19.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 339/83


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2338

tas-16 ta' Novembru 2017

li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.

(2)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li dawn l-istandards u l-proċeduri komuni jiġu implimentati b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha, għalhekk ġie stabbilit “Manwal dwar ir-Ritorn” li jipprevedi linji gwida komuni, l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jwettqu kompiti relatati mar-ritorn mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 6250 tal-1 ta' Ottubru 2015 (2). Minħabba li hemm żviluppi ġodda fil-qasam tar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, jenħtieġ li jiġi aġġornat il-Manwal dwar ir-Ritorn.

(3)

Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1600 tas-7 ta' Marzu 2017 (3) tipprovdi gwida dwar kif id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE jenħtieġ li jintużaw biex jinkisbu proċeduri aktar effettivi ta' ritorn, u ssejjaħ lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitneħħew l-ostakli legali u prattiċi għar-ritorn. Għaldaqstant il-Manwal dwar ir-Ritorn jenħtieġ li jikkunsidra din ir-Rakkomandazzjoni.

(4)

Il-Manwal dwar ir-Ritorn jenħtieġ li jirrifletti ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea marbuta mad-Direttiva 2008/115/KE.

(5)

Il-“Manwal dwar ir-Ritorn” jenħtieġ li jindirizza lill-Istati Membri kollha li huma marbutin bid-Direttiva 2008/115/KE.

(6)

Sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni uniformi tal-istandards komuni ta' ritorn tal-Unjoni, il-Manwal dwar ir-Ritorn jenħtieġ li jintuża bħala l-għodda ewlenija għat-twettiq ta' kompiti relatati mar-ritorn u għal skopijiet ta' taħriġ,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Il-Manwal dwar ir-Ritorn stabbilit fl-Anness jenħtieġ li jissostitwixxi l-Manwal dwar ir-Ritorn stabbilit fl-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 6250.

2.

L-Istati Membri jenħtieġ li jgħaddu l-Manwal dwar ir-Ritorn lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom li huma kompetenti biex iwettqu kompiti marbuta mar-ritorn u jagħtu struzzjonijiet lil dawn l-awtoritajiet biex jużawh bħala l-għodda ewlenija meta jkunu qed iwettqu dawn il-kompiti.

3.

Il-Manwal dwar ir-Ritorn jenħtieġ li jintuża għall-iskop ta' taħriġ ta' persunal involut f'kompiti relatati mar-ritorn, kif ukoll esperti li jieħdu sehem fl-evalwazzjoni u mekkaniżmu ta' monitoraġġ stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (4) biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen fl-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 6250 tal-1 ta' Ottubru 2015 li tistabbilixxi “Manwal ta' Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu kompiti relatati mar-ritorn.

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1600 tas-7 ta' Marzu 2017 dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni, id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).


ANNESS

MANWAL DWAR IR-RITORN

1.

DEFINIZZJONIJIET 87

1.1.

Ċittadin ta' pajjiż terz 87

1.2.

Permanenza illegali 88

1.3.

Ritorn 90

1.4.

Deċiżjoni ta' ritorn 90

1.5.

Ordni tat-tneħħija 91

1.6.

Ir-riskju ta' ħarba 91

1.7.

Tluq volontarju 93

1.8.

Persuni vulnerabbli 94

2.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI 94

2.1.

Każijiet ta' mal-fruntieri — l-Artikolu 2(2)(a) 95

2.2.

Salvagwardji speċjali għall-“każijiet tal-fruntieri” 96

2.3.

Liġi kriminali u każijiet ta' estradizzjoni 97

3.

DISPOŻIZZJONIJIET AKTAR FAVOREVOLI 98

4.

SANZJONIJIET GĦALL-KSUR TAR-REGOLI DWAR IL-MIGRAZZJONI 98

5.

INTERPELLANZA U L-OBBLIGU LI TINĦAREĠ DEĊIŻJONI TA' RITORN 100

5.1.

Interpellanza waqt kontrolli mal-ħruġ 102

5.2.

Detenturi ta' deċiżjoni ta' ritorn maħruġa minn Stat Membru ieħor 102

5.3.

Relazzjoni mar-regoli ta' Dublin 103

5.4.

Ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali li jkollu dritt ta' permanenza fi Stat Membru ieħor 104

5.5.

Ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali kopert minn ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri 106

5.6.

Ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali li jibbenefika minn permess/awtorizzazzjoni umanitarji (jew oħra) 107

5.7.

Ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali suġġett għal proċedura pendenti li ġġedded permess/awtorizzazzjoni 107

5.8.

Regoli speċjali fid-direttivi dwar il-migrazzjoni legali dwar ir-riammissjoni bejn l-Istati Membri f'każijiet ta' mobbiltà intra-Unjoni 108

6.

TLUQ VOLONTARJU 108

6.1.

Perjodu estiż għat-tluq volontarju 109

6.2.

Obbligi qabel it-tluq volontarju 110

6.3.

Kontro-indikazzjonijiet 110

6.4.

Konformità prattika — tranżitu fuq l-art 111

6.5.

Konformità prattika — tranżitu bl-ajru 112

6.6.

Reġistrazzjoni ta' tluq volontarju 113

7.

TNEĦĦIJA 113

7.1.

Tneħħija bl-ajru 115

7.2.

Tranżitu bl-ajru 118

7.3.

Operazzjonijiet ta' tneħħija konġunta bl-ajru 118

7.4.

Operazzjonijiet ta' ritorn koordinati mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta 119

8.

MONITORAĠĠ TA' RITORN FURZAT 119

9.

POSPONIMENT TAT-TNEĦĦIJA 120

10.

RITORN TA' MINORENNI MHUX AKKUMPANJATI 121

10.1.

Assistenza mill-korpi xierqa 122

10.2.

Ritorn għand membru tal-familja, kustodju magħżul jew faċilitajiet xierqa ta' akkoljenza 123

11.

PROJBIZZJONIJIET FUQ ID-DĦUL 123

11.1.

Effett mifrux mal-UE 124

11.2.

Użu tas-SIS II 125

11.3.

Kwistjonijiet proċedurali 125

11.4.

Raġunijiet għall-ħruġ ta' projbizzjonijiet fuq id-dħul 125

11.5.

Tul tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul 126

11.6.

Irtirar, tnaqqis u sospensjoni tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul 127

11.7.

Sanzjonijiet għan-nuqqas ta' rispett għal projbizzjoni fuq id-dħul 128

11.8.

Konsultazzjoni bejn l-Istati Membri 128

11.9.

Projbizzjonijiet fuq id-dħul “storiċi” 129

12.

SALVAGWARDJI PROĊEDURALI 130

12.1.

Id-dritt għal amministrazzjoni tajba u għad-dritt għal smigħ 130

12.2.

Deċiżjonijiet marbutin mar-ritorn 131

12.3.

Forma tad-deċiżjonijiet u traduzzjoni 133

12.4.

Rimedji legali 134

12.5.

Assistenza lingwistika u għajnuna legali bla ħlas 135

13.

SALVAGWARDJI MATUL L-ISTENNIJA TA' RITORN 137

13.1.

Konferma bil-miktub 138

13.2.

Sitwazzjonijiet ta' irregolarità fit-tul 138

14.

DETENZJONI 139

14.1.

Ċirkostanzi li jiġġustifikaw id-detenzjoni 139

14.2.

Forma u rieżami inizjali tad-detenzjoni 142

14.3.

Rieżami regolari tad-detenzjoni 142

14.4.

Tmiem tad-detenzjoni 143

14.4.1.

Nuqqas ta' prospett raġonevoli ta' tneħħija 144

14.4.2.

Ilħuq tal-perjodu massimu ta' detenzjoni 144

14.5.

Detenzjoni mill-ġdid ta' persuni rimpatrijati 146

14.6.

Applikazzjoni ta' miżuri inqas koerċittivi wara li tintemm id-detenzjoni 146

15.

IL-KUNDIZZJONIJIET TA' DETENZJONI 146

15.1.

Kustodja inizjali tal-pulizija 146

15.2.

Użu ta' faċilitajiet speċjalizzati bħala regola ġenerali 147

15.3.

Is-separazzjoni mill-priġunieri ordinarji 148

15.4.

Kundizzjonijiet ta' detenzjoni materjali 148

16.

DETENZJONI TA' MINORENNI U FAMILJI 153

17.

SITWAZZJONIJIET TA' EMERĠENZA 155

18.

ARRANĠAMENTI TA' TRASPOŻIZZJONI, INTERPRETAZZJONI U TRANŻITORJI 156

19.

SORSI U DOKUMENTI TA' REFERENZA 157

20.

ABBREVJAZZJONIJIET 159

DAĦLA

Dan il-Manwal dwar ir-Ritorn jipprovdi gwida lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex iwettqu kompiti relatati mar-ritorn, inklużi l-pulizija, il-gwardji tal-fruntieri, l-awtoritajiet tal-migrazzjoni, il-persunal ta' faċilitajiet ta' detenzjoni u korpi ta' monitoraġġ.

Il-Manwal ikopri standards u proċeduri fi Stati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiż terz b'residenza illegali u huwa bbażat fuq strumenti legali tal-Unjoni li jirregolaw din il-kwistjoni, l-aktar id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (id-“Direttiva dwar ir-Ritorn”). Il-proċeduri tar-ritorn fil-prattika ta' spiss huma marbuta ma' tipi oħra ta' proċeduri (proċeduri tal-ażil, proċeduri tal-kontroll fil-fruntieri, proċeduri li jwasslu għad-dritt ta' dħul, permanenza jew residenza), li huma regolati minn leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni u nazzjonali. F'dawk il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet differenti involuti f'dawn il-proċeduri.

L-ewwel verżjoni tal-Manwal ġiet adottata f'Ottubru 2015 (2). Il-verżjoni attwali, riveduta fl-2017, tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2017 (3) u fiha gwida addizzjonali għall-awtoritajiet nazzjonali dwar kif ir-regoli tad-Direttiva tar-Ritorn tista' tintuża biex tittejjeb l-effettività tas-sistemi ta' ritorn, filwaqt li tiżgura rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.

Apparti l-istandards u l-proċeduri xierqa, jeħtieġ li sistema ta' ritorn effettiva sserraħ fuq organizzazzjoni tal-kompetenzi ssimplifikata u integrata tajjeb fil-livell nazzjonali. Dan ifisser li tkun tista' timmobilizza l-atturi kollha involuti fi proċeduri relatati mar-ritorn (pereżempju l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-immigrazzjoni, iżda wkoll l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-protezzjoni tat-tfal, is-servizzi mediċi u soċjali, l-persunal ta' faċilitajiet ta' detenzjoni) u tikkoordina l-azzjonijiet tagħhom, f'konformità mar-rwol u l-mandat tagħhom biex tagħti bidu għal reazzjonijiet rapidi u adegwati multidixxiplinari biex tamministra każijiet ta' ritorn individwali. Is-sistemi ta' ritorn nazzjonali jeħtieġ li jiddependu fuq l-appoġġ ta' għadd biżżejjed ta' persunal imħarreġ u kompetenti, li jista' jiġi mobilizzat immedjatament — jekk ikun hemm bżonn fuq bażii ta' 24/7 — l-aktar fil-każ ta' piż dejjem jiżdied fl-implimentazzjoni tar-ritorn, u li jekk ikun hemm bżonn jista' jiġi skjerat fil-fruntieri esterni tal-Unjoni biex jittieħdu miżuri immedjati bi tweġiba għall-pressjoni migratorja. Għal dak l-għan, għandhom jiżguraw skambju kontinwu ta' informazzjoni operazzjonali mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u ma' Stati Membri oħra, u għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq l-appoġġ tekniku u operattiv li tista' tagħti l-Aġenzija.

Biex is-sistemi ta' ritorn ikunu jistgħu jwieġbu għall-isfidi, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar użu mill-flessibilità mogħtija mid-Direttiva tar-Ritorn u għandhom jirrieżaminaw u jadattaw l-istrutturi u l-kapaċità ta' ritorn tagħhom biex iwieġbu għall-ħtiġijiet reali biex jibqgħu effikaċi.

Dan il-Manwal ma joħloq ebda obbligu li jorbot legalment fuq l-Istati Membri u ma jistabbilixxix drittijiet u obbligi ġodda. Fil-parti l-kbira tiegħu, il-manwal huwa bbażat fuq il-ħidma tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-“Kumitat ta' Kuntatt tad-Direttiva dwar ir-Ritorn 2008/115/KE” fis-snin bejn l-2009 u l-2017 u jiġbor fih b'mod sistematiku u fil-qosor id-diskussjonijiet li saru f'dan il-forum, li mhux bilfors jirriflettu kunsens bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni tal-atti legali.

Il-parti interpretattiva tal-Manwal hija kumplimentata minn gwida dwar kwistjonijiet ġodda (eż sentenzi ġodda tal-QtĠ-UE, standards internazzjonali). Huma biss dawk l-atti legali li fuqhom huwa bbażat jew jirreferi għalihom dan il-Manwal li jipproduċu effetti li jorbtu legalment u li jistgħu jiġu invokati quddiem ġurisdizzjoni nazzjonali. Interpretazzjonijiet li jorbtu legalment tal-liġi tal-Unjoni jistgħu jsiru biss mill-QtĠ-UE.

1.   DEFINIZZJONIJIET

1.1.   Ċittadin ta' pajjiż terz

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 3(1); Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (4) — l-Artikolu 2(5)

Kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 17(1) tat-Trattat tal-KE u li mhijiex persuna li tgawdi d-dritt tal-moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni, kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Il-kategoriji ta' persuni li ġejjin mhumiex ikkunsidrati “ċittadini ta' pajjiż terz”:

Persuni li huma ċittadini tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) tat-TFUE (qabel kien l-Artikolu 17(1) tat-Trattat) = persuni li jkollhom nazzjonalità ta' Stat Membru tal-UE (5);

Persuni li jkollhom in-nazzjonalità taż-ŻEE/CH;

Membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-moviment skont l-Artikolu 21 TFUE jew id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

Membri tal-familja ta' ċittadini taż-ŻEE/CH li jgawdu drittijiet tal-libertà ta' moviment bħaċ-ċittadini tal-Unjoni.

Kull persuna oħra, inklużi persuni mingħajr stat (7), għandha titqies “ċittadin ta' pajjiż terz”.

Aktar kjarifiki:

Membri tal-familja ta' ċittadini tal-UE/ŻEE/CH, li għalhekk għandhom id-dritt ta' dħul u ta' residenza maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, huma:

(a)

il-konjuġi u, jekk dan ikun sar abbażi tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru u rikonoxxut mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti bħala l-ekwivalenti taż-żwieġ, is-sieħeb/a li miegħu/ha ċ-ċittadin tal-UE/ŻEE/CH ikun daħal fi sħubija rreġistrata;

(b)

id-dixxendenti diretti li jkunu taħt il-21 sena jew id-dipendenti, inklużi dawk tal-konjuġi jew tas-sieħeb/a rreġistrat/a;

(c)

il-qraba diretti dipendenti fil-linja axxendenti, inklużi dawk tal-konjuġi jew tas-sieħeb/a rreġistrat/a.

Flimkien mal-kategoriji msemmija fil-punti (a) sa (c), membri oħra tal-familja jistgħu, taħt ċerti ċirkostanzi, igawdu wkoll mid-dritt tal-moviment ħieles skont id-dritt tal-Unjoni — b'mod partikolari meta dawn ikunu ngħataw id-dritt ta' dħul u ta' residenza taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE.

Ċittadini ta' pajjiżi terzi li d-dikjarazzjoni tagħhom li huma membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni li jgawdi mid-dritt tal-moviment liberu tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tat-TFUE jew id-Direttiva 2004/38/KE tkun ġiet miċħuda minn Stat Membru jistgħu jitqiesu ċittadini ta' pajjiż terz. Għaldaqstant, persuni bħal dawn jistgħu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u l-istandards minimi, il-proċeduri u d-drittijiet previsti fiha jkunu jridu jiġu applikati. Madankollu, fir-rigward tar-revoka possibbli kontra d-deċiżjoni li tiċħad li wieħed ikun benefiċjarju tad-Direttiva 2004/38/KE, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-persuna tkun tista' tkompli — bħala dispożizzjoni aktar favorevoli skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn — tiddependi fuq is-salvagwardji proċedurali stipulati fil-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE (pereżempju fir-rigward tan-notifika u l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni, iż-żmien mogħti biex wieħed jitlaq mit-territorju b'mod volontarju, il-proċeduri ta' rimedju).

1.2.   Permanenza illegali

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 3(2); il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen — l-Artikolu 6

Il-preżenza fit-territorju ta' Stat Membru, ta' ċittadin ta' pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m'għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jew kundizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f'dak l-Istat Membru.

Din id-definizzjoni tassew wiesgħa tkopri kull ċittadin ta' pajjiż terz li ma jgawdix mid-dritt ġuridiku li joqgħod fi Stat Membru. Kull ċittadin ta' pajjiż terz li jkun preżenti fiżikamentfit-territorju ta' kull Stat Membru tal-UE jkun qed jirresjedi hemm jew legalment jew inkella illegalment. M'hemmx it-tielet għażla.

Finzjonijiet ġuridiċi skont il-liġi nazzjonali li jikkunsidraw li persuni li jkunu qed jirresjedu fiżikament f'partijiet magħżulin apposta f'territorju ta' Stat Membru (eż. żoni ta' tranżitu jew ċerti żoni mal-fruntieri) li ma jkunux qed “jirresjedu fit-territorju” huma irrelevanti f'dan il-kuntest, minħabba li dan ixekkel l-applikazzjoni armonjuża tal-acquis tar-Ritorn tal-UE. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis tar-ritorn għal din il-kategorija ta' nies (ara t-taqsima 2 iktar 'il quddiem).

Wara l-kodifikazzjoni tal-2016 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (SBC), ir-referenza għall-Artikolu 5 tal-KFS fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn għandhom jinqraw bħala referenza għall-Artikolu 6 attwali tal-SBC.

Il-kategoriji li ġejjin ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi huma, pereżempju, ikkunsidrati li qegħdin jirrisjedu illegalment fl-Istat Membru kkonċernat:

Detenturi ta' permess ta' residenza jew viża skaduti;

Detenturi ta' permess jew viża rtirati;

Persuni li jfittxu l-ażil rifjutati;

Applikanti għall-ażil li jkunu rċivew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta' permanenza tagħhom bħala persuni li jfittxu ażil;

Persuni soġġetti għal rifjut ta' dħul fil-fruntiera;

Persuni interċettati b'rabta ma' qsim tal-fruntieri irregolari;

Migranti irregolari interpellati fit-territorju ta' Stat Membru;

Persuni interċettati waqt li jkunu fi tranżitu permezz ta' territorju ta' Stat Membru biex jaslu fi Stat Membru ieħor mingħajr intitolament legali;

Persuni li ma jgawdux minn dritt ta' permanenza fl-Istat Membru ta' interpellanza (anki jekk ikollhom dritt ta' permanenza fi Stat Membru ieħor);

Persuni preżenti fit-territorju ta' Stat Membru matul perjodu għat-tluq volontarju;

Persuni soġġetti għal tneħħija posposta.

Il-kategoriji ta' persuni li ġejjin mhumiex ikkunsidrati bħala f'sitwazzjoni illegali peress li jgawdu mid-dritt ġuridiku ta' permanenza (li jista' jkun ta' natura temporanja biss) fl-Istat Membru kkonċernat:

applikanti għall-ażil li jkunu qed jirresjedu fi Stat Membru fejn igawdu minn dritt ta' permanenza sakemm titlesta l-proċedura ta' ażil tagħhom;

persuni mingħajr stat b'residenza fl-Istat Membru li fih, skont il-liġi nazzjonali jgawdu minn dritt ta' permanenza matul proċedura ta' determinazzjoni tal-apolidija;

persuni li jkunu qed jirresjedu fi Stat Membru fejn igawdu minn status formali ta' tollerazzjoni (diment li status bħal dan jitqies mil-liġi nazzjonali bħala “residenza legali”);

detenturi ta' permess miksub b'mod frodulenti, sakemm il-permess ma jkunx ġie revokat jew irtirat u jibqa' kkunsidrat bħala permess validu.

Aktar kjarifiki:

Persuni soġġetti għal applikazzjoni pendenti għal permess ta' residenza jistgħu jkunu qed jirresjedu fil-pajjiż legalment jew illegalment, skont jekk ikollhomx viża valida jew dritt ta' permanenza ieħor jew le.

Is-sitwazzjoni ta' soġġorn illegali ma tirrikjedix durata minima ta' permanenza jew l-intenzjoni taċ-ċittadin ta' pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta' Stat Membru — ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-47/15, Affum  (8) (paragrafu 48).

Applikanti għat-tiġdid ta' permess li diġà jkun skada ikunu qed jirrisjiedu illegalment, sakemm il-liġi nazzjonali ta' Stat Membru ma tistipulax mod ieħor (ara wkoll taqsima 5.7).

Ċittadini ta' pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom tkun ġiet applikata l-proċedura ta' ritorn stabbilita mid-Direttiva dwar ir-Ritorn u li jkunu f'sitwazzjoni illegali fit-territorju ta' Stat Membru mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta' ritorn (xenarju li ssir referenza għalih fil-paragrafu 48 tas-sentenza tal-QtĠ fil-kawża C-329/11, Achoughbabian  (9)) ikunu qed jirrisjiedu illegalment. Ir-referenza speċjali li saret mill-QtĠ f'Achoughbabian hija marbuta biss mal-kompatibbiltà tal-miżuri tal-liġi kriminali nazzjonali mad-Direttiva dwar ir-Ritorn. F'din is-sentenza ma jingħad xejn dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-applikabbiltà tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u għalhekk tibqa' tapplika r-regola ġenerali stipulata fl-Artikolu 2(1): “jew A jew B”, tfisser li jew persuna tkun qed tirrisjiedi illegalment u tkun tapplika d-Direttiva dwar ir-Ritorn jew inkella l-persuna tkun tgawdi minn dritt ta' permanenza u ma tkunx tapplika d-Direttiva dwar ir-Ritorn.

1.3.   Ritorn

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 3(3)

Tfisser il-proċess tat-tluq lura ta' ċittadin ta' pajjiż terz — kemm jekk b'konformità volontarja ma' obbligu ta' ritorn kif ukoll jekk infurzat — għal:

(1)

il-pajjiż ta' oriġini tiegħu jew tagħha, jew

(2)

pajjiż ta' tranżitu skond ftehim ta' riammissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

(3)

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġu aċċettati.

Din id-definizzjoni fiha limitazzjonijiet fuq dak li jista' jiġi aċċettat bħala “ritorn” u dak li ma jistax jiġi aċċettat bħala “ritorn” għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Meta ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali jintbagħat fi Stat Membru ieħor, skont il-liġi tal-Unjoni dan ma jistax jitqies bħala ritorn. Madankollu, azzjoni bħal din tista' tkun possibbli f'ċerti eċċezzjonijiet skont ftehimiet ta' riammissjoni bilaterali jew ir-regoli ta' Dublin; huwa rrakkomandat għalhekk li dan ma jissejjaħx “ritorn” iżda “bgħit lura” jew “trasferiment”.

Din id-definizzjoni timplika wkoll li l-Istati Membri jridu jużaw ir-ritorn lejn pajjiż terz biss fiċ-ċirkostanzi elenkati b'mod eżawstiv f'waħda mit-tliet inċiżi tagħha. Għaldaqstant, pereżempju, mhuwiex possibbli li persuna rimpatrijata tintbagħat f'pajjiż terz li la jkun il-pajjiż ta' oriġini u lanqas il-pajjiż ta' tranżitu mingħajr il-kunsens tal-persuna rimpatrijata.

Aktar kjarifiki:

“Pajjiż ta' oriġini” fl-ewwel inċiż jirreferi għall-pajjiż taċ-ċittadinanza taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin ta' pajjiż terz; għal persuni mingħajr stat, dan normalment jitqies li huwa l-pajjiż ta' residenza abitwali ta' qabel.

“Pajjiż ta' tranżitu” fit-tieni inċiż tkopri biss il-pajjiżi terzi, mhux l-Istati Membri tal-UE.

“Ftehimiet ta' riammissjoni Komunitarji jew bilaterali jew arranġamenti oħrajn” fit-tieni inċiż hija marbuta ma' ftehimiet ma' pajjiżi terzi biss. Il-ftehimiet ta' riammissjoni bilaterali bejn l-Istati Membri huma irrelevanti f'dan il-kuntest. Madankollu, f'ċerti każijiet, ftehimiet bħal dawn bejn l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-migranti irregolari jintbagħtu lura lejn Stati Membri oħrajn skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (ara t-taqsima 5.5. hawn taħt).

It-terminu “jiddeċiedi li jirritorna b'mod volontarju” fit-tielet inċiż mhuwiex ekwivalenti għal tluq volontarju. “Volontarju” f'dan il-kuntest tirreferi għall-għażla tad-destinazzjoni mill-persuna ripatrijata. Għażla volontarja tad-destinazzjoni bħal din tista' sseħħ ukoll fit-tħejjija ta' operazzjoni ta' tneħħija: jista' jkun hemm każijiet li fihom il-persuna rimpatrijata tippreferi li tintbagħat f'pajjiż terz ieħor minflok il-pajjiż ta' tranżitu jew ta' oriġini.

Speċifikazzjoni tal-pajjiż ta' ritorn f'każ ta' tneħħija: jekk jingħata perjodu stipulat għat-tluq volontarju, tkun responsabbiltà tal-persuna rimpatrijata li tiżgura li tkun konformi mal-obbligu li tirritorna fi żmien il-perjodu stipulat u, fil-prinċipju, m'hemmx għalfejn jiġi speċifikat il-pajjiż ta' ritorn. Huwa biss f'każ li jkunu jridu jintużaw miżuri ta' koerċizzjoni mill-Istati Membri (tneħħija) li jkun hemm bżonn li jiġi speċifikat f'liema pajjiż terz tkun ser tintbagħat il-persuna (ara taqsima 1.5).

1.4.   Deċiżjoni ta' ritorn

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 3(4) u 6(6)

Deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta' ċittadin ta' pajjiż terz huwa illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta' ritorn.

Id-definizzjoni ta' “deċiżjoni ta' ritorn” tiffoka fuq żewġ elementi essenzjali. Deċiżjoni ta' ritorn għandha tinkludi:

(1)

dikjarazzjoni li tikkonċerna l-illegalità tal-permanenza; kif ukoll

(2)

l-impożizzjoni ta' obbligu għal ritorn.

Deċiżjoni ta' ritorn jista' jkun fiha aktar elementi, bħal projbizzjoni fuq id-dħul, terminu għat-tluq volontarju, għażla tal-pajjiż tar-ritorn; meta l-pajjiż ta' ritorn ma jissemmiex, Stat Membri għandu jiżgura li l-prinċipju ta' non-refoulementhuwa rispettat f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

L-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa rigward l-għamla (deċiżjonijiet jew atti, ġuridiċi jew amministrattivi) li fiha tkun tista' tittieħed deċiżjoni ta' ritorn.

Id-deċiżjonijiet ta' ritorn jistgħu jinħarġu f'forma ta' att jew deċiżjoni indipendenti jew flimkien ma' deċiżjonijiet oħrajn, bħal ordni ta' tneħħija jew deċiżjoni li ttemm residenza legali (ara t-taqsima 12.1 iktar 'il quddiem).

Deċiżjoni ta' ritorn tiddikjara l-illegalità tar-residenza fl-Istat Membru li joħroġ id-deċiżjoni filwaqt li tippreċiża l-obbligu ta' tluq mit-territorji tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi assoċjati ta' Schengen. Barra minn hekk, ta' min jisħaq li, skont l-Artikolu 11, id-deċiżjonijiet ta' ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjonijiet fuq id-dħul li jkollhom effett mifrux mal-UE kollha (vinkolanti għall-Istati kollha li huma marbutin bid-Direttiva dwar ir-Ritorn).

Aktar kjarifiki:

Id-definizzjoni flessibbli ta' “deċiżjoni ta' ritorn” ma tipprekludix milli d-deċiżjoni li timponi l-obbligu ta' ritorn tittieħed f'forma ta' sentenza ta' qorti kriminali u fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali — ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-430/11, Sagor  (10) C-430/11, paragrafu 39).

1.5.   Ordni tat-tneħħija

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 3(5) u 8(3)

Deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna l-infurzar ta' l-obbligu ta' ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru.

L-ordni ta' tneħħija tista' tinħareġ flimkien mad-deċiżjoni ta' ritorn (proċedura b'pass wieħed) jew separatament (proċedura b'żewġ passi). F'dawk il-każijiet li fihom id-deċiżjoni ta' ritorn u l-ordni ta' tneħħija jinħarġu flimkien fi proċedura b'pass wieħed, irid jiġi ċċarat — f'dawk il-każijiet li fihom jingħata terminu għat-tluq volontarju — li t-tneħħija ssir biss jekk ma jkunx ġie rrispettat l-obbligu ta' ritorn fi ħdan it-terminu għat-tluq volontarju.

Fid-dawl tal-obbligu tal-Istati Membri li dejjem jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulment, it-tneħħija (trasport fiżiku barra mill-Istat Membru) ma tistax issir lejn destinazzjoni li mhijiex speċifikata iżda lejn pajjiż ta' ritorn speċifikat. Il-persuna rimpatrijata għandha tkun konxja mid-destinazzjoni tal-operazzjoni ta' tneħħija minn qabel sabiex tkun tista' tesprimi kwalunkwe raġuni li ġġegħelha taħseb li t-tneħħija lejn id-destinazzjoni proposta tkun ser tikser il-prinċipju ta' non-refoulment u tkun tista' tuża d-dritt ta' appell. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jissemma l-pajjiż ta' ritorn fid-deċiżjoni ta' tneħħija separata (proċedura b'żewġ passi) jew billi jissemma l-pajjiż fejn tkun ser tintbagħat il-persuna f'każ li jkun hemm nuqqas ta' konformità mal-obbligu ta' ritorn, fid-deċiżjoni konġunta ta' ritorn u tneħħija (proċedura b'pass wieħed), jew li jiġi infurmat iċ-ċittadin ta' pajjiż terz permezz ta' deċiżjoni jew att ieħor.

1.6.   Ir-riskju ta' ħarba

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 3(7) u premessa 6

L-eżistenza ta' raġunijiet f'każ individwali li huma bbażati fuq kriterji oġġettivi definiti bil-liġi nazzjonali biex wieħed jemmen li ċittadin ta' pajjiż terz li hu soġġett għal proċeduri ta' ritorn jista' jaħrab.

L-eżistenza (jew in-nuqqas) ta' “riskju ta' ħarba” tikkostitwixxi element deċiżiv biex jiġi stabbilit jekk għandux jiġi stipulat perjodu għat-tluq volontarju jew le kif ukoll biex tittieħed deċiżjoni dwar il-bżonn ta' detenzjoni.

L-Istati Membri jridu jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom ta' jekk hemmx riskju ta' ħarba fuq il-kriterji oġġettivi stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Is-sentenza tal-QEĠ fil-Kawża C-528/15,Al Chodor  (11), marbuta mad-definizzjoni ta' “riskju ta' ħarba” fl-Artikolu 2(n) (12) tar-Regolament ta' Dublin, liema test huwa essenzjalment identiku għad-definizzjoni tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, tikkonferma dan indirettament. F'din is-sentenza, l-QEĠ tistabbilixxi li kriterji oġġettivi bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar f'dispożizzjonijiet vinkolanti ta' applikazzjoni ġenerali u li l-każistika stabbilita li tikkonferma prattika amministrattiva konsistenti mhijiex biżżejjed. Il-QEĠ ikkonkludiet ukoll li fin-nuqqas ta' kriterji bħal dawn f'dispożizzjonijiet legalment vinkolanti ta' applikazzjoni ġenerali, id-detenzjoni għandha tiġi ddikjarata illegali.

Filwaqt li l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa fid-determinazzjoni ta' dawn il-kriterji, għandhom iqisu dawn li jmiss bħala indikazzjoni li ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali jista' jaħrab:

nuqqas ta' dokumentazzjoni;

nuqqas ta' residenza, domiċilju fiss jew l-indirizz ta' min joqgħod fuqu;

nuqqas ta' rappurtar għand l-awtoritajiet rilevanti;

espressjoni espliċita ta' nuqqas ta' konformità ma' miżuri relatati mar-ritorn (pereżempju deċiżjoni ta' ritorn, miżuri għall-prevenzjoni ta' ħarba);

l-eżistenza ta' kundanna għal reat kriminali, inkluż għal reat kriminali serju fi Stat Membru ieħor (13);

investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali li għadhom għaddejjin;

nuqqas ta' konformità ma' deċiżjoni ta' ritorn, inkluż b'obbligu għar-ritorn fi ħdan il-perjodu għal tluq volontarju;

kondotta fl-imgħoddi (jiġifieri ħarba);

nuqqas ta' riżorsi finanzjarji;

li wieħed ikun suġġett ta' deċiżjoni ta' ritorn maħruġa minn Stat Membru ieħor;

nuqqas ta' konformita mar-rekwiżiti li wieħed imur fit-territorju ta' Stat Membru ieħor li ta permess ta' residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta' soġġorn;

dħul illegali fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi assoċjati ta' Schengen

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista' tistabbilixxi kriterji oġġettivi oħra biex tiddetermina l-eżistenza ta' riskju ta' ħarba.

Skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. b'mod partikolari l-prinċipju tal-proporzjonalità, id-deċiżjonijiet kollha meħudin skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn iridu jiġu adottati fuq bażi ta' każ b'każ. Il-lista ta' hawn fuq ta' kriterji għandha titqies f'kull stadju matul il-proċedura ta' ritorn bħala element fil-valutazzjoni ġenerali ta' kull sitwazzjoni individwali, iżda ma tistax isservi bħala l-bażi unika biex jiġi preżunt awtomatikament riskju ta' ħarba, minħabba li spiss din tkun taħlita ta' diversi mill-kriterji elenkati hawn fuq li tipprovdi bażi għall-konklużjoni tal-eżistenza ta' riskju bħal dan. Għandha tiġi evitata kwalunkwe konklużjoni awtomatika, bħal dik li d-dħul illegali jew in-nuqqas ta' dokumenti tfisser li jeżisti riskju ta' ħarba. Valutazzjoni individwali bħal din trid tqis il-fatturi relevanti kollha inklużi l-età u l-kundizzjonijiet tas-saħħa u dawk soċjali tal-persuni kkonċernati li jistgħu jkunu qed jaffettwaw direttament ir-riskju li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz jista' jaħrab u f'ċerti każijiet tista' twassal għal konklużjoni li ma hemmx riskju ta' ħarba anki jekk ikun issodisfat wieħed jew aktar minn fost dawk il-kriterji stipulati fil-liġi nazzjonali.

Barra mill-kriterji msemmija hawn fuq li jistgħu jindikaw l-eżistenza ta' riskju ta' ħarba, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet taċ-ċittadini ta' pajjiż terz ikkonċernati li għandhom jinstemgħu u għal rimedju effettiv, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista' wkoll tikkwalifika ċerti ċirkostanzi oġġettivi bħala li jikkostitwixxu preżunzjoni konfutabbli li hemm riskju ta' ħarba (jiġifieri ċ-ċittadin tal-pajjiż terz għandu jikkonfuta li, minkejja l-eżistenza ta' fatti ta' hawn taħt, dan ir-riskju ma jeżistix),

jirrifjuta li jikkoopera fil-proċess ta' identifikazzjoni, l-użu ta' dokumenti ta' identità foloz jew falsifikati, il-qerda jew disponiment ta' xort'oħra minn dokumenti eżistenti, ir-rifjut tal-għoti tal-marki tas-swaba;

jopponi b'mod vjolenti jew frawdolenti l-operazzjoni ta' ritorn;

ma jikkonformax ma' miżura mmirata lejn il-prevenzjoni ta' ħarba (ara taqsima 6.2);

ma jikkonformax ma' projbizzjoni ta' dħul eżistenti;

jinvolvi ruħu f'movimenti sekondarji mhux awtorizzati lejn Stat Membru ieħor.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda provvediment għal preżunzjonijiet konfuttabbli bħal dawn fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

1.7.   Tluq volontarju

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 3(8)

Konformità mal-obbligu ta' ritorn fi żmien l-iskadenza ffissata għal dak l-iskop fid-deċiżjoni ta' ritorn.

Tluq volontarju fil-kuntest tal-acquis tar-ritorn tal-Unjoni jirreferi għall-konformità volontarja b'obbligu għar-ritorn lejn pajjiż terz. It-terminu “tluq volontarju” ma jkoprix każijiet li fihom ċittadini ta' pajjiż terz li jkunu qed jirresjedu legalment jiddeċiedu li jmorru lura lejn pajjiżhom fuq deċiżjoni tagħhom stess. Ritorn “tassew” volontarju bħal dan (xenarju 1 fl-istampa hawn taħt) ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, peress li jikkonċerna ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza legali. It-tluq ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali li jkunu għadhom ma nstabux jew ma nqabdux (eż. persuni b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta) jista' jitqies li huwa kopert mid-definizzjoni ta' “tluq volontarju”. Dawn il-persuni diġà għandhom obbligu “astratt” li jirritornaw skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn u jistgħu jirċievu deċiżjoni ta' ritorn, kif ukoll projbizzjoni fuq id-dħul ladarba l-awtoritajiet isiru jafu bir-residenza irregolari tagħhom (l-aktar tard mal-kontrolli tal-ħruġ — ara t-taqsimiet 5.1 u 11.3).

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tkopri biss ix-xenarji 2 u 3 hawn taħt:

Image

Iċ-ċaqliq mit-territorju nazzjonali ta' Stat Membru għat-territorju ta' Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 6(2) (ara t-taqsima 5.4 hawn taħt) ma jistax jitqies bħala tluq volontarju. Id-definizzjoni ta' tluq volontarju dejjem tirrikjedi tluq lejn pajjiż terz. Regoli speċifiċi dwar it-tranżitu fuq l-art mit-territorji ta' Stati Membri oħrajn fil-kuntest tat-tluq volontarju huma stipulati fit-taqsima 6.4 hawn taħt.

1.8.   Persuni vulnerabbli

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 3(9)

Minuri, minuri mhux akkumpanjati, persuni b'diżabilità, anzjani, nisa tqal, ġenituri waħedhom bi tfal minuri u persuni li ġew soġġetti għal tortura, stupru jew forom serji oħrajn ta' vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali.

Bil-maqlub tad-definizzjoni ta' persuni vulnerabbli użata fl-acquis tal-ażil, (ara pereżempju l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) (id-“Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza”) jew l-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) (id-“Direttiva dwar il-Kwalifika”), id-definizzjoni fid-Direttiva dwar ir-Ritorn hija abbozzata bħala lista eżawrjenti.

Il-bżonn li tingħata attenzjoni speċifika lis-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom fil-kuntest ta' ritorn, madankollu, mhuwiex limitat għall-kategoriji ta' persuni vulnerabbli espliċitament enumerati fl-Artikolu 3(9). Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu anki sitwazzjonijiet speċjali oħra ta' vulnerabbiltà, bħal dawk imsemmija fl-acquis tal-ażil — bħal li wieħed ikun vittma ta' traffikar tal-bnedmin jew ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, jew li jkun persuna b'marda serja jew b'kundizzjonijiet mentali.

Il-bżonn li tingħata attenzjoni speċifika lis-sitwazzjoni ta' persuni vulnerabbli ma għandux jiġi limitat għas-sitwazzjonijiet imsemmijin b'mod ċar fid-Direttiva dwar ir-Ritorn (tul il-perjodu ta' tluq volontarju, waqt ritorn pospost u waqt id-detenzjoni). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri joqogħdu attenti għall-bżonnijiet tal-persuni vulnerabbli fl-istadji kollha tal-proċedura ta' ritorn, bħala parti mill-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi individwali ta' kull każ.

2.   KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 2 u 4(4)

Il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn huwa wiesa' u jkopri kwalunkwe ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali fit-territorju ta' Stat Membru. Bħalissa l-Istati Membri li ġejjin huma marbutin bid-Direttiva dwar ir-Ritorn:

l-Istati Membri kollha, ħlief ir-Renju Unit u l-Irlanda;

l-Iżvizzera, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-Direttiva għal ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi:

“każijiet ta' mal-fruntieri” skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (ara t-taqsima 2.1), u

“każijiet tal-liġi kriminali” skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (ara t-taqsima 2.2).

Id-deċiżjoni ta' Stat Membru li juża d-deroga u li ma japplikax id-Direttiva għall-“każijiet tal-fruntieri” jew għal “każijiet tal-liġi kriminali” għandha tkun waħda ċara, meħuda minn qabel, fil-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali (16), inkella ma tkunx tista' tiżviluppa l-ebda effett ġuridiku. Ma jeżistux rekwiżiti formali speċifiċi biex tali deċiżjoni issir magħrufa. Madankollu, importanti li din tirriżulta b'mod ċar — b'mod espliċitu jew impliċitu — mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jekk u safejn Stat Membru jagħmel użu mid-deroga.

Jekk Stat Membru ma jkunx ippubblika, minn qabel, id-deċiżjoni tiegħu li juża d-derogi skont l-Artikolu 2(2)(a) jew (b) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jintużaw biex jiġġustifikaw in-nuqqas ta' applikazzjoni sussegwenti tad-Direttiva dwar ir-Ritorn f'każijiet individwali.

Xejn ma jżomm lill-Istati Membri milli jillimitaw l-użu tad-deroga tal-Artikolu 2(2)(a) jew 2(2)(b) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn għal ċerti kategoriji ta' persuni (pereżempju r-rifjuti tad-dħul fil-fruntieri tal-ajru jew fuq il-fruntieri tal-baħar biss), sakemm dan jitpoġġa ċar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' implimentazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu mid-deroga fi stadju aktar tard wara l-ewwel traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn fil-liġi nazzjonali. Madankollu, dan ma jistax ikollu konsegwenzi żvantaġġużi fir-rigward ta' dawk il-persuni li diġà setgħu jagħmlu użu mill-effetti tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-297/12, Filev and Osmani  (17): “…sa fejn Stat Membru ma jkunx għadu għamel użu minn din il-possibbiltà… huwa ma jistax jagħmel użu mid-dritt li jirrestrinġi l-kamp ta' applikazzjoni ratione personae ta' din id-direttiva skont l-Artikolu 2(2)(b) tagħha fir-rigward ta' persuni li diġa' kienu kapaċi jagħmlu użu mill-effetti ta' din id-direttiva”).

2.1.   Każijiet ta' mal-fruntieri — l-Artikolu 2(2)(a)

Persuni li jkunu ġew irrifjutati milli jidħlu u li jkunu preżenti f'żona ta' tranżitu jew f'żona mal-fruntieri ta' Stat Membru, spiss ikunu soġġetti għal regoli speċjali fl-Istati Membri: permezz ta' “finzjoni ġuridika” dawn il-persuni xi drabi ma jitqisux li “qed jirresjedu fit-territorju tal-Istat Membru” kkonċernat u jiġu applikati regoli speċifiċi. Id-Direttiva dwar ir-Ritorn ma ssegwix dan l-approċċ u tqis li kull ċittadin ta' pajjiż terz li jkun fiżikament fit-territorju ta' Stat Membru huwa kopert mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha.

Madankollu, l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu li ma japplikawx id-Direttiva għall-“każijiet tal-fruntieri”, iddefiniti bħala ċittadini ta' pajjiżi terzi li:

huma soġġetti għal ċaħda ta' dħul, skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen  (18) , jew

li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b'konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta' Stat Membru u li sussegwentement ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni jew dritt ta' permanenza f'dak l-Istat Membru.

L-użu ta' din id-deroga jista' jkun utli pereżempju fil-każ ta' Stati Membri l-aktar esposti li jkunu qed jesperjenzaw pressjoni migratorja sinifikanti, meta din tkun tista' tipprovdi għal proċeduri aktar effettivi; f'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tirrakkomanda li jsir użu minn din id-deroga.

Proċeduri Nazzjonali għal “każijiet tal-fruntieri” għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati, kif ukoll is-salvagwardji stabbiliti fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (ara t-taqsima 2.2).

Aktar kjarifiki:

L-Artikolu 2(2)(a) jimplika rabta temporali u spazjali diretti mal-qsim tal-fruntiera esterna. Għalhekk dan jikkonċerna ċittadini ta' pajjiż terz li nqabdu jew ġew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti fil-mument stess tal-qsim irregolari tal-fruntiera esterna jew ħdejn dik il-fruntiera interna wara li tkun inqasmet — ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-47/15, Affum (paragrafu 72).

Il-kategoriji ta' persuni li ġejjin, pereżempju, huma koperti mit-terminu “maqbuda jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b'konnessjoni mal-qsim irregolari […] tal-fruntieri esterni” minħabba li jkun għad hemm konnessjoni DIRETTA mal-att tal-qsim irregolari tal-fruntieri:

persuni li jaslu b'mod irregolari bid-dgħajsa u li jiġu arrestati mal-wasla tagħhom jew ftit wara;

persuni li jiġu arrestati mill-pulizija wara li jkunu xxabbtu ċint ta' fruntiera;

persuni li jidħlu b'mod irregolari li jkunu neżlin mill-ferrovija/xarabank li tkun wasslithom direttament fit-territorju ta' Stat Membru (mingħajr waqfa qabel f'territorju ta' Stat Membru).

Il-kategoriji ta' persuni li ġejjin mhumiex koperti mit-terminu “maqbuda jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b'konnessjoni mal-qsim irregolari […] ta' fruntieri esterni” minħabba li ma jkunx għad hemm konnessjoni DIRETTA mal-att tal-qsim irregolari tal-fruntieri:

persuni li jidħlu b'mod irregolari u li jiġu maqbuda fit-territorju tal-Istat Membru, fi żmien ċertu perjodu minn wara d-dħul irregolari;

migranti irregolari li jiġu arrestati f'reġjun mal-fruntieri sakemm ma jkunx għad hemm konnessjoni diretta mal-att tal-qsim irregolari tal-fruntieri;

migrant irregolari li jkun nieżel minn xarabank li tkun ġejja minn pajjiż terz, jekk ix-xarabank diġà tkun għamlet diversi waqfiet fit-territorju tal-UE;

migranti irregolari li diġà jkunu tkeċċew qabel u li jiksru projbizzjoni fuq id-dħul li tkun għadha valida (sakemm ma jinqabdux b'konnessjoni diretti mal-qsim irregolari tal-fruntieri);

migrant irregolari li jaqsmu fruntiera interna — ara d-deċiżjoni tal-Qorti fil-Kawża C-47/15, Affum (paragrafu 69), Artikolu 2(2) tad-Direttiva li jirreferi għal fruntieri esterni u l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen li japplika fil-fruntieri esterni;

ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illejali li jitilqu mit-territorji tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati ta' Schengen — ara d-deċiżjoni tal-QtĠ fil-Kawża C-47/15, Affum (paragrafu 71).

Eżempju prattiku ta' każijiet koperti bil-klawsola “u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f'dak l-Istat Membru”, li għalihom id-deroga ma tapplikax:

persuni li jidħlu b'mod irregolari u li jkunu ġew maqbuda mal-fruntieri esterni u li wara jkunu kisbu dritt li jibqgħu fil-pajjiż bħala persuni li jfittxu ażil. Anke jekk — wara r-rifjut finali tal-applikazzjoni għall-ażil — jerġgħu jiġu “f'sitwazzjoni illegali”, ma għandhomx jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva bħala “każ tal-fruntieri”;

ċittadin ta' pajjiż terz li jkun ġie rrifjutat milli jidħol u li jkun qed jirresjedi fiż-żona ta' trażitu tal-ajruport (u għalhekk jista' jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva) jiġi trasferit lejn sptar għal raġunijiet mediċi u jingħata permess nazzjonali għal perjodu qasir (u mhux biss posponiment tat-tneħħija skont l-Artikolu 9(2)(a)) biex ikun kopert il-perjodu imqatta' fl-isptar).

Il-forma, il-kontenut u r-rimedji ġuridiċi tad-deċiżjonijiet maħruġin lil ċittadini ta' pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn permezz tal-Artikolu 2(2)(a) huma koperti mil-liġi nazzjonali.

Ir-rifjuti tad-dħul skont l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen ikopri lil kull min ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tad-dħul skont l-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Persuni li jiġu rrifjutati milli jidħlu f'żona ta' tranżitu ta' ajruport jew f'punt ta' qsim tal-fruntieri fit-territorju ta' Stat Membru jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (peress li diġà jkunu preżenti fiżikament fit-territorju). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jużaw id-deroga tal-Artikolu 2(2)(a) li tiddikjara li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-direttiva għal dawn il-każijiet.

L-eċċezzjonijiet għall-każijiet tal-fruntieri skont l-Artikolu 2(2)(a) japplikaw biss għal każijiet ta' qbid fil-fruntieri esterni, u mhux fil-fruntieri interni — ara d-deċiżjoni tal-QtĠ fil-Kawża C-47/15, Affum.

L-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli mal-fruntieri interni ma terġax tibdel il-fruntieri interni fi fruntieri esterni. Għalhekk din is-sitwazzjoni ma taffettwax il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

Każijiet tal-“Fruntieri” u każijiet “bħalhom” li jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva mhumiex l-istess bħall-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 12(3) (proċedura ssimplifikata f'każ ta' dħul illegali): Id-dħul illegali (it-terminu użat fl-Artikolu 12(3)) mhuwiex sinonimu mal-każijiet tal-“fruntieri” u każijiet “bħalhom” deskritti fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Eżempju: Ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali u li jiġi maqbud fit-territorju ta' Stat Membru tliet xhur wara d-dħul illegali tiegħu mhuwiex kopert bl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn iżda jista' jkun kopert mill-Artikolu 12(3) tal-istess Direttiva.

2.2.   Salvagwardji speċjali għall-“każijiet tal-fruntieri”

Jekk l-Istati Membri jagħżlu li ma japplikawx id-Direttiva għall-każijiet tal-fruntieri, xorta waħda għandhom jiżguraw — skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn — il-prinċipju ta' non-refoulement u jiżguraw li l-livell ta' protezzjoni għall-persuni milqutin ma jkunx anqas favorevoli minn dak stipulat fl-Artikoli tad-Direttiva li titratta:

limitazzjonijiet fuq l-użu ta' miżuri ta' koerċizzjoni;

posponiment tat-tneħħija;

kura tas-saħħa f'każ ta' emerġenza u trattament neċessarju ta' mard filwaqt li jitqiesu l-persuni vulnerabbli; kif ukoll

il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni.

