9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tal-Belġju u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tal-Belġju

(2017/C 261/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9 u fl-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lill-Belġju bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, il-Belġju għandu jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (2) hawn taħt.

(3)

Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017 għall-Belġju ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress tal-Belġju biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Belġju lejn il-miri Europa 2020 nazzjonali tiegħu.

(4)

Fit-28 ta’ April 2017, il-Belġju ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tiegħu u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tiegħu. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru jeżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni f’linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika għaqlija.

(6)

Bħalissa l-Belġju jinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġett għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2017, il-Gvern qed jippjana titjib gradwali fil-bilanċ nominali minn defiċit ta’ 2,6 % tal-PDG fl-2016 għal -0,1 % tal-PDG fl-2020. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ żmien, li huwa pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali, huwa ppjanat li jintlaħaq sal-2019. Madankollu, il-bilanċ strutturali rikalkulat (5) għadu jindika defiċit ta’ 0,3 % fl-2019. Wara li tela’ sa kważi 107 % tal-PDG fl-2014 u nieżel għal madwar 106 % tal-PDG fl-2015 u fl-2016, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 99 % sal-2020, skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawk il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ppjanati tad-defiċit mill-2018 ’l hemm ma ġewx speċifikati u dan jikkontribwixxi għad-deterjorazzjoni proġettata tal-bilanċ strutturali fl-2018 jekk il-politika ma tinbidilx, skont it-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2017.

(7)

Fit-22 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE, billi l-Belġju ma għamilx biżżejjed progress biex jikkonforma mal-punt referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2016. Ir-rapport ikkonkluda, wara valutazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha, li l-kriterju tad-dejn jinħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala li attwalment huwa rispettat. Fl-istess ħin, fl-2017 iridu jittieħdu miżuri fiskali addizzjonali biex tkun żgurata l-konformità mal-perkors tal-aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2016 u fl-2017 flimkien.

(8)

Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 jindika li l-impatt baġitarju tal-wasla eċċezzjonali ta’ refuġjati u l-miżuri relatati mas-sigurtà fl-2016 u fl-2017 huwa sinifikanti u jipprovdi evidenza adegwata dwar l-ambitu u n-natura ta’ dawn l-ispejjeż baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, in-nefqa eliġibbli addizzjonali fl-2016 tammonta għal 0,08 % tal-PDG minħabba l-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati u għal 0,05 % tal-PDG għall-miżuri relatati mas-sigurtà. Fl-2017, l-impatt addizzjonali mqabbel mal-2016 tal-miżuri relatati mas-sigurtà huwa attwalment stmat għal 0,01 % tal-PDG. Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, minħabba l-fatt li l-influss ta’ refuġjati kif ukoll il-gravità tat-theddida tat-terroriżmu huma eventi eċċezzjonali, l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi tal-Belġju huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tkunx kompromessa billi tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju għall-2016 tnaqqas biex jitqiesu l-ispejjeż addizzjonali relatati mar-refuġjati u mas-sigurtà. Fir-rebbiegħa tal-2018 se ssir valutazzjoni finali, inkluż tal-ammonti eliġibbli, fir-rigward tal-2017, fuq il-bażi tad-data osservata kif ipprovduta mill-awtoritajiet Belġjani.

(9)

Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda lill-Belġju biex jilħaq aġġustament fiskali annwali ta’ mill-inqas 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ żmien fl-2017. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni, hemm ir-riskju ta’ xi devjazzjoni minn dak ir-rekwiżit fl-2017. Madankollu, xorta waħda fadal riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors tal-aġġustamenti rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju matul l-2016 u l-2017 flimkien. Din il-konklużjoni ma tinbidilx f’każ li l-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati u tal-miżuri tas-sigurtà kellhom jitnaqqsu minn dan ir-rekwiżit.

