24.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 18/42


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/110

tat-23 ta' Jannar 2017

li jemenda l-Annessi IV u X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għall-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSEs) fl-annimali. Dan japplika għall-produzzjoni u għat-tqegħid fis-suq ta' annimali ħajjin u ta' prodotti mill-annimali u f'ċerti każijiet speċifiċi l-esportazzjonijiet tagħhom.

(2)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprojbixxi t-tagħlif ta' proteini dderivati mill-annimali lir-ruminanti u l-Kapitolu I tal-Anness IV ta' dak ir-Regolament jestendi dik il-projbizzjoni. Il-Kapitolu II ta' dak l-Anness jistabbilixxi għadd ta' derogi minn dik il-projbizzjoni. Il-punt (b)(ii) tal-Kapitolu II tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li l-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għat-tagħlif ta' annimali mrobbija li mhumiex ruminanti bil-ħut mitħun u bl-għalf kompost li fih il-ħut mitħun, li jiġu prodotti, imqiegħda fis-suq u użati skont il-Kapitolu III tal-Anness IV u l-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati fit-Taqsima A tal-Kapitolu IV ta' dak l-Anness. Barra minn dan, il-punt (d) tal-Kapitolu II tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li l-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għat-tagħlif ta' annimali ruminanti mhux miftuma b'sostituti tal-ħalib li fihom il-ħut mitħun, li jiġu prodotti, imqiegħda fis-suq u użati skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati fit-Taqsima E tal-Kapitolu IV ta' dak l-Anness.

(3)

Il-punt (a) tat-Taqsima A tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jeħtieġ li l-ħut mitħun irid jiġi prodott f'impjanti tal-ipproċessar iddedikati esklużivament għall-produzzjoni ta' prodotti dderivati minn annimali akkwatiċi, għajr il-mammiferi tal-baħar. Il-punt (a) tat-Taqsima E ta' dak il-Kapitolu jitlob li l-ħut mitħun użat fis-sostituti tal-ħalib għat-tagħlif ta' ruminanti mhux miftuma jrid jiġi prodott f'impjanti tal-ipproċessar iddedikati esklużivament għall-produzzjoni ta' prodotti dderivati minn annimali akkwatiċi, u għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fil-Kapitolu III.

(4)

Il-Punt 1(e)(ii) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiddefinixxi l-“annimali akkwatiċi” billi jirreferi għad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (2) bħala (i) ħut li jaqa' taħt is-superklassi Agnatha u taħt il-klassijiet Chondrichthyes u Osteichthyes, (ii) mollusk li jaqa' taħt il-Phylum Mollusca, u (iii) krustaċju li jaqa' taħt is-Subphylum Crustacea.

(5)

Għalhekk, peress li d-definizzjoni ta' “annimali akkwatiċi” stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 ma tkoprix l-annimali invertebrati għajr il-molluski u l-krustaċji, ir-rekwiżiti tal-punt (a) tat-Taqsima A u l-punt (a) tat-Taqsima E tal-Kapitolu IV tal-Anness IV ta' dak ir-Regolament ma jippermettux l-użu tal-istilel tal-baħar selvaġġi u tal-invertebrati akkwatiċi tat-trobbija, għajr il-molluski u l-krustaċji, għall-produzzjoni tal-ħut mitħun. Peress li l-użu tad-dqiq għall-ikel prodott mill-istilel tal-baħar selvaġġi u invertebrati akkwatiċi tat-trobbija, għajr molluski u krustaċji, fl-għalf għall-annimali mhux ruminanti ma jirrappreżentax riskju ogħla ta' trażmissjoni ta' TSEs mill-użu tal-ħut mitħun f'għalf bħal dan, ir-rekwiżiti tal-punt (a) tat-Taqsima A u tal-punt (a) tat-Taqsima E tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom jiġu emendati biex tiżdied il-possibbiltà li jintużaw l-istilel tal-baħar jew l-invertebrati akkwatiċi tat-trobbija, għajr il-molluski u l-krustaċji, għall-produzzjoni tal-ħut mitħun.

(6)

Sabiex jitħares l-ambjent, l-użu tal-istilel tal-baħar għall-produzzjoni tal-ħut mitħun għandu jkun ristrett għall-każijiet fejn l-istilel tal-baħar ikunu qed jimmultiplikaw u jirrappreżentaw theddida f'żona ta' produzzjoni tal-akkwakultura. Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-punt (a) tat-Taqsima A u tal-punt (a) tat-Taqsima E tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom jinkludu biss stilel tal-baħar li jiġu mill-ħsad ta' żona ta' produzzjoni tal-molluski.

(7)

Għalhekk, l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-Punt 4 tal-Kapitolu C tal-Anness X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi l-listi ta' testijiet rapidi approvati għall-monitoraġġ ta' TSEs f'annimali bovini, ovini u kaprini. Fit-8 ta' April 2016, il-grupp Prionics informa lill-Kummissjoni li kien se jieqaf mill-manifattura tal-kitt tad-dijanjosi Prionics Check PrioSTRIP SR mill-15 ta' April 2016. Dan il-kitt tad-dijanjosi għandu għalhekk jitħassar mil-lista ta' testijiet rapidi approvati għat-TSE fl-annimali ovini u kaprini. Ir-raba' inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 4 tal-Kapitolu C tal-Anness X għalhekk għandu jitħassar.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi IV u X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni taiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14).


ANNESS

L-Annessi IV u X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness IV, il-Kapitolu IV huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (a) tat-Taqsima A jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

il-ħut mitħun irid jiġi prodott f'impjanti tal-ipproċessar iddedikati esklużivament għall-produzzjoni ta' prodotti derivati minn:

(i)

annimali akkwatiċi, għajr mammali tal-baħar,

(ii)

invertebrati akkwatiċi tat-trobbija għajr dawk li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' “annimali akkwatiċi” prevista fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2006/88/KE, jew

(iii)

stilel tal-baħar tal-ispeċi Asterias rubens li l-ħsad tagħhom isir f'żona ta' produzzjoni kif iddefinit fil-punt 2.5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u li huma kklassifikati skont dan;”

(b)

Il-punt (a) fit-Taqsima E jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

il-ħut mitħun użat fis-sostituti tal-ħalib irid jiġi prodott f'impjanti tal-ipproċessar iddedikati esklużivament għall-produzzjoni ta' prodotti derivati minn:

(i)

annimali akkwatiċi, għajr mammali tal-baħar,

(ii)

invertebrati akkwatiċi tat-trobbija għajr dawk li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' “annimali akkwatiċi” prevista fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2006/88/KE, jew

(iii)

stilel tal-baħar tal-ispeċi Asterias rubens li l-ħsad tagħhom isir f'żona ta' produzzjoni kif iddefinit fil-punt 2.5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u li huma kklassifikati skont dan.

Il-ħut mitħun użat fis-sostituti tal-ħalib għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fil-Kapitolu III.”

(2)

Fl-Anness X, il-Kapitolu C, ir-raba' inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 4 qed jitħassar.