Barra minn hekk, ta' min jgħid li s-salvagwardji skont l-acquis tal-ażil tal-Unjoni (pereżempju b'mod partikolari fuq l-aċċess għall-proċedura tal-ażil) ma jistgħux jiġu rrinunzjati bl-għażla tal-Istati Membri li ma japplikawx id-Direttiva dwar ir-Ritorn għall-każijiet tal-fruntieri. L-obbligi stipulati fl-acquis tal-ażil tal-Unjoni jinkludu, b'mod partikolari, obbligu li l-Istati Membri biex:

jinfurmaw lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jista' jkun li jkunu jridu japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali bil-possibilità li jagħmlu dan;

jiżguraw li l-gwardji tal-fruntieri u awtoritajiet relevanti oħrajn ikollhom l-informazzjoni relevanti u li l-persunal tagħhom jirċievi l-livell meħtieġ ta' taħriġ dwar kif wieħed jagħraf l-applikanti u struzzjonijiet dwar kif l-applikanti jiġu infurmati dwar fejn u kif jistgħu jsiru l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali;

jagħmlu arranġamenti biex issir interpretazzjoni meħtieġa bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-proċedura;

jiżguraw aċċess effettiv mill-organizzazzjonijiet u l-persuni li jipprovdu l-pariri u l-gwida lill-applikanti preżenti f'punti ta' qsim tal-fruntieri, inklużi ż-żoni ta' tranżitu, fil-fruntieri esterni.

Aktar kjarifiki:

Applikazzjoni prattikata' din id-dispożizzjoni f'każ ta' rifjut tad-dħul fil-fruntieri: hemm żewġ possibbiltajiet: il-persuna tista' tkun fiżikament preżenti fit-territorju ta' Stat Membru wara r-rifjut tad-dħul fil-fruntieri (eż. f'żona ta' tranżitu ta' ajruport) jew tista' ma tkunx fiżikament preżenti fit-territorju ta' Stat Membru (eż. persuna li tkun ġiet irrifjutata d-dħul fi fruntiera fuq l-art u li fiżikament tkun għadha f'territorju ta' pajjiż terz). Fl-ewwel każ, is-salvagwardji tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn għandhom jiġu applikati; fit-tieni każ, l-Artikolu 4(4) ma japplikax.

Ir-rispett tal-prinċipju ta'non-refoulement rikonoxxut permezz tal-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn — u minqux fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“KDF”) kif ukoll l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani (“KEDB”) –huwa assolut u ma jista taħt l-ebda ċirkostanza jiġi ristrett, anke jekk il-barranin ikunu ta' theddida għall-ordni pubblika jew ikunu wettqu reat partikolarment serju. Persuni bħal dawn jistgħu jiġu esklużi mill-istatus ta' protezzjoni sussidjarja jew ta' refuġjat, iżda xorta ma jistgħux jiġu rritornati f'post fejn jistgħu jiġu ttorturati jew jinqatlu.

2.3.   Liġi kriminali u każijiet ta' estradizzjoni

L-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu li ma japplikawx id-Direttiva għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li:

huma soġġetti għar-ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali, skont il-liġi nazzjonali,

huma soġġetti għar-ritorn bħala konsegwenza ta' sanzjoni tal-liġi kriminali, skont il-liġi nazzjonali, jew

huma s-suġġett ta' proċeduri ta' estradizzjoni.

Aktar kjarifiki:

Il-każijiet tal-liġi kriminali previsti minn din id-dispożizzjoni ġeneralment jitqiesu bħala reati fl-ordnijiet ġuridiċi nazzjonali tal-Istati Membri.

f'C-297/12, Filev and Osmani, il-QtĠ ċċarat b'mod espliċitu li l-offiżi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar id-droga u kundanni relatati ma' traffikar tad-drogi jistgħu jkunu każijiet li għalihom tapplika d-deroga.

F'C-329/11, Achughbabian, il-QtĠ kkonfermat li din id-deroga ma tistax tintuża biex iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu wettqu biss ir-reat ta' residenza illegali mingħajr ma jitneħħa l-iskop u l-effett vinkolanti mid-Direttiva dwar ir-Ritorn.

Ksur mhux daqstant serju relatat mal-migrazzjoni, bħas-sempliċi dħul jew permanenza irregolari, ma jistax jiġġustifika l-użu ta' din id-deroga.

Proċeduri ta' estradizzjoni mhux neċessarjament ikunu marbuta ma' proċeduri ta' ritorn. Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tal-1957 (19) tiddeskrivi l-estradizzjoni bħala li jiġu ċeduti “persuni li l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti rikjedenti jkunu fetħu proċedimenti kontrihom għal reat jew li jkunu imfittxija mit-tali awtoritajiet biex jiskontaw sentenza jew ordni ta' detenzjoni”. Madankollu, jista' jkun hemm istanzi ta' koinċidenza u din id-deroga għandha l-għan li tiċċara l-fatt li l-Istati Membri għandhom l-għażla li ma japplikawx is-salvagwardji proċedurali stipulati fid-Direttiva dwar ir-Ritorn meta jsir ritorn fil-kuntest ta' proċeduri ta' estradizzjoni.

3.   DISPOŻIZZJONIJIET AKTAR FAVOREVOLI

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 4

Għalkemm id-Direttiva dwar ir-Ritorn għandha l-għan li tarmonizza l-proċeduri ta' ritorn fl-Istati Membri, hija b'mod ċar ma taffettwax id-dispożizzjonijiet aktar favorevoli stipulati fil-ftehimiet internazzjonali bilaterali jew multilaterali (l-Artikolu 4(1)).

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn lanqas taffettwa lil “xi dispożizzjoni li tista' tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz stabbilita fl-acquis Komunitarju fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-ażil” (l-Artikolu 4(2)) kif ukoll “id-dritt tal-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma' din id-Direttiva” (l-Artikolu 4(3)).

Aktar kjarifiki:

Minħabba li d-Direttiva dwar ir-Ritorn għandha l-għan li tipprovdi għal standards minimi komuni rigward ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-individwi fil-proċeduri tar-ritorn, “aktar favorevoli” dejjem għandha tiġi interpretata bħala “aktar favorevoli għall-persuna rimpatrijata” u mhux aktar favorevoli għall-Istat ta' tkeċċija/ta' tneħħija.

L-Istati Membri mhumiex liberi li japplikaw standards aktar stretti f'oqsma rregolati mid-Direttiva dwar ir-Ritorn: ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-61/11, El Dridi  (20) (paragrafu 33): “[…] id-Direttiva 2008/115/KE […] madankollu, ma tippermettix lill-imsemmija Stati li japplikaw standards iktar severi fil-qasam irregolat mid-direttiva.”

L-impożizzjoni ta' multa minflok il-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn ma tippermettix li jiġi implimentat mekkaniżmu li jipprevedi, f'każ ta' ċittadini ta' pajjiżi terz b'residenza illegali fit-territorju ta' Stat Membru, skont iċ-ċirkostanzi, xi multa jew tneħħija, peress li miżura minnhom teskludi lill-oħra (ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-38/14, Zaizoune  (21)).

L-Applikazzjoni ta' partijiet mid-Direttiva dwar ir-Ritorn għal persuni esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha skont l-Artikolu 2(2)(a) u (b) hija kompatibbli mad-Direttiva u tista' titqies bħala koperta mill-Artikolu 4(3), minħabba li prattika bħal din tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernati.

4.   SANZJONIJIET GĦALL-KSUR TAR-REGOLI DWAR IL-MIGRAZZJONI

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — kif interpretata mill-QtĠ fil-kawżi C-61/11 El Dridi, C-329/11, Achughbabian, C-430/11, Sagor, C-297/12, Filev and Osmani, C-38/14, Zaizoune, C-290/14, Celaj, C-47/15, Affum.

L-Istati Membri huma liberi li jistipulaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluż priġunerija bħala sanzjoni kriminali, b'rabta mal-ksur tar-regoli tal-migrazzjoni, sakemm dawn il-miżuri ma jikkompromettux l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u jiżguraw l-osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari dawk iggarantiti mill-KDF interpretati f'konformità mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-KEDB. Huwa f'idejn il-liġi nazzjonali li tiddetermina liema tipi ta' ksur tar-regoli dwar il-migrazzjoni għandhom jiġu ppenalizzati.

Xejn ma jżomm lill-Istati Membri milli jindirizzaw u jikkunsidraw fil-liġi penali nazzjonali tagħhom ksur tar-regoli dwar il-migrazzjoni mwettaq fi Stati Membri oħrajn.

Nuqqas ta' konformità mal-projbizzjoni fuq id-dħul: L-Istati Membri jistgħu jadottaw sanzjonijiet tal-liġi kriminali kontra ċittadini ta' pajjiż terz b'residenza illegali li ġew irritornati u li qed jerġgħu jidħlu fit-territorju ta' Stat Membru bi ksur ta' projbizzjoni ta' dħul. Sanzjoni kriminali bħal din hija ammissibbli biss bil-kundizzjoni li l-projbizzjoni ta' dħul maħruġa kontra ċ-ċittadin ta' pajjiż terz tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Sanzjonijiet kriminali bħal dawn għandhom jiżguraw osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali u tal-Konvenzjoni ta' Geneva tal-1951 (22), l-aktar tal-Artikolu 31(1) (23) (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustiizja fil-Kawża C-290/14, Celaj  (24)).

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn ma tipprekludix l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet penali skont ir-regoli nazzjonali ta' proċedura kriminali, fuq ċittadini ta' pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom il-proċedura ta' ritorn stabbilita mid-Direttiva tkun ġiet applikata mingħajr suċċess u li jirrisjedu illegalment fit-territorju ta' Stat Membru mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta' ritorn tiegħu. Is-sanzjonijiet penali mmirati sabiex jiddiswadu dawn il-persuni rimpatrijati milli jibqgħu b'mod illegali għandhom jiżguraw rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari dawk iggarantiti mill-KEDB (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustiizja fil-Kawża C-329/11, Achughbabian, paragrafi 48 u 49) u għandha tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (pereżempju multi, qbid ta' dokumenti, tnaqqis/rifjut tal-benefiċċju/allowance, rifjut ta' permess tax-xogħol) fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li bi ħsieb jostakolaw il-proċess ta' ritorn (pereżempju billi jarmu dokument tal-ivvjaġġar, jagħtu identità falza, jipprevjenu l-identifikazzjoni, jirrifjutaw ripetutament li jimbarkaw), bil-kundizzjoni li dawn is-sanzjonijiet ma jagħmlux ħsara għall-kisba tal-objettiv tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u jiżguraw rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali.

Il-kriminalizzazzjoni ta' sempliċi permanenza illegali: L-Istati Membri ma jistgħux jimponu l-priġunerija skont il-liġi kriminali nazzjonali esklussivament abbażi ta' residenza illegali qabel jew wara t-twettiq tal-proċeduri ta' ritorn minħabba li dan idewwem ir-ritorn (ara d-deċiżjoni tal-QtĠ fil-Kawża C-61/11, El Dridi). Madankollu, id-Direttiva dwar ir-Ritorn ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jimponu sentenza ta' priġunerija biex tikkastiga lill-kummissjoni ta' reati differenti minn dawk marbuta mal-fatt biss ta' residenza illegali, inkluż f'sitwazzjonijiet fejn il-proċeduri ta' ritorn ikunu għadhom ma ġewx ikkompletati (ara d-deċiżjoni tal-QtĠ fil-Kawża C-47/15, Affum, paragrafu 65).

Il-penali finanzjarji: L-impożizzjoni ta' penali finanzjarja għal residenza illegali (proporzjonata) skont il-liġi kriminali nazzjonali, mhix, bħala tali, inkompatibbli mal-objettivi tad-Direttiva dwar ir-Ritorn peress li ma tipprevjenix milli tittieħed deċiżjoni u milli din tiġi implimentata f'konformità sħiħa mal-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva (ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-430/11, Sagor). Leġiżlazzjoni nazzjonali li — fil-każ ta' residenza illegali — tipprovdi għal multa jew tneħħija hija inkompatibbli mad-Direttiva dwar ir-Ritorn, peress li miżura minnhom teskludi lill-oħra, u dan jippreġudika l-effettività tad-Direttiva (ara d-deċiżjoni tal-QtĠ fil-Kawża C-38/14, Zaizoune).

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) (id-“Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem”, il-persuni li jħaddmu lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali mingħajr l-awtorizzazzjoni huma responsabbli biex iħallsu sanzjoni finanzjarja li għandha tinkludi l-ispejjeż ta' ritorn f'dawk il-każijiet fejn issir il-proċeduri tar-ritorn. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirriflettu l-ispejjeż medji tar-ritorn fis-sanzjonijiet finanzjarji.

It-tkeċċija immedjata skont il-liġi kriminali nazzjonali (f'każijiet li mhumiex esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn skont l-Artikolu 2(2)(b) — ara t-taqsima 2.3 hawn fuq): din hija permessa biss sakemm is-sentenza li tiddikjara din il-penali tkun konformi mas-salvagwardji kollha tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (inkluż fil-forma tad-deċiżjonijiet ta' ritorn, is-salvagwardji legali u kunsiderazzjoni minn qabel tal-possibbiltà ta' tluq volontarju) (ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-430/11, Sagor).

Id-detenzjoni domiċiljari skont il-liġi kriminali nazzjonali: dintiġi permessa biss jekk ikun hemm il-garanzija li d-detenzjoni domiċiljari ma timpedix ir-ritorn u li din tiġi fi tmiemha malli jkun possibbli t-trasport fiżiku tal-individwu kkonċernat barra minn dak l-Istat Membru. (ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-430/11, Sagor).

Aktar kjarifiki:

“Raġunijiet ġustifikati għan-non-ritorn” jistgħu:

jew ikunu raġunijiet barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' influwenza tal-persuna rimpatrijata (bħal dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi kkawżata minn kooperazzjoni ħażina mill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, sitwazzjoni ta' kriżi fil-pajjiż ta' ritorn li tagħmel ritorn sikur impossibbli, l-għotja ta' posponiment formali ta' ritorn f'ċerti kategoriji ta' dawk potenzjalment li jirritornaw lura pajjiżhom); jew

raġunijiet fl-isfera tal-persuna rimpatrijata, li huma rikonoxxuti bħala leġittimi jew ġustifikati mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali (eż. problemi ta' saħħa jew raġunijiet ta' familja li jwasslu għal posponiment tat-tkeċċija, proċedura ta' appell pendenti b'effett sospensiv, deċiżjoni ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet bħala xhieda). Is-sempliċi xewqa suġġettiva biex jibqgħu fl-UE b'hekk ma tista' qatt tkun ikkunsidrata “raġuni valida”.

“Raġunijiet mhux ġustifikati għan-non-ritorn” jistgħu jkunu raġunijiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' influwenza tal-persuna rimpatrijata li ma tkunx ġiet rikonoxxuta bħala leġittima jew iġġustifikata mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali (pereżempju nuqqas ta' kooperazzjoni biex jinkisbu d-dokumenti tal-ivvjaġġar, nuqqas ta' kooperazzjoni fl-iżvelar tal-identità, qerda ta' dokumenti, ħarba u tfixkil tal-isforzi għat-tkeċċija).

5.   INTERPELLANZA U L-OBBLIGU LI TINĦAREĠ DEĊIŻJONI TA' RITORN

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 6(1)

L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta' ritorn għal ċittadin ta' pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom.

L-Istati Membri huma obbligati joħorġu deċiżjoni ta' ritorn għal kwalunkwe ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali fit-territorju tagħhom, sakemm il-liġi tal-Unjoni ma tipprevedix deroga b'mod ċar (ara l-lista ta' eċċezzjonijiet deskritti hawn taħt). Fil-prattika, l-Istati Membri ma jistgħux jittolleraw il-preżenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali fit-territorju tagħhom, mingħajr ma jniedu proċedura ta' ritorn jew jagħtu dritt ta' permanenza. Dan l-obbligu fuq l-Istati Membri biex jibdew il-proċeduri ta' ritorn jew jagħtu d-dritt ta' permanenza sabiex inaqqas it-tnaqqis tal-inċertezzi, jiġi evitat l-isfruttament ta' persuni b'residenza illegali u titjieb iċ-ċertezza legali għal dawk kollha involuti.

L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta' ritorn irrispettivament minn jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ikollux dokument ta' identità jew tal-ivvjaġġar validu, u irrispettivament minn jekk ir-riammissjoni lejn pajjiż terz tkunx possibbli.

Il-validità tad-deċiżjonijiet ta' ritorn m'għandhiex tkun limitata biż-żmien. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikunu jistgħu jinfurzaw id-deċiżjonijiet ta' ritorn mingħajr il-ħtieġa li titnieda mill-ġdid il-proċedura wara ċertu perjodu ta' żmien (pereżempju sena), sakemm is-sitwazzjoni individwali taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ma tkunx inbidlet b'mod sinifikanti fil-fatt jew bil-liġi (pereżempju bidla fl-istatus legali, ir-riskju ta' refoulement) u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet li jinstemgħu u għal rimedju effettiv.

Bħala regola ġenerali, il-kriterju relevanti biex jiġi stabbilit l-Istat Membru inkarigat mit-twettiq tal-proċeduri ta' ritorn huwa l-post tal-qbid. Eżempju: Jekk immigrant irregolari jkun daħal fl-UE minn Stat Membru A (mhux interċettat), imbagħad ivvjaġġa minn Stat Membru B u Ċ (mhux interċettat) u finalment jiġi interpellat fi Stat Membru D, l-Istat Membru D ikun obbligat li jwettaq proċedura ta' ritorn. L-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontroll tal-fruntieri interni bejn l-Istati ta' Schengen ma taffettwax dan il-prinċipju. L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali huma stipulati fit-taqsimiet 5.2, 5.3, 5.4, 5.5. u 5.8. hawn taħt.

Aktar kjarifiki:

Multa amministrattiva skont il-liġi nazzjonali għal soġġorn irregolari tista' tiġi imposta b'mod parallel mal- adozzjoni ta' deċiżjoni ta' ritorn. Madankollu, multa amministrattiva bħal din ma tistax tissostitwixxi l-obbligu ta' Stat Membru li joħroġ deċiżjoni ta' ritorn u li jwettaq it-tneħħija (ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-38/14, Zaizoune).

Deċiżjonijiet ta' ritorn għandhom jiddikjaraw l-obbligu li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat għandu jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru emittenti sabiex jasal għal pajjiż terz skont id-definizzjoni ta' “ritorn” (ara t-taqsima 1.3) jew, fi kliem ieħor, li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz irid jitlaq mit-territorji tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ta' Schengen. In-nuqqas ta' ċarezza dwar l-obbligu impost fuq iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jista' jkollu l-konsegwenza mhux intenzjonata li joħloq riskju ta' movimenti sekondarji mhux awtorizzati.

Id-deċiżjonijiet ta' ritorn skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn iridu jittieħdu meta proċedura ta' ritorn titwettaq bl-użu ta' ftehim ta' riammissjoni: l-użu tal-ftehimiet ta' riammissjoni ma' pajjiż terz (li jkopru r-relazzjonijiet bejn Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi) ma jaffettwax l-applikazzjoni sħiħa u inklussiva tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (li tkopri r-relazzjoni bejn l-Istat ta' tneħħija u l-persuna rimpatrijata) f'kull każ individwali ta' ritorn. Fil-fatt l-użu tal-ftehim ta' riammissjoni jassumi l-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn l-ewwel.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista' tipprevedi li ċittadin ta' pajjiż terz ikun obbligat li jħalli t-territorju tal-UE, jekk ir-residenza tiegħu tkun illegali. Obbligu legali astratt bħal dan ma jikkostitwixxix deċiżjoni ta' ritorn. F'kull każ dan għandu jkun sostanzjat minn deċiżjoni ta' ritorn individwalizzata.

Sistemi tal-IT rilevanti tal-Unjoni, bħalma huma s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II (“SIS II”), Eurodac u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (“VIS”), għandhom jintużaw bis-sħiħ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jappoġġjaw l-identifikazzjoni u l-valultazzjoni individwali ta' kull każ, kif ukoll biex jiffaċilitaw u jappoġġjaw il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fi proċeduri ta' ritorn u ta' riammissjoni.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri effiċjenti u proporzjonati biex jillokalizzaw, jidentifikaw u jaqbdu lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment fit-territorju tagħhom fid-dawl tal-issodisfar tal-obbligu ta' ħruġ ta' deċiżjonijiet ta' ritorn. F'dan ir-rigward, huwa mfakkar li l-Artikolu 13(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jaqbdu u jissottomettu għall-proċeduri ta' ritorn liċ-ċittadini ta' pajjiż terz li qasmu fruntiera esterna b'mod illegali u li m'għandhomx dritt ta' permanenza fl-UE. L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem jipprevedi wkoll li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitwettqu spezzjonijiet effettivi u adegwati fit-territorju tagħhom biex jiġi kkontrollat l-impjegar illegali taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi.

Prattiċi ta' interpellanza — rispett tad-drittijiet fundamentali

L-obbligu fuq l-Istati Membri li joħorġu deċiżjoni ta' ritorn lil kwalunkwe ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali fit-territorju tiegħu huwa soġġett għar-rispett tad-drittijiet fundamentali, inkluż il-prinċipju ta' proporzjonalità (premessa 24). L-għan leġittimu li tiġi miġġielda l-migrazzjoni illegali jista' jiġi bilanċjat kontra l-interessi leġittimi oħra tal-Istat, bħall-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika ġenerali, l-interess tal-Istat li jiġġieled il-kriminalità, l-interess li jkun hemm reġistrazzjoni tat-twelid komprensiva, rispett għall-aħjar interessi tat-tfal (enfasizzati espliċitament fil-premessa 22), il-Konvenzjoni ta' Geneva (enfasizzata fil-premessa 23) kif ukoll drittijiet fundamentali relevanti oħra rikonoxxuti mill-KDF.

Il-Kummissjoni tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fid-dokument tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-2012 “Qbid ta' migranti f'sitwazzjoni irregolari — kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali” (Dokument tal-Kunsill 13847/12) bħala gwida dwar kif il-prattiki tal-qbid jistgħu jitwettqu fir-rigward tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, filwaqt li tiġi żgurata l-effettività tal-proċeduri ta' ritorn. Il-prattiki fl-Istati Membri li jirrispettaw din il-gwida jistgħu jitqiesu li ma jaffettwawx l-obbligu ta' ħruġ ta' deċiżjonijiet ta' ritorn lil kwalunkwe ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn:

L-aċċess għas-saħħa:

Il-migranti f'sitwazzjoni irregolari li jfittxu l-għajnuna medika ma għandhomx jiġu interpellati fil-faċilitajiet mediċi jew fl-inħawi.

L-istabbiliment mediċi ma għandhomx jintalbu li jaqsmu d-dejta personali tal-migranti mal-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi tal-immigrazzjoni għal finijiet ta' ritorn eventwali.

L-aċċess għall-edukazzjoni:

Il-migranti f'sitwazzjoni irregolari ma għandhomx jiġu interpellati fi skola jew fl-inħawi fejn ikunu qed jattendu t-tfal tagħhom.

L-iskejjel ma għadhomx jintalbu li jaqsmu d-dejta personali tal-migranti mal-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi tal-immigrazzjoni għal finijiet ta' ritorn eventwali.

Il-libertà tar-reliġjon:

Il-migranti f'sitwazzjoni irregolari ma għandhomx jiġu interpellati fi stabbilimenti reliġjużi rikonoxxuti jew fl-inħawi meta jkunu qed jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom.

Ir-reġistrazzjoni tat-twelid:

Il-migranti f'sitwazzjoni irregolari għandhom ikunu jistgħu jirreġistraw it-twelid u għandhom ikunu jistgħu jiksbu ċertifikat tat-twelid għat-tfal tagħhom mingħajr ir-riskju ta' interpellanza.

Ir-reġistri ċivili li joħorġu ċ-ċertifikati tat-twelid ma għandhomx jintalbu jaqsmu d-dejta personali mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal finijiet ta' ritorn eventwali.

L-aċċess għall-ġustizzja:

Fl-interess tal-ġlieda kontra l-kriminalità, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' possibbiltajiet għall-vittmi u x-xhieda li jirrapportaw reat kriminali mingħajr il-biża' li jiġu interpellati. Għal dan il-għan, jistgħu jiġu kkunsidrati l-prattiki tajbin li ġejjin:

l-introduzzjoni ta' possibbiltajiet ta' rapportar effettiv anonimu, semianonimu, jew faċilitajiet effettivi oħra ta' rapportar;

l-għoti lill-vittmi u lix-xhieda ta' reati kriminali serji l-possibbiltà li jagħmlu kuntatt mal-pulizija permezz ta' partijiet terzi (bħall-ombudsman tal-migranti, uffiċjali maħturin apposta; jew entitajiet li jagħtu assistenza umanitarja u legali);

id-definizzjoni ta' kundizzjonijiet li fihom il-vittmi jew ix-xhieda ta' reat, inkluża vjolenza domestika, ikunu jistgħu jingħataw permessi ta' residenza msejsa fuq l-istandards inklużi fid-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE (26) u d-Direttiva 2009/52/KE;

il-kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li l-istatus ta' immigrant ta' vittmi tal-vjolenza ma jibqax marbut mad-detentur prinċipali tal-permess, li fl-istess waqt ikun l-awtur tar-reat;

it-tfassil ta' fuljetti f'kooperazzjoni mal-ispettorati tax-xogħol jew ma' entitajiet relevanti oħrajn biex jinfurmaw, b'mod sistematiku u oġġettiv, lill-migranti li jiġu interpellati fuq il-post tax-xogħol bil-possibbiltajiet eżistenti li jressqu lmenti dwar min iħaddimhom, abbażi tad-Direttiva 2009/52/KE, u f'dan il-kuntest jieħdu l-passi biex jissalvagwardjaw l-evidenza relevanti.

Il-migranti li jkunu f'sitwazzjoni irregolari u li jfittxu għajnuna legali ma għandhomx jiġu interpellati fi trejdunjins jew fl-inħawi, jew f'entitajiet oħrajn li joffru tali appoġġ.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi f'sitwazzjoni irregolari li jkunu jixtiequ jaċċessaw stabbilimenti li joffru servizzi pubbliċi u li jirreġistraw l-applikazzjonijiet ta' protezzjoni internazzjonali jew applikazzjonijiet għall-apolidija ma għandhomx jiġu maqbuda f'faċilitajiet bħal dawn jew fl-inħawi tagħhom.

Każijiet speċjali:

5.1.   Interpellanza waqt kontrolli mal-ħruġ

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 6

F'ċerti ċirkostanzi tista' tiġi adottata deċiżjoni ta' ritorn jekk ċittadin ta' pajjiż terz li qed jirrisjedi illegalment jinqabad fuq il-fruntieri esterni tal-UE meta joħroġ mit-territorju tal-UE, wara analiżi ta' każ b'każ u bil-kunsiderazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan jista' jkun ġustifikat f'każijiet fejn tinsab permanenza skaduta jew irregolari sinifikanti waqt il-kontrolli tal-ħruġ. F'tali każijiet l-Istati Membri jistgħu jniedu proċedura ta' ritorn meta jsiru jafu dwar il-permanenza u jkomplu l-proċedura li twassal għall-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn akkumpanjata minn projbizzjoni fuq id-dħul fi proċedura “in absentia” bir-rispett tas-salvagwardji proċedurali stabbiliti fit-taqsimiet 11.3 u 12 hawn taħt.

Għalkemm f'sitwazzjoni speċifika bħal din, il-persuna xorta tkun waslet biex titlaq mill-UE, il-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn jista' jagħmel sens għaliex jippermetti lill-Istati Membri li joħorġu projbizzjoni fuq id-dħul ukoll u b'hekk jevitaw dħul ulterjuri u riskju possibbli ta' residenza irregolari.

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu proċeduri għall-ħruġ ta' deċiżjonijiet ta' ritorn u — jekk ikun applikabbli — projbizzjoni fuq id-dħul direttament fl-ajruport, f'punti ta' qsim tal-fruntieri esterni oħra, jew għal projbizzjonijiet ta' dħul, in absentia (ara t-taqsima 11.3) għal każijiet speċifiċi bħal dawn.

Jekk ċittadin ta' pajjiż terz ikun dam iktar minn dak li jippermettu l-viża jew il-permess tiegħu fl-ewwel Stat Membru u jitlaq mill-Unjoni permezz tat-tieni Stat Membru/Stat Membru ta' tranżitu id-deċiżjoni ta' ritorn u l-projbizzjoni fuq id-dħul trid tinħareġ mit-tieni Stat Membru (il-“persuna b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta” normalment tkun “f'sitwazzjoni illegali” anki fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva ta' Ritorn fit-tieni Stat Membru/Stat Membru ta' tranżitu).

5.2.   Detenturi ta' deċiżjoni ta' ritorn maħruġa minn Stat Membru ieħor

Bażi legali: Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE (27)

Tfakkira/spjegazzjoni: L-effett ta' deċiżjoni ta' ritorn maħruġa minn Stat Membru fi Stat Membru ieħor kienet is-suġġett ta' Kapitolu V separat tal-proposta tal-2005 tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar ir-Ritorn (“Interpellanza fi Stati Membri oħrajn”). Dan il-kapitolu, kif ukoll l-Artikolu 20 tal-proposta tal-Kummissjoni, li ppreveda t-tħassir tad-Direttiva 2001/40/KE madankollu, tneħħa waqt in-negozjati u d-Direttiva 2001/40/KE baqgħet fis-seħħ. Id-Direttiva 2001/40/KE tippermetti b'mod espliċitu ir-rikonoxximent ta' deċiżjoni ta' ritorn maħruġa minn awtorità kompetenti fi Stat Membru wieħed kontra ċittadin ta' pajjiż terz preżenti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn ma jsemmix b'mod espliċitu l-każ li fih it-tieni Stat Membru jirrikonoxxi deċiżjoni ta' ritorn maħruġa mill-ewwel Stat Membru skont id-Direttiva 2001/40/KE. Interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 6 li tirrikjedi li, f'tali każ, l-Istat Membru rikonoxxenti wkoll joħroġ it-tieni deċiżjoni sħiħa ta' ritorn skont id-Direttiva 2008/115/KE, tneħħi kull valur miżjud tad-Direttiva 2001/40/KE. Sabiex jingħata effet utile għall-eżistenza kontinwata tad-Direttiva 2001/40/KE, kien hemm bżonn li titfittex interpretazzjoni li tagħti tifsira siewja lill-koeżistenza ssoktata taż-żewġ Direttivi.

Jekk Stat Membru jinterpella persuna li diġà tkun soġġetta għal deċiżjoni ta' ritorn maħruġa minn Stat Membru B, l-Istat Membru A jkollu l-għażla li:

(a)

joħroġ deċiżjoni ġdida ta' ritorn skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn; jew

(b)

jibgħat lura lill-persuna lejn l-Istat Membru B skont ftehim bilaterali eżistenti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn; jew

(c)

jirrikonoxxi d-deċiżjoni ta' ritorn maħruġa mill-Istat Membru B skont id-Direttiva 2001/40/KE.

Jekk l-Istat Membru A jirrikonoxxi d-deċiżjoni ta' ritorn maħruġa mill-Istat Membru B skont id-Direttiva 2001/40/KE, l-Istat Membru xorta huwa obbligat li japplika s-salvagwardji relatati mal-infurzar tar-ritorn (tneħħija) previsti fid-Direttiva dwar ir-Ritorn waqt l-infurzar tad-deċiżjoni ta' ritorn rikonoxxuta.

Ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' ritorn jista' jwassal għal valur miżjud b'mod sinifikanti f'ċerti kostellazzjonijiet — notevolment fil-kuntest tat-tranżitu tal-persuni rimpatrijati permezz tal-art (ara t-taqsima 6.4 hawn taħt). Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-għażla tar-rikonoxximent reċiproku, kull meta din tgħin sabiex jitħaffu l-proċeduri ta' ritorn u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

5.3.   Relazzjoni mar-regoli ta' Dublin

Bażi legali: Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) (ir-“Regolament ta' Dublin”) — l-Artikoli 19 u 24

L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn ma jsemmix b'mod espliċitu l-każ li fih it-tieni Stat Membru juża l-possibbiltà offruta mir-Regolament ta' Dublin li jitlob lill-ewwel Stat Membru jieħu lura lil ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali. Interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 6 li tirrikjedi li (it-tieni) l-Istat Membru rikjedenti joħroġ anki deċiżjoni ta' ritorn sħiħa skont id-Direttiva 2008/115/KE, tneħħi l-valur miżjud tar-regoli ta' Dublin relevanti. It-test tar-Regolament ta' Dublin jindirizza b'mod espliċitu din il-kwistjoni u jistipula regoli ċari li jirregolaw l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u tar-Regolament ta' Dublin.

Il-każijiet, li fihom iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun applika għall-ażil u kiseb id-dritt ta' permanenza bħala applikant għall-ażil fit-tieni Stat Membru jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn peress li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz għandu d-dritt li jirresjedi bħala applikant għall-ażil u, għaldaqstant, ma jistax jitqies li qiegħed “f'sitwazzjoni illegali” fit-tieni Stat Membru.

Min-naħa l-oħra, każijiet li fihom iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ma jkunx applika għall-ażil u ma jkunx kiseb dritt ta' permanenza bħala applikant għall-ażil fit-tieni Stat Membru jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Jistgħu jirriżultaw (29) is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

Iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikollu status ta' applikant għall-ażil fl-ewwel Stat Membru (proċedura kontinwa, tkun għadha mhix deċiżjoni finali): Ir-Regolament ta' Dublin japplika abbażi tal-prinċipju sottostanti li kull ċittadin ta' pajjiż terz li jippreżenta applikazzjoni għall-ażil f'wieħed mill-Istati Membri għandu jkollu l-bżonnijiet tiegħu/tagħha ta' protezzjoni internazzjonali vvalutati bis-sħiħ minn Stat Membru wieħed. Stat Membru ma jistax jirritorna lil ċittdin ta' pajjiż terz lejn pajjiż terz; minflok jista' jibagħtu lejn l-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament ta' Dublin sabiex tiġi eżaminata t-talba tiegħu.

(b)

Iċ-ċittadin ta' pajjiż terz irtira l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu fl-ewwel Stat Membru: jekk l-irtirar tal-applikazzjoni jkun wassal għal rifjut tal-applikazzjoni (abbażi tal-Artikolu 27 jew 28 tad-Direttiva riformulata dwar il-Proċeduri tal-Ażil), jistgħu jiġu applikati r-regoli deskritti hawn taħt fil-punt c (għażla bejn l-applikazzjoni tar-regoli ta' Dublin jew id-Direttiva dwar ir-Ritorn). Jekk l-irtirar tal-applikazzjoni majkunxwassal għal rifjut tal-applikazzjoni, ir-Regolament ta' Dublin jieħu preċedenza (bħala lex specialis), abbażi tal-prinċipju sottostanti li kull ċittadin ta' pajjiż terz li jippreżenta applikazzjoni għall-ażil f'wieħed mill-Istati Membri għandu jkollu l-bżonnijiet tiegħu ta' protezzjoni internazzjonali vvalutati bis-sħiħ minn Stat Membru wieħed.

(c)

Iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikollu deċiżjoni finali fl-ewwel Stat Membru, li jirrifjuta l-applikazzjoni tal-ażil tiegħu: f'dan il-każ, tista' ssir għażla bejn l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin jew id-Direttiva dwar ir-Ritorn. Fir-Regolament ta' Dublin il-ġdid, din l-għażla hija stipulata b'mod ċar fl-Artikolu 24(4) u tiżdied il-kjarifika li mill-mument li fih l-awtoritajiet jiddeċiedu li jagħmlu talba skont Dublin, l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u l-proċeduri ta' ritorn jiġu sospiżi u jibqgħu japplikaw biss ir-regoli ta' Dublin (dan jaffettwa wkoll ir-regoli dwar id-detenzjoni u r-rimedji legali).

(d)

Iċ-ċittadin ta' pajjiż terz diġà jkun ġie soġġett għal ritorn/tneħħija b'suċċess (wara r-rifjut jew l-irtirar ta' applikazzjoni għall-ażil) mill-ewwel Stat Membru lejn pajjiż terz: f'dan il-każ, jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jerġa' jidħol f'territorju tal-UE, ir-Regolament ta' Dublin il-ġdid jistipula b'mod ċar fl-Artikolu 19(3) tiegħu li l-ewwel Stat Membru ma jistax jibqa' responsabbli għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz — u għalhekk ma jistax jiġi previst trasferiment lejn dan l-Istat Membru. Għalhekk se tapplika d-Direttiva dwar ir-Ritorn.

Eżempji prattiċi:

Applikant għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru A jivvjaġġa mingħajr intitolament lejn Stat Membru B ġar (billi jaqsam fruntieri interni) fejn jiġi maqbud mill-pulizija. Soġġett għar-Regolament ta' Dublin, jiġi ttrasferit minn Stat Membru B għal Stat Membru A. F'din is-sitwazzjoni, l-Istat Membru B għandu joħroġ deċiżjoni ta' ritorn għal din il-persuna għal residenza illegali fit-territorju?

Ir-regoli ta' Dublin jieħdu preċedenza. Ma tistax tinħareġ deċiżjoni ta' ritorn minn Stat Membru B.

Stat Membru A (fix-xenarju deskritt hawn fuq) jista' joħroġ deċiżjoni ta' ritorn hu stess (flimkien ma' projbizzjoni fuq id-dħul li tiġi posposta sa ma titlesta l-proċedura tal-ażil)?

Le. Diment li l-persuna tgawdi d-dritt ta' permanenza bħala applikant għall-ażil fi Stat Membru A, il-permanenza tagħha f'dak l-Istat Membru ma tkunx illegali skont it-tifsira tar-Ritorn u ma tistax tinħareġ deċiżjoni ta' ritorn minn Stat Membru A.

Ċittadin ta' pajjiż terz mogħti protezzjoni internazzjoni minn Stat Membru A jkun f'sitwazzjoni illegali fi Stat Membru B (pereżempju b'soġġorn eċċessiv ta' b'90 jum). F'każijiet bħal dawn, id-Direttiva dwar ir-Ritorn hija applikabbli? Xi jkunu l-proċeduri jekk il-persuna tirrifjuta mili tmur lura volontarjament lejn l-ewwel Stat Membru li jkun taha protezzjoni?

Ir-Regolament ta' Dublin ma jistipulax regoli dwar it-teħid lura ta' persuni li jkunu ngħataw il-protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant jiġi applikat ir-“reġim ġenerali” previst fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Dan jimplika li Stat Membru B ikollu jitlob lill-persuna biex tmur lura lejn Stat Membru A u — jekk il-persuna ma tagħmilx dan b'mod volontarju — Stat Membru B ikollu jikkunsidra li joħroġ deċiżjoni ta' ritorn, filwaqt li jikkunsidra s-salvagwardji kollha stipulati fid-Direttiva dwar ir-Ritorn inkluż, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' non-refoulment. F'ċerti ċirkostanzi meta r-ritorn/it-tneħħija lejn pajjiż terz ma tkunx possibbli u t-tneħħija lejn Stat Membru ieħor tkun tista' tikkwalifika bħala “miżura aktar favorevoli” (ara t-taqsima 3) Stat Membru B jista' jinforza l-“mogħdija lura” tal-persuna lejn Stat Membru A. il-proċeduri relatati mal- “mogħdija lura” ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali lejn Stat Membru ieħor huma rregolati mil-liġi nazzjonali.

Ċittadin ta' pajjiż terz li, wara li jkunu tteħdulu l-marki tas-swaba' wara dħul irregolari fi Stat Membru A u li ma jkunx talab l-ażil fi Stat Membru A, jiġi maqbud fi Stat Membru B. Stat Membru B jista' jittrasferixxi lill-persuna lura lejn Stat Membru A skont ir-Regoli ta' Dublin?

Le. Peress li m'hemmx rabta mal-proċedura tal-ażil, ir-Regolament ta' Dublin mhuwiex applikabbli.

5.4.   Ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali li jkollu dritt ta' permanenza fi Stat Membru ieħor

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 6(2)

Ċittadini ta' pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta' Stat Membru u għandhom permess ta' residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta' soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta' dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta' non-konformità miċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat ma' din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' ordni pubbliku jew ta' sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

Din id-dispożizzjoni — li tieħu post regoli simili li hija stipulata fl-Artikolu 23(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta' Implimentazzjoni ta' Schengen (“SIC”) (30) — tipprevedi li ma għadhiex tinħareġ deċiżjoni ta' ritorn lil ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali u li jkollu permess validu biex jirresjedi fi Stat Membru ieħor. F'każijiet bħal dawn iċ-ċittadin ta' pajjiż terz l-ewwel nett għandu jintalab jirritorna minnufih lejn l-Istat Membru fejn igawdi minn dritt ta' permanenza. Għandha tiġi adottata deċiżjoni ta' ritorn biss jekk il-persuna ma tikkonformax ma' din it-talba jew f'każijiet ta' riskju għall-politika pubblika jew is-sigurtà nazzjonali.

Aktar kjarifiki:

Il-forma li biha “jintalbu jmorru fit-territorju ta' dak l-Istat Membru minnufih” għandha tkun stabbilita skont il-liġi nazzjonali. Huwa rakkomandat li d-deċiżjonijiet jinħarġu bil-miktub flimkien mar-raġunijiet. Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni, id-deċiżjoni ma għandhiex tissejjaħ “deċiżjoni ta' ritorn”.

It-terminu għar-ritorn lejn Stat Membru ieħor: ma tistax tingħata indikazzjoni ġenerali dwar iż-żmien li għandu jgħaddi bejn it-talba biex tmur fit-territorju ta' Stat Membru ieħor sal-waqt li fih tinħareġ deċiżjoni dwar ir-ritorn skont l-Artikolu 6(1). Għandu jintgħażel limitu ta' żmien adegwat skont il-liġi nazzjonali, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi individwali, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-fatt li t-terminu “minnufih” jintuża fid-dispożizzjoni legali. Iż-żmien bejn it-talba biex tmur fl-Istat Membru l-ieħor u l-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn skont l-Artikolu 6(1) ma jistgħux jgħoddu bħala parti minn perjodu eventwali għat-tluq volontarju, minħabba li l-perjodu ta' tluq volontarju huwa element mid-deċiżjoni ta' ritorn u jibda jgħodd biss mill-ħruġ tad-deċiżjoni ta' ritorn.

Kontroll tat-tluq lejn Stat Membru ieħor: Il-liġi tal-Unjoni ma tispeċifikax kif trid tiġi kkontrollata l-konformità mal-obbligu ta' ritorn fi Stat Membru ieħor. F'konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħhom jingħataw segwitu xieraq.

Verifika tal-validità tal-permessi/awtorizzazzjonijiet maħruġin minn Stat Membru ieħor: Bħalissa ma teżistix sistema ċentrali għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar din il-kwistjoni. L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw b'mod bilaterali u jipprovdu mingħajr dewmien l-informazzjoni relevanti lil xulxin, skont il-liġi nazzjonali u l-arranġament ta' kooperazzjoni bilaterali. Anki l-punti ta' kuntatt nazzjonali eżistenti (eż. dawk elenkati fl-anness 2 tal-Manwal ta' Schengen (31)) jistgħu jintużaw għal dan il-għan.

It-terminu “permess ta' residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta' soġġorn” (32) huwa wiesa' ħafna u jkopri kull status mogħti jew permess maħruġ minn Stat Membru li joffri d-dritt għal residenza legali (u mhux sempliċi aċċettazzjoni ta' posponiment temporanju tar-ritorn/it-tneħħija).

It-terminu jkopri dan li ġej:

viża fit-tul (toffri dritt ċar ta' permanenza);

permess umanitarju temporanju (sakemm it-tali permess joffri dritt ta' permanenza u mhux sempliċi posponiment tar-ritorn);

permess ta' residenza skadut ibbażat fuq status ta' protezzjoni internazzjonali li jkun għadu validu (l-istatus tal-protezzjoni internazzjonali mhuwiex dipendenti fuq il-validità tal-karta li turi l-istatus);

viża valida f'dokument tal-ivvjaġġar invalidu (skadut) — skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, mhuwiex permess li tinħareġ viża b'validità li tmur lil hinn mill-validità tal-passaport. Il-każ ta' viża valida f'passaport skadut għalhekk ma għandu qatt ma jidher fil-prattika. Jekk madankollu jitqajjem dan il-każ, iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat m'għandux jiġi penalizzat għalxejn. Għal gwida ddettaljata dwar ir-regoli tal-Viża rilevanti ara l-Manwal dwar il-Viża aġġornat — parti II, Punt 4.1.1 u 4.1.2 (33).

It-terminu ma jkoprix il-każijiet li ġejjin:

permess ta' residenza skadut ibbażat fuq status ta' residenza skadut,

passaporti jew permessi ta' residenza foloz, finta u ffalsifikati;

karta li tiċċertifika l-posponiment temporanju tat-tneħħija;

tolleranza (sakemm it-tollerazzjoni ma timplikax dritt legali ta' soġġorn).

Bħala regola ġenerali l-ebda tneħħija lejn Stati Membri oħrajn: jekk ċittadin ta' pajjiż terz ma jaqbilx li jirritorna b'mod volontarju skont l-Artikolu 6(2) lejn l-Istat Membru fejn ikollu permess, jibda japplika l-Artikolu 6(1) u għandha tiġi adottata deċiżjoni ta' ritorn li tipprovdi għar-ritorn dirett lejn pajjiż terz. Mhuwiex possibbli li tuża l-forza biex persuna tiġi mgħoddija lejn Stat Membru ieħor, sakemm ftehim bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri lidiġà kien fis-seħħ fit-13 ta' Jannar 2009 (Ara taqsima 5.5) ma jistipulax b'mod ċar din il-possibbiltà jew f'ċerti ċirkostanzi fejn ir-ritorn/tneħħija lejn pajjiż terz ma jkunux possibbli u l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess jaqbel li jieħu lura l-persuna.

L-ebda ħruġ ta' projbizzjonijiet fuq id-dħul fl-UE meta jkun qed jintuża l-Artikolu 6(2): Meta ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali jingħadda lura għand Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 6(2), ma tistax tinħareġ projbizzjoni fuq id-dħul tal-UE skont l-Artikolu 11, peress li l-Artikolu 11 japplika biss b'rabta mal-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn u ma japplikax f'każijiet ta' sempliċi “mogħdija lura” lejn Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, minn perspettiva prattika, ma tagħmilx sens li tinħareġ projbiżżjoni fuq id-dħul fl-UE f'sitwazzjoni fejn il-persuna tkun ser tkompli tirresjedi legalment fi Stat Membru ieħor.

Tluq immedjat meħtieġ għal raġunijiet ta' politika pubblika jew sigurtà nazzjonali: fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali indirizzati mill-Artikolu 6(2)(it-tieni frażi) (it-tieni każ), il-persuna minnufih għandha tkun soġġetta għal deċiżjoni ta' ritorn u tintbagħat lejn pajjiż terz. L-Istat Membru fejn il-persuna tgwadi mid-dritt ta' soġġorn għandu jiġi infurmat b'dan il-fatt.

Eżempju prattiku:

Liema dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Ritorn għandhom jiġu applikati fir-rigward taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jinstabu fi Stat Membru A u li jkollhom permess ta' residenza validu maħruġ minn Stat Membru B u fl-istess waqt ikunu soġġetti għal twissija tas-SIS (projbizzjoni fuq id-dħul) mibnija minn Stat Membru Ċ?

L-Istat Membru A għandu japplika l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva u jitlob lill-persuna biex tmur lura fi Stat Membru B. Fir-rigward tal-koeżistenza ta' projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa minn Stat Membru Ċ u permess ta' residenza maħruġ minn Stat Membru B, dan għandu jiġi ċċarat bilaterlament bejn l-Istat Membru li xkatta t-twissija (Ċ) u l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess (B) skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta' Implimentazzjoni ta' Schengen.

5.5.   Ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali kopert minn ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri

Bażi legali:Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 6(3)

Lista indikattiva ta' ftehimiet ta' riammissjoni bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri tista' tinstab fuq: http://rsc.eui.eu/RDP/research/analyses/ra/

L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta' ritorn għal ċittadin ta' pajjiż terz li qed jirresjedi illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skont ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva (jiġifieri t-13 ta' Jannar 2009). F'dan il-każ l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat għandu japplika l-paragrafu 1.

Din id-dispożizzjoni tipprevedi — bħala eċċezzjoni u f'forma ta' “klawsola ta' sospensjoni” — il-possibbiltà għall-Istati Membri li jgħaddu lura lil migranti irregolari lil Stati Membri oħrajn skont ftehimiet bilaterali jew arranġamenti eżistenti fit-13 ta' Jannar 2009.

Tfakkira/ spjegazzjoni storika: din id-dispożizzjoni kienet inkluża fit-test tad-Direttiva dwar ir-Ritorn fi stadju aktar tard tan-negozjati wara talba qawwija min-naħa ta' ċerti Stati Membri li insistew li d-Direttiva ma għandhiex tobbligahom li jbiddlu prattiki stabbiliti sew ta' teħid/bgħit lura ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali lejn Stati Membri oħrajn skont ftehimiet bilaterali.

Il-prinċipju li fuqu hija msejsa d-Direttiva dwar ir-Ritorn huwa bbażat fuq ir-ritorn dirett ta' persuni b'residenza illegali mill-UE lejn pajjiżi terzi. L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva għalhekk jipprevedi eċċezzjoni li tirrigwarda biss l-obbligu tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun preżenti biex joħorġu deċiżjoni ta' ritorn, dak l-obbligu waqgħet għal Membru li jieħu lura lill-persuna kkonċernata. Huwa ma jistabbilixxix xi eċċezzjoni għall-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn b'żieda ma' dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(2) — ara s-sentenza tal-QtĠ-UE fil-Kawża C-47/15, Affum (paragrafi 82–85).

