15.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar id-Djalogu Strutturat u l-iżvilupp futur tad-djalogu maż-żgħażagħ fil-kuntest tal-politiki għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, wara l-2018

(2017/C 189/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JFAKKAR LI:

1.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar “L-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa” (1) stqarret li l-prijorità tematika ġenerali għall-kooperazzjoni Ewropea għad-Djalogu Strutturat fil-qasam taż-żgħażagħ għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sat-30 ta’ Ġunju 2017 kienet ser tkun “Il-possibbiltà għaż-żgħażagħ kollha li jinvolvu ruħhom f’Ewropa diversa, konnessa u inklużiva” u li din it-tema kienet ser tkun l-element komuni li jiżgura l-kontinwità u l-konsistenza fil-ħidma tat-triju ta’ Presidenzi - in-Netherlands, is-Slovakkja u Malta, f’konformità mal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ 2016-2018.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI LI:

2.

Id-Djalogu Strutturat huwa proċess parteċipattiv u l-eżiti tal-ħames ċiklu ta’ ħidma huma bbażati fuq ir-riżultati miksuba mill-konsultazzjonijiet nazzjonali matul il-Presidenza Netherlandiża, dik Slovakka u dik Maltija, kif ukoll mill-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f’Amsterdam f’April 2016, f’Kosice f’Ottubru 2016 u f’Malta f’Marzu 2017.

3.

Il-Presidenza Netherlandiża ffukat fuq l-esplorazzjoni tal-isfidi u l-problemi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ fl-Ewropa tal-lum. Matul il-Konferenza taż-Żgħażagħ f’Amsterdam (April 2016), tħejjew mistoqsijiet ta’ gwida għal konsultazzjoni maż-żgħażagħ, u l-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali fil-livell tal-Istati Membri ġew mistiedna jwettqu l-konsultazzjoni u jipprovdu feedback.

4.

Il-Konferenza dwar iż-Żgħażagħ f’Kosice (Ottubru 2016) ikkunsidrat u ddiskutiet ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ, u flimkien ma’ rappreżentanti mill-Istati Membri, żviluppat Rakkomandazzjonijiet Konġunti tad-Djalogu Strutturat dwar iż-Żgħażagħ, li ġew diskussi fil-Kunsill EYCS f’Novembru 2016, flimkien mas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-Ewropa. Ir-riżultati ta’ din id-diskussjoni ntbagħtu lill-President tal-Kunsill Ewropew.

5.

Matul il-Konferenza taż-Żgħażagħ f’Malta (Marzu 2017), ir-Rakkomandazzjonijiet Konġunti komplew jiġu diskussi, ngħataw prijorità u ġew żviluppati azzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom.

JIEĦU NOTA:

6.

tar-Rakkomandazzjonijiet Konġunti u l-azzjonijiet proposti tad-Djalogu Strutturat dwar iż-Żgħażagħ — “Il-possibbiltà għaż-żgħażagħ kollha li jinvolvu ruħhom f’Ewropa diversa, konnessa u inklużiva” — li jiffukaw fuq is-suġġetti li ġejjin: Aċċess għal informazzjoni kritika u ta’ kwalità; Bini tar-reżiljenza u l-kunfidenza fihom infushom; Lil hinn mill-biża’ u l-intolleranza; Lejn sistema edukattiva li tattwa l-potenzjal taż-żgħażagħ; Trawwim tal-involviment taż-żgħażagħ fis-soċjetà; Bini mill-ġdid tal-fiduċja taż-żgħażagħ fil-proġett Ewropew; Programmi ta’ mobilità għal kulħadd; u l-Impatt tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għal kulħadd kif stipulat fl-Anness.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FL-ISFERI TA’ KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U BIR-RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ:

7.

sabiex jikkunsidraw ir-Rakkomandazzjonijiet Konġunti u l-azzjonijiet proposti tad-Djalogu Strutturat dwar iż-Żgħażagħ fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki futuri għaż-żgħażagħ fejn xieraq.

8.

sabiex iwettqu rieżami tal-proċess ta’ Djalogu Strutturat u l-għanijiet tiegħu għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ Wara l-2018 u jikkunsidraw modi innovattivi u effettivi li jippromwovu djalogu u involviment sinifikanti u kostruttiv ma’ żgħażagħ minn ambjenti differenti, ma’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, riċerkaturi żgħażagħ u ma’ dawk li jfasslu l-politika inkluż partijiet ikkonċernati minn setturi rilevanti oħra.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

9.

