23.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2431

tal-11 ta' Diċembru 2017

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-istabbiliment ta' żewġ gruppi ta' ħidma speċjali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fit-18 ta' Frar 2017 u huwa soġġett għall-applikazzjoni proviżorja, skont l-Artikolu 59(2) u (3) tal-Ftehim u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/434 (2).

(2)

Skont l-Artikolu 49 tal-Ftehim, ġie stabbilit Kumitat Konġunt, sabiex jiżgura, fost l-oħrajn, il-funzjonament u l-implimentazzjoni korretti tal-Ftehim. Sabiex isir kontribut lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

(3)

Skont l-Artikolu 49 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitati jew gruppi ta' ħidma speċjali biex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt f'dak li għandu x'jaqsam mal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-istabbiliment ta' gruppi ta' ħidma speċjali tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta' Deċiżjonijiet mehmuża tal-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 49 tal-Ftehim fir-rigward ta':

(a)

l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt; u

(b)

l-istabbiliment ta' żewġ gruppi ta' ħidma speċjali,

għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta' Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

2.   Jista' jintlaħaq qbil dwar bidliet żgħar fl-abbozzi ta' Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 67, 14.3.2017, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/434 tat-13 ta' Frar 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra (ĠU L 67, 14.3.2017, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 1/2017 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-AFGANISTAN

ta' …

rigward l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-AFGANISTAN,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 49(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fit-18 ta' Frar 2017 u huwa soġġett għall-applikazzjoni proviżorja skont l-Artikolu 59(2) u (3) tal-Ftehim u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/434 (2).

(2)

Il-Kumitat Konġunt ġie stabbilit skont l-Artikolu 49 tal-Ftehim. Sabiex ikun jista' jwettaq il-kompiti fdati lilu, jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif indikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, huma b'dan adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi. …, …

Għall-Kumitat Konġunt UE-Afganistan

Il-President


(1)   ĠU L 67, 14.3.2017, p. 3.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/434 tat-13 ta' Frar 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra (ĠU L 67, 14.3.2017, p. 1).

ANNESS

Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt

Artikolu 1

Kompożizzjoni u presidenza

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jwettaq il-kompiti stipulati fl-Artikolu 49 tal-Ftehim.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet fl-ogħla livell possibbli u għandu jkun ippresedut b'mod alternat, għal perjodu ta' sena kalendarja, mill-Parti li tospita l-laqgħa fis-sena kalendarja inkwistjoni.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun ippresedut b'mod alternat mill-Ministru għall-Finanzi tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Huma jistgħu jiddelegaw l-awtorità tagħhom lil uffiċjal għoli biex jippresiedi fuq il-laqgħat kollha tal-Kumitat Konġunt jew fuq parti minnhom.

Artikolu 2

Laqgħat

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' darba fis-sena. Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandhom jissejħu mill-President. Il-laqgħat għandhom isiru fi Brussell u f'Kabul b'mod alternat, f'data stabbilita bi ftehim reċiproku. Jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tal-Kumitat Konġunt fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.

2.   Jekk il-Partijiet jaqblu, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt jistgħu isiru eċċezzjonalment permezz ta' vidjokonferenza.

Artikolu 3

Parteċipanti

1.   Kull Parti għandha tgħarraf lill-President dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni tiegħu, qabel kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt.

2.   Il-President, bi ftehim mal-Partijiet, jista' jistieden esperti jew rappreżentanti ta' korpi oħra għal-laqgħa biex jaġixxu bħala osservaturi jew biex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari.

Artikolu 4

Pubbliċità

1.   Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandhom isiru bil-bibien magħluqa, ħlief jekk il-President, bi qbil mal-Partijiet, jiddeċiedi li l-laqgħa għandha tkun pubblika.

2.   Il-Kumitat Konġunt jista' joħroġ dikjarazzjonijiet lill-pubbliku kif iqis xieraq.

Artikolu 5

Segretarjat

Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tal-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan għandhom iservu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat Konġunt. Il-komunikazzjonijiet kollha lil u mingħand il-President għandhom jiġu mgħoddija lis-Segretarji. Il-korrispondenza lil u mill-President tista' ssir permezz ta' kull mezz bil-miktub, inkluż permezz tal-posta elettronika.

