10.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/39

tat-3 ta' Novembru 2016

dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta' frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25 u l-Artikolu 223(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 62(2)(a) sa (d) u 64(7)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(5) tiegħu,

Billi:

(1)

It-Taqsima I tal-Kapitolu II tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tistipula żewġ skemi ta' għajnuna maħsuba biex itejbu d-distribuzzjoni tal-prodotti agrikoli lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi. L-ewwel skema għandha x'taqsam mal-provvista tal-frott u l-ħxejjex, il-frott u l-ħxejjex ipproċessati u l-prodotti tal-banana (l-Iskema tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel) u t-tieni waħda għandha x'taqsam mal-provvista tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (l-Iskema tal-ħalib fl-iskejjel). Dawk iż-żewġ skemi huma sostitwiti minn skema waħda introdotta mir-Regolament (UE) 2016/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) b'effett mis-sena skolastika 2017/2018. Din l-iskema waħedha tistipula qafas komuni ġdid għall-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista tal-frott u l-ħxejjex, tal-prodotti pproċessati tal-frott u l-ħxejjex, tal-prodotti friski tas-settur tal-banana (“il-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel”) u għall-provvista tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (“il-ħalib fl-iskejjel”) lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi (l-“iskema tal-iskejjel”). Ir-Regolament ((UE) Nru 1308/2013 kif emendat mir-Regolament (UE) 2016/791 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni wkoll. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-iskema tal-iskejjel skont il-qafas il-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' atti bħal dawn. Dawk l-atti għandhom jieħdu post ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) Nru 1047/2014 (5) u (UE) 2016/247 (6), ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/248 (7) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 657/2008 (8). Dawk l-atti huma mħassra mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 (9).

(2)

F'konformità mal-Artikolu 23(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri li jkunu jixtiequ jipparteċipaw fl-iskema tal-iskejjel jeħtieġ li jfasslu strateġija għall-implimentazzjoni tagħha. Sabiex tkun tista' tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel, jenħtieġ li jiġu ddefiniti l-elementi tal-istrateġija. Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv, jixraq li ssir distinzjoni bejn dawk l-elementi li għandhom jiġu inklużi fl-istrateġija u dawk li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni meta jintalbu, jiġifieri fil-każ ta' verifiki, jekk ma jkunux inklużi fl-istrateġija.

(3)

Għall-fini ta' amministrazzjoni soda u ġestjoni korretta tal-baġit, l-Istati Membri li jimplimentaw l-iskema tal-iskejjel jeħtieġ li jippreżentaw talba għall-għajnuna tal-Unjoni fuq bażi annwali. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ddefinit il-kontenut ta' din it-talba.

(4)

Jenħtieġ li jiġu ddeterminati l-kontenut u l-frekwenza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna ppreżentati mill-applikanti għall-għajnuna, kif ukoll ir-regoli dwar il-preżentazzjoni ta' dawk l-applikazzjonijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi speċifikata l-evidenza meħtieġa għas-sostenn tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll il-penali li jridu jiġu applikati mill-awtorità kompetenti meta applikazzjoni għall-għajnuna tiġi ppreżentata tard.

(5)

Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-għajnuna jiġu ċċarati aktar sabiex titqies id-distinzjoni bejn l-għajnuna għall-provvista u għad-distribuzzjoni tal-prodotti u l-għajnuna għat-twettiq tal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, tal-monitoraġġ, tal-evalwazzjoni u tar-reklamar. Jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll il-kontenut tal-evidenza ddokumentata meħtieġa għas-sostenn ta' kull applikazzjoni għall-ħlas tal-għajnuna.

(6)

Jenħtieġ li jiġu definiti l-iskadenzi għat-trasferimenti bejn l-allokazzjonijiet finanzjarji għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib għall-iskejjel, u l-preżentazzjoni, il-format u l-kontenut tan-notifiki tat-trasferiment lill-Kummissjoni.

(7)

Sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal sħiħ tal-fondi disponibbli, il-Kummissjoni jeħtieġ li tadotta l-miżuri biex tiġi riallokata l-għajnuna tal-Unjoni mhux mitluba bejn l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema tal-iskejjel li nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jużaw ammont ogħla mill-allokazzjoni disponibbli tagħhom, skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013. Jenħtieġ li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet għal dawk it-trasferimenti tal-fondi bejn l-Istati Membri.

