9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/62


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Litwanja għall-2017 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Litwanja għall-2017

(2017/C 261/14)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9–10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lil-Litwanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, il-Litwanja għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjoni (2) ta’ hawn taħt.

(3)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2017 għal-Litwanja ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamlet il-Litwanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Litwanja lejn il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020.

(4)

Il-Litwanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2017 fis-27 ta’ April 2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-2017 fit-28 ta’ April 2017. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) li tkopri l-perijodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jeżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika għaqlija.

(6)

Bħalissa l-Litwanja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2017, il-Gvern qiegħed jippjana titjib fil-bilanċ nominali minn defiċit ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2017 għal bilanċ pożittiv ta’ 1,3 % tal-PDG fl-2020. L-objettiv baġitarju ta’ terminu medju — defiċit ta’ 1 % tal-PDG f’termini strutturali — hu ppjanat li jiġi ssodisfat b’marġni matul il-perjodu tal-programm. Id-direzzjoni ta’ aġġustament permessa tinkorpora r-riforma sistemika tal-pensjonijiet mill-2016 ’il quddiem. Fl-2017 din tirrifletti riformi strutturali addizzjonali kbar fis-suq tax-xogħol u l-pensjonijiet. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG mistenni li jinżel minn 40,2 % tal-PDG fl-2016 għal 33,8 % fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ippjanati bilanċ favorevoli mill-2018 ’il quddiem għadhom ma ġewx speċifikati biżżejjed.

(7)

Fil-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2017, il-Litwanja talbet li tuża devjazzjoni temporanja ta’ 0,5 % tal-PDG taħt il-parti preventiva skont il-“Pożizzjoni miftehma b’mod komuni dwar il-Flessibbiltà fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir” approvata mill-Kunsill ECOFIN fi Frar 2016 fid-dawl tal-implimentazzjoni ppjanata ta’ riformi strutturali maġġuri b’impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. B’mod partikolari, dan jikkonċerna li titqajjem is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet permezz tal-indiċjar imsaħħaħ u żieda gradwali tas-servizz pensjonabbli. Madankollu, ir-riformi ma rnexxilhomx jistabbilixxu rabta awtomatika bejn l-età tal-irtirar u l-istennija tal-għomor. Barra minn hekk, ir-riformi jimmodernizzaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol permezz tal-introduzzjoni ta’ tipi ġodda ta’ kuntratti ta’ impjieg, perjodi iqsar ta’ notifika, inqas benefiċċji tat-tluq u ħinijiet tax-xogħol aktar flessibbli. Ir-riformi jsaħħu wkoll il-kopertura u l-adegwatezza tal-qgħad u l-benefiċċji tal-assigurazzjoni soċjali, jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-politiki tas-suq tax-xogħol attivi u jnaqqsu l-livell ta’ impjieg illegali u mhux assigurat. L-awtoritajiet jikkalkulaw li r-riformi qed ikollhom impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi billi jiġġeneraw tfaddil medju annwali tan-nefqa tal-pensjonijiet sa 3,8 % tal-PDG fuq medda twila ta’ żmien, filwaqt li l-parti tar-riforma tas-suq tax-xogħol tista’ żżid in-numru annwali medju ta’ impjegati b’10 %, li jidher li huwa ġeneralment ipoteżi plawżibbli. Għalhekk, jekk tiġi implimentata kompletament u fil-ħin, din ir-riforma ser ikollha impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Fuq din il-bażi, il-Litwanja bħalissa tista’ tiġi vvalutata bħala li tikkwalifika għad-devjazzjoni temporanja mitluba fl-2017, bil-kundizzjoni li timplimenta b’mod xieraq ir-riformi miftiehma, li ser ikunu immonitorjati taħt is-Semestru Ewropew. Madankollu, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett kontinwu tal-parametru referenzjarju minimu (jiġifieri defiċit strutturali ta’ 1,5 % tal-PDG) u b’kont meħud tal-konċessjoni mogħtija qabel skont il-klawżola tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet (0,1 % tal-PDG), il-Litwanja bħalissa tista’ tiġi vvalutata bħala li tikkwalifika għal devjazzjoni temporanja addizzjonali ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2017, li huwa kemxejn taħt il-livell mitlub ta’ 0,5 % tal-PDG.

