18.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/86

tal-20 ta' Ottubru 2016

li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b'mod progressiv l-iskartar mis-sajd kollu tal-UE permezz tal-introduzzjoni ta' obbligu tal-ħatt l-art.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-pjanijiet ta' skartar permezz ta' atti delegati għal perjodu ta' mhux iżjed minn tliet snin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti li jiġu żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, Malta u s-Slovenja għandhom interess dirett fil-ġestjoni tal-Baħar Mediterran. Fl-4 u fis-7 ta' Lulju 2016, dawk l-Istati Membri ressqu tliet rakkomandazzjonijiet konġunti quddiem il-Kummissjoni għall-pjanijiet ta' skartar għas-sajd demersali fil-Baħar Adrijatiku, fix-Xlokk tal-Baħar Mediterran, u fil-Punent tal-Baħar Mediterran rispettivament (2), wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar Mediterran. Inkiseb kontribut xjentifiku mill-korpi xjentifiċi rilevanti. Skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, f'dan ir-Regolament għandhom jiddaħħlu biss dawk il-miżuri li jikkonformaw mal-Artikolu 15(6) ta' dak ir-Regolament.

(4)

Rigward il-Baħar Mediterran, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi obbligu tal-ħatt l-art għall-qabdiet kollha tal-ispeċijiet li huma suġġetti għal-limiti fuq il-qbid u għall-qabdiet tal-ispeċijiet li huma suġġetti għad-daqsijiet minimi kif iddefiniti fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (3). Skont l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-ħatt l-art għandu japplika għall-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd minn mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2017.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti jissuġġerixxu li għandha tiġi applikata eżenzjoni mill-obbligu tal-ħatt l-art tal-lingwata komuni (Solea solea) fil-Baħar Adrijatiku u tal-molluski bivalvi Pellegrina (Pecten jacobeus), għall-Carpet-clams (Venerupis spp.) u għall-Venus-shells (Venus spp.) fil-Punent tal-Baħar Mediterran, billi jista' jkun hemm rati għoljin ta' sopravvivenza meta jitqiesu l-karatteristiċi tal-irkaptu, tal-prattiki tas-sajd u tal-ekosistema.

(6)

Fl-evalwazzjoni tiegħu, il-Kumitat Xjentifiku (4), Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) jikkonkludi li hemm bżonn li jsiru aktar studji biex jikkorroboraw is-sejbiet eżistenti marbutin mar-rati għoljin ta' sopravvivenza tal-lingwata komuni, tal-Pellegrina, tal-Carpet-clams u tal-Venus-shells. Billi ma hemmx evidenza konklużiva fuq ir-rati ta' sopravvivenza ta' dawn l-ispeċijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-eżenzjoni tas-sopravvivenza li hi permessa skont l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tiddaħħal f'dan ir-Regolament għal sena waħda biss. L-Istati Membri kkonċernati għandhom iressqu d-dejta rilevanti lill-Kummissjoni biex l-STECF ikun jista' jevalwa bis-sħiħ il-ġustifikazzjonijiet għall-eżenzjoni u biex il-Kummissjoni tkun tista' tevalwa l-eżenzjonijiet rilevanti.

(7)

Abbażi tal-evidenza xjentifika mogħtija fir-rakkomandazzjoni konġunta, l-evalwazzjoni tal-STECF, u billi jitqiesu l-karatteristiċi tal-irkapti, l-għadd kbir ta' speċijiet f'kull attività ta' sajd, ix-xejriet tas-sajd u l-partikolaritajiet tal-Baħar Mediterran (eż. il-predominanza ta' attivitajiet tas-sajd żgħar), il-Kummissjoni hija tal-fehma li biex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati fit-trattament tal-qabdiet inċidentali, u bi qbil mal-Artikolu 15(5)(c)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jixraq li tiġi stabbilita eżenzjoni de minimis skont il-livell tal-perċentwali li ġew proposti fir-rakkomandazzjonijiet konġunti fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 15(5)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(8)

Biex ikun żgurat kontroll xieraq, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti speċifiċi għall-Istati Membri biex jistabbilixxu l-listi tal-bastimenti li jkunu koperti minn dan ir-Regolament.

