6.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/6

tal-5 ta' Jannar 2017

dwar il-pjan Ewropew ta' mobilitazzjoni għas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 47(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-għan tal-pjan ta' mobilitazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) huwa li jiġi żgurat li vetturi msemmija fil-punt 1.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (2), mgħammra bl-ERTMS jkunu jista' jkollhom aċċess b'mod gradwali għal għadd akbar ta' linji, portijiet, terminals u ċentri fejn jinġemgħu l-vetturi ferroviji mingħajr ma jkollhom bżonn iżidu s-sistemi tal-Klassi B mal-ERTMS. Il-pjan Ewropew ta' mobilitazzjoni tal-ERTMS stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/88/UE (3) għandu jiġi adattat biex jitqies l-istat ta' mobilitazzjoni tal-ERTMS magħmula mill-Istati Membri, u biex jiġi allinjat mar-rekwiżiti tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 u mad-definizzjoni tal-kurituri tan-netwerk ewlieni stipulati fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dan il-pjan flimkien mal-Pjan ta' Implimentazzjoni Nazzjonali kif imsemmi fil-punt 7.4.4 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 għandu jagħti viżibbiltà biżżejjed lis-sidien tal-vetturi biex jippermetti ppjanar xieraq tan-negozju.

(2)

Pjan ta' mobilitazzjoni għall-kurituri tan-netwerk ewlieni għandu jinkludi stazzjonijiet, punti ta' konġunzjoni, aċċess għall-portijiet marittimi u portijiet interni, ajruporti u terminals tal-ferrovija/tat-triq u komponenti ta' infrastruttura kif imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 peress li dawn huma essenzjali biex tinkiseb l-interoperabilità fin-netwerk ferrovjarju Ewropew.

(3)

Il-konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/919 hija prerekwiżit kruċjali għall-mobilitazzjoni tal-ERTMS. L-Istati Membri għadhom ma laħqux dan l-objettiv, b'mod partikolari minħabba li introduċew soluzzjonijiet speċifiċi nazzjonali jew ta' proġett.

(4)

Għall-mobilitazzjoni l-ġdida ta' maġenb il-binarji tal-ERTMS, l-Istati Membri għandhom jużaw l-aħħar sett ta' speċifikazzjonijiet imsemmija fl-Anness A tar-Regolament (UE) 2016/919, li jikkorreġu żbalji jew miżinterpretazzjonijiet tal-linja bażi preċedenti, iwasslu għal soluzzjonijiet tekniċi aktar sempliċi u jiżguraw l-kompatibbiltà mal-unitajiet Baseline 3 abbord.

(5)

Ir-regoli ta' implimentazzjoni ta' maġenb il-binarji huma komplimentari għar-regoli ta' implimentazzjoni abbord stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/919; għalhekk jeħtieġ li jiġu allinjati l-Pjan Ewropew ta' Mobilitazzjoni tal-ERTMS mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità marbuta mas-subsistema tal-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(6)

Il-mobilitazzjoni tal-ERTMS fis-sezzjonijiet transfruntiera tista' tkun sfida teknika u għalhekk għandha tkun soġġetta għal intervent prijoritarju min-naħa tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-ġesturi tal-infrastruttura kkonċernati. Il-kurituri tal-merkanzija bil-ferrovija skont it-tifsira fir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistgħu wkoll ikollhom rwol kruċjali fil-mobilitazzjoni tal-ERTMS fuq sezzjonijiet transfruntiera, b'mod partikolari billi jiġu implimentati soluzzjonijiet koordinati.

(7)

Billi s-sinkronizzazzjoni tal-mobilitazzjoni transfruntiera hija element importanti għall-każijiet tan-negozju tal-impriżi ferrovjarji, il-ġesturi tal-infrastruttura kkonċernati għandhom jiffirmaw ftehim li jiżgura l-koordinazzjoni tad-dati ta'l-mobilitazzjoni u s-soluzzjonijiet tekniċi. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, il-Kummissjoni tista' tipprovdi appoġġ sabiex jiġu identifikati s-soluzzjonijiet.

(8)

Sabiex jiġi segwit il-progress tal-mobilitazzjoni tal-ERTMS fil-kurituri tan-netwerk ewlieni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni f'waqtha tas-sezzjonijiet tagħhom permezz tas-sistema TENtec u r-Reġistru Ewropew tal-Infrastruttura. Fuq talba tal-Istat Membru u f'ċirkostanzi eċċezzjonali biss tista' tintlaqa' talba ta' posponiment tad-dati rilevanti.

(9)

Ir-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 jista' jkollha konsegwenzi fuq l-allinjament tal-kurituri tan-netwerk ewlieni. Dan ir-Regolament għandu jiġi rivedut skont dan. Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dati ta' implimentazzjoni ta' dawk is-sezzjonijiet tal-kuritur fejn l-ERTMS tista' titpoġġa fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-2023. Id-dati kollha lil hinn mill-2023 se jkunu soġġetti għal reviżjoni mill-31 ta' Diċembru 2023 fir-rigward tal-orizzont taż-żmien iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 bl-għan ta' skeda ta' żmien ta' implimentazzjoni realistiku u biex jiġu identifikati l-possibbiltajiet għal dati ta' implimentazzjoni aktar kmieni.

