-Kummissjoni nnotat li proċediment antidumping mibdi skont l-Artikolu (5) tar-Regolament bażiku jitmexxa skont skadenzi stretti. Il-partijiet interessati kkonċernati rċevew id-divulgazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jiġux imposti miżuri provviżorji kif ukoll tal-proposta tal-Kummissjoni għall-impożizzjoni ta' miżuri definittivi u ngħataw żmien raġonevoli biex jirrispondu. Skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi skadenza għal mill-inqas 10 ijiem għal kummenti wara d-divulgazzjoni finali. Billi kkonċediet 22 ġurnata, il-Kummissjoni kkonformat ma' dan ir-rekwiżit. L-ebda parti interessata ma talbet estensjoni f'dan ir-rigward. Qed jiġi wkoll enfasizzat li l-ebda dejta addizzjonali ma tista' tiġi żvelata fl-istadju provviżorju, mhux biss fir-rigward tas-sejbiet dwar id-dumping mir-RPĊ iżda wkoll fir-rigward tad-dannu. Fin-nuqqas ta' stabbiliment ta' marġni tad-dumping għar-RPĊ, ma setax jiġi stabbilit il-livell ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati. Filwaqt li d-dejta fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni hija disponibbli għall-finijiet tal-analiżi tad-diversi indikaturi tad-dannu, il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping huma element indispensabbli fl-istabbiliment tad-dannu skont l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-ebda determinazzjoni ta' dannu ma saret fl-istadju provviżorju tal-investigazzjoni. It-talba għalhekk ma ntlaqgħetx.

(39)

Wara l-kummenti u t-talbiet ta' ċerti partijiet interessati wara d-divulgazzjoni finali, il-Kummissjoni żvelat dejta u informazzjoni addizzjonali. Din id-divulgazzjoni addizzjonali saret fil-25 ta' Novembru 2016. Sottomissjonijiet oħra waslu mingħand żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, is-CCCMC, l-Ilmentatur u tliet importaturi tal-Unjoni.

(40)

Matul is-smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta, l-Ilmentatur talab li t-talba għall-eżenzjoni għal skema ta' proċessar passiv ppreżentata minn wieħed mill-produtturi tal-Unjoni kif spjegat fil-premessa 35 hawn fuq m'għandhiex tingħata billi l-produttur tal-Unjoni inkwistjoni qed jimporta wkoll il-prodott ikkonċernat fiċ-Ċina. Barra minn hekk, bil-kontra ta' dak li kien sostna, il-prodotti tiegħu huma f'kompetizzjoni mal-prodott manifatturat mill-industrija tal-Unjoni. Matul din l-istess seduta, l-Ilmentatur spjega wkoll li l-biċċa l-kbira tan-negozjanti fl-Unjoni jaħżnu prodotti ċċertifikati doppjament kemm taħt l-istandards EN/DIN kif ukoll taħt l-istandards ASME/ANSI. Barra minn hekk, kuntrarju għall-istqarrija ta' wieħed mill-kummerċjanti, prodotti suġġetti għal standards differenti huma interkambjabbli.

(41)

Żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u s-CCCMC tennew il-pretensjonijiet tagħhom, speċjalment fir-rigward tan-nuqqas ta' divulgazzjoni tas-sejbiet dwar id-dannu fl-istadju provviżorju li fl-opinjoni tagħhom ma setax jiġi ġġustifikat min-nuqqas ta' dejta.

(42)

Bi tweġiba għal dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li l-konklużjonijiet dwar l-indikaturi tad-dannu jistgħu biss jiġu żvelati ladarba l-volum ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping jiġi determinat. F'dan il-każ partikolari fl-istadju provviżorju ma saret l-ebda determinazzjoni ta' dumping għar-RPĊ. Il-fatt li d-dejta mhux ipproċessata għal indikaturi ta' dannu kienet inġabret ma jfissirx li l-konklużjoni dwar l-indikaturi ta' dannu setgħet tiġi stabbilita. Għalhekk il-Kummissjoni pprovdiet divulgazzjoni adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni tqis li d-drittijiet tad-difiża ta' dawn il-partijiet interessati ġew rispettati.

1.8.   Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

(43)

L-investigazzjoni tad-dumping kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2014 sat-30 ta' Settembru 2015 (“il-perijodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”).

(44)

L-analiżi tat-tendenzi li huma rilevanti gћall-valutazzjoni tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

(45)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, bosta partijiet interessati stqarrew li l-Kummissjoni kien messha eżaminat il-perjodu bejn l-2010 u l-PI minflok il-perjodu bejn l-2012 u l-PI. Hija l-prattika standard tal-Kummissjoni li tuża l-perjodu ta' erba' (4) snin biex tanalizza x-xejriet ta' dannu. Il-partijiet naqsu milli jissottomettu xi evidenza li kienet tappoġġa il-konklużjoni li l-perjodu kkunsidrat ma kienx xieraq.

(46)

Wara d-divulgazzjoni addizzjonali, żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u s-CCCMC tennew it-talba tagħhom rigward il-perjodu kkunsidrat għax-xejriet tad-dannu. Kif intqal hawn fuq hija prattika standard tal-Kummissjoni li tuża perjodu ta' erba' snin għall-valutazzjoni tad-dannu tagħha, abbażi tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha f'investigazzjonijiet ta' difiża kummerċjali. Barra minn hekk, il-partijiet interessati ma ppreżentaw l-ebda evidenza konvinċenti li kienet tobbliga lill-Kummissjoni tiddevja mill-prattika standard tagħha. Ukoll, il-każ (5) li għalih jirreferu l-partijiet interessati ġie tterminat minħabba l-irtirar tal-ilment. Għalhekk, ma saret l-ebda determinazzjoni ta' dannu f'dan il-każ. Barra minn hekk, il-prodott ikkonċernat minn din l-investigazzjoni huwa differenti mill-prodott ikkonċernat tal-investigazzjoni mitmuma. Għalhekk din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx.

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-Prodott ikkonċernat

(47)

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa tagħmir għat-twaħħil tarf ma' tarf ta' tubi u pajpijiet, ta' gradi ta' azzar li ma jsaddadx awstenitiku, li jikkorrispondi għat-tipi AISI 304, 304L, 316, 316L, 316Ti, 321 u 321H u l-ekwivalenti tagħhom fin-normi l-oħra, b'dijametru estern massimu li ma jaqbiżx 406,4 mm u ħxuna tal-ħitan ta' 16 mm jew anqas, bi ħruxija ta' mhux anqas minn 0,8 mikrometri, mhux iffurmati bħala flanġijiet, imlestija jew le, li joriġinaw mir-RPĊ u mit-Tajwan. Il-prodott jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 7307 23 10 u ex 7307 23 90.

(48)

Il-prodott ikkonċernat jiġi mmanifatturat essenzjalment billi jinqatgħu u jiġu ffurmati tubi u pajpijiet. Il-prodott ikkonċernat jintuża biex jgħaqqad pajpijiet u tubi tal-azzar li ma jsaddadx u jeżisti f'forom differenti bħal elbows, reducers, forom ta' T u tappijiet.

(49)

Il-prodott ikkonċernat jintuża f'firxa wiesgħa ta' industriji tal-konsumatur u applikazzjonijiet finali. Xi ftit eżempji huma:

L-industrija petrokimika;

L-industriji tax-xorb u tal-ipproċessar tal-ikel u tal-farmaċewtika;

Il-bini tal-bastimenti;

Il-ġenerazzjoni tal-enerġija, l-impjanti tal-enerġija;

Il-kostruzzjonijiet u l-installazzjonijiet industrjali.

(50)

Wara d-divulgazzjoni finali, importatur wieħed tal-Unjoni sostna li t-tappijiet m'għandhomx ikunu inklużi fl-ambitu tal-prodott billi ma jiġux prodotti permezz tal-qtugħ u l-iffurmar ta' pajpijiet.

(51)

Bi tweġiba għal dan l-argument, qed tinġibed l-attenzjoni li l-prodott ikkonċernat huwa “essenzjalment” iżda mhux “esklussivament” immanifatturat permezz tal-qtugħ u l-iffurmar ta' tubi u pajpijiet. Huwa nnutat ukoll li minn perspettiva tas-suq, tappijiet huma tipi ta' fittings u huma ppreżentati bħala tali fil-katalgi tal-kumpaniji. It-talba għalhekk ma ntlaqgħetx.

(52)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, diversi partijiet argumentaw li l-prodotti importati u l-produzzjoni tal-Unjoni mhumiex teknikament interkambjabbli minħabba standards tekniċi differenti, jiġifieri EN/DIN u ASME/ANSI, jew li l-prodotti manifatturati skont l-istandards EN/DIN jenħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott.

(53)

L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi ċċarat li kemm l-industrija tal-Unjoni kif ukoll il-produtturi esportaturi suġġetti għall-investigazzjoni jipproduċu ż-żewġ tipi ta' standards tekniċi. Dan huwa minnu wkoll għall-kumpaniji inklużi fil-kampjun. Barra minn hekk, il-magni użati biex jipproduċu għal standards differenti huma l-istess, u l-proċess ta' produzzjoni huwa l-istess.

(54)

It-tieni, l-investigazzjoni u seduta ta' smigħ mal-produttur tal-Unjoni li għandu wkoll arranġament ta' proċessar passiv wrew li l-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti approvati skont l-istandards EN/DIN u ASME/ANSI huma komparabbli. Billi l-istandards jistgħu jeħtieġu xi ftit differenzi skont il-ħxuna u reżistenza, dawk id-differenzi jvarjaw għal kull tip ta' prodott, u għal ħafna tipi ta' prodotti, hemm koinċidenza sħiħa jew sostanzjali.

(55)

It-tielet, iż-żewġ tipi ta' prodotti huma f'kompetizzjoni ma' xulxin. Għalkemm huwa veru li għal ċerti proġetti, l-ispeċifikazzjonijiet se jirrikjedu l-użu ta' EN/DIN jew ASME/ANSI fil-waqt li fih l-inġiniera jiddeċiedu dwar l-għażla tal-istandard, iż-żewġ speċifikazzjonijiet jinsabu f'kompetizzjoni. Dan jidher mill-fatt li l-użu tal-istandards EN/DIN u/ASME/ANSI jvarja bejn l-Istati Membri bbażat fuq xejriet storiċi, iżda t-tnejn li huma, kemm wieħed kif ukoll l-ieħor, jistgħu jintużaw fi proġetti ġodda madwar l-Unjoni.

(56)

Fl-aħħar nett, hemm ukoll kompetizzjoni diretta wara l-għażla tal-istandard fejn l-istandards jirkbu fuq xulxin kompletament, bħalma huwa l-każ għal ċerti tipi ta' prodotti.

(57)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li minkejja talbiet speċifiċi li saru lill-importatur li kkopera, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda evidenza li turi li l-prodott simili u l-prodott ikkonċernat ma humiex f'kompetizzjoni.

(58)

Għaldaqstant id-dikjarazzjoni ma ntlaqgħetx.

(59)

Wara d-divulgazzjoni addizzjonali, diversi partijiet interessati, inkluż importatur mhux relatat, ikkonfermaw is-sejbiet tal-investigazzjoni ta' hawn fuq. Dawn il-partijiet interessati tennew li l-istandard ASME/ANSI jew EN/DIN fil-biċċa l-kbira huma interkambjabbli. Barra minn hekk, parti interessata minnhom iddikjarat li l-fornituri tat-tubi u tal-pajpijiet fl-Unjoni jipprovdu prodotti ċċertifikati doppjament u kull manifattur tal-prodott ikkonċernat jista' wkoll jikseb ċertifikazzjoni doppja. Din il-parti interessata żiedet tgħid li, fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-istokkijiet kummerċjali tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili għandha ċertifikazzjoni doppja.

(60)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn dwar l-istandards tal-prodott, l-allegazzjoni li l-prodott ikkonċernat u l-prodott simili kellhom jiġu analizzati b'mod separat abbażi tal-istandards ASME/ANSI u EN/DIN ma ntlaqgħetx.

2.2.   Prodotti esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat

2.2.1.   Tagħmir ta' ħruxija baxxa

(61)

Tliet importaturi mhux relatati, is-CCCMC u żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi sostnew li d-definizzjoni tal-prodott ma tiddisintingwix b'mod suffiċjenti bejn tagħmir industrijali u l-hekk imsejjaħ “tagħmir sanitarju”, għalkemm għandhom karatteristiċi fiżiċi differenti. Barra minn hekk, huma sostnew li l-industrija tal-Unjoni ma tipproduċix “tagħmir sanitarju” u li għalhekk f'dan il-proċediment antidumping għandu jiġi inkluż biss “it-tagħmir industrijali”.

(62)

Waqt seduta ta' smigħ konġunta, it-tliet importaturi mhux relatati ssottomettew evidenza li tappoġġa l-affermazzjoni tagħhom u wrew numru ta' differenzi ewlenin bejn it-tagħmir “industrijali” u dak “sanitarju”, ibbażati fuq karatteristiċi fiżiċi, l-imballaġġ, l-użu finali u l-livell tal-prezzijiet.

(63)

Id-differenza kienet teħtieġ ridefinizzjoni f'termini tal-karatteristiċi fiżiċi u d-distinzjoni xierqa kienet ibbażata fuq il-ħruxija tal-wiċċ tat-tagħmir. Minflok l-użu tat-terminu tagħmir “sanitarju”, huwa xieraq li wieħed jitkellem dwar “tagħmir ta' ħruxija baxxa”, jiġifieri tagħmir bi ħruxija medja (Ra) tal-finitura tal-wiċċ ta' anqas minn 0,8 mikrometru. Dan it-tagħmir jintuża fl-industrija tal-ikel u x-xorb, fl-industrija tas-semikondutturi u fl-industriji farmaċewtiċi u tal-kura tas-saħħa.

(64)

Hemm differenzi importanti f'kemm huwa lixx il-wiċċ u fil-finitura tal-wiċċ. It-tarf tat-tagħmir ta' ħruxija baxxa huwa ġeneralment kwadru (b'differenza minn iċċanfrinat), u dan ġeneralment ikollu ħxuna tal-ħitan u dijametru ta' barra aktar baxxi. L-eżistenza ta' standards separati ma tidhirx u lanqas ma jidher il-fatt li l-materja prima għat-tagħmir ta' ħruxija baxxa hija dejjem kojl illaminat fil-kiesaħ jew tubu miġbud bil-kesħa (b'differenza mil-laminazzjoni bis-sħana għat-tagħmir ta' ħruxija għolja). Fl-aħħar nett, it-tagħmir ta' ħruxija baxxa jiġi ppakkjat individwalment f'borża tal-plastik, filwaqt li t-tagħmir ta' ħruxija għolja jiġi ppakkjat bil-massa fil-kartun.

(65)

Ma hemm l-ebda interkambjabbiltà: l-industrija li tuża tagħmir ta' ħruxija baxxa ma tistax tuża tagħmir ta' ħruxija għolja minħabba r-rekwiżiti iġjeniċi; mill-banda l-oħra, t-tagħmir ta' ħruxija baxxa mhuwiex tajjeb għal applikazzjonijiet li jużaw ħruxija għolja minħabba r-rekwiżiti ta' reżistenza aktar baxxa għall-pressjoni u għat-temperatura u l-livelli ta' prezzijiet ogħla tagħhom. L-investigazzjoni wriet li l-livell tal-prezzijiet tat-tagħmir ta' ħruxija baxxa huwa bħala medja minn 2 sa 3 darbiet ogħla għal kull kg. Dan huwa dovut prinċipalment għall-intensità tax-xogħol marbuta mal-illostrar u l-kontroll addizzjonali tal-kwalità.

(66)

Billi l-kwestjonarji kienu diġà ntbagħtu fiż-żmien tas-seduta ta' smigħ, ma kinitx aktar possibbli bidla fundamentali fin-numru tal-kodiċi tal-prodott (minn issa 'l quddiem “PCN”). Madankollu, biż-żieda tal-unika karatteristika fiżika tal-“ħruxija” bħala kolonna fit-tabella ta' tranżazzjoni bi tranżazzjoni u kriterju supplimentari fit-tabella tal-kost tal-produzzjoni fit-tweġiba għall-kwestjonarju, setgħet issir id-distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta' tagħmir. Kemm l-industrija tal-Unjoni kif ukoll l-importaturi tal-Unjoni eventwalment qablu li t-tagħmir bi ħruxija medja (Ra) tal-wiċċ ta' anqas minn 0,8 mikrometru ma għandux jitqies bħala l-prodott ikkonċernat. Għalhekk is-servizzi tal-Kummissjoni fl-istadju provviżorju tal-investigazzjoni qiesu li dan it-tagħmir għandu jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni.

(67)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, wieħed mill-produtturi Ċiniżi inkluż fil-kampjun sostna li t-tagħmir ta' ħruxija baxxa ma għandux jiġi eskluż mid-definizzjoni tal-prodott. Il-kumpanija inkwistjoni kkontestat ukoll id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet interessati, rigward id-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, il-materjali tal-imballaġġ, il-livelli tal-kost/prezzijiet, u n-nuqqas ta' interkambjalità bejn it-tagħmir ta' ħruxija baxxa u t-tagħmir ta' ħruxija għolja. Madankollu, il-kwistjoni rigward id-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, il-materjali tal-imballaġġ u l-livelli tal-prezzijiet bejn t-tagħmir ta' ħruxija baxxa u għolja kienet verifikata u kkonfermata fuq il-post fit-Tajwan. Għalhekk din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx.

2.2.2.   Tagħmir forma ta' flanġijiet

(68)

Produttur esportatur Ċiniż-Tajwaniż sostna li t-tagħmir forma ta' flanġijiet, jiġifieri tagħmir li għandu t-truf iffurmati bħala flanġijiet, mhuwiex il-prodott ikkonċernat skont id-definizzjoni fin-Notifika ta' Bidu.

(69)

Jenħtieġ li jingħad li l-forma tat-tarf hija l-fattur determinanti għat-teknika li tista' tintuża għat-tqabbid tat-tagħmir mat-tubi. Jintużaw tekniki differenti għall-produzzjoni ta' tagħmir għat-twaħħil tarf ma' tarf bil-welding u ta' tagħmir forma ta' flanġijiet. It-tagħmir għat-twaħħil tarf ma' tarf bil-welding huwa prodott bit-teknika tal-welding, filwaqt li b'kuntrast, tinuża t-teknika tal-ikklampjar u tal-boltijiet fil-produzzjoni tat-tagħmir forma ta' flanġijiet. Barra minn hekk, in-noti ta' spjegazzjoni tal-kodiċijiet NM tad-definizzjoni tal-prodott jispeċifikaw li t-truf tat-tagħmir għat-twaħħil tarf ma' tarf bil-welding għandhom jinqatgħu kwadri jew iċċanfrinati sabiex jiġi faċilitat l-iwweldjar mat-tubi.

