|
27.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 345/87 |
DIRETTIVA (UE) 2017/2398 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Diċembru 2017
li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 153(2), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 153(1), tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha l-għan li tipproteġi l-ħaddiema minn riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Livell konsistenti ta’ protezzjoni mir-riskji relatati ma’ karċinoġeni u mutaġeni hu previst f’dik id-Direttiva b’qafas ta’ prinċipji ġenerali biex jippermetti li l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti minimi. Valuri limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol stabbiliti abbażi ta’ informazzjoni disponibbli, inklużi data xjentifika u teknika, fattibbiltà ekonomika, valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt soċjoekonomiku u d-disponibbiltà ta’ protokolli u tekniki tal-kejl tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol, huma komponenti importanti tal-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema stabbiliti b’dik id-Direttiva. Ir-rekwiżiti minimi previsti f’dik id-Direttiva għandhom l-għan li jipproteġu l-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni. Valuri limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol aktar stretti jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. |
|
(2) |
Il-valuri limitu ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol huma parti mill-ġestjoni tar-riskju taħt id-Direttiva 2004/37/KE. Il-konformità ma’ dawk il-valuri limitu hija mingħajr preġudizzju għal obbligi oħrajn ta’ min iħaddem taħt dik id-Direttiva, b’mod partikolari t-tnaqqis fl-użu ta’ karċinoġeni u mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għal karċinoġeni jew mutaġeni u l-miżuri li jenħtieġ li jiġu implimentati għal dak l-għan. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu, sa fejn ikun teknikament possibbli, is-sostituzzjoni tal-karċinoġenu jew il-mutaġenu b’sustanza, taħlita jew proċess li ma jkunux perikolużi jew li jkunu inqas perikolużi għas-saħħa tal-ħaddiem, l-użu ta’ sistema magħluqa jew miżuri oħrajn li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-livell tal-espożizzjoni tal-ħaddiema. F’dak il-kuntest, hu essenzjali li jittieħed kont tal-prinċipju prekawzjonarju fejn ikun hemm inċertezzi. |
|
(3) |
Għall-maġġoranza tal-karċinoġeni u tal-mutaġeni, mhuwiex xjentifikament possibbli li jiġu identifikati livelli li taħthom l-espożizzjoni ma twassalx għal effetti negattivi. Filwaqt li l-istabbiliment tal-valuri limitu fuq il-post tax-xogħol fir-rigward ta’ karċinoġeni u mutaġeni skont din id-Direttiva ma jeliminax kompletament ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jirriżultaw minn espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol (riskju residwu), madanakollu dan jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti ta’ riskji li jirriżultaw minn tali espożizzjoni fl-approċċ gradwali u li jistabbilixxi l-miri skont id-Direttiva 2004/37/KE. Għal karċinoġeni u mutaġeni oħrajn, huwa xjentifikament possibbli li jiġu identifikati livelli li taħthom l-espożizzjoni ma tkunx mistennija twassal għal effetti negattivi. |
|
(4) |
Il-livelli massimi għall-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal xi karċinoġeni jew mutaġeni huma stabbiliti minn valuri li, skont id-Direttiva 2004/37/KE, ma għandhomx jinqabżu. Jenħtieġ li dawk il-valuri limitu jiġu riveduti u li jiġu stabbiliti valuri limitu għal karċinoġeni jew mutaġeni addizzjonali. |
|
(5) |
Abbażi tar-rapporti ta’ implimentazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri kull ħames snin skont l-Artikolu 17a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (4), il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tal-qafas legali tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, inkluża d-Direttiva 2004/37/KE, u, fejn meħtieġ, għandha tinforma lill-istituzzjonijiet rilevanti u lill-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH, Advisory Committee on Safety and Health at Work) dwar inizjattivi għat-titjib tat-tħaddim ta’ dak il-qafas, inklużi, proposti leġislattivi adatti, fejn meħtieġ. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-valuri limitu stabbiliti f’din id-Direttiva jiġu riveduti fejn ikun meħtieġ fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, inklużi data xjentifika u teknika ġdida u l-aħjar prattiki, tekniki u protokolli bbażati fuq l-evidenza għall-kejl ta’ livelli ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni, jekk ikun possibbli, tinkludi data dwar riskji residwi għas-saħħa ta’ ħaddiema u opinjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol (SCOEL) u tal-ACSH. L-informazzjoni relatata mar-riskju residwu, li ssir disponibbli għall-pubbliku fil-livell tal-Unjoni, hija siewja għall-ħidma futura biex tillimita r-riskji mill-espożizzjoni għal karċinoġeni u mutaġeni fuq ix-xogħol, inkluż billi ssir reviżjoni tal-valuri limitu stabbiliti f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li t-trasparenza ta’ tali informazzjoni tkompli tkun inkoraġġuta. |
|
(7) |
Minħabba n-nuqqas ta’ data konsistenti dwar l-espożizzjoni għal sustanzi, tenħtieġ il-protezzjoni tal-ħaddiema esposti jew tal-ħaddiema li huma f’riskju ta’ espożizzjoni permezz tal-infurzar ta’ sorveljanza rilevanti tas-saħħa. Għalhekk, jenħtieġ ikun possibbli li s-sorveljanza adatta tas-saħħa tal-ħaddiema, li għalihom ir-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/37/KE juru li hemm riskju għas-saħħa u s-sikurezza, tkompli wara tmiem l-espożizzjoni skont indikazzjoni mit-tabib jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza tas-saħħa. Tali sorveljanza jenħtieġ titwettaq f’konformità mal-liġi jew prattika nazzjonali tal-Istati Membri. Jenħtieġ għalhekk li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/37/KE jiġi emendat sabiex tiġi żgurata tali sorveljanza tas-saħħa għall-ħaddiema kollha konċernati. |
|
(8) |
Il-ġbir ta’ data adatt u konsistenti mill-Istati Membri minn min iħaddem hu meħtieġ biex ikunu żgurati s-sikurezza u l-kura korretta tal-ħaddiema. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni għall-finijiet tar-rapporti tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE. Il-Kummissjoni diġà tappoġġa l-aħjar prattika fir-rigward tal-ġbir tad-data fl-Istati Membri u jenħtieġ tipproponi, kif adatt, aktar titjib fil-ġbir tad-data meħtieġ skont id-Direttiva 2004/37/KE. |
|
(9) |
Id-Direttiva 2004/37/KE tirrikjedi li min iħaddem juża l-proċeduri adatti eżistenti għall-kejl tal-livelli ta’ espożizzjoni għal karċinoġeni u mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, b’konsiderazzjoni tal-fatt li l-SCOEL jinnota fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu l-fattibbiltà tal-monitoraġġ tal-espożizzjoni fi kwalunkwe valur limitu ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol rakkomandat u valur limitu bijoloġiku. It-titjib tal-ekwivalenza ta’ metodoloġiji għall-kejl tal-konċentrazzjoni fl-arja ta’ karċinoġeni u mutaġeni fir-rigward ta’ valuri limitu li jinsabu fid-Direttiva 2004/37/KE hu importanti sabiex jissaħħu l-obbligi previsti fiha u jiġi żgurat livell simili u għoli tal-protezzjoni tas-saħħa għall-ħaddiema u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Unjoni kollha. |
|
(10) |
L-emendi għall-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE previsti f’din id-Direttiva huwa l-ewwel pass fi proċess aktar fit-tul tal-aġġornament tagħha. Bħala l-pass li jmiss f’dak il-proċess, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għall-istabbiliment ta’ valuri limitu u notazzjonijiet tal-ġilda fir-rigward ta’ seba’ karċinoġeni addizzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qalet fil-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta’ Jannar 2017, “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd - Modernizzazzjoni tal-Politika u tal-Leġislazzjoni tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali”, li ser ikun hemm aktar emendi għad-Direttiva 2004/37/KE. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fuq bażi kontinwa, tkompli bil-ħidma tagħha fuq aġġornamenti tal-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE, f’konformità mal-Artikolu 16 tagħha u l-prattika stabbilita. Jenħtieġ li dik il-ħidma tirriżulta, fejn adatt, fi proposti għar-reviżjonijiet futuri tal-valuri limitu stabbiliti fid-Direttiva 2004/37/KE u f’din id-Direttiva, kif ukoll proposti għal valuri limitu addizzjonali. |
|
(11) |
Huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati mezzi ta’ assorbiment oħra għall-karċinoġeni u l-mutaġeni kollha, inkluża l-possibbiltà ta’ assorbiment mill-ġilda, sabiex ikun żgurat l-aħjar livell possibbli ta’ protezzjoni. |
|
(12) |
L-SCOEL jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari fl-identifikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-analiżi fid-dettall tad-data xjentifika disponibbli l-aktar reċenti u billi jiproponi valuri limitu ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji kimiċi, li għandhom jiġu ffissati fil-livell tal-Unjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE (5) u d-Direttiva 2004/37/KE. Fir-rigward tal-aġenti kimiċi o-toluwidina u 2-nitropropan, ma kien hemm disponibbli l-ebda rakkomandazzjonijiet mill-SCOEL fl-2016 u għalhekk ġew ikkunsidrati sorsi oħra ta’ informazzjoni xjentifika, b’saħħithom biżżejjed u fid-dominju pubbliku. |
|
(13) |
Jenħtieġ li l-valuri limitu għall-monomer tal-klorur tal-vinil u għat-trabijiet tal-injam iebes li jinsabu stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE jiġu riveduti fid-dawl ta’ data teknika u xjentifika aktar reċenti. Id-distinzjoni bejn it-trab tal-injam iebes u dak tal-injam artab jenħtieġ tkompli tiġi vvalutata fir-rigward tal-valur limitu stabbilit f’dak l-Anness, kif rakkomandat mill-SCOEL u l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer. |
|
(14) |
L-espożizzjoni imħallta għal aktar minn speċi waħda ta’ injam hija komuni ħafna, li tikkomplika l-valutazzjoni tal-espożizzjoni għal speċijiet differenti tal-injam. L-espożizzjoni għat-trab minn injam artab u injam iebes hija komuni fost il-ħaddiema fl-Unjoni u tista’ tikkawża sintomi u mard respiratorji, bl-effett għas-saħħa l-aktar serju jkun ir-riskju ta’ kanċer nażali u sinonażali. Hu għalhekk adatt li jiġi stabbilit li jekk it-trabijiet jkunu mħallta ma’ trabijiet tal-injam ieħor, jenħtieġ li l-valur limitu stabbilit f’dak l-Anness għat-trab tal-injam iebes japplika għat-trabijiet tal-injam kollha preżenti f’dik it-taħlita. |
|
(15) |
Ċerti komposti tal-kromju (VI) jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1 A jew 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u huma għalhekk karċinoġeni fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal komposti tal-kromju (VI) li huma karċinoġeni fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Għalhekk huwa adatt li jiġi stabbilit valur limitu għal dawk il-komposti tal-kromju (VI). |
|
(16) |
Fir-rigward tal-kromju VI, valur limitu ta’ 0,005 mg/m 3 jista’ ma jkunx adatt u, f’xi setturi, jista’ jkun diffiċli li jinkiseb f’terminu qasir ta’ żmien. Jenħtieġ għalhekk jiġi introdott perijodu transizzjonali li matulu jenħtieġ japplika l-valur limitu ta’ 0,010 mg/m3. Għas-sitwazzjoni speċifika fejn l-attività tax-xogħol tikkonċerna xogħol li jinvolvi proċessi ta’ iwweldjar jew qtugħ bil-plasma jew tali proċessi simili li jiġġeneraw duħħan, jenħtieġ japplika valur limitu ta’ 0,025 mg/m3 matul dak il-perijodu transizzjonali, li warajh jenħtieġ japplika l-valur limitu ġeneralment applikabbli ta’ 0,005 mg/m3. |
|
(17) |
Ċerti fibri taċ-ċeramika rifrattarji jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal fibri taċ-ċeramika rifrattarji li huma karċinoġeni fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Għalhekk huwa adatt li jiġi stabbilit valur limitu għal dawk il-fibri taċ-ċeramika rifrattarji. |
|
(18) |
Teżisti biżżejjed evidenza li turi l-karċinoġeniċità tat-trab tas-silika kristallina respirabbli. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, jenħtieġ li jiġi stabbilit valur limitu għat-trab tas-silika kristallina respirabbli. It-trab tas-silika kristallina respirabbli ġġenerat minn proċess ta’ xogħol mhuwiex suġġett għall-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Għalhekk huwa adatt li jiġi inkluż xogħol li jinvolvi espożizzjoni għat-trab tas-silika kristallina respirabbli ġġenerat minn proċess ta’ xogħol fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE u li jiġi stabbilit valur limitu għat-trab tas-silika kristallina respirabbli (“frazzjoni respirabbli”) li jenħtieġ li ikun soġġett għal reviżjoni, b’mod partikolari fid-dawl tan-numru ta’ ħaddiema esposti. |
|
(19) |
