20.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/34


DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1920

tad-19 ta' Ottubru 2017

li temenda l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward tal-moviment ta' żrieragħ ta' Solanum tuberosum L. li joriġinaw fl-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-punt (d) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/29/KE flimkien mal-punt 18.3 tat-Taqsima II tal-Parti A tal-Anness IV ta' dik id-Direttiva, jipprevedi rekwiżiti speċjali fir-rigward tal-moviment ta' pjanti ta' speċi ta' bagħal jew li jiffurmaw it-tuberu ta' Solanum L., jew l-ibridi tagħhom, maħsuba għat-tħawwil, ħlief dawk tat-tuberi ta' Solanum tuberosum L. speċifikati fil-punti 18.1., 18.1.1. jew 18.2. tat-Taqsima II tal-Parti A tal-Anness IV ta' dik id-Direttiva, u oħrajn minbarra l-materjal tal-manutenzjoni ta' kultura li jkun miżmum f'banek tal-ġeni jew f'kollezzjonijiet ta' stokk ġenetiku.

(2)

Ċerti Stati Membri talbu għal aktar rekwiżiti speċifiċi għall-moviment ta' żrieragħ ta' Solanum tuberosum L., komunement imsejħa wkoll “żerriegħa vera tal-patata” , li joriġinaw fl-Unjoni (minn hawn' il quddiem “iż-żrieragħ speċifikati”). Dawn ir-rekwiżiti jenħtieġ li jiżguraw il-ħarsien fitosanitarju tat-territorju tal-Unjoni minn organiżmi potenzjalment ospitati miż-żrieragħ speċifikati.

(3)

Żrieragħ li huma pjanti ta' speċi ta' bagħal, jew li jiffurmaw it-tuberu ta' Solanum L., jew l-ibridi tagħhom, maħsuba għat-tħawwil, li jkunu miżmuma f'banek ta' ġeni jew kollezzjonijiet ta' stokk ġenetiku, ma jenħtieġx li jitqiesu bħala żrieragħ speċifikati, minħabba li huma maħsuba għal skopijiet ta' riċerka u konservazzjoni.

(4)

Billi Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival, Clavibacter michiganensis ssp. sepedonicus (Spieckermann and Kotthoff) Davis et al., Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. u l-vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata jippreżentaw ir-riskju fitosanitarju prinċipali għaż-żrieragħ speċifikati, u filwaqt li titqies l-analiżi tar-riskju tal-pesti tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Prodotti tal-Ikel u l-Konsumaturi tan-Netherlands tal-2015 (2), huwa xieraq li jkun previst li jew iż-żrieragħ speċifikati jenħtieġ li joriġinaw minn żoni magħrufa li huma ħielsa minn dawk l-organiżmi, inkella ż-żrieragħ speċifikati u l-postijiet ta' produzzjoni tagħhom jenħtieġ li jkunu suġġetti għal rekwiżiti speċifiċi.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' April 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva, jew għandhom ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif trid issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  PRA EU internal movement of True Potato Seeds of official varieties, NVWA, Ġunju 2015.


ANNESS

Il-Parti II tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Il-punt 18.3 jinbidel b'li ġej:

“18.3.

Pjanti speċi ta' bagħal, jew li jiffurmaw it-tuberi ta' Solanum L., jew l-ibridi tagħhom, maħsuba għat-tħawwil ħlief dawk it-tuberi ta' Solanum tuberosum L. speċifikati fil-punti 18.1, 18.1.1 jew 18.2, ħlief il-materjal ta' manutenzjoni tal-kultura maħżun f'banek tal-ġeni jew kollezzjonijiet ta' stokk ġenetiku, u minbarra ż-żrieragħ ta' Solanum tuberosum L. speċifikati fil-punt 18.3.1.