(70)

Instab ukoll li l-produzzjoni ta' tagħmir bit-truf forma ta' flanġijiet teħtieġ kostijiet addizzjonali, minħabba l-input akbar ta' materja prima u intermedja u proċess ta' manifattura aktar elaborat. Minn perspettiva ta' proċess ta' produzzjoni, it-tagħmir għat-twaħħil tarf ma' tarf bil-welding jista' jitqies bħala prodott nofsu lest għall-produzzjoni ta' tagħmir bit-truf forma ta' flanġijiet.

(71)

L-industrija tal-Unjoni qablet mal-fehma li t-tagħmir bit-truf forma ta' flanġijiet kien prodott differenti u qablet ukoll mal-esklużjoni tiegħu mid-definizzjoni tal-prodott.

(72)

Is-servizzi tal-Kummissjoni, mill-istadju provviżorju, diġà kienu qiesu li t-tagħmir bit-truf forma ta' flanġijiet jenħtieġ li jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni. Ma waslu l-ebda kummenti mill-partijiet interessati li jikkontestaw din is-sejba, għalhekk din id-deċiżjoni nżammet.

2.3.   Prodott simili

(73)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

(a)

il-prodott ikkonċernat;

(b)

il-prodott magħmul u mibjugħ fis-suq domestiku tat-Tajwan (li ntuża wkoll bħala l-pajjiż analogu għar-RPĊ — ara l-premessa 105);

(c)

il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(74)

Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li dawn il-prodotti huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   ID-DUMPING

3.1.   It-Tajwan

3.1.1.   Introduzzjoni

(75)

Kif indikat fil-premessa 27, żewġ kumpaniji Tajwaniżi biss ikkooperaw fl-investigazzjoni billi pprovdew tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarji dwar l-antidumping. Il-bejgħ ta' dawn il-kumpaniji kien jammonta għal 36 % tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mit-Tajwan lejn l-Unjoni, fil-perjodu tal-investigazzjoni.

(76)

Waħda mill-kumpaniji li kkooperaw kienet tipproduċi prinċipalment tagħmir li mhuwiex kopert mid-definizzjoni riveduta tal-prodott fl-investigazzjoni kif spjegat fil-premessi minn 61 sa 71 (tagħmir bi ħruxija medja (Ra) tal-finitura tal-wiċċ ta' anqas minn 0,8 mikrometru u/jew tagħmir bit-truf f'forma ta' flanġijiet). Dan il-produttur ma kellux bejgħ domestiku tal-prodott simili matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(77)

B'kuntrast, it-tieni kumpanija li kkooperat hija involuta fil-produzzjoni estensiva tal-biċċa l-kbira tat-tipi standard ta' tagħmir, li huma koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni. Il-kumpanija tipproduċi biss fuq il-bażi ta' pajpijiet iwweldjati, mill-gradi 304 u 316 biss ta' azzar u elbows u forom ta' T biss (u forom ta' T biss bl-istess dijametru tal-pajp prinċipali u fergħa li ma jiġux iwweldjati iżda li jiġu prodotti minn biċċa waħda ta' pajp biċ-ċentru tiegħu “miġbud 'l isfel” biex issir forma ta' T). Il-produttur ma kellux bejgħ domestiku tal-prodott simili matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

3.1.2.   Il-valur normali

(78)

Fil-każ taż-żewġ produtturi esportaturi Tajwaniżi, minħabba n-nuqqas ta' bejgħ domestiku tal-prodott simili, il-valur normali nħadem skont l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku billi mal-kost medju tal-manifattura tal-prodott rilevanti żdiedu l-ispejjeż tal-bejgħ, dawk ġenerali u amministrattivi (“BĠ&A”) imġarrba flimkien ma'profitt raġonevoli.

(79)

Fil-każ tal-ewwel kumpanija li kkooperat, l-ammont tal-ispejjeż BĠ&A u l-profitt kienu stabbiliti, skont l-Artikolu 2(6)(b) tar-Regolament bażiku, jiġifieri, abbażi tal-ammonti attwali applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ, matul il-kors ordinarju tal-kummerċ, tal-istess kategorija ġenerali ta' prodotti għall-produttur inkwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż tal-oriġini, jiġifieri l-bejgħ domestiku tat-tagħmir ta' ħruxija medja (Ra) tal-finitura tal-wiċċ ta' anqas minn 0,8 mikrometru.

(80)

Fil-każ tat-tieni kumpanija li kkooperat, minħabba n-nuqqas ta' bejgħ domestiku proprju tal-prodott simili jew tal-istess kategorija ġenerali ta' prodotti, ġie applikat l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, fil-kostruzzjoni tal-valur normali l-Kummissjoni użat l-istess ammonti ta' spejjeż BĠ&A u profitt użati għall-ewwel kumpanija, li kienet l-unika dejta disponibbli u verifikata u rreferiet għall-bejgħ tal-istess kategorija ġenerali ta' prodott fis-suq Tajwaniż.

(81)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, it-tieni produttur esportatur Tajwaniż qajjem ċerti pretensjonijiet kontra l-użu tad-dejta tal-ewwel produttur Tajwaniż għall-kostruzzjoni tal-valur normali tiegħu. L-ewwel, il-kumpanija sostniet (fuq il-bażi tal-verżjoni miftuħa tat-tweġiba għall-kwestjonarju u t-tweġibiet għall-ittra tan-nuqqasijiet tal-produttur l-ieħor) li l-ewwel produttur ma jistax jitqies bħala produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat billi dan allegatament jipproduċi u jesporta biss lejn l-Unjoni tipi tal-prodott li kienu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott, jiġifieri, tagħmir ta' ħruxija baxxa u tagħmir bit-truf forma ta' flanġijiet. It-tieni, il-kumpanija sostniet li l-użu taċ-ċifri tal-BĠ&A ta' kumpanija waħda sabiex jinħadem il-valur normali għal kumpanija oħra jikkontradixxi s-sejbiet tal-Korp tal-Appell tad-WTO (6) li l-BĠ&A ta' kumpanija unika ma jistgħux jintużaw biex jinħadmu l-valuri normali.

(82)

Bi tweġiba għall-pretensjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni, waqt il-verifika fuq il-post fil-bini tal-kumpanija inkwistjoni, stabbiliet li parti mill-produzzjoni u l-bejgħ tal-kumpanija lill-Unjoni matul il-PI (jiġifieri tagħmir vakwu bi trattament addizzjonali tal-wiċċ li jirriżulta fi ħruxija tal-wiċċ ta' aktar minn 0,8 mikrometru) kienet taqa' fid-definizzjoni tal-prodott ta' din l-investigazzjoni. Għalhekk, il-kumpanija tqieset bħala produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat u ġie kkalkulat marġni ta' dumping għal din il-kumpanija. Jenħtieġ li jiġi enfasizzat li l-kumpanija inkwistjoni ma kinitx qiegħda tbigħ dan it-tip ta' prodott fis-suq domestiku fit-Tajwan matul il-PI, li jaffettwa l-metodoloġija tal-kostruzzjoni tal-valur normali għaż-żewġ produtturi esportaturi Tajwaniżi kif spjegat fil-premessi 79 u 80. It-tieni, jenħtieġ jiġi nnotat ukoll li d-deċiżjoni tal-Korp tal-Appell tad-WTO kkwotata mill-parti interessata tirreferi għas-sitwazzjoni deskritta fl-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku; jiġifieri l-użu tal-medja ponderata tal-kostijiet BĠ&A ta' produtturi oħra fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż tal-oriġini. F'dan il-każ, madankollu, il-kostruzzjoni tal-valur normali kienet ibbażata fuq l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku; jiġifieri bil-kostijiet BĠ&A stabbiliti fuq il-bażi ta' “kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor, sakemm l-ammont għal profitt b'hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew produtturi oħra fuq bejgħ ta' prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta' oriġini”. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni żżomm id-deċiżjoni tagħha rigward is-sors tad-dejta użat għall-kostruzzjoni tal-valur normali. Jenħtieġ li jiġi nnotat li l-Kummissjoni ħarset ukoll lejn is-sors tad-dejta alternattiv għall-istabbiliment tal-kostijiet BĠ&A sabiex jinħadem il-valur normali, jiġifieri d-dejta pprovduta mill-produttur analogu li kkoopera fl-Iżvizzera. Iċ-ċifra inkwistjoni ma kinitx ipprovduta għall-PI iżda huwa kkonfermat li għas-snin finanzjarji 2014 u 2015 din kienet fil-medda ta' bejn 8 % sa 12 % li hija komparabbli maċ-ċifra aġġustata tal-kostijiet ta' BĠ&A li finalment intużat fil-kalkolu kif indikat fil-premessa 86.

(83)

Fis-sottomissjoni tiegħu, il-produttur esportatur Tajwaniż allega wkoll divulgazzjoni inadegwata tad-dejta kritika użata għall-istabbiliment tal-valur normali. Fil-fatt, għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità kummerċjali, din id-divulgazzjoni speċifika ma setatx tiżvela l-BĠ&A, il-profitt u l-allowances fuq iċ-ċifri tal-kostijiet użati fil-kalkoli. Il-kumpanija, li taf il-kostijiet tal-manifattura proprji tagħha, setgħet faċilment tistima l-aġġustament medju ġenerali li sar. Madankollu, hija talbet id-divulgazzjoni taċ-ċifri speċifiċi fir-rigward ta' ċerti elementi tal-kalkolu, jiġifieri l-livelli tal-BĠ&A u tal-profitt, il-livelli tal-allowances tal-valur normali fuq il-kostijiet u l-prezzijiet u l-aġġustament tal-VAT għall-valur normali.

(84)

Bi tweġiba għal din it-talba, irid jiġi sottolinjat li ċ-ċifri eżatti tal-kostijiet BĠ&A, il-profitt u l-allowances fuq il-kostijiet applikati fil-kostruzzjoni tal-valur normali ma jistgħux jiġu żvelati, billi d-dejta toriġina minn kumpanija waħda, li hija kompetitriċi Tajwaniża tal-kumpanija li talbet din l-informazzjoni, u din il-kumpanija talbet trattament kunfidenzjali minħabba li d-dejta tinkludi sigrieti kummerċjali. Ovvjament din it-talba hija ġustifikata. Madankollu, l-aktar ċifri importanti, jiġifieri, l-BĠ&A u l-profitt użati għall-kalkolu finali, huma żvelati f'meded fil-premessa 86 hawn taħt. Jenħtieġ li jiġi nnotat ukoll li l-livell tal-allowances fuq il-kostijiet kien baxx ħafna u kellu impatt insinifikanti fuq il-livell tal-valur normali u l-marġni tad-dumping. Ma kien applikat l-ebda allowance fuq il-prezzijiet billi ma ntużawx prezzijiet domestiċi fil-kalkolu tal-valur normali. Ukoll fil-każ ukoll tat-Tajwan, ma sar l-ebda aġġustament tal-VAT għall-valur normali.

(85)

Fl-aħħar nett, din il-kumpanija argumentat li l-livell tal-BĠ&A u l-profitt tal-kompetitur tagħha mhuwiex rappreżentattiv għalihom. Hija sostniet li l-produttur l-ieħor fit-Tajwan jopera produzzjoni fuq skala żgħira u jbigħ prodotti speċjalizzati ħafna, filwaqt li hija kienet involuta fil-produzzjoni u l-bejgħ bil-massa ta' prodotti standard.

(86)

Fil-fatt, waqt iż-żjarat ta' verifika kien ikkonfermat li l-prodotti manifatturati u mibjugħa miż-żewġ kumpaniji huma differenti, u għalhekk l-istrutturi tal-kostijiet BĠ&A tagħhom huma wkoll differenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas il-livell tal-kostijiet BĠ&A użat għall-kostruzzjoni tal-valur normali għal dan it-tieni produttur esportatur li kkoopera, bil-proporzjon tal-kostijiet lavorattivi relatati mal-kontroll tal-kwalità u l-kostijiet tar-riċerka u l-iżvilupp. Dan wassal għal tnaqqis fl-aġġustament tal-BĠ&A għal-livell ta' 7 %-13 % espress bħala perċentwal tal-fatturat, li suċċessivament naqqas il-livell tal-marġni tad-dumping individwali tiegħu. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni qieset li l-marġni ta' profitt użat għall-kostruzzjoni tal-valur normali (1 %-5 % fuq il-fatturat) kien raġonevoli. L-aġġustament globali finali magħmul għall-kostijiet tal-manifattura fil-kalkolu tal-valur normali għall-produttur esportatur inkwistjoni kien ta' 15,36 %.

3.1.3.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(87)

Iż-żewġ produtturi esportaturi li kooperaw għamlu bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni direttament lil klijenti indipendenti li kienu jinsabu fl-Unjoni.

(88)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu stabbiliti abbażi tal-prezzijiet attwalment imħallsa jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż esportatur skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.1.4.   Tqabbil u marġnijiet ta' dumping

(89)

Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw ġew imqabbla fuq bażi ta' kif joħorġu mill-fabbrika.

(90)

Sabiex ikun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konsiderazzjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kumparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(91)

Fuq din il-bażi, saru aġġustamenti għat-trasport, il-kostijiet tal-ġarr tal-merkanzija bil-baħar u tal-assigurazzjoni, il-kostijiet tal-immaniġġjar, tat-tagħbija u l-kostijiet anċillari, il-kostijiet tal-ippakkjar, il-kostijiet ta' kreditu, skontijiet u kummissjonijiet li kienu ppruvati li jaffettwaw it-tqabbil tal-prezzijiet. L-aġġustamenti totali kienu fil-medda ta' 1 %-10 %, ibbażati fuq il-valuri attwali rrappurtati mill-produtturi esportaturi Tajwaniżi u vverifikati fuq il-post. Dawn iċ-ċifri huma dawk irrappurtati għall-elementi ta' kost rilevanti mill-kumpaniji Tajwaniżi, u kienu żvelati lilhom għall-verifika fid-divulgazzjonijiet speċifiċi.

(92)

Ta' min jinnota li fil-kalkolu, il-Kummissjoni ċaħdet aġġustament għall-kambju mitlub minn waħda mill-partijiet interessati. Il-parti kienet talbet lill-Kummissjoni biex minflok ma tuża r-rata tal-kambju fid-data tal-fattura tuża r-rata tal-kambju fid-data tal-pagament. Ir-Regolament bażiku jistipula li normalment, tintuża d-data tal-fattura għall-istabbiliment tar-rata tal-kambju, iżda li f'sitwazzjonijiet straordinarji, tista' tintuża data aktar kmieni (pereżempju d-data tal-kuntratt). Madankollu, ir-Regolament bażiku ma jipprovdi l-ebda bażi legali għall-użu ta' data wara d-data tal-fattura. Il-ħsieb wara dan huwa li fid-data tal-fattura, il-prezz ikun iffissat u l-kumpanija ma jkun baqalha l-ebda influwenza biex tiddeċiedi jekk tagħmilx dumping jew le. Fi kwalunkwe każ, anki kieku kien possibbli l-użu ta' data aktar tard, li mhuwiex il-każ, kif diġà spjegat fid-divulgazzjoni provviżorja, l-applikant ma weriex li seħħet il-kundizzjoni addizzjonali, jiġifieri ċaqliq sostnut fir-rati tal-kambju.

(93)

Kif previst fl-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, għal kull kumpanija li kkooperat, il-valur normali medju ponderat ta' kull tip tal-prodott simili ġie mqabbel mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat.

(94)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping medji ponderati, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni ta' dumping stabbilit (%)

King Lai Hygienic Materials Co., Ltd

0,0

Ta Chen Stainless Pipes Co., Ltd

5,1

(95)

Għall-produtturi li ma kkooperawx, il-Kummissjoni kellha tibbaża fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(6) tar-Regolament bażiku. In-nuqqas ta' kooperazzjoni jippermetti lill-produtturi esportaturi kkonċernati li ma jaqsmux id-dejta speċifika għall-kumpanija tagħhom li abbażi tagħha tista' tiġi valutata l-imġiba attwali tagħhom fl-esportazzjoni u jobbliga lill-Kummissjoni tuża l-aħjar fatti disponibbli fir-rigward tagħhom. Fil-prattika tad-deċiżjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għal dak l-għan tiddistingwi bejn investigazzjonijiet fejn il-kooperazzjoni tkun għolja (jiġifieri aktar minn 80 % tal-esportazzjonijiet irrappurtati lejn l-Unjoni, u sitwazzjonijiet fejn il-kooperazzjoni tkun baxxa (80 % u anqas ta' kooperazzjoni). Fil-każ preżenti, il-livell ta' kooperazzjoni kien konsiderevolment anqas minn 80 %. F'sitwazzjoni bħal din, il-Kummissjoni tqis li l-ogħla rata ta' dumping tal-produtturi li kkooperaw ma tikkostitwix approssimazzjoni tajba għar-rata ta' dumping tal-produtturi li ma kkooperawx, għar-raġuni li ġejja: wieħed jissuspetta li waħda mir-raġunijiet għalfejn daqstant produtturi ddeċidew li ma jikkooperawx hija li dawn kienu jafu li r-rati tad-dumping tagħhom se jkunu ferm ogħla minn dawk tal-produtturi li kkooperaw. Il-fatt li, fil-każ preżenti, il-kooperazzjoni kienet irtirata waqt l-investigazzjoni, jappoġġa din l-idea. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-rata ta' dumping tal-produtturi li ma kkooperawx hija riflessal-aħjar fil-livell tal-ogħla marġni ta' dumping stabbilit għal tip ta' prodott rappreżentattiv f'termini ta' volum, jiġifieri li jirrappreżenta aktar minn 10 % tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, għall-produttur esportatur li kkoopera li nstab li kien qed jagħmel dumping.

(96)

Wara l-aġġustament tal-kostijiet tal-BĠ&A użati għall-kalkolu tal-marġni ta' dumping għall-produttur esportatur Tajwaniż li kkoopera kif deskritt fil-premessa 86, il-marġni ta' dumping għall-pajjiż kollu, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, jammonta għal 12,1 %.