(8)

Sabiex tiġi vvalutata l-effettività tal-iskema tal-iskejjel u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jtejbu aktar l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultati u bis-sejbiet tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni tagħhom tal-iskema. Għal raġunijiet ta' ċarezza, jixraq li tiġi ffissata data għan-notifika tar-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ annwali u tar-rapport ta' evalwazzjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk id-dokumenti.

(9)

Sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu adottati miżuri effettivi ta' kontroll għall-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi. Dawn il-miżuri ta' kontroll għandhom jinvolvu verifika amministrattiva sistematika tal-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna, issupplementata b'verifiki fuq il-post. Il-kamp ta' applikazzjoni, il-kontenut, it-twaqqit u r-rappurtar ta' dawk il-miżuri ta' kontroll jeħtieġ li jiġu speċifikati sabiex jiżguraw approċċ ekwu u uniformi bejn l-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-implimentazzjoni differenti tagħhom tal-iskema tal-iskejjel.

(10)

L-ammonti mħallsa bi żball jeħtieġ li jiġu rkuprati skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (10).

(11)

F'konformità mal-Artikolu 23(10) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-pubbliku jeħtieġ li jkun konxju biżżejjed tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-iskema tal-iskejjel. Minbarra d-dispożizzjoni dwar il-kartellun stipulata fir-Regolament Delegat (UE) 2017/40, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-reklamar tal-iskema tal-iskejjel u dwar l-użu tal-emblema tal-Unjoni.

(12)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u definizzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1370/2013 fir-rigward tal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni tal-frott u l-ħxejjex, tal-prodotti pproċessati tal-frott u l-ħxejjex u tal-prodotti friski tas-settur tal-banana (“il-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel”), u tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (“il-ħalib fl-iskejjel”) lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, għall-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament u għal ċerti spejjeż relatati fil-qafas tal-iskema msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“l-iskema tal-iskejjel”).

2.   Għall-finijiet tal-iskema tal-iskejjel, “sena skolastika” tfisser perjodu li jibda mill-1 ta' Awwissu sal-31 ta' Lulju tas-sena ta' wara.

Artikolu 2

Strateġiji tal-Istati Membri

1.   L-istrateġija ta' Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 23(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

il-livell amministrattiv li fih se tiġi implimentata l-iskema tal-iskejjel;

(b)

il-ħtiġijiet li jridu jiġu indirizzati permezz tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel u l-klassifikazzjoni tagħhom f'termini ta' prijoritajiet;

(c)

ir-riżultati li mistennija jinkisbu permezz tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel u l-indikaturi biex titkejjel il-kisba tagħhom;

(d)

is-sitwazzjoni inizjali li fir-rigward tagħha se jitkejjel il-progress fil-kisba tar-riżultati, abbażi tad-dejta disponibbli;

(e)

il-baġit stmat għall-elementi ewlenin tal-iskema tal-iskejjel fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u tal-ħalib fl-iskejjel, kif ukoll il-baġit għal elementi li jikkonċernaw l-iskema sħiħa għall-iskejjel;

(f)

il-grupp fil-mira;

(g)

il-lista tal-prodotti, skont il-gruppi tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 23(3), (4) u (5) u, jekk applikabbli, (7) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li għandhom jiġu pprovduti fi ħdan l-iskema tal-iskejjel;

(h)

jekk il-prodotti ma jkunux disponibbli mingħajr ħlas fi ħdan l-iskema tal-iskejjel, l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-ammont tal-għajnuna tal-Unjoni huwa rifless b'mod xieraq fil-prezz ta' dawk il-prodotti;

(i)

jekk jiġu awtorizzati t-tabelli standard ta' kostijiet unitarji, il-finanzjament b'rata fissa u/jew il-finanzjament b'somma sħiħa, il-metodu ta' kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli użat għall-istabbiliment tagħhom; jekk tintuża sistema bbażata fuq il-kost, l-arranġamenti biex tiġi vvalutata r-raġonevolezza tal-kostijiet ippreżentati mill-applikanti għall-għajnuna;

(j)

l-għanijiet u l-kontenut tal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament;

(k)

il-proċeduri dwar l-involviment tal-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti;

(l)

il-proċeduri biex jintgħażlu l-fornituri tal-prodotti, tal-materjali u tas-servizzi fi ħdan l-iskema tal-iskejjel;

(m)

l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ għar-reklamar tal-għoti ta' għajnuna tal-Unjoni fi ħdan l-iskema tal-iskejjel.

