16.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/27


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2351

tad-9 ta' Awwissu 2016

dwar l-impożizzjoni ta' multa fuq Spanja minħabba nuqqas ta' azzjoni effettiva biex tindirizza defiċit eċċessiv

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi,

(1)

Il-Kunsill, b'deċiżjoni adottata fit-12 ta' Lulju 2016, taħt l-Artikolu 126(8) tat-Trattat, stabbilxxa li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva minn Spanja biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 taħt l-Artikolu 126(7) tat-Trattat.

(2)

Bħala segwitu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 li Spanja ma ħadet l-ebda azzjoni effettiva biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda li l-Kunsill jimponi multa.

(3)

Il-multa li trid tiġi imposta fuq Spanja għandha fil-prinċipju tammonta għal 0,2 % tal-PDG fis-sena preċedenti, iżda dan l-ammont jista' jitnaqqas jew jiġi kkanċellat għal raġunijiet ta' ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat.

(4)

Il-PDG ta' Spanja fl-2015 kien ta' EUR 1 081,19 biljun u 0,2 % ta' dak il-PDG li jikkorrispondi għal EUR 2 162,38 miljun.

(5)

F'konformità mal-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011, “ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali” tfisser ċirkostanzi fejn eċċess ta' defiċit tal-gvern 'il fuq mill-valur ta' referenza huwa meqjus eċċezzjonali fl-ambitu tat-tifsira tat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-Artikolu 126(2) tat-Trattat u kif speċifikat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2). Skont ir-Regolament imsemmi l-aħħar, dan l-eċċess ikun eċċezzjonali meta jirriżulta (i) minn avveniment 'il barra mill-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u b'impatt maġġuri fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-amministrazzjoni pubblika jew (ii) minn tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku, li jfisser rata negattiva ta' tkabbir annwali tal-volum tal-PGD jew minn telf akkumulat tal-output matul perjodu mtawwal ta' tkabbir tal-volum tal-PGD annwali baxx ħafna relattiv mal-potenzjal tiegħu.

(6)

Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq għal Spanja tipproduċi l-konklużjonijiet li ġejjin:

Wara għaxar perjodi ta' tliet xhur konsekuttivi ta' tkabbir reali negattiv tal-PDG, it-tkabbir ekonomiku fi Spanja kompla fit-tielet kwart tal-2013. It-tkabbir reali tal-PDG laħaq 1,4 % fl-2014 u tela' għal 3,2 % fl-2015. Skont it-tbassir aġġornat tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, it-tkabbir reali tal-PDG huwa mistenni li jilħaq 2,9 % fl-2016. Din hija reviżjoni 'l fuq ta' 0,3 punti perċentwali meta mqabbel mat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016, xprunat minn konsum pubbliku u privat ogħla milli mistenni fl-ewwel kwart tas-sena. Konsegwentement, ma kienx hemm tnaqqis kbir fir-ritmu ekonomiku tul il-perjodu kopert mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 (jiġifieri 2013-2016).

Barra minn hekk, ma seħħ l-ebda avveniment mhux tas-soltu barra mill-kontroll tal-gvern, b'impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi matul l-2013–2016. Għalkemm l-inflazzjoni fi Spanja kienet sorpriża fis-sens li kienet fuq in-naħa baxxa, u saħansitra kienet negattiva fl-2014, l-impatt tagħha fuq il-finanzi pubbliċi ma kienx kbir u kien fil-biċċa l-kbira kkumpensat minn tkabbir reali tal-PDG ogħla milli mistenni, b'ħolqien mgħaġġel ta' impjiegi u tkabbir b'komponent ta' tkabbir li jrendi t-taxxi li kien ta' benefiċċju għat-tnaqqis tad-defiċit.

(7)

Għalhekk ma jeżistux ċirkustanzi ekonomiċi eċċezzjonali li jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa.