(97)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur sostna f'dan ir-rigward li d-dazju residwu għat-Tajwan jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-ilment u jammonta għal 34,8 %. L-ilmentatur sostna li ħafna mill-produtturi Tajwaniżi tal-prodott ikkonċernat deliberatament naqset milli tikkoopera fil-proċedura sabiex ma jħallu lill-Kummissjoni tuża l-bejgħ domestiku tagħhom għall-kalkolu tal-valur normali. Għalhekk, skont l-ilmentatur, kalkolu tal-valur normali fl-ilment, li kien ibbażat fuq il-prezzijiet domestiċi fit-Taiwan, għandhom jintużaw bħala l-aħjar fatti disponibbli.

(98)

Bi tweġiba għal dan ta' hawn fuq, ta' min jinnota li fil-kalkolu tad-dazju residwali għat-Tajwan, il-Kummissjoni qed tuża l-aħjar fatti disponibbli fuq il-bażi tad-dejta miġbura u vverifikata matul l-investigazzjoni. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ma ntlaqgħetx.

3.2.   Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

3.2.1.   Il-pajjiż analogu

(99)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatalhomx TES irid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (“pajjiż analogu”). L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi li kkooperaw ma talab TES.

(100)

L-ilmentatur ippropona lill-USA bħala pajjiż analogu potenzjali. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni disponibbli, il-produzzjoni tal-prodott simili sseħħ f'numru ta' pajjiżi oħra madwar id-dinja bħall-Brażil, l-Indja, il-Ġappun, il-Malasja, il-Korea, l-Iżvizzera u t-Tajlandja. Dawn il-pajjiżi tqiesu kollha bħala pajjiżi analogi potenzjali.

(101)

Ġew ikkuntattjati l-produtturi magħrufin kollha (52) tal-prodott simili fil-pajjiżi hawn fuq imsemmija, iżda ħadd minnhom ma kkoopera. Kumpanija Malasjana waħda biss qablet li tikkoopera iżda pprovdiet informazzjoni insuffiċjenti. Il-kumpanija ma kinitx kapaċi tipprovdi dejta għal kull PCN fir-rigward tal-kostijiet u l-prezzijiet domestiċi. Għalhekk, id-dejta defiċjenti tagħha ma setgħetx tintuża għall-istabbiliment tal-valur normali. Barra minn hekk, ta' min jinnota li l-kumpanija Malasjana inkwistjoni rrifjutat verifika fuq il-post tad-dejta pprovduta.

(102)

Fi stadju aktar tard ippreżenta ruħu produttur Żvizzeru, bħala produttur analogu potenzjali u qabel li jikkoopera. Il-kumpanija ssottomettiet it-tweġiba mitluba għall-kwestjonarju li kienet ivverifikata fuq il-post. Madankollu, minħabba l-firxa pjuttost limitata ta' tipi tal-prodott magħmula minn din il-kumpanija meta mqabbel mal-firxa wiesgħa ta' tipi tal-prodott esportati lejn l-Unjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni ddeċidiet li d-dejta pprovduta mill-kumpanija Żvizzera ma tkunx adatta għall-istabbiliment tal-valur normali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. F'dan ir-rigward huwa nnotat li 4,6 % biss tat-tipi tal-prodotti esportati lejn l-Unjoni minn produtturi Ċiniżi li jkopru 4,2 % tal-volum tal-esportazzjonijiet Ċiniżi kienu jaqblu direttament mat-tipi tal-prodott magħmula mill-produttur Żvizzeru. Fil-każ tat-Tajwan, li finalment intuża bħala l-pajjiż analogu, il-livell ta' tqabbil dirett mat-tipi tal-prodott esportati mill-produtturi Ċiniżi lejn l-Unjoni kien ta' 7,7 % għan-numru ta' tipi tal-prodott u ta' 11,1 % għall-volum tal-esportazzjoni.

(103)

F'din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-pajjiż l-ieħor soġġett għall-investigazzjoni, jiġifieri t-Tajwan, bħala l-pajjiż analogu minkejja l-argumenti inizjalment ippreżentati mill-ilmentaturi li sostnew li l-kumpaniji Tajwaniżi kienu jipproduċu prinċipalment tipi ta' tagħmir ibbażati fuq tubi wweldjati bħala materja prima (b'differenza mill-produtturi Ċiniżi, li jużaw prinċipalment tubi mingħajr saldatura). L-istess argument ġie ppreżentat ukoll mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. Mill-banda l-oħra, is-CCCMC fis-sottomissjoni tagħha wara d-divulgazzjoni provviżorja, qieset li d-dejta dwar il-kostijiet tal-manifattura fit-Tajwan tkun aktar xierqa għall-bażi tal-kostruzzjoni tal-valur normali mid-dejta tal-produtturi tal-Unjoni, li kienet ikkunsidrata wkoll bħala alternattiva mill-Kummissjoni fid-divulgazzjoni provviżorja.

(104)

It-Tajwan tqies xieraq bħala pajjiż analogu għaliex, kuntrarju għal dak li kien sostnut mill-ilmentaturi u minkejja l-użu differenti tal-materja prima, id-dejta pprovduta kienet tippermetti metodoloġija xierqa għall-attribuzzjoni tal-kostijiet fir-rigward tal-karatteristiċi differenti tal-kodifikazzjoni tal-prodott. Barra minn hekk, il-livell ta' kompetizzjoni fis-suq Tajwaniż huwa għoli billi hemm mill-anqas 10 produtturi domestiċi magħrufa tal-prodott ikkonċernat u dan huwa rifless ukoll fi preżenza qawwija ta' importazzjonijiet minn oriġini differenti, f'sitwazzjoni fejn il-livell tad-dazji doganali huwa moderat (minn 7,5 % sa 10 %).

(105)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża lit-Tajwan bħala l-pajjiż analogu għar-RPĊ.

(106)

Wara d-divulgazzjoni finali, żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u s-CCCMC stqarrew li l-għażla ta' Tajwan bħala pajjiż analogu ma kinitx xierqa peress li l-kostijiet tal-manifattura użata nkisbu biss minn kumpanija Tajwaniża waħda li ma kellha l-ebda bejgħ domestiku. Il-partijiet inkwistjoni sostnew ukoll li l-livell ta' tqabbil ta' prodotti komparabbli kien baxx wisq. It-talba ta' livell baxx ta' tqabbil ta' prodotti komparabbli tqajmet ukoll minn importatur wieħed tal-Unjoni. Din il-kumpanija tal-aħħar indikat ukoll li ċ-Ċina ma tistax titqabbel mat-Tajwan billi ż-żewġ entitajiet għandhom livelli differenti ta' Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (“HDI”) u l-PDG per capita.

(107)

Fir-rigward ta' dawn il-pretensjonijiet, ta' min wieħed ifakkar li l-ewwel u qabel kollox, id-deċiżjoni tad-WTO (7) timplika li t-tipi kollha ta' prodotti esportati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi jenħtieġ jingħataw valur normali. Il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni disponibbli fuq il-livell ta' produttur esportatur wieħed ta' pajjiż analogu hija biżżejjed biex wieħed jibbaża t-tipi ta' prodotti li jifdal fuqha billi t-tipi misjuba jippermettu li ssir aktar kostruzzjoni tat-tipi tal-prodotti neqsin. L-okkorrenza ta' produttur esportatur wieħed biss bħal dan ma hi bl-ebda mod eċċezzjonali jew prattika ġdida. Ir-Regolament bażiku jipprevedi wkoll li l-valur normali jista' jinbena fuq il-kost tal-produzzjoni, fin-nuqqas ta' bejgħ domestiku. It-tieni, huwa mfakkar li l-livelli tal-HDI u tal-PDG mhumiex fatturi li jitqiesu fl-istabbiliment dwar jekk pajjiż analogu huwiex xieraq jew le. Sabiex jiġi ddeterminat pajjiż analogu xieraq, il-Kummissjoni tipproċedi kif spjegat fil-premessa 104. Għaldaqstant, il-pretensjonijiet ta' hawn fuq ma ntlaqgħux.

(108)

Fl-aħħar nett, żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u s-CCCMC qajmu mistoqsijiet dwar allegatament difett proċedurali serju bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkalkolat l-ammont tal-marġni ta' dumping tal-produtturi Ċiniżi fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-ekonomija mhux tas-suq (non-market economy — NME) tar-Regolament bażiku. Il-partijiet qalu li l-awtorità legali li tapplika metodoloġija NME għad-determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi tiskadi fl-11 ta' Diċembru 2016. Għalhekk, skont il-partijiet inkwistjoni, għal kwalunkwe miżuri antidumping definittivi adottati wara din id-data, li se jkun il-każ f'dan il-proċediment, il-Kummissjoni hija obbligata, skont id-dritt tad-WTO li tapplika l-metodoloġija ta' kalkolu standard ta' dumping.

(109)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li hija ma għandha l-ebda diskrezzjoni dwar jekk tapplikax jew le ir-regoli attwali kif stabbiliti fir-Regolament bażiku. Għalhekk, din il-pretenzjoni ma ntlaqgħetx.

3.2.2.   Il-valur normali

(110)

Kif spjegat fil-premessa 103, il-valur normali għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ ġie ddeterminat abbażi tal-valur maħdum fil-pajjiż analogu, f'dan il-każ it-Tajwan, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(111)

Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta' bejgħ domestiku tal-prodott simili fit-Tajwan, il-valur normali nħadem skont l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku billi mal-kost medju tal-manifattura tat-tip tal-prodott rilevanti żdiedu l-kostijiet ta' BĠ&A mġarrba u l-profitt magħmul fis-suq Tajwaniż matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(112)

Bħala bażi sabiex tistabbilixxi l-kostijiet tal-manifattura, il-Kummissjoni użat id-dejta ta' wieħed mill-produtturi Tajwaniżi li kkooperaw (Ta Chen). Jenħtieġ li jiġi nnotat li t-tieni produttur Tajwaniż li kkoopera (King Lai) kellu volum ta' produzzjoni limitat ħafna tal-prodott ikkonċernat fil-perjodu tal-investigazzjoni u din il-produzzjoni kienet tirrigwarda tipi ta' prodotti speċjalizzati ħafna. F'din il-parti żgħira tal-produzzjoni tagħhom li xorta hija kkunsidrata bħala l-prodott ikkonċernat, King Lai qiegħed jipproduċi prodotti li jistgħu jitqiesu bħala tagħmir ta' ħruxija baxxa iżda bi trattament addizzjonali tal-wiċċ li jgħolli l-ħruxija tal-wiċċ tagħhom għal aktar minn 0,8 mikrometru u għalhekk skont id-definizzjoni tal-premessa 47, huwa l-prodott ikkonċernat. Dan t-tagħmir għandu kostijiet tal-manifattura għoljin ħafna u l-konsiderazzjoni tiegħu tgħawweġ il-kalkoli. Barra minn hekk, dawn it-tipi ta' prodott ma jiġux esportati lejn l-UE mill-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun (għalkemm jistgħu jkunu koperti mill-PCNs tagħhom billi l-ħruxija mhijiex wieħed mill-parametri tal-kostruzzjoni tal-PCN). Għalhekk, id-dejta dwar il-kostijiet tal-manifattura ta' din il-kumpanija tqieset bħala mhux xierqa mill-Kummissjoni sabiex jinħadem il-valur normali għall-produtturi Ċiniżi.

(113)

Fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-valur normali, importatur tal-Unjoni wieħed sostna li l-kostijiet tal-manifattura tal-kumpanija Tajwaniża King Lai ma setgħux jintużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-valur normali tal-kumpaniji Ċiniżi billi King Lai tipproduċi prodott differenti li ma jistax jitqies bħala aċċessorju industrijali u li dan jimplika wkoll metodu ta' produzzjoni differenti u firxa ta' profitti differenti.

(114)

Bi tweġiba għal din il-pretensjoni, ta' min ifakkar li l-Kummissjoni ma għamlitx użu minn xi dejta dwar il-kostijiet ta' manifattura ta' King Lai għal tqabbil ma' kumpaniji oħra. Sabiex jiġi kalkolat il-valur normali ta' kumpaniji oħra, il-Kummissjoni użat biss il-kostijiet tal-BĠ&A u l-profitt ta' King Lai tal-istess kategorija ġenerali ta' prodott mibjugħ fis-suq domestiku, skont l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku. Huwa mfakkar ukoll li l-kost ta' BĠ&A użat għal dawn il-kalkoli ġie aġġustat biex jitqiesu d-differenzi bejn il-prodotti magħmula minn King Lai u kumpaniji oħrajn. Fir-rigward tal-profitt użat, huwa enfasizzat li mhix fi skala differenti (1 %-5 %) minn dawk ta' kumpaniji oħra.

(115)

L-istess importatur tal-Unjoni sostna wkoll li t-tieni produttur Tajwaniż, Ta Chen, li l-kostijiet tal-manifattura tiegħu intużaw bħala bażi ta' kalkolu għall-valur normali tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, huwa kumpanija kbira u integrata u, bħala tali, kapaċi “tottimizza l-kostijiet”. B'hekk, il-kumpanija kkonċernata ma tistax titqabbel mal-fabbriki Ċiniżi żgħar.

(116)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li l-kostijiet tal-manifattura tal-produtturi Ċiniżi ma kinux parti mill-analiżi f'din il-proċedura peress li l-ebda wieħed mill-produtturi Ċiniżi ma talab l-status ta' TES. Madankollu, jenħtieġ li tinġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-“kostijiet allegatament ottimizzati” tal-produttur Tajwaniż jistgħu jirriżultaw biss f'valur normali maħdum aktar baxx u għaldaqstant, f'marġnijiet ta' dumping aktar baxxi għall-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(117)

Billi numru limitat biss ta' tipi tal-prodott esportati lejn l-Unjoni mill-prodotturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun seta' jiġi identifikat fit-Tajwan, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali tat-tipi li kien fadal tal-prodott abbażi tal-kostijiet tal-manifattura tal-aktar tipi ta' prodotti li jixxiebhu mmanifatturati fit-Tajwan sabiex tikseb tqabbil sħiħ u ġust, ibbażat fuq l-kostijiet tal-manifattura aġġustati għal:

(a)

Differenzi fil-materja prima użata — abbażi ta' dejta verifikata dwar il-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni, fejn il-produzzjoni tat-tagħmir magħmula minn tubi mingħajr saldatura tiswa minn 2,12 sa 2,97 darbiet aktar minn dawk magħmula minn tubi wweldjati

(b)

Id-differenzi fil-grad tal-azzar — abbażi ta' dejta verifikata pprovduta mill-industrija tal-Unjoni, fejn isir aġġustament tal-kost skont il-gradi tal-azzar għall-kost tal-irħas gradi ta' azzar użati għat-tagħmir magħmul abbażi ta' tubi wweldjati bħala materja prima; dan l-aġġustament ivarja minn 1,49 sa 3,60 darbiet skont il-gradi tal-azzar li jintużaw.

(c)

Id-differenzi fil-forom — abbażi tad-differenzi osservati tal-prezzijiet fit-tranżazzjonijiet tal-bejgħ tal-esportaturi Ċiniżi, fejn elbow huwa kkunsidrat bħala l-aktar forma bażika u l-forom l-oħra (forom ta' T, reducers, tappijiet u forom speċjali) huma bejn 1,08 u 1,74 darbiet aktar għaljin.

(118)

Fis-sottomissjoni tagħha wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CCCMC pproponiet bażi alternattiva għall-aġġustamenti tal-punti a) u b) u ppreżentat dejta mis-swieq Ċiniżi f'dan ir-rigward. Madankollu, din id-dejta, l-ewwel nett, mhijiex verifikata u, it-tieni, ġejja minn pajjiż mhux b'ekonomija tas-suq. Għalhekk, l-użu tagħhom jinnega l-metodoloġija tal-pajjiż analogu għall-kalkolu tal-valur normali. Għalhekk, din il-pretensjoni tas-CCCMC ma ntlaqgħetx.

(119)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CCCMC, kif ukoll żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, sostnew li kien irraġonevoli li tiġi aġġustata d-dejta dwar il-kostijiet Tajwaniżi bl-użu tad-dejta tal-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet ikkonċernati rreferew għal prattika komuni tal-Unjoni li dan ma għandux isir f'każijiet preċedenti.

(120)

Kif intqal iktar' il fuq, il-prattika preċedenti tal-UE ġiet riveduta fid-dawl tad-deċiżjoni tad-WTO imsemmija fil-premessa 107. Sabiex jinħadem il-valur normali ta' tipi ta' prodotti neqsin, il-Kummissjoni serrħet fuq dejta tal-kostijiet Tajwaniżi u aġġustat il-kostijiet misjuba u vverifikati billi applikat aġġustamenti proporzjonali li nstabu fuq il-livell tal-kost ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Is-CCCMC naqset milli turi għalfejn dan ma kienx raġonevoli u/jew milli tipproponi metodu alternattiv.

(121)

Wara divulgazzjoni addizzjonali, is-CCCMC u ż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi tennew l-oppożizzjoni tagħhom kontra l-użu tad-dejta tal-industrija tal-Unjoni għall-aġġustament tal-kostijiet tal-manifattura użati fil-kostruzzjoni tal-valur normali għal tipi ta' prodotti neqsin. Il-partijiet enfasizzaw li l-Kummissjoni ma pprovdietx evidenza li turi li d-differenzi fil-kostijiet tal-materja prima fis-suq tal-UE jkunu fl-istess livell ta' dak fis-suq tat-Tajwan. Barra minn hekk, il-partijiet tennew il-pretensjoni tagħhom li l-Kummissjoni setgħet tuża d-differenzi fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-esportazzjonijiet Ċiniżi mingħajr saldatura u dawk iwweldjati għall-aġġustament ta' hawn fuq billi l-prezzijiet ta' bejgħ “sa ċertu punt jirriflettu x-xejra tad-differenzi fil-kostijiet tal-produzzjoni”.

