|
14.11.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 295/60 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2074
tat-13 ta' Novembru 2017
dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni tibqa' serjament imħassba dwar id-deterjorament kontinwu tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela. |
|
(2) |
Fil-15 ta' Mejju 2017, il-Kunsill adotta konklużjonijiet fejn appella lill-atturi politiċi u l-istituzzjonijiet kollha tal-Venezwela biex jaħdmu b'mod kostruttiv lejn soluzzjoni għall-kriżi fil-pajjiż, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u s-separazzjoni tal-poteri. Huwa ddikjara wkoll li r-rilaxx ta' oppożituri politiċi li jinsabu l-ħabs u r-rispett tad-drittijiet kostituzzjonali huma passi kruċjali biex tinbena l-fiduċja u jgħinu biex il-pajjiż jerġa' jikseb l-istabbiltà politika. |
|
(3) |
L-Unjoni esprimiet ripetutament l-appoġġ sħiħ tagħha għall-isforzi fil-Venezwela biex jiġi ffaċilitat djalogu urġenti, kostruttiv u effettiv bejn il-Gvern u l-maġġoranza parlamentari sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal soluzzjonijiet paċifiċi għall-isfidi multidimensjonali li qed jiffaċċa l-pajjiż. |
|
(4) |
L-Unjoni ħeġġet bil-qawwa l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni esterna biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-popolazzjoni u impenjat ruħha bis-sħiħ li tgħin il-Venezwela ssib soluzzjonijiet paċifiċi u demokratiċi, inkluż permezz tal-appoġġ għal sforzi reġjonali u internazzjonali għal dak l-għan. |
|
(5) |
Fis-26 ta' Lulju 2017, l-Unjoni esprimiet tħassib dwar rapporti numerużi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u użu eċċessiv ta' forza, u appellat lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex jirrispettaw il-Kostituzzjoni tal-Venezwela (“il-Kostituzzjoni”) u l-istat tad-dritt u biex jiżguraw li jiġu garantiti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż id-dritt għal dimostrazzjoni paċifika. |
|
(6) |
Fit-2 ta' Awwissu 2017, l-Unjoni esprimiet id-dispjaċir kbir tagħha għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Venezwela li jkomplu bl-elezzjoni ta' Assemblea Kostitwenti, deċiżjoni li aggravat ħafna l-kriżi fil-Venezwela u ħolqot ir-riskju li ddgħajjef istituzzjonijiet leġittimi oħra previsti mill-Kostituzzjoni, bħall-Assemblea Nazzjonali. Filwaqt li appellat lill-partijiet kollha biex ma jużawx vjolenza u lill-awtoritajiet biex jiżguraw rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem kollha, u filwaqt li esprimiet id-disponibbiltà tagħha li tassisti fil-kwistjonijiet kollha li jistgħu jtaffu s-sitwazzjoni ta' kuljum tal-poplu tal-Venezwela, l-Unjoni indikat ukoll id-disponibbiltà tagħha li żżid gradwalment ir-rispons tagħha f'każ li il-prinċipji demokratiċi jiġu mminati ulterjorment u li l-Kostituzzjoni ma tkunx rispettata. |
|
(7) |
F'dan il-kuntest u f'konformità mad-Dikjarazzjoni mill-Unjoni tat-2 ta' Awwissu 2017, jenħtieġ li jiġu imposti b'mod immirat miżuri restrittivi kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi responsabbli għal vjolazzjonijiet jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika u persuni, entitajiet u korpi li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħhom jimminaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Venezwela, kif ukoll persuni, entitajiet u korpi assoċjati magħhom. |
|
(8) |
Barra minn hekk, fid-dawl tar-riskju ta' aktar vjolenza, użu eċċessiv tal-forza u vjolazzjonijiet jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, ikun xieraq li jiġu imposti miżuri restrittivi fil-forma ta' embargo tal-armi, kif ukoll miżuri speċifiċi biex jiġu imposti restrizzjonijiet fuq tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna u biex jiġi pprevenut l-użu ħażin ta' tagħmir tal-komunikazzjoni. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jkunu gradwali, immirati, flessibbli u riversibbli, mingħajr ma tiġi affettwata l-popolazzjoni ġenerali u jenħtieġ li jkollhom l-għan li jrawmu proċess kredibbli u siewi li jista' jwassal għal soluzzjoni paċifika u negozjata. |
|
(10) |
Tenħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU I
RESTRIZZJONIJIET FUQ L-ESPORTAZZJONI
Artikolu 1
1. Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u ta' materjal relatat ta' kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet ta' rikambju għalihom lill-Venezwela minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru bil-bandiera tagħhom għandhom ikunu pprojbiti, kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.
