21.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 342/8 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2408
tat-18 ta' Diċembru 2017
li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Taħt il-punt 10 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Latvja tista' teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom li ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta' EUR 17 200 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha. |
(2) |
Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/584/UE (2), il-Latvja ġiet awtorizzata, bħala miżura ta' deroga, li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 50 000, sal-31 ta' Diċembru 2013. Dik il-miżura ġiet estiża permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/796/UE (3) u tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017. |
(3) |
B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni tat-3 ta' Lulju 2017, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni għal miżura speċjali sabiex tkompli tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE u sabiex tnaqqas il-livell limitu tal-eżenzjoni għal EUR 40 000 (il-“miżura speċjali”). |
(4) |
F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittra datata t-13 ta' Settembru 2017 bit-talba li għamlet il-Latvja. Il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja permezz ta' ittra datata l-14 ta' Settembru 2017 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba. |
(5) |
Minħabba li l-miżura speċjali ser tirriżulta fi tnaqqis tal-obbligi tal-VAT għall-impriżi ż-żgħar jenħtieġ li l-Latvja tiġi awtorizzata sabiex tapplikaha għal perijodu limitat sal-31 ta' Diċembru 2020. Jenħtieġ li l-persuni taxxabbli xorta waħda jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT. |
(6) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mil-Latvja, il-miżura speċjali ser ikollu impatt negliġibbli fuq l-ammont ġenerali ta' dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju finali tal-konsum. |
(7) |
Minħabba li l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar huma soġġetti għal rieżami, huwa possibbli li tidħol fis-seħħ Direttiva li temenda dawk id-dispożizzjonijiet sal-31 ta' Diċembru 2020. |
(8) |
Il-miżura speċjali ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud minħabba li l-Latvja ser twettaq kalkolu ta' kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (4), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-punt 10 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Latvja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-EUR 40 000.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020 jew sad-dħul fis-seħħ ta' direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
K. SIMSON
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/584/UE tas-27 ta' Settembru 2010 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 256, 30.9.2010, p. 29).
(3) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/796/UE tas-7 ta' Novembru 2014 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 46).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).