(122)

Bi tweġiba għal pretensjonijiet ta' hawn fuq, qed jiġi l-ewwel nett enfasizzat li l-Kummissjoni ma setgħetx tqabbel il-livell ta' aġġustamenti għal tipi ta' pajpijiet użati bħala materja prima jew gradi tal-azzar mad-dejta mis-suq Tajwaniż billi l-produttur Tajwaniż li l-kostijiet tal-manifattura tiegħu intużaw bħala bażi biex jinħadem il-valur normali, sempliċement ma kienx juża ċerti tipi ta' materja prima. Din hija r-raġuni bażika għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li tfittex id-dejta dwar il-kost nieqsa barra mis-suq tal-pajjiż analogu. It-tieni, fir-rigward tal-użu tal-prezzijiet Ċiniżi, ta' min ifakkar li l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kien talab għal TES f'din il-proċedura. Għalhekk, il-kostijiet tal-produzzjoni Ċiniża ma kinux disponibbli u lanqas eżaminati. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tista' tislet l-ebda konklużjoni rigward “sa liema punt” id-differenzi fil-prezzijiet tal-bejgħ jirriflettu d-differenzi fil-kostijiet tal-produzzjoni tat-tipi differenti ta' tagħmir (8). Barra minn hekk, anki jekk tali konklużjonijiet jistgħu jiġu dedotti, ikunu japplikaw għall-kostijiet ta' produzzjoni f'pajjiż b'ekonomija mhux tas-suq. Għaldaqstant, il-pretensjonijiet ta' hawn fuq ma ntlaqgħux.

(123)

Dawn il-partijiet interessati jkomplu jistaqsu aktar dwar l-aġġustament li permezz tiegħu il-produzzjoni tat-tagħmir prodott minn tubi mingħajr saldatura hija bejn 2,12 u 2,97 darbiet aktar għalja mill-produzzjoni ta' tagħmir magħmul minn tubi wweldjati. Huma jirreferu għal pretensjoni mhux sostanzjata li saret mis-CCCMC wara divulgazzjoni provviżorja rigward il-livelli tal-prezzijiet, fejn id-differenza bejn tubi wweldjati u tubi mingħajr saldatura tidher li hija inqas minn 30 % tal-prezz ta' tubi wweldjati.

(124)

F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-aġġustament magħmul mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq id-differenza fil-kost osservata bejn it-tagħmir prodott bl-użu ta' tubi mingħajr saldatura u tagħmir magħmul minn tubi wweldjati, u mhux fuq id-differenza fil-prezz bejn tubi wweldjati u tubi mingħajr saldatura bħala tali. Jenħtieġ li jiġi nnotat ukoll li l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi ma talab TES. Minħabba f'dan, il-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kienu ppreżentaw l-ebda dejta dwar il-kost tal-produzzjoni u ssoktaw b'din il-prattika anki meta tpoġġew fid-dubju l-konsiderazzjonijet u d-differenzi tal-kostijiet stabbiliti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, listi ta' prezzijiet standard huma saħansitra aktar lil hinn minn konsiderazzjonijiet dwar kostijiet u prezzijiet billi ma jagħtux prova tal-prezzijiet applikati b'mod effettiv, u wisq inqas tal-livelli tal-kostijiet.

(125)

Biex jappoġġjaw l-argumenti tagħhom, il-partijiet interessati pprovdew analiżi tad-differenzi bbażati fuq il-livelli tal-prezzijiet tal-produtturi Zhejiang Good u Zhejiang Jndia, u kkonkludew li, fuq din il-bażi, l-aġġustament fil-prezz applikabbli għandu jkun bejn 0,43 u 1,70, u 0,64 u 1,80 rispettivament.

(126)

Minbarra l-fatt li dawn il-firxiet jirreferu għal prezzijiet u mhux għal kostijiet, il-fatt li tagħmir magħmul minn tubi wweldjat jinbiegħ xi drabi bi prezzijiet ogħla minn dawk tat-tagħmir magħmul minn tubi mingħajr saldatura ma jagħtix prova li l-kostijiet għandhom ikunu ogħla. Il-livelli ta' prezzijiet ikkwotati pjuttost juru nuqqas assolut ta' rabta ekonomika bejn il-kostijiet u l-prezz ikkwotat lill-klijenti, jew inkella dan ifisser li hemm fatturi oħrajn li għandhom rwol, bħal pereżempju d-daqs tal-ordni. Il-Kummissjoni, għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità, ma tistax tiddivulga ċ-ċifri sottostanti iżda tista' tiżvela aktar dejta fattwali, li fiha l-aġġustament minn tagħmir magħmul minn tubi wweldjati għal dak magħmul minn tubi mingħajr saldatura użat għat-tqabbil skont id-deskrizzjoni tal-PCN huwa kif ġej:

Minn W1 sa S1

2,97

Minn W2 sa S2

2,21

Minn W3 sa S3

2,14

Minn W4 sa S4

2,12.

Il-bidliet l-oħra ma kinux meħtieġa sabiex jinbena t-tipi ta' prodotti esportati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(127)

Barra minn hekk il-Kummissjoni għamlet aġġustamenti li jikkonvertu l-kost tal-orħos grad ta' azzar W1 fi gradi oħra u/jew gradi oħra bbażati fuq tubi mingħajr saldatura, għal darb' oħra bl-użu tad-dejta dwar il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni, għal darb' oħra għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità, ma tistax tiżvela ċ-ċifri sottostanti iżda tista' tagħti aktar dejta fattwali:

Minn W1 sa S2

3,14

Minn W1 sa S3

3,60

Minn W1 sa S4

3,16

Minn W1 sa W3

1,69

Minn W1 sa W4

1,49.

Bidliet oħra ma kinux meħtieġa sabiex jinbnew it-tipi ta' prodotti esportati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(128)

Il-Kummissjoni tixtieq ukoll tenfasizza li, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn il-fatturi ta' aġġustament, il-partijiet interessati ma jirreferux għal-livelli tal-prezzijiet taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi kif għamlu għall-aġġustamenti l-oħra, probabbilment minħabba li ċ-ċifri ma jpoġġux f'dubju l-metodoloġija tal-Kummissjoni.

(129)

Rigward id-differenzi fil-forma, l-aġġustamenti saru abbażi tad-dejta tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-erba' produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, li huwa aktar komprensiv miż-żewġ produtturi li l-parti interessati Ċiniżi jirrappreżentaw.

Filwaqt li jittieħed il-livell tal-prezz tal-elbows bħala bażi, il-proporzjonijiet huma kif ġej:

Tagħmir forma ta' T

1,08

Ridutturi (reducers)

1,22

Tappijiet

1,29

Forom oħra

1,74.

(130)

Fi stadju sussegwenti fil-kostruzzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni aġġustat il-kostijiet tal-manifattura kkalkulati skont il-premessi minn 112 sa 117 biż-żieda tal-kostijiet tal-BĠ&A u l-profitt. Minħabba n-nuqqas ta' bejgħ domestiku tal-prodott simili taż-żewġ produtturi Tajwaniżi li kkooperaw u n-nuqqas ta' bejgħ tal-istess kategorija ġenerali ta' prodotti minn wieħed minnhom (Ta Chen), kellu jiġi applikat l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, fil-kostruzzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni użat l-ammonti ta' spejjeż ta' BĠ&A u l-profitti miksuba mill-kumpanija Tajwaniża l-oħra li kkooperat (King Lai) — l-unika dejta disponibbli u verifikata li tirreferi għall-bejgħ tal-istess kategorija ġenerali tal-prodott fis-suq Tajwaniż.

(131)

Għandu jiġi nnotat li l-kostijiet ta' BĠ&A użati għall-kalkolu tal-valur normali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi ġew aġġustati (imnaqqsa), billi kien ivverifikat li t-tliet produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun jipproduċu u jbigħu wkoll prodotti prinċipalment standard, kif spjegat fil-premessa 86. Il-livell finali tal-aġġustamenti tal-valur normali għall-kostijiet ta' BĠ&A u l-profitt għalhekk huwa wkoll l-istess kif previst f'din il-premessa.

(132)

Fir-rigward ta' aġġustamenti għal kostijiet ta' BĠ&A, iż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u s-CCCMC jaqblu fis-sottomissjoni tagħhom wara d-divulgazzjoni finali li għandu jsir tnaqqis meta jiġu stabbiliti l-kostijiet ta' BĠ&A użati għall-kostruzzjoni tal-valur normali. Dan huwa minħabba li l-esportatur Tajwaniż li d-dejta tiegħu ntużat f'dan ir-rigward ma jipproduċix il-prodott standard. Fl-istess ħin, dawn il-partijiet jistaqsu dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx evalwazzjoni xierqa rigward il-livell ta' dan it-tnaqqis.

(133)

Ta' min jinnota f'dan ir-rigward li l-aġġustamenti saru fuq il-bażi ta' tqabbil ġenerali tal-istruttura BĠ&A tal-kumpanija Tajwaniża King Lai u tat-tieni kumpanija Tajwaniża Ta Chen. Dan l-approċċ ittieħed billi King Lai kienet l-unika kumpanija li kellha bejgħ domestiku fit-Tajwan (Ta Chen ma kellhiex bejgħ domestiku tal-prodott ikkonċernat, u ta' ebda prodott ieħor fl-istess kategorija ġenerali ta' prodotti). L-aġġustamenti huma ġġustifikati minħabba li l-ewwel kumpanija tipproduċi prodotti sofistikati u speċjalizzati ħafna, filwaqt li t-tieni kumpanija tipproduċi prodotti standard (għalhekk xi partijiet mill-kostijiet ta' BĠ&A tagħhom huma differenti b'mod ċar). Fuq il-bażi ta' dan it-tqabbil, il-Kummissjoni naqqset mill-kostijiet ta' BĠ&A l-kostijiet ta' R&Ż ta' King Lai u parti mill-kostijiet tax-xogħol relatati mad-dipartiment għall-kontroll tal-kwalità. Ma kienx hemm differenzi sinifikanti bejn iż-żewġ kumpaniji f'kategoriji oħra ta' kostijiet ta' BĠ&A. Għandu jkun enfasizzat li f'dan l-aġġustament il-Kummissjoni naqqset iż-żewġ kategoriji sħaħ ta' kostijiet ta' BĠ&A imsemmija hawn fuq. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat pożizzjoni konservattiva meta tat dan l-aġġustament, fejn tat aġġustament pjuttost ogħla milli aktar baxx.

(134)

Il-partijiet interessati jallegaw ukoll li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda tqabbil tal-istruttura ta' kostijiet ta' BĠ&A bejn il-kumpannija Tajwaniża inkwistjoni u l-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(135)

F'dan ir-rigward, ta' min ifakkar li, peress li t-Tajwan huwa pajjiż analogu, huma l-kostijiet ta' BĠ&A Tajwaniżi relatati mal-bejgħ domestiku fit-Tajwan li għandhom jintużaw. L-aġġustament tagħhom fuq il-bażi ta' tqabbil mal-kostijiet ta' BĠ&A tal-produtturi Ċiniżi jkun ifisser l-użu bħala punt ta' riferiment tal-kostijiet mill-pajjiż b'ekonomija mhux tas-suq. Madankollu, huwa enfasizzat li, bħala riżultat tal-aġġustament magħmul mill-Kummissjoni, il-kost ta' BĠ&A użat għall-kalkolu tal-valur normali tnaqqas għal-livell li mhuwiex irraġonevoli meta mqabbel mal-kostijiet ta' BĠ&A tal-kumpaniji Ċiniżi inklużi fil-kampjun. Fil-fatt, tnejn minn kull tliet kumpaniji Ċiniżi inklużi fil-kampjun irrappurtaw livelli ogħla ta' kostijiet ta' BĠ&A minn dawk użati għall-kostruzzjoni tal-valur normali.

3.2.3.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(136)

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw għamlu bejgħ għall-esportazzjoni lejn Unjoni direttament lil klijenti indipendenti jew permezz ta' kumpaniji kummerċjali mhux relatati li jinsabu barra mill-Unjoni.

(137)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu stabbiliti abbażi tal-prezzijiet attwalment imħallsa jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż esportatur skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.2.4.   Tqabbil u marġnijiet ta' dumping

(138)

Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw ġew imqabbla fuq bażi ta' kif joħorġu mill-fabbrika.

(139)

Sabiex ikun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konsiderazzjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kumparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(140)

Fuq din il-bażi, saru aġġustamenti għal trasport, kostijiet ta' ġarr ta' merkanzija bil-baħar u ta' assigurazzjoni, kostijiet ta' tagħbija u kostijiet anċillari, kostijiet tal-ippakkjar, kostijiet tal-kreditu, skontijiet u kummissjonijiet fejn dehru li affettwaw il-paragunabilità tal-prezzijiet. L-aġġustamenti totali kienu fil-medda ta' 5 %- 16 %, ibbażati fuq il-valuri attwali rrappurtati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u vverifikati fuq il-post. Dawn iċ-ċifri huma dawk irrappurtati għall-elementi ta' kostijiet rilevanti mill-kumpaniji Ċiniżi, u kienu ddivulgati lilhom għall-verifika fid-divulgazzjonijiet speċifiċi.

(141)

Iċ-Ċina tapplika l-politika tar-rimborż tal-VAT b'mod parzjali biss fil-mument tal-esportazzjoni u f'dan il-każ it-8 % VAT mhijiex rimborżata. Sabiex jiġi żgurat li l-valur normali ntwera bl-istess livell ta' tassazzjoni bħal tal-prezz tal-esportazzjoni, il-valur normali ġie aġġustat aktar 'il fuq permezz ta' dik il-parti tal-VAT imposta fuq l-esportazzjonijiet ta' pajpijiet u tubi mingħajr saldatura ta' dijametru kbir li ma ngħatatx lura lill-produtturi esportaturi Ċiniżi (9).

(142)

L-aġġustament ta' hawn fuq ġie diskuss fis-sottomissjonijiet ta' żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u s-CCCMC wara d-divulgazzjoni finali. Il-partijiet inkwistjoni ma kkontestawx il-prinċipju li skontu jaqbel li tiġi introdotta korrezzjoni li tqis il-VAT li ma tħallsitx lura mal-esportazzjoni. Madankollu, billi l-valur normali huwa konsiderevolment ogħla mill-prezz ta' esportazzjoni, il-partijiet interessati jsostnu li jenħtieġ li jiġi implimentat l-aġġustament ta' 8 % fuq il-prezz tal-esportazzjoni, filwaqt li kkwotaw in-nuqqas ta' TES u l-marġnijiet ogħla ta' dumping.

(143)

F'dan ir-rigward huwa nnotat li l-Kummissjoni aġġustat il-valur normali, f'konformità mas-Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-423/09. Għalhekk, din il-pretenzjoni ma ntlaqgħetx.

(144)

Kif previst fl-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, għal kull kumpanija li kkooperat, il-valur normali medju ponderat ta' kull tip tal-prodott simili ġie mqabbel mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat.

(145)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping medji ponderati, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni ta' dumping stabbilit (%)

Zhejiang Good Fittings Co., Ltd

55,3

Zhejiang Jndia Pipeline Industry Co., Ltd

48,9

Suzhou Yuli Pipeline Industry Co., Ltd (*1)

30,7

Jiangsu Judd Pipeline Industry Co., Ltd (*1)

30,7

Medja ponderata

41,9

(146)

Il-marġni ta' dumping medju ponderat għandu jkun applikat għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw, li ma kinux inklużi fil-kampjun.

(147)

Fir-rigward ta' dan ta' hawn fuq, importatur tal-Unjoni wieħed sostna fis-sottomissjoni tiegħu wara d-divulgazzjoni finali li d-differenza bejn il-marġnijiet ta' dumping ikkalkulati għal kumpanija Tajwaniża King Lai (0 %) u l-kumpanija relatata tagħha fiċ-Ċina (41,9 %) hija sproporzjonata, peress li ż-żewġ kumpaniji jimmanifatturaw l-istess tip ta' tagħmir li huwa eskluż mid-definizzjoni tal-prodott.

(148)

Bi tweġiba għal dan ta' hawn fuq, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li Taiwanese King Lai ma kisbitx marġni tad-dumping ta' 0 % għaliex it-tagħmir li tipproduċi huwa eskluż mid-definizzjoni tal-prodott kif jidher li qed jifhem dan l-importatur tal-Unjoni. Prodotti esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ma ġewx ikkunsidrati fil-kalkoli tal-marġni tad-dumping għal King Lai. Madankollu, il-kumpanija ipproduċiet u esportat ukoll lejn l-Unjoni, volum żgħir ta' prodotti li jaqgħu fid-definizzjoni tal-prodott ta' din l-investigazzjoni. Għalhekk, marġni tad-dumping li nstab li kien negattiv, kellu jiġi kkalkulat għal din il-kumpanija. Min-naħa l-oħra, King Lai fiċ-Ċina ma kinitx parti mill-kampjun u, għalhekk, ma ġie kkalkolat l-ebda marġni tad-dumping individwali għal din il-kumpanija. Il-kumpanija għalhekk kisbet il-marġni tad-dumping medju ponderat tal-kumpaniji Ċiniżi inklużi fil-kampjun. Madankollu, ma għandu japplika l-ebda dazju antidumping għall-prodott li mhuwiex kopert mid-definizzjoni tal-prodott ta' din l-investigazzjoni. Għalhekk, jekk huwa minnu li King Lai fiċ-Ċina, tesporta lejn l-UE prodott li mhuwiex kopert mid-definizzjoni tal-prodott ta' din l-investigazzjoni, hija ma tkunx soġġetta għad-dazji tal-antidumping mal-importazzjoni.

(149)

Minħabba l-livell baxx ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u skont ir-raġunament tal-premessa 95, il-marġni tad-dumping għall-pajjiż kollu għar-RPĊ ġie stabbilit fil-livell tal-ogħla marġni tad-dumping stabbilit għal tip ta' prodott rappreżentattiv f'termini ta' volum, għall-produttur esportatur li kkoopera li nstab li kien qiegħed jagħmel dumping.

(150)

Fuq din il-bażi, il-marġni tad-dumping għall-pajjiż kollu, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, jammonta għal 64,9 %.

3.2.5.   Talbiet għal eżami individwali

(151)

Ħames produtturi esportaturi Ċiniżi li ma kinux inklużi fil-kampjun talbu eżami individwali f'dan il-proċediment. Minħabba n-numru kbir ta' applikazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li jkun diffiċli ħafna għall-konklużjoni f'waqtha tal-proċediment li taċċetta xi waħda minn dawn it-talbiet. F'dan ir-rigward ta' min jinnota li l-aċċettazzjoni tat-talbiet tal-kumpaniji inkwistjoni żżid b'aktar mid-doppju n-numru ta' kumpaniji li jkunu jeħtieġu kalkoli individwali tal-marġni tad-dumping billi l-kampjun oriġinali kien jikkonsisti minn erba' produtturi esportaturi. Huwa nnotat ukoll li xi wħud mill-applikanti għal eżami individwali huma parti mill-gruppi. Skont it-tweġibiet preliminari tal-kumpaniji inkwistjoni (formoli tal-kampjunar), eżami individwali jkun jeħtieġ analiżi u verifika tat-tweġibiet għall-kwestjonarju ta' mill-anqas 7 kumpaniji.

