|
22.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 343/70 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2424
tat-18 ta' Diċembru 2017
li tawtorizza lir-Rumanija biex taċċetta, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni taċ-Ċilì, tal-Iżlanda u tal-Bahamas mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu;
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-miżuri għall-protezzjoni tal-minuri kontra t-teħid jew żamma illeċiti huma parti essenzjali minn dik il-politika. |
|
(2) |
Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (“Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares lill-minuri mill-effetti dannużi tat-teħid jew żamma illeċiti u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn minnufih tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u tad-drittijiet tal-kustodja. |
|
(3) |
Ir-Regolament Brussell IIa jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn minnufih ta' minuri li jittieħdu jew jinżammu illeċitament. |
|
(4) |
L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
|
(5) |
L-Unjoni tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat. |
|
(6) |
Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri. |
|
(7) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni. |
|
(8) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru partijiet għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi ma' dik il-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' Stat aderenti. |
|
(9) |
Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (3), id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni taħt il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jaqgħu taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. |
|
(10) |
Iċ-Ċilì ddepożita l-istrument tal-adeżjoni tiegħu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fit-23 ta' Frar 1994. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għaċ-Ċilì fl-1 ta' Mejju 1994. |
|
(11) |
L-Istati Membri kkonċernati kollha, bl-eċċezzjoni tar-Rumanija, diġà aċċettaw l-adeżjoni taċ-Ċilì mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Iċ-Ċili aċċetta l-adeżjoni ta' Ċipru, is-Slovenja, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u Malta mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fiċ-Ċilì wasslet għall-konklużjoni li r-Rumanija tinsab f'pożizzjoni li taċċetta, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni taċ-Ċilì skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
|
(12) |
L-Iżlanda ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni tagħha mal-Konvenzjoni tal-1980 fl-14 ta' Awwissu 1996. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għall-Iżlanda fl-1 ta' Settembru 1996. |
|
(13) |
L-Istati Membri kkonċernati kollha, bl-eċċezzjoni tar-Rumanija, diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Iżlanda mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. L-Iżlanda aċċettat l-adeżjoni tal-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u Malta mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Iżlanda wasslet għall-konklużjoni li r-Rumanija tinsab f'pożizzjoni li taċċetta, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Iżlanda skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
|
(14) |
Il-Bahamas iddepożita l-istrument ta' adeżjoni tiegħu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-1 ta' Ottubru 1993. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għall-Bahamas fl-1 ta' Jannar 1994. |
|
(15) |
L-Istati Membri kkonċernati kollha, bl-eċċezzjoni tar-Rumanija, diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Bahamas mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Il-Bahamas aċċetta l-adeżjoni tal-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u s-Slovenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Bahamas wasslet għall-konklużjoni li r-Rumanija tinsab f'pożizzjoni li taċċetta, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Bahamas skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
|
(16) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Rumanija tkun awtorizzata tiddepożita d-dikjarazzjoni tagħha ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni taċ-Ċilì, tal-Iżlanda u tal-Bahamas mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stipulati f'din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni li diġà aċċettaw l-adeżjoni taċ-Ċilì, tal-Iżlanda u tal-Bahamas mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma jeħtiġux li jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni billi d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi taħt il-liġi internazzjonali pubblika. |
|
(17) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament Brussell IIa u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(18) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Ir-Rumanija hija b'dan awtorizzata li taċċetta l-adeżjoni taċ-Ċilì, tal-Iżlanda u tal-Bahamas mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni.
2. Ir-Rumanija għandha, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Diċembru 2018, tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni taċ-Ċilì, tal-Iżlanda u tal-Bahamas mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, fl-interess tal-Unjoni, li għandha tkun ifformulata kif ġej:
“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni taċ-Ċilì, tal-Iżlanda u tal-Bahamas mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2424”.
3. Ir-Rumanija għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjoni tagħha ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni taċ-Ċilì, tal-Iżlanda u tal-Bahamas mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u għandha tikkomunika t-test ta' dik id-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn minn meta tiddepożithom lill-Kummissjoni.
Artikolu 2
Dawk l-Istati Membri li ddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni taċ-Ċilì, tal-Iżlanda u tal-Bahamas mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni ma għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
K. SIMSON
(1) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).
(3) ECLI:EU:C:2014:2303.