Artikolu 6

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt. L-aġenda proviżorja għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-Parti l-oħra sa mhux iktar tard minn 15-il jum qabel id-data tal-laqgħa.

2.   Kull Parti tista' titlob lill-President biex tpoġġi punt fuq l-aġenda.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta' kull laqgħa. Kull punt minbarra dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4.   F'ċirkostanzi speċjali u bi qbil mal-Partijiet, il-President jista' jqassar l-iskadenzi msemmija fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

1.   L-eżitu tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandu jkun fil-forma ta' minuti miftiehma.

2.   Il-President għandu jagħmel sommarju tal-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Kumitat Konġunt f'kull laqgħa. Iż-żewġ Segretarji għandhom ifasslu b'mod konġunt l-abbozz tal-minuti abbażi ta' dawk il-konklużjonijiet, preferibbilment fi tmiem il-laqgħa jew sa mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju wara d-data tal-laqgħa.

3.   Il-partijiet għandhom japprovaw l-abbozz preferibbilment fi tmiem il-laqgħa jew sa mhux aktar tard minn 45 jum kalendarju mid-data tal-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra li jiftiehmu dwarha l-Partijiet. Malli l-partijiet ikunu approvaw l-abbozz tal-minuti, għandhom jiġu ffirmati żewġ kopji oriġinali mill-President u mis-Segretarji. Kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali waħda.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu adottati bi qbil komuni bejn il-Partijiet.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikollhom it-titolu “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament u jkunu segwiti b'numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni għandha tistipula d-data li fiha tidħol fis-seħħ.

3.   Il-Kumitat Konġunt jista' jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz ta' proċedura bil-miktub. F'tali każijiet, il-Partijiet għandhom jaqblu dwar limitu ta' żmien għat-tul tal-proċedura. Jekk mal-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien, l-ebda Parti ma tkun esprimiet oppożizzjoni għall-proposta ta' deċiżjoni jew rakkomandazzjoni, il-President għandu jiddikjara li d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni ġew adottati bi ftehim komuni.

4.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu awtentikati permezz ta' żewġ kopji awtentiċi ffirmati mill-President.

5.   Kull Parti tista' tippubblika d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 9

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kemm rigward in-nefqa tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tal-għajxien kif ukoll rigward in-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2.   Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż konnessi mal-interpretazzjoni fil-laqgħat u mat-traduzzjoni.

3.   Il-parti li tospita laqgħa għandha tassumi l-ispejjeż konnessi mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti.

Artikolu 10

Kumitati u gruppi ta' ħidma speċjali

1.   Il-Kumitat Konġunt jista' jistabbilixxi kumitati jew gruppi ta' ħidma speċjali sabiex jgħinuh fil-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu.

2.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jabolixxi kwalunkwe kumitat jew grupp ta' ħidma speċjali eżistenti, jadotta jew jemenda t-termini ta' referenza tagħhom.

3.   Il-kumitati jew il-gruppi ta' ħidma speċjali għandhom jagħmlu rapporti dettaljati dwar l-attivitajiet tagħhom lill-Kumitat Konġunt wara kull waħda mil-laqgħat tagħhom u jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 2/2017 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-AFGANISTAN

ta'…

li tistabbilixxi żewġ gruppi ta' ħidma speċjali u li tadotta t-termini ta' referenza tagħhom

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-AFGANISTAN,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 49(3) tiegħu, u l-Artikolu 10 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-18 ta' Frar 2017 u huwa suġġett għal applikazzjoni proviżorja, skont l-Artikolu 59;

(2)

Sabiex isir kontribut lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, għandu jiġi stabbilit il-qafas istituzzjonali tiegħu.

(3)

Skont l-Artikolu 49(3) tal-Ftehim u l-Artikolu 10 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt, il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi gruppi ta' ħidma jew kumitati speċjali sabiex jgħinuh fil-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu.