Il-gwidi u eżempji ta’ prattiki tajbin prodotti mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jew is-sħab soċjali, jew inizjattivi oħra, bħad-Djalogu Soċjali “Ftehim dwar Il-Protezzjoni tas-Saħħa Tal-Ħaddiema Permezz ta’ Manipulazzjoni u Użu Tajbin ta’ Silica Kristallina u l-Prodotti li jkun Fihom Lilha” (NEPSi) huma strumenti ta’ siewi u meħtieġa biex jikkumplmentaw miżuri regolatorji u b’mod partikolari biex jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva ta’ valuri limitu, u għalhekk jenħtieġ li jingħataw konsiderazzjoni serja. Huma jinkludu miżuri li jipprevjenu jew jimminimizzaw l-espożizzjoni bħas-soppressjoni permezz tal-ilma biex tipprevjeni li t-trab itir fil-każ tas-silika kristallina respirabbli. |
|
(20) |
L-ossidu tal-etilen jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dak il-karċinoġenu. Għall-ossidu tal-etilen, l-SCOEL identifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Għalhekk huwa adatt li jiġi stabbilit valur limitu għall-ossidu tal-etilen u jingħatalu notazzjoni li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. |
|
(21) |
Is-sustanza 1,2-epossipropan tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Huwa possibbli, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, li jiġi identifikat livell ta’ espożizzjoni li taħtu l-espożizzjoni, għal dak il-karċinoġenu, mhijiex mistennija li twassal għal effetti negattivi. Huwa għalhekk adatt li jiġi stabbilit valur limitu għas-sustanza 1,2-epossipropan. |
|
(22) |
L-akrilammid jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dak il-karċinoġenu. Għall-akrilammid, l-SCOEL identifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Għalhekk huwa adatt li jiġi stabbilit valur limitu għall-akrilammid u li jingħatalu notazzjoni li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. |
|
(23) |
Is-sustanza 2-nitropropan tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dak il-karċinoġenu. Huwa għalhekk adatt li jiġi stabbilit valur limitu għas-sustanza 2-nitropropan. |
|
(24) |
Is-sustanza o-toluwidina tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dak il-karċinoġenu. Għalhekk huwa adatt li jiġi stabbilit valur limitu għas-sutanza o-toluwidina u li tingħatalha notazzjoni li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. |
|
(25) |
Is-sustanza 1,3-butadjen tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1 A) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dak il-karċinoġenu. Huwa għalhekk adatt li jiġi stabbilit valur limitu għas-sustanza 1,3-butadjen. |
|
(26) |
L-idrazina tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dak il-karċinoġenu. Għall-idrazina, l-SCOEL identifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Għalhekk huwa adatt li jiġi stabbilit valur limitu għall-idrazina u li tingħatalha notazzjoni li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. |
|
(27) |
Il-bromoetilena tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dak il-karċinoġenu. Għalhekk huwa adatt li jiġi stabbilit valur limitu għall-bromoetilena. |
|
(28) |
Din id-Direttiva ssaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jittrasponu din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom għadd suffiċjenti ta’ persunal imħarreġ u riżorsi oħra meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom marbuta mal-implimentazzjoni korretta u effettiva ta’ din id-Direttiva, f’konformità mal-liġi jew prattika nazzjonali. L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva minn min iħaddem tkun faċilitata jekk huma jkollhom gwida, fejn rilevanti, biex jidentifikaw modi aħjar biex tinkiseb konformità ma’ din id-Direttiva. |
|
(29) |
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-ACSH. Hija kellha wkoll konsultazzjoni f’żewġ stadji ma’ min imexxi u mal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(30) |
Fl-opinjonijiet tiegħu, l-ACSH irrefera għal perijodu ta’ rieżami għal valuri limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol għal bosta sustanzi, bħat-trab tas-silika kristallina respirabbli, l-akriamidina u l-butadiene 1,3. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ dawk l-opinjonijiet meta tipprijoritizza sustanzi għal evalwazzjoni xjentifika. |
|
(31) |