(8)

Fit-12 ta’ Lulju 2016, għall-2017 il-Kunsill irrakkomanda lil-Litwanja biex tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tkun limitata għall-konċessjoni marbuta mar-riforma sistemika tal-pensjonijiet (5). Waqt li jitqiesu l-konċessjonijiet marbuta mar-riforma tal-pensjonijiet mogħtija għall-2016 u d-devjazzjoni temporanja marbuta mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali mogħtija fl-2017, il-bilanċ strutturali għandu jkun permess li jiddeterjora b’1,3 % tal-PDG fl-2017. Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2017, il-Litwanja hija pproġettata li tikkonforma ma’ dan ir-rekwiżit biss fl-2017. Fl-2018, il-Litwanja jinħtieġ li tilħaq l-objettiv fuq perjodu medju ta’ żmien, waqt li tqis il-konċessjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet mogħtija għall-2016 u r-riforma strutturali mogħtija għall-2017, billi d-devjazzjonijiet temporanji huma trasferiti ’l quddiem għal perjodu ta’ tliet snin. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, dan huwa konsistenti mar-rata ta’ tkabbir nominali massima netta tal-infiq primarju tal-gvern (6) ta’ 6,4 % fl-2018, li jikkorrispondi għal deterjorament fil-bilanċ strutturali ta’ -0,6 % tal-PDG. Jekk ma jinbidlux il-politiki, il-Litwanja hija pproġettata li tikkonforma ma’ dan ir-rekwiżit fl-2018. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Litwanja hija mistennija li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2017 u fl-2018.

(9)

Wara l-aħħar żieda fil-paga minima mhux taxxabbli, il-piż tat-taxxa fuq dawk bi dħul baxx tnaqqas b’mod sostanzjali matul dawn l-aħħar snin u issa huwa qrib il-medja tal-UE. Fl-istess waqt, iż-żidiet fit-taxxa li jikkumpensaw ġew limitati u konsegwentement, id-dħul mit-taxxa bħala sehem mill-PDG jibqa’ fost l-aktar baxxi fl-Unjoni, u dan jillimita l-abbiltà tal-Litwanja li tindirizza l-isfidi soċjali tagħha. Id-dħul baxx mit-taxxa huwa minħabba s-sehem relattivament kbir tal-ekonomija klandestina u d-dħul relattivament baxx mit-tassazzjoni ambjentali u kapitali.

(10)

Għalkemm il-Litwanja għamlet progress f’dawn l-aħħar snin biex ittejjeb il-ġbir tal-VAT, id-distakk tal-VAT huwa fost l-ogħla fl-Unjoni. Ir-rappurtar falz tal-pagi jżid l-problema ta’ livelli baxxi ta’ ġbir tat-taxxa. Iż-żieda tal-konformità tat-taxxa żżid id-dħul fil-baġit u ttejjeb il-ġustizzja tas-sistema tat-taxxa u l-effiċjenza tal-ekonomija.

(11)

Iż-żieda fil-proporzjon ta’ dipendenza minħabba x-xjuħija hija mistennija li tintensifika u taħt ir-regoli eżistenti tal-pensjonijiet in-nefqa fuq il-pensjonijiet bħala proporzjon tal-PDG hija pproġettata li tiżdied b’madwar 50 % minn tmiem is-snin 2030. Ir-rabta tal-benefiċċji tal-pensjoni mal-istennija tal-għomor hija essenzjali biex tillimita l-piż li n-nefqa tal-pensjoni ser titfa’ fuq il-finanzi pubbliċi.