(8)

Fit-13 ta' Lulju 2016, Spanja ressqet talba raġunata lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda li l-Kunsill jistabbilixxi l-ammont tal-multa għal żero. Insostenn tat-talba tagħha, Spanja tat ir-raġunijiet segwenti:

Spanja tfakkar il-kisbiet importanti tagħha fl-implimentazzjoni ta' aġenda ta' riforma wiesgħa, minkejja kuntest ekonomiku diffiċli ħafna, li kienet deċiżiva biex tappoġġa l-irkupru qawwi tal-attività ekonomika u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll il-korrezzjoni tal-iżbilanċi akkumulati. Tagħti enfasi wkoll fuq l-isforz fiskali sinifikanti implimentat wara l-kriżi u l-impatt negattiv ta' inflazzjoni baxxa u saħansitra negattiva fuq il-proċess ta' aġġustament fiskali u l-ekonomija b'mod ġenerali. Tqajmu wkoll kwistjonijiet metodoloġiċi, rigward l-allegata inabilità tal-metodoloġija preżenti li tivvaluta l-konformità mal-PST biex jittieħed kont tas-sorpriżi tal-inflazzjoni negattiva jew li jitkejjel b'mod preċiż it-tkabbir potenzjali tal-PDG fil-każ ta' Spanja. Fl-aħħar nett, tirrapporta dwar il-miżuri u l-impenji li ttieħdu sabiex jitnaqqas id-defiċit pubbliku fl-2016 u tirriafferma l-impenn biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2017.

(9)

Valutazzjoni tal-argumenti msemmija hawn fuq twassal għall-kunsiderazzjonijiet ta' hawn taħt.

(10)

L-ekonomija Spanjola għaddiet minn tibdil sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, bis-saħħa wkoll ta'riformi li saru f'ambjent ekonomiku diffiċli li għenu sabiex jitnaqqsu r-riġiditajiet eżistenti fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti. It-tlestija b'suċċess tal-programm ta' għajnuna finanzjarja għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fi Spanja fil-bidu tal-2014 u riformi strutturali kbar li twettqu fl-istess żmien ħolqu bażi soda għal irkupru ekonomiku. Anki wara t-tlestija tal-programm, Spanja kompliet timplimenta r-riformi strutturali, inkluża riforma fil-qafas tal-insolvenza, it-tlestija tar-ristrutturar tas-settur bankarju, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-ħolqien ta' kunsill fiskali indipendenti. Bil-għajnuna ta' politika monetarja u qafas ta' governanza msaħħaħ taż-żona tal-euro, dan witta t-triq għar-ritorn tal-influssi kapitali u kundizzjonijiet finanzjarji mtejba. Kif reġa' beda t-tkabbir fit-tieni nofs tal-2013, ir-riekwilibriju intern u estern avvanza, bl-appoġġ ukoll ta' kisbiet tal-kompetittività li kienu riżultat tar-riformi. L-irkupru huwa akkumpanjat minn ħolqien sod ta' impjiegi, appoġġjat minn moderazzjoni kontinwa fil-pagi u l-impatt tar-riformi tas-suq tax-xogħol. Minkejja progress fir-riekwilibriju tal-ekonomija, għad fadal sfidi importanti, peress li għad hemm livell għoli ta' dejn privat u pubbliku rifless f'livell għoli ħafna ta' obbligazzjonijiet esterni netti, jesponi lilSpanja għal riskji li jirriżultaw minn bidliet fis-sentiment tas-suq, u l-qgħad, li għadu għoli, jxekkel l-aġġustament ekonomiku.

(11)

Filwaqt li Spanja ma ħaditx azzjoni effikaċi biex tindirizza d-defiċit eċċessiv f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013, hemm bżonn li jingħata rikonoxximent lill-fatt li Spanja kienet diġà għamlet sforzi fiskali mdaqqas biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv fil-baġits għall-2012, u f'miżura minuri, l-2013. L-eżawriment tal-konsolidazzjoni enfasizzat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 segwa dan l-isforz strutturali u fiskali sostanzjali u seħħ wara kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli li kellhom effett fuq il-koeżjoni soċjali. Tabilħaqq, minkejja l-irkupru qawwi tal-ekonomija sa mit-tielet perjodu ta' tliet xhur tal-2013, Spanja baqgħet tbati minn kundizzjonijiet ekonomiċi sfavorevoli matul il-perjodu kopert mill-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Id-differenza fil-produzzjoni laħqet it-8,5 % tal-PDG potenzjali fl-2013 u, filwaqt li kienet qed titjieb malajr, kienet għadha fil-biċċa l-kbira fin-negattiv sa – 4,0 %, fl-2015. Ir-rata tal-qgħad telgħet għal 26,1 % fl-2013 u l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza żdiedu wara l-kriżi, li ġabu s-sehem globali ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali għal 29,2 % fl-2014, waħda mill-ogħla rati fl-Unjoni.

