15.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2087

tas-6 ta' Novembru 2017

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tiegħu 2009/899/KE (1), il-Kunsill ikkonkluda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (2) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini ta' tar-Repubblika ta' Mauritius meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' tliet xhur matul perjodu ta' sitt xhur.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa bidliet orizzontali fl-acquis tal-Unjoni dwar il-viża u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn għal perjodu qasir bħala massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

(3)

Huwa neċessarju li din id-definizzjoni l-ġdida tiġi inkorporata fil-Ftehim sabiex ir-reġim ta' soġġorn għal perjodu qasir tal-Unjoni jkun armonizzat kompletament.

(4)

Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika ta' Mauritius dwar ftehim li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (il-“Ftehim emendatorju”).

(5)

In-negozjati dwar il-Ftehim emendatorju ġew iffinalizzati b'suċċess bl-inizjalar tiegħu, permezz ta' Skambju ta' Ittri, fil-11 ta' Novembru 2016.

(6)

Jenħtieġ li l-Ftehim emendatorju jiġi ffirmat, u li d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim emendatorju jiġu approvati, f'isem l-Unjoni.

(7)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (4); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (6).

Artikolu 2

Id-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim emendatorju għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim emendatorju f'isem l-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TAMM


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/899/KE tat- 30 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (ĠU L 321, 8.12.2009, p. 41).

(2)  ĠU L 169, 30.6.2009, p. 17.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u (KE) Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(6)  It-test tal-Ftehim emendatorju ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il- konklużjoni tiegħu.