|
19.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 337/60 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2374
tal-15 ta' Diċembru 2017
li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-moviment, il-ħżin u il-ipproċessar ta' ċerti frott u l-ibridi tagħhom li joriġinaw f'pajjiżi terzi għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti organiżmi ta' ħsara
(notifikata bid-dokument C(2017) 8395)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari il-punti 16.2(e) u 16.4(e) tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE jistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi li jeħtieġ jiġu rispettati għall-introduzzjoni u l-moviment ta' pjanti u prodotti mill-pjanti lejn u fi ħdan l-Istati Membri kollha. |
|
(2) |
Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1279 (2) introduċiet il-punti 16.2(e) u 16.4(e) tas-Sezzjoni I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE. Dawk il-punti jistabbilixxu t-tali rekwiżiti speċjali fir-rigward ta' ċerti frott (frott ta' Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., Microcitrus Swingle, Naringi Adans., Swinglea Merr., u l-ibridi tagħhom) destinati għall-ipproċessar industrijali (minn hawn 'il quddiem: “il-frott speċifikat”). Skont dawn il-punti, il-Kummissjoni għandha tadotta l-kundizzjonijiet għall-moviment fi ħdan l-Unjoni, il-ħżin u l-ipproċessar ta' dak il-frott. |
|
(3) |
Sabiex il-korpi uffiċjali responsabbli u l-operaturi professjonali jkunu jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet applikabbli għall-frott speċifikat, huwa xieraq li tkun meħtieġa n-notifika tad-dettalji tal-frott speċifikat qabel ma dan il-frott ikun jista' jiġi soġġett għal moviment fi ħdan l-Unjoni. |
|
(4) |
Il-moviment tal-frott speċifikat fl-Unjoni jenħtieġ li jkun soġġett għal superviżjoni mill-korpi uffiċjali responsabbli biex dawn jassiguraw kontroll effettiv fuq il-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti. |
|
(5) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar industrijali tal-frott speċifikat sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni minn organiżmi ta' ħsara. Jenħtieġ li dawk il-kundizzjonijiet jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-bini, l-iskart u l-prodotti sekondarji u ż-żamma ta' rekords. |
|
(6) |
Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tal-Unjoni u, jekk ikun meħtieġ, kontroll ta l-attività ta' ħżin, il-frott speċifikat għandu jinħażen f'faċilità rreġistrata approvata għal dak l-għan mill-Istat Membru fejn tinsab il-faċilità u b'mod li jimpedixxi kull riskju potenzjali ta' tixrid tal-organiżmi speċifikati. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-ħżin, sabiex jiġu żgurati t-traċċabbiltà effettiva ta' dawk il-prodotti, il-kontroll ta' dik l-attività u l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni. |
|
(7) |
Billi l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom meħtieġa sabiex tiġi mħarsa d-Direttiva (UE) 2017/1279 sa mill-1 ta' Jannar 2018, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tibda tapplika mill-istess data. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-moviment, il-ħżin u l-ipproċessar ta' frott ta' Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., Microcitrus Swingle, Naringi Adans. u Swinglea Merr. u l-ibridi tagħhom, li joriġinaw minn pajjiżi terzi għall-finijiet tal-punti 16.2(e) u 16.4(e) tas-Sezzjoni I tal-Part A tal-Anness IV tadDirective 2000/29/KE.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“organiżmi speċifikati” tfisser Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa, Xanthomonas citri pv. citri, u Xanthomonas citri pv. aurantifolii. |
|
(b) |
“frott speċifikat” tfisser frott ta' Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., Microcitrus Swingle, Naringi Adans. u Swinglea Merr. u l-ibridi tagħhom, li joriġinaw minn pajjiżi terzi. |
Artikolu 3
Moviment fl-Unjoni tal-frott speċifikat
1. Il-frott speċifikat jistgħu jiċċaqalqu biss fi ħdan l-Unjoni jekk l-importatur ikun innotifika id-dettalji ta' kull kontenitur lill-korp uffiċjali responsabbli fl-Istat Membru li fih ikun jinsab il-punt tad-dħul, u fejn applikabbli, lill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru fejn se jsir l-ipproċessar industrijali.