(9)

Billi l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbutin mal-istaġun tas-sajd u fuq l-ippjanar tiegħu għall-bastimenti tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih malli jiġi ppubblikat. Bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet konġunti, u meta titqies l-iskeda taż-żmien stabbilita fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, dan ir-Regolament għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2017,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art

L-obbligu tal-ħatt l-art stipulat fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika fil-Baħar Mediterran għas-sajd kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

L-obbligu tal-ħatt l-art għandu japplika għall-ispeċijiet imsemmija f'dak l-Anness meta jinqabdu waqt attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni f'ilmijiet barra dawk tal-Unjoni li mhumiex suġġetti għas-sovranità jew għall-ġurisdizzjoni ta' xi pajjiż terz.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“il-Baħar Mediterran” tfisser l-ilmijiet marittimi tal-Mediterran fl-Ilvant tal-linja 5°36′ tal-Punent;

(b)

“is-Sottożoni Ġeografiċi tal-GFCM” tfisser is-Sottożoni Ġeografiċi tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) kif inhuma ddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(c)

“il-Punent tal-Baħar Mediterran” tfisser is-Sottożoni Ġeografiċi 1, 2, 5, 6, 7, 8, 9, 10 u 11 tal-GFCM;

(d)

“il-Baħar Adrijatiku” tfisser is-Sottożoni Ġeografiċi 17 u 18 tal-GFCM;

(e)

“ix-Xlokk tal-Baħar Mediterran” tfisser is-Sottożoni Ġeografiċi 15, 16, 19, 20, 22, 23 u 25 tal-GFCM.

L-Artikolu 3

L-eżenzjoni tas-sopravvivenza

1.   L-eżenzjoni mill-obbligu tal-ħatt l-art skont l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li dwarhom l-evidenza xjentifika turi li għandhom rati għoljin ta' sopravvivenza, fl-2017 għandha tapplika għall:

(a)

lingwata komuni (Solea solea) li tinqabad bix-xibka tat-tkarkir bi travu, (TBB) (6) fis-Sottożoni Ġeografiċi 17 u 18;

(b)

Pellegrina (Pecten jacobeus) li tinqabad bil-gangmi mekkanizzati fis-Sottożoni Ġeografiċi 1, 2, 5 u 6;

(c)

Carpet-clams (Venerupis spp.) li jinqabdu bil-gangmi mekkanizzati (HMD) fis-Sottożoni Ġeografiċi 1, 2, 5 u 6;

(d)

Venus-shells (Venus spp.) li jinqabdu bil-gangmi mekkanizzati (HMD) fis-Sottożoni Ġeografiċi 1, 2, 5 u 6.

2.   Il-lingwata komuni (Solea solea), il-Pellegrina (Pecten jacobeus), il-Carpet-clams (Venerupis spp.) u l-Venus-shells (Venus spp.) li jinqabdu fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinħelsu minnufih fiż-żona fejn ikunu nqabdu.

3.   Sal-1 ta' Mejju 2017, l-Istati Membri li għandhom interess dirett fil-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar Mediterran lill-Kummissjoni għandhom jippreżentawlha dejta dwar l-iskartar addizzjonali barra dik prevista fir-Rakkomandazzjonijiet Konġunti tal-4 u tas-7 ta' Lulju 2016, jew kull informazzjoni xjentifika rilevanti oħra li ssostni l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-sajd (STECF) għandu jevalwa dik id-dejta u dik l-informazzjoni sa mhux aktar tard minn Lulju 2017.