Aktar kjarifiki:

L-użu sussegwenti ta' ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri A-B u B-Ċ: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — u partikolarment l-Artikolu 6(3) — ma timpedixxix espliċitament it-teħid lura “domino” skont arranġamenti bilaterali eżistenti. Madankollu, huwa importanti li finalment proċedura ta' ritorn sħiħa skont id-Direttiva titwettaq minn wieħed mill-Istati Membri. Billi dawn it-tipi ta' proċeduri sussegwenti jqumu l-flus għall-amministrazzjonijiet u jinvolvu skumdità addizzjonali għall-persuna rimpatrijata, l-Istati Membri huma mħeġġin joqogħdu lura milli japplikaw din il-prattika.

L-ebda ħruġ ta' projbizzjonijiet fuq id-dħul fmadwar l-UE meta jkun qed jintuża l-Artikolu 6(3): Meta ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali jingħadda lura lejn Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 6(3), l-ebda projbizzjoni fuq id-dħul fl-UE ma tista' tinħareġ skont l-Artikolu 11, minħabba li l-Artikolu 11 japplika biss b'rabta mal-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn u ma japplikax fil-każ ta' sempliċi “bgħit lura” lejn Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, minn perspettiva prattika, ma tagħmilx sens li tinħareġ projbizzjoni fuq id-dħul fl-UE f'sitwazzjoni li fiha persuna tkun għadha ma telqitx mill-UE. Fir-rigward tal-possibbiltà li jinħarġu projbizzjonijiet fuq id-dħul purament nazzjonali f'ċirkostanzi eċċezzjonali skont l-Artikolu 25(2) SIC, ara t-tqasima 11.8.

Id-Deċiżjoni ta' trasferiment taċ-ċittadin ta' pajjiż terz fi Stat Membru ieħor: tali deċiżjoni tikkostitwixxi waħda mill-miżuri previsti mid-Direttiva dwar ir-Ritorn biex iġġib fi tmiemu s-soġġorn illegali hija stadju preparatorju għat-tneħħija mit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jadottaw tali deċiżjoni b'diliġenza u malajr, b'mod li t-trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli għall-proċedura ta' ritorn issir mill-aktar fis possibbli — ara d-deċiżjoni tal-QtĠ fil-Kawża C-47/15, Affum (paragrafu 87).

Billi l-idea ta' “ritorn” skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn dejjem timplika r-ritorn lejn pajjiż terz, huwa rakkomandat li dan it-tip ta' deċiżjonijiet nazzjonali jissejjaħ “deċiżjoni ta' trasferiment” jew “deċiżjoni ta' mogħdija lura” u mhux “deċiżjoni ta' ritorn”.

Klawżola ta' sospensjoni: L-Artikolu 6(3) huwa klawżola ta' “sospensjoni” ċara. L-Istati Membri jistgħu jużaw din l-għażla offruta mill-Artikolu 6(3) biss b'rabta mal-ftehimiet ta' riammissjoni bilaterali li jkunu daħlu fis-seħħ qabel it-13 ta' Jannar 2009. Il-ftehimiet eżistenti li ġew negozjati mill-ġdid jew li ġġeddu wara t-13 ta' Jannar 2009 jistgħu jibqgħu jiġu koperti mill-Artikolu 6(3) jekk il-ftehim negozjat mill-ġdid/imġedded ikun emenda l-ftehim eżistenti u dan jiġi indikat b'mod espliċitu. Jekk il-ftehim negozjat mill-ġdid/imġedded ikun aliud (ftehim totalment differenti b'sustanza differenti), l-Artikolu 6(3) ma jibqax ikoprih.

Ftehimiet ta' riammissjoni bejn l-Istati Membri ta' Schengen u r-Renju Unit: għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3), ir-Renju Unit għandu jiġi kkunsidrat bħala Stat Membru.

5.6.   Ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali li jibbenefika minn permess/awtorizzazzjoni umanitarji (jew oħra)

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 6(4)

L-Istati Membri jistgħu, f'kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta' residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta' soġġorn għal raġunijiet ta' kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F'dan il-każ m'għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta' ritorn. Fejn deċiżjoni ta' ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta' residenza jew ta' awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta' soġġorn.

L-Istati Membri huma ħielsa li — fi kwalunkwe ħin — jagħtu permess jew dritt ta' permanenza lil ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali. F'dan il-każ, kull proċedura ta' ritorn pendenti għandha tingħalaq u trid tiġi rtirata jew sospiża kwalunkwe deċiżjoni ta' ritorn jew ordni ta' tneħħija li diġà tkun inħarġet, skont in-natura tal-permess. L-istess japplika f'każijiet li fihom l-Istati Membri jkollhom jagħtu d-dritt ta' permanenza, pereżempju, wara s-sottomissjoni ta' applikazzjoni għall-ażil.

Huwa kompitu tal-Istati Membri li jiddeċiedu liema approċċ (irtirar jew sospensjoni tad-deċiżjoni ta' ritorn) għandu jiġi applikat, filwaqt li jqisu n-natura u d-dewmien probabbli tal-permess jew id-dritt ta' permanenza li jkun ingħata, u l-ħtieġa li jiġu żgurati proċeduri ta' ritorn effettivi. Madankollu, skont is-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-601/15, J.N  (34). (Paragrafi 75 — 80), meta Stat Membru jagħti d-dritt ta' permanenza fit-territorju ta' ċittadin ta' pajjiż terz li applika għall-protezzjoni internazzjonali u li diġà kien suġġett għal deċiżjoni ta' ritorn preċedenti għall-applikazzjoni, l-Istati Membri ser jissospendu l-infurzar tad-deċiżjoni ta' ritorn (u mhux jirtiraw id-deċiżjoni) sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (ara wkoll it-taqsima 7).

5.7.   Ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali suġġett għal proċedura pendenti li ġġedded permess/awtorizzazzjoni

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 6(5)

Jekk ċittadin ta' pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju ta' Stat Membru jkun is-suġġett ta' proċedura pendenti għat-tiġdid tal-permess ta' residenza tiegħu jew tagħha jew ta' xi permess ieħor li joffri d-dritt ta' soġġorn, dak l-Istat Membru għandu jikkunsidra li joqgħod lura milli joħroġ deċiżjoni ta' ritorn sakemm tintemm il-proċedura pendenti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6.

L-Istati Membri huma liberi li ma joħorġux deċiżjoni ta' ritorn lil ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali u li jkunu qed jistennew deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-permess tagħhom. Din id-dispożizzjoni hija maħsuba biex tipproteġi lil ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali fi Stat Membru għal ċertu żmien u li — minħabba dewmien fil-proċedura li twassal għal tiġdid tal-permess tagħhom — ikunu f'sitwazzjoni illegali temporanja. Din id-dispożizzjoni tirreferi għalproċedura pendenti għat-tiġdid ta' permess ta' residenza fl-Istat Membru ta' interpellanza biss (“dak l-Istat Membru”). L-Istati Membri huma mħeġġin jużaw din id-dispożizzjoni fil-każijiet kollha li fihom huwa probabbli li l-applikazzjoni għal tiġdid tirnexxi u li jipprovdu tal-anqas lill-persuni kkonċernati l-istess trattament bħal dak offrut lill-persuni rimpatrijati waqt terminu għat-tluq volontarju jew waqt ritorn pospost.

Din id-dispożizzjoni ma tkoprix il-proċeduri pendenti għat-tiġdid ta' permess ta' residenza fi Stat Membru ieħor. Il-fatt li persuna tkun suġġetta għal proċedura pendenti għal tiġdid ta' permess ta' residenza fi Stat Membru ieħor jista', madankollu, f'ċirkostanzi speċifiċi jiġġustifika l-posponiment tar-ritorn skont l-Artikolu 9(2) jew l-applikazzjoni ta' miżuri aktar favorevoli skont l-Artikolu 4(3).

5.8.   Regoli speċjali fid-direttivi dwar il-migrazzjoni legali dwar ir-riammissjoni bejn l-Istati Membri f'każijiet ta' mobbiltà intra-Unjoni

Bażi legali: Id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35) (Id-“Direttiva tat-trasferimenti intra-ażjendali”) — l-Artikolu 23; id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE (36) (id-“Direttiva LTR”) (emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/51/UE (37)) — l-Artikoli 12 u 22; id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE (38) (id-“Direttiva dwar il-Karta l-Blu”)— l-Artikolu 18

Id-Direttivi msemmijin hawn fuq jistipulaw regoli speċjali dwar ir-riammissjoni bejn l-Istati Membri f'każijiet ta' mobilità intra-UE ta' ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (trasferimenti intra-ażjendali, detenturi ta' Karti Blu tal-UE, residenti għal żmien twil). Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu bħala leges speciales (regoli aktar speċifiċi) li għandhom jiġu segwiti fl-ewwel post f'dawk il-każijiet li huma espressament koperti mid-Direttivi msemmija.

6.   TLUQ VOLONTARJU

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 7(1)

Id-deċiżjoni ta' ritorn għandha tipprevedi perjodu adegwat għat-tluq volontarju ta' bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tali perjodu għandu jingħata biss wara applikazzjoni taċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat. F'dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi konċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni.

Il-promozzjoni tat-tluq volontarju hija waħda mill-objettivi prinċipali tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Sakemm m'hemmx raġunijiet biex tikkonkludi li dan jimmina l-għan tar-ritorn, it-tluq volontarju konformi ma' obbligu ta' ritorn hu preferut minn tneħħija għal tliet raġunijiet; huwa aktar dinjituż, aktar sigur u, ħafna drabi, ikun l-għażla ta' ritorn l-iktar kosteffikaċi.

Matul il-perjodu ta' tluq volontarju, iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ikun taħt l-obbligu ta' ritorn, għalkemm dan l-obbligu ma jistax jiġi infurzat qabel l-iskadenza ta' tali perjodu, jew jekk ikun hemm riskju ta' ħarba jew riskju għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali, jew applikazzjoni għal permanenza legali tiġi miċħuda bħala manifestament bla bażi jew frawdolenta (ara t-taqsima 6.3). L-Istati Membri huma mħeġġa joffru l-possibbiltà ta' tluq volontarju għall-akbar numru possibbli ta' persuni rimpatrijati u joqogħdu lura milli jagħmlu dan biss f'dawk il-każijiet li fihom ikun hemm riskju li dan jista' jxekkel l-iskop tal-proċedura ta' ritorn.

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 7(1) tippermetti lill-Istati Membri jiddeċiedu li jissuġġettaw l-aċċess għal perjodu għal tluq volontarju għal applikazzjoni minn ċittadini ta' pajjiżi terzi. F'tali każ, l-informazzjoni dwar il-possibbiltà li wieħed ikun jista' japplika għal perjodu ta' tluq volontarju għandha tingħata b'mod individwali liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi konċernati. Id-dokumenti ta' informazzjoni ġenerali għall-pubbliku (eż. tħabbira tal-possibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni bħal din fuq is-sit web tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni jew l-istampar ta' riklami li mbagħad jitwaħħlu ma' bords informattivi fil-bini tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni lokali) jistgħu jkunu ta' għajnuna iżda dejjem għandhom ikunu kkomplementati minn informazzjoni personalizzata. Tali informazzjoni għandha tingħata lil minuri b'mod sensittiv għall-ħtiġijiet tat-tfal u xieraq skont l-età u tal-kuntest, u għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jistipulaw perjodu għat-tluq volontarju fil-mument tal-applikazzjoni għal ċerti kategoriji ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (eż. dawk li l-applikazzjoni tagħhom għal permanenza legali tiġi miċħuda bħala manifestament bla bażi jew frawdolenta) jew biex jiksbu appoġġ (pereżempju assistenza għal riintegrazzjoni), u li din tingħata mingħajr applikazzjoni minn qabel f'każijiet oħra.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jingħata perjodu għal tluq volontarju wara talba miċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati, filwaqt li jiġi żgurat li l-informazzjoni meħtieġa għas-sottomissjoni ta' applikazzjoni hi kif xieraq u b'mod sistematiku mogħti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

Programmi ta' ritorn volontarju assistit: filwaqt li d-Direttiva dwar ir-Ritorn ma teżiġix li l-Istati Membri jistabbilixxu programm ta' ritorn volontarju assistit, il-premessa 10 tiddikjara li “sabiex jippromwovu r-ritorn volontarju, l-Istati Membri għandhom jipprevedu assistenza u konsulenza mtejba fir-rigward tar-ritorn u jagħmlu l-aħjar użu mill-possibbiltajiet ta' finanzjament rilevanti”. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa biex jagħmlu programmi ta' ritorn volontarju assistit disponibbli matul il-proċeduri, bħala parti mill-isforzi għall-promozzjoni ta' Ewropa aktar umana u ritorn dinjituż u, b'mod ġenerali, biex tiżdied l-effettività tar-ritorn. Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal skemi bħal dawn u biex jiġi żgurat li tittieħed deċiżjoni infurmata miċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tixrid ta' informazzjoni dwar ir-ritorn volontarju u programmi ta' ritorn volontarju assistit, kif ukoll b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali li jistgħu jkunu f'kuntatt dirett ma' ċittadini ta' pajjiżi terzi (eż. l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u s-saħħa), l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-korpi l-oħra. Meta tiġi pprovduta informazzjoni bħal din lil minuri, dan għandu jsir b'mod sensittiv għall-ħtiġijiet tat-tfal u xieraq skont l-età u tal-kuntest. Il-programmi nazzjonali għandhom isegwu l-Istandards mhux Komuni għal Programmi ta' Ritorn Volontarju Assistit (u Riintegrazzjoni) implimentati mill-Istati Membri (39) żviluppati mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, u approvati mill-Kunsill ĠAI fil-Konklużjonijiet tad-9-10 ta' Ġunju 2016 (40).

Il-Grupp ta' Esperti dwar ir-Ritorn (REG) (Return Expert Group) tan-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni (European Migration Network — EMN)) għandu l-għan li jiffaċilita l-kooperazzjoni prattika mtejba fost l-Istati u l-partijiet ikkonċernati fil-qasam tar-ritorn, ir-ritorn volontarju assistit u l-programmi ta' riintegrazzjoni. Din għandha tkun għodda prinċipali biex tinġabar u tinqasam l-informazzjoni u l-Istati Membri huma mħeġġin jagħmlu użu attiv minnha.

Aktar kjarifiki:

Il-perjodu ta' żmien ta' bejn 7 u 30 jum jikkostitwixxi prinċipju ġenerali. Huwa vinkolanti għall-Istati Membri li jiffissaw perjodu li jirrispetta dan il-perjodu ta' żmien, sakemm ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali ma jiġġustifikawx estensjoni skont l-Artikolu 7(2) tad-direttiva dwar ir-Ritorn (ara t-taqsima 6.1).

B'mod ġenerali l-għoti ta' 60 jum ikun inkompatibbli mal-armonizzazzjoni ta' “dixxiplina komuni” prevista mid-Direttiva dwar ir-Ritorn biex ikun hemm perjodu ta' żmien ta' 7-30 jum u għaldaqstant, ma tistax tiġi ġġustifikata bħala dispożizzjoni aktar favorevoli skont l-Artikolu 4(3). Madankollu, jekk perjodi ta' bejn 30-60 jum (li jaqbżu l-firxa armonizzata mill-paragrafu 1) jingħataw biss f'każijiet ta' ċirkostanzi speċifiċi (imsemmija fil-paragrafu 2), dan ikun kopert mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

F'konformità mar-rekwiżiti derivanti mad-dritt li tinstema', kif rikonoxxut fl-Artikolu 41(2) CFR, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-persuna rimpatrijata bil-possibbiltà li tispeċifika ċirkostanzi u bżonnijiet individwali biex jiġu kkunsidrati meta jkun qed jiġi ddeterminat il-perjodu li għandu jingħata, kemm f'każijiet fejn il-perjodu ta' tluq volontarju jkun iddeterminat ex officio u kemm f'każijiet li fihom il-perjodu jkun iffissat wara applikazzjoni tal-persuna rimpatrijata.

Għalkemm id-Direttiva dwar ir-Ritorn tipprojbixxi li jintbagħat lura bil-forza ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali matul il-perjodu għat-tluq volontarju, hija ma tipprojbixxix lill-Istati Membri milli jniedu l-proċeduri amministrattivi meħtieġa matul dak il-perjodu fid-dawl tal-infurzar possibbli ta' deċiżjoni ta' ritorn (pereżempju għat-twaqqif ta' kuntatti mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi għall-kisba ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, l-organizzar tal-loġistika għall-operazzjoni ta' tneħħija).

Abbażi ta' valutazzjoni individwali tas-sitwazzjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz, u b'kont meħud b'mod partikolari tal-prospett ta' ritorn u r-rieda taċ-ċittadin ta' pajjiż terz li jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu l-iqsar perjodu possibbli għat-tluq volontarju li jkun meħtieġ sabiex jorganizzaw u jwettqu r-ritorn. Perjodu itwal minn sebat ijiem għandu jingħata biss meta ċ-ċittadin tal-pajjiż terz jikkoopera b'mod attiv fil-proċess ta' ritorn.

6.1.   Perjodu estiż għat-tluq volontarju

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 7(2)

L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perjodu għat-tluq volontarju għal perjodu adegwat, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta' tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta' rabtiet familjari u soċjali oħrajn.

Ma jeżistix limitu ta' żmien massimu ffissat minn qabel għall-estensjoni tat-terminu għat-tluq volontarju u kull każ individwali għandu jiġi trattat skont il-merti tiegħu stess b'konformità mal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali u l-prattika amministrattiva. L-Istati Membri jgawdu minn marġni wiesa' ta' diskrezzjoni biex jiddeterminaw jekk l-estensjoni tal-perjodu għat-tluq volontarju hux se jkun “xieraq”. B'kunsiderazzjoni tar-referenza fit-test għat-tfal li jmorru l-iskola, estensjoniet tal-perjodu għat-tluq volontarju qabel tmiem is-semestru jew tas-sena skolastika, jew għal massimu ta' sena skolastika, jistgħu jingħataw sakemm dan ikun fl-aħjar interessi tat-tifel jew tifla u li ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ jitqiesu kif dovut.

Estensjoni tal-perjodu ta' aktar minn 30 jum diġà tista' tingħata mill-bidu (il-mument li fih tinħareġ id-deċiżjoni ta' ritorn), jekk ġustifikata minn valutazzjoni individwali taċ-ċirkostanzi tal-każ. Ma hemmx bżonn li l-ewwel jingħata perjodu ta' 30 jum u li mbagħad jiġi estiż.

It-terminu “fejn neċessarju” jirreferi għal ċirkostanzi relatati kemm mal-persuna rimpatrijata u kemm mal-Istat ta' ritorn. L-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni marbuta mas-sustanza u l-fond regolatorju tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni tagħhom fir-rigward ta' din il-kwistjoni.

It-tliet subkażijiet imsemmijin fl-Artikolu 7(2) (tul tal-permanenza, tfal li jattendu l-iskola, rabtiet familjari) għandhom jiġu rispettati b'mod ċar fil-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali u l-prattika amministrattiva. Ir-regoli amministrattivi tal-Istati Membri jistgħu jkunu aktar dettaljati u jistipulaw ukoll raġunijiet oħrajn għall-estensjoni, iżda ma għandhomx ikunu inqas preċiżi, li ddgħajjef l-armonizzazzjoni.

6.2.   Obbligi qabel it-tluq volontarju

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 7(3)

Ċerti obbligi maħsuba biex jevitaw ir-riskju ta' ħarba, bħal ma huma r-rappurtar regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta' garanzija finanzjarja adegwata, il-preżentazzjoni ta' dokumenti jew l-obbligu li wieħed jibqa' f'ċertu post, jistgħu jiġu imposti għat-tul tal-perjodu tat-tluq volontarju.

L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jistgħu jiġu imposti fejn ikun hemm riskju ta' ħarba li għandu jiġi evitat. Jekk il-valutazzjoni individwali tal-każ turi li m'hemmx ċirkostanzi partikolari, obbligi bħal dawn ma jiġux ġustifikati — ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-61/11, El Dridi, il-paragrafu 37: “Isegwi mill-Artikolu 7(3) u (4) tal-imsemmija direttiva fejn jirriżulta li huwa biss f'ċirkustanzi partikolari, bħall-eżistenza ta' riskju li l-barrani jaħrab, li l-Istati Membri jistgħu, minn naħa, jimponu lid-destinatarju ta' deċiżjoni ta' ritorn l-obbligu li jippreżenta ruħu regolarment għand l-awtoritajiet, li jiddepożita garanzija finanzjarja adegwata, li jiddepożita dokumenti jew li joqgħod f'post determinat jew, min-naħa l-oħra, jipprovdu terminu ta' tluq volontarju inferjuri għal sebat ijiem, jew jonqsu milli jistabbilixxu tali terminu”. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw din il-possibbiltà meta jkun hemm riskju ta' ħarba li għandu jiġi evitat matul il-perjodu għat-tluq volontarju.

Għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu ċerti obbligi tista' tkun vantaġġ għall-persuna rimpatrijata peress li din tista' tippermetti l-għoti ta' perjodu għat-tluq volontarju f'każijiet li normalment ma jikkwalifikawx għal trattament bħal dan.

Mhuwiex possibbli li tingħata ċifra applikabbli b'mod ġenerali tal-ammont li jikkostitwixxi “garanzija finanzjarja xierqa”. F'kwalunkwe każ il-prinċipju ta' proporzjonalità għandu jiġi rispettat, jiġifieri l-ammont għandu jkun wieħed li jieħu kont tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna rimpatrijata. Il-prattika attwali tal-Istati Membri tipprevedi ammonti li jvarjaw minn madwar EUR 200 sa EUR 5 000.

Jekk dan ikun meħtieġ f'każ individwali, l-obbligi msemmija fl-Artikolu 7(3) jistgħu jiġu imposti b'mod kumulattiv ukoll.

Meta jiġu imposti l-obbligi skont l-Artikolu 7(3), l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna rimpatrijata u jiżguraw rispett sħiħ tal-prinċipju tal-proporzjonalità. L-Istati Membri għandhom jevitaw li jimponu xi obbligi li jistgħu de facto ma jkunux rispettati (jekk persuna eż. ma jkollhiex passaport, hu/hi ma j/tkunx j/tista' j/tissottomettih).

6.3.   Kontro-indikazzjonijiet

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 7(4)

Jekk ikun hemm riskju ta' ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perjodu ta' żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perjodu iqsar minn sebat ijiem.

L-Istati Membri huma ħielsa li joqogħdu lura milli jagħtu perjodu tat-tluq volontarju f'dawk il-każijiet — elenkati b'mod eżawrjenti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn — fejn ikun hemm “kontro-indikazzjoni”, jiġifieri meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun ta' riskju ta' ħarba (ara t-taqsima 1.6) jew riskju għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali (pereżempju kundanni preċedenti għal reati kriminali serji mwettqa ukoll fi Stati Membri oħra), u meta talba għal soġġorn legali (pereżempju talba għall-ażil, talba jew tiġdid ta' permess) tkun ġiet miċħuda għax kienet bla motivi validi jew frodulenti.

Meta, abbażi ta' valutazzjoni individwali, jista' jkun stabbilit li tali “kontro-indikazzjonijiet” jeżistu f'każ speċifiku, perjodu għat-tluq volontarju m'għandux jingħata u perjodu iqsar minn 7 ijiem għandu jingħata biss jekk dan ma jimpedixxix lill-awtoritajiet nazzjonali jwettqu l-ġarr.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jbiddlu l-valutazzjoni tagħhom tas-sitwazzjoni fi kwalunkwe mument (persuna rimpatrijata li qabel ma tkunx ikkooperat tista' tibiddel l-attitudni tagħha u taċċetta offerta għal ritorn volontarju assistit) u jagħtu terminu għat-tluq volontarju anki jekk għall-ewwel kien hemm ir-riskju ta' ħarba.

Aktar kjarifiki:

Mhuwiex possibbli li, b'mod ġenerali, jiġu esklużi l-persuni kollha li jidħlu b'mod illegali mill-possibbiltà li jiksbu terminu għat-tluq volontarju. Regola li tiġġeneralizza bħal din tmur kontra d-definizzjoni tar-riskju ta' ħarba, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-obbligu li ssir valutazzjoni każ b'każ u ddgħajjef l-effet utile tal-Artikolu 7 (promozzjoni tat-tluq volontarju).

Huwa possibbli li, skont l-Artikolu 7(4), jiġu esklużi ċittadin ta' pajjiż terz li jkunu ssottomettew applikazzjonijiet abbużivi. L-Artikolu 7(4) ikopri espliċitament applikazzjonijiet li jkunu evidentement frawdolenti jew bla motivi validi. L-applikazzjonijiet abbużivi normalment jinvolvu livell ogħla ta' imġiba riprensiva mill-applikazzjonijiet li jkunu evidentement bla motivi validi, għaldaqstant, l-Artikolu 7(4) għandu jiġi interpretat bħala wieħed li jkopri l-applikazzjonijiet abbużivi wkoll.

Huwa possibbli wkoll li jiġu esklużi l-persuni li jippreżentaw riskju għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali. Fil-kawża Zh. u O  (41)., C-554/13, il-QtĠ ċċarat li l-Istati Membri essenzjalment jibqgħu liberi li jistabbilixxu r-rekwiżiti tal-kunċett ta' politika pubblika skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom. Il-kunċett tar-“riskju ta' ħarba” huwa differenti minn dak tar-“riskju għall-politika pubblika”. Il-kunċett ta' “riskju għall-politika pubblika” jippresupponi l-eżistenza, flimkien mal-perturbazzjoni tal-ordni soċjali li jinvolvi kwalunkwe ksur tal-liġi, ta' theddida ġenwina, preżenti u serja biżżejjed li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Stat Membru ma jistax iqis li ċittadin ta' pajjiż terz huwa ta' riskju għall-politika pubblika fuq il-bażi biss tal-fatt li dak iċ-ċittadin ikun suspettat, jew ikun instab ħati, li għamel att li jista' jiġi kkastigat bħala reat skont il-liġi nazzjonali. Fatturi oħrajn, bħan-natura u kemm ikun serju dak l-att, iż-żmien li jkun għadda mindu jkun twettaq l-att u kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-affidabbiltà tas-suspett li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ikun wettaq l-allegat reat huma rilevanti wkoll għal valutazzjoni ta' każ b'każ li trid issir dejjem.

6.4.   Konformità prattika — tranżitu fuq l-art

L-Anness 39 tal-manwal ta' Schengen “Forma standard ta' rikonoxximent ta' deċiżjoni ta' ritorn għall-finijiet ta' tranżitu fuq l-art”

Mappa tal-Istati Membri parteċipanti (disponibbli bħala talba ad-hoc tal-EMN, ritorn, 2015 fuq is-sit web ta' EMN Europa)

Tfakkira/spjegazzjoni: persuna rimpatrijata li tkun beħsiebha titlaq mit-territorju tal-UE fuq l-art fi żmien il-perjodu għat-tluq volontarju ma jkollhiex viża valida jew permess ieħor biex tgħaddi minn Stati Membri oħrajn fit-triq lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu/tagħha u, għaldaqstant, tirriskja li tiġi maqbuda/titwaqqaf mill-pulizija fi triqitha lejn darha u li tkun suġġetta għat-tieni deċiżjoni ta' ritorn maħruġa mill-Istat ta' tranżitu. Dan imur kontra l-objettiv politiku tad-Direttiva dwar ir-Ritorn li tħeġġeġ ritorn effettiv, inkluż permezz tat-tluq volontarju.

Il-ħruġ ta' viża ta' tranżitu lill-persuna rimpatrijata mhuwiex soluzzjoni adegwata u xierqa, peress li l-għoti ta' viża lil ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali li jkunu obbligati jitilqu jmur kontra r-regoli tal-UE dwar il-viża. Barra minn hekk, jidher li l-Istati Membri ta' tranżitu ma għandhom l-ebda inċentiv biex joħorġu t-tali tip ta' viża (riskju li l-persuni jistgħu jaħarbu u/jew jikkawżaw spejjeż ta' tneħħija) u għalhekk, fil-prattika, spiss jirrifjutaw li joħorġu viża. Lanqas il-forniment ta' “laissez-passer Ewropew” għall-persuna rimpatrijata ma joffri soluzzjoni: Fin-nuqqas ta' natura legali u effetti legali ddefiniti b'mod ċar ta' “laissez-passer” bħal dan, il-persuna rimpatrijata — f'termini strettament legali — titqies bħala persuna “f'sitwazzjoni illegali” fl-Istat Membru ta' tranżitu u għaldaqstant tista' tkun suġġetta għal deċiżjoni ta' ritorn ġdida skont l-Artikolu 6(1).

Mezz minnhom ta' kif tista' tiġi evitata din il-problema huwa bil-promozzjoni tar-ritorn dirett lejn pajjiżi terzi bl-ajru. Madankollu, dan jista' jqum il-flus u ma jkunx prattiku għall-persuna rimpatrijata.

Approċċ, rakkomandat b'mod ċar mill-Kummissjoni, huwa li l-Istati Membri ta' tranżitu jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġin mill-ewwel Stat Membru skont l-Anness 39 tal-Manwal ta' Schengen “Forma standard għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni ta' ritorn għall-finijiet ta' tranżitu fuq l-art” (maħruġ mill-Kummissjoni f'Settembru 2011, wara konsultazzjonijiet ma' Stati Membri kkonċernati fil-livell tekniku u diskussjoni mal-Grupp ta' Ħidma Migrazzjoni-Tkeċċija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea).

Skont dan l-approċċ, l-Istat Membru ta' tranżitu jista' jirrikonoxxi d-deċiżjoni ta' ritorn inkluż it-terminu għat-tluq volontarju mogħti mill-ewwel Stat Membru u jħalli lill-persuna rimpatrijata tgħaddi mill-Istat Membru fuq il-bażi tad-deċiżjoni rikonoxxuta u t-terminu għat-tluq volontarju rikonoxxut. Dan l-approċċ għandu l-vantaġġ li l-Istat Membru ta' tranżitu ma jkunx obbligat li joħroġ deċiżjoni ta' ritorn ġdida u jista' jitlob lill-ewwel Stat Membru biex jirrimborża l-ispiża kollha marbuta mat-tneħħija jekk tmur xi ħaġa ħażina u l-persuna rimpatrijata trid titneħħa bl-ispejjeż tal-Istat ta' tranżitu (b'applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2004/191/KE (42)).

Dawk l-Istati Membri li għadhom mhumiex lesti li jużaw din l-għażla volontarja (bħala Stat Membru mittenti jew Stat Membru ospitanti) huma mħeġġin jingħaqdu u jgħarrfu lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħrajn bil-parteċipazzjoni tagħhom.

Aktar kjarifiki:

Formola ta' rikonoxximent: it-test tassew wiesa' u ġenerali tad-Direttiva 2001/40/KE jipprevedi diskrezzjoni fir-rigward tal-modalitajiet prattiċi (dettalji proċedurali) għal rikonoxximent reċiproku skont il-bżonnijiet prattiċi u l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-formola proposta fl-Anness 39 tal-Manwal ta' Schengen hija mod wieħed possibbli, iżda mhux l-uniku, ta' kif wieħed jista' jipproċedi.

F'termini ġuridiċi, l-elementi rilevanti kollha tad-deċiżjoni ta' ritorn maħruġa minn Stat Membru A huma rikonoxxuti minn Stat Membru B, inkluż ir-rikonoxximent tad-dikjarazzjoni li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali u jgawdi minn terminu għat-tluq volontarju — bl-effett għat-territorju ta' Stat Membru B rikonoxxenti.

L-Istat Membru rikonoxxenti jgawdi minn tliet “salvagwardji” differenti, jiġifieri:

(1)

l-użu tal-formola standard tal-Anness 39 isir fuq bażi volontarja biss; dan dejjem iħalli lill-Istati Membri l-għażla li ma jirrikonoxxux deċiżjoni ta' ritorn maħruġa minn Stat Membru ieħor f'każ individwali speċifiku;

(2)

l-ewwel Stat Membru jista' jagħti biss perjodu għat-tluq volontarju skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jekk ma jkunx hemm “kontro-indikazzjonijiet”, bħar-riskju ta' ħarba. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni personali tal-persuni rimpatrijati skont l-Artikolu 7 li għandha ssir mill-ewwel Stat Membru tista' sservi ta' serħan il-moħħ għall-Istat Membru ta' tranżitu rikonoxxenti;

(3)

jekk tinqala' xi ħaġa u l-persuna rimpatrijata jkollha titneħħa bl-ispejjeż tal-Istat ta' tranżitu, l-ispiża marbuta mat-tneħħija tista' taqa' fuq l-ewwel Stat Membru fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2004/191/KE.

6.5.   Konformità prattika — tranżitu bl-ajru

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/110/KE (43) fuq l-għajnuna f'każ ta' tranżitu għal raġunijiet ta' tneħħija bl-ajru tistabbilixxi qafas legali dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-ajruporti tal-Istati Membri ta' tranżitu fir-rigward ta' tneħħija bl-ajru kemm skortata kif ukoll mhux skortata. It-terminu “tneħħija mhux skortata” f'din id-Direttiva (li ġiet adottata ħames snin qabel id-Direttiva dwar ir-Ritorn) jista' jiġi interpretat bħala terminu li jkopri wkoll it-“tluq volontarju” fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (44). Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jsir użu sistematiku mid-Direttiva 2003/110/KE meta jkun qed jiġi organizzat tranżitu bl-ajru fil-kuntest ta' tluq volontarju (ara wkoll it-taqsima 7.2.).

6.6.   Reġistrazzjoni ta' tluq volontarju

Bħalissa ma teżistix sistema ċentrali fis-sistema tal-UE biex wieħed jittraċċa t-tluq volontarju. F'każijiet ta' tranżitu fuq l-art ta' persuni rimpatrijati skont ir-rakkomandazzjoni stipulata fl-Anness 39 tal-Manwal ta' Schengen, konferma tiġi ffaksjata min-naħa tal-gwardja tal-fruntiera lill-Istat Membru li jkun ħareġ id-deċiżjoni ta' ritorn. F'każijiet oħrajn, il-persuni rimpatrijati xi drabi jirrapportaw lura permezz ta' konsulati tal-Istati Membri f'pajjiżi terzi. Xi drabi t-tluq ikun irreġistrat ukoll mill-gwardji tal-fruntieri li jkunu qed jagħmlu kontrolli ta' tluq. In-nuqqas ta' sistema ċentrali tal-Unjoni biex jiġi traċċat it-tluq volontarju joħloq lakuna, kemm fir-rigward ta' verifika tal-infurzar u kemm fir-rigward tal-istatistika. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen dwar ir-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'soġġorn illegali (45) għandha l-għan li tindirizza din is-sitwazzjoni.

Fuq perjodu qasir, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mezzi biex jiġi vverifikat jekk ċittadin ta' pajjiż terz ikun ħalla l-Unjoni, inkluż fi ħdan it-terminu għat-tluq volontarju u mingħajr assistenza, biex jiġi żgurat segwitu effettiv f'każ ta' nuqqas ta' konformità. L-Istati Membri huma mħeġġin jagħmlu l-aħjar użu mill-mezzi ta' informazzjoni disponibbli u għal dan il-għan:

(1)

Iħeġġu b'mod sistematiku lil dawk il-persuni rimpatrijati li jingħataw terminu għat-tluq volontarju biex jgħarrfu lill-awtoritajiet li jkunu ħarġu d-deċiżjoni ta' ritorn (u projbizzjoni fuq id-dħul) dwar it-tluq li jkun irnexxa tagħhom. Il-persuna rimpatrijata tista' tindika t-tluq tagħha lill-gwardja tal-fruntiera mat-tluq, fir-rappreżentazzjoni konsulari ta' Stat Membru fil-pajjiż tal-oriġini tagħha wara r-ritorn jew anki bil-kitba b'biżżejjed provi mehmużin. Sabiex titjieb din il-prattika, dokument ta' informazzjoni jista' jiġi sistematikament mehmuż ma' deċiżjoni ta' ritorn jew dokument tal-ivvjaġġar, li jinkludi l-isem u identifikaturi oħra taċ-ċittadin ta' pajjiż terz, struzzjonijiet u dettalji ta' kuntatt tal-awtorità tal-ħruġ, b'tali mod li l-gwardjan tal-fruntiera jista' jittimbrah fil-ħruġ u jibagħtu lura bħala prova ta' tluq lill-awtorità tal-ħruġ. Dokument ta' informazzjoni bħal dan jista' wkoll jispeċifika l-benefiċċji għall-persuna rimpatrijata jekk din tinforma lill-awtoritajiet dwar it-tluq li jirnexxi.

(2)

Jitolbu lill-gwardji tal-fruntieri li jkunu qed iwettqu kontrolli tal-ħruġ biex jistaqsu — meta jindunaw bil-ħruġ ta' migrant irregolari — jekk il-persuna rimpatrijata tkunx suġġetta għal deċiżjoni ta' ritorn akkumpanjata minn perjodu ta' tluq volontarju u biex jgħarrfu, jekk dan ikun il-każ, b'mod sistematiku lill-awtoritajiet li jkunu ħarġu d-deċiżjoni ta' ritorn dwar it-tluq.

(3)

L-użu tal-Anness 39 (ara t-taqsima 6.4) biex jiġi kkonfermat it-tluq ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'soġġorn illegali fi tranżitu bl-art mit-territorju ta' Stat Membru għajr dak li jkun ħareġ id-deċiżjoni ta' ritorn.

L-Istati Membri għandhom ukoll jikkunsidraw li jistabbilixxu kuntatti ma' kumpaniji tal-ajru sabiex jiksbu informazzjoni dwar jekk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ġew ritornati mingħajr skorta kinux preżenti abbord l-ajruplan fil-mument tat-tluq mistenni.

7.   TNEĦĦIJA

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 8(1)–(4)

1.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta' ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perjodu għal tluq volontarju skont l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta' ritorn ma jkunx ġie rispettat f'dan il-perjodu għat-tluq volontarju mogħti skont l-Artikolu 7. x

2.

Jekk l-Istat Membru jkun ta perjodu għal tluq volontarju skont l-Artikolu 7, id-deċiżjoni ta' ritorn tista' tiġi nfurzata biss wara li l-perjodu jkun intemm, sakemm ma jirriżultax riskju matul dan il-perjodu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(4).

3.

L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.

4.

Meta l-Istati Membri jużaw — bħala l-aħħar possibbiltà — miżuri ta' koerċizzjoni biex iwettqu t-tneħħija ta' ċittadin ta' pajjiż terz li jirreżisti t-tneħħija, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonali u m'għandhomx jeċċedu forza raġonevoli. Dawn għandhom jiġu implimentati kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali skont id-drittijiet fundamentali u bir-rispett dovut għad-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat.

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tiffissa objettiv (“infurzar tad-deċiżjoni ta' ritorn”) li għandu jintlaħaq b'mod effettiv u b'manjiera proporzjonata bil-“miżuri neċessarji kollha”, filwaqt li tħalli l-modalitajiet konkreti (il-“kif”) għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u l-prattika amministrattiva — ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-329/11, Achughbabian, il-paragrafu 36: “[…] l-espressjonijiet” miżuri “u” miżuri ta' koerċizzjoni “inklużi fih jirreferu għal kull intervent li jwassal, b'mod effikaċi u proporzjonat, għar-ritorn tal-persuna kkonċernata”.

Indipendentement mill-funzjonijiet li ċittadini ta' pajjiżi terzi li jikkooperaw dwar l-identifikazzjoni tagħhom u li jitolbu d-dokumenti neċessarji lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, l-obbligu tal-Istati Membri li jieħdu “l-miżuri kollha meħtieġa” jinkludi wkoll għal talba f'waqtha lill-pajjiż terz ta' riammissjoni sabiex identità valida jew dokument tal-ivvjaġġar validu, jew biex jitlob li jiġi aċċettat l-użu tad-Dokument tal-Ivjaġġar Ewropew għar-Ritorn (46) jekk tkun prevista minn ftehimiet fis-seħħ mal-pajjiż terz, sabiex jippermettu t-trasport fiżiku taċ-ċittadin ta' pajjiż terz barra mill-Istat Membru. L-użu tad-Dokument tal-Ivjaġġar Ewropew għar-Ritorn għandu jiġi promoss aktar fin-negozjati u l-applikazzjoni ta' ftehimiet ta' riammissjoni bilaterali u tal-UE u arranġamenti oħra ma' pajjiżi terzi. Proċeduri amministrattivi ma' pajjiżi terzi bl-għan li jippreparaw l-operazzjoni ta' tneħħija (pereżempju l-kisba ta' dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa u l-awtorizzazzjonijiet) jistgħu jitniedu waqt il-perjodu għal tluq volontarju, mingħajr ma jitqiegħed f'riskju ċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat (ara wkoll it-taqsima 6).

Biex jitnaqqas l-impatt ta' abbużi potenzjali, b'mod partikolari dawk relatati ma' applikazzjonijiet għall-ażil infondati, multipli u “tal-aħħar minuta”, kif ukoll rikorsi infondati kontra d-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn jew ma' ażil li jsiru bl-iskop ewlieni li dan idewwem jew jiffrustra l-infurzar ta' deċiżjonijiet ta' ritorn, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jorganizzaw proċeduri għall-eżami ta' applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali f'proċeduri aċċelerati jew, fejn xieraq, proċeduri tal-fruntiera, skont id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (47) (id-“Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil”).

Ambigwità bejn tluq volontarju u tneħħija: Il-kunċett ta' ritorn huwa wieħed wiesa' u jkopri l-proċess ta' ritorn lejn pajjiż terz b'mod konformi (b'mod volontarju jew infurzat) mal-obbligu ta' ritorn. Il-kunċett ta' tneħħija huwa ħafna aktar limitat. Tneħħija tfisser l-infurzar tal-obbligu ta' ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku 'l barra minn Stat Membru. Il-QtĠ diġà enfasizzat fil-Kawża C-61/11 El Dridi, (il-paragrafu 41) u l-Kawża C-329/11, Achoughbabian li d-Direttiva dwar ir-Ritorn tipprevedi “gradazzjoni tal-miżuri” li jvarjaw minn dawk volontarji sa dawk infurzati. Fil-prattika, spiss ikun hemm każijiet li jinkorporaw elementi kemm ta' ritorn forzat (detenzjoni) kif ukoll volontarju (vjaġġar volontarju sussegwenti mingħajr il-bżonn ta' forza fiżika). L-Istati Membri huma mħeġġin jużaw — fl-istadji kollha tal-proċedura — l-inqas miżuri intrużivi. Jekk il-persuni rimpatrijati li jkunu suġġetti għal tneħħija/detenzjoni jbiddlu l-attitudni tagħhom u juru rieda tajba li jikkooperaw u li jitilqu b'mod volontarju, l-Istati Membri huma mħeġġin u intitolati li jkunu flessibbli.

L-infurzar ta' deċiżjoni ta' ritorn wara ċ-ċaħda ta' applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali: fis-sentenza tal-Kawża C-601/15, J.N. (il-paragrafi 75-76, 80), il-QtĠ stabbiliet li, wara r-rifjut tal-ewwel istanza ta' applikazzjoni għall-ażil, għandu jerġa' jibda l-infurzar tad-deċiżjoni ta' ritorn preċedenti f'dak l-istadju fejn kien interrott, u li l-proċeduri ta' ritorn m'għandhomx jibdew mill-ġdid: “[…] il-prinċipju li d-Direttiva 2008/115/KE għandha tkun effettiva jeħtieġ li proċedura tinfetaħ skont din id-direttiva, fil-kuntest fejn deċiżjoni ta' ritorn, akkumpanjata […] minn projbizzjoni fuq id-dħul, tkun ġiet adottata, tista' titkompla mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta, hekk kif l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda fl-ewwel istanza […]. F'dan ir-rigward isegwi kemm mid-dover ta' kooperazzjoni sinċiera tal-Istati Membri, derivanti mill-Artikolu 4(3) TUE u b'referenza fil-paragrafu 56 tas-sentenza f'El Dridi […], u mir-rekwiżiti għal-effikaċja […], li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-artikolu 8 ta' dik id-direttiva, fil-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(1), għat-twettiq tat-tneħħija għandu jiġi sodisfat fl-iqsar żmien possibbli […]. Dak l-obbligu ma jiġix osservat jekk iseħħ dewmien fit-tneħħija minħabba l-fatt li, wara li ġiet miċħuda fl-ewwel istanza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, proċedura […] ma setgħetx titkompla mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta, iżda mill-bidu tagħha.”

Priġunerija bħala miżura tal-liġi kriminali għal soġġorn illegali qatt ma tista' tkun “miżura neċessarja” skont it-tifsira tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (ara t-taqsima 4). Skont l-Artikolu 6 CFR dwar id-dritt għal-libertà, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 5 QEDB, iċ-ċaħda ta' libertà fil-kuntest ta' ritorn hi permessa biss għal raġunijiet ta' tneħħija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn — ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-329/11 Achughbabian (il-paragrafu 37): “[…] l-impożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' piena ta' priġunerija matul l-iżvolġiment tal-proċedura ta' ritorn prevista mid-Direttiva 2008/115/KE ma jikkontribwixxux għat-twettiq tat-tneħħija segwit minn din il-proċedura, jiġifieri t-trasferiment fiżiku tal-persuna kkonċernata barra mill-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, tali sentenza ma tikkostitwixxix “miżura” jew “miżuri ta' koerċizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115/KE”.

L-Istati Membri għandhom iqisu l-istat tas-saħħa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi meta jkunu qed jimplimentaw id-Direttiva dwar ir-Ritorn skont l-Artikolu 5(c); barra minn hekk, meta jinfurzaw deċiżjonijiet ta' ritorn b'applikazzjonital-Artikolu 8(1) tad-Direttiva, huma għandhom jaġixxu b'rispett xieraq għad-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. B'rispett sħiħ tad-dritt għal-kura tas-saħħa, u b'kont meħud li d-Direttiva ma timponi l-ebda obbligu għat-twettiq ta' eżamijiet mediċi sistematiċi jew il-ħruġ ta' dikjarazzjoni “fit-to-fly” f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċittadini ta' pajjiż terz kollha suġġetti għal tkeċċija, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-abbużi potenzjali relatati ma' dikjarazzjonijiet mediċi foloz ippreżentati minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirriżultaw fi tfixkil ta' prevenzjoni jew sospensjoni tat-tneħħija għal raġunijiet mediċi (ara wkoll it-taqsima 12.4), pereżempju billi jiġi żgurat li persunal mediku kkwalifikat maħtur mill-awtorità nazzjonali rilevanti huwa disponibbli biex jipprovdi parir mediku indipendenti u oġġettiv dwar il-każ speċifiku.

7.1.   Tneħħija bl-ajru

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 8(5); Linji gwida komuni dwar id-dispożizzjonijiet ta' sigurtà għat-tneħħija konġunta bl-ajru, annessa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/573/KE (48); Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (49) — l-Artikolu 28(3)

Meta jwettqu tneħħijiet bl-ajru, l-Istati Membri għandhom iqisu l-Linji Gwida Komuni dwar dispożizzjonijiet ta' sigurtà għat-tneħħija konġunta bl-ajru, annessa mad-Deċiżjoni 2004/573/KE.

Skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-Linji Gwida Komuni dwar id-dispożizzjonijiet ta' sigurtà għat-tneħħija konġunta annessa mad-Deċiżjoni 2004/573/KE fil-kuntest ta' kull tneħħija bl-ajru, u mhux biss — kif kien previst oriġinarjament fid-Deċiżjoni 2004/573/KE — fil-kuntest ta' tneħħijiet konġunti.

Xi partijiet minn dawn il-Linji gwida, min-natura tagħhom, huma mfasslin biex jiġu kkunsidrati f'każ ta' titjiriet konġunti biss, bħar-regoli marbutin mar-rwol u t-tqassim ta' kompiti tal-Istati Membri organizzaturi u parteċipanti, biex b'hekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati biss f'kuntest nazzjonali. Madankollu, il-partijiet kollha l-oħra tal-Linji Gwida (ara l-iktar siltiet rilevanti fil-kaxxa ta' hawn taħt) iridu jiġu kkunsidrati anki f'operazzjonijiet ta' tneħħija purament nazzjonali.

LINJI GWIDA KOMUNI DWAR ID-DISPOŻIZZJONIJIET TA' SIGURTÀ GĦAT-TNEĦĦIJA KONĠUNTA BL-AJRU

(siltiet)

1.   IL-FAŻI TA' QABEL IR-RITORN

1.1.2.   Il-Kundizzjoni medika u reġistri mediċi

L-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru parteċipanti għandhom jassiguraw li l-persuni li qegħdin fuq ritorn li għalihom huma responsabbli huma fi stat xieraq tas-saħħa, li jippermetti legalment u fattwalment għal spostament sigur bl-ajru. Reġistri mediċi għandhom jiġu pprovduti għal persuni fuq ritorn b'dispożizzjoni medika magħrufa jew meta huwa meħtieġ trattament mediku. Dawn ir-reġistri mediċi għandhom jinkludu r-riżultati ta' eżamijiet mediċi, dijanjosi u l-ispeċifikazzjoni ta' medikazzjoni possibbilment meħtieġa sabiex ikunu possibbli l-miżuri mediċi neċessarji. […]

1.1.3.   Dokumentazzjoni

L-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru parteċipanti għandhom jassiguraw li għal kull persuna fuq ritorn huma disponibbli dokumenti tal-ivvjaġġar validi, u dokumenti addizzjonali neċessarji oħra, ċertifikati jew reġistri. Persuna awtorizzata għandha żżomm din id-dokumentazzjoni sal-wasla fil-pajjiż ta' destinazzjoni […].

1.2.3.   L-Użu ta' skorti tas-settur privat

Meta Stat Membru parteċipanti jagħmel użu minn skorti tas-settur privat, l-awtoritajiet ta' dak l-Istat Membru għandhom jipprovdu għal mill-inqas rappreżentant uffiċjali wieħed abbord it-titjira.

1.2.4.   Ħiliet u taħriġ ta' skorti

Skorti assenjati abbord it-titjiriet konġunti għandhom ikunu rċevew taħriġ speċjali a priori sabiex iwettqu dawn il-missjonijiet; għandhom ikunu pprovduti bis-sostenn mediku neċessarju skont il-missjoni.

[…]

1.2.5.   Kodiċi ta' kondotta għal skorti

L-iskorti m'għandhomx ikunu armati. Dawn jistgħu jilbsu lbies ċivili li għandu jkollu emblema distinta għal skopijiet ta' identifikazzjoni. Persunal ieħor akkreditat kif dovut li jakkumpanja għandu wkoll jilbes emblema distintiva.