(12)

F'dan il-kuntest, filwaqt li xi wħud mill-miżuri li ttieħdu fis-snin reċenti kellhom impatt negattiv dirett fuq il-finanzi pubbliċi, dawn setgħu kkontribwew għat-tkabbir u għall-impjiegi fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul, u b'hekk fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. L-eżenzjonijiet u r-rifużjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kkontribwew għall-persistentza tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika, iżda sa ċertu punt appoġġjaw il-koeżjoni soċjali billi immiraw lejn nies bi dħul baxx, ħaddiema anqas kwalifikati u kuntratti permanenti ġodda. Ir-riformi tat-taxxa adottati tard fl-2014, filwaqt li huma sottofinanzjati, huma intenzjonati biex jagħmlu l-istruttura tat-taxxi aktar favur it-tkabbir, kif ukoll itejbu l-governanza fiskali u l-ekwità.

(13)

Għall-2016, il-gvern Spanjol, mill-pożizzjoni proviżorja tiegħu, ħa miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit wara r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2016 dwar miżuri li kellhom jittieħdu minn Spanja sabiex tiġi żgurata korrezzjoni f'waqtha tad-defiċit eċċessiv tagħha, li hija ħaġa pożittiva. B'mod partikolari, bil-ħsieb li jiġu implimentati dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni domestika biex isaħħu d-dixxiplina fiskali fuq il-gvernijiet reġjonali, fis-6 ta' April, il-gvern talab lil 12-il gvern reġjonali biex japprovaw tnaqqis fl-approprjazzjonijiet tal-baġit sabiex jiżguraw il-konformità mal-miri tad-defiċit tagħħom għall-2016. Filwaqt li t-tnaqqis fin-nefqa għall-2016 adottat s'issa minn dawn il-gvernijiet huwa konsiderevolment inqas mill-ammont mistenni rrappurtat fil-programm ta' stabbiltà tal-2016, il-gvern ċentrali ta' Spanja approva madwar 0,2 % tat-tnaqqis tal-PDG fl-approprjazzjonijiet baġitarji. Fit-13 ta' Lulju, il-gvern proviżorju Spanjol ħabbar l-impenn tiegħu biex jimplimenta aktar miżuri bżonnjużi li jnaqqsu d-defiċit.. Fuq in-naħa tad-dħul, kienu maħsuba emendi għat-taxxa tad-dħul korporattiva għal meta jiġi ffurmat il-gvern il-ġdid biex ipattu għat-telf fid-dħul ta' madwar 0,5 % tal-PGD mistenni fl-2016 wara l-bidliet li saru fir-regolament ta' ħlasijiet bin-nifs (pagos fraccionados) tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv, b'tali mod li jiġi żgurat li l-introjti mit-taxxa fuq id-dħul korporattiv jilħqu l-livell mistennija fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2016. Fuq in-naħa tal-infiq, l-avvanz tad-data tal-għeluq tas-sena fiskali tal-gvern ċentrali, adottat fl-14 ta' Lulju, jista' jgħin biex titrażżan iż-żieda fl-infiq fit-tieni nofs tal-2016. Minkejja dan, dawn il-miżuri għadhom soġġetti għal riskji konsiderevoli ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari rigward l-adozzjoni mill-Parlament ta' bidliet meħtieġa tal-liġi tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv u għal dubji dwar jekk humiex biżżejjed sabiex jikkumpensaw it-tnaqqis mistenni fid-dħul tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv. Il-gvern impenja ruħu wkoll li jieħu aktar miżuri kontra l-frodi fiskali.