4.   ID-DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(152)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli mill-ilment u l-investigazzjoni sussegwenti, il-prodott simili kien immanifatturat minn tal-anqas 16-il produttur tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-produtturi tal-Unjoni li jagħmlu tajjeb għall-produzzjoni totali tal-Unjoni jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku u minn hawn 'il quddiem jissejħu “l-industrija tal-Unjoni”.

(153)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni kienet stmata għal madwar 8 270 tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra fuq it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u d-dejta stmata pprovduta mill-ilmentatur. Kif intqal fil-premessi minn 11 sa 13, ġie applikat kampjunar sabiex jiġi stabbilit id-dannu possibbli mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun kienu jirrappreżentaw madwar 43 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni tal-prodott simili.

(154)

Parti waħda talbet spjegazzjoni għalfejn il-volum tal-produzzjoni totali tal-Unjoni naqas bi 80 tunnellata bejn id-divulgazzjoni provviżorja u dik definittiva. Fid-divulgazzjoni provviżorja l-produzzjoni totali tal-Unjoni ġiet stmata għal madwar 8 350 tunnellata. Il-premessa ta' hawn fuq tiddikjara li l-produzzjoni totali tal-Unjoni kienet stabbilita għal madwar 8 270 tunnellata. Ir-raġuni għal din id-differenza hija li fl-istadju provviżorju s-servizzi tal-Kummissjoni stmaw ħażin il-volum ta' produzzjoni ta' wieħed mill-produtturi tal-Unjoni mhux inkluż fil-kampjun. Dan il-produttur tal-Unjoni waqqaf il-produzzjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Għaldaqstant, il-produzzjoni tiegħu ġiet ikkalkulata mill-ġdid filwaqt li ġie kkunsidrat l-għeluq tal-kumpanija. Il-Kummissjoni kkonfermat li l-produzzjoni totali tal-Unjoni ġiet stmata għal madwar 8 270 tunnellata waqt il-perjodu tal-investigazzjoni.

(155)

Billi l-kampjun tal-kumpaniji huwa magħmul biss minn produttur wieħed u grupp ta' kumpaniji, id-dejta kollha li tikkonċerna l-indikaturi mikro kellha tiġi indiċjata sabiex tiġi mħarsal-kunfidenzjalità skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

4.2.   Il-konsum tal-Unjoni

(156)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tal-volum totali stmat tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u fuq il-volum totali tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(157)

Il-volum tal-bejgħ tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni ġie stmat abbażi tad-dejta attwali vverifikata li kienet ipprovduta mill-produtturi tal-kampjun fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju u, fil-każ tal-produtturi li ma kkooperawx, id-dejta pprovduta mill-ilmentatur.

(158)

Kif spjegat aktar 'il fuq fil-premessa 47, il-prodott ikkonċernat jaqa' taħt żewġ kodiċijiet NM: ex 7307 23 10 u ex 7307 23 90. Madankollu, dawn iż-żewġ kodiċijiet NM jinkludu mhux biss il-prodott ikkonċernat iżda wkoll prodotti barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-investigazzjoni. Għalhekk, il-volum tal-importazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-investigazzjoni ried jitnaqqas mill-volum totali tal-importazzjonijiet irreġistrati taħt il-kodiċi NM imsemmi hawn fuq.

(159)

L-ilmentatur ikkalkola l-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għall-oriġnijiet kollha abbażi tal-għarfien tiegħu tas-suq. Rigward il-pajjiżi kkonċernati, huwa qies li l-prodotti li kienu qed jiġu investigati kienu jirrappreżentaw il-maġġoranza kbira tal-volum irrappurtat taħt iż-żewġ kodiċijiet NM hawn fuq imsemmija għar-RPĊ u t-Tajwan, 90 % u 100 % rispettivament.

(160)

Sabiex tivverifika din l-istima, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni li rċeviet waqt investigazzjoni preċedenti dwar tagħmir tal-azzar li ma jsaddadx, li tnediet fl-10 ta' Novembru 2012. Din l-investigazzjoni kienet tkopri l-prodotti kollha kklassifikati taħt dawn iż-żewġ kodiċijiet NM, inkluż il-prodott ikkonċernat ta' din l-investigazzjoni. Mill-analiżi magħmula, jidher li mill-anqas 22,3 % tal-prodotti esportati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi taħt dawn il-kodiċijiet NM jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-investigazzjoni. Għat-Tajwan, ġie kkonfermat il-perċentwal ipprovdut mill-ilmentatur, jiġifieri 100 %.

(161)

Fil-każ tar-RPĊ, il-Kummissjoni ddeċidiet li taġġusta l-volumi tal-importazzjonijiet abbażi tal-aktar proporzjon konservattiv, jiġifieri 22,3 %.

(162)

Barra minn hekk, il-volum ġie aġġustat ulterjorment għall-volum tat-tagħmir bit-truf forma ta' flanġijiet/ta' ħruxija baxxa (ara t-taqsimiet 2.2.1 u 2.2.2), it-tnejn esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ta' din l-investigazzjoni. Il-volum importat ġie stmat abbażi tat-tweġibiet għall-kampjunar f'livell ta' madwar 150 tunnellata għar-RPĊ u 20 tunnellata għat-Tajwan. Għalhekk, dawn il-kwantitajiet ġew imnaqqsa mill-volum stmat tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-Tajwan. Għall-industrija tal-Unjoni, l-investigazzjoni żvelat li l-volum prodott u mibjugħ ta' dawn it-tipi esklużi tal-prodott huwa insinifikanti.

(163)

Fuq din il-bażi, il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit kif ġej:

Tabella 1

Konsum tal-Unjoni (tunnellati)

 

2012

2013

2014

PI

Konsum totali tal-Unjoni

13 766

14 350

14 671

14 145

Indiċi (2012 = 100)

100

104

107

103

Sors: il-Eurostat, it-tweġibiet għall-kampjunar, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju u l-informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur.

(164)

Il-konsum tal-Unjoni żdied bi 3 % bejn l-2012 u l-perjodu tal-investigazzjoni.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

4.3.1.   Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(165)

Il-Kummissjoni stħarrġet jekk l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li oriġina mill-pajjiżi kkonċernati għandhomx ikunu vvalutati b'mod kumulattiv, skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku.

(166)

Il-marġnijiet ta' dumping stabbiliti fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-Tajwan huma ppreżentati fil-qosor fil-premessa 145 u l-premessa 94 hawn fuq.

(167)

Bl-eċċezzjoni ta' King Lai, dawn il-marġnijiet kollha huma ogħla mil-limitu de minimis stabbilit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku. Kif issemma fil-premessa 94, il-volum tal-importazzjonijiet mhux oġġett ta' dumping kien insinifikanti. Fi kwalunkwe każ, dawn l-importazzjonijiet mhux oġġett ta' dumping kienu esklużi mill-volum totali tal-importazzjonijiet Tajwaniżi tal-prodott ikkonċernat.

(168)

Il-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ikkonċernat ma kienx negliġibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku. Fil-perjodu tal-investigazzjoni, ir-RPĊ u t-Tajwan kellhom sehem mis-suq ta' 22,9 % u 7,8 % rispettivament, kif imsemmi fil-premessa 181.

(169)

Il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ta' bejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi konċernati u l-prodott simili kienu simili wkoll. Fil-fatt, il-prodotti importati kienu jikkompetu ma' xulxin u mal-prodott ikkonċernat immanifatturat fl-Unjoni. Il-prodotti huma interkambjabbli u kienu kummerċjalizzati fl-Unjoni permezz ta' mezzi ta' bejgħ komparabbli, billi kienu jinbiegħu lil kategoriji simili ta' konsumaturi finali.

(170)

Għalhekk, il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku ġew issodisfati u l-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati kienu eżaminati b'mod kumulattiv għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tad-dannu.

(171)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, diversi partijiet argumentaw li l-Kummissjoni kienet eżaminat b'mod insuffiċjenti l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, kemm bejn it-tagħmir Ċiniż u Tajwaniż meta jiġi importat fl-Unjoni, kif ukoll bejn it-tagħmir importat u l-produzzjoni tal-Unjoni.

(172)

Dawn il-partijiet iddikjaraw fuq il-bażi tal-għarfien tagħhom fis-suq li hemm differenzi importanti bejn it-tagħmir prodott u esportat miċ-Ċina u mit-Tajwan lejn l-Unjoni. Dawn il-partijiet qiesu li ma kienx hemm kompetizzjoni bejn il-prodotti esportati minħabba l-proprjetajiet fiżiċi prodotti, sa fejn il-prodotti huma kapaċi jaqdu l-istess użu aħħari jew simili u sa liema punt il-konsumaturi jipperċepixxu u jittrattaw il-prodotti bħala mezzi alternattivi li jwettqu funzjonijiet partikolari sabiex jissodisfaw domanda partikolari.

(173)

Dawn il-partijiet sostnew li l-aġġustamenti estensivi li saru mill-Kummissjoni biex tilħaq ċertu xebh ta' tqabbil fil-prezz bejn il-prodotti Ċiniżi u Tajwaniżi juru li hemm differenzi kbar fil-karatteristiċi marbuta ma' materja prima (tubi mingħajr saldatura u tubi wweldjati), mal-gradi tal-azzar u mal-proċess tal-manifattura. Dan għandu impatt fuq il-prezz li jipprekludi l-interskambjabbiltà tagħhom fis-suq. Barra minn hekk, it-tendenza tal-prezzijiet juri differenzi fil-prezzijiet bejn iż-żewġ oriġini.

(174)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kwistjoni ta' kompetizzjoni bejn it-tipi ta' prodotti differenti, ma huwiex determinanti fl-evalwazzjoni tad-dannu. Sakemm it-tipi kollha ta' prodotti jiffurmaw prodott wieħed, għar-raġuni stipulata hawn fuq fil-premessi minn 43 sa 50, m'hemmx bżonn li tinqasam l-evalwazzjoni tad-dannu minħabba l-fatt li allegatament, it-tipi ta' prodotti differenti jikkostitwixxu swieq separati tal-prodott mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni.

(175)

It-tieni nett, anki jekk il-kwistjoni ta' kompetizzjoni reali bejn it-tipi ta' prodott kienet rilevanti, il-Kummissjoni tinnota li l-affermazzjoni tan-nuqqas ta' kompetizzjoni mhijiex sostnuta mill-evidenza fil-fajl. Fil-fatt, il-Kummissjoni sabet li l-prodott ikkonċernat esportat mill-produttur esportatur Ċiniż u l-produttur esportatur Tajwaniż huma fil-fatt f'kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni. Dawn il-prodotti huma sa ċertu punt interkambjabbli. Din il-konklużjoni ntrifdet bil-prezz medju tal-prodott ikkonċernat. Jeżisti trikkib evidenti fejn il-prodott ikkonċernat prodott minn pajpijiet mingħajr saldatura għandu prezzi simili għal dak tal-prodott ikkonċernat prodott minn pajpijiet iwweldjati (10). Fir-rigward tal-kompetizzjoni mal-industrija tal-Unjoni, l-investigazzjoni kkonfermat li l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ipproduċew jew jistgħu jipproduċu kemm mill-materja prima kif ukoll mit-tipi kollha tal-prodott. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux u l-analiżi kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ġiet ikkonfermata.

(176)

Wara d-divulgazzjoni addizzjonali, dawn il-partijiet interessati tennew il-pretensjoni tagħhom li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ma kellhomx jiġu vvalutati b'mod kumulattiv. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li anke jekk il-kompetizzjoni bejn l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati huma analizzati abbażi tal-PCN ir-riżultati huma l-istess, jiġifieri huwa ċar li hemm kompetizzjoni fil-prezzijiet. B'hekk din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(177)

Barra minn hekk, dawn il-partijiet qalu li l-produzzjoni ta' produttur wieħed tal-Unjoni hija primarjament il-produzzjoni ta' tagħmir minn gradi ta' azzar speċjali li ma jsaddadx, filwaqt li 70 % tal-produzzjoni Ċiniża hija magħmula prinċipalment minn azzar awstentiku standard ta' grad 304 jew 316, li jfisser li dawn il-prodotti mhumiex kompetituri.

(178)

Fir-rigward ta' dawn il-pretensjonijiet, il-Kummissjoni nnutat li r-relazzjoni kompetittiva bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili kien ikkonfermat mill-investigazzjoni kif iddikjarat fil-premessa 174 hawn fuq fl-analiżi ta' kumulazzjoni. Barra minn hekk, f'dak li għandu x'jaqsam mal-grad tal-azzar, wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kien tabilħaqq qed jipproduċi l-prodott simili minn gradi standard ta' azzar li ma jsaddadx li jirrappreżenta madwar 90 % tal-produzzjoni tiegħu. Isegwi li l-prodotti Ċiniżi huma f'kompetizzjoni diretta mal-prodotti ta' dan il-produttur tal-Unjoni. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(179)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn dwar l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni kumulattiva tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kienet ikkonfermata.

4.3.2.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(180)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet fuq il-bażi tad-dejta tal-Eurostat, l-għarfien tas-suq min-naħa tal-ilmentatur u informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni (ara l-premessi minn 156 sa 164). Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit billi tqabblu l-volumi tal-importazzjonijiet mal-konsum tal-Unjoni kif irrapportat fit-Tabella 1 hawn fuq.

Tabella 2

Il-volum tal-importazzjonijiet (tunnellati metriċi) u s-sehem tas-suq

 

2012

2013

2014

PI

Volum tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati

3 395

3 877

4 508

4 340

Indiċi (2012 = 100)

100

114

133

128

Sehem mis-Suq tal-pajjiżi kkonċernati (esklużi l-importazzjonijiet mhux oġġett ta' dumping) (%)

24,7

27,0

30,7

30,7

Indiċi (2012 = 100)

100

110

124

124

Il-volum ta' importazzjonijiet mir-RPĊ

2 686

2 759

3 248

3 238

Indiċi (2012 = 100)

100

103

121

121

Sehem mis-Suq tar-RPĊ (%)

19,5

19,2

22,1

22,9

Indiċi (2012 = 100)

100

99

113

117

Volum tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mit-Tajwan

709

1 118

1 260

1 102

Indiċi (2012 = 100)

100

158

178

155

Sehem mis-Suq tat-Tajwan (esklużi l-importazzjonijiet mhux oġġett ta' dumping) (%)

5,2

7,8

8,6

7,8

Indiċi (2012 = 100)

100

151

167

151

Sors: l-Eurostat, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju u l-informazzjoni mogħtija mill-ilmentatur.

(181)

L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati żviluppaw kif ġej:

(182)

It-tabella ta' hawn fuq turi li, f'ċifri assoluti, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b'mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat (bi 28 %). Is-sehem mis-suq korrispondenti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fl-Unjoni żdied b'6 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat.

4.3.3.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u t-twaqqigħ tal-prezz

(183)

Għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-importazzjoni, fin-nuqqas ta' sors alternattiv, il-Kummissjoni kellha tibbaża fuq l-Eurostat sabiex tistabbilixxi l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Il-prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata)

 

2012

2013

2014

PI

Ir-RPĊ

8 285

8 078

6 916

6 936

Indiċi (2012 = 100)

100

98

83

84

It-Tajwan

7 543

5 189

4 653

5 840

Indiċi (2012 = 100)

100

69

62

77

Sors: l-Eurostat.

(184)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet Ċiniżi li kienu l-oġġett ta' dumping naqsu minn 8 285 EUR/tunnellata fl-2012 għal 6 936 EUR/tunnellata matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Matul il-perjodu kkunsidrat (PI-2012), it-tnaqqis fil-prezz ta' unità medju, tal-importazzjonijiet Ċiniżi li kienu l-oġġett ta' dumping, kien ta' madwar 16 %. Fl-istess perjodu, il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet Tajwaniżi li kienu l-oġġett ta' dumping naqsu minn 7 543 EUR/tunnellata, fl-2012, għal 5 840 EUR/tunnellata matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Matul il-perjodu kkunsidrat, it-tnaqqis fil-prezz ta' unità medju tal-importazzjonijiet Tajwaniżi li kienu l-oġġett ta' dumping kien ta' madwar 23 %.

(185)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, parti interessata waħda ddikjarat li l-Kummissjoni kien messha evalwat l-effett tat-tnaqqis fil-prezz tan-nikil fuq il-prezz tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu tal-investigazzjoni billi l-evoluzzjoni tal-prezz tan-nikil huwa fattur ewlieni fil-prezz tal-azzar li ma jsaddadx. Filwaqt li huwa minnu li n-nikil huwa wieħed mill-fatturi ewlenin tal-kostijiet prinċipali għall-produzzjoni tal-pajpijiet (materja prima tal-prodott ikkonċernat), ma hemm l-ebda relazzjoni diretta mal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li l-prezz tal-prodott ikkonċernat ma jikkorrelatax mal-prezz tan-nikil (11). Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(186)

Il-Kummissjoni vvalutat it-twaqqigħ fil-prezzijiet matul il-perjodu tal-investigazzjoni billi qabblet:

(a)

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta' prodott tat-tliet produtturi tal-Unjoni ċċarġjati lil konsumaturi mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell tal-prezz mill-fabbrika; kif ukoll

(b)

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti fil-livell CIF fil-fruntiera tal-Unjoni għal kull tip ta' prodott tal-importazzjonijiet mill-produtturi li kkooperaw tal-pajjiżi kkonċernati mal-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, b'aġġustamenti xierqa għall-kostijiet ta' wara l-importazzjoni ta' 2 % u għad-dazji tal-importazzjoni ta' 3,7 %.

(187)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta' tip b'tip għal tranżazzjonijiet fl-istess livell ta' kummerċ, aġġustati kif dovut abbażi tal-kostijiet attwali fejn meħtieġ, u wara t-tnaqqis tar-rifużjonijiet u l-iskontijiet kif irrapportat mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Ir-riżultat tat-tqabbil ingħata bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(188)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, instab li l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ u mit-Tajwan waqqgħu il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'59,4 % u 76,1 % rispettivament.

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(189)

B'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-analiżi tal-impatt li għandhom l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(190)

Għad-determinazzjoni tad-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi ta' dannu. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-dejta u l-informazzjoni kontenuti fl-ilment u fl-istatistika tal-Eurostat, fejn kien xieraq, biex b'hekk id-dejta tirrigwarda l-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-dejta kontenuta fit-tweġibiet għall-kwestjonarju, debitament verifikata, mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(191)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità produttiva, l-użu tal-kapaċità, il-volum ta' bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-kobor tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-imgħoddi.