(a)

Il-pjanti għandhom ikunu nżammu taħt kundizzjonijiet ta' kwarantina u jridu jkunu nstabu ħielsa minn kwalunkwe organiżmu ta' ħsara fit-testijiet ta' kwarantina;

(b)

it-testijiet ta' kwarantina msemmija f'(a) għandhom:

(aa)

ikunu sorveljati mill-organizzazzjoni uffiċjali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-Istat Membru kkonċernat u jitwettqu minn persunal imħarreġ xjentifikament ta' dik l-organizzazzjoni jew ta' kwalunkwe korp approvat b'mod uffiċjali;

(bb)

jitwettqu f'sit ipprovdut b'faċilitajiet xierqa suffiċjenti sabiex jikkontrollaw l-organiżmi ta' ħsara u jżommu l-materjal, inklużi l-pjanti indikaturi, b'tali mod li jiġi eliminat kwalunkwe riskju ta' tixrid tal-organiżmi ta' ħsara;

(cc)

jitwettqu fuq kull unità tal-materjal,

permezz ta' eżami viżwali f'intervalli regolari matul it-tul sħiħ ta' mill-anqas ċiklu veġetattiv wieħed, filwaqt li jitqies it-tip ta' materjal u l-istadju tal-iżvilupp tiegħu matul il-programm ta' ttestjar, għal sintomi kkawżati minn kwalunkwe organiżmu ta' ħsara,

permezz ta' ttestjar, skont metodi xierqa li jridu jiġu ppreżentati lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 18:

fil-każ tal-materjal kollu tal-patata, tal-anqas għall-

Virus moħbi tal-patata Andeana,

Arracacha virus B, oca strain,

Virus tal-patata li jagħmel tikek suwed,

Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata,

Virus tal-patata T,

Virus li joħloq tbajja fil-patata Andeana,

viruses komuni tal-patata A, M, S, V, X u Y (inkluż Yo, Yn u Yc) u għall-virus tal-werqa tal-patata,

Clavibacter michiganensis ssp. sepedonicus (Spieckermann u Kotthoff) Davis et al.,

Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al.;

fil-każ ta' żrieragħ ta' Solanum tuberosum L., għajr dawk speċifikati fil-punt 18.3.1., mill-inqas għall-viruses u għall-virojd elenkati fuq;

(dd)

b'ittestjar adegwat fuq kwalunkwe sintomu ieħor osservat fl-eżami viżiv sabiex jiġu identifikati l-organiżmi ta' ħsara li kkwawżaw tali sintomi;

(c)

kwalunkwe materjal, li ma jkunx instab ħieles, fl-ittestjar speċifikat taħt (b) mill-organiżmi ta' ħsara speċifikati taħt (b) għandu jiġi immedjatament meqrud jew sottopost għal proċeduri li jeliminaw l-organiżmu/i ta' ħsara;

(d)

kull organizzazzjoni jew korp ta' riċerka li jkunu qegħdin iżommu dan il-materjal għandhom jinfurmaw lis-servizz uffiċjali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-Istat Membru tagħhom dwar il-materjal miżmum.”

(2)

il-punt 18.3.1. li ġej jiddaħħal wara l-punt 18.3.:

“18.3.1.

Żrieragħ ta' Solanum tuberosum L., għajr dawk speċifikati fil-punt 18.4.

Stqarrija uffiċjali li:

Iż-żrieragħ ġejjin minn pjanti li jikkonformaw, kif applikabbli, mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 18.1., 18.1.1., 18.2. u 18.3.;

kif ukoll

(a)

iż-żrieragħ li joriġinaw f'żoni huma ħielsa minn Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival, Clavibacter michiganensis ssp. sepedonicus (Spieckermann and Kotthoff) Davis et al., Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. u l-vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata;

jew

(b)

iż-żrieragħ jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(i)

li jkunu ġew prodotti f'sit fejn, sa mill-bidu tal-aħħar ċiklu ta' veġetazzjoni, ma jkun ġie osservat l-ebda sintomu ta' mard ikkawżat minn organiżmi ta' ħsara msemmija fil-punt (a);

(ii)

li jkunu ġew prodotti f'sit fejn ittieħdu l-miżuri kollha li ġejjin:

(1)

tkun saret separazzjoni tas-sit minn pjanti solanini oħra u pjanti ospitanti oħrajn tal-vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata;

(2)

ikun hemm prevenzjoni ta' kuntatt minn mal-persunal u oġġetti, bħal għodod, makkinarju, vetturi, reċipjenti u materjal ta' imballaġġ, minn siti oħra li jipproduċu pjanti solanini u pjanti ospitanti oħrajn tal-vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata, jew jittieħdu miżuri tal-iġjene adegwati fir-rigward ta' persunal jew oġġetti minn siti oħra li jipproduċu pjanti solanini u pjanti ospitanti oħrajn tal-vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata għall-prevenzjoni mill-infezzjonijiet;

(3)

jintuża biss ilma ħieles mill-organiżmi kollha li jagħmlu l-ħsara msemmija f'dan il-punt.”