Fl-opinjoni tiegħu dwar il-fibri taċ-ċeramika rifrattarji, l-ACSH qabel li huwa meħtieġ valur limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol iżda ma rnexxilux jilħaq pożizzjoni komuni dwar livell limitu. Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-ACSH biex jippreżenta opinjoni aġġornata dwar il-fibri taċ-ċeramika rifrattarji bil-ħsieb li tintlaħaq pożizzjoni komuni dwar il-valur limitu għal dik is-sustanza, mingħajr preġudizzju għall-metodi ta’ ħidma tal-ACSH u l-awtonomija tas-sħab soċjali. |
|
(32) |
Fuq il-post tax-xogħol, l-irġiel u n-nisa ta’ spiss jiġu esposti għal taħlita ta’ sustanzi, li jistgħu jżidu r-riskji għas-saħħa u jikkawżaw effetti negattivi, inter alia, fuq is-sistemi riproduttivi tagħhom, inkluż tnaqqis fil-fertilità jew infertilità, u li għandhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-fetu u l-produzzjoni ta’ ħalib għat-treddigħ. Is-sustanzi, li huma tossiċi għar-riproduzzjoni, huma soġġetti għal miżuri tal-Unjoni li jipprevedu rekwiżiti minimi tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, b’mod partikolari dawk previsti fid-Direttiva 98/24/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE (7). Is-sustanzi reprotossiċi li huma wkoll karċinoġeni jew mutaġeni huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/37/KE. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-ħtieġa li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema previsti fid-Direttiva 2004/37/KE għas-sustanzi reprotossiċi kollha. |
|
(33) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji mirquma fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja u d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa previsti, rispettivament, fl-Artikoli 2 u 31 tagħha. |
|
(34) |
Il-valuri limitu stabbiliti f’din id-Direttiva se jinżammu taħt reviżjoni fid-dawl tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), b’mod partikolari sabiex jittieħed kont tal-interazzjoni bejn il-valuri limitu stabbiliti taħt id-Direttiva 2004/37/KE u livelli derivati ta’ bla effett għal kimiċi perikolużi taħt dak ir-Regolament sabiex il-ħaddiema jkunu protetti b’mod effettiv. |
|
(35) |
Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u li tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema minn riskji speċifiċi li jirriżultaw mill-espożizzjoni għall-karċinoġeni u l-mutaġeni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. |
|
(36) |
Minħabba li din id-Direttiva tikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, jenħtieġ li tiġi trasposta fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. |
|
(37) |
Għaldaqstant id-Direttiva 2004/37/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2004/37/KE hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 6, jiżdied dan il-paragrafu li ġej: “L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-informazzjoni taħt il-punti (a) sa (g) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fir-rapporti tagħhom li jissottomettu lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 17a tad-Direttiva 89/391/KEE.”. |
|
(2) |
L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 18a Evalwazzjoni Il-Kummissjoni għandha, bħala parti mill-evalwazzjoni li jmiss tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-kuntest tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 17a tad-Direttiva 89/391/KEE, tevalwa wkoll il-ħtieġa li jiġi modifikat il-valur limitu għat-trab tas-silika kristallina respirabbli. Il-Kummissjoni għandha tipproponi, fejn adatt, l-emendi u l-modifiki meħtieġa relatati ma’ dik is-sustanza. Mhux aktar tard minn matul l-ewwel tliet xhur tal-2019, il-Kummissjoni għandha, b’kont meħud tal-iżvilupp l-aktar reċenti fl-għarfien xjentifiku, tevalwa l-alternattiva li jiġi emendat l-ambitu ta’ din id-Direttiva biex jinkludi sustanzi reprotossiċi. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kif adatt, u wara konsultazzjoni ma’ min imexxi u l-ħaddiema, proposta leġislattiva.”. |
|
(4) |
fl-Anness I jiżdied dan il-punt:
|
|
(5) |
L-Anness III huwa sostitwit bit-test fl-Anness għal din id-Direttiva. |
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-17 ta’ Jannar 2020. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar it-test ta’ dawk il-miżuri.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Diċembru 2017.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
M. MAASIKAS
(1) ĠU C 487, 28.12.2016, p. 113.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2017.