(192)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet ta' unità medji, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabilità, il-flussi tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità tal-ġenerazzjoni ta' kapital.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità produttiva u l-użu tal-kapaċità

(193)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità produttiva u l-użu tal-kapaċità żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 4

Il-produzzjoni, il-kapaċità produttiva u l-użu tal-kapaċità

 

2012

2013

2014

PI

Volum ta' produzzjoni

8 967

8 780

8 304

8 272

Indiċi (2012 = 100)

100

98

93

92

Kapaċità produttiva

22 779

21 194

21 163

19 721

Indiċi (2012 = 100)

100

93

93

87

Użu tal-kapaċità (%)

39

41

39

42

Indiċi (2012 = 100)

100

105

100

106

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju u informazzjoni mogħtija mill-ilmentatur.

(194)

Il-volum tal-produzzjoni baqa' pjuttost stabbli bejn l-2012 u l-2013. Bejn l-2013 u l-perjodu tal-investigazzjoni, il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b'6 %. Matul il-perjodu kkunsidrat, kien hemm tnaqqis globali ta' 8 % fil-volum tal-produzzjoni.

(195)

Fl-istess ħin, il-kapaċità produttiva naqset drastikament bi 13 %. Dan jista' jiġi attribwit prinċipalment għall-għeluq ta' produttur wieħed tal-Unjoni, u għal tnaqqis fil-produzzjoni ta' produttur ieħor tal-Unjoni, li rriżulta fit-tnaqqis ta' madwar 3 600 tunnellata ta' kapaċità produttiva.

(196)

Iċ-ċifri tal-kapaċità rapportati jirreferu għall-kapaċità teknika, li jimplika li aġġustamenti, meqjusin bħala standards mill-industrija, għall-ħin tal-istabbiliment, il-manutenzjoni, l-ostakoli u perjodi oħrajn normali ta' waqfien ġew ikkunsidrati. Madankollu, din hija l-kapaċità produttiva teoretika tal-industrija tal-Unjoni.

(197)

Huwa diffiċli li jiġi valutat l-użu tal-kapaċità għal din l-industrija partikolari billi dan jista' jvarja skont it-tip ta' tagħmir u l-volum prodott. Wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun qies li 60 % ta' użu tal-kapaċità kien il-massimu miksub fl-imgħoddi. Għalhekk, il-kapaċità produttiva teoretika msemmija hawn fuq hija esaġerata b'mod ċar meta mqabbla mal-kapaċità produttiva reali.

(198)

Minn dan joħroġ li l-użu tal-kapaċità baqa' baxx matul il-perjodu kkunsidrat, f'livell ta' madwar 42 %. Minħabba r-ristrutturazzjoni ta' wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u l-għeluq ta' produttur wieħed tal-Unjoni, l-użu tal-kapaċità żdied bi 3 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat. L-użu baxx tal-kapaċità jiddeterjora l-assorbiment tal-kostijiet fissi, li huwa waħda mill-kawżi tal-profittabilità baxxa tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(199)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati u s-sehem mis-suq tagħha żviluppaw kif ġej:

Tabella 5

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

 

2012

2013

2014

PI

Volum ta' bejgħ fis-suq tal-Unjoni (f'tunnellati)

7 856

7 717

7 401

7 302

Indiċi (2012 = 100)

100

95

91

89

Sehem mis-suq (%)

57,1

53,8

50,4

51,6

Indiċi (2012 = 100)

100

94

88

90

Sors: l-Eurostat, l-ilment u t-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju u informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur.

(200)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni b'mod ġenerali naqas bi 11 % filwaqt li l-konsum tal-Unjoni żdied bi 3 %. Il-volum tal-bejgħ tal-prodotti Ċiniżi u Tajwaniżi li kienu l-oġġett ta' dumping żdied b'945 tunnellata (21 % u 55 % rispettivament) filwaqt li l-konsum tal-Unjoni żdied bi 379 tunnellata. Fil-kuntest taż-żieda fil-konsum fis-suq tal-Unjoni, it-tnaqqis fil-bejgħ u fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni jikkoinċidi ma' żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Barra minn hekk, minħabba l-pressjoni kontinwa tal-prezzijiet mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping, l-industrija tal-Unjoni kienet sfurzata tbaxxi l-produzzjoni tagħha sabiex tevita li tbigħ bi prezzijiet li jagħmlu t-telf.

4.4.2.3.   Impjiegi u produttività

(201)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 6

L-impjiegi u l-produttività

 

2012

2013

2014

PI

Numru ta' impjegati

581

526

532

484

Indiċi (2012 = 100)

100

91

92

83

Produttività (tunnellata għal kull impjegat)

15,4

16,7

15,6

17,0

Indiċi (2012 = 100)

100

108

101

110

Sors: L-ilment u t-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju u informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur.

(202)

B'mod konsistenti mat-tnaqqis fil-produzzjoni u l-bejgħ, kien osservat ukoll li l-livell tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni naqas b'mod sinifikanti. It-tkeċċija tal-impjegati saret sabiex titnaqqas il-forza tax-xogħol, li kienet tirrappreżenta tnaqqis ta' 17 % fl-ammont tagħha. Minħabba f'hekk, iż-żieda ta' 10 % fil-produttività tal-forza tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni, imkejla bħala l-output għal kull persuna impjegata fis-sena, hija ferm ogħla miż-żieda ta' 3 punti perċentwali fl-użu tal-kapaċità (ara l-premessa 193). Dan jissuġġerixxi li l-industrija tal-Unjoni ppruvat tadatta għall-kundizzjonijiet tas-suq li kienu qegħdin jinbidlu (żieda fil-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping) sabiex tibqa' kompetittiva.

4.4.2.4.   Inventarji

(203)

Il-livelli tal-istokk tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 7

Inventarji

 

2012

2013

2014

PI

Stokks tal-għeluq (tunnellati)

2 191

1 850

2 002

1 697

Indiċi (2012 = 100)

100

84

91

77

Stokks tal-għeluq bħala persentaġġ tal-produzzjoni (%)

24,4

21,1

24,1

20,6

Indiċi (2012 = 100)

100

86

99

84

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju u informazzjoni mogħtija mill-ilmentatur.

(204)

Matul il-perjodu kkunsidrat il-livell tal-ħażniet tal-għeluq naqas bi 23 %. Il-maġġoranza tat-tipi tal-prodott simili mmanifatturati mill-industrija tal-Unjoni hija bbażata fuq ordnijiet speċifiċi mill-utenti. Madankollu, l-industrija trid iżżomm ukoll stokkijiet ta' firxa varjata ta' prodotti sabiex tkun tista' tikkompeti maż-żmien ta' konsenja rapidu ta' produtturi oħra. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-analiżi tal-evoluzzjoni tal-istokkijiet tal-għeluq bħala persentaġġ tal-produzzjoni. Dan l-indikatur baqa' relattivament stabbli f'livell ta' 20 %-24 % tal-volum tal-produzzjoni.

(205)

Ġie konkluż li t-tnaqqis fil-livell tal-istokkijiet kien ikkawżat prinċipalment mir-rekwiżiti aktar stretti ta' kapital operatorju imposti mill-ġestjoni tal-industrija tal-Unjoni.

4.4.2.5.   Id-daqs tal-marġni tad-dumping

(206)

Bl-eċċezzjoni ta' esportatur Tajwaniż minuri wieħed, il-marġnijiet kollha tad-dumping kienu konsiderevolment ogħla mil-livell de minimis. L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet għoljin attwali ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni ma kienx negliġibbli, meta tqiesu l-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati.

4.4.2.6.   It-tkabbir

(207)

Il-konsum tal-Unjoni żdied bi 3 % matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu bi 11 %. Minkejja din iż-żieda fil-konsum, l-industrija tal-Unjoni tilfet mis-sehem mis-suq. Mill-banda l-oħra, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdied matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li għandhom impatt fuq il-prezzijiet

(208)

Il-prezzijiet tal-bejgħ unitarji medji ponderati tal-produtturi tal-Unjoni lill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Il-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2012

2013

2014

PI

Prezz tal-bejgħ

Indiċi (2012 = 100)

100

95

96

95

Kost unitarju tal-produzzjoni

Indiċi (2012 = 100)

100

101

103

98

Sors: Tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju.

(209)

It-tabella ta' hawn fuq turi l-evoluzzjoni tal-prezz unitarju tal-bejgħ fl-Unjoni meta mqabbel mal-kost korrispondenti tal-produzzjoni. Il-prezz tal-bejgħ unitarju medju evolva b'mod ġenerali f'konformità mal-kost tal-produzzjoni. Hemm tnaqqis ta' 2 % fil-kost tal-produzzjoni mill-2014 sal-perjodu tal-investigazzjoni, affettwat mit-tnaqqis fil-prezz tal-materja prima prinċipali, iżda l-prezz tal-bejgħ unitarju naqas b'5 %.

(210)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, parti interessata waħda ddikjarat li l-Kummissjoni naqset milli tqis is-sitwazzjoni ġenerali tas-suq. B'mod partikolari, kien hemm waqgħa fil-prezzijiet taż-żejt, li naqset il-kostijiet tal-produzzjoni. Madankollu, il-parti ma pprovdiet l-ebda evidenza li ssostni l-pretensjoni tagħha. B'mod partikolari, għadu mhux ċar kif preċiżament il-waqgħa fil-prezzijiet taż-żejt madwar id-dinja kienet marbuta mal-kost tal-produzzjoni ta' dan il-prodott simili partikolari. Barra minn hekk, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni dwar id-dannu kopriet il-perjodu bejn l-2012 u l-PI li matulu tqieset il-materja prima kollha, inkluża l-enerġija. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

4.4.3.2.   Kosti lavorattivi

(211)

Il-kostijiet medji lavorattivi tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 9

Kostijiet lavorattivi għal kull impjegat

 

2012

2013

2014

PI

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

Indiċi (2012 = 100)

100

111

110

110

Sors: Tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju.

(212)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-paga medja għal kull impjegat żdiedet b'10 %, li hija ftit ogħla miż-żieda ġenerali fil-prezzijiet fl-Unjoni dovuta għall-inflazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li dan jiġi kkunsidrat fil-kuntest tat-tnaqqis kbir fl-impjiegi, kif spjegat fil-premessi 201 u 202.

4.4.3.3.   Il-profittabbiltà, il-fluss ta' flus, l-investiment, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiżdied il-kapital

(213)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 10

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

 

2012

2013

2014

PI

Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni għal klijenti mhux relatati (% tal-fatturat tal-bejgħ)

Indiċi (2012 = 100)

100

33

23

66

tal-Fluss tal-flus

Indiċi (2012 = 100)

100

61

33

57

Investimenti

Indiċi (2012 = 100)

100

178

128

122

Redditu fuq l-investiment

Indiċi (2012 = 100)

100

28

19

48

Sors: Tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju.

(214)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni billi esprimiet it-telf nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta' dan il-bejgħ.

(215)

Il-profittabilità żviluppat b'mod negattiv minn [8 %-10 %] fl-2012 għal [2 %-4 %] fl-2013 u fl-2014 u tjiebet fil-PI biex laħqet [4 %-6 %]. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-kumpaniji inklużi fil-kampjun tilfu mill-volum tal-bejgħ u mis-sehem mis-suq, u ddeċidew li jikkonċentraw fuq segmenti bi prezzijiet għoljin fejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping kienu anqas preżenti. Din l-istrateġija ppermettitilhom li jżidu l-profittabilità tagħhom matul il-PI.

(216)

B'riżultat ta' dan, filwaqt li fl-2013 u fl-2014, il-kumpaniji inklużi fil-kampjun ma kinux kapaċi jgħaddu ż-żidiet fil-kost tal-produzzjoni lill-klijenti, matul il-PI l-profittabilità tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun setgħet tibbenefika mit-tnaqqis fil-kost tal-produzzjoni tagħha minħabba użu akbar tal-kapaċità u pressjoni anqas kompetittiva fis-segmenti tas-suq bi prezzijiet għolja.

(217)

Il-fluss tal-flus nett jirrappreżenta l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw huma stess l-attivitajiet tagħhom. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett segwiet xejra 'l isfel (-43 %), dovuta l-iktar għal tnaqqis fl-inventarji.

(218)

Ir-redditu fuq l-investiment naqas bejn l-2012 u l-2014, u rkupra fil-PI waqt li segwa x-xejra tal-profittabilità. L-industrija tal-Unjoni żiedet il-livell tal-investimenti tagħha bi 22 % bejn l-2012 u l-perjodu tal-investigazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li din iż-żieda ta' 22 % titqies fid-dawl taċ-ċifri assoluti. Il-livell ta' investiment għall-kampjun tal-industrija tal-Unjoni kien ta' anqas minn miljun euro fl-2012 u laħaq il-miljun matul il-PI prinċipalment għall-ispejjeż relatati mal-manutenzjoni normali u mat-tagħmir tas-sigurtà.

(219)

Diversi partijiet sostnew li l-waqgħa fil-profittabilità mill-2012 sal-2013 jenħtieġ li tiġi interpretata fid-dawl taż-żieda sostanzjali fl-investimenti fl-industrija tal-Unjoni. Huma osservaw li l-investimenti żdiedu b' 78 % bejn l-2012 u l-2013. Wara t-tieni divulgazzjoni, dawn il-partijiet tennew il-pretensjoni tagħhom u stqarrew li ż-żieda ta' 78 % jenħtieġ li tiġi kkunsidrata bħala spiża “enormi” ta' investiment.

(220)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat li l-produtturi tal-Unjoni ma kinux jinvestu sabiex itejbu l-metodu tal-prodott tagħhom iżda kienu jinvestu fit-tagħmir obbligatorju ta' sikurezza u fil-manutenzjoni kif iddikjarat hawn fuq. Filwaqt li huwa minnu li l-investiment żdied, fl-istess ħin, ir-redditu fuq l-investiment naqas b'mod sostanzjali. Barra minn hekk, l-investiment jenħtieġ li jitqabbel mat-total tal-bejgħ tal-prodott simili u l-investiment inkwistjoni kien jirrappreżenta biss bejn 2-4 % tal-bejgħ totali tal-prodott simili. Fl-aħħar nett, l-investiment huwa biss wieħed mill-indikaturi ta' dannu u ma għandux jiġi analizzat b'mod iżolat.

5.   KONKLUŻJONI DWAR ID-DANNU

(221)

Qed jiġi konkluż li ħafna mill-indikaturi tad-dannu juru xejra negattiva matul il-perjodu kkunsidrat. B'mod partikolari, l-indikaturi tad-dannu relatati mal-produzzjoni u s-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni jikxfu d-diffikultajiet serji tal-industrija tal-Unjoni, kif ukoll l-eżistenza ta' twaqqigħ sostnut fil-prezzijiet. L-uniku indikatur pożittiv, jiġifieri t-titjib żgħir fil-profittabilità matul il-PI nkiseb għad-detriment tal-volum tal-bejgħ u tas-sehem mis-suq bid-dħul fis-segment tal-prezzijiet għoljin. Dan jista' ma jdumx wisq, jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping jidħlu wkoll fis-segmenti tal-prezzijiet għoljin. Għaldaqstant, valutazzjoni tal-indikaturi makro- u mikroekonomiċi kollha turi xejra ġeneralment negattiva. Għalhekk, jista' jiġi konkluż li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

6.   RABTA TA' KAWŻALITÀ

(222)

F'konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi konċernati kkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufin oħrajn fl-istess ħin setgħux kienu ta' dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kull dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn barra l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi konċernati ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

(223)

Dawn il-fatturi huma: l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-prestazzjoni fil-bejgħ għall-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni, l-użu baxx tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mhux oġġett ta' dumping mit-Tajwan.

6.1.   L-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping

(224)

Bħala medja, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi esportaturi naqsu minn 8 129 EUR/tunnellata fl-2012 għal 6 658 EUR/tunnellata matul il-perjodu tal-investigazzjoni (-18,1 %). Billi baxxew kontinwament il-prezz tal-bejgħ unitarju tagħhom matul il-perjodu kkunsidrat, il-produtturi esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati setgħu jżidu b'mod sinifikanti s-sehem mis-suq tagħhom mill-2012 (24,7 %) sal-perjodu tal-investigazzjoni (30,7 %).

(225)

Mill-2012, iż-żieda kontinwa fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati bi prezzijiet li kienu aktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni kellha impatt negattiv ċar fuq il-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda tnaqqas il-kostijiet tagħha billi tnaqqas l-impjiegi u tagħlaq l-impjanti, il-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping żdied bi prezzijiet dejjem aktar baxxi, li ġiegħel lill-industrija tal-Unjoni tnaqqas il-volum tal-bejgħ tagħha. B'riżultat ta' dan, l-industrija tal-Unjoni tilfet mis-sehem mis-suq tagħha u ma setgħetx tibbenefika miż-żieda fil-konsum.

(226)

Fid-dawl tal-koinċidenza stabbilita b'mod ċar fiż-żmien bejn, fuq naħa waħda, il-livell dejjem jiżdied ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezzijiet dejjem neżlin u, min-naħa l-oħra, it-telf fil-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, wieħed jikkonkludi li l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping kienu responsabbli għas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

(227)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, parti interessata waħda saħqet li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi esportaturi hi spjegata mit-tnaqqis fil-prezz tan-nikil. Madankollu, kif spjegat hawn fuq fil-premessa 185, ma hemm l-ebda korrelazzjoni diretta bejn il-prezz tan-nikil u l-prezzijiet ta' importazzjoni. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(228)

Bosta partijiet iddikjaraw li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni ma jistax jiġi attribwit għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati billi l-prezzijiet ta' produttur wieħed biss tal-Unjoni inkluż fil-kampjun naqsu matul il-perjodu kkunsidrat filwaqt li l-produtturi l-oħra tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu kapaċi jżommu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom. Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx għar-raġunijiet li ġejjin. L-istatistika fl-UE mhijiex affidabbli f'dan il-każ peress li tinkludi mhux biss il-prodott ikkonċernat iżda wkoll tipi oħra ta' tagħmir. Barra minn hekk l-industrija tal-Unjoni ma sofrietx tnaqqis sostanzjali matul il-perjodu kkunsidrat (-5 %), iżda dan seħħ għad-detriment tal-volum tal-bejgħ tagħha, li naqas bi 11 %, kif ukoll tas-sehem mis-suq tagħha li naqas b' 5,5 % matul l-istess perjodu.