(10)

Mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li huwa att ta' implimentazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/919, il-punti 7.3.1, 7.3.2, 7.3.2.1, 7.3.2.2, 7.3.2.4, 7.3.2.5, 7.3.2.6, 7.3.4 u 7.3.5 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2012/88/UE ma jibqgħux japplikaw. Madankollu, il-punt 7.3.2.3 ma għandux ikun kopert minn dan ir-Regolament, minħabba li huwa lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-bażi legali tiegħu. Għalhekk il-punt 7.3.2.3 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2012/88/UE għandu jibqa' japplika sakemm jiġi adottat att implimentattiv ieħor.

(11)

Fir-rigward tal-linji ta' veloċità għolja li jinsabu fil-kurituri tan-netwerk ewlieni koperti b'dan ir-Regolament, jekk tkun sodisfata waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 7.3.2.3 fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2012/88/UE qabel id-data speċifikata għall-istess sezzjoni fl-Anness I, il-ġesturi tal-infrastruttura tal-ferrovija għandhom jinstallaw ERTMS ma' ġenb il-binarji f'dik is-sezzjoni konformi ma' dik id-dispożizzjoni.

(12)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-iskeda għall-mobilitazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (“ERTMS”) fil-kurituri tan-netwerk ewlieni kif stabbilit fl-Anness I.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-implimentazzjoni abbord tal-ERTMS kif stipulata fil-punt 7.3.3 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2012/88/UE.

Artikolu 2

Regoli ta' implimentazzjoni speċifiċi għall-ETCS rigward installazzjonijiet ta' maġenb il-binarji

1.   Il-ġesturi tal-infrastruttura tal-ferrovija għandhom jgħammru l-kurituri tan-netwerk ewlieni bl-ERTMS u jħaddmu l-ERTMS f'dawk il-kurituri mhux aktar tard mid-dati speċifikati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, inkluż fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fil-ġunzjonijiet. Il-link ferrovjarju mal-elementi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 u mal-komponenti ta' infrastruttura kif imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 li jinsabu fuq il-kuritur tan-netwerk ewlieni għandu jiġi mgħammar u jitħaddem fid-data speċifikata għas-sezzjoni ta' kuritur tan-netwerk ewlieni rispettiva.

Il-mobilitazzjoni għandha tkun konformi mal-Artikoli 1(4), 7(2c) u 39(3) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013.

2.   Kuritur ta' netwerk ewlieni għandu jitqies mgħammar bl-ERTMS meta l-ERTMS tiġi awtorizzata għat-tqegħid fis-servizz skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew l-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), biex b'hekk it-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija jopera fiż-żewġ direzzjonijiet, b'mod partikolari fil-każ ta' xogħlijiet jew tfixkil, u, sal-limitu meħtieġ għall-operazzjonijiet ta' vetturi mgħammra biss bl-ERTMS, u ta' binarji żgħar (sidings).

3.   Il-ġesturi tal-infrastruttura tal-ferrovija, huma u jaġixxu flimkien, għandhom jagħmlu sforz biex jgħammru u jħaddmu l-ERTMS fuq is-sezzjonijiet transfruntiera simultanjament, b'mod teknikament konsistenti. Il-ġesturi tal-infrastruttura tal-ferrovija, wara konsultazzjoni mal-impriżi ferrovjarji affettwati, għandhom jiffirmaw ftehim dwar l-aspetti tekniċi u operazzjonali tal-mobilitazzjoni għal kull waħda mis-sezzjonijiet transfruntiera. Il-ġesturi tal-infrastruttura tal-ferrovija għandhom jikkonkludu ftehim bħal dan mhux iktar tard minn sena qabel l-ewwel data mid-dati ta' mobilitazzjoni għas-sezzjoni transfruntiera kkonċernata. Dan il-ftehim għandu jistipula dispożizzjonijiet tranżitorji li jqiesu l-ħtiġijiet tal-operazzjonijiet transfruntiera tal-impriżi tal-ferrovija. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu bidu għal djalogu attiv sabiex jinstabu soluzzjonijiet komuni ta' konverġenza. Jistgħu jitolbu l-appoġġ tal-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw tali ftehimiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar wara l-konklużjoni.