2.   L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, fuq talba, l-informazzjoni li ġejja, jekk din ma tkunx inkluża fl-istrateġija:

(a)

il-kriterji għall-għażla tal-prodotti li se jkunu forniti fi ħdan l-iskema tal-iskejjel u l-prijorità jew il-prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 23(11) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(b)

l-arranġamenti għall-forniment u/jew id-distribuzzjoni tal-prodotti, inkluż fir-rigward tal-kostijiet eliġibbli, il-frekwenza prevista u t-twaqqit tad-distribuzzjoni u, f'każ li tiġi permessa d-distribuzzjoni fil-qafas tal-ikliet regolari fl-iskejjel, il-miżuri meħuda sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40;

(c)

jekk ikunu stabbiliti l-prezzijiet massimi li jridu jitħallsu mill-benefiċjarji għall-prodotti, il-materjali u s-servizzi disponibbli fi ħdan l-iskema tal-iskejjel, il-metodu ta' kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli użat għall-istabbiliment tagħhom;

(d)

l-ammont ta' għajnuna nazzjonali jekk din l-għajnuna tingħata b'żieda mal-għajnuna tal-Unjoni għall-iskema tal-iskejjel;

(e)

jekk l-iskemi nazzjonali eżistenti jiġu estiżi jew isiru aktar effettivi permezz tal-għajnuna tal-Unjoni, l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ biex jiġi żgurat il-valur miżjud tal-iskema tal-iskejjel;

(f)

jekk jiġu distribwiti l-prodotti msemmija fl-Artikolu 23(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-arranġamenti sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna tal-Unjoni titħallas biss għall-komponent tal-ħalib ta' dawk il-prodotti, u ma taqbiżx l-ammont imsemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013;

(g)

l-istrutturi, l-arranġamenti u l-formoli stabbiliti għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-iskema tal-iskejjel skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 u għall-verifiki b'konformità mal-Artikoli 9 u 10 ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-istrateġiji tal-Istati Membri.

Artikolu 3

Talba mill-Istati Membri għall-għajnuna tal-Unjoni

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw sal-31 ta' Jannar ta' kull sena t-talba tagħhom għall-għajnuna tal-Unjoni b'rabta mas-sena skolastika li jmiss u, jekk applikabbli, jaġġornaw it-talba għall-għajnuna tal-Unjoni b'rabta mas-sena skolastika attwali. It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

Informazzjoni relatata mas-sena skolastika li jmiss:

(i)

l-allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel, stabbilita fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013;

(ii)

ir-rieda biex parti mill-allokazzjoni indikattiva għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel tiġi ttrasferita għall-allokazzjoni indikattiva l-oħra, sal-perċentwal massimu msemmi fl-Artikolu 23a(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kif ukoll il-perċentwal u l-ammont tat-trasferiment;

(iii)

ir-rieda li tintuża aktar mill-allokazzjoni indikattiva għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel u l-ammont addizzjonali massimu mitlub, jekk tkun disponibbli allokazzjoni addizzjonali;

(iv)

l-ammont tal-allokazzjoni indikattiva li mhijiex mitluba, jekk ma jkunx hemm rieda li jintuża l-ammont kollu tal-allokazzjoni indikattiva għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel;

(v)

l-ammont totali mitlub għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel.

(b)

Informazzjoni relatata mas-sena skolastika attwali:

(i)

it-trasferiment bejn l-allokazzjonijiet definittivi msemmija fl-Artikolu 23a(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(ii)

jekk ma jkunx hemm rieda li jintuża l-ammont kollu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel għas-sena skolastika attwali, l-ammont li ma jkunx se jintalab għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel;

(iii)

ir-rieda li jintuża aktar mill-ammont kollu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel għad-dispożizzjoni tagħhom fis-sena skolastika attwali, jekk tkun disponibbli allokazzjoni addizzjonali.

L-ammonti msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu espressi f'EUR.

Artikolu 4

Applikazzjoni għall-għajnuna ppreżentata mill-applikanti għall-għajnuna

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-forma, il-kontenut u l-frekwenza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-istrateġija tagħhom u r-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6.