L-Artikolu 4

L-eżenzjoni de minimis

B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati skont l-Artikolu 15(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 il-kwantitajiet mill-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd kif stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament:

(a)

fil-Punent tal-Baħar Mediterran (il-punt 1 tal-Anness):

(i)

fil-każ tal-merluzz (Merluccius merluccius) u tat-trilja tal-ħama (Mullus spp.), sa massimu ta' 7 % fl-2017 u fl-2018 u sa massimu ta' 6 % fl-2019, tal-qabdiet annwali totali ta' dawn l-ispeċijiet minn bastimenti li jużaw l-ixbieki tat-tkarkir; u

(ii)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u t-trilja tal-ħama (Mullus spp.), sa massimu ta'1 % tal-qabdiet annwali totali ta' dawn l-ispeċijiet minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tal-garġi mqabbda fil-qiegħ;

(b)

fil-Baħar Adrijatiku (il-punt 2 tal-Anness):

(i)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u t-trilja tal-ħama (Mullus spp.), sa 7 % fl-2017 u fl-2018 u sa 6 % fl-2019, tal-qabdiet annwali totali ta' dawn l-ispeċijiet minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir;

(ii)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u għat-trilja tal-ħama (Mullus spp.), sa 1 % tal-qabdiet annwali totali ta' dawn l-ispeċijiet minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tal-garġi mqabbda;

(iii)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u għat-trilja tal-ħama (Mullus spp.), sa 1 % tal-qabdiet annwali totali ta' dawn l-ispeċijiet minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu;

(iv)

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa 3 % fl-2017 u fl-2018 u sa 2 % fl-2019 tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir; u

(v)

għal-lingwata komuni (Solea solea), 0 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tal-garġi mqabbda;

(c)

fix-Xlokk tal-Baħar Mediterran (il-punt 3 tal-Anness):

(i)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u t-trilja tal-ħama (Mullus spp.), sa 7 % fl-2017 u fl-2018 u sa 6 % fl-2019, tal-qabdiet annwali totali ta' dawn l-ispeċijiet minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir;

(ii)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u għat-trilja tal-ħama (Mullus spp.), sa 1 % tal-qabdiet annwali totali ta' dawn l-ispeċijiet minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tal-garġi mqabbda; u

(iii)

għall-gamblu roża tal-mediterran (Parapenaeus longirostris), sa 7 % fl-2017 u fl-2018 u sa 6 % fl-2019 tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir.

L-Artikolu 5

Il-lista tal-bastimenti

1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw, skont il-kriterji stipulati fl-Anness, liema bastimenti jkunu suġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art għal kull attività ta' sajd partikolari.

2.   Sal-31 ta' Diċembru 2016, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, permezz tas-sit web ta' kontroll tal-Unjoni, il-listi tal-bastimenti kollha li jistadu għall-merluzz, għat-trilja tal-ħama, għal-lingwata komuni u għall-gamblu roża tal-mediterran. Dawn il-listi għandhom jinżammu aġġornati.

L-Artikolu 6

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  (i) Il-Pjan ta' Skartar għas-Sajd Demersali fil-Baħar Adrijatiku (is-Sottożoni Ġeografiċi 17 u 18) — Rakkomandazzjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli ADRIATICA (il-Kroazja, l-Italja u s-Slovenja), (ii) il-Pjan ta' Skartar għas-Sajd Demersali fix-Xlokk tal-Baħar Mediterran (is-Sottożoni Ġeografiċi 15, 16, 19, 20, 22, 23 u 25) — Rakkomandazzjoni Konġunta tal-Grupp ta' Livell Għoli SUDESTMED (Ċipru, il-Greċja, l-Italja u Malta), u (iii) il-Pjan ta' Skartar għas-Sajd Demersali fil-Punent tal-Baħar Mediterran (is-Sottożoni Ġeografiċi 1, 2, 5, 6, 7, 8, 9, 10 u 11) — Rakkomandazzjoni Konġunta tal-Grupp ta' Livell Għoli PESCAMED (Franza, l-Italja u Spanja).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(4)  Ir-rapporti tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) — Evaluation of the landing obligation joint recommendations (STECF-16-10). 2016. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, EUR 27758 EN, JRC XXXX, 104 pp. Disponibbli https://bookshop.europa.eu/en/reports-of-the-scientific-technical-and-economic-committee-for-fisheries-stecf--pbLBAX16010/?CatalogCategoryID=0A4KABsty0gAAAEjqJEY4e5L.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).