(12)

Il-Litwanja pposponiet id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi tax-Xogħol il-ġdid u leġislazzjoni oħra dwar il-mudell soċjali ġdid. Dan jagħtiha l-opportunità li tiżgura bilanċ tajjeb bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fir-relazzjonijiet tax-xogħol tagħha. Il-proporzjon għoli ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, flimkien maż-żieda fl-inugwaljanza fid-dħul, jibqgħu sfidi ewlenin għal-Litwanja. Il-proporzjon bejn l-introjti tal-20 % tal-popolazzjoni l-iktar sinjuri u tal-ifqar 20 % żdied minn 5,3 fl-2012 għal 7,5 fl-2015 u huwa t-tieni l-ogħla fl-Unjoni. Dan huwa ta’ detriment għat-tkabbir ekonomiku, l-istabbiltà makroekonomika u l-iżvilupp ta’ soċjetà inklużiva. F’dan il-mument, is-sistema ta’ protezzjoni soċjali ma tindirizzax b’mod effikaċi din l-isfida minħabba l-infiq baxx fuq il-protezzjoni soċjali. Barra minn hekk, id-differenza fl-inugwaljanza tal-introjtu qabel u wara t-taxxi u t-trasferimenti soċjali hija fost l-inqas fl-Unjoni. Madankollu, il-Gvern poġġa l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fuq quddiem fl-aġenda tiegħu. Il-leġislazzjoni dwar il-mudell soċjali ġdid tipprevedi li tiżdied l-adegwatezza u l-kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad, u hemm xi diskussjonijiet dwar it-titjib tal-adegwatezza tal-assistenza soċjali. Dawn id-deċiżjonijiet importanti għad iridu jiġu adottati u implimentati. Sabiex jiġi miġġieled il-faqar fost l-anzjani, fl-2016 il-Litwanja żiedet mekkaniżmu ta’ indiċjar mal-leġislazzjoni tal-pensjonijiet tagħha li jista’ jintuża biex itejjeb l-adegwatezza tal-pensjonijiet.

(13)

Huwa importanti li l-Litwanja tindirizza l-isfidi tal-ħiliet tagħha u tindirizza l-effetti negattivi tat-tnaqqis fil-popolazzjoni tagħha fl-età tax-xogħol. Il-proporzjon ta’ studenti b’nuqqas ta’ ħiliet bażiċi għadu għoli. Minkejja rati għolja ta’ kisbiet fl-edukazzjoni terzjarja, l-edukazzjoni superjuri hija mxekkla minn standards ta’ kwalità foqra u inċentivi finanzjarji li jippromwovu l-kobor u l-ineffiċjenza aktar milli l-prestazzjoni. Iridu jsiru sforzi biex jiġi żgurat l-għoti ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja fil-livelli kollha tal-edukazzjoni (anki permezz ta’ riformi tal-karrieri u l-kundizzjonijiet tax-xogħol). Dan huwa kruċjali biex jiġu indirizzati r-riżultati batuti u n-nuqqasijiet fl-edukazzjoni u biex tkun żgurata l-kwalità fl-edukazzjoni superjuri (inkluż permezz tal-introduzzjoni ta’ fondi bbażati fuq il-prestazzjoni u bil-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja). Il-persistenza ta’ livelli baxxi ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim tal-adulti fil-Litwanja qed ixxekkel l-effettività tar-riformi tas-suq tax-xogħol u l-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet aħjar. Il-Litwanja ffukat l-isforzi tagħha fuq li żżid l-offerta u r-rilevanza tal-opportunitajiet ta’ tagħlim ipprovduti pubblikament, iżda sa issa dan għadu ma tax riżultati tanġibbli. Sabiex jinkisbu rati ta’ parteċipazzjoni ogħla u sostenibbli fit-tagħlim għall-adulti, il-Litwanja għandha bżonn ukoll li tinkoraġġixxi lill-individwi biex jibdew jitgħallmu u tinċentivizza aktar lil min iħaddem biex jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim għall-impjegati tagħhom.