(3) Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad- Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).
(4) Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).
(5) Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).
(6) Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(7) Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).
(8) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
ANNESS
“ANNEX III
Valuri limitu u dispożizzjonijiet oħra relatati b’mod dirett (l-Artikolu 16)
A. VALURI LIMITU GĦALL-ESPOSIZZJONI FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL
|
Isem l-aġent |
Nru tal-K (1) E |
Nru tas-SAK (2) |
Valuri limitu (3) |
Notazzjoni |
Miżuri transizzjonali |
||
|
mg/m3 (4) |
ppm (5) |
f/ml (6) |
|||||
|
Trab tal-injam iebes |
— |
— |
2 (7) |
— |
— |
— |
Valur limitu 3 mg/m3 sas-17 ta’ Jannar 2023. |
|
Komposti tal-Kromju (VI) li huma karċinoġeni, fis-sens tal-punt (i) tal-Artikolu 2(a) (bħala kromju) |
— |
— |
0,005 |
— |
— |
— |
Valur limitu 0,010 mg/m3 sas-17 ta’ Jannar 2025 Valur limitu: 0,025 mg/m3 għal proċessi għal iwweldjar jew qtugħ bil-plasma jew proċessi ta’ xogħol simili li jiġġeneraw dħaħen sas-17 ta’ Jannar 2025 |
|
Fibri taċ-ċeramika refrattarji li huma karċinoġeni fis-sens tal-punt (i) tal-Artikolu 2(a) |
— |
— |
— |
— |
0,3 |
— |
|
|
Trab tas-silika kristallina respirabbli |
— |
— |
0,1 (8) |
— |
— |
— |
|
|
Benżen |
200-753-7 |
71-43-2 |
3,25 |
1 |
— |
ġilda (9) |
|
|
Monomeru tal-vinil klorur |
200-831-0 |
75-01-4 |
2,6 |
1 |
— |
— |
|
|
Ossidu tal-etilen |
200-849-9 |
75-21-8 |
1,8 |
1 |
— |
ġilda (9) |
|
|
1,2-Epossipropan |
200-879-2 |
75-56-9 |
2,4 |
1 |
— |
— |
|
|
Akrilammid |
201-173-7 |
79-06-1 |
0,1 |
— |
— |
ġilda (9) |
|
|
2-Nitropropan |
201-209-1 |
79-46-9 |
18 |
5 |
— |
— |
|
|
o-Toluwidina |
202-429-0 |
95-53-4 |
0,5 |
0,1 |
— |
ġilda (9) |
|
|
1,3-Butadjen |
203-450-8 |
106-99-0 |
2,2 |
1 |
— |
— |
|
|
Idrazina |
206-114-9 |
302-01-2 |
0,013 |
0,01 |
— |
ġilda (9) |
|
|
Bromoetilena |
209-800-6 |
593-60-2 |
4,4 |
1 |
— |
— |
|
B. DISPOSIZZJONIJIET DIRETTAMENT RELATATI OĦRA
p.m.”
(1) Nru tal-KE, jiġifieri EINECS, ELINCS jew NLP, huwa n-numru uffiċjali tas-sustanza fl-Unjoni Ewropea, kif definit fit-Taqsima 1.1.1.2 fl-Anness VI, il-Parti 1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.
(2) Nru tas-SAK: Numru tar-Reġistru tas-Servizz tal-Astratt Kimiku.
(3) Imkejjel jew kkalkulat fir-rigward ta’ perjodu referenzjarju ta’ tmien sigħat.
(4) mg/m3 = milligrammi fil-metru kubu tal-arja b’20 °C u 101,3 kPa (pressjoni tal-merkurju ta’ 760 mm).
(5) ppm = partijiet fil-miljun b’volum fl-arja (ml/m3).
(6) f/ml = fibri għal kull millilitru.
(7) Frazzjoni li tista’ tinġibed ’il ġewwa man-nifs: jekk it-trabijiet tal-injam iebes jitħalltu ma’ trabijiet ta’ njam ieħor, il-valur limitu għandu japplika għat-trabijiet kollha tal-injam li jkunu preżenti f’dik it-taħlita.
(8) Frazzjoni respirabbli.
(9) Kontribuzzjoni sostanzjali għal piż totali tal-ġisem mill-espożizzjoni tal-ġilda possibbli.