2. Għandu jkun ipprojbit:
|
(a) |
li jingħataw assistenza teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra relatati ma' attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta' rikambju għalihom direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela; |
|
(b) |
li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat jew għall-provvista ta' assistenza teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra relatati direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela. |
Artikolu 2
Il-projbizzjoni fl-Artikolu 1 ma għandhiex tapplika għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel it-13 ta' Novembru 2017 jew għal kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti, sakemm dawn ikunu konformi mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (1), b'mod partikolari mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jfittxu jwettqu l-kuntratt ikunu nnotifikaw il-kuntratt lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti fi żmien ħames ġranet ta' xogħol mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
1. Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna lill-Venezwela minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru bil-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti, kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.
2. Għandu jkun ipprojbit:
|
(a) |
li jingħataw assistenza teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra relatati ma' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u materjal relatat ta' tali tagħmir direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela; |
|
(b) |
li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali tagħmir jew għall-provvista ta' assistenza teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra relatati direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela; |
3. L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-elementi rilevanti li għandhom ikunu koperti b'dan l-Artikolu.
Artikolu 4
1 L-Artikoli 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għal:
|
(a) |
il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir militari mhux letali jew ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew għall-programmi għall-bini tal-istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jew tal-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali, jew ta' materjal maħsub għal operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet tan-NU jew tal-Unjoni jew ta' organizzazzjonijiet reġjonali jew subreġjonali; |
|
(b) |
il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir għat-tneħħija tal-mini u materjal użat f'operazzjonijiet tat-tneħħija tal-mini; |
|
(c) |
il-manutenzjoni ta' tagħmir mhux letali li jista' jintuża mill-forza navali u mill-gwardja tal-kosta tal-Venezwela li jkun maħsub biss għall-protezzjoni tal-fruntiera, l-istabbiltà reġjonali u l-interċettazzjoni ta' narkotiċi; |
|
(d) |
il-provvista ta' finanzjament u għajnuna finanzjarja relatati mat-tagħmir jew materjal imsemmija fil-punti (a), (b) u (c); |
|
(e) |
il-provvista ta' assistenza teknika relatati mat-tagħmir jew materjal imsemmija fil-punti (a), (b) u (c), |
bil-kondizzjoni li tali esportazzjonijiet ikunu ġew approvati minn qabel mill-awtorità kompetenti.
2. L-Artikoli 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-ilbies protettiv, inkluż ġkieket rinforzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Venezwela mill-persunal tan-NU, il-persunal tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, minn rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir, u ħaddiema umanitarji u fl-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.
Artikolu 5
1. Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament għal użu ta' monitoraġġ jew interċettazzjoni mir-reġim tal-Venezwela, jew f'ismu, tal-komunikazzjonijiet bl-internet u telefoniċi fuq netwerks mobbli jew fissi fil-Venezwela, inkluż l-għoti ta' kwalunkwe tip ta' servizz ta' monitoraġġ jew interċettazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet, kif ukoll il-provvista ta' assistenza finanzjarja u teknika għall-installazzjoni, it-tħaddim jew l-aġġornament ta' tali tagħmir, teknoloġija jew software, minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri għandhom jiġu pprojbiti.
2. B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tat-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software, inkluż l-għoti ta' kwalunkwe tip ta' servizz ta' monitoraġġ jew interċettazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet, kif ukoll il-provvista relatata ta' assistenza finanzjarja u teknika, imsemmija fil-paragrafu 1 jekk huma jkollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software ma jintużawx għar-repressjoni interna mill-gvern, korpi pubbliċi, korporazzjonijiet jew aġenziji tal-Venezwela, jew minn kwalunkwe persuna jew entità li topera f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu, fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.