(229)

Wara t-tieni divulgazzjoni, il-partijiet interessati allegaw li, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 228 aktar 'il fuq, id-dejta rrappurtata mill-Eurostat tindika l-imġiba fl-ipprezzar tal-produtturi tal-Unjoni u għaldaqstant, huwa korrett li jiġi ddikjarat li l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni baqgħu stabbli matul il-perjodu kkunsidrat. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiddikjara dan li ġej: Kif spjegat hawn fuq id-definizzjoni tal-kodiċi NM rilevanti hija usa' mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili (ara l-premessa 158 aktar 'il fuq). Barra minn hekk, dawn il-partijiet interessati huma żbaljati meta jsostnu li l-produtturi tal-Unjoni kienu qed jimmanifatturaw il-prodott simili biss li jaqa' taħt iż-żewġ kodiċi NM inkwistjoni. Tabilħaqq, l-industrija tal-Unjoni qed tipproduċi wkoll prodotti li ma jaqgħux fid-definizzjoni tal-prodott ta' dan ir-Regolament u li jaqgħu taħt iż-żewġ kodiċi NM inkwistjoni. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(230)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat li l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping tal-prodott ikkonċernat ikkawża dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

6.2.   Effetti ta' fatturi oħra

6.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(231)

Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 11

Il-volum tal-importazzjonijiet (tunnellati metriċi) u s-sehem mis-suq

 

2012

2013

2014

PI

Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

2 515

2 755

2 762

2 503

Indiċi (2012 = 100)

100

110

110

100

Sehem mis-Suq (%)

18,3

19,2

18,8

17,7

Volum tal-importazzjonijiet mill-Iżvizzera

1 217

1 340

1 476

1 503

Indiċi (2012 = 100)

100

110

121

123

Sehem mis-Suq (%)

8,8

9,3

10,1

10,6

Volum ta' importazzjonijiet mill-Brażil

339

350

229

278

Indiċi (2012 = 100)

100

103

68

82

Sehem mis-Suq (%)

2,5

2,4

1,6

2,0

Volum tal-importazzjonijiet mill-Indja

120

146

204

201

Indiċi (2012 = 100)

100

121

169

167

Sehem mis-Suq (%)

0,9

1,0

1,4

1,4

Volum tal-importazzjonijiet mill-Malasja

195

322

297

314

Indiċi (2012 = 100)

100

165

152

161

Sehem mis-Suq (%)

1,4

2,2

2,0

2,2

Volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

642

595

554

205

Indiċi (2012 = 100)

100

93

86

32

Sehem mis-Suq (%)

4,7

4,2

3,8

1,5

Sors: l-Eurostat, l-ilment u t-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju u informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur.

(232)

L-akbar esportatur tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara r-RPĊ hija l-Isvizzera b'sehem mis-suq ta' 10 %, meta mqabbel ma' 30,7 % mir-RPĊ/mit-Tajwan. Il-prezzijiet ta' dawn l-importazzjonijiet kienu simili għall-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni jiġifieri 10 300 EUR/tunnellata.

(233)

Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-oriġnijiet l-oħra kollha baqgħu stabbli matul il-perjodu kkunsidrat; jiġifieri madwar 2 500 tunnellata u 37 % rispettivament. Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-impatt ta' dawn l-importazzjonijiet ma kissirx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi/Tajwaniżi li kienu l-oġġett ta' dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(234)

Għadd ta' partijiet interessati qalu li l-Kummissjoni kellha tanalizza l-effett tal-prezz tal-importazzjoni li toriġina mill-Indja. Wara t-tieni divulgazzjoni, din il-pretensjoni ġiet imtennija u l-partijiet qalu wkoll li l-prezzijiet medji Indjani kienu qed jaqgħu matul il-perjodu kkunsidrat. Il-Kummissjoni osservat li l-importazzjonijiet Indjani għandhom sehem mis-suq ta' 1,4 %. Il-prezz medju tal-prodott simili li joriġina mill-Indja kien madwar 9 500 EUR/tunnellata matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Filwaqt li huwa minnu li l-prezz medju tal-prodott li joriġina mill-Indja naqas minn madwar 13 700 EUR/tunnellata fl-2012 għal madwar 9 500 EUR/tunnellata fil-PI, xorta kien għadu 27 % ogħla mill-prezz medju tal-prodott ikkonċernat li joriġina miċ-Ċina, u 61 % ogħla meta mqabbel mal-prezzijiet Tajwaniżi. Għalhekk, dawn l-importazzjonijiet ma kisrux ir-rabta kawżali.

(235)

Bosta partijiet interessati ddikjaraw li l-Kummissjoni kien messha analizzat l-importazzjonijiet tal-prodott simili mir-Russja. B'kuntrast ma' dan, l-ilmentatur iddikjara li dawn l-importazzjonijiet m'għandhomx jittieħdu f'konsiderazzjoni għall-analiżi tal-kawżalità peress li l-prodotti ddikjarati taħt il-kodiċijiet NM ikkonċernati mhumiex prodotti simili.

(236)

Il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet tal-importazzjoni tar-Russja, irrapportati mill-Eurostat għall-kodiċijiet NM kkonċernati kienu madwar EUR 1 000/tunnellata matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Għalhekk, l-importazzjonijiet mir-Russja huma relatati ma' prodott differenti li huwa aktar minn 7 darbiet irħas meta mqabbla mal-importazzjonijiet Ċiniżi. Għalhekk, dawn l-importazzjonijiet tqiesu irrelevanti għall-analiżi tal-kawżalità.

(237)

Wara t-tieni divulgazzjoni, diversi partijiet interessati argumentaw li l-effett ta' importazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja u mill-Indja jenħtieġ li jiġi vvalutat b'mod kumulattiv. Kif iddikjarat fil-premessa 236 hawn fuq, l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja ma ġewx ikkunsidrati matul l-analiżi tar-rabta kawżali, peress li l-Kummissjoni skopriet li l-prodotti li joriġinaw mir-Russja mhumiex koperti mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u għalhekk mhumiex koperti minn din l-investigazzjoni. Għal din ir-raġuni, dawn l-importazzjonijiet ma jistgħux jiġu vvalutati b'mod kumulattiv mal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

6.2.2.   Il-prestazzjoni tal-bejgħ tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni

(238)

Il-volum tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 12

Il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet

 

2012

2013

2014

PI

Volum tal-esportazzjonijiet lil klijenti mhux relatati

645

553

530

596

Indiċi (2012 = 100)

100

86

82

92

Prezz medju (EUR/tunnellata)

13 567

12 386

11 890

11 619

Indiċi (2012 = 100)

100

91

88

86

Sors: Tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju.

(239)

Skont dejta mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, il-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsu b'14 % matul il-perjodu kkunsidrat u l-volum tal-esportazzjonijiet lil konsumaturi mhux relatati f'pajjiżi terzi naqas b'anqas minn 1 % tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, id-dannu mġarrab matul il-PI ma kienx sinifikanti, billi kien jirrappreżenta anqas minn 0,8 % tal-fatturat totali tal-industrija tal-Unjoni.

(240)

Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-attività tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma tkissirx ir-rabta kawżali.

6.2.3.   Użu baxx tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni

(241)

Minħabba l-użu baxx tal-kapaċità tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun matul il-perjodu kkunsidrat, il-Kummissjoni investigat ukoll jekk il-kapaċità żejda setgħetx ikkontribwiet għad-dannu jew saħansitra kissret ir-rabta kawżali. F'dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li dan mhuwiex il-każ. L-ewwel nett, kif spjegat aktar 'il fuq fil-premessa 197), il-kumpaniji jrid ikollhom kapaċità teoretika importanti sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw it-talbiet kollha tal-konsumaturi, iżda mhuwiex realistiku li din il-kapaċità teoretika tintuża kompletament. It-tieni, l-industrija tal-Unjoni kienet profittabbli b'rata ta' użu tal-kapaċità aktar baxxa fl-2012, li tindika li d-dannu mhuwiex ikkawżat minn kapaċità żejda. Għalhekk, wieħed jikkonkludi li l-impatt ta' tali użu baxx tal-kapaċità huwa immaterjali u għalhekk ma setax ikisser ir-rabta kawżali.

6.2.4.   Importazzjonijiet mit-Tajwan mhux oġġett ta' dumping

(242)

Il-volum tal-importazzjonijiet mhux oġġett ta' dumping kien insinifikanti, 300 kg matul il-PI, meta mqabbel mal-konsum totali tal-Unjoni, 14 145 tunnellata. Għalhekk, wieħed jikkonkludi li l-impatt ta' dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni huwa immaterjali u għalhekk ma setax ikisser ir-rabta kawżali.

6.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(243)

Kienet stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati.

(244)

Il-pressjoni konsiderevoli tal-prezzijiet u l-volumi eżerċitata fuq l-industrija tal-Unjoni biż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu kkunsidrat ma ppermettietx lill-industrija tal-Unjoni li tibbenefika mill-irkupru bil-mod tas-suq tal-UE. L-analiżi tal-indikaturi tad-dannu ta' hawn fuq turi li s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi kienet affettwata minn żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezzijiet baxxi mir-RPĊ u mit-Tajwan li waqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni. L-esportaturi Ċiniżi/Tajwaniżi rnexxielhom jiksbu sehem sinifikanti mis-suq (30,7 % matul il-PI meta mqabbel mas-sehem mis-suq ta' 24,7 % fl-2012) b'detriment għall-industrija tal-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni tilfet 5,5 punti perċentwali mis-sehem mis-suq tagħha bejn l-2012 u l-PI, u 11 % mill-volumi tal-bejgħ, filwaqt li l-konsum żdied fis-suq tal-Unjoni.

(245)

Il-Kummissjoni ddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi kollha magħrufin dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti ta' dannu tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Il-fatturi identifikati l-oħra, jiġifieri l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-prestazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni, l-użu baxx tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mit-Tajwan mhux oġġett ta' dumping, ma nstabux li jkissru r-rabta kawżali. Anki meta tqies l-effett kombinat tagħhom, il-konklużjoni tal-Kummissjoni ma kinitx differenti: fin-nuqqas tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx se tiġi negattivament affettwata b'mod tant sinifikanti. B'mod partikolari, is-sehem mis-suq ma kienx se jonqos għal dawk il-livelli u kienet tinkiseb profittabilità raġonevoli.

(246)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet f'dan l-istadju li d-dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati u li l-fatturi l-oħra, meqjusin b'mod individwali jew kollettivament, ma kissrux ir-rabta ta' kawżalità.

7.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(247)

F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm raġuni konvinċenti sabiex tikkonkludi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f'dan il-każ, minkejja d-determinazzjoni ta' dumping dannuż. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

7.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(248)

L-industrija tal-Unjoni tinsab f'10 Stati Membri (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, Spanja u l-Iżvezja), u timpjega direttament madwar 500 impjegat b'rabta ma' tagħmir iwweldjat tarf ma tarf ta' tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx.

(249)

Ħadd mill-produtturi magħrufin ma oppona t-tnedija tal-investigazzjoni. Kif intwera aktar 'il fuq fl-analiżi tal-indikaturi tad-dannu, l-industrija kollha tal-Unjoni esperjenzat deterjorament tas-sitwazzjoni tagħha u ntlaqtet b'mod negattiv mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

(250)

Huwa mistenni li l-impożizzjoni ta' dazji antidumping definittivi tistabbilixxi mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta' kummerċ ġust fis-suq tal-Unjoni u tippermetti lill-industrija tal-Unjoni li tirkupra. Dan jkun jirriżulta fit-titjib tal-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni lejn livelli meqjusa neċessarji għal din l-industrija ta' kapital intensiv. L-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati. Qed jiġi mfakkar li ħafna mill-indikaturi ta' dannu wrew tendenza negattiva matul il-perjodu kkunsidrat.

(251)

B'mod partikolari, kienu serjament affettwati l-indikaturi tad-dannu relatati mal-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u s-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni. L-impożizzjoni ta' miżuri għalhekk hija importanti sabiex is-suq jitreġġa' lura għal livelli mhux ta' dumping u mhux dannużi, u sabiex il-produtturi kollha jkunu jistgħu joperaw fis-suq tal-Unjoni f'kundizzjonijiet ta' kummerċ ġust. B'kuntrast, fin-nuqqas ta' miżuri, huwa probabbli ħafna li jkun hemm deterjorament ulterjuri fis-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

(252)

Skont id-dikjarazzjoni stabbilita fil-premessa 35) hawn fuq il-Kummissjoni vverifikat it-talba (li tinkludi żjara ta' verifika fuq il-post fil-kwartieri ġenerali tal-industrija tal-Unjoni). Il-Kummissjoni kkonkludiet li kuntrarju għall-pretensjoni ppreżentata: (i) il-prodotti importati taħt l-iskema ta' proċessar passiv jinsabu f'kompetizzjoni diretta ma' prodotti ta' produtturi oħra fl-Unjoni; (ii) id-dazju impost, li huwa dazju ta' 41,9 % applikabbli għall-produttur Ċiniż li miegħu il-kumpanija tal-UE għandha l-arranġament ta' pproċessar passiv, jenħtieġ li jkollu impatt finanzjarju limitat (10 %-15 %) fuq id-dħul tal-produttur tal-Unjoni ġġenerat mill-kummerċ ta' pproċessar passiv; (iii) jenħtieġ li l-vijabbiltà tal-kummerċ tal-ipproċessar passiv tal-produttur tal-Unjoni ma tiġix ipperikolata bl-impożizzjoni ta' miżuri, b'konsegwenza ta' dan, lanqas ma għandu jonqos in-numru ta' impjegati, u jenħtieġ ukoll li l-iskop tal-fondi tal-UE ma jitqiegħedx f'periklu. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll f'dan il-kuntest li l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprevedi li bħala regola, id-dazji għad-difiża tal-kummerċ japplikaw għall-iskemi ta' pproċessar passiv fejn l-operazzjoni mwettqa barra l-Unjoni tattribwixxi oriġini nonpreferenzjali lill-prodott, kif jidher li huwa l-każ preżenti. Ebda dazju ma japplika, għall-kuntrarju, jekk u sa fejn l-oriġini nonpreferenzjali tal-merkanzija tibqa' l-Unjoni.

(253)

Għaldaqstant, ġie konkluż li l-impożizzjoni ta' dazji antidumping tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni. L-impożizzjoni ta' miżuri antidumping tippermetti lill-industrija tal-Unjoni li tirkupra mill-effetti tad-dumping dannuż li nstab.

7.2.   L-interess tal-importaturi mhux relatati

(254)

Kif indikat fil-premessa 18), importatur wieħed biss issottometta informazzjoni dettaljata dwar l-impatt tad-dazji antidumping. Dan l-importatur qies li l-effett inizjali se jkun żieda fil-prezz b'impatt negattiv fuq il-prestazzjoni tiegħu f'termini ta' żmien tal-konsenja u l-kompetittività. Dan l-importatur sostna wkoll li kien se jibda jiffoka aktar fuq pajjiżi oħra li jipproduċu t-tagħmir bħall-Malasja, il-Vjetnam u l-Korea. Madankollu, il-proċess tal-għażla ta' sħab ġodda f'post ieħor ikun jiswa l-ħin u l-flus. Barra minn hekk, dan iġib diskontinwità fil-livell tal-istokkijiet u fil-kwalità tal-prodotti, li min-naħa tagħha jkollha impatt negattiv fuq il-kwalità tas-servizz ipprovdut lill-konsumaturi.

(255)

Madankollu, instab li l-importaturi jistgħu jaqilbu għal sorsi oħra ta' provvista, u għalhekk l-impatt negattiv tal-miżuri jista' jitnaqqas.

(256)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, parti interessata minnhom ikkontestat din il-konstatazzjoni. Hija sostniet li l-produtturi tal-Unjoni mhux se jkunu kapaċi jaqdu s-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-produtturi tat-tagħmir eżistenti stabbiliti, pereżempju fil-Malażja u fit-Tajlandja ma jkunux jistgħu jipprovdu l-kwantità u l-kwalità biex iservu l-importaturi tal-Unjoni.

(257)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni. Il-produtturi tal-Unjoni attwalment joperaw bħala medja bl-użu ta' 42 % tal-kapaċità tagħhom. Għalhekk, huwa probabbli li dawn se jkunu kapaċi jgħollu l-produzzjoni tagħhom u li jfornu s-suq tal-Unjoni iktar milli jagħmlu llum. Barra minn hekk, it-tagħmir jiġi prodott ukoll f'bosta pajjiżi terzi oħra bħall-Indja, il-Malasja, it-Tajlandja, il-Korea u l-Ġappun. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li ma hemm l-ebda riskju ta' skarsezza tal-prodott fis-suq tal-Unjoni.

(258)

Fuq din il-bażi, wieħed jikkonkludi li l-impożizzjoni ta' miżuri antidumping mhux se jkollha effetti sostanzjalment negattivi fuq l-importaturi.

7.3.   L-interess tal-utenti

(259)

L-utenti tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott simili jinsabu f'diversi oqsma industrijali. Il-fattur kruċjali għall-utenti huwa d-disponibbiltà tal-prodott fil-kwantità u fil-kwalità mitluba.

(260)

Billi utent wieħed biss ikkoopera fl-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkwantifika l-impatt tal-miżura fuq l-utenti b'mod ġenerali. Madankollu, mit-tweġiba ta' dan l-utent li kkoopera, l-impatt ta' kull antidumping fuq il-kostijiet ta' din il-kumpanija se jkun insinifikanti (anqas minn 1 % tal-fatturat tagħha). Fi kwalunkwe każ, l-industrija tal-UE għandha l-kapaċità biex tissodisfa d-domanda tal-UE u hemm ukoll pajjiżi terzi oħra li jistgħu jforu lill-UE, jekk ikun hemm kundizzjonijiet ġusti.

(261)

Għar-raġunijiet ta' hawn fuq, ġie konkluż li l-impożizzjoni ta' miżuri antidumping mhux se jkollha impatt sostanzjali fuq l-utenti.

7.4.   konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(262)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemmx raġunijiet konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta' miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-pajjiżi kkonċernati.

(263)

Kull effett negattiv fuq l-importaturi u l-utenti mhux relatati jittaffa permezz tad-disponibbiltà ta' sorsi alternattivi ta' provvista.