(14)

Il-qgħad fost dawk b’ħiliet baxxi u l-individwi b’ħiliet medji għadu ogħla mill-medja tal-Unjoni. Il-persuni b’diżabilità għandhom rata għolja ta’ faqar, parzjalment minħabba l-integrazzjoni dgħajfa tagħhom fis-suq tax-xogħol. Miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol attwalment qed jaqdu rwol limitat biex jgħinu lin-nies jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol fil-Litwanja. Il-Litwanja għandha ambitu sostanzjali fejn tagħmel is-suq tax-xogħol aktar inklużiv, inkluż billi toffri aktar miżuri ta’ appoġġ għal persuni b’diżabilità. Dan jimplika, pereżempju, it-tkabbir tal-impjieg sostnut u l-Programm dwar ir-Riabilitazzjoni Vokazzjonali, u t-titjib tad-disponibbiltà tal-baġits ta’ riabilitazzjoni. Il-Liġi dwar l-Impjieg adottata reċentement għandha l-potenzjal li ttejjeb l-għoti ta’ miżuri ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

(15)

Il-Litwanja għamlet progress f’dawn l-aħħar snin fit-titjib tad-djalogu soċjali. Is-sħab soċjali huma involuti b’mod attiv fid-diskussjonijiet dwar il-Kodiċi l-ġdid tax-Xogħol u l-mudell soċjali ġdid, u l-Gvern daħħal fis-seħħ il-pjan ta’ azzjoni biex isaħħaħ id-djalogu soċjali. Dan huwa mmirat lejn il-bini tal-kapaċità tas-sħab soċjali, il-promozzjoni tan-negozjar kollettiv u t-titjib tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha.

(16)

Fil-Litwanja, ir-riżultati tal-kura medika jkomplu jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-forza tax-xogħol potenzjalment disponibbli u għall-produttività tal-ħaddiema. Minkejja li qed isiru sforzi biex jiċċaqalqu l-pazjenti għal tipi ta’ kura tas-saħħa aktar kosteffettivi, il-prestazzjoni tas-sistema tas-saħħa għadha ostakolata b’livell għoli ta’ dipendenza fuq il-kura tal-pazjenti fl-isptarijiet u l-kliniċi u bl-infiq baxx fejn tidħol il-prevenzjoni u s-saħħa pubblika. Il-ħlasijiet mill-but huma għoljin ħafna, b’mod partikolari għall-prodotti farmaċewtiċi.

(17)

Żviluppi demografiċi negattivi jfissru li t-tkabbir ser jiddependi dejjem aktar fuq il-produttività tax-xogħol. Matul il-perjodu 2000-2015, il-Litwanja kellha waħda mill-ogħla rati ta’ tkabbir ta’ produttività tax-xogħol bejn l-Istati Membri tal-UE, iżda dan l-aħħar ir-rati ta’ tkabbir naqsu. L-investimenti pubbliċi tal-Litwanja qed ibatu minn nuqqas ta’ ppjanar u rabta mal-miri strateġiċi tal-pajjiż. L-intensità pubblika tar-riċerka u l-iżvilupp żdiedet għal valur kemxejn ’il fuq mill-medja tal-Unjoni fl-2015, filwaqt li l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp fin-negozji għadha lura. Il-“Linji Gwida għar-Riforma tal-Politika Litwana dwar ix-Xjenza u l-Innovazzjoni” adottati fl-2016 għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi persistenti fir-riċerka u l-innovazzjoni. Huma jagħmlu dan billi jitolbu għal riforma istituzzjonali fil-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp; il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u tal-edukazzjoni superjuri, istituti tax-xjenza u tat-teknoloġija; u titjib fil-koordinazzjoni tal-politika mtejba, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Il-Litwanja għamlet xi progress fl-appoġġ ta’ mezzi alternattivi ta’ finanzjament. Hija għenet biex jiġi stabbilit għadd ta’ kapital ta’ riskju u fondi ta’ kapital tal-bidu. Il-Parlament reċentement għadda liġi dwar il-crowdfunding.

