31.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 281/29


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1975

tas-7 ta' Awwissu 2017

li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għall-kadmju f'dijodi li jemmettu d-dawl permezz tal-konverżjoni tal-ilwien (LEDs) għall-użu f'sistemi ta' turija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku introdotti fis-suq ma jkunx fih il-kadmju.

(2)

Il-Punt 39 fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE eżenta l-użu tal-kadmju f'dijodi li jemmettu d-dawl permezz tal-konverżjoni tal-ilwien (LEDs) għallsistemi ta' illuminazzjoni u ta' turija mill-projbizzjoni sal-1 ta' Lulju 2014. Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid ta' din l-eżenzjoni qabel l-1 ta' Jannar 2013, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(3)

Intwera li l-LEDs li jikkonvertu l-ilwien li jużaw il-punti kwantiċi għandhom vantaġġ meta mqabbel ma' teknoloġija preċedenti fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-prestazzjoni tal-ilwien. Il-bilanċ b'mod ġenerali tal-użu tal-punti kwantiċi bbażati fuq il-kadmju f'sistemi ta' turija għandu impatt pożittiv minħabba l-konsum tal-enerġija aktar baxx tagħhom meta mqabbel mat-teknoloġiji alternattivi disponibbli attwalment. L-impatti negattivi totali fuq l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni ta' punti kwantiċi bbażati fuq il-kadmju f'sistemi ta' turija li jużaw il-punti kwantiċi x'aktarx li jkunu aktar mill-benefiċċji totali tagħhom għall-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur.

(4)

L-użu tas-selenid tal-kadmju fil-punti kwantiċi ta' nanokristalli semikondutturi b'bażi ta' kadmju għal bidla fil-frekwenza tad-dawl li jgħaddi minnhom (downshifting) biex jintużaw fit-tidwil tas-sistemi ta' turija għandu għalhekk jiġi eżentat minn din il-projbizzjoni għall-perjodu ta' sentejn wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva Delegata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan il-perjodu qasir ta' validità x'aktarx li ma jkollux impatti negattivi fuq l-innovazzjoni u fuq l-iżvilupp ta' alternattivi ħielsa mill-kadmju.

(5)

LEDs bil-punti kwantiċi bbażati fuq il-kadmju għall-illluminazzjoni s'issa għadhom mhumiex disponibbli fis-suq u l-vantaġġi potenzjali tagħhom meta mqabbel mat-teknoloġiji eżistenti mhumiex kwantifikabbli b'mod xieraq, għalhekk it-tiġdid tal-eżenzjoni fir-rigward tas-sistemi tal-illuminazzjoni mhux ġustifikat.

(6)

Għalhekk, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE għandu jiġi emendat skont dan.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [12 months after the date of entry into force of this directive], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għalhekk għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [12 months after the date of entry into force of this directive + 1 day].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati b'mod uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 39 jinbidel b'dan li ġej:

“39(a)

Is-selenid tal-kadmju fil-punti kwantiċ-i ta' nanokristalli semikondutturi b'bażi ta' kadmju għal bidla fil-frekwenza tad-dawl li jgħaddi minnhom (downshifting) biex jintużaw fit-tidwil tas-sistemi ta' turija (< 0,2 μg Cd kull mm2 tal-erja tal-iskrin tat-turija)

Tiskadi għall-kategoriji kollha fi żmien [two years after the publication of the Delegated Directive in the Official Journal]”