2.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kwantitajiet tal-prodotti distribwiti skont il-gruppi tal-prodotti kif imsemmija fil-paragrafi (3), (4), (5) u, jekk applikabbli, (7) tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(b)

l-identifikazzjoni tal-applikant u l-isem u l-indirizz jew in-numru uniku tal-identifikazzjoni tal-istabbilimenti jew tal-awtoritajiet edukattivi li lilhom ġew distribwiti dawk il-kwantitajiet;

(c)

l-għadd ta' tfal fir-reġistru tal-iskola fil-bidu tas-sena skolastika fl-istabbiliment jew fl-istabbilimenti edukattivi intitolati li jirċievu l-prodotti koperti mill-iskema tal-iskejjel matul il-perjodu kopert mill-applikazzjoni għall-għajnuna.

3.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti u mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament jistgħu jkopru perjodi ta' bejn ġimagħtejn u s-sena skolastika sħiħa.

4.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jiġu ppreżentati fi żmien tliet xhur minn tmiem il-perjodu li jkopru jew, fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni jew ir-reklamar, mid-data tal-konsenja tal-materjal jew tas-servizz.

5.   Jekk il-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 4 jinqabeż b'anqas minn 60 jum kalendarju, l-għajnuna għandha titħallas iżda għandha titnaqqas kif ġej:

(a)

b'5 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'1 sa 30 jum kalendarju;

(b)

b'10 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'31 sa 60 jum kalendarju.

Ladarba l-limitu ta' żmien jinqabeż b'aktar minn 60 jum kalendarju, l-għajnuna għandha tkompli titnaqqas b'1 % għal kull jum addizzjonali, ikkalkulat fuq il-bilanċ li jifdal.

6.   L-ammonti mitluba fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom ikunu sostnuti minn evidenza ddokumentata li turi l-prezz tal-prodotti, tal-materjal jew tas-servizzi konsenjati flimkien ma' rċevuta jew prova ta' ħlas jew ekwivalenti. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati b'sostenn għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

Fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament; il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-reklamar, l-evidenza dokumentata għandha tinkludi wkoll it-tqassim finanzjarju skont l-attività u d-dettalji tal-kostijiet relatati.

Artikolu 5

Ħlas tal-għajnuna

1.   L-għajnuna relatata mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti għandha titħallas biss:

(a)

Jekk tiġi ppreżentata rċevuta għall-kwantitajiet effettivament ipprovduti u/jew iddistribwiti; jew

(b)

Jekk l-Istat Membru jawtorizza l-użu ta' skali standard ta' kostijiet unitarji, ta' finanzjament b'rata fissa u/jew ta' finanzjament b'somma sħiħa, mal-preżentazzjoni ta' prova alternattiva li l-kwantitajiet ġew fornuti u/jew iddistribwiti għall-iskop tal-iskema tal-iskejjel u ġew imħallsa.

2.   L-għajnuna relatata mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, mal-monitoraġġ, mal-evalwazzjoni u mar-reklamar għandha titħallas biss mal-konsenja tal-materjal jew tas-servizzi kkonċernati u malli tiġi ppreżentata l-evidenza dokumentata relatata kif mitlub mill-awtorità kompetenti jew, jekk l-Istat Membru jawtorizza l-użu tal-iskali standard ta' kostijiet unitarji, tal-finanzjament b'rata fissa u/jew tal-finanzjament b'somma f'daqqa, mal-preżentazzjoni ta' prova alternattiva li l-materjal jew is-servizzi ġew ikkonsenjati u mħallsa.

3.   L-għajnuna għandha titħallas mill-awtorità kompetenti fi żmien tliet xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna għajr jekk ikunu ġew miftuħa inkjesti amministrattivi.

4.   Kwalunkwe għajnuna li tikkonċerna s-sena skolastika 2017/2018 ma għandhiex titħallas mill-awtorità kompetenti qabel il-bidu ta' din is-sena skolastika.

Artikolu 6

Trasferimenti bejn l-allokazzjonijiet

1.   It-trasferimenti bejn l-allokazzjonijiet indikattivi, skont l-Artikolu 23a(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandhom isiru fit-talba għall-għajnuna tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

2.   It-trasferimenti bejn l-allokazzjonijiet definittivi, skont l-Artikolu 23a(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, meta ma jkun sar l-ebda trasferiment bejn l-allokazzjonijiet indikattivi, jistgħu jsiru fit-talba għall-għajnuna tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ammont ta' kwalunkwe trasferimenti bħal dawn sal-31 ta' Jannar tas-sena skolastika li matulha jkunu saru.