(10)

Fl-2018, fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali u b’mod partikolari il-livell tad-dejn tiegħu, il-Belġju huwa mistenni li jaġġusta aktar lejn l-objettiv baġitarju tiegħu fuq terminu medju ta’ pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali. Skont matriċi miftiehma b’mod komuni skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dan l-aġġustament ifisser rekwiżit ta’ rata ta’ tkabbir nominali ta’ nefqa primarja netta tal-gvern (6) li ma taqbiżx 1,6 % fl-2018. Dan jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ mill-inqas 0,6 % tal-PDG. Jekk ma jinbidlux il-politiki, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit fl-2018. Prima facie mhuwiex previst li l-Belġju se jikkonforma mar-regola tad-dejn fl-2017 u fl-2018. Kumplessivament, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li mill-2017 se jkunu meħtieġa aktar miżuri biex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-valutazzjoni tal-pjanijiet baġitarji u tal-eżiti jinħtieġ li tqis il-bilanċ baġitarju tal-Istat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi. Kif ġie mfakkar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Semestru Ewropew tal-2017 li takkumpanja dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tal-eżiti tal-baġit tal-2018 ser ikollhom iqisu l-għan li tintlaħaq pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm biex jissaħħaħ l-irkupru li għaddej kif ukoll li jiżgura s-sostennibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Belġju. F’dak il-kuntest, il-Kunsill jieħu nota li l-Kummissjoni beħsiebha twettaq evalwazzjoni globali f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, b’mod partikolari fid-dawl tal-qagħda ċiklika tal-Belġju.

(11)

Huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni effettiva tal-baġit fi Stat Membru federali bħall-Belġju, fejn il-parti kbira tas-setgħat tan-nefqa ġiet ittrasferita lill-gvernijiet sottonazzjonali. F’tentattiv biex tittejjeb il-koordinazzjoni interna u biex it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-unjoni ekonomika u monetarja (“il-Patt Fiskali”) jiġi traspost, il-gvern federali u l-gvernijiet reġjonali u tal-komunitajiet fl-2013 laħqu ftehim ta’ kooperazzjoni, bl-għan li jiġu ddefiniti l-perkorsi fiskali multiannwali kumplessivi u individwali, li se jiġi mmonitorjat mill-Kunsill Għoli għall-Finanzi. Madankollu, dan il-proċess ma rnexxilux jilħaq ftehim formali dwar traġettorji fiskali, u lanqas ma stabbilixxa salvagwardji suffiċjenti dwar ir-rwol ta’ monitoraġġ tal-Kunsill Għoli għall-Finanzi. Dan in-nuqqas ta’ koordinazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforz idgħajjef il-vijabilità tat-trajettorja globali tal-pajjiż lejn l-objettiv fuq terminu medju tiegħu kif stabbilit fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017.

(12)

Minkejja l-potenzjal tiegħu biex fuq perijodu ta’ żmien twil jistimola t-tkabbir ekonomiku, l-investiment pubbliku huwa baxx ħafna meta mqabbel mal-istandards Ewropej, b’mod partikolari fir-rigward tan-nefqa pubblika totali. Mhux biss l-istokk tal-kapital pubbliku huwa baxx, il-kwalità tal-infrastruttura pubblika ttieklet ukoll. Minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji stretti ħafna fil-livelli kollha ta’ gvern, iż-żamma ta’ biżżejjed lok għall-investiment tiddependi fuq ir-ristrutturazzjoni tal-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika globali, billi tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi u tal-politiki u titrażżan iż-żieda rapida ta’ ċerti partiti tan-nefqa.

(13)

Il-Belġju għamel progress sostanzjali fir-riforma tas-sistema tiegħu tal-iffissar tal-pagi. Ir-reviżjoni tal-liġi tal-1996 li tirregola n-negozjar tal-pagi għandha l-għan li tissalvagwardja dak li nkiseb fil-kostkompetittività b’riżultat tal-isforzi reċenti fil-moderazzjoni tal-pagi. Il-proġettazzjonijiet aktar konservattivi tal-linja bażi u l-aġġustamenti minn qabel integrati fil-kalkolu tan-norma tal-pagi, jfissru li l-qafas riformat jikkontribwixxi ħafna fit-titjib tal-kostkompetittività tal-Belġju meta mqabbla ma’ sħab kummerċjali ewlenin fiż-żona tal-euro. Barra minn hekk, ir-riforma tipprevedi aktar garanziji li l-miżuri tal-gvern biex jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi jkunu ta’ ġid effettiv għall-kostkompetittività u dan jespandi r-rwol tal-Gvern fil-prevenzjoni ta’ xejriet li jagħmlu ħsara lill-kompetittività b’riżultat ta’ inflazzjoni eċċessiva. Il-qafas tan-negozjar kollettiv jipprevedi monitoraġġ mill-qrib tax-xejriet tal-pagi u tal-produttività kif ukoll ta’ fatturi oħra tal-kompetittività marbuta mal-kostijiet jew le, mill-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali rappreżentati fil-Kunsill Ċentrali tal-Ekonomija. Billi l-prattika li l-iżviluppi fil-pagi jintrabtu mal-inflazzjoni għadha mifruxa f’ħafna setturi, u fil-kuntest tad-differenza dejjem tiżdied bejn l-inflazzjoni tal-Belġju u l-inflazzjoni tal-pajjiżi ġirien tiegħu, il-bidliet fil-kost ta’ unità lavorattiva se tkompli tiġi mmonitorjata mill-qrib taħt is-Semestru Ewropew.

(14)

Sar xi progress fil-funzjonament tas-suq tax-xogħol. Età tal-irtirar ogħla u iktar limiti fuq l-irtirar kmieni jħeġġu lin-nies ta’ età akbar biex jibqgħu jaħdmu jew jerġgħu jibdew jaħdmu. Tnaqqis gradwali fil-porzjon tat-taxxa għen biex jiżdiedu r-rati tal-impjiegi. Il-ħolqien tal-impjiegi kien b’saħħtu, xprunat minn tkabbir ekonomiku u kostkompetittività aħjar. Dan jirrifletti wkoll it-tnaqqis fit-taxxi tax-xogħol u l-modernizzazzjoni tal-pagi li tejbu l-kompetittività tal-kost lavorattiv tal-kumpaniji Belġjani. Madankollu għad fadal għadd ta’ nuqqasijiet strutturali. Ir-rati ta’ tranżizzjoni mill-qgħad jew mill-inattività għall-impjieg huma baxxi, u r-rata globali tal-impjiegi għadha tinżamm ’l isfel minħabba l-prestazzjoni ħażina ta’ gruppi speċifiċi. Dawn jinkludu dawk bi ftit ħiliet, iż-żgħażagħ, ħaddiema kbar fl-età u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni bħal ħaddiema li ma twieldux fl-UE iżda wkoll migranti tat-tieni ġenerazzjoni. L-eżiti tal-impjieg tal-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, anki meta aġġustati għal karatteristiċi individwali oħrajn, huma fost l-agħar fl-Unjoni. B’mod partikolari, id-differenza fl-impjieg għal dawk li ma twieldux fl-UE hija l-akbar fl-Unjoni: ir-rata tal-impjieg tagħhom għall-grupp tal-età bejn l-20 u l-64 sena fl-2016 kienet ta’ 49,1 %, meta mqabbla ma’ 70,2 % għal dawk imwielda fil-pajjiż, u kienet saħansitra aktar baxxa għan-nisa mhux imwielda fl-UE (39,1 %). Fl-2015, ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali għal residenti mhux imwielda fl-UE kienet ta’ 50,7 %, meta mqabbla ma’ 17 % għal dawk li twieldu fil-pajjiż. Dawn differenzi mdaqqsa fl-impjieg bejn gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni qed ikomplu jwasslu għal sottoużu kroniku baxx tal-ħaddiema. Minkejja li r-riformi reġjonali li għaddejjin fl-iskemi ta’ inċentivi għall-impjiegi għandhom l-għan li jirrazzjonalizzaw u jadattaw is-sistema, il-kosteffikaċja tal-għażliet politiċi li jsiru jinħtieġ li tiġi mmonitorjata regolarment. Xi karatteristiċi fit-tfassil tal-politiki tal-grupp fil-mira jista’ jkollhom effetti mhux mistennija u ta’ spostament. Il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-livelli politiċi differenti u fi ħdanhom hija wkoll ta’ importanza ewlenija biex il-politiki fil-miri jkunu effettivi. It-taxxi, inklużi l-kontribuzzjonijiet soċjali fuq il-pagi l-aktar baxxi u l-irtirar tal-benefiċċji soċjali malli wieħed jibda jaħdem jew iżid is-sigħat li jaħdem, jistgħu joħolqu l-inattività u nases ta’ pagi baxxi.

(15)

Sar xi progress fir-riformi edukattivi u ta’ taħriġ li għandhom l-għan li jtejbu l-ugwaljanza, il-kompetenzi ewlenin u l-kwalità tal-edukazzjoni. Madankollu, minkejja l-medja tajba tal-prestazzjoni meta mqabbla internazzjonalment, is-sehem ta’ dawk bl-aħjar prestazzjoni fost studenti ta’ 15-il sena naqas filwaqt li l-perċentwal ta’ dawk bi prestazzjoni baxxa żdied. Barra minn hekk, l-inugwaljanzi edukattivi marbuta mal-isfond soċjoekonomiku huma ogħla mill-medja tal-Unjoni u tal-OECD. Id-differenza fil-prestazzjoni minħabba l-isfond ta’ migrazzjoni hija kbira wkoll u t-tieni ġenerazzjoni tmur biss kemm kemm aħjar mill-ewwel waħda, anke meta jitqies l-isfond soċjoekonomiku. L-indirizzar tal-inugwaljanza edukattiva għalhekk jeħtieġ rispons politiku wiesa’ li jmur lil hinn mis-sistema edukattiva. Iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni tal-iskejjel, b’mod partikolari tal-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni (il-proporzjon tagħhom żdied minn 15,1 % fl-2012 għal 17,7 % fl-2015) se tkabbar il-problema tal-inugwaljanza. Barra minn hekk, il-Belġju qed jiffaċċa nuqqas emerġenti ta’ għalliema, u l-għalliema mhux dejjem ikunu mħejjija tajjeb jew appoġġati biex ikampaw ma’ popolazzjoni dejjem aktar diversa fl-iskejjel. Ir-raġunijiet ewlenin huma d-diffikultà li jinġibdu l-aktar studenti u kandidati xierqa għall-professjoni, ir-rata għolja ta’ tluq ta’ għalliema li jkunu għadhom jibdew, u n-nuqqas ta’ disponibilità ta’ proporzjon tal-għalliema għat-tagħlim. Barra minn hekk, it-tul tal-kors tat-taħriġ inizjali tal-għalliema fil-Belġju huwa ta’ tliet (3) snin u dan huwa relattivament qasir. Riformi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ huma kruċjali għat-titjib tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ b’ħiliet baxxi u biex isostnu t-tranżizzjoni lejn ekonomija msejsa fuq l-għarfien.

(16)

Id-dimensjoni mhux marbuta mal-kost, tal-kompetittività, għad jeħtiġilha titjib. Aktar gwadanji fil-produttività u investiment usa’ fil-kapital ibbażat fuq l-għarfien, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali, huma essenzjali f’dan ir-rigward. Minkejja li s-sistema tar-riċerka pubblika hija ta’ kwalità għolja, prestazzjoni aħjar fl-innovazzjoni tkun teħtieġ aktar t-tixrid tal-għarfien f’setturi inqas produttivi. L-entitajiet federati kollha jirrikonoxxu din il-ħtieġa, u matul dawn l-aħħar snin adottaw strateġiji u miżuri differenti biex jippromwovu l-innovazzjoni. Madankollu, biex jitrawwem dan l-iżvilupp, hemm aktar x’jista’ jsir biex jitjiebu l-kundizzjonijiet qafas għall-innovazzjoni. Barra minn hekk, jidher li hemm lok għal titjib fl-effiċjenza u l-effikaċja tal-appoġġ pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-Belġju, b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-possibilità ta’ effetti ta’ esklużjoni u aktar simplifikazzjoni tas-sistema globali.

(17)

Sar progress limitat fit-tneħħija ta’ restrizzjonijiet operazzjonali u ta’ stabbiliment fuq il-bejgħ bl-imnut. Wara s-Sitt Riforma tal-Istat, li ttrasferixxiet kompetenzi dwar l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut lir-reġjuni, liġijiet reġjonali ġodda ġew stabbiliti u dawn issimplifikaw il-proċedura amministrattiva għall-awtorizzazzjoni. Madankollu, hemm marġni wiesa’ għall-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet, u dan jista’ jwassal għal ostakli mhux iġġustifikati għad-dħul fis-suq. Il-prezzijiet għall-konsumatur għadhom ogħla milli fl-Istati Membri ġirien, lil hinn minn dak li jista’ jiġi spjegat mill-kost lavorattiv ogħla. Strateġija komprensiva biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet se tkun meħtieġa biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn suq kompetittiv u prezzijiet aktar baxxi.

(18)

Regolamentazzjoni għolja fl-industriji tan-netwerks u f’xi servizzi professjonali qed tirrestrinġi l-kompetizzjoni fil-Belġju, b’mod partikolari għall-aġenti immobiljari, għall-kontabilisti u għall-periti. L-ostakli jinkludu restrizzjonijiet fuq l-ishma u l-forom tal-kumpaniji għall-periti, minbarra rekwiżiti oħra; ir-regoli tal-inkompatibbiltà li jipprojbixxu l-eżerċizzju simultanju ta’ kwalunkwe attività ekonomika oħra għal kull tip ta’ professjoni tal-kontabilità; limitazzjonijiet fuq l-aċċess għall-professjoni ta’ aġent immobiljari; u restrizzjonijiet fuq l-ishma u d-drittijiet tal-vot. It-tnaqqis ta’ dawn l-ostakli jista’ jiġġenera kompetizzjoni aktar intensiva, li twassal f’li aktar impriżi jidħlu fis-suq, u jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi f’termini ta’ prezzijiet orħos. Il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ miżuri biex jiġu indirizzati l-ostakli fis-swieq tas-servizzi f’Jannar 2017. Dan il-pakkett fih diversi rakkomandazzjonijiet ta’ riforma indirizzati lill-Belġju biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati.

(19)

In-netwerk tat-trasport jirrappreżenta waħda mill-akbar lakuni urġenti fl-investiment. Hemm problema dejjem tikber ta’ konġestjoni tat-traffiku fis-sigħat l-aktar intensivi tat-traffiku li xxekkel il-kapaċità tal-pajjiż li jiġbed lejh investituri barranin u li ġġib magħha kostijiet ekonomiċi u ambjentali kbar. Il-Belġju isofri wkoll minn problemi serji ta’ tniġġis tal-arja u mhuwiex mistenni jilħaq il-mira tiegħu li jnaqqas l-emissjonijiet mhux tal-ETS bi 15 % fl-2020 meta mqabbla mal-2005, għalkemm x’aktarx ser iħares l-impenji tiegħu skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-klima billi jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ flessibbiltà. L-aktar sfidi urġenti huma l-aġġornament tal-infrastruttura bażika tal-ferrovija u tat-toroq u l-ħolqien ta’ kollegamenti nieqsa bejn iċ-ċentri ekonomiċi ewlenin. Fl-istess ħin, huwa importanti li tiġi indirizzata l-konġestjoni fil-ħinijiet l-aktar intensivi billi jitjiebu s-servizzi tat-trasport pubbliku, tiġi ottimizzata l-ġestjoni tat-traffiku u jiġu eliminati d-distorsjonijiet tas-suq u l-inċentivi avversi tat-taxxa, bħal mhuwa trattament favorevoli għal karozzi tal-kumpaniji. Sfida oħra tikkonċerna l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni tal-enerġija domestika u s-sigurtà tal-provvista b’mod ġenerali. Qtugħ mhux ippjanat fil-provvista ta’ diversi stallazzjonijiet nukleari qajmu tħassib dwar il-mod kif jintlaħaq bilanċ bejn id-domanda u l-provvista tal-elettriku, filwaqt li l-iskeda ta’ żmien riveduta ripetutament għat-tneħħija gradwali tal-park nukleari għadha qed toħloq klima li ma twassalx biex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment fit-tul. Għalkemm ir-riskji tal-provvista fuq perijodu qasir tnaqqsu, b’mod partikolari biż-żieda tar-riserva strateġika, u sar xi progress biex jiżdiedu l-interkonnessjonijiet, il-ħtiġijiet ta’ investiment fit-tul għadhom konsiderevoli. Minbarra aktar żidiet fl-interkonnessjonijiet, huma meħtieġa wkoll grilji intelliġenti biex tiġi żviluppata l-ġestjoni tad-domanda. Minħabba t-tul konsiderevoli ta’ żmien ta’ tħejjija għal proġetti fis-settur tal-enerġija u bżonn qawwi ta’ sostituzzjoni ta’ kapaċità matul id-deċennju li ġej, se tkun meħtieġa azzjoni rapida, b’mod partikolari fil-forma ta’ qafas legali xieraq li jippromwovi wkoll l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet flessibbli (jiġifieri l-ġenerazzjoni, il-ħażna u l-ġestjoni tad-domanda).

(20)

Il-Belġju għamel xi progress fir-riforma tas-sistema tat-taxxa, b’mod partikolari billi ċaqlaq it-taxxi minn fuq ix-xogħol għal fuq bażijiet ta’ taxxa oħrajn, li bil-mod se jnaqqsu l-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol. It-taxxi fuq ix-xogħol, inklużi l-kontribuzzjonijiet soċjali, qed jitnaqqsu, f’diversi stadji, bejn l-2016 u l-2020. L-effetti tar-riforma fit-taxxa li għaddejja bħalissa qed jibdew jimmaterjalizzaw. Madankollu, is-sistema tat-taxxa għadha kumplessa, b’bażijiet tat-taxxa mikula minn eżenzjonijiet, tnaqqis u rati mnaqqsa speċifiċi. Xi wħud minn dawn jinvolvu telf ta’ dħul, distorsjonijiet ekonomiċi, u piż amministrattiv kbir. Il-bidla fil-bażijiet tat-taxxa ma jidhirx li hija newtrali mil-lat baġitarju minħabba li t-tnaqqis fit-taxxa tax-xogħol ġie kkompensat parzjalment biss minn żidiet f’taxxi oħra, fost l-oħrajn minn taxxi fuq il-konsum. Għad hemm lok konsiderevoli għal titjib fid-disinn tas-sistema tat-taxxa b’aktar twessigħ tal-bażijiet tat-taxxa, li jippermetti kemm tnaqqas tar-rati statutorji kif ukoll inqas distorsjonijiet. Hemm ukoll potenzjal konsiderevoli għal ċaqliq “ambjentali” fit-taxxa li jirriżulta, fost affarijiet oħra, minn trattament favorevoli tat-taxxa fuq il-karozzi tal-kumpaniji u l-karti tal-fjuwil, li jimpedixxu aktar progress fl-indirizzar tal-konġestjoni, tat-tniġġis tal-arja u tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-Gvern qed jipprevedi bidliet fis-sistema tal-karozzi tal-kumpaniji, iżda l-benefiċċju ambjentali ta’ din ir-riforma x’aktarx se jkun limitat.

(21)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Belġju u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Belġju fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Belġju imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(22)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.

Fl-2018 jagħmel sforz fiskali sostanzjali f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li jqis il-ħtieġa li jissaħħaħ l-irkupru li għaddej bħalissa u li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Belġju. Juża l-qligħ mhux mistenni, bħar-rikavat mill-bejgħ ta’ assi, biex iħaffef it-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn ġenerali tal-gvern. Jiftiehem dwar distribuzzjoni infurzabbli tal-miri fiskali bejn il-livelli tal-gvern u jiżgura monitoraġġ fiskali indipendenti. Ineħħi n-nefqiet distorsivi tat-taxxa. Itejjeb il-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika biex jinħoloq spazju għall-investiment fl-infrastruttura, fosthom fl-infrastruttura tat-trasport.

2.

Jiżgura li l-aktar gruppi żvantaġġati, inklużi l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, ikollhom opportunitajiet ugwali biex jipparteċipaw f’edukazzjoni ta’ kwalità, taħriġ vokazzjonali, u s-suq tax-xogħol.

3.

Irawwem l-investiment fil-kapital ibbażat fuq l-għarfien, b’mod partikolari miżuri biex tiżdied l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali, u d-diffużjoni tal-innovazzjoni. Iżid il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi professjonali u bl-imnut u jsaħħaħ il-mekkaniżmi tas-suq fl-industriji tan-netwerks.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Il-bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta’ miżuri ta’ darba u temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni b’metodoloġija miftiehma b’mod komuni.

(6)  In-nefqa netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern mingħajr in-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni li huma korrisposti bis-sħiħ minn dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fuq in-nefqa tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni ta’ kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perijodu ta’ erba’ (4) snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Miżuri ta’ darba fuq in-naħat kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma esklużi.

(7)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.