Dik in-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
il-volum tal-frott speċifikat; |
|
(b) |
in-numri ta' identifikazzjoni tal-kontenituri; |
|
(c) |
id-data mistennija ta' introduzzjoni u l-punt ta' dħul fl-Unjoni, |
|
(d) |
l-ismijiet, l-indirizzi u l-postijiet tal-bini msemmija fl-Artikolu 4. |
2. L-importaturi għandhom jinformaw lill-korpi uffiċjali responsabbli msemmija fil-paragrafu 1 b'kull bidla fl-informazzjoni inkluża f'dik in-notifika, malli dawn ikunu magħrufin.
3. Il-frott speċifikat jista' jiġi soġġett għal moviment lejn Stat Membru, għajr dak l-Istat Membru li minnu ġie introdott fl-Unjoni, sakemm il-korpi uffiċjali responsabbli tal-Istati Membri kkonċernati jaqblu li jseħħ dan il-moviment.
4. Il-frott speċifikat għandu jiġi ttrasportat direttament u mingħajr dewmien fil-bini tal-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 4 jew f'faċilità ta' ħżin kif imsemmi fl-Artikolu 5. Il-moviment tal-frott speċifikat għandu jsir taħt is-superviżjoni tal-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru fejn dak il-moviment qed isseħħ.
5. L-Istati Membri kkonċernati mill-moviment għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li jkun hemm konformità ma' dan l-Artikolu.
Artikolu 4
Rekwiżiti li jikkonċernaw l-ipproċessar industrijali tal-frott speċifikat
1. L-ipproċessar tal-frott speċifikat għandu jsir f'bini li jinsab f'żona fejn ma jiġi prodott ebda wieħed mill-frott speċifikat. Il-bini għandu jiġi rreġistrat u approvat uffiċjalment għal dik il-għan mill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru li fih jinsab il-bini.
2. L-iskart u l-prodotti inċidentali tal-frott speċifikat għandhom jintużaw jew jinqerdu f'żona fejn ma jiġi prodott ebda wieħed mill-frott speċifikat, li tinsab fl-Istat Membru fejn ikun ġie pproċessat dak il-frott.
3. Il-prodotti inċidentali għandhom jinqerdu bi b'kwalunkwe metodu teknikament ġustifikat approvat mill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru fejn il-frott speċifikat ġie pproċessat u taħt is-superviżjoni tal-korp uffiċjali b'mod li jimpedixxi kull riskju potenzjali ta' tixrid tal-organiżmi speċifikati.
4. Il-proċessuri għandhom iżommu għal mill-anqas tliet snin reġistri tal-frott speċifikat ipproċessat u jagħmluhom disponibbli, wara talba, lill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru fejn iseħħ l-ipproċessar. Dawk ir-reġistri għandhom jindikaw in-numri u l-marki distinti tal-kontenituri, il-volumi tal-frott speċifikat li jkun wasal u l-volumi u tipi oħra ta' informazzjoni ddettaljata dwar l-użu jew il-qerda tal-iskart u l-prodotti inċidentali.
Artikolu 5
Rekwiżiti li jikkonċernaw il-ħżin tal-frott speċifikat
1. Jekk il-frott speċifikat ma jiġix ipproċessat immedjatament, dan għandu jinħażen f'faċilità rreġistrata u approvata għal dak il-għan mill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru fejn tinsab il-faċilità.
2. Il-lottijiet tal-frott speċifikat għandhom jibqgħu identifikabbli separatament.
3. Il-frott speċifikat għandu jinħażen b'mod li jimpedixxi kull riskju potenzjali ta' tixrid tal-organiżmi speċifikati.
Artikolu 6
Data ta' applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018.
Artikolu 7
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.
(2) Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1279 tal-14 ta' Lulju 2017 li temenda l-Annessi I sa V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 184, 15.7.2017, p. 33).