Artikolu 7

Riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni

1.   Abbażi tal-ammonti tal-għajnuna tal-Unjoni mitluba skont l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha talloka mill-ġdid l-allokazzjonijiet indikattivi mhux mitluba jew partijiet minnhom mhux mitluba skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013.

Ma għandu jingħata l-ebda ammont addizzjonali lil Stat Membru għall-grupp ta' prodotti li minnu l-Istat Membru kkonċernat ikun għamel trasferiment għall-grupp l-ieħor ta' prodotti skont l-Artikolu 6(1).

Jekk Stat Membru ma jippreżentax talba skont l-Artikolu 3, l-allokazzjonijiet indikattivi ta' dan l-Istat Membru għandhom jitqiesu bħala mhux mitluba.

2.   Il-Kummissjoni tista' tqassam mill-ġdid kwalunkwe allokazzjonijiet definittivi mhux mitluba jew partijiet minnhom mhux mitluba għas-sena skolastika attwali kif notifikat skont l-Artikolu 3(b) fost dawk l-Istati Membri li nnotifikaw ir-rieda tagħhom li jużaw aktar mill-allokazzjonijiet definittivi tagħhom.

Ma għandu jingħata l-ebda ammont addizzjonali lil Stat Membru għall-grupp ta' prodotti li minnu l-Istat Membru kkonċernat ikun għamel trasferiment għall-grupp l-ieħor ta' prodotti skont l-Artikolu 6(2).

Din ir-ridistribuzzjoni għandha ssir fi ħdan l-allokazzjoni għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel jew għall-ħalib fl-iskejjel, abbażi tal-allokazzjonijiet indikattivi tal-Istati Membri li jippreżentaw it-talba. Jekk applikabbli, l-ammonti mhux mitluba mill-Istati Membri fi ħdan l-istess allokazzjoni jistgħu jiġu ddistribwiti lill-Istati Membri li talbu ammonti addizzjonali għall-allokazzjoni l-oħra.

3.   L-ammont tal-allokazzjoni definittiva li jista' jiġi allokat mill-ġdid lil Stat Membru ieħor skont il-paragrafu 1 għandu jkun ibbażat fuq il-livell ta' użu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni fis-sena skolastika preċedenti għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel rispettivament minn dak l-Istat Membru. Filwaqt li tqis id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa li jkunu ntbagħtu lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru ta' qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (11), l-ammont tal-allokazzjoni definittiva għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

(a)

meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva jkun ta' 50 % jew inqas, ma għandha tingħata l-ebda allokazzjoni addizzjonali;

(b)

meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva jaqbeż il-50 % iżda jkun ta' 75 % jew inqas, l-allokazzjoni addizzjonali massima għandha tkun limitata għal 50 % tal-allokazzjoni indikattiva;

(c)

meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva jaqbeż il-75 %, l-allokazzjoni addizzjonali massima ma għandhiex tkun limitata.

Il-kalkolu deskritt fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-kalkolu tal-allokazzjonijiet definittivi għas-snin skolosatiċi 2017/2018 u 2018/2019, kif ukoll għall-Istati Membri l-ġodda li japplikaw l-iskema tal-iskejjel jew wieħed mill-komponenti tagħha matul l-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni.

Artikolu 8

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-monitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 għandu jissejjes fuq id-dejta li toriġina mill-obbligi ta' ġestjoni u ta' kontroll, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ sal-31 ta' Jannar wara tmiem is-sena skolastika kkonċernata.

2.   Għal kull perjodu ta' sitt snin kopert mill-istrateġija mfassla skont l-Artikolu 23(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport ta' evalwazzjoni li jkun fih ir-riżultati tal-evalwazzjoni stipulata fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 tal-perjodu ta' implimentazzjoni li jkopri l-ewwel ħames snin skolastiċi sal-1 ta' Marzu tas-sena ta' wara li jintemm dak il-perjodu.

L-ewwel rapport ta' evalwazzjoni għandu jiġi ppreżentat fl-1 ta' Marzu 2023 jew qabel.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ annwali u r-rapporti ta' evalwazzjoni tal-Istati Membri.