(4)

Sabiex jiġu permessi diskussjonijiet fil-livell ta' esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim, għandhom jiġu stabbiliti gruppi ta' ħidma speċjali. Il-Partijiet jistgħu jaqblu wkoll li jemendaw il-lista ta' gruppi ta' ħidma jew kumitati speċjali u/jew il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

(5)

Jenħtieġ li l-gruppi ta' ħidma speċjali jsiru operattivi malajr,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-gruppi ta' ħidma speċjali elenkati fl-Anness A huma b'dan stabbiliti. It-termini ta' referenza tal-gruppi ta' ħidma speċjali għandhom ikunu kif indikat fl-Anness B.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat Konġunt UE-Afganistan

Il-President


(1)   ĠU L 67, 14.3.2017, p. 3.

ANNESS A

Kumitat Konġunt UE-Afganistan

Gruppi ta' ħidma speċjali

1.

Grupp ta' Ħidma Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Governanza Tajba u l-Migrazzjoni;

2.

Grupp ta' Ħidma Speċjali għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

ANNESS B

Termini ta' referenza tal-gruppi ta' ħidma speċjali stabbiliti taħt il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra

Artikolu 1

Il-gruppi ta' ħidma speċjali jistgħu jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-Ftehim fl-oqsma li huma jkopru. Huma jistgħu jiddiskutu wkoll suġġetti jew proġetti speċifiċi rigward il-qasam rilevanti ta' kooperazzjoni bilaterali.

Artikolu 2

Il-gruppi ta' ħidma speċjali għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt. Huma għandhom jirrapportaw u jibagħtu l-minuti u l-konklużjonijiet tagħhom lill-President tal-Kumitat Konġunt fi żmien 30 jum kalendarju wara kull laqgħa.

Artikolu 3

1.   Il-gruppi ta' ħidma speċjali għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Partijiet.

2.   Il-gruppi ta' ħidma speċjali jistgħu jistiednu esperti għal-laqgħat tagħhom u jistgħu jisimgħuhom rigward punti speċifiċi fuq l-aġenda.

Artikolu 4

Il-gruppi ta' ħidma speċjali għandhom ikunu ppreseduti mill-Parti li tippresjedi l-Kumitat Konġunt.

Artikolu 5

Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Gvern tal-Afganistan għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-gruppi ta' ħidma speċjali.

Artikolu 6

1.   Il-gruppi ta' ħidma speċjali għandhom jiltaqgħu kull meta jkun hemm bżonn, fuq il-bażi ta' talba bil-miktub minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet, u mill-inqas darba fis-sena. Kull laqgħa għandha ssir fi żmien u f'post li dwarhom ikun hemm qbil miż-żewġ Partijiet.

2.   Meta waħda mill-Partijiet tagħmel talba għal laqgħa tal-grupp ta' ħidma speċjali, is-Segretarju tal-Parti l-oħra għandu jwieġeb fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta tasal dik it-talba. F'każijiet ta' urġenza partikolari, laqgħa ta'grupp ta' ħidma speċjali tista' tissejjaħ fi żmien iqsar, jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu.

3.   Il-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma speċjali għandhom ikunu msejħa b'mod konġunt miż-żewġ Segretarji.

Artikolu 7

1.   Kull Parti tista' titlob lill-President biex tpoġġi punt fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-grupp speċjali ta' ħidma. Il-punti biex ikunu inklużi fl-aġenda għandhom jitressqu quddiem is-Segretarji mill-inqas 15-il jum ta' xogħol qabel id-data tal-laqgħa kkonċernata. Kull dokument ta' sostenn għandu jkun ipprovdut lis-Segretarji mill-inqas għaxart (10) ijiem ta' xogħol qabel il-laqgħa.

2.   Is-Segretarji għandhom jikkomunikaw l-abbozz tal-aġenda lill-Partijiet mhux aktar tard minn ħamest (5) ijiem ta' xogħol qabel il-laqgħa. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, bi qbil tal-Partijiet, jistgħu jiġu miżjuda punti għall-aġenda f'limiti qosra ta' żmien.

Artikolu 8

1.   Is-Segretarji għandhom ifasslu b'mod konġunt abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa.

2.   Il-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma speċjali għandhom isiru bil-bibien magħluqa, ħlief jekk il-President, bi ftehim mal-Partijiet, jiddeċiedi li l-laqgħa għandha tkun pubblika.