Il-Membri tal-iskorta għandhom jiġu pożizzjonati b'mod strateġiku fl-inġenju tal-ajru sabiex jipprovdu sigurtà ottima. Barra minn hekk, għandhom jitqiegħdu bilqiegħda mal-persuni fuq ritorn li għalihom huma responsabbli.

1.2.6.   Arranġamenti li jirrigwardaw in-numru ta' skorti

In-numru ta' skorti għandu jiġi determinat fuq bażi ta' każ b'każ wara analiżi tar-riskji potenzjali u wara konsultazzjoni reċiproka. Huwa rakkomandat fil-biċċa l-kbira tal-każijiet li jkunu mill-inqas ekwivalenti għan-numru ta' persuni fuq ritorn abbord. Għandu jkun disponibbli unità ta' back-up għal sostenn, meta neċessarju (eż. f'każijiet ta' destinazzjonijiet fuq distanza twila).

2.   IL-FAŻI TA' QABEL IT-TLUQ F'AJRUPORTI TA' TLUQ JEW TA' STOPOVER

2.1.   Trasport lejn l-ajruport u waqfa fl-ajruport

Fir-rigward tat-trasport lejn u l-qagħda fl-ajruport dan li ġej għandu japplika:

(a)

fil-prinċipju, l-iskorti u l-persuni fuq ritorn għandhom ikunu l-ajruport mill-inqas tliet sigħat qabel it-tluq;

(b)

il-persuni fuq ritorn għandhom jingħataw informazzjoni fil-qosor fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tneħħija tagħhom u jingħataw il-parir li huwa fl-interess tagħhom li jikkooperaw kompletament mal-iskorti. Għandu jkun magħmul ċar li kwalunkwe mġiba ta' disturb ma jiġix ittollerat u ma jwassalx għall-eliminazzjoni tal-operazzjoni ta' tneħħija;

[…]

2.2.   Imbarkazzjoni, tlugħ abbord u kontroll ta' sigurtà qabel il-qtugħ mill-art

L-arranġamenti fir-rigward ta' imbarkazzjoni, tlugħ u kontroll ta' sigurtà qabel il-qtugħ mill-art għandhom ikunu kif ġej:

(a)

l-iskorti tal-Istat Membru tal-post preżenti huma responsabbli għall-imbarkazzjoni u sabiex jassistu passaġġi miż-żona ta' kontroll;

(b)

il-persuni kollha fuq ritorn għandhom jgħaddu minn tfittxija ta' sigurtà metikoluża qabel ma jitilgħu fuq titjira konġunta. L-oġġetti kollha li jistgħu ikunu ta' theddida għas-sigurtà ta' individwi u għas-sigurtà tat-titjira konġunta għandhom jinqabdu u jitqiegħdu fl-istiva tal-bagalji;

(c)

il-bagalji tal-persuni fuq ritorn m'għandhomx jitqiegħdu fil-kabina tal-passiġġieri. Il-bagalji kollha mqiegħda fl-istiva għandhom jgħaddu minn kontroll ta' sigurtà u jiġu ttikketatti bl-isem tas-sid. Kwalunkwe ħaġa li hija kkunsidrata bħala perikoluża skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) għandha titneħħa mill-bagalji;

(d)

flus u oġġetti ta' valur għandhom jitqiegħdu f'kopertura trasparenti ttikkettata bl-isem tas-sid. Il-persuni fuq ritorn għandhom ikunu infurmati dwar il-proċedura fir-rigward ta' oġġetti u flus li twarrbu;

[…]

3.   PROĊEDURA MATUL IT-TITJIRA

[…]

3.2.   L-Użu ta' miżuri ta' koerċizzjoni

Miżuri ta' koerċizzjoni għandhom jintużaw kif ġej:

(a)

miżuri ta' koerċizzjoni għandhom jiġu implimentati b'rispett dovut għad-drittijiet individwali tal-persuni fuq ritorn;

(b)

il-koerċizzjoni tista' tintuża fuq individwi li jirrifjutaw jew jirreżistu t-tneħħija. Il-miżuri kollha ta' koerċizzjoni għandhom ikunu proporzjonali u m'għandhomx jaqbżu forza raġjonevoli. Id-dinjità u l-integrità fiżika tal-persuna fuq ritorn għandhom jinżammu. B'konsegwenza, fil-każ ta' dubju, l-operazzjoni ta' tneħħija inkluża l-implimentazzjoni ta' koerċizzjoni legali bbażata fuq reżistenza u l-perikolu tal-persuna fuq ritorn għandhom jitwaqqfu skont il-prinċipju “ebda tneħħija affattu”;

(c)

l ebda miżuri ta' koerċizzjoni m'għandhom jikkompromettu jew jheddu l-kapaċità tal-persuna fuq ritorn li tieħu n-nifs b'mod normali. Fil-każ li tintuża forza ta' koerċizzjoni, għandu jiġi assigurat li s-sider tal-persuna fuq ritorn jibqa' fil-pożizzjoni dritta u li xejn ma jaffettwah jew jaffettwa lill-sidru sabiex tinżamm il-funzjoni respiratorja normali;

(d)

l-immobilizzazzjoni ta' persuni fuq ritorn li jimponu resistenza tista' tiġi miksuba permezz ta' limitazzjonijiet li ma jipperikolawx id-dinjità jew l-integrità fiżika tagħhom;

(e)

l-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru parteċipanti għandhom jaqblu dwar lista ta' limitazzjonijiet awtorizzati qabel l-operazzjoni ta' tneħħija. L-użu ta' sedativi għall-faċlitazzjoni tat-tneħħija huwa pprojbit mingħajr preġudizzju għal miżuri ta' emerġenza sabiex tiġi assigurata s-sigurtà fuq it-titjira;

(f)

l-iskorti kollha għandhom jiġu infurmati u jkunu magħmula konxji mil-limitazzjonijeit awtorizzati u pprojbiti;

(g)

persuni fuq ritorn illimitati għandhom jibqgħu taħt sorveljanza kostanti tul it-titjira;

(h)

id-deċiżjoni temporanja sabiex jitneħħa mezz ta' limitazzjoni għandha ssir mill-kap jew mill-kap deputat tal-operazzjoni ta' tneħħija.

3.3.   Persunal mediku u interpreti

L-arranġamenti fir-rigward ta' persunal mediku u interpreti għandhom ikunu kif ġej:

(a)

mill-inqas tabib mediku wieħed għandu jkun preżenti f'titjira konġunta;

(b)

it-tabib għandu jkollu aċċess għal kwalunkwe reġistri mediċi rilevanti u għandu jiġi infurmat qabel it-tluq dwar il-persuni fuq ritorn u għandu jiġi infurmat dwar persuni fuq ritorn b'dispożizzjonijiet mediċi partikolari. Dispożizzjonijiet mediċi preċedentement mhux magħrufa, li huma skoperti immedjatament qabel it-tluq u li jistgħu jaffettwaw l-applikazzjoni tat-tneħħija, għandhom jiġu vvalutati mal-awtoritajiet responsabbli;

(c)

tabib biss jista', wara dijanjosi medika preċiża, jamministra medikamenti lill-persuni fuq ritorn. Mediċina meħtieġa minn persuna fuq ritorn tul titjira għandha tinżamm abbord;

(d)

kull persuna fuq ritorn għandha tkun tista' tindirizza lit-tabib jew lil-iskorti direttament, jew permezz ta' interpretu f'lingwa li fiha hu jew hi jistgħu jesprimu ruħhom;

(e)

l-Istati Membri li jorganizzaw għandhom jassiguraw li hu disponibbli persunal approprjat mediku u tal-lingwa għall-operazzjoni ta' tneħħija.

3.4.   Dokumentazzjoni u monitoraġġ ta' operazzjoni ta' tneħħija

3.4.1.   Reġistrazzjoni u osservaturi minn partijiet terzi

Kwalunkwe reġistrazzjoni fuq vidjow u/jew awdjo jew monitoraġġ minn osservaturi ta' parti terza f'titjiriet konġunti għandhom ikunu suġġetti għal kunsens minn qabel bejn l-Istat Membru li jorganizza u l-Istati Membri parteċipanti.

[…]

5.   IL-FAŻI TAL-WASLA

Mal-wasla:

[…]

(c)

l-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru parteċipanti għandu jagħti lura il-persuni fuq ritorn, li għalihom huma responsabbli, lill-awtoritajiet tal-pajjiż destinatarju, bil-bagalji tagħhom u kwalunkwe oġġetti li ttieħdu qabel ma telgħu abbord. Ir-rappreżentanti prinċipali tal-Istati Membri li jorganizzaw u parteċipanti jkunu responsabbli sabiex jagħtu lura l-persuni fuq ritorn lill-awtoritajiet lokali mal-wasla. L-iskorti normalment ma jitilqux l-inġenju tal-ajru;

(d)

meta xieraq u prattiku, l-Istati Membri li jorganizzaw u parteċipanti għandhom jistiednu persunal konsulari, uffiċjali ta' koordinazzjoni ta' immigrazzjoni jew partijiet avvanzati tal-Istati Membri kkonċernati sabiex jiffaċilitaw il-handover tal-persuni fuq ritorn lill-awtoritajiet lokali sa fejn dan huwa konsistenti mal-prattiki u l-proċedura nazzjonali;

(e)

il-persuni fuq ritorn m'għandux ikollhom manetti jew kwalunkwe limitazzjoni oħra meta jingħataw lura lill-awtoritajiet lokali;

(f)

il-handover tal-persuni fuq ritorn għandu jsir barra l-inġenju ta' l-ajru (jew isfel mit-taraġ jew f'post adegwat tal-ajruport, kif ikkunsidrat xieraq). Sa fejn possibbli l-awtoritajiet lokali għandhom jinżammu milli jitilgħu abbord l-inġenju tal-ajru;

(g)

il-ħin imqatta' fl-ajruport ta' destinazzjoni għandu jinżamm għal minimu;

(h)

hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jorganizza u ta' kull Stat Membru parteċipanti li jkollhom stabbiliti arranġamenti ta' kontinġenza għal skorti u r-rappreżentanti tagħhom (u persuni fuq ritorn li l-ammissjoni mill-ġdid tagħhom ma kinitx permessa) fil-każ li t-tluq tal-inġenju tal-ajru jittardja wara l-iżbark tal-persuni fuq ritorn. Dawn l-arranġamenti għandhom jinkludu l-proviżjoni ta' akkomodazzjoni tul il-lejl, jekk neċessarju.

6.   IL-FALLIMENT TAL-OPERAZZJONI TA' TNEĦĦIJA

Fil-każ li l-awtoritajiet tal-pajjiż ta' destinazzjoni jirrifjutaw dħul fit-territorju, jew l-operazzjoni ta' tneħħija ikollha titħalla għal raġunijiet oħra, l-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru parteċipanti għandhom jieħdu responsabbiltà, a spejjeż proprji, għar-ritorn tal-persuni, li għalihom huma responsabbli, lejn it-territorji rispettivi tagħhom.

Aktar kjarifiki:

Fil-prinċipju, l-iskorta tal-persuni rimpatrijati mill-persunal ta' siġurtà tal-linja tal-ajru jew persunal estern mikri hija kompatibbli mal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Madankollu, l-Istati Membri għandhom responsabbiltà ġenerali għat-twettiq tal-operazzjoni ta' tneħħija (ħruġ ta' ordni ta' tneħħija u użu proporzjonat ta' miżuri ta' koerċizzjoni/skorta). It-Taqsima 1.2.3 tal-Linji gwida hawn fuq tistipula li: “Meta Stat Membru parteċipanti jagħmel użu minn skorti tas-settur privat, l-awtoritajiet ta' dak l-Istat Membru għandhom jipprovdu għal mill-inqas rappreżentant uffiċjali wieħed abbord it-titjira”. Jirriżulta li l-Istati Membri għandhom obbligu ġenerali li jkollhom rwol ta' superviżjoni fil-każijiet kollha fejn it-tneħħija ssir b'mod “esternalizzat” u li l-użu ta' persunal tas-sigurtà tal-linja tal-ajru għal finijiet ta' skorta mhuwiex eskluż, iżda jrid ikun awtorizzat u akkumpanjat minn tal-inqas uffiċjal wieħed ta' Stat Membru.

Operazzjonijiet ta' ritorn bi ġbir (awtoritajiet ta' pajjiżi terzi li jibagħtu ajruplan għall-UE għar-ripatrijazzjoni taħt is-superviżjoni tagħhom taċ-ċittadini tagħhom): L-Istati Membri għandhom responsabbiltà ġenerali għat-twettiq tal-operazzjoni ta' tneħħija sa meta t-trasferiment lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta' destinazzjoni jkun tlesta u l-inġenju tal-ajru jitlaq mit-territorju tal-UE. Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali kif ukoll użu proporzjonat tal-mezzi ta' limitazzjoni skont l-istandards komuni tal-UE stabbiliti hawn fuq għandhom, madankollu, jiġu żgurati tul l-operazzjoni kollha ta' tneħħija. Għal finijiet ta' superviżjoni, rappreżentant ta' Stat Membru għandu josserva l-fażi tat-tneħħija li ssir mill-pajjiż tad-destinazzjoni. Skont l-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (“ir-Regolament tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta”), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta tista' tipprovdi għajnuna fl-organizzazzjoni ta' operazzjonijiet ta' ritorn bi ġbir. Matul tali operazzjonijiet, l-Istati Membri parteċipanti u l-Aġenzija għandhom jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, il-prinċipju ta' non-refoulement kif ukoll l-użu proporzjonat ta' miżuri ta' koerċizzjoni. Għal dan il-għan, mill-anqas rappreżentant wieħed ta' Stat Membru li jieħu sehem fl-operazzjoni u l-monitoraġġ ta' ritorn furzat (jew minn Stat Membru parteċipanti jew mir-riżerva stabbilita skont l-Artikolu 29 tar-Regolament) għandu jkun preżenti abbord matul l-operazzjoni sħiħa sal-wasla fil-pajjiż destinatarju.

7.2.   Tranżitu bl-ajru

Bażi legali: Id-Direttiva Nru 2003/110/KE

Talba ta' tranżitu għall-finijiet ta' tneħħija bl-ajru: Anness għad-Direttiva 2003/110/KE

Lista ta' awtoritajiet ċentrali skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/110/KE għar-riċeviment ta' talbiet għal tranżitu (disponibbli bħala talba ad-hoc tal-EMN, ritorn, 2015 fuq is-sit web tal-EMN Europa)

Id-Direttiva 2003/110/KE tiddefinixxi miżuri dettaljati dwar l-assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-ajruporti tal-Istati Membri ta' tranżitu b'kunsiderazzjoni għat-tneħħija bl-ajru mhux skortata u dik skortata. Tistipula sett ta' regoli mmirati lejn l-iffaċilitar tat-tranżitu ta' persuni suġġetti għal tneħħija f'ajruport ta' Stat Membru għajr dak li jkun adotta u implimenta d-deċiżjoni ta' tneħħija. Għal dak il-għan, tiddefinixxi f'liema kundizzjonijiet jistgħu jsiru l-operazzjonijiet ta' tranżitu u tindika liema miżuri ta' assistenza l-Istat Membru mitlub għandu jipprovdi. It-talbiet għall-assistenza għandhom isiru permezz ta' formola standard, mehmuża mad-Direttiva 2003/110/KE. Dawn it-talbiet għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri, innominati għal dan il-għan.

7.3.   Operazzjonijiet ta' tneħħija konġunta bl-ajru

Bażi legali: Id-Deċiżjoni 2004/573/KE

Lista ta' awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-organizzazzjoni u/jew parteċipazzjoni f'titjiriet konġunti skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/573/KE (disponibbli bħala talba ad-hoc tal-EMN, ritorn, 2015, fuq is-sit web tal-EMN Europa).

Id-Deċiżjoni 2004/573/KE tindirizza b'mod partikolari l-identifikazzjoni ta' kompiti komuni u speċifiċi tal-awtoritajiet responsabbli mill-organizzazzjoni jew li jkunu qed jieħdu sehem f'dawn l-operazzjonijiet. Il-Linji Gwida komuni dwar id-dispożizzjonijiet għal tneħħija konġunta bl-ajru huma annessi ma' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill. Skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, dawn il-Linji Gwida għandhom jiġu kkunsidrati għal kull tneħħija bl-ajru, inklużi f'operazzjonijiet purament nazzjonali (ara t-taqsima 7.1).

7.4.   Operazzjonijiet ta' ritorn koordinati mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Bażi legali: Ir-Regolament (UE) 2016/1624— l-Artikolu 28

Wieħed mill-kompiti tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta huwa li tipprovdi — suġġetta għall-politika ta' ritorn tal-Unjoni u b'mod partikolari suġġetta għad-Direttiva dwar ir-Ritorn bħala parti prinċipali mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-ritorn — assistenza fl-organizzazzjoni u t-twettiq ta' operazzjonijiet ta' ritorn tal-Istati Membri. Ir-rwol tal-Aġenzija fi kwistjonijiet ta' ritorn u l-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali ssaħħaħ bir-Regolament tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-2016.

Hemm valur miżjud ċar fit-twettiq ta' operazzjonijiet ta' ritorn kkoordinati mill-Aġenzija u l-Istati Membri huma mħeġġin jagħmlu użu spiss minn din l-opzjoni.

Operazzjonijiet ta' ritorn koordinati mill-Aġenzija huma suġġetti għal monitoraġġ ta' ritorn (ara t-taqsima 8).

8.   MONITORAĠĠ TA' RITORN FURZAT

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 8(6)

Lista ta' korpi ta' monitoraġġ nazzjonali tar-ritorn furzat: talba ad-hoc tal-EMN, ritorn, 2015, fuq is-sit web tal-EMN Europa; ħarsa ġenerali mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (“FRA”) ta' korpi ta' monitoraġġ nazzjonali tar-ritorn furzat huwa disponibbli fuq: http://fra.europa.eu/en/theme/asylum-migration-borders/forced-return.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sistema ta' monitoraġġ effettiva għar-ritorn furzat.

Il-monitoraġġ tar-ritorn furzat huwa għodda importanti li tista' tissalvagwardja l-interessi kemm tal-persuna rimpatrijata kif ukoll tal-awtoritajiet ta' infurzar bħala mekkaniżmu ta' kontroll inkorporat għall-prattiki nazzjonali ta' ritorn ta' kuljum. Il-monitoraġġ effettiv jista' jgħin biex itaffi l-eskalazzjoni. Jippermetti l-identifikazzjoni mħaffa u l-korrezzjoni tan-nuqqasijiet possibbli. Jipproteġi wkoll lill-awtoritajiet ta' infurzar — li xi drabi jistgħu jkunu suġġetti għal kritika mhux ġustifikata mill-mezzi tax-xandir jew mill-NGOs — billi jipprovdu rappurtaġġ mingħajr preġudizzji u newtrali.

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn ma tippreskrivix fid-dettall kif għandhom ikunu s-sistemi ta' monitoraġġ tar-ritorn furzat. Id-Direttiva tħalli marġini ta' diskrezzjoni wiesa' lill-Istati Membri. Fuq il-bażi tat-test tad-Direttiva u l-kuntest tagħha, tista' tingħata xi orjentazzjoni:

(1)

il-monitoraġġ ta' ritorn furzat għandu jinftiehem li jkopri l-attivitajiet kollha mwettqin mill-Istati Membri fir-rigward tat-tneħħija — mit-tħejjija tat-tluq, sal-wasla fil-pajjiż ta' ritorn jew fil-każ ta' tneħħija li ma tirnexxix sar-ritorn fil-punt tat-tluq. Ma tkoprix il-monitoraġġ ta' wara r-ritorn, jiġifieri l-perjodu wara l-wasla tal-persuna rimpatrijata f'pajjiż terz;

(2)

is-sistemi ta' monitoraġġ għandhom jinkludu l-involviment ta' organizzazzjonijiet/korpi differenti u indipendenti mill-awtoritajiet li jinfurzaw ir-ritorn (“nemo monitor in res sua”);

(3)

il-korpi pubbliċi, bħall-Ombudsman nazzjonali jew korp ta' spezzjoni ġenerali indipendenti, jistgħu jaġixxu ta' osservatur. Madankollu, jidher li huwa problematiku li jiġi assenjat rwol ta' monitoraġġ lil sottotaqsima tal-istess amministrazzjoni li twettaq ukoll ir-ritorn/it-tneħħija;

(4)

is-sempliċi eżistenza ta' rimedji ġudizzjarji f'każijiet individwali jew sistemi nazzjonali ta' superviżjoni tal-effiċjenza tal-politiki nazzjonali ta' ritorn ma jistgħux jitqiesu bħala applikazzjoni valida tal-Artikolu 8(6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn;

(5)

ma jeżistix obbligu awtomatiku tal-Istati Membri li jiffinanzjaw l-ispejjeż kollha mġarrbin mill-osservatur (bħal spejjeż tal-persunal), iżda l-Istati Membri huma obbligati li — b'mod ġenerali — jimplimentaw monitoraġġ tar-ritorn furzat (“effet utile”);

(6)

l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn ma jimplikax obbligu li kull operazzjoni ta' tneħħija tiġi ssorveljata. Sistema ta' monitoraġġ ibbażata fuq verifiki għal għarrieda u monitoraġġ ta' kampjuni aleatorji, tista' titqies biżżejjed sakemm l-intensità tal-monitoraġġ tkun kważi biżżejjed biex tiggarantixxi effiċjenza ġenerali tal-monitoraġġ;

(7)

l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn ma jimplikax dritt suġġettiv li persuna rimpatrijata tiġi mmonitorjata.

Monitoraġġ ta' operazzjonijiet ta' ritorn koordinati mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta:

L-Artikolu 28(6) tar-Regolament tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jistabbilixxi li “Kull operazzjoni ta' ritorn għandha tkun monitorjata skont l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2008/115/KE […] abbażi ta' kriterji oġġettivi u trasparenti u għandha tkopri l-operazzjoni ta' ritorn kollha mill-fażi ta' qabel it-tluq sat-trasferiment tal-persuni ripatrijati fil-pajjiż terz ta' ritorn”. Dan ifisser li kull operazzjoni tar-ritorn furzat li tkun koordinata mill-Aġenzija u li tinvolvi tisħiħ tekniku u operazzjonali pprovduti minn Stat Membru wieħed jew aktar għandha tkun suġġetta għall-monitoraġġ skont ir-regoli nazzjonali u l-modalitajiet li jittrasponu l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

Bla ħsara għall-obbligi ta' rappurtar previsti mil-liġi nazzjonali, l-ispetturi tar-ritorn furzat għandhom jirrappurtaw wara kull operazzjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, lill-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri kollha li qed jieħdu sehem fl-operazzjoni.

9.   POSPONIMENT TAT-TNEĦĦIJA

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 9

1.

L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

(a)

meta hija tikser il-prinċipju ta' non-refoulement, jew

(b)

sakemm jingħata effett sospensiv skont l-Artikolu 13(2).

2.

L-Istati Membri jistgħu jipposponu t-tneħħija għal perjodu xieraq, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. L-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jieħdu kont ta':

(a)

l-istat fiżiku jew il-kapaċità mentali taċ-ċittadin tal-pajjiż terz;

(b)

raġunijiet tekniċi, bħan-nuqqas ta' kapaċità ta' trasport, jew jekk it-tneħħija ma sseħħx minħabba nuqqas ta' identifikazzjoni.

3.

Jekk tneħħija tiġi posposta kif previst fil-paragrafi 1 u 2, l-obbligi previsti fl-Artikolu 7(3) jistgħu jiġu imposti fuq iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat.

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn timponi żewġ interdizzjonijiet assoluti: L-Istati Membri ma jistgħux ineħħu persuna, jekk din tikser il-prinċipju ta' non-refoulement, u huma lanqas ma jistgħu iwettqu tneħħija sakemm effett ta' sospensjoni jkun ingħata għal appell pendenti.

F'każijiet oħrajn, l-Istati Membri jistgħu jipposponu t-tneħħija għal perjodu xieraq b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. Il-katalgu ta' raġunijiet possibbli huwa miftuħ u jippermetti lill-Istati Membri jirreaġixxu b'mod flessibbli għal ċirkostanzi ġodda jew li jiġu żvelati u li jiġġustifikaw il-posponiment tat-tneħħija. L-eżempji konkreti elenkati fid-Direttiva dwar ir-Ritorn (stat fiżiku jew mentali tal-persuna kkonċernata, raġunijiet tekniċi, bħalma huwa n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' faċilitajiet xierqa tat-trasport) huma eżempji indikattivi. L-Istati Membri jistgħu jkopru wkoll aktar każijiet fil-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni u/jew il-prattika amministrattiva tagħhom.

Aktar kjarifiki:

Id-differenza bejn it-terminu għat-tluq volontarju u posponiment ta' tneħħija: L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (tluq volontarju) jistipula “perjodu ta' grazzja” sabiex ikun hemm tluq organizzat u mħejji tajjeb; dan huwa marbut biss ma' dawk il-persuni rimpatrijati li jkunu mistennija jikkonformaw ma' deċiżjoni ta' ritorn. L-Artikolu 9 ta' dik id-Direttiva (posponiment ta' tneħħija) huwa marbut ma' dawk il-każijiet li fihom l-obbligu ta' ritorn għandu jiġi infurzat mill-Istat minħabba li t-tluq volontarju ma jkunx possibbli jew ma ngħatax.

Status legali fl-istennija ta' tneħħija posposta: fl-istennija tat-tneħħija sospiża tal-benefiċċji tal-persuna rimpatrijata mis-salvagwardji elenkati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (konferma bil-miktub ta' obbligu pospost ta' ritorn u xi salvagwardji bażiċi, bħall-aċċess għal kura tas-saħħa f'każ ta' emerġenza u trattament meħtieġ tal-marda, u għaqda familjari — ara t-taqsima 13 ta' dan il-Manwal). Madankollu, il-persuna rimpatrijata ma tkunx ikkunsidrata li qed tirrisjedi legalment fi Stat Membru, sakemm l-Istat Membru ma jiddeċidix — bl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn — li jagħti permess jew dritt ta' residenza legali liċ-ċittadin ta' pajjiż terz.

Għażla ta' residenza f'post speċifiku sakemm issir tneħħija posposta: L-Artikolu 9(3) jinkludi referenza espliċita għall-possibbiltajiet elenkati fl-Artikolu 7(3) għall-prevenzjoni ta' ħarba (ara t-taqsima 6.2), inkluża l-possibbiltà li jiġi impost obbligu li tirrisjedi f'post partikolari.

10.   RITORN TA' MINORENNI MHUX AKKUMPANJATI

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tapplika wkoll għal minorenni, inklużi l-minorenni mhux akkumpanjati u tistipula salvagwardji speċifiki li jridu jiġu rrispettati mill-Istati Membri f'dan ir-rigward. Dawn is-salvagwardji għalhekk japplikaw għal kull individwu taħt l-età ta' tmintax-il sena (jiġifieri minorenni) li jasal fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkumpanjat minn adult responsabbli għalih jew għaliha u sakemm il-minuri ma jitteħidx effettivament fir-responsabbiltà ta' tali persuna (inklużi minorenni li tħalla mhux akkompanjat wara d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri). F'ċerti Stati Membri adoloxxenti ta' inqas minn 18-il sena huma awtorizzati li jieħdu deċiżjonijiet għalihom infushom fil-proċeduri ta' ritorn (u tal-ażil); madankollu, is-salvagwardji tad-Direttiva dwar ir-Ritorn huma vinkolanti fuq l-Istati Membri fir-rigward ta' kull minorenni sal-età ta' 18-il sena.

Soluzzjonijiet dejjiema huma kruċjali sabiex jipprovdu lit-tfal kollha b'ċertu normalità u stabbiltà fit-tul. Ir-ritorn ta' minorenni mhux akkumpanjati huwa biss għażla waħda għal soluzzjoni fit-tul għall-minorenni mhux akkumpanjati u kull azzjoni tal-Istati Membri għandha tqis bħala kunsiderazzjoni prinċipali l-aħjar interessi tat-tfal. Qabel ma jiġi deċiż ir-ritorn ta' minorenni mhux akkumpanjat, u skont l-Artikolu 12(2) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (50), il-minorenni kkonċernati għandhom jinstemgħu, jew direttament jew permezz ta' rappreżentant jew organu xieraq, u valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal għandha dejjem titwettaq fuq bażi individwali, inkluż fuq il-ħtiġijiet partikolari, is-sitwazzjoni attwali tal-familja u l-kundizzjonijiet ta' akkoljenza fil-pajjiż tar-ritorn. Tali valutazzjoni għandha teżamina b'mod sistematiku jekk ir-ritorn lejn il-pajjiż ta' oriġini, inkluż ir-riunifikazzjoni mal-familja, huwiex fl-aħjar interess tal-minorenni.

Il-valutazzjoni għandha titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti abbażi ta' approċċ multidixxiplinari, li jinvolvi l-kustodju maħtur tal-minorenni u/jew l-awtorità kompetenti għall-protezzjoni tat-tfal. L-Istati Membri għandhom ukoll iwettqu valutazzjoni ulterjuri perjodika tal-aħjar interessi tat-tfal fid-dawl tal-iżviluppi tal-każ individwali.

L-Istati Membri huma mħeġġin jikkunsidraw il-gwida interpretattiva u operazzjonali pprovduta mil-linji gwida konġunti tal-UNHCR-UNICEF dwar id-determinazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal (51), il-Kumment Ġenerali Nru 14 tal-Kumitat tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja (52), il-linji gwida tal-UNHCR li jistabbilixxu l-Aħjar Interessi tal-Minuri (53) u l-Manwal tal-Qasam dwar l-Implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UNHCR tal-Istabbiliment tal-Aħjar Interessi (54).

Id-dritt tal-minorenni li jinstema' f'proċedimenti ta' ritorn li jinvolvihom jew jaffettwahom huwa parti integrali ta' kwalunkwe valutazzjoni tal-aħjar interessi (ara l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal) u għandu jiġi rispettat bħala dritt fundamentali rikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE, minqux fis-CFR. Jinkludi li jingħata piż xieraq għall-opinjonijiet tal-minorenni, li jiġi kkunsidrat l-età u l-maturità tagħhom u kwalunkwe diffikultà ta' komunikazzjoni li jista' jkollhom sabiex il-parteċipazzjoni tagħhom tkun sinifikanti, u r-rispett għad-dritt tal-minorenni li jesprimu ruħhom b'mod liberu (għal aktar gwida, ara t-taqsima 12.1).

Definizzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjat: id-Direttiva dwar ir-Ritorn innifisha ma tiddefinixxix it-terminu minorenni mhux akkumpanjat. B'kont meħud li l-minorenni mhux akkumpanjati f'ħafna każijiet huma jew kienu dawk li jfittxu l-ażil, huwa rakkomandat li tintuża d-definizzjoni mogħtija fl-aktar direttivi riċenti dwar l-ażil, b'mod partikolari l-Artikolu 2(e) mir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza: “minorenni li jasal fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkumpanjat minn adult responsabbli għalih/għaliha kemm jekk bil-liġi jew bil-prassi tal-Istat Membru kkonċernat u għaż-żmien sakemm ma jittiħdux effettivament fir-responsabbiltà ta' persuna tali; din tinkludi persuna minorenni li titħalla mhux akkumpanjata wara li tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri”.

Iż-żamma milli joħorġu deċiżjonijiet ta' ritorn għal minorenni mhux akkumpanjati: L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn tippermetti b'mod ċar lill-Istati Membri li jagħtu, fi kwalunkwe mument, awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu skont il-liġi nazzjonali għal ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali. Din ir-regola ġenerali tapplika wkoll għal minorenni. Għalhekk, l-Istati Membri li ma jirritornawx/ineħħu minorenni ta' pajjiżi terzi b'residenza irregolari fit-territorju tagħhom, jew huma mrażżna milli jneħħu lill-minuri mhux akkumpanjat ibbażata fuq valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, ikunu ħielsa li jagħtu awtorizzazzjoni jew dritt ta' permanenza (pereżempju permess temporanju għal permanenza sal-età ta' 18-il sena).

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn tobbliga lill-Istat Membru li juża “A” (jagħti permess jew dritt legali għal soġġorn) jew “B” (iwettaq proċeduri ta' ritorn) (ara t-taqsima 5). L-Istati Membri għandhom għalhekk jistabbilixxu regoli ċari dwar l-istatus legali ta' minorenni mhux akkumpanjati li jippermettu, jew il-ħruġ ta' deċiżjonijiet ta' ritorn u t-twettiq ta' ritorni, jew li jagħtuhom dritt ta' soġġorn f'konformità mal-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jippruvaw jiżguraw id-disponibbiltà ta' proċeduri ta' determinazzjoni tal-istatus għal dawk il-minorenni mhux akkumpanjati li mhumiex ritornati. Dan huwa approċċ sempliċi li huwa mmirat li jnaqqas l-“inċertezzi” u jtejjeb iċ-ċertezza legali għal dawk kollha involuti. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, sabiex tkun kompatibbli mad-Direttiva dwar ir-Ritorn, is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fi Stati Membri li, wara valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, ma jirritornawx jew ma jneħħux minorenni ta' pajjiżi terzi, għandhom ikunu inkwadrati f'termini ġuridiċi bħala waħda li jew tagħti permess (temporanja) jew dritt ta' permanenza (pereżempju sakemm jilħqu l-età ta' 18-il sena) b'applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) ta' din id-Direttiva, jew il-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn u l-posponiment tat-tneħħija skont l-Artikoli 6 u 9 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

10.1.   Assistenza mill-korpi xierqa

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 10(1)

Qabel jiġi deċiż li jinħarġu deċiżjonijiet ta' ritorn fir-rigward ta' minuri mhux akkumpanjati, għandha tingħata assistenza minn korpi xierqa oħra apparti l-awtoritajiet li jinfurzaw it-tneħħija b'kunsiderazzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal.

Tfakkira/spjegazzjoni storika: L-Artikolu 10(1) ma kienx inkluż fil-proposta tal-Kummissjoni. Dan kien iddaħħal fit-test tul in-negozjati u kien direttament ispirat mil-Linja Gwida 2(5) tal-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa “Twenty Guidelines on forced return” (“Għoxrin Linja Gwida dwar Ritorn Furzat”) (55), dwar ir-ritorn furzat li tistipula li: “Qabel jiġi deċiż li tinħareġ ordni ta' tneħħija fir-rigward ta' tfal mifrudin, għandha tingħata assistenza — partikolarment dik legali — b'kunsiderazzjoni xierqa mogħtija lill-aħjar interessi tat-tfal”.

In-natura tal-“korpi xierqa”: il-“korp xieraq” għandu jkun separat mill-awtorità ta' infurzar u jista' jkun korp governattiv (possibbilment servizz separat fi ħdan l-istess ministeru) jew istituzzjoni mhux governattiva jew inkella taħlita taż-żewġ sistemi, li jipprovdi kooperazzjoni multidixxiplinari bejn sistemi ta' kustodji jew tuturi appoġġjati mill-gvern jew mhux governattivi u/jew korpi għall-ħarsien tat-tfal. Il-korpi responsabbli għall-kura u l-ħarsien tat-tfal għandhom ikunu konformi mal-istandards stabbiliti fl-oqsma tas-sikurezza, is-saħħa, l-adegwatezza tal-persunal u s-superviżjoni kompetenti. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet differenti tal-atturi jridu jkunu ċari u trasparenti, partikolarment għall-minorenni mhux akkumpanjat biex ikun hemm involviment attiv tiegħu/tagħha u parteċipazzjoni effettiva dwar il-fatti li jikkonċernawh/a.

In-natura tal-“assistenza”: l-assistenza għandha tkopri l-assistenza legali, iżda ma għandhiex tkun limitata għaliha biss. Għandhom jiġu indirizzati aspetti oħrajn imsemmijin b'mod espliċitu mid-Direttiva dwar ir-Ritorn — bħall-għoti ta' assistenza medika neċessarja u l-kura tas-saħħa, il-kuntatt mal-familja, l-aċċess għal edukazzjoni bażika —, eċċ, biex ikomplu jiġu rrealizzati d-drittijiet tat-tfal, kif inhu stipulat fil-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal tan-NU. Għandha tingħata enfasi speċifika għall-bżonn ta' diskussjoni mal-minorenni minn qabel u matul kull proċess u proċedura, kif ukoll id-deċiżjonijiet kollha li jaffettwaw lill-minorenni. Hemm bżonn li l-minorenni jiġu infurmati, b'mod li jkun adatt għat-tfal u skont l-età u l-kuntest, dwar id-drittijiet tagħhom, dwar il-proċeduri u dwar is-servizzi disponibbli għall-protezzjoni tagħhom.

Iż-żmien tal-“assistenza”: l-assistenza minn korpi xierqa għandha tibda fl-aktar stadju bikri possibbli, u din għandha tibda qabel il-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn. Dan jimplika valutazzjoni tal-età f'waqtha abbażi tal-benefiċċju tad-dubju. L-assistenza għandha tkun proċess kontinwu u stabbli, inkluża l-fażi ta' ritorn. Tista' tkopri wkoll il-fażi ta' wara r-ritorn biex jiġi żgurat segwitu xieraq tar-ritorn. Jekk ikun hemm bżonn, għandu jinkiseb trasferiment tat-tutela mill-Istat Membru għall-pajjiż tar-ritorn skont l-Artikolu 10(2) tad-direttiva dwar ir-Ritorn.

Valutazzjoni tal-età: id-Direttiva dwar ir-Ritorn ma tistipulax dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-età. Fuq il-bażi ta' interpretazzjoni sistematika tal-acquis tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, il-Kummissjoni tirrakkomanda li ssir referenza għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25(5) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, kif ukoll li jiġu kkunsidrati d-dokumenti relatati mfasslin mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (56).

Assistenza kontinwa fil-proċeduri tal-ażil u ta' ritorn: Għalkemm il-bażi ġuridika bejn it-tutela mogħtija lill-persuni li jfittxu ażil u l-“assistenza” meħtieġa għal minorenni/tfal mhux akkumpanjati fil-proċess ta' ritorn huma differenti, jeżistu rabtiet mill-qrib bejn ir-rekwiżiti stipulati fl-acquis tal-ażil u fid-Direttiva dwar ir-Ritorn u għandu jkun hemm kontinwità tal-assistenza fi proċeduri ta' azil u ta' ritorn.

Is-sempliċi forniment ta' tutela mhuwiex biżżejjed biex ikun hemm konformità mal-obbligu li tingħata assistenza lill-minorenni, peress li l-“assistenza minn korpi xierqa” tfisser aktar minn sempliċi tutela.

10.2.   Ritorn għand membru tal-familja, kustodju magħżul jew faċilitajiet xierqa ta' akkoljenza

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 10(2)

Qabel ma jneħħu minuri mhux akkumpanjat mit-territorju ta' Stat Membru, l-awtoritajiet ta' dak l-Istat Membru għandhom ikunu sodisfatti li dawn ser jirritornaw għand

membru tal-familja tagħhom,

tutur maħtur jew

faċilitazzjonijiet ta' lqugħ adegwati fl-Istat tar-ritorn.

Fost l-opzjonijiet stipulati mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, huwa rakkomandat li r-ritorn għand il-membri tal-familja jingħata preferenza, sakemm ma jkunx evidenti li dan ma jkunx fl-aħjar interess tat-tfal. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jistabbilixxu l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna minorenni mhux akkumpanjat u biex jittraċċaw lill-membri tal-familja.. Ir-ritorn għand tutur jew faċilità adegwata ta' akkoljenza jista' jkun alternattiva aċċettabbli taħt ċerti kundizzjonijiet.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri xierqa ta' integrazzjoni mill-ġdid mmirati lejn il-minorenni mhux akkumpanjati li jirritornaw lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom, u jiġi żgurat aċċess fil-pront għal miżuri bħal dawn kemm qabel it-tluq u wara l-wasla tagħhom fil-pajjiż terz tar-ritorn.

Aktar kjarifiki:

Traċċar tal-familja: L-Istati Membri għandhom iniedu proċeduri għat-traċċar mal-ġenituri jew membri tal-familja ta' minorenni mhux akkumpanjati kemm jista' jkun malajr, li jinvolvi t-tutur magħżul u/jew persuna responsabbli għall-protezzjoni tat-tfal. Sabiex jiġi ffaċilitat it-traċċar tal-familji kif ukoll għall-identifikazzjoni ta' tutur jew faċilità adegwata fid-dawl tar-ritorn, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu miżuri biex jaħdmu f'kooperazzjoni ma' servizzi konsulari, uffiċjali ta' kollegament, korpi għall-protezzjoni tat-tfal, organizzazzjonijiet u NGOs internazzjonali fil-pajjiż tar-ritorn, permezz tal-użu sħiħ tal-kanali eżistenti ta' kooperazzjoni transfruntiera.

It-tluq volontarju ta' minorenni: fil-prinċipju, l-Artikolu 10(2) japplika biss għal sitwazzjonijiet li fihom il-minorenni jitneħħew u mhux f'sitwazzjonijiet li fihom il-minorenni jħallu l-Istat Membru b'mod volontarju. B'kunsiderazzjoni tal-obbligu tal-Istat Membru li jirriżulta mir-rekwiżit li jiġu rrispettati l-aħjar interessi tat-tfal, huwa rakkommandat li jiġu vvalutati wkoll is-sitwazzjoni tal-familja u s-sitwazzjoni u l-kundizzjonijiet ta' akkoljenza fil-pajjiż konkret tar-ritorn f'każijiet ta' tluq volontarju.

L-adegwatezza tal-faċilitajiet ta' akkoljenza fil-pajjiż ta' ritorn jeħtieġ li tiġi vvalutata fuq bażi ta' każ b'każ, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi individwali u l-età tal-minorenni rritornat. Is-sempliċi akkoljenza mill-pulizija tal-fruntiera fil-pajjiż ta' ritorn mingħajr il-miżuri ta' segwitu neċessarji jew il-miżuri ta' akkumpanjament ma tistax titqies bħala “akkoljenza xierqa”. Stat Membru għandu jagħti attenzjoni partikolari għal disponibbiltà ta' akkomodazzjoni xierqa, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u tal-edukazzjoni fil-pajjiż tar-ritorn. L-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u huma mħeġġa biex jissodisfaw l-Linji Gwida tan-NU għall-kura alternattiva tat-tfal (57).

11.   PROJBIZZJONIJIET FUQ ID-DĦUL

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn, l-Artikolu 3(6) u l-Artikolu 11

“Projbizzjoni fuq id-dħul” tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri għal perjodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta' ritorn.

Deċiżjonijiet ta' ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

(a)

jekk ma jkun ingħata l-ebda perjodu għat-tluq volontarju, jew

(b)

jekk l-obbligu ta' ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F'każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta' ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

Il-perjodu tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b'kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista' madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun ta' theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

Il-projbizzjonijiet fuq id-dħul relatati mad-Direttiva dwar ir-Ritorn huma maħsubin li jkollhom effetti preventivi u li jrawmu kredibbiltà fil-politika ta' ritorn tal-Unjoni billi jibagħtu messaġġ ċar li dawk li jinjoraw ir-regoli tal-migrazzjoni fl-Istati Membri tal-UE mhux ser jitħallew jerġgħu jidħlu fi Stat Membru tal-UE għal perjodu speċifikat.

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tobbliga lill-Istati Membri joħorġu projbizzjoni fuq id-dħul f'żewġ każijiet “kwalifikati”: (i) l-ebda perjodu għal tluq volontarju mogħti u (ii) l-obbligu ta' ritorn ma jkunux ġie osservat.

Fil-każijiet l-oħrajn kollha, deċiżjonijiet ta' ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b'kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali. Fil-prinċipju dan ma għandux jaqbeż il-ħames snin. F'każijiet ta' theddida serja għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, il-projbizzjonijiet fuq id-dħul jistgħu jinħarġu għal perjodu ta' żmien itwal.

Ir-regoli dwar il-projbizzjonijiet fuq id-dħul relatati mar-ritorn skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn ma jaffettwawx il-projbizzjonijiet fuq id-dħul maħruġin għal skopijiet mhux marbutin mal-migrazzjoni, bħal projbizzjonijiet fuq id-dħul relatati ma' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu wettqu reati serji jew li għalihom hemm indikazzjoni ċara li hemm intenzjoni li jsir tali reat (ara l-Artikolu 24(2) ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (58) (“ir-Regolament SIS II”)) jew projbizzjonijiet fuq id-dħul li jikkostitwixxu miżura restrittiva adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE, inklużi miżuri li jimplimentaw projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar maħruġin mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

11.1.   Effett mifrux mal-UE

Projbizzjoni fuq id-dħul tipprojbixxi d-dħul fit-territorju kollu tal-Istati Membri: il-kliem tal-premessa 14 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u tqabbil sistematiku tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-Direttiva (b'mod partikolari t-testi bl-Ingliż u bil-Franċiż) jagħmluha ċara li projbizzjoni fuq id-dħul tipprojbixxi d-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri kollha. Il-verżjoni Daniża, li tuża s-singular (“ophold på en medlemsstats”), għandha żball ta' traduzzjoni evidenti. L-effett mifrux mal-UE kollha tal-projbizzjoni fuq id-dħul huwa wieħed mill-valuri miżjudin ewlenin Ewropej tad-Direttiva. L-effett mifrux mal-UE ta' projbizzjoni fuq id-dħul għandu jkun indikat b'mod ċar fid-deċiżjoni ta' projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa lil ċittadin ta' pajjiż terz.

Projbizzjonijiet ta' dħul huma vinkolanti fuq l-Istati Membri kollha bid-Direttiva dwar ir-Ritorn, jiġifieri l-Istati Membri kollha (minbarra r-Renju Unit u l-Irlanda), kif ukoll il-pajjiżi Assoċjati ta' Schengen (l-Iżvizzera, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein).

Informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn dwar projbizzjonijiet fuq id-dħul maħruġin: huwa essenzjali li l-Istati Membri l-oħrajn jiġu infurmati dwar il-projbizzjonijiet fuq id-dħul kollha li jkunu nħarġu. Li jiddaħħal allert dwar projbizzjoni fuq id-dħul fl-SIS fl-applikazzjoni tal-Artikolu 24(3) tar-Regolament SIS II jikkostitwixxi l-mezz determinanti prinċipali — iżda dak esklussiv — kif jiġu infurmati l-Istati Membri l-oħrajn dwar l-eżistenza ta' projbizzjoni ta' dħul u biex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tagħhom. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li allerti fuq il-projbizzjoni fuq id-dħul ikunu sistematikament mdaħħla fis-SIS. Fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li ma għandhomx aċċess għas-SIS, l-iskambju tal-informazzjoni jista' jsir permezz ta' mezzi oħrajn (pereżempju kuntatti bilaterali).

Ebda projbizzjonijiet fuq id-dħul purament nazzjonali: mhuwiex kompatibbli mad-Direttiva dwar ir-Ritorn li jinħarġu projbizzjonijiet fuq id-dħul purament nazzjonali marbutin mal-migrazzjoni. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali trid tipprevedi li l-projbizzjonijiet fuq id-dħul maħruġin b'rabta ma' deċiżjonijiet ta' ritorn jipprojbixxu d-dħul u l-permanenza fl-Istati Membri kollha, pereż. billi tpoġġi obbligu li dawn il-projbizzjonijiet fuq id-dħul kollha jiddaħħlu sistematikament fis-SIS. Madankollu, fil-każ ta' ċittadin ta' pajjiż terz soġġett għal projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa minn Stat Membru A li jinħariġlu permess ta' residenza minn Stat Membru B, fejn Stat Membru B ma jkunx irid jirrevoka dan il-permess, u wara konsultazzjoni tal-Artikolu 25 SIC imsemmija fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, Stat Membru A għandu jirtira l-projbizzjoni fuq id-dħul fl-UE kollha, iżda jista' jpoġġi liċ-ċittadin tal-pajjiż terz fuq il-lista nazzjonali tiegħu ta' twissijiet skont l-Artikolu 25(2), l-aħħar sentenza SIC (lex specialis) (ara wkoll l-Artikolu 11.8).

11.2.   Użu tas-SIS II

Reġistrazzjoni tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul fis-SIS: Skont leġiżlazzjoni applikabli attwalment l-Istati Membri jistgħu jirreġistraw allerti relatati ma' projbizzjonijiet ta' dħul maħruġa skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn fis-SIS, iżda mhumiex obbligati jagħmlu hekk. Madankollu, sabiex jingħata effett sħiħ lid-dimensjoni Ewropea ta' projbizzjonijiet ta' dħul maħruġa skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn, l-Istati Membri għandhom jagħmlu hekk b'mod sistematiku.

Ir-rabta bejn ir-reviżjoni ta' kull tliet snin tat-twissijiet imdaħħlin fis-SIS (skont l-Artikolu 112 SIC u l-Artikolu 29 tar-Regolament dwar is-SIS II) u t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul iffissat skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn: ir-reviżjoni tat-twissijiet imdaħħlin fis-SIS hija rekwiżit proċedurali mmirat sabiex jiżgura li t-twissijiet jinżammu biss għaż-żmien meħtieġ sabiex jintlaħaq l-iskop li għalihom ikunu ddaħħlu. Dan ma jħallix impatt fuq id-deċiżjoni sostantiva tal-Istati Membri sabiex jistabbilixxu t-tul ta' projbizzjoni fuq id-dħul skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Jekk fil-mument tar-reviżjoni ta' kull tliet snin, projbizzjoni imposta taħt id-Direttiva dwar ir-Ritorn tkun għadha fis-seħħ (pereżempju l-projbizzjoni kienet imposta għal perjodu ta' ħames snin u ma kinitx irtirata sadanittant), l-Istati Membri jistgħu jżommu t-twissija fis-SIS għall-perjodu ta' sentejn li jifdal jekk it-twissija tkun għadha neċessarja fid-dawl tal-kriterji ta' valutazzjoni applikabbli (b'mod partikolari, l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn moqri flimkien mal-Artikolu 112(4) SIC jew l-Artikolu 29(4) tar-Regolament SIS II.