4.   Id-dati tat-tlestija stabbiliti fi ftehimiet għal proġetti kofinanzjati mill-Unjoni li huma aktar kmieni mid-dati stipulati fl-Anness I għandhom jipprevalu fuq dawk id-dati.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jżommu s-sistemi eżistenti tal-Klassi B, kif iddefinit fil-punt 2.2 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919. Madankollu, sad-dati stabbiliti fl-Anness I, il-vetturi msemmija fil-punt 1.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 li huma mgħammra bl-ERTMS f'verżjoni kompatibbli mat-tagħmir ta' maġenb il-binarji, għandhom jingħataw aċċess għal dawk il-linji u għall-komponenti tal-infrastruttura kif imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 mingħajr ma jkollhom għalfejn ikunu mgħammra b'sistema ta' Klassi B.

Artikolu 3

Notifiki

1.   Meta l-ERTMS titqiegħed fis-servizz fuq kuritur tan-netwerk ewlieni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dak il-fatt fi żmien xahar, permezz tas-sistemi stabbiliti skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/880/UE (8).

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe dewmien meta l-ERTMS titqiegħed fis-servizz f'sezzjoni ta' kuritur tan-netwerk ewlieni partikolari li tkun trid tiġi mgħammra. Il-ġesturi tal-infrastruttura tal-ferrovija għandhom jgħarrfu lill-Istati Membri dwar dan id-dewmien skont dan.

3.   Meta ssir in-notifika dwar id-dewmien imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni fajl li jinkludi deskrizzjoni teknika tal-proġett u li jispeċifika data ġdida biex l-ERTMS titqiegħed fis-servizz. Il-fajl għandu jispeċifika r-raġunijiet għad-dewmien u għandu jindika l-miżuri korrettivi meħuda mill-ġestur tal-infrastruttura tal-ferrovija.

4.   Jekk id-dewmien jirriżulta minn ċirkustanza eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista' taċċetta li tipposponi d-data rilevanti b'massimu ta' tliet snin. Jekk tintlaqa' t-talba ta' posponiment, l-Istat Membru għandu jagħmel l-emendi meħtieġa lill-pjan ta' implimentazzjoni nazzjonali tiegħu kif imsemmi fil-punt 7.4.4 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 fi żmien xahar minn meta tintlaqa' t-talba tal-posponiment.

Ċirkustanza eċċezzjonali, kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu, tfisser ċirkustanza li tirriżulta mill-fażi tal-ippjanar u li hija marbuta ma' konstatazzjonijiet speċifiċi ġeografiċi, ambjentali jew ta' protezzjoni tal-ispeċijiet, sejbiet arkeoloġiċi, proċeduri ta' permessi, l-implimentazzjoni ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont id-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9); jew ċirkustanza li tirriżulta mill-kostruzzjoni u mill-fażijiet ta' awtorizzazzjoni li huma lil hinn mill-kontroll tal-promotur tal-proġett u ma jaqgħux taħt il-kategorija ta' riskji normali li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-ġestjoni tal-proġett f'dan it-tip ta' proġetti.

5.   Jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-ERTMS stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/919 jinbidlu b'att leġiżlattiv b'mod mhux kompatibbli, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni analiżi tal-impatt tal-applikazzjoni tar-referenza legali modifikata fuq in-netwerk tagħhom u fuq l-ippjanar tal-ERMTS mingħajr dewmien bla bżonn, iżda mhux iktar tard minn dakinhar tal-opinjoni formali tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2016/797. Jekk jista' jiġi ppruvat li hemm impatt dirett tat-tibdiliet f'termini ta' kost jew ta' skeda ta' żmien għal implimentazzjonijiet speċifiċi, l-Anness I għandu jiġi adattat skont dan.

Artikolu 4

Reviżjoni

Mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2023, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u bl-għajnuna ta' koordinatur Ewropew tal-ERTMS imsemmi fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013, il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni tad-dati wara l-1 ta' Jannar 2024 stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Referenzi

Ir-referenzi għall-Anness III tad-Deċizjoni 2012/88/UE għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-26 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/88/UE tal-25 ta' Jannar 2012 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni (ĠU L 51, 23.2.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22).

(6)  Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).

(8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/880/UE tas-26 ta' Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet komuni tar-reġistru tal-infrastruttura ferrovjarja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/633/UE (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 489).

(9)  Id-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 124 of 25.4.2014, p. 1).


ANNESS I

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image


ANNESS II

It-Tabella ta' korrelazzjoni

Id-Deċiżjoni 2012/88/UE

Dan ir-Regolament

Il-punt 7.3.1. tal-Anness III

L-Artikolu 1

Il-punt 7.3.2. tal-Anness III

L-Artikoli 1 u 2

Il-punt 7.3.2.1 tal-Anness III

L-Artikolu 2 (1)

Il-punt 7.3.2.2 tal-Anness III

L-Artikolu 2 (1)

Il-punt 7.3.2.4 tal-Anness III

Il-punt 7.3.2.5 tal-Anness III

L-Artikolu 3 (1)

Il-punt 7.3.2.6 tal-Anness III

L-Artikoli 3(2), (3) u (4)

Il-punt 7.3.4. tal-Anness III

L-Anness I

Il-punt 7.3.5. tal-Anness III

L-Artikolu 2 (1)