(264)

Barra minn hekk, meta jiġi kkunsidrat l-impatt globali tal-miżuri antidumping fuq is-suq tal-Unjoni, l-effetti pożittivi, b'mod partikolari fuq l-industrija tal-Unjoni, jidhru li jegħlbu l-impatti potenzjalment negattivi fuq il-gruppi l-oħra ta' interess.

8.   IL-MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

(265)

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri definittivi sabiex l-industrija tal-Unjoni tkun tista' tirkupra mid-dannu li qiegħed jiġi kkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping.

8.1.   Livell ta' eliminazzjoni tad-dannu (marġni tad-dannu)

(266)

Sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta' dazju neċessarju sabiex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(267)

Id-dannu jiġi eliminat kieku l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tkopri l-kostijiet tal-produzzjoni u tikseb profitt qabel it-taxxa fuq il-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni li jista' jinkiseb raġonevolment f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni minn industrija ta' dan it-tip fis-settur, jiġifieri fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

(268)

Sabiex jiġi ddeterminat il-profitt fil-mira, il-Kummissjoni kkunsidrat il-profitti magħmula mill-bejgħ mhux relatat li jintużaw sabiex jiġi stabbilit il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu.

(269)

Il-marġni ta' profitt fil-mira ġie provviżorjament stabbilit għal [7-12 %], b'konformità mal-profitti miksuba fl-2012 mill-bejgħ mhux relatat tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Filwaqt li l-importazzjonijiet Ċiniżi u Tajwaniżi kienu diġà preżenti fis-suq tal-Unjoni, fl-2012 il-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping kienu għadhom ma naqsux b'mod sostanzjali. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis il-profittabilità milħuqa fl-2012 bħala li nkisbet f'kundizzjonijiet normali tas-suq.

(270)

Il-Kummissjoni kkalkolat prezz mhux dannuż tal-prodott simili gћall-industrija tal-Unjoni billi żiedet il-marġni ta' profitt imsemmi hawn fuq ta' [7–12 %] mal-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-kost tal-manifattura rrappurtat minn wieħed mit-tliet produtturi tal-Unjoni kien ikkalkulat mill-ġdid abbażi tal-kostijiet standard (il-kost tal-materja prima flimkien mal-kost tal-konverżjoni u l-kostijiet ta' BĠ&A) billi l-kostijiet attwali ma kinux rappreżentattivi minħabba l-kwantità baxxa ħafna prodotta għal ċerti PCNs mibjugħa fil-PI.

(271)

Il-Kummissjoni ddeterminat il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu fuq il-bażi ta' tqabbil tal-prezz ta' importazzjoni medju ponderat tal-produtturi esportaturi li kkooperaw tal-pajjiżi kkonċernati, aġġustat kif xieraq għall-kostijiet tal-importazzjoni u d-dazji doganali, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, mal-prezz mingħajr dannu medju ponderat tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi inklużi fil-kampjun tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Kull differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ingħatat bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni.

(272)

B'riżultat ta' dan, il-marġnijiet ta' sottokwotazzjoni jvarjaw minn 75,4 % sa 127,1 %, meta wieħed iqabbel il-prezzijiet CIF Ċiniżi mal-prezzijiet mill-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni u minn 104,4 % sa 110,0 % meta wieħed iqabbel il-prezzijiet CIF Tajwaniżi mal-prezzijiet mill-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni.

(273)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, diversi partijiet talbu kalkolu aktar dettaljat tad-danni. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-partijiet interessati kollha kienu diġà rċevew kalkolu dettaljat tad-danni. Hija segwiet il-prattiki standard tagħha li tiddivulga s-sejbiet rilevanti kollha filwaqt li tqis b'mod xieraq il-kunfidenzjalità tad-dejta tas-sors.

(274)

Bosta partijiet iddikjaraw li mhuwiex xieraq li l-prezz mhux dannuż jiġi bbażat fuq il-kost tal-produzzjoni tat-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun peress li ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-kost tal-produzzjoni tagħhom hija rappreżentattiva fil-livell tal-industrija kollha tal-Unjoni. Dawn il-partijiet ma spjegawx ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni għandha tiddevja mill-prattika normali tagħha tal-użu tal-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun f'dan il-każ partikolari. Barra minn hekk, kuntrarju għal din l-allegazzjoni, l-investigazzjoni stabbiliet li l-kostijiet ta' produzzjoni tat-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun huma rappreżentattivi tal-industrija tal-Unjoni. Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda kwistjoni jew problema li indikat li l-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ma kinux rappreżentattivi tal-prodott simili.

(275)

Dawn il-partijiet interessati sostnew ukoll li l-kalkolu tal-marġnijiet ta' sottokwotazzjoni huwa żbaljat billi l-istatistika turi li l-prezz medju ta' wieħed mit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun huwa sinifikament ogħla mill-oħrajn. Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-fatt li l-prezzijiet ta' wieħed mill-produtturi tal-Unjoni huma ogħla minn tal-oħrajn, hija osservat li l-analiżi tal-prezzijiet fil-livell tal-Kodiċi NM hija qarrieqa peress li ma tqisx it-taħlita tal-prodotti sottostanti u l-fatt li ċerti prodotti ġew esklużi mid-definizzjoni tal-prodott. Barra minn hekk, kif iddikjarat hawn fuq il-kalkolu ta' sottokwotazzjoni sar fuq il-bażi tal-kost ta' produzzjoni skont it-tip ta' prodott. Għalhekk, intuża biss il-kost tal-produzzjoni ta' tipi ta' prodotti li jaqblu.

(276)

Barra minn hekk, anki li kieku l-Kummissjoni kellha tneħħi d-dejta dwar il-kostijiet ta' dan il-produttur tal-Unjoni partikolari u tuża biss id-dejta dwar il-kostijiet tal-produtturi l-oħra tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, ir-riżultati jkunu fl-istess sitwazzjoni. Il-marġinijiet ta' sottokwotazzjoni bbażati fuq din il-metodoloġija jvarjaw minn 60 % sa 95 % meta l-prezzijiet CIF Ċiniżi jitqabblu mal-prezzijiet fil-mira mill-fabrika tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu din l-affermazzjoni ma għandha l-ebda effett fuq il-miżuri finali. Barra minn hekk dan jimplika t-tqabbil ta' tipi ta' prodotti bbażati fuq materja prima kompletament differenti. Għalhekk din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(277)

Bosta partijiet iddikjaraw li l-użu ta' kost standard, minflok kost attwali kien wassal għal distorsjoni tal-prezz fil-mira billi diversi karatteristiċi tal-prodott ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li hija kienet injorat il-kost tal-manifattura kif irrappurtat minn wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun minħabba li — kuntrarjament għal dak li sostnew il-partijiet interessati — l-użu tal-kost attwali tal-manifattura kien iwassal għal riżultat żbaljat. Bl-użu ta' metodoloġija tal-kost standardizzat, il-Kummissjoni setgħet teliminata d-distorsjoni kkawżata minn kwantitajiet baxxi mhux rappreżentattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat l-adegwatezza tal-metodoloġija użata.

(278)

Diversi partijiet argumentaw li l-metodoloġija użata għall-kalkolu ta' sottokwotazzjoni jenħtieġ li tiġi applikata b'mod ekwilibrat, jiġifieri jenħtieġ li jintuża l-istess raggruppament ta' tipi ta' prodott għall-prodott ikkonċernat u għall-prodott simili. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet in-nuqqas tal-metodoloġija użata inizjalment u rrevediet il-kalkolu ta' sottokwotazzjoni kif meħtieġ. Il-Kummissjoni nnutat li din il-bidla affettwat biss lit-tipi ta' prodott li jagħmlu użu minn tubi jew pajpijiet mingħajr saldatura bħala materja prima u affettwat biss lil dawk il-produtturi esportaturi li jużaw il-materja prima msemmija hawn fuq. Għalhekk, il-marġnijiet il-ġodda ta' sottokwotazzjoni jvarjaw minn 75,7 % sa 112,2 % meta l-prezzijiet CIF Ċiniżi, jitqabblu mal-prezzijiet fil-mira mill-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni.

(279)

Wara t-tieni divulgazzjoni, bosta partijiet interessati ddikjaraw li ma kienx xieraq li jitqabbel il-prezz tal-produtturi esportaturi mal-prezz fil-mira stabbilit abbażi tal-kwalità ta' materjal tat-tagħmir prodott minn tubi mingħajr saldatura. Barra minn hekk, il-partijiet tennew li l-prezz fil-mira kellu jiġi stabbilit għal kull tip ta' prodott u mhux għal kull kwalità ta' materjal.

(280)

Il-Kummissjoni tiddikjara li hija pprovat twettaq il-kalkolu kif mitlub mill-partijiet interessati, jiġifieri analiżi tal-PCN għal kull PCN. Madankollu, hija sabet li r-riżultati ma kinux affidabbli għal ċerti PCNs minħabba l-kwantitajiet ferm differenti importati lejn l-Unjoni u prodotti mill-produtturi tal-Unjoni. Għalhekk, hija kkonstatat li l-metodoloġija deskritta fil-premessi 270)u (271)kienet iktar xierqa u, b'konsegwenza ta' dan, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(281)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, il-Kummissjoni kkonfermat il-marġnijiet ta' sottokwotazzjoni li jikkonċernaw lit-Tajwan kif iddikjarat fil-premessa 272) hawn fuq.

8.2.   Il-miżuri definittivi

(282)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, ir-rati tad-dazju antidumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, għandhom ikunu kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dannu (%)

Marġni tad-dumping (%)

Rata ta' dazju antidumping definittiv (%)

Tajwan:

King Lai Hygienic Materials Co., Ltd

0,0

0,0

Ta Chen Stainless Pipes Co., Ltd

104,4

5,1

5,1

Dazju Residwu

110,0

12,1

12,1

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Zhejiang Good Fittings Co., Ltd

112,2

55,3

55,3

Zhejiang Jndia Pipeline Industry Co., Ltd

105,9

48,9

48,9

Suzhou Yuli Pipeline Industry Co., Ltd (*2)

75,7

30,7

30,7

Jiangsu Judd Pipeline Industry Co., Ltd (*2)

75,7

30,7

30,7

Medja Ponderata (*3)

93,1

41,9

41,9

Dazju Residwu (*4)

127,1

64,9

64,9

(283)

Ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tal-konklużjonijiet ta' din l-investigazzjoni. Għaldaqstant, dawn jirriflettu l-qagħda ta' dawn il-kumpaniji kkonstatata matul din l-investigazzjoni. Dawn ir-rati tad-dazju huma esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati u prodott mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma' dawk imsemmijin b'mod speċifiku, jenħtieġ li jkunu suġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Ma għandhom ikunu suġġetti għal ebda rata ta' dazju antidumping individwali.

(284)

Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati tad-dazju antidumping individwali jekk tibdel l-isem tal-entità tagħha jew tistabbilixxi entità ġdida ta' produzzjoni jew ta' bejgħ. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni. It-talba trid tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha, inklużi: modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni; il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni assoċjat ma', pereżempju, il-bidla fl-isem jew il-bidla fl-entitajiet ta' produzzjoni u ta' bejgħ. Il-Kummissjoni se taġġorna l-lista ta' kumpaniji b'dazji individwali ta' antidumping, jekk dan ikun iġġustifikat.

(285)

Sabiex ir-riskji ta' ċirkomvenzjoni minħabba differenza fir-rati ta' dazju jinżammu kemm jista' jkun baxxi, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tkun żgurata l-applikazzjoni tad-dazji antidumping individwali. Kumpaniji b'dazji antidumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn din il-fattura jkunu soġġetti għad-dazju antidumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(286)

Biex ikun żgurat infurzar xieraq tad-dazji antidumping, id-dazju antidumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f'din l-investigazzjoni, imma anki għall-produtturi li ma esportawx lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

9.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(287)

Fl-interess ta' amministrazzjoni soda, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw kummenti bil-miktub u/jew biex jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali fi żmien skadenza stipulata.

(288)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1   Qed jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi u ta'pajpijiet, iwweldjati tarf ma' tarf, ta' gradi ta' azzar li ma jsaddadx awstenitiku, li jikkorrispondu għat-tipi AISI 304, 304L, 316, 316L, 316Ti, 321 u 321H u l-ekwivalenti tagħhom fin-normi l-oħra, bl-ikbar dijametru estern li ma jaqbiżx 406,4 mm u ħxuna tal-ħitan ta' 16-il mm jew anqas, bi ħruxija medja (Ra) tal-finitura tal-wiċċ ta' mhux anqas minn 0,8 mikrometru, bit-truf mhux forma ta' flanġijiet, lesti jew le, li joriġinaw mir-RPĊ u mit-Tajwan. Il-prodott jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 7307 23 10 u ex 7307 23 90 (Kodiċijiet Taric 7307231015, 7307231025, 7307239015, 7307239025).

2.   Ir-rati tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandhom ikunu kif ġej:

Kumpanija

Rata ta' dazju antidumping definittiv (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

It-Tajwan

King Lai Hygienic Materials Co., Ltd

0,0

C175

Ta Chen Stainless Pipes Co., Ltd

5,1

C176

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

12,1

C999

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Zhejiang Good Fittings Co., Ltd

55,3

C177

Zhejiang Jndia Pipeline Industry Co., Ltd

48,9

C178

Suzhou Yuli Pipeline Industry Co., Ltd

30,7

C179

Jiangsu Judd Pipeline Industry Co., Ltd

30,7

C180

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha li kkooperaw:

Alfa Laval Flow Equipment (Kunshan) Co., Ltd

41,9

C182

Kunshan Kinglai Hygienic Materials Co., Ltd

41,9

C184

Wifang Huoda Pipe Fittings Manufacture Co., Ltd

41,9

C186

Yada Piping Solutions Co., Ltd

41,9

C187

Jiangsu Huayang Metal Pipes Co., Ltd

41,9

C188

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

64,9

C999

3.   Meta kull produttur esportatur fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

(a)

ma jkunx esporta lejn l-Unjoni l-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu tal-investigazzjoni (mill-1 ta' Ottubru 2014 sat-30 ta' Settembru 2015);

(b)

ma jkunx relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jkunu soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, kif ukoll

(c)

effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu ta' investigazzjoni jew li jkun daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, it-Tabella fl-Artikolu 1(2) tista' tiġi emendata billi jiżdied il-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk soġġetti għar-rata tad-dazju medja ponderata tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun.

4.   Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(3)   ĠU C 357, 29.10.2015, p. 5.

(4)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta' Settembru 2015, il-Kawża C-511/13 P, Philips Lighting Poland S.A., Philips Lighting BV v il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Hangzhou Duralamp Electronics Co., Ltd, GE Hungary Ipari és Kereskedelmi Zrt. (GE Hungary Zrt), Osram GmbH, il-Kummissjoni Ewropea.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/440/UE tal-20 ta' Awwissu 2013 li ttemm il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' tagħmir iwweldjat tarf ma' tarf ta' tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU L 223, 21.8.2013, p. 13).

(6)  UE-India Bed Linen (il-kawża AB-2000-13) fil-paragrafu (76): “…l-użu tal-frazi ‘medja ponderata’ flimkien mal-użu tal-kliem ‘ammont’ u ‘esportaturi jew produtturi’ fil-plural fit-test tal-Artikolu 2.2.2(ii) tal-[Ftehim dwar l-Antidumping tad-WTO], jipprevedi b'mod ċar l-użu tad-dejta mingħand aktar minn esportatur jew produttur wieħed. Aħna nikkonkludu li l-metodu għall-kalkolu ta' ammonti jew kostijiet ta' BĠ&A u profitti stipulati f'din id-dispożizzjoni jista' jintuża biss jekk tkun disponibbli dejta konnessa ma' aktar minn esportatur jew produttur wieħed.”

(7)  Artikolu 21.5 Rapport tal-Korp tal-Appell, tal-UE — Miżuri Definittivi ta' Anti-dumping fuq Ċerti Qfieli tal-Ħadid jew tal-Azzar miċ-Ċina, WT/DS397/AB/RW.

(8)  Għandu jiġi nnotat ukoll li l-prezzijiet fis-settur tal-azzar Ċiniż huma mxekkla minħabba attivitajiet tal-SOEs u diversi skemi ta' sussidju. Ara inter alia: “Azzar: Iż-żamma tal-impjiegi sostenibbli u t-tkabbir fl-Ewropa” (COM(2016) 155 final; kif ukoll “Subsidies to Chinese Industry: State Capitalism, Business Strategy and Trade Policy ” ta' Usha C. V. Haley u George T. Haley, Oxford University Press, USA, il-25 ta' April, 2013.

(9)  Dan il-metodu ġie aċċettat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Diċembru 2011, fil-kawża T-423/09, Dashiqiao v il-Kunsill, ECLI:EU:T:2011:764, il-paragrafi minn 34 sa 50.

(*1)  parti mill-Grupp Yuli-Judd.

(10)  Il-paragun bejn tipi ta' prodotti simili mibjugħa mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u l-produttur esportatur Tajwaniż, jiġifieri l-45 tip ta' prodotti, juri li l-prezzijiet medji tat-tagħmir Ċiniż mingħajr saldatura huwa madwar 15 % ogħla meta mqabbel mal-medja tat-tagħmir iwweldjat Tajwaniż. Fid-dawl ta' kwalità ħafna ogħla tal-azzar mingħajr saldatura u l-influwenza ta' din il-kwalità fuq id-deċiżjoni ta' xiri, il-prodotti huma għalhekk f'kompetizzjoni, anki jekk jiġi applikat test ibbażat fuq id-dritt tal-kompetizzjoni.

(11)  Irreferi għas-sit web tal-Borża tal-Metall ta' Londra (London Metal Exchange), https://www.lme.com/en-gb/metals/non-ferrous/nickel/.

(*2)  parti mill-Grupp Yuli-Judd.

(*3)  għandha tiġi applikata lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun: Alfa Laval Flow Equipment (Kunshan) Co., Ltd, Kunshan Kinglai Hygienic Materials Co.,Ltd,, Wifang Huoda Pipe Fittings Manufacture Co., Ltd,Yada Piping Solutions Co., Ltd,Jiangsu Huayang Metal Pipes Co., Ltd.

(*4)  għandu jiġi applikat lill-kumpaniji li ma kkooperawx u lil Shanghai Max Fittings Co., Ltd (oriġinarjament kumpanija inkluża fil-kampjun li rtirat il-kooperazzjoni tagħha).