11.3.   Kwistjonijiet proċedurali

Il-ħruġ ta' projbizzjonijiet fuq id-dħul mat-tluq mal-fruntieri fi proċedura in absentia (pereż. f'każijiet ta' persuni b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta li jippreżentaw irwieħhom fil-kontroll tal-fruntieri fl-ajruport ftit qabel it-tluq): xejn ma jżomm lill-Istati Membri milli jniedu proċedura ta' ritorn meta jkunu qed jiġbru tagħrif dwar permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta u milli joħorġu deċiżjoni ta' ritorn (ara l-Artikolu 5.1) flimkien ma' projbizzjoni fuq id-dħul fi proċedura in absentia jekk:

(1)

il-liġi amministrattiva nazzjonali tipprovdi għall-possibbiltà ta' proċeduri in absentia; kif ukoll

(2)

dawn il-proċeduri nazzjonali huma f'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u mad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-KDF, u b'mod partikolari d-dritt għal smigħ u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust.

Il-ħruġ ta' projbizzjoni fuq id-dħul lil persuni rimpatrijati li ma jkunux imxew b'konformità mal-obbligu ta' ritorn fi żmien il-perjodu ta' tluq volontarju fil-mument tat-tluq: projbizzjoni fuq id-dħul għandha tiġi imposta fi stadju aktar tard (pereż. mat-tluq) bħala element anċillari u sussegwenti ta' deċiżjoni ta' ritorn li diġà tkun inħarġet jekk il-persuna rimpatrijata ma tkunx imxiet b'konformità mal-obbligu ta' ritorn, fi ħdan it-terminu għat-tluq volontarju.

Preżenza f'territorju ta' Stat Membru: soġġorn illegali fuq it-territorju tiegħu huwa prerekwiżit essenzjali għal ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn u projbizzjoni ta' dħul akkumpanjanti. Stat Membru ma jistax joħroġ deċiżjoni ta' ritorn u projbizzjoni ta' dħul akkumpanjanti lil persuni li mhumiex joqgħodu fit-territorju tiegħu. F'sitwazzjoni li fiha persuna tkun ħarbet (pereżempju wara li tirċievi deċiżjoni negattiva dwar applikazzjoni għall-ażil) iżda li fiha wieħed xorta jista' jkun supponut li qiegħed fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, deċiżjoni ta' ritorn (inkluża projbizzjoni fuq id-dħul) tista' tiġi adottata fi proċedura in absentia skont il-liġi nazzjonali.

Residenza illegali fl-imgħoddi: L-Istati Membri ma jistgħux joħorġu deċiżjoni ta' ritorn u projbizzjoni fuq id-dħul magħha f'konformità mad-Direttiva dwar ir-Ritorn lil persuni li ma jkunux preżenti fit-territorju tagħhom, inkluż ċittadini ta' pajjiż terz li qabel (fl-imgħoddi) ikunu rresjedew illegalment u li rritornaw f'pajjiż terz qabel ma ġiet skopruta r-residenza irregolari tagħhom. Jekk tali persuni jidħlu mill-ġdid fi Stat Membru u jiġu adottati miżuri skont id-Direttiva ta' Ritorn (deċiżjoni ta' ritorn, projbizzjoni ta' dħul), is-soġġorn(i) illegali preċedenti jitqiesu bħala ċirkostanza aggravanti meta jiġi determinat it-tul tal-projbizzjoni ta' dħul. Soġġorni illegali preċedenti fi Stati Membri oħra jistgħu wkoll jitqiesu bħala ċirkostanza aggravanti meta jiġi determinat it-tul ta' projbizzjoni ta' dħul.

11.4.   Raġunijiet għall-ħruġ ta' projbizzjonijiet fuq id-dħul

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tobbliga lill-Istati Membri joħorġu projbizzjoni fuq id-dħul f'żewġ każijiet “kwalifikati”:

(1)

ma jkun ingħata l-ebda perjodu ta' tluq volontarju, jew

(2)

l-obbligu ta' ritorn ma jkunx ġie ssodisfat.

Fil-każijiet kollha l-oħrajn (id-deċiżjonijiet kollha ta' ritorn adottati skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn li ma jaqgħux taħt iż-żewġ każijiet “kwalifikati”) id-deċiżjonijiet ta' ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul. Dan jimplika li projbizzjoni fuq id-dħul tista' tiġi prevista wkoll anke jekk il-persuna tkun telqet fuq deċiżjoni tagħha. Madankollu, l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni f'dan ir-rigward u huma mħeġġin jeżerċitaw din id-diskezzjoni b'tali mod li jħeġġeġ it-tluq volontarju.

11.5.   Tul tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul

It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva dwar ir-Ritorn b'kunsiderazzjoni xierqa għaċ-ċirkostanzi relevanti kollha tal-każ individwali. Meta jiġi stabbilit it-tul ta' projbizzjoni fuq id-dħul, għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari liċ-ċirkostanzi aggravanti jew mitiganti li jkunu magħrufin għall-awtorità emittenti, bħal jekk:

iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikunx diġà ġie soġġett, fl-imgħoddi, għal deċiżjoni ta' ritorn jew ordni ta' tneħħija;

iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikunx diġà rċieva, fl-imgħoddi, assistenza għat-tluq volontarju u/jew riintegrazzjoni;

iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikunx daħal mingħajr awtorizzazzjoni fit-territorju ta' Stat Membru filwaqt li projbizzjoni fuq id-dħul kienet għadha fis-seħħ;

iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikunx ikoopera jew weriex li mhuwiex lest jikkoopera fil-proċedura ta' ritorn;

iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikunx wera r-rieda li jitlaq b'mod volontarju.

Bħala regola ġenerali, it-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul ma għandux jaqbeż il-ħames snin. Meta jiġi stabbilit it-tul konkret ta' projbizzjoni fuq id-dħul, l-Istati Membri huma marbutin li jwettqu eżami individwali taċ-ċirkostanzi relevanti kollha u li jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Stat Membru jista' jipprevedi skadenzi ta' żmien differenti għal kategoriji ta' każijiet tipiċi, bħal tliet snin bħala regola ġenerali standard, ħames snin f'ċirkostanzi aggravanti (pereżempju ksur ripetut tal-liġi tal-migrazzjoni) u sena f'ċirkostanzi mitiganti (pereżempju ksur imwettaq minħabba negliġenza biss) bħala gwida ġenerali għall-amministrazzjoni tiegħu, iżda għandu jiġi żgurat li kull każ jiġi evalwat b'mod individwali skont il-prinċipju ta' proporzjonalità. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw fil-liġijiet nazzjonali jew fir-regolamenti amministrattivi tagħhom, il-kriterji ġenerali li jkunu ser jiġu kkunsidrati biex b'mod individwali jiġi ddeterminat it-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

Theddida serja għall-politika pubblika, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali: f'każijiet ta' theddida serja għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, il-projbizzjonijiet fuq id-dħul jistgħu jinħarġu għal perjodu itwal minn ħames snin. Il-fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri biex theddida bħal din tiġi ddeterminata jistgħu jinkludu offiżi kriminali kif ukoll offiżi amministrattivi serji (pereżempju użu ripetut ta' dokumenti ta' identità foloz, ksur ripetut u intenzjonali tal-liġi ta' migrazzjoni). Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma jista' jitqies li awtomatikament u per se jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku: L-Istati Membri dejjem huma marbutin sabiex janalizzaw individwalment iċ-ċirkostanzi relevanti kollha u jirrispettaw il-prinċipju ta' proporzjonalità.

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn ma tagħtix definizzjoni tat-tifsira eżatta ta' dan it-terminu u l-każistika tal-QtĠ dwar l-użu ta' dan it-terminu f'direttivi oħrajn dwar il-migrazzjoni u fil-kuntest tal-moviment liberu ma tapplikax b'mod dirett fil-kuntest tad-Direttiva dwar ir-Ritorn peress li l-kwistjonijiet involuti u l-kuntest huma differenti. Madankollu, ċerti kunsiderazzjonijiet inklużi fil-każistika tal-QtĠ (partikolarment dwar il-kunċetti orizzontali bħall-proporzjonalità u l-effet utile tad-direttivi) jistgħu jipprovdu ċerta gwida: fit-Taqsima 3 tal-Komunikazzjoni dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri  (59), il-Kummissjoni stabbilixxiet gwida ddettaljata marbuta mal-interpretazzjoni tal-idea ta' politika pubblika u sigurtà pubblika fil-kuntest tal-moviment liberu. Barra minn hekk, informazzjoni kumparattiva dwar l-interpretazzjonijiet mogħtija lil dan it-terminu mill-Istati Membri fil-kuntest tal-migrazzjoni tista' tinsilet mir-riżultati tal-mistoqsija ad-hoc tal-EMN (140) dwar il-fehim tal-kunċetti ta' “politika pubblika” u “sigurtà pubblika”. Fil-paragrafu 48 tas-sentenza tagħha fil-Kawża C-554/13, Zh. u O., li trattat il-kunċett ta' “politika pubblika” fil-kuntest tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (ara t-taqsima 6.3), il-QtĠ-UE kkonfermat b'mod ċar li jistgħu jsiru analoġiji mal-każistika tagħha dwar id-Direttiva 2004/38/KE (sentenza tal-QtĠ-UE fil-Kawża C-430/10, Gaydarov  (60), para. 32).

It-tul tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul minħabba l-ordni pubbliku: it-tul tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul minħabba l-ordni pubbliku jeħtieġ li jiġi evalwat b'mod individwali, b'kunsiderazzjoni ta' kemm ikunu gravi r-reati mwettqin miċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, ir-riskji marbutin mal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali u s-sitwazzjoni individwali tal-persuni kkonċernati. Il-prinċipju ta' proporzjonalità dejjem irid ikun rispettat. Ħruġ sistematiku ta' projbizzjonijiet fuq id-dħul għal dejjem fil-każijiet kollha marbutin mal-ordni pubbliku bla ma ma tittieħed kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ individwali (pereżempju l-gravità tar-reati, riskji) imur kontra d-Direttiva. Stat Membrujista' jipprevedi skandenzi varji għal kategoriji ta' każijiet tipiċi, bħal 10 snin bħala regola ġenerali standard għall-każijiet marbutin mal-ordni pubbliku u 20 sena f'ċirkostanzi partikolarment serji. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà li tiġi rieżaminata deċiżjoni ta' projbizzjoni ta' dħul, b'mod partikolari l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikawha, jew ex officio jew wara applikazzjoni mill-persuna kkonċernata.

Aktar kjarifiki:

 

Ebda projbizzjoni fuq id-dħul bla limitu: it-tul tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul huwa element prinċipali tad-deċiżjoni ta' projbizzjoni fuq id-dħul. Dan għandu jiġi stabbilit ex officio bil-quddiem f'kull każ individwali. Il-QtĠ-UE kkonfermat dan b'mod ċar fis-sentenza tagħha tal-Kawża C-297/12, Filev u Osmani (il-paragrafi 27 u 34): “Jirriżulta b'mod ċar mit-termini “[i]t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi ddeterminat” li hemm obbligu għall-Istati Membri li jillimitaw l-effetti ratione temporis għal kull projbizzjoni fuq id-dħul, bħala prinċipju għal ħames snin massimu, u dan irrispettivament minn talba mressqa għal dak il-għan miċ-ċittadin ikkonċernat ta' pajjiż terz. […] L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali […], li tissuġġetta l-limitazzjoni tat-tul ta' projbizzjoni fuq id-dħul għat-tressiq, miċ-ċittadin ikkonċernat ta' pajjiż terz, ta' talba intiża għall-ksib tal-benefiċċju ta' tali limitazzjoni”.

 

Il-mument li fih jiskatta ż-żmien: id-Direttiva dwar ir-Ritorn ma tistipulax espressament il-punt tat-tluq li minnu l-perjodu tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta' dħul għandu jiġi kkalkulat. Madankollu, il-QtĠ-UE fil-Kawża C-225/16, Ouhrami  (61) ipprovdiet ċarezza dwar din il-kwistjoni.

 

Il-QtĠ-UE spjegat li l-iffissar tal-punt tat-tluq għal projbizzjoni fuq id-dħul ma jistax jitħalla għad-diskrezzjoni ta' kull Stat Membru, peress li dan jippreġudika l-għan tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u l-iskop ta' projbizzjonijiet ta' dħul. Il-QtĠ kkonkludiet li “għaldaqstant, mill-formulazzjoni, mill-istruttura u mill-għan tad-Direttiva 2008/115/KE jirriżulta li l-perijodu ta' projbizzjoni fuq id-dħul jibda jiddekorri biss b'effett mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tkun telqet effettivament mit-territorju tal-Istati Membri.” (paragrafu 53). Fil-fatt, kieku kellha tapplika projbizzjoni fuq id-dħul qabel it-tluq attwali taċ-ċittadin ta' pajjiż terz, id-durata tagħha tkun inġustament imnaqqsa.

 

Il-QtĠ għalhekk iddeċidiet li “t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul […] għandu jiġi kkalkolat b'effett mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tkun telqet effettivament mit-territorju tal-Istati Membri.” (paragrafu 58).

 

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mezzi biex jikkonfermaw u jivverifikaw id-data attwali tat-tluq ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (ara t-taqsimiet 6.4 u 6.6) biex jiżguraw li l-projbizzjonijiet fuq id-dħul jibdew japplikaw fil-mument li fih huma effettivament jitilqu mit-territorju tal-Istati Membri.

11.6.   Irtirar, tnaqqis u sospensjoni tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 11(3)

Subparagrafu 1: L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-irtirar jew is-sospensjoni ta' projbizzjoni fuq id-dħul meta ċittadin ta' pajjiż terz li jkun is-suġġett ta' projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jista' juri li jkun ħalla jew ħalliet it-territorju ta' Stat Membru f'konformità sħiħa ma' deċiżjoni ta' ritorn.

Il-possibbiltà ta' sospensjoni jew irtirar ta' projbizzjoni fuq id-dħul f'dawk il-każijiet li fihom persuna rimpatrijata tkun telqet mit-territorju ta' Stat Membru b'konformità sħiħa ma' deċiżjoni ta' ritorn (b'mod partikolari fil-perjodu mogħti għal tluq volontarju) għandha tintuża bħala inċentiv li jħeġġeġ it-tluq volontarju. L-Istati Membri jridu jipprovdu għal possibbiltà fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prattika amministrattiva tagħhom biex wieħed ikun jista' japplika għall-irtirar jew is-sospensjoni ta' projbizzjoni fuq id-dħul f'dawn iċ-ċirkostanzi. Għandu jsir sforz biex proċeduri bħal dawn ikunu faċilment aċċessibbli għall-persuna rimpatrijata u operazzjonali b'mod prattiku. Jeżistu possibbiltajiet differenti li jippermettu lill-persuna rimpatrijata tipprovdi evidenza fir-rigward tat-tluq tagħha mit-territorju tal-UE, bħal: timbru ta' ħruġ fil-passaport tal-persuna rimpatrijata, dejta fis-sistemi tad-dejta tal-fruntieri nazzjonali jew rapportar min-naħa tal-persuna rimpatrijata f'rappreżentazzjoni konsulari ta' Stat Membru f'pajjiż terz.

Tqassir tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul: L-Istati Membri huma liberi wkoll li jqassru l-perjodu ta' projbizzjoni fuq id-dħul eżistenti fiċ-ċirkustanzi indirizzati mill-Artikolu 11(3) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Il-possibbiltà li l-Istati Membri jirtiraw projbizzjoni fuq id-dħul skont l-Artikolu 11(3) tista' tiġi interpretata li tkopri wkoll irtirar parzjali (jiġifieri tqassir) ta' projbizzjoni fuq id-dħul).

Subparagrafu 2: Vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li jkunu ngħataw permess ta' residenza skont id-Direttiva 2004/81/KE m'għandhomx ikunu s-suġġett ta' projbizzjoni fuq id-dħul mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, punt (b), u dment li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ma jirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali.

Il-vittmi tat-traffikar li qabel ikunu ngħataw permess ta' residenza skont id-Direttiva 2004/81/KE ma għandhomx jingħataw projbizzjoni fuq id-dħul, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx ikkonformat mal-obbligu ta' ritorn fi żmien it-terminu għat-tluq volontarju jew jekk il-persuna kkonċernata tirrappreżenta theddida għall-politika pubblika. Din ir-regola tapplika biss għal perjodi ta' residenza illegali immedjatament wara residenza legali koperta mid-Direttiva 2004/81/KE u ma toħloqx eżenzjoni tul il-ħajja għal detenturi preċedenti ta' permessi bħal dawn.

Subparagrafu 3: L-Istati Membri jistgħu jżommu lura milli joħorġu, jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni fuq id-dħul f'każijiet individwali għal raġunijiet umanitarji.

L-Istati Membri huma liberi li ma joħorġux projbizzjonijiet fuq id-dħul f'każijiet individwali, notevolment fl-oqsma obbligatorji fil-każijiet previsti fl-Artikolu 11(1)(a) u (b) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, biss għal raġunijiet umanitarji; dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri jitħallew ukoll jirtiraw jew jissospendu projbizzjonijiet fuq id-dħul eżistenti għal raġunijiet umanitarji.

Din il-klawżola opzjonali tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jużawha skont il-legiżlazzjoni nazzjonali u l-prattika amministrattiva tagħhom.

Subparagrafu 4: L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni ta' dħul f'każijiet individwali jew f'ċerti kategoriji ta' każijiet għal raġunijiet oħrajn.

L-Istati Membri huma liberi li jirtiraw jew jissospendu projbizzjonijiet fuq id-dħul eżistenti għal raġunijiet barra minn raġunijiet umanitarji, li għandhom jiġu ddeterminati fil-livell nazzjonali.

F'każijiet ta' katastrofi umanitarji (bħal terremoti, diżastri naturali oħrajn u kunflitti bl-armi) f'pajjiżi terzi li jistgħu jwasslu għal influss tal-massa ta' persuni spostati, il-proċeduri formali għall-irtirar tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul f'każijiet individwali jistgħu jieħdu wisq ħin u ma jkunux fattibbli. Għalhekk, teżisti l-possibbiltà li tiġi stipulata sospensjoni jew irtirar orizzontali tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul eżistenti relatati mal-grupp ta' persuni kkonċernati.

Il-ħtieġa li jiġu rtirati projbizzjonijiet ta' dħul maħruġa b'mod validu skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn jistgħu jinħolqu wkoll b'rabta ma' ċittadini ta' pajjiżi terzi li iktar tard jistgħu jistabbilixxu li jkunu qed igawdu d-dritt ta' moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni, pereżempju billi jsiru membri tal-familja ta' ċittadini tal-UE/ŻEE/CH li jaqgħu taħt l-Artikolu 21 TFUE jew id-Direttiva 2004/38/KE.

11.7.   Sanzjonijiet għan-nuqqas ta' rispett għal projbizzjoni fuq id-dħul

In-nuqqas ta' rispett għal projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi kkunsidrat mill-Istati Membri meta jikkunsidraw it-tul tal-perjodu ta' ' projbizzjoni oħra fuq id-dħul. F'dan il-kuntest il-premessa 14 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn tipprevedi espressament “It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b'kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. F'dan il-kuntest għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-fatt li ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat kien diġà s-suġġett ta' aktar minn deċiżjoni waħda ta' ritorn jew ta' ordni ta' tneħħija jew daħal fit-territorju ta' Stat Membru waqt projbizzjoni ta' dħul”.

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu aktar sanzjonijiet skont il-liġi amministrattiva nazzjonali (pereżempju, multa) — soġġetti għall-effet utile tad-Direttiva u l-każistika relevanti tal-QtĠ-UE f'dan ir-rigward. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri ma għandhomx jiddistingwu bejn projbizzjonijiet fuq id-dħul maħruġin mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom stess u minn dawk maħruġin mill-awtoritajiet ta' Stati Membri oħrajn, peress li dan idgħajjef il-kunċett armonizzat ta' projbizzjoni fuq id-dħul fl-UE kollha stabbilit mid-Direttiva dwar ir-Ritorn.

L-Istati Membri jistgħu jadottaw sanzjonijiet tal-liġi kriminali kontra ċittadini minn pajjiżi terzi residenti illegalment li ma jkunux ikkonformaw mal-obbligu ta' projbizzjoni ta' dħul valida wara r-ritorn tagħhom (is-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-290/14, Celaj, ara t-taqsima 4).

L-Artikolu 11(5) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jiċċara li d-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjonijiet fuq id-dħul marbutin mar-ritorn japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-protezzjoni internazzjonali skont l-acquis tal-ażil tal-UE: dan jimplika li projbizzjonijiet fuq id-dħul maħruġin qabel skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn qatt ma jistgħux jiġġustifikaw ir-ritorn jew il-penalizzazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi awtorizzati li jidħlu jew li jirresjedu fl-UE bħala persuna li tfittex ażil jew benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali — ara s-sentenza tal-QtĠ-UE fil-Kawża C-290/14, Celaj (paragrafu 32). Projbizzjonijiet fuq id-dħul bħal dawn għandhom jiġu sospiżi (waqt proċeduri ta' ażil li jkunu għaddejjin) jew irtirati (ladarba tingħata protezzjoni internazzjonali).

11.8.   Konsultazzjoni bejn l-Istati Membri

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 11(4); il-Konvenzjoni ta' Implimentazzjoni ta' Schengen — l-Artikolu 25

Meta Stat Membru jikkunsidra l-ħruġ ta' permess ta' residenza jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta' soġġorn lil ċittadin ta' pajjiż terz li hu suġġett għal projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa minn Stat Membru ieħor, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta l-Istat Membru li jkun ħareġ il-projbizzjoni fuq id-dħul u għandu jieħu kont ta' l-interessi tiegħu skond l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta' Schengen.

L-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta' Implimentazzjoni ta' Schengen jistipula li:

1.

Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ permess ta' residenza, huwa għandu jwettaq tiftixa sistematika fis-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen. Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ permess ta' residenza għal persuna aljena li fil- konfront tagħha inħarġet twissija bil-għan li jiġi rifjutat id-dħul, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta lill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija u għandu jieħu kont tal-interessi tiegħu; il-permess ta' residenza għandu jinħareġ għal raġunijet sostantivi biss, notevolment fuq raġunijet umanitarji jew minħabba impenji internazzjonali.

Meta jinħareġ permess ta' residenza, l-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jirtira t-twissija iżda jista' jpoġġi lill-persuna aljena kkonċernata fuq il-lista nazzjonali ta' twissijiet.

1a.

Qabel ma joħorġu twissija bil-ħsieb li jiġi rifjutat id-dħul fis-sens tal-Artikolu 96, l-Istati Membri għandhom jiċċekkjaw ir-reġistri nazzjonali tagħhom ta' viżi għal soġġorn fit-tul jew permessi ta' residenza maħruġa.

2.

Meta jirriżulta li nħarġet twissija bil-għan li aljen li għandu permess ta' residenza valida ma jitħalliex jidħol minn waħda mill-Partijiet Kontraenti, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tikkonsulta lill-Parti li tkun ħarġet il-permess ta' residenza sabiex tistabbilixxi jekk hemmx biżżejjed raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta' residenza.

Jekk il-permess ta' residenza ma jkunx irtirat, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tirtira t-twissija imma tista' madankollu tpoġġi lill-aljen in kwestjoni fuq il-lista nazzjonali tagħha ta' twissijiet.

3.

Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll għal viżi għal soġġorn fit-tul.

L-Artikolu 25 tal-SIC huwa dispożizzjoni applikabbli b'mod dirett u jista' jiġi applikat mill-Istati Membri mingħajr it-traspożizzjoni tal-legiżlazzjoni nazzjonali.

L-Istat Membru li joħroġ il-projbizzjoni ta' dħul biss (Stat Membru A) jista' jneħħi il-projbizzjoni ta' dħul. Jekk Stat Membru ieħor (Stat Membru B) jiddeċiedi li joħroġ permess ta' residenza lill-istess persuna jew li ma jirtirax wieħed eżistenti (wara li jkun ikkonsulta mal-Istat Membru li jkun ħareġ il-projbizzjoni fuq id-dħul), Stat Membru A huwa obbligat li jirtira t-twissija (l-Artikolu 25(2) SIC) — għalkemm dan jista' jpoġġi liċ-ċittadin ta' pajjiż terz fuq il-lista tiegħu ta' twissijiet. Ir-raġunijiet sottostanti għal projbizzjoni fuq id-dħul eżistenti maħruġa mill-Istat Membru A, kif ukoll l-interessi ta' dan l-Istat Membru, għandhom jiġu kkunsidrati u jitqiesu minn Stat Membru B qabel joħroġ permess ta' residenza jew jiddeċiedi biex ma jirtirahx (pereżempju għal raġunijiet ta' riunifikazzjoni tal-familja). Sabiex Stat Membru B ikun jista' jikkunsidra kif xieraq ir-raġunijiet sottostanti għall-projbizzjoni fuq id-dħul, huwa essenzjali li Stat Membru A jipprovdi l-informazzjoni relevanti lil Stat Membru B fil-ħin opportun.

Dawk l-Istati Membri li għadhom ma japplikawx ir-regoli ta' Schengen bis-sħiħ u, għaldaqstant, (għadhom) ma jistgħux japplikaw b'mod dirett l-Artikolu 25 SIC, xorta waħda għandhom isegwu l-ispirtu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u jikkuntattjaw — jekk isiru jafu (minn sors ta' informazzjoni, inkluża informazzjoni mill-applikant) li persuna hija soġġetta għal projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa minn Stat Membru ieħor — lill-awtoritajiet li jkunu ħarġu l-projbizzjoni fuq id-dħul. Qabel ma joħroġ permess ta' residenza lill-persuna, l-Istat Membru għandu jfittex li “jqis l-interess” tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-projbizzjoni ta' dħul.

11.9.   Projbizzjonijiet fuq id-dħul “storiċi”

Il-projbizzjonijiet fuq id-dħul “storiċi” maħruġin qabel l-24 ta' Diċembru 2010 iridu jiġu adattati skont l-istandards stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (jiġifieri massimu ta' ħames snin, valutazzjoni individwali, obbligu ta' rtirar/kunsiderazzjoni ta' rtirar f'ċirkostanzi speċifiċi) jekk jiżviluppaw effetti għall-perjodu wara l-24 ta' Diċembru 2010 u jekk ikun għadhom mhumiex konformi mas-salvagwardji sostantivi fl-Artikolu 11.

L-adattament għandu jsir mal-applikazzjoni tal-persuna kkonċernata fi kwalunkwe ħin jew ex officio mill-iktar fis possibbli u qatt aktar tard minn dakinhar tar-reviżjoni regolari (kull tliet snin) tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul previsti fit-twissijiet tas-SIS.

Fis-sentenza tal-Kawża C-297/12, Filev u Osmani (il-paragrafi 39-41 u 44) il-QtĠ-UE ċċarat espressament: “F'dan ir-rigward, għandu jiġi l-ewwel nett imfakkar li din id-direttiva ma fiha ebda dispożizzjoni li tipprovdi għal sistema tranżitorja għad-deċiżjonijiet ta' projbizzjoni fuq id-dħul adottati qabel ma jkunu applikabbli. Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-QtĠ jirriżulta li regola ġdida japplikaw immedjatament, ħlief f'każ ta' deroga, għall-effetti futuri ta' sitwazzjoni li bdiet taħt ir-regoli l-qodma […]. Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 2008/115/KE tapplika għal dawk l-effetti sussegwenti għad-data ta' applikabbiltà fl-Istat Membru kkonċernat ta' deċiżjonijiet ta' projbizzjoni fuq id-dħul meħuda bis-saħħa ta' regoli nazzjonali applikabbli qabel din id-data. […] Minn dan isegwi li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115/KE jipprekludi ż-żamma tal-effetti ta' projbizzjonijiet fuq id-dħul ta' tul indefinit imposti qabel id-data ta' applikabbiltà tad-Direttiva 2008/115/KE, […] lil hinn mit-tul massimu ta' projbizzjoni previst f'din id-dispożizzjoni, sakemm dawn il-projbizzjonijiet fuq id-dħul ġew deċiżi fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali”.

12.   SALVAGWARDJI PROĊEDURALI

12.1.   Id-dritt għal amministrazzjoni tajba u għad-dritt għal smigħ

Id-dritt għal amministrazzjoni tajba huwa dritt fundamentali rikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa stabbilit fil-QKR, li jifforma parti integrali tal-ordni ġuridiku tal-UE. Dan id-dritt jinkludi d-dritt ta' kull persuna li tinstema' qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li taffettwaha ħażin jew li taffettwa b'mod sinifikanti l-interessi tiegħu jew tagħha, li huwa wkoll parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju ġenerali ieħor tad-dritt tal-UE.

Fis-sentenzi tagħha fil-Kawżi C-383/13, G & R  (62), u C-249/13, Boudjlida  (63), il-QtĠ pprovdiet kjarifika importanti dwar id-dritt ta' smigħ fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta' ritorn u ta' detenzjoni. Din is-sentenza timplika li l-Istati Membri dejjem iridu jkunu konformi mas-salvagwardji ta' hawn taħt meta jieħdu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn (jiġifieri deċiżjoni ta' ritorn, deċiżjonijiet ta' projbizzjonijiet fuq id-dħul, deċiżjonijiet ta' tneħħija, ordni ta' detenzjoni) anki jekk dan mhuwiex speċifikat b'mod ċar fl-artikoli relevanti tad-Direttiva dwar ir-Ritorn:

(1)

id-dritt ta' kull persuna li tinstema', qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

(2)

id-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha, sabiex tanalizza l-provi kollha invokati kontriha li jservu sabiex tiġi ġġustifikata deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġu rispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

(3)

id-dritt ta' kull persuna li tirrikorri għal konsulent legali qabel l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' ritorn, sakemm l-eżerċizzju ta' dan id-dritt ma jaffettwax il-progress xieraq tal-proċedura ta' ritorn u ma jdgħajjifx l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva. Dan ma jinvolvix obbligu fuq l-Istati Membri li jassumu l-ispejjeż ta' tali assistenza;

(4)

l-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti l-attenzjoni dovuta għall-osservazzjonijiet mill-persuna kkonċernata u li teżamina bir-reqqa u b'imparzjalità l-aspetti rilevanti kollha tal-każ individwali;

(5)

l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

L-Istati Membri jgawdu marġini ta' diskrezzjoni sinifikanti fir-rigward kif jagħtu d-dritt li wieħed jinstema' fil-prattika: in-nuqqas ta' rispett ta' dan id-dritt jagħmel deċiżjoni invalida biss sa fejn ir-riżultat tal-proċedura kien ikun differenti li kieku d-dritt ġie rrispettat (is-sentenza tal-QtĠ-UE fil-Kawża C-383/13, G & R, paragrafu 38).

Barra minn dan, awtorità ta' Stat Membru tista' tonqos milli tisma' lil ċittadin ta' pajjiż terz speċifikament dwar is-suġġett ta' deċiżjoni ta' ritorn fejn, wara li dik l-awtorità tkun iddeterminat li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun f'sitwazzjoni illegali fit-territorju nazzjonali fi ħdan proċedura tal-ażil preċedenti li tkun irrispettat bis-sħiħ id-dritt ta' dik il-persuna li tinstema', tkun qed tikkontempla l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' ritorn (is-sentenza tal-QtĠ-UE fil-Kawża C-166/13, Mukarubega  (64)). Il-loġika użata f'Mukarubega hija kif ġej: “Id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' ritorn ma jistax jiġi strumentalizzat sabiex terġa' tinfetaħ b'mod indefinit il-proċedura amministrattiva u dan sabiex jiġi ppreżervat l-ekwilibriju bejn id-dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata għal smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju u l-obbligu tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-immigrazzjoni illegali”.

Dan ir-raġunament jista' jiġi applikat ukoll f'kostellazzjonijiet ta' każijiet differenti, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 6(6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (deċiżjoni dwar it-tmiem ta' soġġorn legali flimkien ma' deċiżjoni ta' ritorn) u dan jinvolvi li mhijiex meħtieġa valutazzjoni repetittiva tar-riskju ta' ksur tal-prinċipju ta' non-refoulement jekk ir-rispett ta' dan il-prinċipju kien diġà valutat fi proċeduri preċedenti, jekk il-valutazzjoni tkun waħda finali u jekk ma jkun hemm l-ebda bidla fis-sitwazzjoni individwali taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat. Bl-istess mod, jenħtieġ li titneħħa valutazzjoni repetittiva ta' elementi oħra li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi prekluż ir-ritorn. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jevitaw tali valutazzjonijiet repetittivi, pereżempju billi jamalgamaw f'pass proċedurali wieħed, sa fejn ikun possibbli, is-seduti amministrattivi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal għanijiet differenti (pereżempju għat-tiġdid jew għall-għoti ta' permess ta' residenza, id-determinazzjoni tad-dritt ta' dħul fit-territorju ta' Stat Membru, deċiżjoni finali negattiva dwar talba għal protezzjoni internazzjonali), sakemm id-dritt għal smigħ jiġi rrispettat b'mod sħiħ. F'dan il-kuntest, l-għodod innovattivi bħal pereżempju tal-vidjo-konferenza jistgħu wkoll jiġu żviluppati għal dan il-għan. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri ma tirriżultax fi ħsara għar-rispett tal-garanziji proċedurali, u għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil persuni li jkollhom bżonn ta' garanziji proċedurali speċjali, partikolarment minorenni (ara hawn taħt).

Id-dritt ta' smigħ jinkludi d-dritt ta' smigħ dwar l-applikazzjoni possibbli tal-Artikoli 5 u 6(2) sa (5) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u dwar l-arranġamenti dettaljati għar-ritorn, bħall-perjodu permess għal tluq volontarju u jekk ir-ritorn għandux ikun volontarju jew furzat. Madankollu, l-awtorità ma għandhiex tavża liċ-ċittadin ta' pajjiż terz, qabel is-smigħ, li tkun qed tikkontempla l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' ritorn, jew tiżvela informazzjoni li jkun beħsiebha tuża bħala ġustifikazzjoni għal dik id-deċiżjoni, jew tippermetti perjodu ta' riflessjoni, sakemm iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikollu l-opportunità li jippreżenta l-fehma tiegħu b'mod effettiv dwar is-suġġett tal-illegalità tas-sitwazzjoni tiegħu u r-raġunijiet li jistgħu, skont il-liġi nazzjonali, jiġġustifikaw li l-awtorità ma tadottax deċiżjoni ta' ritorn (ara d-deċiżjoni tal-QtĠ-UE fil-Kawża C-249/13, Boudjlida).

Is-salvagwardji proċedurali tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn għandhom jiġu applikati għad-deċiżjonijiet kollha relatati mar-ritorn u ma jridux ikunu limitati għat-tliet tipi ta' deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) ta' dik id-Direttiva.

Id-dritt tal-minuri li jinstemgħu fi proċeduri ta' ritorn li jinvolvuhom jew li jaffettwawhom għandu jkun rispettat. F'konformità mal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u b'kont meħud tal-Kumment Ġenerali Nru 12 tal-Kumitat tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal rigward id-dritt tat-tfal li jinstemgħu (65), il-minuri kkonċernati jridu jinstemgħu, jew direttament jew permezz ta' rappreżentant jew organu adattat; id-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b'mod ħieles irid jiġi rispettat u għandha tingħata importanza dovuta lill-fehmiet tal-minorenni, skont l-età u l-maturità tagħhom u b'kont meħud ta' kwalunkwe diffikultà ta' kommunikazzjoni li jista' jkollhom, sabiex jagħmlu l-parteċipazzjoni tagħhom waħda sinifikattiva.

Sabiex jiġi żgurat fil-prattika d-dritt tal-minuri li jinstemgħu, il-miżuri adottati mill-Istati Membri għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji ewlenin li ġejjin:

l-espressjoni tal-fehmiet hija għażla u mhux obbligu;

id-dritt għal smigħ ma għandux ikun soġġett għal kwalunkwe limiti ta' età jew restrizzjonijiet arbitrarji oħra, kemm fil-liġi u kif ukoll fil-prattika;

il-minorenni għandhom jinstemgħu f'ambjent li jkun adattat għall-bżonnijiet tagħhom;

il-mezzi wżati biex jingħata effett għad-dritt għal smigħ għandhom jiġu adattati għal-livell ta' fehim u kapaċità ta' komunikazzjoni u għandhom iqisu ċ-ċirkostanzi tal-każ;

f'kunsiderazzjoni sħiħa tal-ħtieġa li jiġu protetti l-minuri minn kull ħsara, minorenni ma għandux jiġi intervistat aktar spiss milli jkun meħtieġ;

l-iffaċilitar tal-espressjoni ta' opinjonijiet jista' jeħtieġ miżuri speċjali għal minorenni f'sitwazzjonijiet partikolarment vulnerabbli, inkluż l-għoti ta' servizzi ta' interpretazzjoni u traduzzjoni.

Ġbir ta' informazzjoni dwar it-traffikar: F'konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti 2015-2020  (66), u b'mod partikolari minħabba l-bżonn li jittejbu l-ġbir u l-qsim tal-informazzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jimplimentaw mekkanżimi adegwati li jiżguraw ġbir sistematiku ta' informazzjoni mingħand iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi interpellati f'sitwazzjoni irregolari, b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-acquis tal-ażil tal-UE. Meta jagħtu d-dritt li tinstema' qabel ma jadottaw deċiżjoni ta' ritorn, l-Istati Membri huma mħeġġin jistiednu lill-persuni rimpatrijati biex jaqsmu l-informazzjoni li jista' jkollhom dwar il-modus operandi u r-rotot tan-netwerks tat-traffikar, kif ukoll ir-rabtiet mat-traffikar tal-bnedmin u reati oħrajn, u dwar trasferimenti finanzjarji. L-informazzjoni miġbura f'dan il-kuntest għandha tinġabar u tiġi skambjata fost l-awtoritajiet u l-aġenziji (immigrazzjoni, fruntieri, pulizija) relevanti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE skont il-liġi nazzjonali u l-aħjar prattiki skambjati fil-fora relevanti tal-UE.

12.2.   Deċiżjonijiet marbutin mar-ritorn

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tirregoli b'mod ċar għadd ta' deċiżjonijiet differenti marbutin mar-ritorn, jiġifieri:

(1)

deċiżjonijiet ta' ritorn (l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 6(1));

(2)

deċiżjonijiet dwar it-terminu għat-tluq volontarju, kif ukoll l-estensjoni tat-tali terminu (l-Artikolu 7);

(3)

deċiżjonijiet ta' tneħħija (l-Artikolu 8(3));

(4)

deċiżjonijiet dwar il-posponiment tat-tneħħija (l-Artikolu 9);

(5)

deċiżjonijiet dwar il-projbizzjonijiet fuq id-dħul, kif ukoll dwar is-sospensjoni jew l-irtirar ta' projbizzjoni fuq id-dħul (l-Artikolu 11);

(6)

deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni, kif ukoll dwar it-titwil tad-detenzjoni (l-Artikolu 15).

Ħafna mid-deċiżjonijiet ta' hawn fuq huma anċillari għad-deċiżjoni ta' ritorn u normalment għandhom jiġu adottati flimkien ma' deċiżjoni ta' ritorn f'att amministrattiv wieħed: id-deċiżjonijiet ta' ritorn jistgħu jinkludu terminu għat-tluq volontarju (L-Artikolu 7), projbizzjoni fuq id-dħul (l-Artikolu 11) u, — possibbilment iżda mhux bilfors–, deċiżjoni li tordna t-tneħħija (f'każ ta' nuqqas ta' konformità ma'terminu għat-tluq volontarju).

Il-bidliet sussegwenti f'dawn id-deċiżjonijiet anċillari huma possibbli f'ċerti każijiet:

projbizzjoni fuq id-dħul tista' tiġi imposta fi stadju aktar tard bħala element anċillari u sussegwenti ta' deċiżjoni ta' ritorn li diġà tkun inħarġet jekk il-persuna ma tkunx imxiet f'konformità mal-obbligu tar-ritorn fi żmien it-terminu għat-tluq volontarju (l-Artikolu 11(1)(b));

projbizzjoni fuq id-dħul li diġà tkun inħarġet tista' tiġi rtirata jew sospiża (l-Artikolu 11(3-5));

terminu għat-tluq volontarju li diġà jkun ingħata jista' jiġi estiż (l-Artikolu 7(2));

deċiżjoni ta' ritorn (jew ordni ta' tneħħija) li diġà tkun tista' tiġi eżegwita tista' tiġi posposta (l-Artikolu 9).

L-Artikolu 6(6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jikkonferma l-prinċipju ġenerali, li jippermetti lill-Istati Membri jħalltu diversi għażliet differenti (inklużi deċiżjonijiet li ma jkunux marbutin direttament mar-ritorn) f'att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed, diment li jiġu rrispettati s-salvagwardji u d-dispożizzjonijiet relevanti għal kull deċiżjoni individwali. Għalhekk, deċiżjonijiet dwar tmiem ir-residenza legali (bħar-rifjut ta' applikazzjoni għall-ażil, l-irtirar ta' viża jew in-nuqqas ta' tiġdid ta' permess ta' residenza) jistgħu jiġu adottati b'mod separat jew flimkien ma' deċiżjoni ta' ritorn f'att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed.

L-Istati Membri għandhom jaġixxu bid-diliġenza dovuta u mingħajr dewmien biex jieħdu deċiżjoni dwar l-istatus legali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (ara s-sentenza tal-QtĠ-UE fil-Kawża C-329/11, Achughbabian (paragrafu 31): “[…] l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sabiex jevitaw ksur tal-għan tad-Direttiva 2008/115/KE […] jaġixxu b'diliġenza u jiddeterminaw l-opinjoni tagħhom mingħajr dewmien fuq in-natura legali jew le tar-residenza tal-persuna kkonċernata”). Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa biex jadottaw id-deċiżjonijiet ta' ritorn flimkien ma' deċiżjonijiet dwar it-tmiem ta' soġġorn legali f'att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed. Meta dan ma jkunx possibbli (pereżempju l-awtorità responsabbli li tirrifjuta t-tiġdid ta' permess ta' residenza ma tistax toħroġ deċiżjonijiet ta' ritorn), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri effettivi u rapidi li jinvolvu l-awtoritajiet kompetenti biex ikun żgurat l-iskambju rapidu tal-informazzjoni u li d-deċiżjonijiet ta' ritorn jinħarġu mingħajr dewmien wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-terminazzjoni ta' soġġorn legali — mingħajr preġudizzju għad-dritt li tingħata awtorizzazzjoni jew dritt ta' soġġorn skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

Eżempji konkreti:

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jikkanċella viża u joħroġ limitu ta' żmien ta' sebat ijiem sabiex iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jitlaq b'mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru, dik id-deċiżjoni tkun deċiżjoni ta' ritorn fil-kuntest tad-Direttiva dwar ir-Ritorn? Jew hija din koperta minn regoli tal-UE oħrajn li jikkonċernaw il-viżi?

Deċiżjoni bħal din tista' tikkonsisti f'żewġ komponenti: deċiżjoni ta' revoka tal-viża u deċiżjoni ta' ritorn skont it-tifsira tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Jekk il-viża titħassar b'effett immedjat, il-persuna bin-nazzjonalità ta' pajjiż terz se tkun qiegħda toqgħod illegalment fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, b'mod li japplika l-Artikolu 6 tad-Direttiva (obbligu li tinħareġ deċiżjoni ta' ritorn). It-tħassir tal-viża jista' — b'mod parallel — ikun soġġett għal appell skont ir-regoli dwar il-viża stipulati fil-Kodiċi dwar il-Viża (67) (il-possibbiltà li jiġu adottati bosta deċiżjonijiet flimkien ma' deċiżjoni ta' ritorn hija antiċipata b'mod ċar fl-Artikolu 6(6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn).

Jekk ċittadin ta' pajjiż terz jinstab fit-territorju bil-viża meħtieġa, iżda ma jkunx (jew ma jkunx għadu) jissodisfa l-kundizzjonijiet għar-residenza (l-Artikolu 6 SBC), ikun jidher li l-Istat Membru jista' joħroġ deċiżjoni ta' ritorn. Din id-deċiżjoni ta' ritorn (forsi flimkien ma' projbizzjoni fuq id-dħul) tfisser bilfors li l-viża ma għadhiex valida?

Skont l-Artikolu 34(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi “viża għandha tiġi revokata fejn isir evidenti li l-kundizzjonijiet (jiġifieri kundizzjonijiet ta' dħul SBC) biex tinħareġ ma jkunux għadhom jiġu ssodifati”. L-awtoritajiet li joħorġu deċiżjoni ta' ritorn, iridu jiżguraw ukoll li l-viża hija revokata. Madankollu, iż-żewġ deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu f'att amministrattiv wieħed. Għandu jiġi evitat milli tinħareġ deċiżjoni ta' ritorn u milli l-persuna titħalla titlaq bil-viża valida (uniformi) tagħha.

Deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għall-ażil tista' timponi obbligu ta' ritorn ukoll?

Iva. Ir-rifjut finali ta' talba għall-ażil u deċiżjoni ta' ritorn jista' jinħareġ f'att wieħed skont l-Artikolu 6(6)) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Att ikkumbinat bħal dan jikkonsisti, b'mod strettament loġiku, f'żewġ deċiżjonijiet sussegwenti u relatati ma' xulxin, separati minn “mument loġiku”.

12.3.   Forma tad-deċiżjonijiet u traduzzjoni

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 12(1)–(3)

1.

Id-deċiżjonijiet ta' ritorn u, jekk maħruġa, d-deċiżjonijiet ta' projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta' tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli. L-informazzjoni dwar ir-raġunijiet tista' fil-fatt tkun limitata fejn il-liġi nazzjonali tippermetti li d-dritt għall-informazzjoni jiġi ristrett, b'mod partikolari sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali.

Deċiżjoni bil-miktub hija l-pedament fundamentali bażiku tas-salvagwardji proċedurali stabbiliti fid-Direttiva dwar ir-Ritorn. Mhuwiex possibbli li dan ir-rekwiżit jiġi rinunzjat. Madankollu, l-informazzjoni mogħtija lill-persuna rimpatrijata ma għandhiex tkun limitata għal referenzi għar-rimedji legali disponibbli: L-Istati Membri huma mħeġġin jipprovdu wkoll informazzjoni oħra dwar mezzi prattiċi ta' konformità mad-deċiżjoni. Huwa rakkomandat li l-persuna rimpatrijata tingħata informazzjoni dwar jekk, pereżempju, l-Istat Membru jkunx jista' jikkontribwixxi għall-ispejjeż tat-trasport, il-persuna rimpatrijata tkunx tista' tibbenefika minn programm ta' ritorn assistit volontarju jew tistax tinkiseb estensjoni tal-iskadenza għal konformità mad-deċiżjoni ta' ritorn. Il-persuna rimpatrijata għandha tiġi mgħarrfa wkoll bl-obbligu li titlaq mit-territorju tal-Istati Membri tal-UE u l-Pajjiżi Assoċjati Schengen, kif ukoll bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta' konformità mal-obbligu ta' ritorn sabiex tali persuna titħeġġeġ titlaq b'mod volontarju.

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem, il-persuni rimpatrijati għandhom jiġu mgħarrfin dwar id-dritt tagħhom skont id-Direttiva msemmija li jitolbu ħlas lura ta' rimunerazzjoni pendenti mingħand min iħaddimhom, kif ukoll dwar il-mekkaniżmi ta' lment disponibbli. Din l-informazzjoni tista' tiġi inkluża wkoll fid-deċiżjoni ta' ritorn jew mehmuża magħha.

2.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fuq talba, traduzzjoni bil-miktub jew orali tal-elementi prinċipali tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn kif imsemmi fil-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli b'lingwa li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz jifhem jew li jista' jkun raġonevolment mistenni li jifhem.

It-talba għal traduzzjoni tista' tiġi fformolata mill-persuna rimpatrijata jew ir-rappreżentant legali tagħha. L-Istat Membru huwa liberu li jagħżel jekk tingħatax traduzzjoni bil-miktub jew bil-fomm, filwaqt li jiżgura li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun jista' jifhem il-kuntest u l-kontenut. Mhuwiex possibbli li tintalab miżata għat-traduzzjoni peress li dan ikun ixekkel l-ispirtu tad-dispożizzjoni li huwa li l-persuna rimpatrijata tingħata l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun tista' tifhem bi sħiħ is-sitwazzjoni legali tagħha u eventwalment tikkonforma mad-deċiżjoni ta' ritorn.

Il-lingwa li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun preżunt b'mod raġonevoli li jifhem taqa' taħt il-legiżlazzjoni ta' implimentazzjoni u l-prattika amministrattiva nazzjonali. Din il-valutazzjoni tista' ssir bl-istess mod u skont l-istess kriterji bħal fil-proċeduri tal-ażil (l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, l-Artikolu 22 tad-Direttiva u l-Artikolu 5 dwar il-Kwalifika riformulata dwar il-kundizzjonijiet ta' Akkoljenza, id-Direttiva), filwaqt li tieħu f'kunsiderazzjoni li, minħabba l-kumplessità tal-proċeduri tal-ażil, ir-rekwiżiti għat-traduzzjoni f'dan il-qasam jistgħu jkunu ogħla fil-qasam tar-ritorn. L-acquis tal-ażil jitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu kull sforz raġonevoli biex jipprovdu traduzzjoni f'lingwa li l-persuna kkonċernata fil-fatt tifhem u n-nuqqas ta' disponibilità ta' interpreti jista' jintuża bħala raġuni valida biss f'każijiet ta' lingwi tassew rari li għalihom ikun hemm nuqqas oġġettiv ta' interpreti. Sitwazzjoni li fiha jkun hemm tradutturi fil-lingwa relevanti, iżda dawn ma jkunux disponibbli għal raġunijiet interni għall-amministrazzjoni, mhijiex raġuni valida għal nuqqas ta' traduzzjoni.

Il-possibbiltà li jintużaw mudelli sabiex ix-xogħol tal-amministrazzjoni jiġi ssimplifikat mhix limitata għall-kamp ta' applikazzjoni ta' 12(3) (ara hawn taħt). Diment li l-mudell jippermetti traduzzjoni individwalizzzata tad-deċiżjoni f'lingwa li l-persuna tifhem jew b'mod raġonevoli jkun preżunt li tifhem, traduzzjoni bħal din tikkonforma mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u m'hemmx bżonn ta' użu għad-deroga tal-Artikolu 12(3).

3.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 2 fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li daħlu illegalment fit-territorju ta' Stat Membru u li sussegwentement ma kisbux awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f'dak l-Istat Membru.

F'dawn il-każijiet, deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom jingħataw permezz ta' formola standard kif stabbilit fil-legiżlazzjoni nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli folji ta' informazzjoni ġeneralizzata li tispjega l-elementi ewlenin tal-formola standard b'mill-inqas ħamsa minn dawk il-lingwi, li huma l-aktar frekwentament użati jew mifhuma mill-migranti illegali li jidħlu fl-Istat Membru konċernat.

L-użu ta' formola standard għar-ritorn skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn huwa deroga mir-regola ġenerali, li jista' jintuża biss f'dawk il-każijiet li fihom ċittadin ta' pajjiż terz ikun daħal illegalment fit-territorju ta' Stat Membru.

L-użu ta' formola standard f'każijiet bħal dawn hija għażla għall-Istati Membri. Għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li l-każijiet ta' dħul illegali koperti mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn mhux dejjem ikunu l-istess bħall-“każijiet tal-fruntieri” deskritti fl-Artikolu 2(2)(a) ta' dik id-Direttiva — ara t-taqsima 2.1. Ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali u li jiġi interpellat fit-territorju ta' Stat Membru tliet xhur wara dħul illegali mhuwiex kopert bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn iżda xorta jista' jkun kopert bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 12(3).

Qsim illegali tal-fruntieri interni: il-paragrafu 3 japplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi “li daħlu illegalment fit-territorju ta' Stat Membru u li sussegwentement ma kisbux awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f'dak l-Istat Membru”. Fil-kuntest speċifiku ta' din id-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, it-terminu “dħul illegali” jista' wkoll ikopri każijiet li fihom ċittadin ta' pajjiż terz li qed jirrisjedi illegalment li daħal minn Stat Membru ieħor f'nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet għal dħul u soġġorn applikabbli f'dak l-Istat Membru. Għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li f'dawn il-każijiet speċifiċi (dħul minn Stat Membru ieħor) jista' jkun applikabbli l-Artikolu 6(2) jew 6(3) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

L-Artikolu 12(3) ma jinkludi l-ebda deroga fir-rigward tar-rimedji legali applikabbli. Għaldaqstant, ir-rimedji legali msemmijin fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn għandhom jiġu pprovduti anki għal meta tintuża l-forma standard imsemmija fl-Artikolu 12(3).

12.4.   Rimedji legali

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 13(1) u (2)

1.

Iċ-ċittadin konċernat ta' pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta' indipendenza.

Għandhom jiġu pprovduti rimedji effettivi fir-rigward tad-deċiżjonijiet kollha marbutin mar-ritorn. It-terminu “deċiżjonijiet relatati mar-ritorn” għandu jinftiehem b'mod wiesa', li jkopri deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha rregolati mid-Direttiva dwar ir-Ritorn, inklużi deċiżjonijiet ta' ritorn, deċiżjonijiet li jagħtu jew jestendu terminu għat-tluq volontarju, deċiżjonijiet ta' tneħħija, deċiżjonijiet ta' posponiment ta' tneħħija, deċiżjonijiet dwar projbizzjonijiet fuq id-dħul u kif ukoll dwar sospensjoni jew irtirar ta' projbizzjonijiet fuq id-dħul (ara l-Artikolu 12.2). Ir-rimedji applikabbli fil-każ ta' deċiżjonijiet ta' detenzjoni, kif ukoll titwil tad-detenzjoni huma rregolati f'aktar dettall fl-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn dwar id-detenzjoni (ara l-Artikolu 14).

Natura tal-korp ta' reviżjoni: Skont l-Artikolu 6 u 13 tal-KEDB u l-Artikolu 47 tas-CFR, il-korp tal-appelli, fis-sustanza, għandu jkun tribunal indipendenti u imparzjali. L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn huwa ispirat mill-qrib mil-Linji Gwida tal-KtE 5.1 u għandu jiġi interpretat skont il-każistika relevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“QEDB”). Skont din il-ġurisprudenza l-korp reviżur jista' wkoll ikun awtorità amministrattiva sakemm din l-awtorità hija magħmula minn membri li huma imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta' indipendenza u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu għall-possibbiltà li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata minn awtorità ġudizzjarja, f'konformità mal-istandards stabbiliti mill-Artikolu 47 QKR dwar id-dritt għal rimedju effettiv.

Jeżistu diversi salvagwardji li jibbilanċjaw ir-riskju ta' abbuż eventwali tal-possibbiltà ta' appell: L-Artikolu 13 ma jistipulax effett awtomatiku ta' sospensjoni fiċ-ċirkostanzi kollha (paragrafu 2) u l-assistenza legali bla ħlas tista' tkun limitata jekk ikun probabbli li l-appell ma jirnexxix (paragrafu 4). Għandha tingħata attenzjoni wkoll għall-prinċipju ġenerali tal-Unjoni ta' res judicata.

L-iskadenzi għall-preżentata ta' appelli kontra deċiżjonijiet relatati mar-ritorn għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li, biex tiġi evitata l-possibbiltà ta' abbuż mid-dritt u mill-proċeduri, b'mod partikolari l-appelli ppreżentati ftit qabel id-data skedata ta' tneħħija, l-Istati Membri jipprevedu l-iqsar skadenza għall-preżentata ta' appelli kontra deċiżjonijiet ta' ritorn stabbilita mil-liġi nazzjonali f'sitwazzjonijiet komparabbli, kemm-il darba dan ma jirrappreżentax ksur sproporzjonat tad-dritt għal rimedju effettiv. Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom jintervjenu mingħajr dewmien bla bżonn.

2.

L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-legiżlazzjoni nazzjonali.

Effett ta' sospensjoni: il-korp tal-appelli jrid ikollu s-setgħa li jissospendi l-infurzar ta' deċiżjoni ta' ritorn f'każijiet individwali. Il-legiżlazzjoni nazzjonali għandha tistipula b'mod ċar li l-korp ta' reviżjoni nnifsu (il-korp li jirrevedi d-deċiżjoni relatata mar-ritorn) għandu s-setgħa jissospendi l-infurzar fi ħdan il-qafas ta' proċedura waħda.

Obbligu li jingħata effett ta' sospensjoni awtomatiku f'każ ta' riskju ta' refoulment: Il-każistika tal-QEDB teħtieġ effett sospensiv awtomatiku f'każijiet fejn hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l-persuna, jekk tiġi rritornata, tkun esposta għal riskju reali ta' trattament ħażin li jmur kontra l-Artikolu 3 tal-QEDB (riskju ta' tortura jew trattament inuman jew degradanti meta tirritorna) — ara l-Artikolu 39, ir-Regoli tal-QEDB. L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn — interpretat flimkien mal-Artikoli 5 u 9 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn — jobbliga lill-korp ta' reviżjoni juża d-dritt tiegħu li jagħti effett ta' sospensjoni ipso jure skont dan ir-rekwiżit jekk il-prinċipju ta' non-refoulment ikun f'riskju.

Obbligu li jingħata effett sospensiv awtomatiku f'każ ta' riskju ta' deterjorazzjoni gravi u irriversabbli tal-istat tas-saħħa: fis-sentenza tagħha fil-Każ C-562/13, Abdida  (68) (il-paragrafu 53), il-QtĠ-UE kkonfermat li: “L-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva 2008/115/KE, moqrija flimkien mal-Artikoli 19(2) u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix rimedju b'effett sospensiv kontra deċiżjoni ta' ritorn li l-eżekuzzjoni tagħha tista' tesponi liċ-ċittadin ta' pajjiż terz inkwistjoni għal riskju serju ta' deterjorament gravi u irriversibbli tal-istat ta' saħħa tiegħu”.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jingħata effett ta' sospensjoni awtomatiku lill-appell kontra deċiżjoni ta' ritorn obbligatorju biss fil-każijiet imsemmija hawn fuq, biex jinstab il-bilanċ ġust bejn id-dritt għal rimedju effettiv u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-proċeduri ta' ritorn. Meta l-appell jirreferi għal raġunijiet oħrajn (pereżempju nuqqasijiet proċedurali, rispett għall-unità tal-familja, protezzjoni ta' jeddijiet jew interessi oħra) u meta l-ħsara irreparabbli għall-ħajja jew riskju serju ta' deterjorament gravi u irriversibbli tal-istat ta' saħħa mhumiex mhedda, Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma jagħtix effett ta' sospensjoni awtomatiku lill-appelli. Madankollu, l-awtoritajiet jew korpi nazzjonali kompetenti għandhom fi kwalunkwe każ iżommu s-setgħa li jiddeċiedu li jissospendu b'mod temporanju l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni f'każijiet individwali fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet oħra (pereżempju l-ħajja tal-familja, il-kura tas-saħħa jew l-aħjar interessi tat-tfal).

12.5.   Assistenza lingwistika u għajnuna legali bla ħlas

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 13(3) u (4); Id-Direttiva 2013/32/UE (id-“Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil”) — l-Artikoli 20 u 21, li jissostitwixxu l-Artikolu 15(3) sa (6) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE (69)

3.

Iċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat għandu jkollu l-possibbiltà li jikseb parir legali, rappreżentanza u, fejn meħtieġ, assistenza lingwistika.

Assistenza lingwistika timplika mhux biss obbligu li tiġi pprovduta traduzzjoni ta' deċiżjoni (diġà koperta mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn) iżda anki obbligu li jkun hemm disponibbli assistenza mill-interpreti sabiex iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun jista' jeżerċita d-drittijiet proċedurali mogħtijin lilu bl-Artikolu 13 tad-Direttiva.

Għandu jiġi mfakkar li fil-każ ta' Conka vs. Il-Belġju  (70), il-QEDB identifikat id-disponibbiltà tal-interpreti bħala wieħed mill-fatturi li jaffettwaw l-aċċessibbiltà ta' rimedju effettiv. Id-drittijiet ta' ċittadin ta' pajjiż terz li jirċievi assistenza lingwistika għandhom jingħataw mill-Istati Membri b'tali mod li jipprovdu lill-persuna kkonċernata b'possibbiltà konkreta u prattika li jagħmlu użu minnha (effet utile tad-dispożizzjoni).

4.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza legali meħtieġa u/jew rappreżentazzjoni tingħata, meta mitluba, mingħajr ħlas skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti jew ir-regoli dwar għajnuna legali u tista' tipprovdi li assistenza legali mingħajr ħlas u/jew rappreżentazzjoni tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet kif stipulati fl-Artikolu 15(3) sa (6) tad-Direttiva 2005/85/KE.

Assistenza legali u rappreżentazzjoni legali: il-paragrafu 4 jispeċifika f'liema każijiet u f'liema kundizzjonijiet l-Istati Membri jridu jkopru l-ispejjeż tal-pariri u r-rappreżentazzjoni legali — b'referenza għall-kundizzjonijiet elenkati fid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil. L-Istati Membri jridu jipprovdu assistenza legali u rappreżentazzjoni legali mingħajr ħlas jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet previsti fid-Direttiva u l-legiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali.

It-talba għal assistenza legali u/jew rappreżentazzjoni legali bla ħlas tista' ssir mill-persuna rimpatrijata jew mir-rappreżentant tagħha fi kwalunkwe mument xieraq tal-proċedura.

L-għoti ta' pariri legali mill-awtoritajiet amministrattivi: fil-prinċipju, parir legali jista' jkun offrut ukoll mill-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għall-ħruġ tad-deċiżjonijiet ta' ritorn, jekk l-informazzjoni prevista tkun oġġettiva u mingħajr preġudizzji (effet utile). Huwa importanti li l-informazzjoni tingħata minn persuna li taġixxi b'mod imparzjali/indipendenti sabiex jiġu evitati kunflitti possibbli ta' interess. Għalhekk, din l-informazzjoni ma tistax tingħata minn persuna li tkun qed tiddeċiedi jew tirrevedi l-każ, pereżempju. Prattika tajba, li diġà tintuża f'xi Stati Membri, hija li jkun hem separazzjoni bejn l-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet u dawk li jipprovdu informazzjoni legali u proċedurali. Madankollu, jekk Stat Membru jiddeċiedi li jalloka r-responsabbiltà tal-aħħar lill-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet, separazzjoni ċara tal-kompiti għandha tiġi żgurata għall-persunal involut, pereżempju bil-ħolqien ta' taqsima separata u indipendenti li tkun inkarigata biss mill-għoti ta' informazzjoni legali u proċedurali.

Kundizzjonijiet għal assistenza legali bla ħlas/rappreżentazzjoni — referenza għall-Artikolu 15(3) sa (6) tad-Direttiva 2005/85/KE: ir-referenza għal ċerti kundizzjonijiet/limitazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu fir-rigward tal-għajnuna legali bla ħlas hija referenza dinamika u għandha tinqara bħala referenza għall-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil attwalment fis-seħħ u li tissostitwixxi d-Direttiva 2005/85/KE. Skont id-dispożizzjonijiet imsemmijin hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-assistenza u r-rappreżentazzjoni legali bla ħlas tingħata biss:

meta l-appell ikun ikkunsidrat minn qorti jew tribunal jew awtorità kompetenti oħra li għandu prospett tanġibbli ta' suċċess;

lil dawk li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti;

permezz tas-servizzi mogħtija mill-konsulenti legali jew konsulenti oħrajn maħturin speċifikament mil-liġi nazzjonali biex jassistu u jirrappreżentaw lill-applikanti;

fi proċeduri ta' appell tal-ewwel istanza u mhux għal appelli jew reviżjonijiet ulterjuri.

L-Istati Membri jistgħu wkoll:

jimponu limiti ta' flus u/jew ta' żmien fuq l-għoti ta' għajnuna legali u/jew rappreżentanza bla ħlas, diment li dawn il-limiti ma jirrestrinġux arbitrarjament l-aċċess għal dan id-dritt;

jipprovdu li, fir-rigward ta' tariffi u spejjeż oħra, it-trattament tal-applikanti m'għandux ikun aktar favorevoli mit-trattament ġenerali mogħti liċ-ċittadini tagħhom f'materji li jikkonċernaw l-assistenza legali;

jesiġu li jiġu rimborsati b'mod sħiħ jew parzjali għal kwalunkwe spiża mogħtija jekk u meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant tkun tjiebet b'mod konsiderevoli jew jekk id-deċiżjoni tal-għoti ta' dawn il-benefiċċji kienet meħuda abbażi ta' informazzjoni falza mogħtija mill-applikant.

Rimedju effettiv kontra r-rifjut li tingħata għajnuna legali bla ħlas: meta awtorità li ma tkunx qorti jew tribunal tieħu deċiżjoni biex ma tagħtix assistenza u rappreżentazzjoni legali bla ħlas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant ikollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal għal dik id-deċiżjoni. Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust huwa fost id-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordni legali tal-Unjoni Ewropea u r-rispett ta' dawk id-drittijiet huwa meħtieġ anki meat l-legiżlazzjoni applikabbli ma tistipulax it-tali rekwiżit proċedurali b'mod espliċitu.

13.   SALVAGWARDJI MATUL L-ISTENNIJA TA' RITORN

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 14(1)

L-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni koperta fl-Artikoli 16 u 17, jiżguraw li safejn ikun possibbli jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi matul il-perijodu għal tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7 u matul perijodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta skond l-Artikolu 9:

(a)

tinżamm l-għaqda tal-familja ma' membri tal-familja preżenti fit-territorju tagħhom;

(b)

jingħataw kura tas-saħħa f'emerġenza u trattament essenzjali ta' mard;

(c)

jingħata aċċess lill-minuri għas-sistema bażika ta' l-edukazzjoni soġġett għat-tul tas-soġġorn tagħhom;

(d)

jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali ta' persuni vulnerabbli.

Tfakkira/spjegazzjoni storika: id-Direttiva dwar ir-Ritorn tippermetti lill-Istati Membri jagħżlu li joħorġu deċiżjonijiet ta' ritorn lil ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali jew li joħorġu dritt ta' soġġorn. Dan l-approċċ għandu jgħin biex inaqqas l-inċertezzi. Madankollu, fil-prattika, tista' żżid ukoll in-numru assolut ta' każijiet li fihom l-Istati Membri joħorġu deċiżjonijiet ta' ritorn li ma jistgħux jiġu infurzati minħabba ostakoli prattiċi jew legali għat-tneħħija (pereżempju dewmien fil-kisba tal-karti neċessarji mingħand pajjiżi terzi u każijiet ta' non-refoulment). Sabiex jiġi evitat vakwu legali għal dawn il-persuni, il-Kummissjoni pproponiet li jiġi stabbilit livell minimu ta' kundizzjonijiet għar-residenza għal dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali u li fir-rigward tagħhom l-infurżar ta' deċiżjoni ta' ritorn ikun ġie pospost jew li ma jkunux jistgħu jitneħħew b'referenza għas-sustanza ta' sett ta' kundizzjonijiet diġà stipulati fl-Artikoli 7 sa 10, l-Artikolu 15 u l-Artikoli 17 sa 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE (71) (id-“Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza”), li jkopru — prinċipalment — erba' drittijiet bażiċi: (1) l-unità tal-familja, (2) il-kura tas-saħħa, (3) l-iskola u l-edukazzjoni għall-minorenni u (4) ir-rispett għall-bżonnijiet speċjali ta' persuni vulnerabbli. Drittijiet importanti oħrajn stipulati mid-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza, bħall-aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet ta' akkoljenza materjali ma ssemmewx. Wara n-negozjati, li matulhom ġie espress tħassib li r-referenzi għad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza jistgħu jkunu perċepiti bħala “titjib” tas-sitwazzjoni tal-migranti irregolari u għalhekk jibagħtu messaġġ politiku żbaljat, ġiet stabbilita lista tad-drittijiet “awtonoma”.

Il-kamp ta' applikazzjoni tas-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 14(1) huwa wiesa': huwa jkopri l-perjodu ta' tluq volontarju kif ukoll kwalunkwe perjodu li għalih it-tkeċċija ġiet posposta formalment jew de facto skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (pereżempju appell b'effett ta' sospensjoni, ksur possibbli tal-prinċipju ta' non-refoulement, raġunijiet ta' saħħa, raġunijiet tekniċi, nuqqas ta' sforzi ta' tneħħija minħabba nuqqas ta' identifikazzjoni). Il-perjodi mqattgħin fid-detenzjoni huma esklużi b'mod ċar, minħabba li s-salvagwardji relatati huma rregolati xi mkien ieħor (ara t-taqsima 15).

L-għoti ta' kura tas-saħħa f'każ ta' emerġenza u ta' trattament meħtieġ għal mard huwa dritt minimu bażiku u l-aċċess għalih ma għandux ikun dipendenti fuq il-ħlas ta' tariffi.

Aċċess għall-edukazzjoni: il-limitazzjoni ta' “soġġetti għat-tul tal-permanenza tagħhom” għandha tkun interpretata b'mod restrittiv. F'każijiet ta' dubju dwar it-tul probabbli tal-permanenza qabel ir-ritorn, l-aċċess għall-edukazzjoni jenħtieġ li jingħata iktar milli le. Prattika nazzjonali li fiha l-aċċess għall-edukazzjoni normalment ikun stabbilit biss jekk it-tul tal-permanenza jkun itwal minn 14-il jum tista' tiġi kkunsidrata bħala aċċettabbli. Fir-rigward ta' problemi prattiċi, każijiet bħal dawn li fihom il-minorenni ma jkollux dokument li jagħti prova tal-edukazzjoni li diġà jkun irċieva f'pajjiżi oħrajn jew każijiet li fihom il-minorenni ma jkunx jitkellem b'lingwa li fiha tkun tista' tingħata l-edukazzjoni fl-Istat Membru, jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet xierqa fil-livell nazzjonali, li jqisu l-ispirtu tad-Direttiva u l-istrumenti legali internazzjonali relevanti bħall-Konvenzjoni tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Kumment Ġenerali Nru. 6 fiha (72). Anki l-acquis tal-ażil (partikolarment l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza 2013/33/UE) jista' jkun sors ta' ispirazzjoni.

Bżonnijiet bażiċi oħrajn: Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-562/13, Abdida, il-QtĠ-UE sabet li l-Istati Membri huma obbligati li jkopru wkoll bżonnijiet bażiċi oħrajn, biex jiżguraw li l-kura tas-saħħa f'każ ta' emerġenza u trattament essenzjali tal-mard fil-fatt ikunu disponibbli tul il-perjodu li fih dak l-Istat Membru jintalab jipposponi t-tneħħija. Huwa kompitu tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-forma li fiha għandu jiġi pprovdut għal tali dispożizzjoni għall-bżonnijiet bażiċi taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat.

Il-loġika li użat il-QtĠ biex tistabbilixxi dan l-obbligu kienet li r-rekwiżit li tingħata kura tas-saħħa f'każ ta' emerġenza u trattament essenzjali tal-mard skont l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jista' jitlef it-tifsira tiegħu jekk ma jkunx hemm ukoll rekwiżit konkomittanti li jkun ipprovdut għall-bżonnijiet bażiċi taċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat. Abbażi ta' din il-loġika żviluppata mill-QtĠ-UE, u fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti fil-ġurisprudenza relevanti tal-QEDB, jista' jiġi dedott li t-tgawdija ta' drittijiet oħra elenkati fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (bħalma huma b'mod partikolari aċċess għall-edukazzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ta' persuni vulnerabbli) ukoll tagħti bidu għal ħtieġa konkomitanti li jsir provvediment għall-ħtiġijiet bażiċi taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat.

Għalkemm ma jeżistix obbligu legali ġenerali skont il-liġi tal-Unjoni biex jiġi pprovdut għal bżonnijiet bażiċi taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kollha fl-istennija tar-ritorn, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu dan skont il-liġi nazzjonali, sabiex jiżguraw kundizzjonijiet adegwati u dinjitużi għall-persuni rimpatrijati.

13.1.   Konferma bil-miktub

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 14(2)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 konferma bil-miktub skond il-legiżlazzjoni nazzjonali li l-perijodu għat-tluq volontarju ġie estiż skond l-Artikolu 7(2) jew li d-deċiżjoni ta' ritorn mhix ser tiġi infurzata temporanjament.

Il-premessa 12 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn tispeċifika li: “Sabiex ikunu jistgħu jippruvaw is-sitwazzjoni speċifika tagħhom f'każ ta' kontrolli jew verifiki amministrattivi, dawn il-persuni għandhom jiġu pprovduti b'konferma bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom igawdu diskrezzjoni wiesgħa dwar il-forma u l-format tal-konferma bil-miktub u għandhom ukoll ikunu jistgħu jinkluduha f'deċiżjonijiet relatati mar-ritorn adottati taħt din id-Direttiva”.

Forma tal-konferma bil-miktub: L-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa. Il-konferma tista' tkun jew karta separata maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali jew inkella parti minn deċiżjoni formali marbuta mar-ritorn. Huwa importanti li tippermetti lill-persuna rimpatrijata turi b'mod ċar — f'każ ta' kontrolli mill-pulizija — li diġà hija soġġetta għal deċiżjoni ta' ritorn pendenti u li tibbenefika minn perjodu għat-tluq volontarju, posponiment formali ta' tneħħija jew li tkun soġġetta għal deċiżjoni ta' ritorn li tista' ma tiġix infurzata b'mod temporanju. Jekk ikun possibbli, il-konferma għandha tispeċifika t-tul tat-terminu għat-tluq volontarju jew tal-posponiment.

Fl-Istati Membri fejn is-sistemi ta' skambju tad-dejta jippermettu l-verifika minnufih tal-istatus tal-migranti irregolari f'każ ta' kontrolli mill-pulizija abbażi ta' ċerta dejta personali jew numri ta' referenza, ir-rekwiżit ta' konferma bil-miktub jista' jitqies li huwa ssodisfat jekk il-persuna tingħata (jew diġà jkollha) dokumenti jew karti li jinkludu din id-dejta personali jew dawn in-numri ta' referenza.

13.2.   Sitwazzjonijiet ta' irregolarità fit-tul

Ebda obbligu li jinħareġ permess lil persuni rimpatrijati li ma jistgħux jitneħħew: L-Istati Membri mhumiex obbligati joħorġu permess lill-persuni rimpatrijati ladarba jkun ċar li ma jkunx baqa' prospett raġonevoli ta' tneħħija, għalkemm jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu dan b'applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (ara t-taqsima 5.6).

F'dan ir-rigward, il-QtĠ-UE kkjarifikat fis-sentenza tal-Kawża C-146/14 Mahdi  (73), (paragrafi 87 u 88), li: “(…) l-għan ta' din id-direttiva ma huwiex li tirregola l-kundizzjonijiet ta' residenza fit-territorju ta' Stat Membru taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u li fir-rigward tagħhom ma tistax jew ma setgħetx tiġi eżegwita deċiżjoni ta' ritorn. (…) Madankollu, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115/KE jawtorizza lill-Istati Membri joħorġu permess ta' residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta' residenza għal raġunijiet ta' kompassjoni, umanitarji jew għal raġunijiet oħra lil ċittadin ta' pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju tagħhom”.

Kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati biex jingħataw il-permessi: kif enfasizzat iktar 'il fuq, ma jeżistix obbligu legali li jinħarġu permessi għal persuni rimpatrijati li ma jkunux jistgħu jitneħħew u l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa. F'dan il-kuntest, huwa rakkomandat li l-kriterji ta' valutazzjoni li jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri jinkludu kemm elementi individwali (relatati mal-każ) kif ukoll orizzontali (relatati mal-politika) bħal pereżempju, b'mod partikolari:

l-attitudni ta' kooperazzjoni/nuqqas ta' kooperazzjoni tal-persuna rimpatrijata;

it-tul tal-permanenza propja tal-persuna rimpatrijata fl-Istat Membru;

l-isforzi ta' integrazzjoni li jsiru mill-persuna rimpatrijata;

l-imġiba personali tal-persuna rimpatrijata;

ir-rabtiet familjari;

il-kunsiderazzjonijiet umanitarji;

il-possibbiltà ta' ritorn fil-futur qarib;

il-bżonn li l-ippremjar tal-irregolarità jiġi evitat;

l-impatt ta' miżuri ta' regolarizzazzjoni fuq it-tendenzi ta' migrazzjoni tal-migranti (irregolari) prospettivi;

il-possibbiltà ta' movimenti sekondarji fiż-żona Schengen.

14.   DETENZJONI

Is-salvagwardji proċedurali elenkati fl-Artikoli 12 (forma u traduzzjoni) u l-Artikolu 13 (rimedju effettiv u għajnuna legali bla ħlas) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn huma manifestazzjonijiet ċari tad-dritt ta' amministrazzjoni tajba fundamentali, id-dritt ta' smigħ, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, li kollha jiffurmaw parti integrali mill-ordni legali tal-Unjoni Ewropea. L-osservanza ta' dawn id-drittijiet hija għalhekk meħtieġa wkoll fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta' detenzjoni.

Minbarra dawn ir-rekwiżiti ġenerali, l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jistipula ċerti rekwiżiti li huma applikabbli b'mod speċifiku b'rabta mad-deċiżjonijiet ta' detenzjoni.

14.1.   Ċirkostanzi li jiġġustifikaw id-detenzjoni

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 15(1)

Dment li ma jistgħux jiġu applikati b'mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f'detenzjoni ċittadin ta' pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta' ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta' tneħħija, partikolarment meta:

(a)

jkun hemm riskju ta' ħarba jew

(b)

iċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta' tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għall-iqsar perjodu possibbli u tinżamm biss diment li l-arranġamenti ta' tneħħija jkunu qed isiru u jiġu eżegwiti b'diliġenza xierqa.

L-impożizzjoni ta' detenzjoni għall-finijiet ta' tneħħija hija intrużjoni serja fid-dritt fundamentali tal-libertà tal-persuni u għalhekk hija soġġetta għal limitazzjonijiet stretti.

Obbligazzjoni ta' impożizzjoni tad-detenzjoni biss bħala miżura fl-aħħar istanza: L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jobbliga lill-Istati Membri li jieħdu “l-miżuri kollha meħtieġa” biex jinfurzaw id-deċiżjonijiet ta' ritorn. Il-possibbiltà ta' impożizzjoni ta' detenzjoni hija waħda mill-miżuri possibbli li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri bħala miżura fl-aħħar istanza. F'dan il-kuntest il-QtĠ-UE enfasizzat b'mod ċar fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-61/11, El Dridi, (paragrafu 41) li d-Direttiva dwar ir-Ritorn tipprevedi “gradazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta' ritorn, gradazzjoni li tmur mill-miżura li tħalli l-iktar libertà lill-persuna kkonċernata, jiġifieri l-għoti ta' terminu għat-tluq volontarju, għall-miżuri restrittivi li jillimitawha l-iktar, jiġifieri d-detenzjoni f'ċentru speċjalizzat”.

L-obbligu li l-Istati Membri japplikaw id-detenzjoni jeżisti biss f'sitwazzjonijiet fejn ikun ċar li l-użu tad-detenzjoni jkun l-uniku mod kif jista' jiġi żgurat li l-proċess ta' ritorn jista' jitħejja u li jkun jista' jitwettaq il-proċess ta' tneħħija (ħtieġa ta' detenzjoni). Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni individwali u għandha tkun għall-iqsar perjodu possibbli, b'mod li tinżamm biss diment li l-arranġamenti ta' tneħħija jkunu qed isiru u jiġu eżegwiti b'diliġenza xierqa (proporzjonalità ta' detenzjoni).

Raġunijiet għad-detenzjoni: l-uniku objettiv leġittimu tad-detenzjoni skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn huwa t-tħejjija tar-ritorn u/jew it-twettiq ta' proċess ta' tneħħija, b'mod partikolari meta jkun hemm 1) riskju ta' ħarba jew; 2) evitar jew ostakolar tat-tħejjija tar-ritorn jew tal-proċess ta' tneħħija mill-persuna rimpatrijata. Meta jeżistu dawn ir-raġunijiet għad-detenzjoni, u meta ma jkunu jistgħu jiġu applikati b'mod effettiv ebda miżuri inqas koerċittivi f'każ speċifiku (l-aħħar rimedju), l-Istati Membri huma intitolati u għandhom jużaw id-detenzjoni għal dak iż-żmien neċessarju biex jiżguraw li l-proċeduri tar-ritorn jistgħu jitwettqu b'suċċess f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

Anki jekk il-kliem tad-Direttiva dwar ir-Ritorn huwa formulat bħala lista indikattiva (“b'mod partikolari”), dawn iż-żewġ każijiet konkreti jkopru x-xenarji ewlenin li wieħed jiltaqa' magħhom fil-prattika li jiġġustifikaw detenzjoni sabiex jitħejja u jiġi organizzat ir-ritorn u jitwettaq il-proċess ta' tneħħija. L-eżistenza ta' raġuni għad-detenzjoni — u n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' miżuri effettivi u suffiċjenti ta' inqas koerċizzjoni — iridu jiġu evalwati individwalment f'kull każ. Ir-rifjut tad-dħul mal-fruntieri, l-eżistenza ta' twissija tas-SIS għar-rifjut ta' dħul, in-nuqqas ta' dokumentazzjoni, in-nuqqas ta' residenza, in-nuqqas ta' kooperazzjoni u indikazzjonijiet/kriterji relevanti oħrajn jeħtieġ li jitqiesu meta jkun qed jiġi vvalutat jekk ikunx hemm riskju ta' ħarba (ara t-taqsima 1.6) li jistgħu jiġġustifikaw il-ħtieġa għal detenzjoni.

Ebda detenzjoni għal raġunijiet ta' ordni pubbliku: il-possibbiltà li tinżamm jew tiġi estiża d-detenzjoni għal raġunijiet ta' ordni pubbliku mhijiex koperta mit-test tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u l-Istati Membri ma jistgħux jużaw id-detenzjoni tal-immigranti għall-finijiet tat-tneħħija bħala forma ta' “priġunerija ħafifa”. L-għan primarju tad-detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija huwa li jiġi żgurat li l-persuni rimpatrijati ma jxekklux l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta' ritorn billi jaħarbu. Mhuwiex l-iskop tal-Artikolu 15 li jipproteġi lis-soċjetà minn persuni li huma ta' theddida għall-politika jew is-sigurtà pubblika. L-iskop leġittimu li tiġi protetta s-soċjetà għandu jiġi indirizzat permezz ta' siltiet oħrajn tal-legiżlazzjoni, b'mod partikolari l-liġi kriminali, il-liġi amministrattiva kriminali u l-leġiżlazzjoni li tkopri t-tmiem tal-permanenza legali għal raġunijiet ta' ordni pubbliku. F'dan ir-rigward, il-QtĠ-UE ddikjarat fis-sentenza tagħha tal-Kawża C-357/09 Kadzoev  (74), (paragrafu 70), li: “Il-possibbiltà li persuna tinżamm f'detenzjoni għal raġunijiet ta' ordni pubbliku u ta' sigurtà pubblika ma ssibx bażi fid-Direttiva 2008/115/KE. L-ebda waħda miċ-ċirkustanzi invokati mill-qorti tar-rinviju (mġiba aggressiva; l-ebda mezz ta' appoġġ; l-ebda akkomodazzjoni) ma tista' tikkostitwixxi fiha nfisha raġuni ta' detenzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta' din id-direttiva”. Madankollu, l-imġiba/kondotta fl-imgħoddi ta' persuna li tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku u s-sikurezza pubblika (pereżempju nuqqas ta' konformità mal-liġi amministrattiva f'oqsma oħrajn għajr il-liġi dwar il-migrazzjoni jew ksur tal-liġi kriminali) tista' titqies meta jkun qed jiġi evalwat jekk ikunx hemm riskju ta' ħarba (ara t-taqsima 1.6). Jekk l-imġiba/kondotta fl-imgħoddi tal-persuna kkonċernata tippermetti li tinħareġ il-konklużjoni li l-persuna aktarx li mhix ser taġixxi skont il-liġi u ser tevita r-ritorn, din tista' tiġġustifika d-deċiżjoni li hemm riskju ta' ħarba.

Obbligu li jiġu pprovduti alternattivi effettivi għad-detenzjoni: l-Artikolu 15(1) għandu jiġi interpretat bħal wieħed li jesiġi li kull Stat Membru jistipula fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu alternattivi għad-detenzjoni; dan huwa konsisteni wkoll mat-termini tal-premessa 16 tad-Direttiva (“[…] jekk l-applikazzjoni ta' miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti”). Fis-sentenza tal-Kawża C-61/11, El Dridi (paragrafu 39), il-QtĠ-UE kkonfermat li “[…] mill-premessa 16 tal-imsemmija direttiva kif ukoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tagħha jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipproċedu bir-ripatrijazzjoni permezz tal-miżuri l-inqas restrittivi possibbli. Huwa biss fl-ipoteżi fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta' ritorn fil-forma ta' ripatrijazzjoni tirriskja, fir-rigward ta' evalwazzjoni ta' kull sitwazzjoni speċifika, li tiġi kompromessa bl-aġir tal-persuna kkonċernata, li dawn l-Istati jistgħu jipproċedu għall-privazzjoni tal-libertà ta' dan tal-aħħar permezz ta' detenzjoni”. Madankollu, dan ma jfissirx li prekundizzjoni għal detenzjoni hija li ċittadin ta' pajjiż terz diġà kien soġġett għal miżura ta' koerzjoni inqas.

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jirrikjedi li miżuri ta' koerzjoni inqas iridu jkunu “suffiċjenti” u li għandu jkun possibbli li dawn jiġu applikati “b'mod effettiv” liċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat. Dan jimplika li, sabiex jikkonformaw mal-obbligu li jipprovdu għal alternattivi effettivi għad-detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fid-dritt nazzjonali alternattivi għad-detenzjoni li jistgħu jiksbu l-istess għanijiet ta' detenzjoni (jiġifieri jevitaw il-ħarba, jevitaw li ċ-ċittadin jevita jew ifixkel ir-ritorn) filwaqt li jintużaw mezzi li huma inqas intrużivi tad-dritt għal-libertà tal-individwu. L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet relatati mad-detenzjoni, u l-alternattivi għad-detenzjoni għandhom jivvalutaw jekk dawn miżuri anqas koerżivi jkunux biżżejjed u jkunux effettivi f'kull każ individwali.

Eżempji ta' alternattivi għad-detenzjoni jinkludu restrizzjonijiet ta' residenza, djar miftuħin għall-familji, appoġġ minn assistenti soċjali, rapportar regolari, ċediment ta' dokumenti tal-identità/vjaġġar, libertà provviżorja u monitoraġġ elettroniku. L-UNHCR jipprovdi xi eżempji prattiċi ta' prattiki tajbin (75) dwar alternattivi għad-detenzjoni.

Benefiċċji u riskji — alternattivi għad-detenzjoni

Il-benefiċċji għall-provvista ta' alternattivi għad-detenzjoni jistgħu jinkludu rati ta' ritorn ogħla (inkluż it-tluq volontarju), kooperazzjoni aħjar mal-persuni rimpatrijati sabiex jiksbu d-dokumenti meħtieġa, benefiċċji finanzjarji (inqas spejjeż għall-Istat) u inqas problemi umani (evitar ta' tbatija marbuta mad-detenzjoni).

Ir-riskji jinkludu probabbiltà ikbar ta' ħarba, ħolqien possibbli ta' fatturi attraenti (faċilitajiet alternattivi għad-detenzjoni bħal djar għall-familji jistgħu jidhru bħala attraenti għall-immigranti irregolari potenzjali) u tensjonijiet soċjali possibbli fl-inħawi taċ-ċentri miftuħin.

Rakkomandazzjoni: L-isfida hija li jinstabu soluzzjonijiet intelliġenti li jinkludu taħlita xierqa ta' premji u deterrenti. Nuqqas assolut ta' deterrenti jista' jwassal għal rati ta' tneħħija baxxi. Fl-istess waqt sistema li tkun ripressiva żżejjed bid-detenzjoni sistematika tista' tkun ineffiċjenti wkoll, peress li l-persuna rimpatrijata ftit li xejn tkun inċentivata jew imħeġġa sabiex tikkoopera fil-proċedura ta' ritorn. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw u jużaw firxa wiesgħa ta' alternattivi biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta' kategoriji differenti ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. L-ikkowċjar imfassal apposta għal kull individwu, li jagħti s-setgħa lill-persuna rimpatrijata sabiex tieħu f'idejha r-ritorn tagħha, l-impenn bikri u l-immaniġġjar ħolistiku ta' każijiet ibbażat fuq soluzzjoni tal-kawżi kiseb suċċess. Il-mira għandha tkun ikkowċjar orizzontali sistematiku tal-persuni rimpatrijati potenzjali kollha, li jkopri l-għoti ta' pariri dwar il-possibbiltajiet ta' permanenza/ażil legali kif ukoll ritorn volontarju/furzat minn stadju bikri (u mhux biss ladarba jittieħdu d-deċiżjonijiet ta' tneħħija forzata).

Aktar kjarifiki:

Persuni soġġetti għal proċeduri ta' ritorn: ir-rekwiżit formali li persuna tkun “soġġetta għal proċeduri ta' ritorn” fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn mhuwiex sinonimu għal “soġġetta għal deċiżjoni ta' ritorn”. Id-detenzjoni diġà tista' tkun imposta — jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 15 — qabel ma tittieħed deċiżjoni ta' ritorn formali, pereżempju waqt it-tħejjijiet tad-deċiżjoni ta' ritorn u meta d-deċiżjoni ta' ritorn tkun għadha ma tteħditx.

Eżempji konkreti:

Ċittadin ta' pajjiż terz b'residenza illegali jista' jaħbi (ma jiżvelax) l-identità tiegħu sabiex jevita t-tneħħija. Huwa leġittimu li jinżamm f'detenzjoni f'ċirkostanzi bħal dawn, sabiex tiġi eżerċitata pressjoni fuq iċ-ċittadin ta' pajjiż terz sabiex jikkoopera u b'hekk it-tneħħija tiegħu ssir possibbli?

Din it-tip ta' detenzjoni huwa kopert mill-Artikolu 15(1)(b) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, li jsemmi b'mod espliċitu “jevita jew ifixkel […] il-proċess ta' tneħħija” bħala raġuni għad-detenzjoni. L-Artikolu 15(6)(a) jelenka “nuqqas ta' kooperazzjoni” bħala wieħed miż-żewġ każijiet li jistgħu jiġġustifikaw estensjoni tal-perjodu massimu ta' detenzjoni għal 12-il xahar u l-objettiv ġenerali u l-finalità ta' din it-tip ta' detenzjoni (Beugehaft jew Durchsetzungshaft) hija t-tneħħija, mhux is-sanzjoni. Kwalunkwe detenzjoni għall-finijiet ta' tneħħija għandha tirrispetta l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn: “Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta' tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih”. Dan jimplika li f'dawk il-każijet li fihom ikun ċar li ma jkunx għad hemm prospettivi raġonevoli ta' tneħħija, id-detenzjoni għandha tiġi fi tmiemha pereżempju meta jkun ċar li l-karti li għandhom jinħarġu minn pajjiż terz ikunu ser jaslu tard jew ma jkunux ser jinħarġu, anki jekk il-persuna f'detenzjoni tkun ser tikkoopera.

Huwa possibbli li żżomm id-detenzjoni jekk persuna rimpatrijata tippreżenta applikazzjoni għall-ażil?

Tweġiba mogħtija permezz tas-sentenza tal-QtĠ-UE fil-Kawża C-534/11, Arslan  (76) (paragrafi 49 u 63): “L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115/KE, […] ma japplikax għal ċittadin ta' pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2005/85/KE, u dan matul il-perijodu li jkopri l-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni jew, jekk ikun il-każ, sal-eżitu tar-rikors li jkun ġie ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni. […] Id-Direttivi 2003/9/KE u 2005/85/KE ma jipprekludux li ċittadin ta' pajjiż terz, li ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2005/85/KE wara li jkun tqiegħed f'detenzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115/KE, jinżamm f'detenzjoni fuq il-bażi ta' dispożizzjoni tad-dritt nazzjonalimeta jidher, wara evalwazzjoni individwali tal-fatti kollha rilevanti ta' kull każ, li din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata biss bl-għan li ttawwal jew tikkomprometti l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta' ritorn u li huwa oġġettivament meħtieġ li tinżamm il-miżura ta' detenzjoni sabiex jiġi evitat li l-persuna kkonċernata tevita definittivament r-ritorn tagħha”. NB: ir-referenza ta' hawn fuq għad-“dritt nazzjonali” hija marbuta mar-regoli nazzjonali dwar l-ażil marbutin mad-detenzjoni, it-trasport — skont kif ikun il-każ — ir-rekwiżiti marbutin mad-detenzjoni tal-acquis tal-ażil tal-UE.

14.2.   Forma u rieżami inizjali tad-detenzjoni

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 15(2)

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jew jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista' jkun mill-bidu tad-detenzjoni;

(b)

jew jagħtu liċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista' jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F'dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

L-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jikkonsistu minn imħallfin, iżda mhux bilfors. Skont il-każistika relevanti tal-QEDB, għandu jkollhom il-karatteristiċi ta' indipendenza, imparzjalità u joffru garanziji ġudizzjarji ta' proċedura avversa.

Kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami ġudizzjarju: ir-rieżami għandu jevalwa l-aspetti kollha msemmija b'mod ċar fl-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, b'kunsiderazzjoni kemm tal-kwistjonijiet legali (pereżempju korrettezza tal-proċedura ta' detenzjon u tad-deċiżjoni dwar id-detenzjoni mill-angolu proċedurali/legali) kif ukoll kwistjonijiet ta' fatti (pereżempju s-sitwazzjoni personali tal-persuna fid-detenzjoni, rabtiet tal-familja fil-pajjiż, garanziji tat-tluq mit-territorju, prospett raġonevoli ta' tneħħija).

Durata massima tar-“rieżami ġudizzjarju rapidu”: it-test tad-Direttiva dwar ir-Ritorn huwa ispirat mit-test tal-Artikolu 5(4) tal-KEDB li jirrikjedi: “rieżami ġudizzjarju rapidu mill-Qorti”. Il-każistika relevanti tal-QEDB tiċċara li durata massima aċċettabbli (jiġifieri żmien raġonevoli) ma jistax jiġi ddefinit b'mod astratt. Dan għandu jiġi ddeterminat fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta' kull każ, b'kunsiderazzjoni tal-kumplessità tal-proċedimenti, kif ukoll l-imġiba tal-awtoritajiet u tal-applikant. It-teħid ta' deċiżjoni fi żmien inqas minn ġimgħa ċertament jista' jitqies bħala prattika tajba li hija konformi mar-rekwiżiti legali ta' rapidità.

Rekwiżit ta' deċiżjoni bil-miktub tapplika wkoll għal deċiżjonijiet ta' titwil: ir-rekwiżit biex tinħareġ deċiżjoni bil-miktub bir-raġunijiet tapplika wkoll għad-deċiżjonijiet rigward it-titwil tad-detenzjoni. Fis-sentenza tal-Kawża C-146/14, Mahdi, il-QtĠ-UE kkjarifikat b'mod espliċitu li (paragrafu 44): “Dan ir-rekwiżit li tiġi adottata deċiżjoni bil-miktub għandu neċessarjament jinftiehem bħala li japplika wkoll għal kull deċiżjoni dwar l-estensjoni tad-detenzjoni, peress li, minn naħa, id-detenzjoni u l-estensjoni tagħha għandhom natura analoga, sa fejn it-tnejn li huma għandhom l-effett li jċaħħdu mil-libertà liċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat sabiex jiġi ppreparat ir-ritorn tiegħu u/jew sabiex issir it-tneħħija tiegħu, u, min-naħa l-oħra, f'kull wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet, dan iċ-ċittadin għandu jkun f'pożizzjoni li jkun jaf ir-raġunijiet tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tiegħu”.

Is-salvagwardji kollha inerenti għar-rispett tad-dritt għal smigħ japplikaw għal deċiżjonijiet ta' detenzjoni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tad-detenzjoni. Madankollu, in-nuqqas ta' rispett ta' dan id-dritt jagħmel deċiżjoni invalida biss sakemm l-eżitu tal-proċedura kien ikun differenti li kieku d-dritt ġie rrispettat — ara l-kawża C-383/13, G & R: “[…] id-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Artikolu 15(2) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-estensjoni ta' miżura ta' detenzjoni tkun ġiet deċiża fil-kuntest ta' proċedura amministrattiva mingħajr ma jkun ġie rrispettat id-dritt għal smigħ, il-qorti nazzjonali li jkollha tevalwa l-legalità ta' din id-deċiżjoni tista' tordna r-revoka tal-miżura ta' detenzjoni biss jekk tikkunsidra, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta' fatt u ta' liġi ta' kull każ ineżami, li dan il-ksur kien effettivament ċaħħad lil min invokah mill-possibbiltà li jiddefendi ruħu b'mod aħjar sa punt tali li din il-proċedura amministrattiva setgħat twassal għal riżultat differenti” (ara t-taqsmima 12).

14.3.   Rieżami regolari tad-detenzjoni

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 15(3)

F'kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f'intervalli raġonevoli ta' żmien jew b'applikazzjoni miċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio.

Ebda deċiżjoni għal reviżjoni bil-miktub mhija meħtieġa skont l-Artikolu 15(3), l-ewwel sentenza: dan ġie kkjarifikat mill-QtĠ-UE fis-sentenza tal-Kawża C-146/14 Mahdi, (paragrafi 47): “id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 ta' din id-direttiva ma jeżiġux l-adozzjoni ta' 'miżura ta' rieżami' bil-miktub […]. L-awtoritajiet li f'intervalli raġonevoli jwettqu reviżjoni tad-detenzjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva, ma humiex għalhekk obbligati li jadottaw, f'kull reviżjoni, att espliċitu bil-miktub li jinkludi espożizzjoni tal-punti ta' fatt u ta' liġi li jimmotivaw dan l-att”. L-Istati Membri huma, madankollu, ħielsa li jadottaw deċiżjoni ta' reviżjoni bil-miktub skont il-liġi nazzjonali.

Deċiżjonijiet ta' rieżami u prolongazzjoni kombinati jridu jiġu adottati bil-miktub: fis-sentenza tagħha dwar il-Kawża C-146/14, Mahdi, il-QtĠ-UE kkjarifikat li (paragrafu 48): “F'tali każ, ir-reviżjoni tad-detenzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar x'għandu jsir wara din id-detenzjoni jseħħu matul l-istess fażi proċedurali. Konsegwentement, din id-deċiżjoni għandha tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115/KE”.

F'każ ta' perjodu ta' detenzjoni mtawwal, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta' awtorità ġudizzjarja.

Tifsira ta' “detenzjoni prolongata”: It-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn tistipula superviżjoni ġudizzjarju ex officio f'każijiet ta' “perjodi ta' detenzjoni prolongata”. Dan jimplika l-bżonn ta' azzjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji, anki f'dawk il-każijiet li fihom il-persuna kkonċernata ma tappellax. Abbażi ta' paragun lingwistiku tat-terminu “detenzjoni prolongata” (bil-Ġermaniż: “Bei längerer Haftdauer”; bil-Franċiż: “En cas de périodes de rétention prolongées”; bin-Netherlandiż: “In het geval van een lange periode van bewaring”; bl-Ispanjol: “En caso de periodos de internamiento prolongados”; bit-Taljan: “Nel caso di periodi di trattenimento prolungati”) huwa ċar li dan it-terminu jirreferi għal perjodu twil ta' detenzjoni indipendentement mill-fatt li deċiżjoni formali dwar l-estensjoni kienet diġà meħuda jew le. Il-Kummissjoni tqis li intervall ta' sitt xhur għall-eżerċizzju tal-ewwel superviżjoni ġudizzjarja ex officio tad-deċiżjoni ta' detenzjoni żgur li huwa twil wisq, filwaqt li superviżjoni ġudizzjarja ex officio wara tliet xhur tista' titqies il-limitu ta' dak li jista' jkun kompatibbli ma' 15(3) tad-Direttiva, sakemm ikun possibbli wkoll li jitnedew reviżjonijiet individwali jekk issir applikazzjoni, jekk ikun hemm bżonn.

Setgħat tal-awtorità ġudizzjarja ta' superviżjoni: mekkaniżmu ta' reviżjoni li jeżamina biss kwistjonijiet legali u ma jeżaminax kwistjonijiet ta' fatti, mhuwiex biżżejjed. L-awtorità ġudizzjarja jrid ikollha s-setgħa li tiddeċiedi dwar kwistjonijiet legali u fattwali — ara s-sentenza tal-QtĠ-UE fil-Kawża C-146/14, Mahdi (paragrafu 62): “[…] l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tkun f'pożizzjoni li tissostitwixxi bid-deċiżjoni tagħha d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva jew, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li ordnat id-detenzjoni inizjali, u li tiddeċiedi dwar il-possibbiltà li tordna miżura ta' sostituzzjoni jew ir-rilaxx taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat. Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar talba għall-estensjoni ta' detenzjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-punti ta' fatt kif ukoll il-provi invokati mill-awtorità amministrattiva li ordnat id-detenzjoni inizjali kif ukoll kull osservazzjoni eventwali taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat. Barra minn hekk, hija għandha tkun f'pożizzjoni li tfittex kull element ieħor rilevanti għad-deċiżjoni tagħha fil-każ li tqis li dan huwa neċessarju […]”

14.4.   Tmiem tad-detenzjoni

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 15(4)–(6)

4.

Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta' tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.

Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta' perjodu meħtieġ biex il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b'suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perjodu limitat ta' detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.

L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perjodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perjodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skont il-liġi nazzjonali f'każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta' tneħħija tista' ddum minħabba:

(a)

nuqqas ta' kooperazzjoni miċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat, jew

(b)

dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.

Id-detenzjoni trid tintemm u l-persuna rimpatrijata trid tiġi rilaxxata f'għadd ta' sitwazzjonijiet differenti, b'mod partikolari jekk:

ma jeżistix aktar prospett raġonevoli ta' tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn;

l-awtoritajiet ma jsegwux l-arranġamenti ta' tneħħija kif xieraq;

jintlaħqu l-limiti ta' żmien massimi għad-detenzjoni.

Barra minn hekk detenzjoni għandha tintemm fuq bażi ta' każ b'każ jekk alternattivi għad-detenzjoni jsiru l-għażla xierqa.

14.4.1.   Nuqqas ta' prospett raġonevoli ta' tneħħija

Nuqqas ta' prospett raġonevoli ta' tneħħija: Fis-sentenza tal-Kawża C-357/09, Kadzoev, (il-paragrafu 67), il-QtĠ ipprovdiet interpretazzjoni ċara tat-tifsira ta' “prospett raġonevoli”: “Huwa biss prospett raġonevoli li t-tneħħija tista' ssir b'suċċess, filwaqt li jiġu kkunsidrati t-termini stabbiliti fl-Artikolu 15(5) u (6), jikkorrispondi għal prospett raġonevoli ta' tneħħija. Dan tal-aħħar ma jkunx jeżisti meta jkun jidher li ma tantx huwa probabbli li l-persuna interessata tintlaqa' f'pajjiż terz fid-dawl tal-imsemmija termini ta' żmien”.

In-nuqqas ta' “prospett raġonevoli” mhuwiex l-istess bħal “impossibbli biex tinforzah”: “impossibbli li tinfurzah” hija dikjarazzjoni aktar kategorika u aktar diffiċli biex tintwera minn “nuqqas ta' prospett raġonevoli” li jirreferi għal ċertu livell ta' possibbiltà biss.

Perjodi ta' detenzjoni li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-“prospett raġonevoli ta' tneħħija”: minħabba l-enfasi li jagħmel l-Artikolu 15 (kif ukoll il-premessa 6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn fuq valutazzjoni ta' każ b'każ konkreta u individwali biex tiġi ddeterminata l-proporzjonalità tal-privazzjoni tal-libertà, dejjem għandha tingħata attenzjoni għall-perjodi massimi ta' detenzjoni għall-individwu kkonċernat fil-każ konkret. Dan ifisser li l-perjodi massimi stipulati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat huma relevanti. Dan jimplika wkoll li persuna rimpatrijata ma għandhiex tinżamm fi Stat Membru jekk ikun jidher li huwa improbabbli mill-bidu li l-persuna kkonċernata tkun se tiddaħħal f'pajjiż terz fi ħdan il-perjodu ta' detenzjoni massimu skont il-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat Membru (fis-sentenza tal-Kawża C-357/09, Kadzoev, il-QtĠ irriferiet għall-perjodi massimi skont id-Direttiva, peress li dawn kienu l-istess bħall-perjodi massimi taħt il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat).

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jipprovdu għal perjodu massimu inizjali ta' detenzjoni ta' sitt xhur, li jkunu adattati fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u jkunu rieżaminati f'intervalli raġonevoli ta' żmien taħt is-superviżjoni ta' awtorità ġudizzjarja, u għall-possibbiltà li d-detenzjoni tiġi mtawla sa 18-il xahar fil-każijiet previsti fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

Ladarba l-perjodi massimi ta' detenzjoni jkunu ntlaħqu, l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn ma jibqax japplika u l-persuna jkollha tiġi rilaxxata immedjatament — ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawza C-357/09, Kadzoev (il-paragrafi 60 u 61): “Għandu jiġi rrilevat li, meta t-tul massimu ta' detenzjoni msemmi fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115/KE jintlaħaq, il-kwistjoni dwar jekk ikunx għadu jeżisti “prospett raġonevoli ta' tneħħija”, fis-sens tal-Artikolu 15(4) ma tqumx. Fil-fatt, f'tali każ, il-persuna kkonċernata għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi immedjatament liberata. Għalhekk, l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115/KE jista' jiġi applikat biss sakemm it-termini massimi ta' detenzjoni msemmija fl-Artikolu 15(5) u (6) ma jkunux skadew”.

Kjarifiki ulterjuri:

Għandha tingħata attenzjoni għas-sitwazzjoni speċifika ta' persuni apolidi, li jista' jkun li ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn assistenza konsulari minn pajjiżi terzi bl-għan li jiksbu dokument ta' identità jew tal-ivvjaġġar validu. Fid-dawl tas-sentenza tal-QtĠ dwar il-Kawża C-357/09, Kadzoev, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm prospett raġonevoli ta' tneħħija li jiġġustifika l-impożizzjoni jew il-prolongazzjoni tad-detenzjoni.

Huwa leġittimu li ċittadin ta' pajjiż terz jinżamm detenut jekk ikun għadu protett mit-tneħħija minħabba l-prinċipju ta' non-refoulment?

Jekk it-tneħħija ssir improbabbli (pereżempju minħabba probabblità ta' kwistjoni permanenti ta' non-refoulment), iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom jiġu rilaxxati skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Jekk il-kwistjoni ta' non-refoulement hija biss ta' natura limitata u temporanja (pereżempju assigurazzjoni diplomatika kredibbli fil-pajjiż ta' ritorn x'aktarx li se tiġi ppubblikata dalwaqt jew il-persuna rimpatrijata hija temporanjament f'sitwazzjoni ta' bżonn ta' trattamenti mediċi vitali li mhumiex disponibbli fil-pajjiż ta' ritorn) id-detenzjoni tista' tinżamm jekk ikun għad hemm prospett raġonevoli ta' tneħħija.

14.4.2.   Ilħuq tal-perjodu massimu ta' detenzjoni

L-Artikolu 15(5) u (6) jobbliga lill-Istati Membri li jiffissaw skont il-liġi nazzjonali (77) limiti ta' żmien massimi għad-detenzjoni li ma jistgħux jaqbżu s-sitt xhur (f'każijiet regoli) jew it-18-il xahar (f'żewġ każijiet kwalifikati: nuqqas ta' kooperazzjoni mill-persuna rimpatrijata jew dewmien fil-kisba tad-dokumenti neċessarji minn pajjiżi terzi).

Il-perjodi massimi ta' detenzjoni — xi kultant iqsar — stabbiliti mil-liġi nazzjonali jieħdu preċedenza fuq l-iskadenza ta' 6/18-il xahar stipulata fid-Direttiva dwar ir-Ritorn: fit-trattament ta' każijiet konkreti, għandhom japplikaw il-perjodimassimi stabbiliti mil-liġi nazzjonali (f'konformità mad-Direttiva dwar ir-Ritorn) u mhux il-perjodi massimi stabbiliti mid-Direttiva dwar ir-Ritorn. Dan jimplika li Stat Membru li jkollu massimu nazzjonali stabbilit ta' 60 jum għal persuni rimpatrijati li ma jikkooperawx ma jistax itawwal id-detenzjoni aktar minn 60 jum, anki jekk l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jistipula qafas ta' żmien li jasal sa 18-il xahar.

Il-liġi nazzjonali għandha tistabbilixxi perjodu massimu ta' detenzjoni li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta' ritorn, biex b'hekk jiffinalizzaw il-proċeduri meħtieġa għal ritorn b'suċċess ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'soġġorn illegali u jiżguraw ir-rijammissjoni fil-pajjiż terz ta' ritorn. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw il-marġini stabbiliti permezz tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, li tipprevedi perjodu inizjali massimu ta' detenzjoni ta' sitt xhur, u l-possibbiltà li d-detenzjoni tittawwal sa 18-il xahar ulterjuri fil-każijiet previsti fl-Artikolu 15(6) ta' dik id-Direttiva. Huwa mfakkar li t-tul effettiv ta' detenzjoni għandu jiġi determinat fuq bażi ta' każ b'każ u li l-persuna rimpatrijata trid tiġi rilaxxata jekk il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni (pereżempju, prospett raġonevoli ta' tneħħija) m'għadhomx jeżistu.

Eżempji ta' raġunijiet li jiġġustifikaw/ma jiġġustifikawx id-detenzjoni mtawla skont l-Artikolu 15(6):

Nuqqas ta' dokumenti ta' identità bħala tali mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-estensjoni tad-detenzjoni — ara d-deċiżjoni tal-QtĠ fil-Kawża C-146/14, Mahdi (il-paragrafu 73): “[…] il-fatt li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ma għandux dokumenti ta' identità ma jistax, waħdu, jiġġustifika estensjoni tad-detenzjoni prevista fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115/KE”.

In-nuqqas ta' kooperazzjoni biex jinkisbu d-dokumenti ta' identità jista' jiġġustifika l-estensjoni ta' detenzjoni jekk ikun hemm rabta kawżali bejn in-nuqqas ta' kooperazzjoni u n-nuqqas ta' ritorn — ara s-Sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-146/14, Mahdi (il-paragrafu 85): “[…] biss jekk mill-eżami tal-imġiba tal-imsemmi ċittadin matul il-perjodu ta' detenzjoni jirriżulta li dan tal-aħħar ma kkooperax għall-implementazzjoni tal-operazzjoni ta' tneħħija u li huwa probabbli li din l-operazzjoni tieħu iktar fit-tul milli previst minħabba dan l-aġir, […]”.

Kjarifiki ulterjuri:

 

Kunsiderazzjoni tal-perjodu ta' detenzjoni bħala applikant għall-ażil: meta jiġi kkalkolat il-perjodu ta' detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija, il-perjodi ta' detenzjoni bħala applikant għall-ażil m'hemmx għalfejn jiġu kkunsidrati, peress li d-detenzjoni għal finijiet ta' tneħħija u d-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil jaqgħu taħt regoli legali u reġimi differenti — ara d-deċiżjoni tal-QtĠ fil-Kawża C-357/09, Kadzoev (il-paragrafi 45 u 48): “Id-detenzjoni għal raġunijiet ta' tneħħija regolata mid-Direttiva 2008/115/KE u d-detenzjoni ordnata fil-konfront ta' applikant għall-ażil, b'mod partikolari skont id-Direttivi 2003/9/KE u 2005/85/KE u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, jaqgħu taħt sistemi legali differenti. Konsegwentement, […] perjodu li matulu persuna tkun tqiegħdet f'ċentru ta' detenzjoni temporanja abbażi ta' deċiżjoni meħuda skont dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar l-applikanti għal ażil ma għandux jiġi kkunsidrat bħala detenzjoni għal raġunijiet ta' tneħħija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115/KE”.

 

Il-paragrafu 47 tal-istess sentenza mbagħad iżid: “Jekk jirriżulta li l-ebda deċiżjoni ma ttieħdet dwar id-detenzjoni tas-Sur Kadzoev fiċ-ċentru ta' detenzjoni temporanja fil-kuntest tal-proċeduri mibdija wara l-applikazzjonijiet għal ażil min-naħa tiegħu, imsemmija fil-paragrafu 19 ta' din is-sentenza, u li għalhekk id-detenzjoni tiegħu baqgħet ibbażata fuq is-sistema nazzjonali preċedenti ta' detenzjoni għal raġunijiet ta' tneħħija jew fuq is-sistema tad-Direttiva 2008/115/KE, il-perjodu ta' detenzjoni tas-Sur Kadzoev li jikkorrispondi għall-perjodu meta kienu għaddejjin l-imsemmija proċeduri ta' ażil għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perjodu ta' detenzjoni għal raġunijiet ta' tneħħija msemmi fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE.”

 

Kunsiderazzjoni tal-perjodi ta' detenzjoni sakemm jitħejja t-trasferiment ta' Dublin: l-istess loġika kif inhi stipulata hawn fuq (b'rabta ma' perjodi ta' detenzjoni bħala applikant għall-ażil) tapplika.

 

Kunsiderazzjoni ta' perjodi ta' detenzjoni sakemm ikun hemm appell b'effett ta' sospensjoni pendenti: perjodi bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati (ara l-QtĠ fil-Kawża C-357/09, Kadzoev (il-paragrafi 53-54): “Għalhekk, il-perjodu ta' detenzjoni skontat mill-persuna kkonċernata filwaqt li kienet għaddejja l-proċedura li permezz tagħha l-legalità tad-deċiżjoni ta' tneħħija kienet is-suġġett ta' stħarriġ ġudizzjarju […] għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-iskop tal-kalkolu tal-perjodu massimu ta' detenzjoni msemmi fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE. Li kieku kien mod ieħor, il-perjodu ta' detenzjoni għal raġunijiet ta' tneħħija jista' jvarja, jekk ikun il-każ b'mod konsiderevoli, minn każ għall-ieħor fl-istess Stat Membru jew minn Stat għal ieħor, minħabba partikolaritajiet u ċirkustanzi tal-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali, liema fatt imur kontra l-għan intiż mill-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE, li huwa li jiġi ggarantit tul massimu ta' detenzjoni li jkun komuni għall-Istati Membri.”

 

Konsiderazzjoni tal-perjodi ta' detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija mqatta' fi Stat Membru (ieħor) A, segwiti immedjatament minn detenzjoni ta' qabel it-tneħħija fi Stat Membru B (sitwazzjoni bħal din tista', pereżempju, tirriżulta fil-kuntest tat-trasferiment ta' migrant irregolari minn Stat Membru A għal Stat Membru B skont ftehim bilaterali ta' riammissjoni kopert mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn): il-Kummissjoni tikkunsidra li l-limitu massimu ta' 18-il xahar ta' detenzjoni mhux interrotta qabel it-tneħħija ma għandux jinqabeż, fid-dawl tal-bżonn li jiġi rrispettat l-effet utile tal-limitu taż-żmien massimu ffissat mill-Artikolu 15(6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar perjodi ta' detenzjoni li wieħed diġà jkun qatta' fi Stat Membru ieħor, kif ukoll il-possibbiltà eventwali li Stat Membru B jirrifjuta t-trasferiment minn Stat Membru A, jekk Stat Membru A jkun għamel it-talba tard ħafna għandhom jiġu indirizzati skont il-ftehimiet ta' riammissjoni bilaterali relevanti.

 

Kunsiderazzjoni tal-perjodi ta' detenzjoni mitmuma qabel ir-regoli tad-Direttiva dwar ir-Ritorn saru applikabbli: perjodi bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati (ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-357/09, Kadzoev, il-paragrafi 36-38).

14.5.   Detenzjoni mill-ġdid ta' persuni rimpatrijati

Il-perjodu massimu tad-detenzjoni stipulati mid-Direttiva dwar ir-Ritorn ma għandhomx jixxekklu bid-detenzjoni mill-ġdid tal-persuni rimpatrijati b'mod immedjat, wara li jinħelsu mid-detenzjoni.

Id-detenzjoni mill-ġdid tal-istess persuna fi stadju aktar tard tista' tkun leġittima biss jekk tkun seħħet bidla importanti ta' ċirkostanza relevanti (pereżempju l-ħruġ ta' karti neċessarji minn pajjiż terz jew titjib fis-sitwazzjoni fil-pajjiż ta' oriġini, li jippermetti ritorn sigur), jekk din il-bidla tirriżulta fi “prospett raġonevoli ta' tneħħija” skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha l-oħra għall-impożizzjoni tad-detenzjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva.

14.6.   Applikazzjoni ta' miżuri inqas koerċittivi wara li tintemm id-detenzjoni

Miżuri inqas koerċittivi, bħal rapportar regolari għand l-awtoritajiet, id-depożitu ta' garanzija finanzjarja xierqa, is-sottomissjoni ta' dokumenti jew l-obbligu ta' residenza f'post partikolari jistgħu jiġu imposti sakemm u safejn dawn jistgħu jibqgħu jitqiesu “miżura neċessarja” fl-infurzar tar-ritorn. Filwaqt li ma hemm l-ebda limiti ta' żmien massimi assoluti previsti għall-applikazzjoni ta' miżuri anqas koerċittivi, l-iskop u t-tul ta' żmien ta' dawn il-miżuri jkunu soġġetti għal valutazzjoni bir-reqqa dwar il-proporzjonalità tagħhom.

Madankollu, jekk in-natura u l-intensità tal-miżuri inqas koerċittivi jkunu simili jew ekwivalenti għal ċaħda tal-libertà (pereżempju l-impożizzjoni ta' obbligu ta' residenza f'faċilità speċifika bla limitu, mingħajr il-possibbiltà ta' ħruġ mit-tali faċilità), dawn għandhom jitqiesu bħala kontinwazzjoni de facto tad-detenzjoni u jkunu japplikaw il-limiti ta' żmien previsti fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn japplikaw.

15.   IL-KUNDIZZJONIJIET TA' DETENZJONI

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 16

1.

Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f'faċilitajiet speċjalizzati ta' detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista' jipprovdi akkomodazzjoni f'faċilità speċjalizzata ta' detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f'ħabs, iċ-ċittadini ta' pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

2.

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi f'detenzjoni għandhom jitħallew — fuq talba — jistabbilixxu kuntatt fi żmien dovut ma' rappreżentanti legali, membri tal-familja u awtoritajiet konsulari kompetenti.

3.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta' persuni vulnerabbli. Għandhom jingħataw kura tas-saħħa f'emerġenza u trattament essenzjali għal mard.

4.

Organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali, internazzjonali u nongovernattivi rilevanti u kompetenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jżuru l-faċilitajiet ta' detenzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1 sa fejn jintużaw għad-detenzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi skont dan il-Kapitolu. Żjarat bħal dawn jistgħu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni.

5.

Ċittadini ta' pajjiżi terzi miżmumin f'detenzjoni għandhom ikunu sistematikament provduti b'informazzjoni li tispjega r-regoli applikati fil-faċilità u li tindika d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar id-dritt tagħhom skont il-liġi nazzjonali li jagħmlu kuntatt ma' l-organizzazzjonijiet u l-korpi msemmijin fil-paragrafu 4.

15.1.   Kustodja inizjali tal-pulizija

L-arrest inizjali mill-pulizija għal finijiet ta' identifikazzjoni huwa kopert mil-liġi nazzjonali: dan huwa enfasizzat b'mod espliċitu fil-premessa 17 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn: “Mingħajr preġudizzju għall-arrest inizjali mill-awtoritajiet ta'l-infurzar tal-liġi, irregolat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-detenzjoni għandha bħala regola tkun f'faċilitajiet speċjalizzati għad-detenzjoni”. Dan jiċċara li tul perjodu inizjali l-liġi nazzjonali tista' tkompli tapplika. Anki jekk dan mhuwiex obbligu legali, l-Istati Membri huma mħeġġin li f'dan l-istadju diġà jaċċertaw li l-migranti regolari jinżammu separati mill-priġunieri ordinarji.

Tul tal-perjodu ta' interpellanza iniżjali li fih il-migranti irregolari ssuspettati jistgħu jinżammu fil-kustodja tal-pulizija: żmien qasir iżda raġonevoli sabiex tiġi identifikata l-persuna taħt pressjoni u biex tiġi riċerkata l-informazzjoni li tippermettilha li tiddetermina jekk din il-persuna hijiex ċittadin ta' pajjiż terz b'soġġorn illegali — ara s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-329/11, Achunghbabian (il-paragrafu 31); “Għandu jiġi kkunsidrat f'dan ir-rigward, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom terminu qasir iżda raġonevoli sabiex jidentifikaw il-persuna kkontrollata u sabiex ifittxu d-data li tkun tista' tippermetti li jiġi ddeterminat jekk din il-persuna hijiex ċittadina ta' pajjiż terz li qiegħda fil-pajjiż illegalment. Id-determinazzjoni tal-isem u taċ-ċittadinanza tista', fin-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-persuna kkonċernata, tkun diffiċli. Il-verifika tal-eżistenza ta' residenza illegali tista' hija wkoll, tkun kumplessa, b'mod partikolari, meta l-persuna kkonċernata tinvoka l-istatus ta' applikant ta' ażil jew ta' refuġjat. F'dan il-każ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sabiex jevitaw ksur tal-għan tad-Direttiva 2008/115/KE, kif imfakkar fil-punt preċedenti, jaġixxu b'diliġenza u jiddeterminaw l-opinjoni tagħhom mingħajr dewmien fuq in-natura legali jew le tar-residenza tal-persuna kkonċernata”. Anki jekk ma jeżistix limitu ta' żmien dettaljat u vinkolanti, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li trasferiment lejn faċilità ta' detenzjoni speċjalizzata għall-migranti irregolari normalment isir fi żmien 48 siegħa wara l-arrest (f'ċerti eċċezzjonijiet jistgħu jkunu aċċettati perjodi itwal fil-każ ta' postijiet ġeografiċi mbiegħda).

15.2.   Użu ta' faċilitajiet speċjalizzati bħala regola ġenerali

L-użu ta' faċilitajiet speċjalizzati huwa r-regola ġenerali: il-persuna rimpatrijata mhix kriminali u jistħoqqilha trattament differenti minn priġunieri ordinarji. Għalhekk, l-użu ta' faċilitajiet speċjalizzati huwa r-regola ġenerali prevista mid-Direttiva dwar ir-Ritorn. L-Istati Membri huma meħtieġa jżommu lil ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali f'detenzjoni għal finijiet ta' tneħħija f'faċilitajiet ta' detenzjoni speċjalizzati, u mhux f'ħabsijiet ordinarji. Dan ifisser obbligu fuq l-Istati Membri li jaċċertaw li jkun hemm postijiet suffiċjenti fil-faċilitajiet ta' detenzjoni speċjalizzati, u għalhekk il-kapaċità ta' detenzjoni tkun konformi mal-ħtiġijiet attwali, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet materjali ta' detenzjoni adegwati.

Eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali: id-deroga prevista fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn li tippermetti lill-Istati Membri li jpoġġu lil detenuti qabel it-tneħħija f'każijiet eċċezzjonali f'ħabsijiet ordinarji għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv. Dan ġie kkonfermat b'mod ċar mis-sentenza tal-QtĠ fil-Kawżi magħquda C-473/13, Bero u (C-514/13, Bouzalmate  (78) (il-paragrafu 25): “It-tieni frażi ta' […] l-Artikolu 16(1)… jistipula deroga minn dak il-prinċipju li għandha tiġi interpretata b'mod strett (ara, għal dan l-effett, is-sentenza f'Kamberaj, C-571/10, EU:C:2012:233, il-paragrafu 86)”. Għandha tingħata konsiderazzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali meta jsir użu minn din id-deroga, filwaqt li jitqiesu elementi bħal sitwazzjonijiet ta' ffullar, il-ħtieġa li jiġu evitati trasferimenti ripetuti u l-effetti negattivi possibbli fuq il-benesseri tar-ripatrijat, b'mod partikolari fil-każ ta' persuni vulnerabbli.

Żidiet mhux prevedibbli fin-numru ta' detenuti: id-deroga prevista fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn tista' tiġi applikata meta żidiet mhux preveduti fin-numru ta' detenuti kkawżati minn flutwazzjonijiet kwantitattivi imprevedibbli inerenti għall-fenomenu tal-migrazzjoni irregolari (li jkun għandhom ma laħqux il-livell ta' “sitwazzjoni ta' emerġenza” rregolata b'mod ċar mill-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn) jikkawżaw problemi biex id-detenuti jitqiegħdu f'faċilitajiet speċjali fi Stat Membri li f'sitwazzjoni normali jgawdi minn numru adegwat/suffiċjenti ta' postijiet ta' faċilitajiet speċjalizzati.

Detenuti aggressivi: skont il-każistika rilevanti tal-QEDB, l-Istati Membri huma taħt obbligu li jipproteġu l-persuni rimpatrijati detenuti minn imġiba aggressiva jew mhux xierqa ta' persuni rimpatrijati jew detenuti oħrajn. L-Istati Membri huma mħeġġin isibu modi prattiċi biex jindirizzaw din l-isfida fil-faċilitajiet speċjalizzati u mingħajr ma jduru lejn akkomodazzjoni f'ħabsijiet. Soluzzjonijiet possibbli jistgħu jinkludu li ċerti partijiet/sezzjonijiet miċ-ċentri ta' detenzjoni jkunu riżervati għal persuni aggressivi, jew li jkun hemm ċentri ta' detenzjoni speċjali riżervati għal din il-kategorija ta' persuni.

Nuqqas ta' faċilitajiet ta' detenzjoni speċjali f'parti reġjonali ta' Stat Membru: in-nuqqas ta' faċilitajiet ta' detenzjoni speċjali f'parti reġjonali ta' Stat Membri — filwaqt li f'parti oħra tal-istess Stat Membru jkunu jeżistu — ma jistax jiġġustifika per se soġġorn f'ħabs ordinarju. Dan ġie kkonfermat b'mod ċar mis-sentenza tal-QtĠ fil-Kawżi magħquda C-473/13, Bero u (C-514/13, Bouzalmate (il-paragrafu 32): “l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa obbligat, bħala regola ġenerali, iqiegħed f'faċilità speċjalizzata ta' detenzjoni ta' dan l-Istat liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment miżmuma taħt detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija tagħhom, u dan anki meta l-imsemmi Stat Membru jkollu struttura federali u l-parti mill-istruttura federali tal-Istat li tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi u teżegwixxi tali tqegħid skont id-dritt nazzjonali ma jkollhiex tali faċilità ta' detenzjoni.”

Perjodi qosra ta' detenzjoni: il-fatt li aktarx li d-detenzjoni ma ddumx (bħal pereżempju sebat ijiem biss), mhuwiex raġuni leġittima li f'ċerti eċċezzjonijiet l-awtoritajiet jirrikorru għal akkomodazzjoni f'ħabsijiet.

Detenzjoni f'istituzzjonijiet mediċi/psikjatriċi magħluqin: detenzjoni ta' qabel it-tneħħija f'istituzzjonijiet mediċi/psikjatriċi jew flimkien ma' persuni detenuti fuq raġunijiet mediċi mhijiex prevista mill-Artikolu 16(1) u tmur kontra l-effet utile tagħha, sakemm, fid-dawl tal-kundizzjoni medika u l-istat tas-saħħa tal-persuna kkonċernata, id-detenzjoni fi jew it-trasferiment għal faċilita speċjalizzata jew adattata jidher neċessarju sabiex il-persuna tiġi provduta b'superviżjoni medika speċjalizzata u kontinwa, assistenza u kura, bil-għan li tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-istat tas-saħħa.

15.3.   Is-separazzjoni mill-priġunieri ordinarji

L-obbligu li l-persuni rimpatrijati u l-priġunieri jinżammu separati huwa rekwiżit assolut: id-Direttiva dwar ir-Ritorn tistipula obbligu mhux kondizzjonali li jirrikjedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali dejjemjinżammu separati minn priġunieri ordinarji meta Stat Membru ma jkunx jista' jipprovdi, b'mod eċċezzjonali, akkomodazzjoni għal dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi f'faċilitajiet ta' detenzjoni speċjalizzati.

Eks-pripunieri soġġetti għal ritorn sussegwenti: ladarba s-sentenza ta' ħabs tkun ġiet fi tmiemha u l-persuna normalment tkun inħelset, jibdew japplikaw ir-regoli tad-detenzjoni għall-fini ta' tneħħija, inkluż l-obbligu skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn li d-detenzjoni ssir f'faċilitajiet speċjalizzati. Jekk it-tħejjija għal tneħħija u possibilment anki t-tneħħija nnifisha jsiru fil-perjodu li jkun għadu kopert mis-sentenza tal-ħabs, l-akkomodazzjoni fil-ħabs tista' tinżamm billi din tkun għadha koperta bis-sentenza għar-reat li jkun twettaq qabel. L-Istati Membri huma mħeġġa biex jibdew il-proċeduri kollha meħtieġa għat-tneħħija minn qabel sew meta l-persuni jkunu għadhom jiskontaw is-sentenza ta' priġunerija tagħhom f'ħabs, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz jista' jkun rimpatrijat b'suċċess mhux aktar tard mill-mument li fih ikun rilaxxat mill-ħabs.

Detenuti aggressivi: l-imġiba aggressiva jew mhux xierqa tal-persuni rimpatrijati ma tiġġustifikax li dawn il-persuni jiġu detenuti flimkien ma' priġunieri ordinarji sakemm att ta' aggressjoni ma jkunx jikkwalifika bħala reat u qorti tkun imponiet sentenza ta' ħabs relatata.

It-terminu “priġunieri ordinarji” jkopri kemm il-priġunieri kkundannati kif ukoll il-priġunieri rimandati: dan huwa kkonfermat mill-paragrafu 4 tal-Linja gwida 10 tal-“20 Linja Gwida dwar ir-ritorn furzat” tal-Kumitat tal-Ministeri tal-Kunsill tal-Ewropa (“KTE”), li jenfasizza b'mod espliċitu li “persuni detenuti sakemm jitneħħew mit-territorju normalment ma għandhomx jinżammu ma' priġunieri ordinarji, ikkundannati jew rimandati”. Għalhekk, id-detenuti għandhom ikunu separati wkoll mill-priġunieri rimandati.

Qbil mill-persuna rimpatrijata li tinżamm flimkien ma' priġunieri mhuwiex possibbli: fis-sentenza tal-Kawża C-474/13, Pham  (79) (il-paragrafi 21 u 22), il-QtĠ kkonfermat b'mod ċar dan li ġej: “F'dan ir-rigward, l-obbligu ta' separazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment mill-priġunieri ordinarji previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) ta' din id-direttiva huwa iktar minn sempliċi modalità ta' eżekuzzjoni speċifika ta' tqegħid taħt detenzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi f'ħabsijiet u jikkostitwixxi kundizzjoni sostantiva ta' dan it-tqegħid li mingħajrha, bħala prinċipju, dan it-tqegħid ma jkunx konformi mal-imsemmija direttiva. F'dan il-kuntest, Stat Membru ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni r-rieda taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat.”

15.4.   Kundizzjonijiet ta' detenzjoni materjali

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 16; Linja gwida tal-KtE dwar ir-ritorn furzat Nru. 10 (“kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-istennija ta' tneħħija”); Standards tas-CPT dwar id-detenzjoni tal-immigrazzjoni; Regoli Ewropej tal-2006 dwar il-Ħabsijiet

Id-Direttiva ta' Ritorn innifisha tistipula numru ta' salvagwardji konkreti. L-Istati Membri huma obbligati li:

jipprovdu kura tas-saħħa f'każ ta' emerġenza u trattament essenzjali tal-mard;

jagħtu attenzjoni għas-sitwazzjoni ta' persuni vulnerabbli, li jimplika wkoll l-iżgurar, b'mod iktar ġenerali, il-kunsiderazzjoni dovuta ta' elementi bħalma huma l-età, id-diżabbiltà u s-saħħa u tal-persuna kkonċernata (inkluż is-saħħa mentali);

jipprovdu lid-detenuti b'informazzjoni li tispjega r-regoli applikati fil-faċilità u tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom; huwa rakkomandat li din l-informazzjoni tingħata mill-iktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 24 siegħa wara l-wasla;

iħallu lid-detenuti jistabbilixxu kuntatt mar-rappreżentanti legali, il-qraba u l-awtoritajiet konsulari kompetenti;

jipprovdu l-possibbiltà lill-organizzazzjonijiet u l-korpi nazzjonali, internazzjonali u nongovernattivi relevanti u kompetenti li jżuru l-faċilitajiet ta' detenzjoni; dan id-dritt għandu jingħata direttament lill-korpi kkonċernati, independentement minn stedina konkreta mid-detenut.

Fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet li mhumiex regolati b'mod ċar mid-Direttiva dwar ir-Ritorn, l-Istati Membri jridu jikkonformaw mal-istandards relevanti tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-“istandards tas-CPT”: id-Direttiva dwar ir-Ritorn ma tirregolax ċerti kundizzjonijiet ta' detenzjoni materjali, bħad-daqs tal-kmamar, l-aċċess għall-faċilitajiet sanitarji, aċċess għal spazji miftuħin, nutrizzjoni, eċċ waqt id-detenzjoni. Madankollu, il-premessa 17 tagħha tikkonferma li d-detenuti għandhom ikunu trattati b'mod uman u dinjituż b'rispett għad-drittijiet fundamentali tagħhom u f'konformità mal-liġi internazzjonali. Meta l-Istati Membri jimponu detenzjoni għal finijiet ta' tneħħija, dan għandu jsir skont kundizzjonijiet li jikkonformaw mal-Artikolu 4 CFR, li jipprojbixxi t-trattament inuman jew degradanti. L-impatt prattiku ta' dan l-obbligu fuq l-Istati Membri huwa spjegat f'aktar dettall b'mod partikolari fi:

(1)

il-linja gwida tal-KtE dwar ir-ritorn furzat Nru. 10 (“kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-istennija ta' tneħħija”);

(2)

l-istandards stabbiliti mill-Kunsill tal-Kumitat Ewropew dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura (“Standards tas-CPT”, id-dokument CPT/Inf/E (2002) 1 — Rev. 2013; Skeda informattiva tas-CPT dwar id-detenzjoni tal-immigrazzjoni, dokument CPT/Inf(2017)3), li tindirizza b'mod speċifiku l-bżonnijiet speċjali u l-istatus ta' migrant irregolari fid-detenzjoni,

(3)

ir-Regoli Ewropej tal-2006 dwar il-Ħabsijiet (Rakkomandazzjoni Rec(2006)2 tal-Kumitat tal-Ministri għall-Istati Membri) bħala standards minimi bażiċi fuq il-kwistjonijiet kollha mhux indirizzati mill-istandards imsemmijin hawn fuq;

(4)

ir-Regoli Minimi Standard tan-NU għat-Trattament tal-Priġunieri (approvati mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali bir-riżoluzzjonijiet tiegħu 663 C (XXIV) tal-31 ta' Lulju 1957 u 2076 (LXII) tat-13 ta' Mejju 1977).

Dawn l-istandards jirrappreżentaw deskrizzjoni rikonoxxuta b'mod ġenerali tal-obbligi marbutin mad-detenzjoni li l-Istati Membri jridu jirrispettaw fi kwalunkwe detenzjoni bħala l-minimu assolut, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi tal-KEDB u l-obbligi li jirriżultaw mis-CFR fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE.

Linja Gwida 10 tal-KtE — Kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-istennija ta' tneħħija

1.

Normalment, persuni detenuti fl-istennija ta' tneħħija għandhom ikunu akkomodati fl-iqsar żmien possibbli f'faċilitajiet magħżulin speċifikament għal dak il-għan, li joffru kundizzjonijiet materjali u reġim xieraq għas-sitwazzjoni legali tagħhom u li jkollhom persunal bi kwalifiki xierqa.

2.

Faċilitajiet bħal dawn għandhom jipprovdu akkomodazzjoni li tkun mgħammra b'mod xieraq, nadifa u fi stat tajjeb, u li toffri spazju ta' għajxien kbir biżżejjed għan-numri involuti. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni għat-tifsila u t-tqassim tal-post sabiex, kemm jista' jkun, tiġi evitata l-impressjoni ta' ambjent ta' ħabs. L-attivitajiet organizzati għandhom jinkludu eżerċizzju barra, aċċess għal kamra ta' binhar u għal radju/televiżjoni u għal gazzetti/rivisti, kif ukoll modi xierqa oħrajn ta' rikreazzjoni.

3.

Il-persunal f'faċilitajiet bħal dawn għandu jintgħażel bir-reqqa u jingħata taħriġ xieraq. L-Istati Membri huma mħeġġin jipprovdu lill-persunal ikkonċernat, kemm jista' jkun, b'taħriġ li mhux biss jagħtihom ħiliet ta' komunikazzjoni interpersonali iżda jinformahom fuq il-kulturi differenti tad-detenuti. Idealment, parti mill-persunal għandu jkollha l-ħiliet lingwistiċi relevanti u għandha tkun tista' tagħraf is-sintomi possibbli ta' reazzjonijiet ta' stress murija mill-persuni detenuti u tieħu azzjoni xierqa. Meta jkun neċessarju, il-persunal għandu jkun jista' jiddependi wkoll fuq appoġġ estern, b'mod partikolari appoġġ mediku u soċjali.

4.

Il-persuni detenuti li jkunu qed jistennew it-tneħħija mit-territorju normalment ma għandhomx jinżammu flimkien ma' priġunieri ordinarji, sew jekk ikkundannati u sew jekk ikunu rimandati. In-nisa u l-irġiel għandhom ikunu separati mis-sess oppost jekk jixtiequ hekk; madankollu, il-prinċipju tal-unità tal-familja għandu jkun irrispettat u għalhekk il-familji għandhom jingħataw akkomodazzjoni xierqa.

5.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li l-persuni detenuti f'dawn il-faċilitajiet ikollhom aċċess għal avukati, tobba, organizzazzjonijiet nongovernattivi, membri tal-familja tagħhom, u l-UNHCR, u li jkunu jistgħu jikkomunikaw mad-dinja ta' barra, skont ir-regolamenti nazzjonali relevanti. Barra minn hekk, il-funzjonament ta' dawn il-faċilitajiet għandu jkun issorveljat b'mod regolari, inkluż permezz ta' osservaturi indipendenti rikonoxxuti.

6.

Id-detenuti għandu jkollhom id-dritt li jippreżentaw ilmenti għal istanzi allegati ta' trattament ħażin jew nuqqas ta' protezzjoni minn vjolenza minn detenuti oħrajn. L-ilmentaturi u x-xhieda għandhom jiġu protetti minn kull trattament ħażin u intimidazzjoni li jirriżultaw mill-ilment tagħhom jew mill-evidenza mogħtija bħala appoġġ.

7.

Id-detenuti għandhom jingħataw b'mod sistematiku informazzjoni li tispjega r-regoli applikati fil-faċilità u l-proċedura applikabbli għalihom u li tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli fl-aktar lingwi komuni fost dawk ikkonċernati u, jekk ikun neċessarju, għandu jsir rikors għas-servizzi ta' interpretu. Id-detenuti għandhom jiġu infurmati bid-dritt tagħhom li jikkuntattjaw avukat tal-għażla tagħhom, ir-rappreżentazzjoni diplomatika kompetenti tal-pajjiż tagħhom, organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (10M) u organizzazzjonijiet nongovernattivi. F'dan ir-rigward għandha tingħata assistenza.

Standards tas-CPT dwar id-detenzjoni tal-immigrazzjoni — siltiet

29.

(faċilitajiet ta' detenzjoni). […] Ovvjament, ċentri bħal dawn għandhom jipprovdu akkomodazzjoni li tkun mgħammra b'mod xieraq, nadifa u fi stat tajjeb, u li toffri biżżejjed spazju ta' għajxien għan-numri involuti. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni għat-tifsila u t-tqassim tal-post sabiex, kemm jista' jkun, tiġi evitata l-impressjoni ta' ambjent ta' ħabs. Fir-rigward tal-attivitajiet ta' reġim, dawn għandhom jinkludu eżerċizzju barra, aċċess għal kamra ta' binhar u għal radju/televiżjoni u għal gazzetti/rivisti, kif ukoll modi xierqa oħrajn ta' rikreazzjoni (pereżempju, logħob fuq boards, table tennis). Aktar ma jkun twil il-perjodu ta' detenzjoni, aktar għandhom ikunu żviluppati l-attivitajiet offruti għad-detenuti.

Il-persunal taċ-ċentri tad-detenuti tal-immigrazzjoni għandu kompitu partikolarment iebes. L-ewwel nett, bilfors li jkun hemm diffikultajiet ta' komunikazzjoni minħabba l-lingwa. It-tieni, ħafna detenuti jsibuha diffiċli li jaċċettaw il-fatt li jkunu mċaħħdin mil-libertà mingħajr ma jkunux issuspettati li wettqu xi reat. It-tielet, hemm ir-riskju ta' tensjoni bejn detenuti ta' nazzjonalitajiet jew gruppi etniċi differenti. Konsegwentement, is-CPT jagħti attenzjoni speċjali lill-persunal superviżorju f'ċentri bħal dawn billi jagħżlu bir-reqqa u jipprovdilu taħriġ xieraq. Barra milli jkollu kwalitajiet żviluppati sew fil-qasam tal-komunikazzjoni interpersonali, il-persunal ikkonċernat għandu jkun midħla tal-kulturi differenti tad-detenuti u, tal-anqas, uħud minnhom għandu jkollhom il-ħiliet tal-lingwa relevanti. Barra minn hekk, il-persunal għandu jitgħallem kif jagħraf is-sintomi possibbli ta' reazzjonijiet ta' stress murija mill-persuni detenuti (sew jekk posttrawmatiċi jew li jirriżultaw minn bidliet soċjokulturali) u kif jieħu l-azzjoni xierqa.

79.

Il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni għall-migranti irregolari għandhom jirriflettu n-natura taċ-ċaħda tal-libertà tagħhom, b'restrizzjonijiet limitati fis-seħħ u reġim varjat ta' attivitajiet. Pereżempju, il-migranti irregolari detenuti għandu jkollhom kull opportunità li jibqgħu f'kuntatt mad-dinja ta' barra (inklużi opportunitajiet spissi li jċemplu u li jirċievu viżitaturi) u kemm jista' jkun ftit li xejn għandhom ikunu ristretti fil-libertà tagħhom li jiċċaqilqu fil-faċilità ta' detenzjoni. Anki meta l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni fil-ħabsijiet jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti — u dan ċertament mhux dejjem ikun il-każ — is-CPT jikkunsidra d-detenzjoni tal-migranti irregolari f'ambjent ta' ħabs bħala waħda fundamentalment ħażina, għar-raġunijiet imsemmijin fuq.

82.

Id-dritt ta' aċċess għal avukat għandu jinkludi d-dritt li wieħed jitkellem ma' avukat fil-privat, kif ukoll li jkollu aċċess għal pariri legali għal kwistjonijiet relatati mar-residenza, id-detenzjoni u d-deportazzjoni. Dan jimplika li meta l-migranti irregolari ma jkunux f'pożizzjoni li jaħtru u jħallsu għal avukat huma stess, għandhom jibbenefikaw minn aċċess għal għajnuna legali.

Barra minn hekk, detenuti li jkun għadhom kif waslu għandhom jiġu eżaminati minn tabib minnufih jew minn infermiera kwalifikata kif xieraq li tirrapporta għand tabib. Id-dritt ta' aċċess għal tabib għandu jinkludi d-dritt — jekk migrant irregolari jkun jixtieq dan — ta' eżami minn tabib tal-għażla tiegħu; madankollu, id-detenut jista' jkun mistenni li jħallas għall-ispiża ta' eżami bħal dan. In-notifika ta' qarib jew parti terza bl-għażla dwar il-miżuri ta' detenzjoni tkun iffaċilitata ħafna jekk il-migranti irregolari jitħallew iżommu l-mowbajl tagħhom waqt iċ-ċaħda tal-libertà jew tal-inqas ikollhom aċċess għalih.

90.

Il-valutazzjoni tal-istat tas-saħħa tal-migranti irregolari waqt iċ-ċaħda tal-libertà hija responsabbiltà essenzjali b'rabta ma' kull detenut individwali u b'rabta ma' grupp ta' migranti irregolari b'mod ġenerali. Is-saħħa mentali u fiżika tal-migranti irregolari tista' tkun affettwata ħażin minn esperjenzi trawmatiċi fl-imgħoddi. Barra minn hekk, it-telf tad-drawwiet personali u kulturali u nuqqas ta' ċertezza dwar il-futur jistgħu jwassalu għal deterjorament mentali, inkluża l-aggravazzjoni ta' sintomi preeeżistenti ta' dipressjoni, ansjetà u disturb postrawmatiku.

91.

Tal-anqas, persuna bi kwalifika bħala infermiera rikonoxxuta għandha tkun preżenti kuljum fiċ-ċentri kollha għall-migranti irregolari detenuti. Persuna bħal din għandha, b'mod partikolari, tagħmel l-iskrinjar mediku inizjali ta' dawk li jkunu għadhom kif waslu (b'mod partikolari għal mard li jittieħed, inkluża t-tuberkolożi), tirċievi talbiet għal viżta ta' tabib, tiżgura l-ħażna u t-tqassim tal-mediċini ordnati mit-tabib, iżżomm dokumentazzjoni medika u tara li jkun hemm kundizzjonijiet ġenerali ta' iġjene.

Regoli Ewropej tal-2006 dwar il-Ħabsijiet — Siltiet

Akkomodazzjoni

18.1

L-akkomodazzjoni pprovduta għall-priġunieri, partikolarment fejn jorqdu, għandha tirrispetta d-dinjità tal-bniedem u, kemm jista' jkun, il-privatezza, u għandha tissodisfa r-rekwiżiti tas-saħħa u l-iġjene, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kundizzjonijiet klimatiċi u speċjalment l-ispazju, il-kontenut kubiku ta' arja, id-dawl, it-tisħin u l-ventilazzjoni.

18.2

Fil-bini kollu fejn jgħixu, jaħdmu jew jiltaqgħu l-priġunieri:

a.

it-twieqi għandhom ikunu kbar biżżejjed biex jippermettu lill-priġunieri jaqraw jew jaħdmu fid-dawl naturali f'kundizzjonijiet normali u għandhom jippermettu li tgħaddi l-arja friska ħlief meta jkun hemm sistema xierqa ta' kondizzjonament tal-arja;

b.

id-dawl artifiċjali għandu jissodisfa standards tekniċi rikonoxxuti; kif ukoll

c.

għandu jkun hemm sistema ta' twissija li tippermetti lill-priġunieri jikkuntattjaw lill-persunal mingħajr dewmien.

Iġjene

19.1

Il-partijiet kollha ta' kull ħabs għandhom jinżammu kif xieraq u jkunu ndaf f'kull ħin.

19.2

Meta l-priġunieri jidħlu l-ħabs, iċ-ċelel jew akkomodazzjonijiet oħra allokati jridu jkunu nodfa.

19.3

Il-priġunieri għandu jkollhom aċċess faċli għal faċilitajiet sanitarji li jkunu iġjeniċi u jirrispettaw il-privatezza.

19.4

Għandhom ikunu provduti faċilitajiet adegwati biex kull ħabsi jkun jista' jieħu banju jew xawer, f'temperatura xierqa għall-klima, jekk ikun possibbli kuljum iżda tal-anqas darbtejn f'ġimgħa (jew aktar spiss jekk ikun neċessarju) fl-interess tal-iġjene ġenerali.

19.5

Il-prinġunieri għandhom iżommu persunthom, ħwejjiġhom u l-akkomodazzjoni tal-irqad nodfa u puliti.

19.6

L-awtoritajiet tal-ħabs għandhom jipprovdulhom il-mezzi biex jagħmlu dan inklużi affarijiet tal-banju u tagħmir u materjal ta' tindif ġenerali.

19.7

Għandu jiġi pprovdut ukoll b'mod speċjali għall-bżonnijiet sanitarji tan-nisa.

Ħwejjeġ u lożor

20.1

Il-priġunieri li ma jkollhomx ħwejjeġ xierqa tagħhom għandhom jingħataw ħwejjeġ xierqa għall-klima.

20.2

Dawn il-ħwejjeġ ma għandhomx ikunu degradanti jew umiljanti.

20.3

Il-ħwejjeġ kollha għandhom jinżammu f'kundizzjoni tajba u jinbidlu meta jkun hemm bżonn.

20.4

Il-priġunieri li jiksbu permess li joħorġu barra ma għandhomx jintalbu jilbsu ħwejjeġ li jidentifikawhom bħala priġunieri.

21.

Kull priġunier għandu jingħata sodda separata u lożor separati u xierqa, li għandhom jinżammu puliti u jinbidlu spiss biżżejjed biex jiġi żgurat li dejjem ikunu nodfa.

Nutriment

22.1

Il-priġunieri għandu jkollhom dieta sustanzjuża li tkun tajba għall-età tagħhom, għal saħħithom, il-kundizzjoni fiżika, ir-reliġjon, il-kultura u n-natura ta' xogħolhom.

22.2

Ir-rekwiżiti ta' dieta sustanzjuża, ikluż il-kontenut minimu ta' enerġija u proteini tagħha, għandhom ikunu stipulati fil-liġi nazzjonali.

22.3

L-ikel għandu jitħejja u jiġi servut b'mod iġjeniku.

22.4

Għandu jkun hemm tliet ikliet kuljum b'intervalli raġonevoli bejniethom.

22.5

Ilma nadif tajjeb għax-xorb għandu jkun disponibbli għall-priġunieri f'kull ħin.

22.6

It-tabib jew l-infermiera kwalifikata għandhom jordnaw bidla fid-dieta ta' priġunier partikolari meta dan ikun meħtieġ għal raġunijiet mediċi.

Reġim tal-ħabs

25.1

Ir-reġim għall-priġunieri kollha għandu joffri programm ta' attivitajiet bilanċjati.

25.2

Dan ir-reġim għandu jippermetti lill-priġunieri jqattgħu ammont ta' sigħat barra miċ-ċella tagħhom, li huma neċessarji għal livell adegwat ta' interazzjoni umana u soċjali.

25.3

Dan ir-reġim għandu jinkludi wkoll il-bżonnijiet ta' benessri tal-priġunieri.

25.4

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet tal-priġunieri li jkunu esperjenzaw abbuż fiżiku, mentali jew sesswali.

Eżerċizzju u rikreazzjoni

27.1

Kull priġunier għandu jingħata l-opportunità li, għal tal-anqas, siegħa kuljum jagħmel eżerċizzju fil-miftuħ, jekk it-temp ikun tajjeb.

27.2

Meta t-temp ma jkunx tajjeb għandhom isiru arranġamenti alternattivi li jippermettu lill-priġunieri jagħmlu eżerċizzju.