(6)  Il-kodiċijiet tal-irkapti li ntużaw f'dan ir-Regolament jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1). Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkapti li ntużaw f'din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkapti tal-Ftehim li jippromwovi l-Konformità mal-Miżuri Internazzjonali ta' Konservazzjoni u Ġestjoni mill-Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Miftuħa (FAO).


ANNESS

1.   Il-Punent tal-Baħar Mediterran

Sajd

Irkaptu tas-sajd

L-obbligu ta' ħatt l-art

Merluzz (Merluccius merluccius)

Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ kollha

(OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX)

Fejn it-total ta' ħatt l-art għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2014 u l-2015 jikkonsisti minn iktar minn 25 % ta' Merluzz, l-obbligu ta' ħatt l-art japplika għall-Merluzz.

Il-konzijiet kollha

(LL, LLS, LLD, LX, LTL, LHP, LHM)

Ix-xbieki tal-garġi mqabbda fil-qiegħ u l-pariti kollha

(GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN)

Trilja tal-ħama (Mullus barbatus)

Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ kollha

(OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX)

Fejn it-total ta' ħatt l-art għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2014 u l-2015 jikkonsisti minn iktar minn 25 % tat-Trilja tal-ħama, l-obbligu ta' ħatt l-art japplika għat-Trilja tal-ħama.

Il-konzijiet kollha

(LL, LLS, LLD, LX, LTL, LHP, LHM)

Ix-xbieki tal-garġi mqabbda fil-qiegħ u l-pariti kollha

(GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN)

Arzelli (Pecten jacobeus), Vongole (Venerupis spp.), Gandoffli (Venus spp.) fil-GSAs 1, 2, 5 u 6

HMD

Il-gangmi mekkanizzati kollha.

2.   Il-Baħar Adrijatiku

Sajd

Irkaptu tas-sajd

L-obbligu ta' ħatt l-art

Merluzz (Merluccius merluccius), Trilja tal-ħama (Mullus barbatus), Lingwata komuni (Solea solea)

Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ kollha

(OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX, TBB)

Fejn it-total ta' ħatt l-art għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2014 u l-2015 jikkonsisti minn iktar minn 25 % ta' Merluzz, jew Trilja tal-ħama jew Lingwata komuni, l-obbligu ta' ħatt l-art japplika għall-Merluzz, jew għat-Trilja tal-ħama jew għal-Lingwata komuni jew kollha f'daqqa.

Ix-xbieki tal-garġi mqabbda fil-qiegħ u l-pariti kollha

(GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN)

3.   Ix-Xlokk tal-Baħar Mediterran

Sajd

Irkaptu tas-sajd

L-obbligu ta' ħatt l-art

Merluzz (Merluccius merluccius), Trilja tal-ħama (Mullus barbatus), Gamblu abjad (Parapenaeus longirostris)

Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ kollha

(OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX)

Fejn it-total ta' ħatt l-art għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2014 u l-2015 jikkonsisti minn iktar minn 25 % ta' Merluzz, jew Trilja tal-ħama, jew Gamblu Abjad, l-obbligu ta' ħatt l-art japplika għall-Merluzz, jew għat-Trilja tal-ħama, jew għall-Gamblu Abjad, jew kollha f'daqqa.

Ix-xbieki tal-garġi mqabbda fil-qiegħ u l-pariti kollha

(GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN)