13.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/79


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/820

tat-12 ta' Mejju 2017

dwar verifiki proporzjonati tal-pulizija u kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

F'żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, huwa neċessarju li jkun hemm rispons komuni għal tħeddidiet transfruntiera li jaffettwaw l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ta' dik iż-żona. It-tħaddim tajjeb ta' żona bħal din tiddependi mhux biss fuq l-applikazzjoni uniformi tal-acquis tal-Unjoni, iżda wkoll fuq l-użu tal-kompetenzi nazzjonali fir-rigward taż-żamma tal-liġi u tal-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà interna f'konformità mal-għanijiet tal-acquis ta' Schengen. Għall-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen, huwa importanti li wieħed jikkunsidra mhux biss kif l-Istati Membri jimmaniġġjaw il-fruntieri esterni tagħhom, iżda wkoll kif jeżerċitaw il-poteri tal-pulizija tagħhom, fuq it-territorju sħiħ tagħhom kif ukoll f'żoni ta' fruntiera.

(2)

Fl-2012, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida għall-Istati Membri li jikkonċernaw miżuri tal-pulizija f'żoni interni tal-fruntiera mehmuż mal-Ewwel rapport bi-annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen (1). Abbażi tal-esperjenza ta' dawn l-aħħar tliet, dawk il-linji gwida għandhom jiġu riveduti. Din ir-Rakkomandazzjoni sservi dak l-iskop. Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq “it-tagħlimiet li nkisbu” tul dawn l-aħħar tliet snin fl-indirizzar ta' theddid għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna u l-prattika tajba fit-tħaddim tas-setgħat tal-pulizija u l-kooperazzjoni transkonfinali tal-pulizija, każistika relevanti dwar il-verifiki tal-pulizija, valutazzjonijiet Schengen li saru s'issa fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u possibbiltajiet ġodda li jirriżultaw minn żviluppi teknoloġiċi.

(3)

F'konformità mar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), in-nuqqas ta' kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni ma jaffettwax l-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, safejn l-eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fil-fruntieri. L-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija m'għandhom, b'mod partikolari, ikunu meqjusa ekwivalenti għall-eżerċizzju ta' verifiki fil-fruntiera meta l-miżuri li jittieħdu mill-pulizija ma jkollhomx bħala objettiv il-verifiki fuq il-fruntiera, ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali tal-pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u li jkunu mmirati, b'mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera, ikunu maħsuba u mwettqa b'mod li jkun differenti b'mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq il-persuni fil-fruntieri esterni u jkunu mwettqa bħala verifiki każwali. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Adil (3), din la hija lista kumulattiva u lanqas lista eżawrjenti ta' kriterji, li jfisser li dawn il-kriterji ma għandhomx jitqiesu bħala li qed jippreskrivu l-uniku grupp possibbli ta' miżuri tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera (4).

(4)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/399 u l-kliem tal-Artikolu 72 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jikkonfermaw li t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntiera ma affettwax il-prerogattivi tal-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-liġi u l-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

(5)

Is-setgħat tal-pulizija applikabbli fit-territorju ta' Stat Membru huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, Stati Membri jistgħu jwettqu verifiki tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera wkoll, inklużi żoni tal-fruntieri interni, fil-kuntest tas-setgħat tal-pulizija li jeżistu taħt il-liġi nazzjonali applikabbli għat-territorju kollu.

(6)

Fiċ-ċirkostanzi attwali ta' theddid marbuta mal-ordni pubbliku jew mas-sigurtà interna mit-terroriżmu u kriminalità transfruntiera serja oħra u r-riskji ta' movimenti sekondarji ta' persuni li qasmu b'mod irregolari l-fruntieri esterni, l-intensifikazzjoni tal-verifiki tal-pulizija fit-territorju kollu tal-Istati Membri, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri u t-twettiq ta' spezzjonijiet mill-pulizija tul rotot ta' trasport ewlenin bħal ma huma l-awtostradi u l-ferroviji, jista' jkun meħtieġ u ġustifikat. Id-deċiżjoni dwar tali verifiki, il-post fejn isiru kif ukoll l-intensità tagħhom tibqa' kompletament f'idejn l-Istati Membri u għandhom dejjem ikunu proporzjonati għat-theddidiet identifikati. Tali verifiki jistgħu jkunu iktar effikaċi minn kontrolli fil-fruntieri interni, b'mod partikolari peress li huma iktar flessibbli minn kontrolli fil-fruntieri statiċi f'punt ta' qsim tal-fruntieri u jistgħu jiġu adattati b'mod iktar faċli għar-riskji li qed jevolvu.

(7)

Żoni tal-fruntieri jista' jkollhom riskji speċifiċi f'dak li għandu x'jaqsam mal-kriminalità transfruntiera u jistgħu jkunu wkoll iktar esposti għal ċerti reati kommessi fit-territorju kollu bħal serq, serq ta' vetturi, traffikar ta' droga, moviment sekondarju mhux awtorizzat ta' ċittadin ta' pajjiżi terzi, traffikar ta' migranti jew traffikar ta' bnedmin. Ir-riskji ta' ksur tar-regoli dwar il-legalità tar-residenza fi ħdan it-territorju jista' wkoll ikun ogħla f'żoni ta' fruntiera. Meta jittieħed kont ta' dawn ir-riskji, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu u jintensifikaw il-verifiki tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera, li huma adattati għar-riskji speċifiċi ta' żoni tal-fruntiera, sakemm dawn il-miżuri ma jkollhomx effett ekwivalenti għall-verifika fil-fruntieri.

(8)

Teknoloġiji moderni biex jimmonitorjaw il-flussi tat-traffiku, b'mod partikolari fuq l-awtostradi u toroq importanti oħra determinati mill-Istati Membri, jistgħu jkunu strumentali fl-indirizzar ta' theddid għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna. Minn din il-perspettiva, l-użu ta' sistemi ta' monitoraġġ u ta' sorveljanza li jippermettu rikonoxximent awtomatiku tal-pjanċi għal finijiet ta' infurzar tal-liġi għandhom għalhekk ikunu mħeġġa, suġġett għar-regoli applikabbli dwar is-sorveljanza bil-kamera, inklużi s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data. Dan jista' jgħin biex is-sorveljanza tal-kurituri ewlenin tal-Ewropa, użati minn numru konsiderevoli ta' vjaġġaturi u vetturi li jiċċaqalqu fl-Unjoni, mingħajr impatt sproporzjonat fuq il-fluss tat-traffiku.

(9)

Huwa biss f'każijiet ta' setgħat tal-pulizija taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li huma speċifikament limitati għal żoni tal-fruntiera u jimplikaw verifiki tal-identità anki mingħajr suspett konkret, li Stati Membri jkollhom jipprovdu għal qafas speċifiku biex jiżguraw li dawk il-verifiki tal-pulizija ma jammontawx għal miżuri ekwivalenti għal kontrolli fil-fruntieri. Filwaqt li fis-sentenza Melki (5) il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu tali setgħat speċifiċi tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntieri interni li jippermettu kontrolli tal-identità msaħħa biss f'dawk il-partijiet tat-territorju, iddeċidiet li f'dawk is-sitwazzjonijiet, Stati Membri għandhom jipprevedu dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward l-intensità u l-frekwenza ta' dawn il-kontrolli. Barra minn hekk, jekk verifika ma tkunx tiddependi fuq l-imġiba ta' persuna vverifikata jew fuq ċirkustanzi speċifiċi jew informazzjoni li tista' toħloq riskju għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna, Stati Membri għandhom jipprovdu qafas meħtieġ bħala gwida għall-applikazzjoni prattika tiegħu biex jiġi evitat li dawn il-miżuri tal-pulizija jkollhom effett ekwivalenti għal kontrolli mal-fruntieri.

(10)

Matul l-aħħar tliet snin għadd ta' Stati Membri intensifikaw il-verifiki tal-pulizija fiż-żoni ta' fruntieri fil-kuntest taż-żieda fit-theddid għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna (fosthom l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, in-Netherlands, Franza, l-Italja, is-Slovenja u l-Iżvizzera). Dawk il-verifiki kultant iffukaw fuq mezzi speċifiċi ta' trasport, pereżempju ferroviji, jew żoni speċifiċi fuq il-fruntiera. L-użu ta' mezzi teknoloġiċi qed tiżdied ukoll f'dan il-kuntest. Il-Kummissjoni ma kkontestat ebda wieħed minn dawn il-każijiet. Uħud minn dawn il-każijiet stabilixxew eżempji ta' prattiki tajba fl-indirizzar ta' theddidiet persistenti, li żdiedu, għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna.

(11)

Skont ir-Regolament (UE) 2016/399, l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri jistgħu jintużaw biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali, bħala l-aħħar miżura. F'dan il-kuntest id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/246 (6) espliċitament ħeġġet lill-Istati Membri biex jevalwaw jekk il-verifiki tal-pulizija ma jiksbux l-istess riżultati bħall-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni, qabel l-introduzzjoni jew l-estensjoni ta' tali kontrolli.

(12)

Filwaqt li f'xi ċirkustanzi jista' jkun ċar mill-bidu li verifiki tal-pulizija waħedhom mhumiex biżżejjed biex jiġu identifikati t-theddidiet għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna (pereżempju, it-tiftix għal suspetti speċifiċi wara attakk terroristiku), f'każijiet oħra, għanijiet simili għal dawk tal-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontroll fil-fruntieri jistgħu jiġu segwiti permezz ta' iktar verifiki fiż-żoni tal-fruntiera. Għalhekk, minn naħa waħda. Id-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni fil-prinċipju għandha tkun preċeduta minn valutazzjoni ta' miżuri alternattivi oħra. B'mod partikolari f'każ ta' deċiżjonijiet dwar l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni minħabba avvenimenti prevedibbli l-Istati Membri għandhom juru li tali valutazzjoni tkun twettqet. Min-naħa l-oħra, f'każijiet speċifiċi u urġenti ta' theddid serju għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna fil-livell taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jew fil-livell nazzjonali, l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni tista' tkun meħtieġa immedjatament.

(13)

Din ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mis-setgħat tal-pulizija tagħhom u li jagħtu preċedenza għall-kontrolli tal-pulizija qabel ma jiddeċiedu dwar l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni.

(14)

Ikunu liema jkunu l-miżuri li Stat Membru jieħu biex jindirizza theddida speċifika għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna tiegħu, għandu jiżgura li l-implimentazzjoni tal-miżura ma twassalx għal ostakli għall-moviment ħieles ta' persuni u oġġetti bla bżonn, mhux ġustifikati u proporzjonati għal dawk it-theddid għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna u li jirrispetta bi sħiħ id-drittijiet fundamentali u b'mod partikolari il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni.

(15)

Żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni tiddependi wkoll fuq l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-miżuri akkumpanjanti mill-Istati Membri fl-oqsma ta' kooperazzjoni transkonfinali tal-pulizija. Il-valutazzjonijiet ta' Schengen li saru s'issa fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija enfasizzaw li għalkemm l-Istati Membri huma ġeneralment legalment konformi mal-acquis ta' Schengen, għadd ta' ostakli jxekklu l-użu prattiku ta' wħud mill-għodod tal-kooperazzjoni tal-pulizija transkonfinali disponibbli għall-Istati Membri. Għalhekk Stati Membri għandhom ikunu mħeġġa biex jindirizzaw dawn l-ostakoli biex jindirizzaw aħjar it-theddid transfruntier.

(16)

Pattulji konġunti tal-pulizija u għodod oħra eżistenti ta' kooperazzjoni operattiva tal-pulizija jikkontribwixxu għal sigurtà interna fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri. Pattulji konġunti fuq ferroviji transfruntiera eż isaħħu b'mod ċar is-sigurtà, billi jipprevjenu sitwazzjonijiet fejn in-nuqqas ta' simetrija fil-kontrolli jdgħajjef l-isforzi meħuda fuq naħa waħda tal-fruntiera biss. Numru ta' Stati Membri stabbilixxew prattiki li jiffaċilitaw jew li jippermettu li jsiru operazzjonijiet ta' kooperazzjoni konġunta tal-pulizija (pereżempju, l-għases tal-pulizija konġunti li l-Ġermanja u l-Polonja stabbilixxew fil-fruntiera li jiffukaw fuq pattulji konġunti u operazzjonijiet oħra, jew it-timijiet iż-żgħar stbbiliti għal investigazzjonijiet konġunti fuq il-fruntiera Awstrija-Repubblika Ċeka, pattulji konġunti fuq il-ferroviji fl-Awstrija, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Ungerija, jew ir-reklutaġġ mill-pulizija Ġermaniża ta' ċittadini minn Stati Membri oħra, b'mod partikolari għal pattulji f'żoni fuq il-fruntiera) Stati Membri għandhom ikunu mħeġġa jsegwu dawn l-aħjar prattiki.

(17)

Analiżi konġunta tat-theddid u l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni bejn Stati Membri li jikkondividu reġjun tal-fruntiera jistgħu jgħinu fit-tfassil ta' verifiki tal-pulizija effiċjenti biex jiġu indirizzati t-theddidiet identifikati. Tali kooperazzjoni tista' tkopri r-riskji fuq rotot tat-traffiku transfruntiera speċifiċi, kif ukoll mezzi tat-trasport speċifiċi li jintużaw spiss użati f'attivitajiet kriminali, sabiex ikunu jistgħu jsiru verifiki mmirati tal-pulizija qabel żona tal-fruntiera. Tali verifiki tal-pulizija jistgħu jipprovdu għodda konġunta biex jiġu indirizzati t-theddidiet għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna ffaċati mill-Istati Membri kkonċernati. Għal din ir-raġuni huwa importanti li l-Istati Membri jiġu nkoraġġuti biex ikomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni transfruntiera.

(18)

Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija, l-Istati Membri jistgħu jitolbu appoġġ mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni. Appoġġ ta' dan it-tip jista' jikkontribwixxi pereżempju għall-faċilitazzjoni ta' skambju tal-aħjar prattiki bejn il-prattikanti u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet mill-Istati Membri u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-aġenziji relevanti (Europol u l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta). Tista' tikkontribwixxi wkoll biex jissaħħi iktar l-istrutturi ta' kooperazzjoni transfruntiera għaċ-Ċentri ta' Kooperazzjoni Doganali tal-Pulizija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tappoġġa l-aġġornament, abbażi ta' kontribut mill-Istati Membri, tal-“katalogu ta' Schengen” 2011 (7), li jidentifika, fost oħrajn, l-aħjar prattiki fil-qasam ta' kooperazzjoni operattiva transfruntiera tal-pulizija, u l-Iskedi informattivi Nazzjonali tal-“Manwal dwar l-operazzjonijiet transfruntiera” (8).

(19)

Kif intwera mill-kriżi migratorja reċenti, movimenti sekondarji mhux ikkontrollati ta' migrant irregolari jistgħu jkunu ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna. L-applikazzjoni xierqa tal-ftehimiet bilaterali ta' riammissjoni f'konformità mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), tista' tkun instrumentali fl-indirizzar ta' movimenti sekondarji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali. Il-ftehimiet bilaterali jistgħu wkoll jgħinu fil-kisba ta' riżultati simili bħala kontrolli mmirati fuq il-fruntieri interni f'dak li għandu x'jaqsam mal-indirizzar tat-theddid għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, filwaqt li jillimitaw l-impatt fuq il-moviment ta' vjaġġaturi bona fide. Għalhekk huwa importanti li l-Istati Membri japplikaw il-ftehimiet bilaterali ta' riammissjoni b'mod effiċjenti filwaqt li tiġi rrispettata r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432 (10).

(20)

Il-Kummissjoni tqis li din ir-Rakkomandazzjoni teħtieġ żmien raġonevoli biex tiġi implimentata; għalhekk il-Kummissjoni tirrakkomanda li din għandha tiġi implimentat malajr kemm jista' jkun u l-iktar tard fi żmien sitt xhur.

(21)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tkun implimentata bir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.

(22)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tkun indirizzata lill-Istati ta' Schengen kollha marbuta mit-Titolu III tar-Regolament (UE) 2016/399.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Użu iktar effettiv ta' verifiki tal-pulizija

(1)

Sabiex jiġi rimedjat b'mod adegwat it-theddid għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna fi ħdan iż-żona Schengen, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun meħtieġ u ġustifikat skont il-liġi nazzjonali:

(a)

jintensifikaw il-verifiki tal-pulizija fit-territorju kollu, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri;

(b)

Jwettqu verifiki tal-pulizija fuq rotot tat-trasport ewlenin, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri;

(c)

jadattaw il-verifiki tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera abbażi ta' evalwazzjoni tar-riskju kontinwa filwaqt li jiżguraw li dawk il-verifiki tal-pulizija m'għandhom il-kontroll fil-fruntieri bħala objettiv.

(d)

isir użu minn teknoloġiji moderni sabiex jiġu ssorveljati vetturi u flussi tat-traffiku.