27.3

Attivitajiet organizzati kif xieraq biex jippromwovu s-saħħa fiżika u jipprovdu eżerċizzji adegwati u opportunitajiet ta' rikreazzjoni għandhom ikunu parti integrali mir-reġimi tal-ħabs.

27.4

L-awtoritajiet tal-ħabs għandhom jiffaċilitaw attivitajiet bħal dawn billi jipprovdu installazzjonijiet u tagħmir adattat.

27.5

L-awtoritajiet tal-ħabs għandhom jagħmlu arranġamenti biex jorganizzaw attivitajiet speċjali għal dawk il-priġunieri li jkollhom bżonnhom.

27.6

Opportunitajiet ta' rikreazzjoni, li jinkludu l-isport, logħob, attivitajiet kulturali, passatempi u mogħdijiet oħrajn ta' żmien għandhom jiġu pprovduti u, kemm jista' jkun, il-priġunieri għandhom jitħallew jorganizzawhom.

27.7

Il-priġunieri għandhom jitħallew jitħalltu ma' xulxin waqt l-eżerċizzju u sabiex jieħdu sehem fl-attivitajiet ta' rikreazzjoni.

Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon

29.1

Il-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon iridu jiġu rispettati.

29.2

Ir-reġim tal-ħabs għandu jkun organizzat sakemm ikun prattikabbli li l-priġunieri jitħallew jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom u jsegwu t-twemmin tagħhom, jattendu servizzi jew laqgħat immexxijin minn rappreżentanti approvati tat-tali reliġjon jew twemmin, jirċievu żjarat privati minn tali rappreżentanti ta' reliġjon u twemmin tagħhom u jkollhom fil-pussess tagħhom kotba jew letteratura relatati mar-reliġjoni jew it-twemmin tagħhom.

29.3

Il-priġunieri ma jistgħux jiġu mġiegħla jipprattikaw reliġjoni jew twemmin, jattendu servizzi jew laqgħat reliġjużi, jew jieħdu sehem fi prattiki reliġjużi jew li jaċċettaw żjarat mingħand rappreżentant ta' reliġjon jew twemmin.

Minoranzi etniċi jew lingwistiċi

38.1

Għandhom isiru arranġamenti speċjali biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet ta' priġunieri li jappartjenu għal minoranzi etniċi jew lingwistiċi.

38.2

Sa fejn ikun prattikabbli, il-prattiki kulturali ta' gruppi differenti għandhom jitħallew ikomplu fil-ħabs.

38.3

Il-bżonnijiet lingwistiċi għandhom jiġu ssodisfati permezz ta' interpreti kompetenti u permezz ta' materjal bil-miktub bil-firxa ta' lingwi użati f'ħabs partikolari.

Kura tas-saħħa.

40.3

Il-priġunieri għandu jkollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa disponibbli fil-pajjiż mingħajr diskriminazzjoni abbażi tas-sitwazzjoni legali tagħhom.

40.4

Is-servizzi mediċi fil-ħabs għandhom ifittxu li jsibu u jittrattaw mard fiżiku jew mentali jew difetti li minnhom jista' jkun li jkunu jbatu l-priġunieri.

40.5

Is-servizzi mediċi, kirurġiċi u psikjatriċi neċessarji kollha, inklużi dawk disponibbli fil-komunità għandhom ikunu disponibbli għall-priġunieri għal dak il-għan.

Persunal mediku u tal-kura tas-saħħa

41.1

Kull ħabs għandu jkollu s-servizzi ta' tal-anqas tabib ġenerali wieħed.

41.2

Għandhom isiru arranġamenti biex jiġi żgurat li f'kull ħin tabib ġenerali jkun disponibbli mingħajr dewmien f'każijiet urġenti.

41.3

Meta l-ħabsijiet ma jkollhomx tabib ġenerali full-time, tabib ġenerali part-time għandu jżur il-ħabs b'mod regolari.

41.4

Kull ħabs għandu jkollu persunal imħarreġ kif xieraq fil-kura tas-saħħa.

41.5

Is-servizzi ta' dentisti u tobba tal-għajnejn kwalifikati għandhom ikunu disponibbli għal kull ħabsi.

Kompiti tat-tabib ġenerali

42.1

It-tabib ġenerali jew l-infermiera kwalifikata li tirrapporta għand tabib ġenerali bħal dan għandhom jaraw lil kull priġunier kemm jista' jkun minnufih wara l-ammissjoni, u għandhom jeżaminawh sakemm ma jkunx ovvju li m'hemmx bżonn.

42.2

It-tabib ġenerali jew l-infermiera li jirrapporta għand tabib ġenerali bħal dan għandhom jeżaminaw lill-priġunier jekk dan jitlob hekk qabel jinħeles, u għandhom jeżaminaw lill-priġunieri kull meta jkun hemm bżonn.

42.3

Meta jkun qed jeżamina priġunier, it-tabib ġenerali jew infermiera kwalifikat li jirrapporta għand tabib bħal dan għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex:

a.

jossevaw ir-regoli normali tal-kunfidenzjalità medika;

b.

jagħmlu djanjożi tal-mard fiżiku jew mentali u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għat-trattament tiegħu u għall-issoktar tat-trattament mediku eżistenti;

c.

jirreġistraw u jirrapportaw lill-awtoritajiet relevanti kull sinjal jew indikazzjoni li l-priġunieri jista' jkun li ġew trattati bi vjolenza;

d.

jittrattaw sintomi tal-astinenza li jirriżultaw mill-użu ta' drogi, mediċina jew alkoħol;

e.

jidentifikaw kull stress psikoloġiku jew stress ieħor li jirriżulta miċ-ċaħda tal-libertà;

f.

jiżolaw lil priġunieri li jkun suspettat li għandhom kundizzjonijiet infettivi jew li jittieħdu tul il-perjodu tal-infezzjoni u l-għoti tal-kura xierqa;

g.

jiżguraw li l-priġunieri li jkollhom il-vajrus tal-HIV ma jiġux iżolati għalhekk biss;

h.

jinnutaw difetti fiżiċi jew mentali li jistgħu jimpedixxu r-risistemazzjoni wara li jinħelsu;

i.

jiddeteminaw kemm kull ħabsi jkun kapaċi jaħdem u jagħmel eżerċizzju; kif ukoll

j.

jagħmlu arranġamenti ma' aġenziji fil-komunità għall-kontinwazzjoni ta' kull kura medika u psikjatrika neċessarja wara li jinħelsu, jekk il-priġunieri jagħtu l-kunsens tagħhom għal tali arranġamenti.

Għoti ta' kura tas-saħħa

46.1

Il-priġunieri morda li jirrikjedu kura speċjalizzata għandhom jiġu trasferiti f'istituzzjonijiet speċjalizzati jew sptarijiet ċivili, meta t-tali kura ma tkunx disponibbli fil-ħabs.

46.2

Meta servizz tal-ħabs ikollu l-faċilitajiet ta' sptar tiegħu stess, dawn irid ikollhom persunal adegwat u jkunu mgħammra biex jagħtu lill-priġunieri li jiġu referiti fihom il-kura u t-trattament xierqa.

16.   DETENZJONI TA' MINORENNI U FAMILJI

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 17

1.

Minuri mhux akkumpanjati u familji b'minuri għandhom jiġu detenuti biss bħala l-aħħar miżura u għall-iqsar perjodu ta' żmien adatt.

2.

Familji miżmumin f'detenzjoni sakemm titwettaq it-tneħħija għandhom jiġu provduti b'akkomodazzjoni separata li tiggarantixxi privatezza adegwata.

3.

Minuri f'detenzjoni għandu jkollhom il-possibbiltà li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' ħin liberu, inkluż attivitajiet ta' logħob u rikreazzjoni adatti għall-età tagħhom, u għandu jkollhom, skont it-tul tas-soġġorn tagħhom, aċċess għall-edukazzjoni.

4.

Minuri mhux akkumpanjati għandhom, sa fejn hu possibbli, jkunu provduti b'akkomodazzjoni f'istituzzjonijiet provduti b'persunal u faċilitajiet li jieħdu kont tal-bżonnijiet tal-persuni ta' l-età tagħhom.

5.

L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-konsiderazzjoni primarja fil-kuntest tad-detenzjoni ta' minuri sakemm titwettaq it-tneħħija.

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tippermetti d-detenzjoni ta' minuri mhux akkumpanjati u familji bi tfal bil-għan ta' tneħħija bħala miżura tal-aħħar istanza u għall-iqsar perjodu ta' żmien possibbli, sakemm ikunu rispettati salvagwardji speċifiċi.

Minbarra tali salvagwardji stipulati mill-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, il-prinċipji tal-Artikolu 15 ta' dik id-Direttiva applikabbli għar-regoli ġenerali dwar id-detenzjoni għandhom ikunu rispettati, b'mod partikolari d-detenzjoni għandha tintuża biss bħala miżura tal-aħħar istanza, għandha tkun disponibbli firxa vijabbli ta' alternativi effettivi għad-detenzjoni, u għandha ssir valutazzjoni individwali ta' kull każ (ara t-taqsima 14). L-aħjar interessi tat-tfal għandhom dejjem ikunu l-kunsiderazzjoni primarja fil-kuntest ta' detenzjoni ta' minuri u familji, Stati Membri huma mħeġġa li jinvolvu l-entitajiet tal-protezzjoni tat-tfal fil-kwistjonijiet kollha relatati mad-detenzjoni u, fejn hemm raġunijiet għad-detenzjoni, kulma hu possibbli għandu jsir biex tiġi żgurata d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta' vijabbli ta' alternativi effettivi għad-detenzjoni tal-minuri (kemm dawk mhux akkumpanjati kif ukoll dawk mal-familji tagħhom.

L-UNHCR (80) u l-FRA (81) jipprovdu xi eżempji ta' prattiki tajba dwar alternativi għal detenzjoni ta' minuri mhux akkumpanjati u familji bit-tfla.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex teskludi l-possibbiltà li persuni minorenni jitqiegħdu f'detenzjoni, fejn dan hu strettament meħtieġ biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni finali ta' ritorn, u sakemm miżuri inqas dixxiplinari ma jistgħux ikunu applikati b'mod effettiv f'kull każ individwali.

It-test tal-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jikkorrispondi mill-qrib għat-test tal-Linja gwida 11 tal-KtE “Tfal u familji”. Aktar gwida konkreta tista' tinstab fil-kummentarju għal din il-Linja Gwida:

Linja gwida 11 tal-KtE — Tfal u familji

Kummentarju

1.

Il-paragrafi 1, 3 u 5 ta' din il-Linja Gwida huma ispirati mid-dispożizzjoni relevanti tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottati u miftuħin għall-iffirmar, ir-ratifika u l-adeżjoni mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 44/25 tal-20 ta' Novembru 1989 u ratifikati mill-Istati Membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa. Fir-rigward tal-paragrafu 2, għandu jitfakkar li d-dritt li l-ħajja tal-familja tiġi rispettata li huwa mogħti skont l-Artikolu 8 KEDB japplika wkoll fil-kuntest ta' detenzjoni.

2.

Dwar iċ-ċaħda tal-libertà tat-tfal, l-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal jipprovdi b'mod partikolari li “arrest, detenzjoni jew priġunerija ta' tifel jew tifla għandhom ikunu f'konformità mal-liġi u jintużaw biss bħala miżura tal-aħħar istanza u għall-iqsar perjodu perjodu possibbli” (l-Artikolu. 37(b). Skont l-Artikolu 20(1) ta' din il-Konvenzjoni, “Tifel jew tifla li jkunu deprivati b'mod temporanju jew permanenti mill-ambjent familjarji tiegħu jew tagħha, jew li fl-aħjar interessi tiegħu/tagħha ma jistgħux jitħallew f'dak l-ambjent, għandhom ikunu intitolati għal protezzjoni u assistenza speċjali mogħtija mill-Istat”.

3.

L-ispirazzjoni nstabet ukoll fil-paragrafu 38 tar-Regoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-protezzjoni ta' minorenni li titteħdilhom il-libertà tagħhom, adottati mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 45/113 tal-14 ta' Diċembru 1990, li japplikaw għal kull privazzjoni tal-libertà, mifhuma bħala “kull forma ta' detenzjoni jew priġunerija jew it-tqegħid ta' persuna f'ambjent ta' kustodja pubblika jew privata, li minnu din il-persuna ma tkunx tista' titlaq meta trid, b'ordni ta' awtorità ġudizzjarja, amministrattiva jew pubblika oħra” (para. 11, b). Skont il-para. 38: “Kull żagħżugħ tal-età li jattendi l-iskola b'mod obbligatorju għandu d-dritt għall-edukazzjoni li jkun adattati għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tiegħu jew tagħha u mfassla biex iħejji lilu jew lilha għal ritorn fis-soċjetà. Tali edukazzjoni għandha tkun ipprovduta barra l-faċilità ta' detenzjoni fi skejjel komunitarji kull fejn possibbli u, fi kwalunkwe każ, minn għalliema kwalifikati permezz ta' programmi integrati mas-sistema edukattiva tal-pajjiż sabiex, wara r-rilaxx, iż-żgħażagħ ikunu jistgħu ikomplu l-edukazzjoni tagħhom mingħajr diffikultà. Għandha tingħata attenzjoni partikolari mill-amministrazzjoni tal-faċilitajiet ta' detenzjoni għall-edukazzjoni ta' żgħar ta' oriġini barranija jew bi bżonnijiet kulturali jew etniċi partikolari. Żgħażagħ li huma illiterati jew li għandhom diffikultajiet konjittivi jew ta' tagħlim għandhom ikollhom id-dritt għal edukazzjoni speċjali”.

4.

L-aħħar paragrafu jirrifletti l-prinċipju ta' gwida tal-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal li l-Artikolu 3(1) tagħha jiddikjara li “Fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, sew jekk jittieħdu minn istituzzjonijiet ta' servizzi soċjali pubbliċi jew privati, qrati, awtoritajiet amministrattivi jew korpi leġiżlattivi, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-kunsiderazzjoni primarja”. japplika wkoll għal deċiżjoni li jikkonċernaw id-detenzjoni tat-tfal li jkunu qed jaffaċċjaw it-tneħħija mit-territorju.

Fir-rigwad tad-detenzjoni tat-tfal, l-istandards tas-CPT jistipulaw ir-regoli li ġejjin li għandhom jiġu rrispettati mill-Istati Membri meta japplikaw — f'eċċezzjonijiet biss u bħala miżura fl-aħħar istanza — detenzjoni:

Standards tas-CPT marbutin mad-detenzjoni tal-minorenni — siltiet

97.

Is-CPT jikkunsidra li għandu jsir kull sforz sabiex tiġi evitata ċ-ċaħda tal-libertà ta' migrant irregolari li jkun minorenni. Skont il-prinċipju tal-“aħjar interessi tat-tfal”, kif inhu fformulat fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, id-detenzjoni tat-tfal, inklużi tfal mhux akkumpanjati u mifrudin, rarament tkun iġġustifikata u, fil-fehma tal-Kumitat, ma tistax tkun immotivata biss min-nuqqas ta' status ta' residenza. Meta, f'ċerti eċċezzjonijiet, it-tfal jiġu detenuti, iċ-ċaħda tal-libertà għandha tkun għall-iqsar żmien possibbli; għandhom isiru l-isforzi kollha biex tfal mhux akkumpanjati jew mifrudin jinħelsu minnufih minn faċilità ta' detenzjoni u jitqiegħdu f'post fejn jingħataw kura aktar xierqa. Barra minn hekk, minħabba n-natura vulnerabbli tat-tfal, għandhom japplikaw salvagwardji addizzjonali kull meta t-tfal jiġu detenuti, partikolarment f'dawk il-każijiet fejn it-tfal jiġu mifrudin mill-ġenituri tagħhom jew persuni oħra li jindukrawhom, jew ma jkunux akkumpanjati, mingħajr il-ġenituri, persuni li jindukrawhom jew qraba oħrajn.

98.

Malajr kemm jista' jkun wara li l-awtoritajiet isiru jafu bil-preżenza tat-tfal, persuna kwalifikata professjonali għandha tagħmel intervista inizjali, f'lingwa li jifhmu t-tfal. Għandha ssir valutazzjonijiet tad-dgħufijiet partikolari tat-tfal, inkluż fir-rigward tal-età, is-saħħa, fatturi psikosoċjali u bżonnijiet oħrajn ta' protezzjoni, inklużi dawk li jirriżultaw mill-vjolenza, it-traffikar jew tawma. Tfal mhux akkumpanjati jew mifrudin imċaħħdin mil-libertà tagħhom għandu jingħatalhom aċċess minnufih u bla ħlas għal assistenza legali u assistenza oħra xierqa, inkluż l-assenjar ta' rappreżentant legali jew kustodju. Għandhom jiġu introdotti wkoll mekkaniżmi ta' reviżjoni biex tiġi sorveljata l-kwalità kostanti tal-kustodju.

99.

Għandhom jittieħdu passi sabiex tiġi żgurata preżenza regolari ta', u kuntatt individwali ma', assistent soċjali u psikologu fi stabbilimenti li fihom it-tfal jinżammu f'detenzjoni. Persunal kompost miż-żewġ sessi huwa salvagwardja oħra kontra trattament ħażin; il-preżenza ta' nisa u ta' rġiel jista' jkollha effett ta' benefiċċju f'termini tal-etos kustodjali u jrawwem livell ta' normalità f'post ta' detenzjoni. Tfal imċaħħdin mil-libertà għandhom jingħataw ukoll firxa ta' attivitajiet kostruttivi (b'enfasi partikolari fuq li l-possibbiltà li t-tfal jibqgħu għaddejjin bl-edukazzjoni tagħhom).

100.

Sabiex jiġi limitat ir-riskju ta' sfruttament, għandu jkun hemm arranġamenti speċjali għal kwartieri li jkunu xierqa biex jgħixu fihom it-tfal, pereżempju, billi dawn jiġu separati mill-adulti, sakemm ma jkunx meqjus fl-aħjar interess tat-tfal li dan ma jsirx. Dan pereżempju, ikun il-każ meta t-tfal ikunu fil-kumpanija tal-ġenituri tagħhom jew qraba oħra mill-qrib. F'dak il-każ, għandu jsir kull sforz biex il-membri tal-familja ma jinfirdux.

131.

Proċeduri ta' lmenti u spezzjoni effettivi huma salvagwardji bażiċi kontra trattament ħażin fil-postijiet kollha ta' detenzjoni, inklużi ċ-ċentri ta' detenzjoni għall-minorenni. Il-minorenni (kif ukoll il-ġenituri jew ir-rappreżentanti legali tagħhom) għandu jkollhom mezzi ta' kif iressqu ilment miftuħin għalihom fi ħdan is-sistema amministrattiva tal-istabbilimenti u għandhom ikunu intitolati jibagħtu l-ilmenti – fuq bażi kunfidenzjali – lil awtorità indipendenti. Il-proċeduri ta' lment għandhom ikunu sempliċi, effettivi u aċċessibbli għat-tfal, partikolarment fir-rigward tal-lingwaġġ użat. Il-minorenni (kif ukoll il-ġenituri u r-rappreżentanti legali tagħhom) għandhom ikunu intitolati li jfittxu pariri legali dwar l-ilmenti u li jibbenefikaw minn assistenza legali bla ħlas meta l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan.

132.

Is-CPT jagħti importanza partikolari wkoll liż-żjarat regolari fiċ-ċentri ta' detenzjoni kollha għall-minorenni minn korp indipendenti, bħal kumitat li jżur, imħallef, l-Ombudsman tat-tfal jew il-Mekkaniżmu Preventiv Nazzjonali (stabbilit skont il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura – OPCAT) b'awtorità li tirċievi – u jekk ikun hemm bżonn, tieħu azzjoni dwar – l-ilmenti tal-minorenni jew l-ilmenti mill-ġenituri jew ir-rappreżentanti legali tagħhom u biex jiġi evalwat jekk dawn l-istabbilimenti ikunux qed joperaw skont ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali u l-istandards internazzjonali relevanti. Il-membri tal-korp ta' spezzjoni għandhom ikunu proattivi u jidħlu f'kuntatt dirett mal-minorenni, inkluż permezz ta' intervisti mal-priġunieri fil-privat.

17.   SITWAZZJONIJIET TA' EMERĠENZA

Bażi legali: Id-Direttiva dwar ir-Ritorn — l-Artikolu 18

1.

F'każijiet fejn għadd eċċezzjonalment kbir ta' ċittadini ta' pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura jkun ta' piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta' detenzjoni ta' Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu, dak l-Istat Membru jista', sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali, jiddeċiedi li jippermetti perjodi għar-reviżjoni ġudizzjarja itwal minn dawk stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(2) u li jieħu miżuri urġenti dwar il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) u 17(2).

2.

Meta jirrikorri għal dawn il-miżuri eċċezzjonali, l-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Huwa għandu wkoll jgħarraf lill-Kummissjoni hekk kif ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri eċċezzjonali ma jkunux għadhom jeżistu.

3.

L-ebda parti minn dan l-Artikolu ma għandha tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu ġenerali tagħhom biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm ġenerali jew partikolari, li jiżguraw it-twettiq ta' l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva.

Kamp ta' applikazzjoni tad-derogi possibbli limitat għal tliet dispożizzjonijiet: L-Artikolu 18 jipprovdi għall-possibbiltà għall-Istati Membri li ma japplikawx it-tliet dispożizzjonijiet relatati mad-Direttiva — (i) l-obbligu li jipprovdu għal reviżjoni ġudizzjarja inizjali mgħaġġla tad-detenzjoni, (ii) l-obbligu ta' detenzjoni biss f'faċilitajiet ta' detenzjoni, u (iii) l-obbligu li jipprovdu akkomodazzjoni separata li tiggarantixxi privatezza adegwata lill-familji — f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jinvolvu l-wasla f'daqqa ta' numri kbar ta' migranti rregolari. Derogi għal regoli oħrajn fid-Direttiva dwar ir-Ritorn mhumiex possibbli.

It-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali hija prekondizzjoni għal applikazzjoni possibbli tal-klawżola ta' emerġenza: L-Artikolu 18 jiddeskrivi u jillimita s-sitwazzjonijiet koperti, kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni ta' derogi possibbli u obbligi ta' informazzjoni lill-Kummissjoni. Jekk Stat Membru jixtieq ikollu l-għażla li japplika din il-klawżola ta' salvagwardja f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, irid ikun ittrasponieha kif xieraq minn qabel (82) — bħala possibbiltà u skont il-kriterji tal-Artikolu 18 — fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. NB: għall-kuntrarju tal-klawżoli ta' salvagwardja stipulati fir-Regolamenti (eż. dawk fl-SBC marbutin mal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni), il-klawżoli ta' salvagwardja fid-Direttivi jridu jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali qabel ma jkunu jistgħu jintużaw.

Stati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni meta jirrikorru għal dawn il-miżuri u meta dawn ma jibqgħux japplikaw. Tali informazzjoni għandha tintbagħat permezz tal-mezzi uffiċjali tas-soltu, jiġifieri permezz tar-Rappreżentazzjoni Permanenti lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea.

18.   ARRANĠAMENTI TA' TRASPOŻIZZJONI, INTERPRETAZZJONI U TRANŻITORJI

L-effett dirett tad-Direttiva dwar ir-Ritorn f'każ ta' traspożizzjoni inadegwata jew ittardjata: skont id-duttrina żviluppata mill-QtĠ, id-dispożizzjonijiet ta' direttiva li jikkonferixxu d-drittijiet fuq l-individwi u li jkunu ċari biżżejjed u mhux kondizzjonali jsiru applikabbli direttament minn tmiem il-limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni tad-Direttiva. Ħafna mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti u għandhom jiġu applikati direttament mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali f'dawk il-każijiet li fihom l-Istati Membri ma jkunux trasponew (jew trasponew b'mod inadegwat) ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dan japplika b'mod partikolari għad-dispożizzjonijiet marbutin ma':

ir-rispett għall-prinċipju ta' non-refoulment (l-Artikoli 5 u 9 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn);

ir-rekwiżit li l-persuni li għandhom jiġu ritornati normalment ikunu offruti terminu xieraq għat-tluq volontarju ta' bejn sebat ijiem u tletin jum (l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn);

il-limitazzjonijiet fuq l-użu ta' miżuri ta' koerċizzjoni b'rabta mar-ritorni furzati (l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn);

id-dritt ta' minorenni mhux akkumpanjati li jkunu soġġetti għal proċeduri ta' ritorn jirċievu assistenza mingħand korpi adegwati għajr l-awtoritajiet li jinfurzaw ir-ritorn u l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-minorenni mhux akkumpanjati jiġu ritornati biss lil membru tal-familja tagħhom, kustodju nnominat jew faċilitajiet ta' akkoljenza xierqa fl-Istat tar-ritorn (l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn);

limitazzjonijiet fuq it-tul tal-projbizzjonijiet tad-dħul u l-bżonn ta' eżami ta' każ b'każ individwalizzat (l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn) — espressament ikkonfermata permezz tas-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-297/12, Filev u Osmani (il-paragrafu 55);

is-salvagwardji proċedurali, inkluż id-dritt għal deċiżjoni ta' ritorn bil-miktub u motivata, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv u għal assistenza legali u lingwistika (l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn);

limitazzjonijiet fuq l-użu tad-detenzjoni u l-limiti ta' żmien massimi għad-detenzjoni (l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn) u d-dritt għal kundizzjonijiet ta' detenzjoni umani u dinjitużi (l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn) — espressament ikkonfermata permezz tas-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-61/11, El Dridi (il-paragrafi 46 u 47);

il-limitazzjonijiet u s-salvagwardji speċjali relatati mad-detenzjoni tal-minorenni u l-familji (l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn).

Referenzi preliminari għall-QtĠ: L-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-QtĠ il-ġurisdizzjoni li taqta' sentenzi preliminari rigward l-interpretazzjoni u l-validità tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Meta jitqajmu kwistjonijiet bħal dawn quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, dik il-qorti jew dak it-tribunal jistgħu jekk iqisu li deċiżjoni dwar il-kwistjoni hija neċessarja biex ikunu jistgħu jiġġudikaw, jitolbu lill-QtĠ biex taqta' sentenza fuqha. Meta l-kwistjoni titqajjem f'każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta' Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti. Jekk il-kwistjoni titqajjem f'kawża pendenti quddiem qorti jew tribunal fir-rigward ta' persuna f'detenzjoni, il-QtĠ trid taġixxi permezz ta' proċedura ta' urġenza aċċellerata. Ir-referenzi preliminari diġà kellhom rwol importanti sabiex jiżguraw interpretazzjoni armonizzata ta' diversi dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

Il-membri tal-qrati jew it-tribunali fl-Istati Membri huma mħeġġin jagħmlu użu mir-referenzi preliminari u jitolbu interpretazzjoni awtentika lill-QtĠ kull meta dan jidher li jkun neċessarju.

Arranġamenti tranżitorji għal każijiet/proċeduri marbutin ma' perjodi qabel l-24 ta' Diċembru 2010: L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-persuni kollha koperti bil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva jibbenefikaw minn salvagwardji sostantivi u d-drittijiet mogħtijin mid-Direttiva mill-24 ta' Diċembru 2010 (mid-data ta' adeżjoni fil-każ ta' Stati Membri ġodda). Filwaqt li jista' jkun leġittimu li jitkomplew il-proċeduri ta' ritorn nazzjonali mnedija skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' qabel it-traspożizzjoni, dan ma għandux idgħajjef, fis-sustanza, id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva, bħal pereżempju, il-limitazzjoni fuq id-detenzjoni u l-użu ta' miżuri ta' koerċizzjoni, is-salvagwardji proċedurali inkluż id-dritt għal deċiżjoni bil-miktub u biex isir appell kontriha, il-prijorità għal tluq volontarju. Għal kull ritorn li ma jkunx diġà twettaq sal-24 ta' Diċembru 2010, trid tinħareġ deċiżjoni ta' ritorn bil-miktub skont it-termini tal-Artikolu 12 tad-Direttiva, u għandu jingħata rimedju effettiv kontra din id-Deċiżjoni skont it-termini tal-Artikolu 13 tad-Direttiva.

Projbizzjonijiet fuq id-dħul “storiċi” maħruġin qabel l-24 ta' Diċembru 2010 iridu jiġu adattati għar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (ara t-taqsima 11.9). Perjodi ta' detenzjoni mitmumin qabel ma daħlu fis-seħħ ir-regoli fid-Direttiva dwar ir-Ritorn iridu jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-limitu taż-żmien massimu totali stipulat fid-Direttiva dwar ir-Ritorn (ara t-taqsima 14.4.2).

Introduzzjoni ta' deroga mill-kamp ta' applikazzjoni fi stadju aktar tard (wara l-2010): L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn deroga prevista fl-Artikolu 2 (“każijiet tal-fruntieri” u każijiet tal-liġi kriminali) fi stadju aktar tard. Bidla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandux ikollha konsegwenzi żvantaġġużi fir-rigward ta' dawk il-persuni li diġà setgħu jużaw l-effetti tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (ara t-taqsima 2).

19.   SORSI U DOKUMENTI TA' REFERENZA

Dan il-Manwal huwa bbażat fuq is-sorsi li ġejjin:

1.

Minuti kkumpilati tal-Grupp ta' Kuntatt tad-Direttiva tar-Ritorn.

2.

Siltiet minn każijiet relevanti tal-QtĠ (bil-kliem prinċipali u l-isem tal-Istat Membru kkonċernat fil-parentesi):

Sentenza tat-30 ta' Novembru 2009, Kadzoev (C-357/09 PPU), ECLI:EU:C:2009:741 (detenzjoni, raġunijiet għat-titwil; rabta ma' detenzjoni marbuta mal-ażil — BG)

Sentenza tat-28 ta' April 2011, El Dridi (C-61/11 PPU) ECLI:EU:C:2011:268 (kriminalizzazzjoni — penalizzazzjoni ta' residenza illegali bi priġunerija — IT)

Sentenza tas-6 ta' Diċembru 2011, Achughbabian (C-329/11), ECLI:EU:C:2011:807 (kriminalizzazzjoni, penalizzazzjoni ta' residenza illegali bi priġunerija — FR)

Sentenza tas-6 ta' Diċembru 2012, Sagor (C-430/11) ECLI:EU:C:2012:777 (kriminalizzazzjoni, penalizzazzjoni ta' residenza illegali b'multa; ordni ta' tkeċċija; arrest domiċiljarji — IT)

Ordni tal-21 ta' Marzu 2013, Mbaye (C-522/11) ECLI:EU:C:2013:190 (kriminalizazzjoni ta' residenza illegali — IT)

Sentenza tat-30 ta' Mejju 2013, Arslan (C-534/11) ECLI:EU:C:2013:343 (ritorn vs detenzjoni marbuta mal-ażil — CZ)

Sentenza tal-10 ta' Settembru 2013, G. u R. (C-383/13 PPU) ECLI:EU:C:2013:533 (id-dritt li jinstema' qabel it-titwil tad-detenzjoni — NL)

Sentenza tad-19 ta' Settembru 2013, Filev and Osmani (C-297/12) ECLI:EU:C:2013:569 (projbizzjonijiet fuq id-dħul, bżonn li jiġi stabbilit tul ex-officio; projbizzjonijiet fuq id-dħul storiċi — DE)

Sentenza tal-5 ta' Ġunju 2014, Mahdi (C-146/14 PPU), ECLI:EU:C:2014:1320 (detenzjoni — raġunijiet għat-titwil u superviżjoni ġudizzjarja — BG)

Sentenza tat-3 ta' Lulju 2014, Da Silva (C-189/13), ECLI:EU:C:2014:2043 (kriminalizzazzjoni — dħul illegali — FR)

Sentenza tas-17 ta' Lulju 2014, Bero (C-473/13) u Bouzalmate (C-514/13), ECLI:EU:C:2014:2095 (kundizzjonijiet ta' detenzjoni, obbligu li jiġu pprovduti faċilitajiet speċjalizzati — DE)

Sentenza tas-17 ta' Lulju 2014, Pham (C-474/13), ECLI:EU:C:2014:2096 (kundizzjonijiet ta' detenzjoni — DE)

Sentenza tas-6 ta' Novembru 2014, Mukarubega (C-166/13), ECLI:EU:C:2014:2336 (id-dritt li jinstema' qabel il-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn — FR)

Sentenza tal-11 ta' Diċembru 2014Boudjlida (C-249/13), ECLI:EU:C:2014:2431 (id-dritt li jinstema' qabel il-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn — FR)

Sentenza tat-18 ta' Diċembru 2014, Abdida (C-562/13), ECLI:EU:C:2014:2453 (drittijiet sakemm iseħħ ritorn pospost — BE)

Sentenza tat-23 ta' April 2015, Zaizoune (C-38/14), ECLI:EU:C:2015:260 (obbligu li tinħareġ deċiżjoni ta' ritorn — ES)

Sentenza tal-11 ta' Ġunju 2015, Zh. u O. (C-554/13), ECLI:EU:C:2015:377 (kriterji biex jiġi stabbilit it-terminu għat-tluq volontarju — NL)

Sentenza tal-1 ta' Ottubru 2015, Skerdjan Celaj (C-290/14), ECLI:EU:C:2015:640 (kriminalizzazzjoni tan-nuqqas ta' konformità ma' projbizzjoni fuq id-dħul — IT)

Sentenza tal-15 ta' Frar 2016, J.N. (C-601/15 PPU), ECLI:EU:C:2016:84 (infurzar ta' deċiżjoni ta' ritorn wara rifjut ta' applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali — NL)

Sentenza tas-7 ta' Ġunju 2016, Affum (C-47/15), ECLI:EU:C:2016:408 (definizzjoni ta' soġġorn illegali, kriminalizzazzjoni, dħul illegali — FR)

Sentenza tal-15 ta' Marzu 2017, Al Chodor u oħrajn (C-528/15), ECLI:EU:C:2017:213 (definizzjoni ta' riskju ta' ħarba fil-proċeduri ta' Dublin — CZ

Sentenza tas-26 ta' Lulju 2017, Ouhrami (C-225/16), ECLI:EU:C:2017:590 (data ta' validità ta' projbizzjoni fuq id-dħul — NL)

3.

L-acquis dwar ir-ritorn tal-UE:

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta' Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/110/KE tal-25 ta' Novembru 2003 fuq l-għajnuna f'każijiet ta' transitu għal raġunijiet ta' tneħħija bl-ajru

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE tat-23 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens tal-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/573/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-organizzazzjoni ta' titjiriet konġunti għat-tneħħija mit-territorju ta' żewġ Stati Membri jew iktar, ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma suġġetti ta' ordnijiet individwali ta' tneħħija

Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2017 dwar ritorni iktar effettifi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, C(2017) 1600

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' April 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, “Il-protezzjoni tat-tfal migranti”, COM(2017) 211 finali.

4.

Dokumenti rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa:

20 Guidelines on forced return, adopted by the Council of Europe Committee of Ministers on 4 May 2005 and commentaries (September 2005, ISBN 92-871-5809-6)

L-istandards tas-CPT (dokument CPT/Inf/E (2002) 1 — Rev. 2013)

Skeda informattiva tas-CPT dwar id-detenzjoni tal-immigrazzjoni (dokument CPT/INF(2017) it-3 ta' Marzu 2017)

Rakkomandazzjoni Rec(2006)2 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar ir-Regoli Ewropej dwar il-Ħabsijiet (Adottata mill-Kumitat tal-Ministri fil-11 ta' Jannar 2006 fid-952 laqgħa tad-Deputati Ministri)

5.

Dokumenti relevanti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali:

Dokument ta' gwida dwar il-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali fl-interpellanza tal-migranti f'sitwazzjoni irregolari, Ottubru 2012

Handbook on European law relating to asylum, borders and immigration (Manwal dwar il-liġi Ewropea marbuta mal-ażil, il-fruntieri u l-immigrazzjoni, koeditjat mill-FRA u l-QEDB), 2014

Alternattivi għad-detenzjoni ta' dawk li jfittxu l-ażil u persuni fi proċeduri ta' ritorn, Ottubru 2015

Nota — Drittijiet fundamentali tal-migranti f'sitwazzjoni irregolari li ma jitneħħewx, disponibbli fuq:: http://fra.europa.eu/en/Non-removed-migrants-rights

Qafas legali u ta' politika Ewropea dwar detenzjoni tat-tfal f'immigrazzjoni, Ġunju 2017, disponibbli fuq: http://fra.europa.eu/en/publication/2017/child-migrant-detention.

6.

Rapporti tal-evalwazzjonijiet ta' Schengen fil-qasam tar-ritorn

20.   ABBREVJAZZJONIJIET

 

CFR: Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

 

KtE: Il-Kunsill tal-Ewropa

 

KEDB: Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

 

QEDB: Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

 

QtĠ: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

 

ŻEE: Iż-Żona Ekonomika Ewropea

 

FRA: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-drittijiet Fundamentali

 

L-Istati Membri: Stati Membri huma marbutin bid-Direttiva dwar ir-Ritorn (l-Istati Membri kollha ħlief ir-Renju Unit u l-Irlanda), kif ukoll l-Iżvizzera, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein

 

SBC: Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen

 

SIC: Konvenzjoni ta' Implimentazzjoni ta' Schengen

 

SIS: Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen

 

TUE It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

 

TFUE: It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


(1)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'permanenza illegali fil-pajjiż (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(2)  C(2015) 6250.

(3)  C(2017) 1600 finali.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(5)  Bis-saħħa ta' dispożizzjoni speċjali fit-Trattat tal-Adeżjoni tar-Renju Unit, iċ-ċittadini Ingliżi li huma “ċittadini tar-Renju Unit għall-finijiet tal-Unjoni Ewropea” biss huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea wkoll.

(6)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(7)  Skont l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni tal-1954 dwar l-Istatus ta' Persuni Mingħajr Stat, persuna mingħajr stat hija “persuna li ma titqiesx bħala cittadin mill-ebda Stat skont l-operazzjoni legali tiegħu”.

(8)  Is-sentenza tal-QtĠ tas-7 ta' Ġunju 2016, Affum, Kawża C-47/15, ECLI:EU:C:2016:408.

(9)  Is-sentenza tal-QtĠ tas-6 ta' Diċembru 2011, Achughbabian, Kawża C-329/11, ECLI:EU:C:2011:807.

(10)  Is-sentenza tal-QtĠ tas-6 ta' Diċembru 2012, Sagor, Kawża C-430/11, ECLI:EU:C:2012:777.

(11)  Is-sentenza tal-QtĠ tal-15 ta' Marzu 2017, Al Chodor and others, Kawża C-528/15, ECLI:EU:C:2017:213.

(12)  L-Artikolu 2(n) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31): “riskju ta' ħarba” tfisser l-eżistenza ta' raġunijiet f'każ individwali, li huma bbażati fuq kriterji objettivi ddefiniti mil-liġi, biex wieħed jaħseb li applikant jew ċittadin ta' pajjiż terż jew ta' persuna mingħajr Stat li huwa soġġett għal proċedura ta' trasferiment jista' jaħrab.

(13)  Din l-informazzjoni tista' tinkiseb permezz tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta' Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju ta' informazzjoni estratti mir-rekord kriminali bejn l-Istati Membri (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta' April 2009 dwar it-twaqqif tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS) bl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 33). Fid-19 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta COM(2016) 7 finali biex tiffaċilita l-iskambju ta' rekords kriminali ta' ċittadini mhux tal-UE fl-UE.

(14)  Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).

(15)  Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).

(16)  B'mod differenti mill-Istati Membri tal-UE, l-Iżvizzera, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein mhumiex marbuta minn direttivi tal-UE abbażi tal-Artikolu 288 TFUE, iżda biss ladarba dawn ikunu aċċettawhom u skont il-prinċipji tal-liġi internazzjonali pubblika ġenerali. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-Istati Membri tal-UE, l-Iżvizzera, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein mhumiex marbutin bil-ġurisprudenza tal-QtĠ relatata mat-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali u huma ħielsa li jagħżlu l-modalitajiet tat-traspożizzjoni tal-obbligu stipulat fid-Direttiva dwar ir-Ritorn (pereżempju, permezz ta' referenza diretta għat-test tad-Direttiva) f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom.

(17)  Is-sentenza tal-QtĠ tad-19 ta' Settembru 2013, Filev and Osmani, Kawża C-297/12, ECLI:EU:C:2013:569.

(18)  Wara l-kodifikazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schemgen fl-2016, ir-referenza għall-Artikolu 13 tal-Kodiċi għandha tinqara bħala referenza għall-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/399.

(19)  Il-Kunsill tal-Ewropa, Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, 1957.

(20)  Is-sentenza tal-QtĠ tat-28 ta' April 2011, El Dridi, Kawża C-61/11, PPU, ECLI:UE:C:2011:268.

(21)  Is-sentenza tal-QtĠ tat-23 ta' April 2015, Zaizoune, KawżaC-38/14, ECLI:EU:C:2015:260.

(22)  In-Nazzjonijiet Uniti, Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, 1951.

(23)  L-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni Relatata mal-Istatus tar-Refuġjati: “1. L-Istati Kontraenti ma għandhomx jimponu pieni minħabba dħul jew preżenza illegali tagħhom, fuq refuġjati li, ġejjin direttament mit-territorju fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom kienet mhedda fis-sens tal-Artikolu 1, u jidħlu jew huma preżenti fuq it-territorju tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni, kemm-il darba dawn jippreżentaw ruħhom mingħajr dewmien quddiem l-awtoritajiet u juru li għandhom raġunijiet validi għad-dħul jew il-preżenza irregolari tagħhom”.

(24)  Is-sentenza tal-QtĠ tal-1 ta' Ottubru 2015, Skerdjan Cela, Kawża C-290/14, ECLI:EU:C:2015:640.

(25)  Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24). Id-Danimarka, l-Iżvizzera, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein mhumiex marbutin b'din id-Direttiva.

(26)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19).

(27)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta' Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (ĠU L 149, 2.6.2001, p. 34).

(28)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(29)  L-eżempji mogħtija huma ssimplifikati għall-finijiet ta' spjegazzjoni. Fil-prattika kull każ irid jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkostanzi individwali.

(30)  Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-iċċekkjar fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19).

(31)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2006) 5186 tas-6 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi “Manwal Prattiku għall-Gwardjani tal-Fruntieri (il-Manwal ta' Schengen)” għall-użu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri waqt l-eżekuzzjoni tal-kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri, u l-emendi sussegwenti.

(32)  Dan it-terminu huwa dispożizzjoni wiesgħa “omnikomprensiva”, li tkopri anki dawk il-każijiet kollha li huma espliċitament esklużi mid-definizzjoni ta' “permess ta' residenza” skont l-Artikolu 2(16)(b)(i) u (ii) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

(33)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 1620, tad-19 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi l-Manwal għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-viża u l-modifika ta' viżi maħruġa, u l-emendi sussegwenti.

(34)  Is-sentenza tal-QtĠ tal-15 ta' Frar 2016, J.N., Kawża C-601/15, PPU, ECLI:UE:C:2016:84.

(35)  Id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiż terz fil-qafas ta' trasferiment intra-azjendali (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 1).

(36)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).

(37)  Id-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE biex testendi l-ambitu tal-applikazzjoni għall-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali (ĠU L 132, 19.5.2011, p. 1).

(38)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17).

(39)  Id-Dokument tal-Kunsill 8829/16.

(40)  Id-Dokument tal-Kunsill 9979/16.

(41)  Is-sentenza tal-QtĠ tal-11 ta' Ġunju 2015, Zh. u O, Kawża C-554/13, ECLI:UE:C:2015:377.

(42)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE tat-23 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens tal-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (ĠU L 60, 27.2.2004, p. 55).

(43)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/110/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar assistenza f'każijiet ta' transitu bl-għan ta' tneħħija bl-ajru (ĠU L 321, 6.12.2003, p. 26).

(44)  NB: din l-interpretazzjoni ma timplikax li t-tneħħija mhux skortata hija sinonima mat-tluq volontarju. It-terminu tneħħija mhux skortata jista' jkopri wkoll każijiet ta' ritorn furzat (tneħħija) mingħajr skorta tal-pulizija.

(45)  

COM(2016) 881 finali.

(46)  Ir-Regolament (UE) 2016/1953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u li jħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1994 (ĠU L 311, 17.11.2016, p. 13).

(47)  Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

(48)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/573/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-organizzazzjoni ta' titjiriet konġunti għat-tneħħija mit-territorju ta' żewġ Stati Membri jew iżjed, ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta' ordnijiet ta' tneħħija individwali (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 28).

(49)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(50)  In-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, 1989.

(51)  UNHCR-UNICEF, Safe and Sound, 2014, disponibbli fuq: http://www.refworld.org/docid/5423da264.html.

(52)  In-Nazzjonijiet Uniti, Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) dwar id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja (l-art. 3, para. 1)*, 2013, disponibbli fuq: http://www2.ohchr.org/English/bodies/crc/docs/GC/CRC_C_GC_14_ENG.pdf.

(53)  UNHCR, Guidelines on Determining the Best Interests of the Child (Linji gwida li Jistabbilixxu l-Aħjar Interessi tal-Minuri), 2008, http://www.unhcr.org/4566b16b2.pdf.

(54)  UNHCR, Field Handbook for the Implementation of UNHCR BID Guidelines (Manwal tal-Qasam dwar l-Implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UNHCR BID), 2011, disponibbli fuq: http://www.refworld.org/pdfid/4e4a57d02.pdf.

(55)  Il-Kunsill tal-Ewropa, Twenty Guidelines on Forced Return (Għoxrin Linja Gwida dwar Ritorn Furzat), 2005.

(56)  L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, Age assessment practice in Europe (Il-prattika tal-valutazzjoni tal-età fl-Ewropa), 2014, disponibbli fuq: https://www.easo.europa.eu/sites/default/files/public/EASO-Age-assessment-practice-in-Europe.pdf. Qed jtitħejja d-dokument ta' gwida ġdid.

(57)  In-Nazzjonijiet Uniti, Guidelines for the alternative care of children (il-Linji Gwida għall-kura alternattiva tat-tfal), 2010, disponibbli fuq:http://www.refworld.org/docid/4c3acd162.html.

(58)  Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).

(59)  COM(2009) 313 finali.

(60)  Is-sentenza tal-QtĠ tas-17 ta' Novembru 2011, Gaydarov, Kawża C-430/10, ECLI:EU:C:2011:749.

(61)  Is-sentenza tal-QtĠ tas-26 ta' Lulju 2017, Ouhrami, Kawża C-225/16, ECLI:UE:C:2017:590.

(62)  Is-sentenza tal-QtĠ tal-10 ta' Settembru 2013, G. u R., Kawża C-383/13 PPU, ECLI:UE:C:2013:533.

(63)  Is-sentenza tal-QtĠ tal-11 ta' Diċembru 2014Boudjlida, Kawża C-249/13, ECLI:UE:C:2014:2431.

(64)  Is-sentenza tal-QtĠ tas-6 ta' Novembru 2014, Mukarubega, Kawża C-166/13, ECLI:UE:C:2014:2336.

(65)  In-Nazzjonijiet Uniti, Kumment Ġenerali Nru. 12 (2009): Id-dritt tat-tfal li jinstemgħu, 2009, disponibbli fuq: http://www.refworld.org/docid/4ae562c52.html.

(66)  COM(2015) 285 finali.

(67)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (il-Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(68)  Is-sentenza tal-QtĠ tat-18 ta' Diċembru 2014, Abdida, Kawża C-562/13, ECLI:UE:C:2014:2453.

(69)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta' rifuġjat (ĠU L 326, 13.12.2005, p. 13), imħassra mid-Direttiva 2013/32/UE.

(70)  Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Frar 2002, Čonka vs. Il-Belġju, rikors nru. 51564/99.

(71)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta' Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil (ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18).

(72)  In-Nazzjonijiet Uniti, Kumment Ġenerali Nru. 6 (2005): It-Trattament tat-Tfal Mhux Akkumpanjati u Separati Barra mill-Pajjiż tal-Oriġini Tagħhom, 2005, disponibbli fuq: http://www.refworld.org/docid/42dd174b4.html.

(73)  Is-sentenza tal-QtĠ tal-5 ta' Ġunju 2014, Mahdi, Kawża C-146/14 PPU, ECLI:UE:C:2014:1320.

(74)  Is-sentenza tal-QtĠ tat-30 ta' Novembru 2009, Kadzoev, Kawża C-357/09 PPU, ECLI:UE:C:2009:741.

(75)  UNHCR, Dokument ta' opzjonijiet 2: Opzjonijiet tal-gvernijiet ta' akkoljenza miftuħa u alternattivi għad-detenzjoni, 2015, disponibbli fuq: http://www.unhcr.org/protection/detention/5538e53d9/unhcr-options-paper-2-options-governments-open-reception-alternatives-detention.html.

(76)  Is-sentenza tal-QtĠ tat-30 ta' Mejju 2013, Arslan, Kawża C-534/11, ECLI:UE:C:2013:343.

(77)  Ħarsa ġenerali lejn il-limiti ta' żmien differenti applikabbli skont il-liġi nazzjonali tista' tinstab fuq: http://ec.europa.eu/smart-regulation/evaluation/search/download.do?documentId=10737855 (paġni 44-50). Din il-ħarsa ġenerali tirrifletti is-sitwazzjoni f'Diċembru 2013 u ċerti regoli nazzjonali nbidlu minn dak iż-żmien.

(78)  Is-Sentenza tas-17 ta' Lulju 2014, Bero, il-Kawża C-473/13, u Bouzalmate, il-Kawża C-514/13, ECLI:EU:C:2014:2095.

(79)  Is-sentenza tal-QtĠ tas-17 ta' Lulju 2014, Pham, Kawża C-474/13, ECLI:EU:C:2014:2096.

(80)  UNHCR, Dokument ta' opzjonijiet 1: Options for governments on care arrangements and alternatives to detention for children and families, 2015, (Opzjonijiet għall-gvernijiet dwar arranġamenti tal-kura u alternattivi għad-detenzjoni għat-tfal u l-familji, disponibbli fuq: http://www.unhcr.org/553f58509.pdf.

(81)  L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, European legal and policy framework on immigration detention of children, 2017, (Qafas Ewropew legali u politiku dwar detenzjoni tat-tfal f'immigrazzjoni) http://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2017-immigration-detention-children_en.pdf.

(82)  Fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tal-Iżvizzera, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein: ara n-nota f'qiegħ il-paġna relatata fit-taqsima 2 iktar 'il fuq.