(18)

In-numru ta’ kawżi ta’ tixħim ippreżentati quddiem il-qrati żdied b’mod stabbli fl-aħħar ftit snin, li juri l-intensifikar tal-isforzi fil-Litwanja biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni. Madankollu, f’xi oqsma importanti, bħall-kura tas-saħħa u l-akkwist pubbliku, id-dispożizzjonijiet kontra reati żgħar ta’ korruzzjoni u korruzzjoni f’livell għoli mhumiex dejjem applikati fil-prattika. Is-settur tal-kura tas-saħħa huwa affettwat minn prattika frekwenti ta’ pagamenti informali lit-tobba. Hemm nuqqas ta’ trasparenza fl-akkwist pubbliku, b’mod partikolari fil-livell muniċipali. Barra minn hekk, arranġamenti dgħajfa ta’ informazzjoni jiskoraġġixxu li toħroġ informazzjoni dwar irregolaritajiet potenzjali fis-setturi pubbliċi u privati. Il-Gvern stabbilixxa l-indirizzar tal-korruzzjoni fis-settur tas-saħħa bħala prijorità fil-programm tiegħu kontra l-korruzzjoni. Barra minn hekk, biex jitnaqqsu r-riskji ta’ korruzzjoni u kunflitti ta’ interess fl-akkwist ta’ valur baxx, il-Gvern obbliga lill-awtoritajiet kontraenti biex jippubblikaw informazzjoni online dwar l-offerti mibdija, l-offerenti rebbieħa u l-kuntratti mogħtija. Madankollu, l-monitoraġġ kontinwu huwa meħtieġ biex jiżgura l-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki.

(19)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Litwanja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Litwanja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Litwanja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(20)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Litwanja tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.

Issegwi l-politika fiskali tagħha f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li jimplika li tibqa’ fl-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2018, b’kont meħud tal-konċessjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet u tar-riformi strutturali li għalihom ingħatat devjazzjoni temporanja. Ittejjeb il-konformità tat-taxxa u twessa’ l-bażi tat-taxxa għal sorsi oħra li huma inqas detrimentali għat-tkabbir. Tieħu passi biex tindirizza l-isfida tas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju marbuta mal-pensjonijiet.

2.

Tindirizza n-nuqqasijiet ta’ ħiliet permezz ta’ miżuri ta’ politika effettivi u attivi tas-suq tax-xogħol u tagħlim tal-adulti u ttejjeb l-eżiti edukattivi billi tippremja l-kwalità fit-tagħlim u l-edukazzjoni superjuri. Ittejjeb il-prestazzjoni tas-sistema tas-saħħa billi ssaħħaħ il-kura tal-outpatients, il-prevenzjoni tal-mard u l-affordabbiltà. Ittejjeb l-adegwatezza tax-xibka ta’ sigurtà soċjali.

3.

Tadotta miżuri li jsaħħu l-produttività billi ttejjeb l-effiċjenza tal-investiment pubbliku u ssaħħaħ ir-rabtiet tagħhom mal-objettivi strateġiċi tal-pajjiż.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU L 92, 24.3.2017, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Il-Litwanja hija awtorizzata li tiddevja mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tagħha fl-2017 u fl-2018 b’konċessjoni skont il-klawżola tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet mogħtija fl-2016, billi d-devjazzjonijiet temporanji jinżammu għal perjodu ta’ tliet snin.

(6)  In-nefqa netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil nondiskrezjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss, iffinanzjata nazzjonalment, hija mifruxa fuq perijodu ta’ erba’ snin. Il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma esklużi.

(7)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.