Artikolu 9

Verifiki amministrattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu verifika amministrattiva sistematika tal-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna fi ħdan l-iskema tal-iskejjel.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu d-dokumenti ta' sostenn relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti li jridu jiġu ppreżentati mal-applikazzjoni għall-għajnuna skont l-Artikolu 5. L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki fuq l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna, inkluż kampjun rappreżentattiv tad-dokumenti ta' sostenn ippreżentati mal-applikazzjoni għall-għajnuna.

3.   Il-verifiki amministrattivi mwettqa fir-rigward tal-għajnuna mitluba għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-reklamar u l-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, għandhom jinkludu l-verifika tal-konsenja tal-materjal u tas-servizzi u l-veraċità tan-nefqa ddikjarata.

4.   F'każ ta' għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti u mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, il-verifiki amministrattivi għandhom ikunu ssupplimentati b'verifiki fuq il-post b'konformità mal-Artikolu 10.

Artikolu 10

Verifiki fuq il-post

1.   F'każ ta' għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-verifiki fuq il-post għandhom jinkludu b'mod partikolari l-verifika ta' dan li ġej:

(a)

ir-reġistri msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, inklużi r-reġistri finanzjarji bħall-fatturi tax-xiri u tal-bejgħ, in-noti tal-konsenja jew l-estratti bankarji;

(b)

l-użu tal-prodotti b'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu matul il-perjodu tas-sena skolastika mill-1 ta' Awwissu sal-31 ta' Lulju li miegħu huma relatati (il-perjodu N) u/jew matul it-8 xhur ta' wara (il-perjodu N+1).

Il-verifiki fuq il-post jistgħu jsiru matul l-implimentazzjoni tal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament.

Kull verifika fuq il-post għandha titqies li hija lesta ladarba jinħareġ ir-rapport ta' kontroll korrispondenti, kif imsemmi fil-paragrafu 6.

3.   L-għadd totali ta' verifiki fuq il-post għandhom ikopru mill-inqas 5 % tal-għajnuna ddikjarata fil-livell nazzjonali u mill-anqas 5 % tal-applikanti kollha għall-għajnuna li jittrattaw il-provvista u d-distribuzzjoni tal-prodotti u l-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament fir-rigward ta' kull sena skolastika.

Meta l-għadd tal-applikanti għall-għajnuna fi Stat Membru jkun anqas minn mija, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fl-istabbilimenti ta' mhux anqas minn ħames applikanti.

Meta l-għadd tal-applikanti għall-għajnuna fi Stat Membru jkun anqas minn ħamsa, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fl-istabbilimenti tal-applikanti kollha.

Meta l-applikant, li ma jkunx stabbiliment edukattiv, japplika għall-għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-verifika fuq il-post imwettqa fl-istabbiliment ta' dak l-applikant għandha tkun issupplimentata minn verifiki fuq il-post fl-istabbiliment ta' mill-inqas żewġ stabbilimenti edukattivi jew ta' mill-inqas 1 % tal-istabbilimenti edukattivi rreġistrati mill-applikant b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, skont liema minnhom ikun l-akbar.

Meta l-applikant japplika għall-għajnuna marbuta mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, il-verifiki fuq il-post fl-istabbiliment tal-applikant jistgħu jiġu sostitwiti, abbażi ta' analiżi tar-riskju, minn verifiki fuq il-post fil-postijiet fejn jitwettqu l-miżuri ta' akkumpanjament. Fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju, l-Istati Membri għandhom jiffissaw il-livell ta' tali verifiki fuq il-post.

4.   Fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju, l-awtorità kompetenti għandha tagħżel dawk l-applikanti li għandhom jiġu soġġetti għal verifiki fuq il-post.

Għal dan l-għan, l-awtorità kompetenti għandha tqis b'mod partikolari dan li ġej:

(a)

iż-żoni ġeografiċi differenti;

(b)

in-natura rikorrenti tal-iżbalji u s-sejbiet tal-verifiki li jkunu twettqu fis-snin ta' qabel;

(c)

l-ammont ta' għajnuna involuta;

(d)

it-tip ta' applikanti;

(e)

it-tip ta' miżura edukattiva ta' akkumpanjament, jekk ikun hemm.