(14)

It-talba raġunata ta' Spanja lill-Kummissjoni tenfasizza wkoll l-impatt negattiv ta' inflazzjoni baxxa u saħansitra negattiva fuq il-proċess ta' aġġustament fiskali u l-ekonomija b'mod ġenerali. Kif sostniet ukoll fid-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016, matul l-2013-2015, l-inflazzjoni Spanjola (kif imkejla mid-deflattur tal-PDG) kienet tabilħaqq ferm taħt dik fix-xenarju makroekonomiku ta' referenza li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni (li kienet negattiva fl-2014, b'-0.4 %). Madankollu, l-impatt negattiv ta' inflazzjoni baxxa jew saħansitra negattiva fuq ir-riżultati fiskali ta' Spanja kien fil-biċċa l-kbira paċut minn tkabbir reali tal-PDG ogħla milli mistenni.

(15)

Spanja ssemmi wkoll intoppi metodoloġiċi fir-rigward tal-allegata inabilità tal-metodoloġija ta' azzjoni effettiva fil-preżent li tikkunsidra s-sorpriżi tal-inflazzjoni negattiva jew li tkejjel b'mod preċiż it-tkabbir potenzjali tal-PDG fil-każ ta' Spanja. Fir-rigward tal-possibbiltà ta' sottovalutazzjoni tal-isforz strutturali mwettaq fi Spanja, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni, biex tevalwa l-potenzjal tat-tkabbir, tapplika l-metodoloġija tal-funzjoni tal-produzzjoni li ġiet miftiehma b'mod komuni u approvata mill-Kunsill. Fir-rigward tal-impatt tal-inflazzjoni negattiva, il-Kummissjoni tirrikonoxxi fil-ħidma analitika tagħha li l-metodoloġija maqbula għas-sorveljanza fiskali — u fuq il-bażi tal-korrezzjoni taċ-ċifri tal-bilanċ nominali permezz ta' stimi potenzjali tal-output — tista', fil-preżenza ta' xokk ta' inflazzjoni negattiva, twassal għal sottovalutazzjoni tal-isforz strutturali. Madankollu, dan l-approċċ huwa kkumplimentat minn l-hekk imsejħa miżura minn isfel għal fuq tal-isforz fiskali, li tivvaluta jekk il-miri tan-nefqa jkunux intlaħqu u ġewx implimentati l-miżuri diskrezzjonali ppjanati fuq in-naħa tad-dħul. Kontra l-bidla fil-bilanċ strutturali, din il-miżura minn isfel għal fuq x'aktarx tissopravaluta l-isforz fiskali wara x-xokk tad-diżinflazzjoni. Fil-każ ta' Spanja, anke l-użu ta' tali metodoloġija minn isfel għal fuq turi li ma sar l-ebda sforz kumulattiv matul l-2013–2015, kontra r-rakkomandazzjoni ta' sforz strutturali kumulattiv ta' 3,0 % tal-PDG.

(16)

Fid-dawl tat-talba motivata ta' Spanja u f'kunsiderazzjoni tal-punti preċedenti, b'mod partikolari ir-riformi strutturali profondi meħuda mill-gvern Spanjol mill-2012 u li għadhom fis-seħħ, l-ambjent ekonomiku diffiċli matul il-perjodu kopert mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Ġunju tal-2013, l-impenji ta' tnaqqis tad-defiċit imħabbra mill-gvern interim Spanjol fit-talba motivata tiegħu, flimkien ma' miżuri ta' konsolidazzjoni li ttieħdu wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2016 dwar miżuri li għandhom jittieħdu minn Spanja sabiex tiġi żgurata korrezzjoni f'waqtha tad-defiċit eċċessiv tagħha, kanċellament tal-multa ta' 0,2 % tal-PDG huwa kkunsidrat li jkun iġġustifikat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-multa ta' 0,2 % tal-PDG li għandha tiġi imposta fuq Spanja minħabba nuqqas ta' azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 hija kkanċellata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LAJČÁK


(1)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).