L-għoti ta' preċedenza għall-verifiki tal-pulizija f'każ ta' theddida serja għas-sigurtà interna jew għall-ordni pubbliku

(2)

Fejn f'sitwazzjoni ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, Stati Membri jikkunsidraw l-applikazzjoni tal-Kapitolu II tat-Titolu III tar-Regolament (UE) 2016/399, l-ewwel għandhom jivvalutaw jekk is-sitwazzjoni tistax tiġi indirizzata b'mod adegwat permezz ta' tisħiħ tal-verifiki tal-pulizija fit-territorju, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija

(3)

Sabiex tiġi msaħħa l-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija fl-indirizzar ta' theddid għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jevalwaw mill-ġdid kemm fil-fatt jużaw bħalissa l-għoddod ta' kooperazzjoni operattiva transfruntiera tal-pulizija bħall-pattulji konġunti, operazzjonijiet konġunti, timijiet ta' investigazzjoni konġunti, tiftix b'urġenza transfruntiera, jew sorveljanzi transfruntiera, ċentri ta' Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana;

(b)

jaħdmu b'mod konġunt mal-Istati Membri ġirien tagħhom biex ineħħu ostakli legali jew operazzjonali għall-użu sħiħ tal-għodod operazzjonali trasfruntiera kollha ta' kooperazzjoni tal-pulizija.

(c)

jiżviluppaw u jimplimentaw, kif xieraq, analiżi tat-theddid konġunt u skambju transfruntier ta' informazzjoni mal-Istati Membri ġirien tagħhom li l-Istati Membri biex jappoġġaw azzjonijiet konġunti biex jindirizzaw theddid għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna f'żoni konfini ta' fruntieri interni tagħhom, inkluż permezz ta' koordinazzjoni tal-verifiki tal-pulizija fiż-żoni ta' fruntieri interni tagħhom;

(d)

jevalwaw il-ħtieġa għal investimenti tekniċi biex isaħħu operazzjonijiet konġunti, b'mod partikolari għas-sorveljanza u d-detezzjoni.

Użu effettiv ta' ftehimiet jew arranġamenti bilaterali ta' riammissjoni bejn l-Istati Membri

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-verifiki tal-pulizija u l-kooperazzjoni tal-pulizija jistgħu jwasslu għall-ġlieda effikaċi kontra movimenti sekondarji mhux awtorizzati fejn dawn il-movimenti joħolqu theddida speċifika għall-ordni pubblika jew għas-sigurtà interna, l-Istati Membri għandhom:

(a)

f'konformità mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115/KE, jirritornaw ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu għaddew mit-territorju tagħhom qabel ma jiġu arrestati fi Stat Membru ieħor, taħt id-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva (it-13 ta' Jannar 2009), b'mod partikolari bejn Stati Membri ġirien;

(b)

jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluż l-istabbiliment ta' prattiki operazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti u jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom, biex jiġi żgurat li l-proċeduri taħt dawk il-ftehimiet jew bilaterali arranġamenti jiġu finalizzati malajr mill-Istati Membri kkonċernati, sabiex jiġi żgurat li t-trasferiment isir malajr kemm jista' jkun;

(c)

jiżguraw li, fejn Stat Membru jiddeċiedi li ma japplikax id-dispożizzjonijiet ta' ftehim jew arranġament bilaterali ta' riammissjoni jew fejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati jittieħdu lura minn Stat Membru ieħor, il-proċeduri ta' ritorn huma mnedija f'konformità mad-Direttiva 2008/115/KE u f'konformità mar-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/432.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2012)230, Rapport li jkopri l-perjodu bejn l-1 ta' Novembru 2011– 30 ta' April 2012.

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0230:FIN:MT:PDF

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Lulju 2012, Adil, ECLI:EU:C:2012:508, C-278/12 PPU.

(4)  Sentenza Adil, ECLI:EU:C:2012:508, il-punt 65.

(5)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 2010, Melki u Abdeli, kawżi konġunti C-188/10 u C-189/10, ECLI:EU:C:2010:363, il-punti 73 u 74.

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/246 tas-7 ta' Frar 2017 li tistabilixxi Rakkomandazzjoni għall-estensjoni ta' kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju (ĠU L 36, 11.2.2017, p. 59).

(7)  Dokument tal-Kunsill 15785/3/10 Rev 3.

(8)  Dokument tal-Kunsill 10505/4/09 Rev 4.

(9)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(10)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432 tas-7 ta' Marzu 2017 dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 66, 11.3.2017, p. 15).