5.   Sakemm l-iskop tal-verifiki ma jiġix ippreġudikat, jista' jingħata avviż bil-quddiem, limitat b'mod strett għall-perjodu taż-żmien minimu neċessarju.

6.   L-awtorità kompetenti ta' kontroll għandha tfassal rapport ta' kontroll dwar kull verifika fuq il-post. Ir-rapport għandu jiddeskrivi preċiżament il-prodotti differenti kkontrollati.

Ir-rapport ta' kontroll għandu jkun maqsum fil-partijiet li ġejjin:

(a)

parti ġenerali li jkun fiha, b'mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

il-perjodu kopert, l-applikazzjoni jew l-applikazzjonijiet għall-għajnuna vverifikati, il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom tkun intalbet l-għajnuna fil-każ ta' applikazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, l-istabbilimenti edukattivi li jkunu qed jipparteċipaw, stima bbażata fuq id-dejta disponibbli dwar l-għadd ta' tfal li għalihom tħallset l-għajnuna u l-ammont finanzjarju involut;

(ii)

il-persuni responsabbli preżenti;

(b)

parti li tiddeskrivi, b'mod separat, il-verifiki mwettqa, u li jkun fiha, b'mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

id-dokumenti li ġew ivverifikati;

(ii)

in-natura u l-ammont ta' verifiki li jkunu twettqu;

(iii)

ir-rimarki u s-sejbiet.

Ir-rapporti kollha ta' kontroll għandhom jitlestew sa mhux aktar tard minn 8 xhur wara tmiem is-sena skolastika.

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-verifiki fuq il-post li twettqu u s-sejbiet relatati sal-31 ta' Ottubru tas-sena kalendarja ta' wara s-sena skolastika kkonċernata.

Artikolu 11

Irkupru tal-pagamenti mhux dovuti

Għall-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball, għandu japplika, mutatis mutandis, l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

Artikolu 12

Reklamar

1.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jużawx il-kartellun imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, fl-istrateġija tagħhom għandhom jispjegaw b'mod ċar kif se jgħarrfu lill-pubbliku dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-iskema tal-iskejjel tagħhom.

2.   Il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-miżuri tar-reklamar imsemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, kif ukoll il-materjali edukattivi u l-għodod li għandhom jintużaw fi ħdan il-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, għandhom juru l-bandiera Ewropea u jsemmu “l-Iskema tal-iskejjel” u sakemm id-daqs tal-materjali u l-għodod ma jeskludix dan, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

3.   Ir-referenzi għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandhom jirċievu mill-anqas l-istess viżibbiltà bħall-kontribuzzjonijiet minn entitajiet privati jew pubbliċi oħra li jkunu qed jappoġġaw l-iskema tal-iskejjel tal-Istat Membru.

4.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw il-ħażniet eżistenti ta' kartelluni u għodod oħra ta' reklamar skont ir-Regolamenti (UE) 2016/248 u (KE) Nru 657/2008.

Artikolu 13

Notifiki

1.   In-notifiki mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għandhom isiru b'mezzi elettroniċi, billi jintużaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasferiment tad-dejta li l-Kummissjoni għamlet disponibbli.

2.   Il-forma u l-kontenut ta' dawk in-notifiki għandhom jiġu ddefiniti fuq il-bażi tal-mudelli li l-Kummissjoni qegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, wara li jkun ġie informat il-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika għall-għajnuna għas-sena skolastika 2017/2018 u għas-snin skolastiċi ta' wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema ta' għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fi stabbilimenti edukattivi (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1047/2014 tad-29 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali jew reġjonali li l-Istati Membri għandhom ifasslu għall-finijiet tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel (ĠU L 291, 7.10.2014, p. 4).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/247 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta lir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex proċessati u prodotti tal-banana fil-qafas tal-iskema tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel (ĠU L 46, 23.2.2016, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/248 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u għad-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u prodotti tal-banana fil-qafas tal-iskema tal-frott u tal-ħxejjex għall-iskejjel, u li jiffissal-allokazzjoni indikattiva għal dik l-għajnuna (ĠU L 46, 23.2.2016, p. 8).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 657/2008 tal-10 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 rigward l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal tal-iskola f'ċerti stabbilimenti tal-edukazzjoni (ĠU L 183, 11.7.2008, p. 17).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 tat-3 ta' Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta' frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi u li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(10)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(11)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).