Fuq il-bażi tal-evidenza, l-evalwazzjoni u l-konsultazzjonijiet, tipproponi proċess imġedded ta’ Djalogu Strutturat bħala parti mill-Kooperazzjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ - Wara l-2018.

JAQBEL UKOLL LI:

10.

Minħabba li l-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) ser jitlesta fl-2018, il-prijorità ġenerali għad-djalogu strutturat maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għaċ-ċiklu ta’ ħidma li jmiss (mill-1 ta’ Lulju 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2018) għandha tkun iffukata fuq il-qafas li jmiss għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ. It-titlu għas-sitt ċiklu tad-Djalogu Strutturat ser ikun “Iż-Żgħażagħ fl-Ewropa: xi jmiss?”.

11.

Il-fokus tat-Triju ta’ Presidenzi li jmiss - l-Estonja, il-Bulgarija u l-Awstrija - għas-sitt ċiklu ta’ ħidma tad-Djalogu Strutturat ser ikun li jevalwaw, jirrieżaminaw u jġeddu d-Djalogu Strutturat biex ikomplu jtejbuh u jippromwovuh.


(1)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 10.


ANNESS

Rakkomandazzjonijiet konġunti tad-Djalogu Strutturat dwar iż-Żgħażagħ

Il-possibbiltà għaż-żgħażagħ kollha li jinvolvu ruħhom f’Ewropa diversa, konnessa u inklużiva

Aċċess għal Informazzjoni Kritika u ta’ Kwalità

1.

L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw jew ikomplu jimplimentaw politika u prattika bbażati fuq l-evidenza li jimmiraw li kontinwament itejbu l-ħiliet taż-żgħażagħ biex jevalwaw b’mod kritiku u jipproċessaw l-informazzjoni permezz tal-edukazzjoni kemm formali kif ukoll mhux formali.

2.

L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandhom jappoġġaw media mmexxija miż-żgħażagħ li tkun trasparenti, indipendenti u diversa, peress li din tikkontribwixxi biex jissaħħaħ il-litteriżmu fil-media, u l-ħsieb kritiku u analitiku fost iż-żgħażagħ. Il-Kumitat CULT tal-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea huma mistiedna jieħdu kont ta’ dan l-aspett waqt ir-reviżjoni ta’ “Erasmus +”, “Ewropa għaċ-ċittadini”, “Ewropa Kreattiva” u l-programmi l-oħra rilevanti kollha.

Żgħażagħ taħt pressjoni: Il-Bini tar-Reżiljenza u l-kunfidenza fihom infushom

1.

Fid-dawl tal-fatt li l-aspettattivi għal prestazzjoni kompetittiva qed jiżdiedu fix-xenarji edukattivi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jridu jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom biżżejjed ħin u spazju għal attivitajiet li jgħinuhom jibnu r-reżiljenza, l-għarfien tagħhom infushom u l-kunfidenza fihom infushom.

2.

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jimplimentaw edukazzjoni dwar il-benessri mentali u s-saħħa mentali, kemm permezz tas-sistema tal-edukazzjoni formali u kif ukoll fl-ambjent mhux formali. L-għan huwa li titkisser l-istigma permezz tas-sensibilizzazzjoni u wkoll li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitgħallmu kif jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom u kif jikkomunikaw ma’ sħabhom dwar din il-kwistjoni.

Lil hinn mill-biża’ u l-intolleranza - L-esperjenza tad-diversità

1.

L-Awtoritajiet Ewropej u Nazzjonali għandhom iżidu l-finanzjament u l-appoġġ istituzzjonali fl-istabbiliment ta’ Programmi Lokali u Skambji fil-Livell Nazzjonali biex jippermettu liż-żgħażagħ kollha jkollhom rabta diretta ma’ żgħażagħ oħrajn minn ambjenti u realtajiet differenti, sabiex isaħħu l-kompetenzi interkulturali, jittrattaw id-diskriminazzjoni, jippromwovu l-empatija u s-solidarjetà, u jesperjenzaw il-benefiċċji tad-diversità.

2.

Biex iż-żgħażagħ kollha jgħixu f’Ewropa ta’ diversità, l-UE u l-Awtoritajiet Kompetenti Nazzjonali jridu jiżviluppaw jew jappoġġaw taħriġ u programmi ta’ żvilupp għall-għalliema u l-komunitajiet tal-iskejjel sabiex jinħoloq ambjent sigur u inklussiv fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiżviluppaw kompetenzi biex jegħlbu l-biża’ u d-diskriminazzjoni.

Lejn sistema edukattiva li tattwa l-potenzjal taż-żgħażagħ

1.

Aħna nitolbu l-impenn tal-istati membri kollha biex jiżguraw servizzi ta’ gwida u konsulenza li jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ kollha biex jiżviluppaw lilhom infushom u jsibu triqthom fil-ħajja tul l-istadji kollha tal-edukazzjoni.

2.

L-edukazzjoni tonqos milli tipprovdi liż-żgħażagħ bil-ħiliet prattiċi meħtieġa li huma rilevanti għas-soċjetà moderna. Aħna nħeġġu lill-Istati Membri kollha biex jinkoraġġixxu l-inklużjoni ta’ ħiliet prattiċi għall-ħajja fl-edukazzjoni sabiex iż-żgħażagħ jkunu jistgħu jkunu parteċipanti attivi f’soċjetajiet diversi u fil-post tax-xogħol.

It-trawwim tal-involviment taż-żgħażagħ fis-soċjetà b’mod partikolari għal gruppi vulnerabbli.

1.

L-istituzzjonijiet edukattivi u l-partijiet ikkonċernati lokali, b’kooperazzjoni maż-żgħażagħ, għandhom jipprovdu appoġġ imfassal apposta, servizz aċċessibbli, u kif ukoll joħolqu spazji għal interazzjoni sinifikanti, sabiex iż-żgħażagħ kollha jkunu jistgħu jiskopru u jħaddnu l-identità u l-valur individwali tagħhom. Din hija l-bażi li fuqha tissawwar fiduċja reċiproka bejn żgħażagħ minn ambjenti differenti.

2.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull żagħżugħ u żagħżugħa, tkun xi tkun is-sitwazzjoni personali u soċjali tagħhom, ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom liberament f’attivitajiet ta’ volontarjat billi dawn isiru aċċessibbli. L-involviment għandu jiġi żgurat, pereżempju f’organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, biex jinħoloq sens ta’ appartenenza u biex iż-żgħażagħ jingħataw is-setgħa bħala ċittadini.

Il-kisba mill-ġdid tal-fiduċja taż-żgħażagħ fil-proġett Ewropew

1.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ għandhom jaħdmu flimkien biex janalizzaw u jifhmu kif iż-żgħażagħ jaċċessaw il-komunikazzjoni mill-UE u dwarha u biex jiżviluppaw strateġija ta’ komunikazzjoni sabiex jinfurmaw liż-żgħażagħ Ewropej dwar l-UE u kif jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-proġett tal-UE.

2.

Biex titnaqqas id-distanza bejn iż-żgħażagħ u l-UE u l-politiki tagħha, għandhom jiġu organizzati Festivals taż-Żgħażagħ tal-UE fil-livell Nazzjonali u/jew Reġjonali fl-Istati Membri kollha b’rabta ma’ inizjattivi Ewropej. Dawn il-festivals, li jikkombinaw attivitajiet soċjali, politiċi u kulturali, għandhom ilaqqgħu flimkien żgħażagħ minn ambjenti differenti. Dawn l-avvenimenti ser irawmu t-tagħlim u d-dibattitu dwar l-UE u l-opportunitajiet li toffri u ser jiffurmaw il-politiki tagħha f’ambjent ta’ divertiment flimkien.

Programm ta’ mobilità: impjiegi u edukazzjoni għal kulħadd

1.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jegħlbu l-ostakli eżistenti li ż-żgħażagħ għandhom fl-aċċess għall-mobilità. L-aċċess għal programmi ta’ mobilità għandu jiġi ssimplifikat u adattat aħjar għall-ħtiġijiet diversi taż-żgħażagħ. Għandhom jiġu pprovduti informazzjoni u gwida biex titqajjem aktar kuxjenza dwar l-opportunitajiet ta’ mobilità.

2.

L-Istati Membri tal-UE għandhom joħolqu qafas legali għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba permezz ta’ programmi ta’ mobilità fil-livell nazzjonali u Ewropew. Dan mhux talli ser jipprovdi aċċess ugwali għal opportunitajiet ta’ tagħlim diversi iżda ser jivvalida wkoll il-ħiliet miksuba u jikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ.

L-impatt tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għal kulħadd

1.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jippromwovu u jappoġġaw firxa ta’ spazji virtwali u fiżiċi ddedikati għall-ħidma kwalifikata fost iż-żgħażagħ bħala rispons għall-ħtiġijiet u l-interessi taż-żgħażagħ kollha.

2.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jallokaw biżżejjed fondi operazzjonali sabiex il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ikunu kapaċi jwettqu ħidma sostenibbli fost iż-żgħażagħ li tkun aċċessibbli, rilevanti u sinifikanti għaż-żgħażagħ kollha.