3. L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-elementi rilevanti li għandhom jiġu koperti b'dan l-Artiklu.
KAPITOLU II
RESTRIZZJONIJIET FUQ L-AMMISSJONI
Artikolu 6
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta':
|
(a) |
persuni fiżiċi responsabbli għal vjolazzjonijiet jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela; jew |
|
(b) |
persuni fiżiċi li l-azzjonijiet, politiki jew attivitajiet tagħhom b'mod ieħor jimminaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Venezwela; |
kif elenkati fl-Anness I.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.
3. Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b'obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:
|
(a) |
bħala pajjiż li jospita organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali; |
|
(b) |
bħala pajjiż li jospita konferenza internazzjonali mlaqqa' min-NU jew taħt l-awspiċi tagħha; jew |
|
(c) |
taħt ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew |
|
(d) |
taħt it-Trattat ta' Konċiljazzjoni (Patt Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja. |
4. Il-paragrafu 3 għandu jitqies li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż li jospita l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).
5. Il-Kunsill għandu jiġi infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4.
6. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti fil-paragrafu 1 meta l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għar-raġunijiet ta' bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta' attendenza għal laqgħat intergovernattivi u laqgħat promossi mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-presidenza attwali tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi b'mod dirett id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.
7. Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma joġġezzjonawx bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta tasal in-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.
8. Fejn, skont il-paragrafi 3, 4, 6 u 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, tal-persuni elenkati fl-Anness I, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih ingħatat u għall-persuni kkonċernati mill-awtorizzazzjoni.
KAPITOLU III
IFFRIŻAR TA' FONDI U RIŻORSI EKONOMIĊI
Artikolu 7
1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta', miżmuma jew kontrollati minn:
|
(a) |
persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għal vjolazzjonijiet jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela; |
|
(b) |
persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħhom b'mod ieħor jimminaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Venezwela, |
kif elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati.
2. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma l-proprjetà ta', miżmuma jew kontrollati minn, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni, entitajiet jew korpi msemmija fil-paragrafu 1, kif elenkati fl-Anness II, għandhom jiġu ffriżati
3. L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew II, jew għal benefiċċju tagħhom.
4. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt tali kondizzjonijiet li hi tqis xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:
|
(a) |
neċessarji biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew II u l-membri tal-familja dipendenti ta' tali persuni fiżiċi, inkluż pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni u spejjeż ta' servizzi pubbliċi; |
|
(b) |
maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali; |
|
(c) |
maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; |
|
(d) |
neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; |
|
(e) |
ser jitħallsu f'kont jew jinħarġu minnu ta' missjoni diplomatika jew konsulari, jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, sakemm tali pagamenti huma maħsubin biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari, jew tal-organizzazzjoni internazzjonali. |
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.
5. B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' sentenza arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 jew 2 ikunu ġew elenkati fl-Anness I jew II, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data; |
|
(b) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet; |
|
(c) |
id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I jew II; u |
|
(d) |
ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat. |
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.
6. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jipprevjenu lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I jew II milli jagħmlu pagament dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li rriżulta għal, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew II qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-pagament ma jkunx fi ksur tal-paragrafu 3.
7. Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':
|
(a) |
imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; |
|
(b) |
pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data meta dawk il-kontijiet ikunu saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3; jew |
|
(c) |
pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, |
dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u pagament ieħor jibqa' soġġett għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1 jew 2.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 8
1. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-listi fl-Annessi I u II.
2. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna, entità jew korp ikkonċernat, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li tipprovdi lil tali persuna, entità jew korp opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.
3. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati skont il-każ.
Artikolu 9
1. L-Annessi I u II għandhom jinkludu r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikoli 6(1) u 7(1),u fl-Artikolu 7(2), rispettivament.
2. L-Annessi I u II għandhom jinkludu wkoll, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi: l-ismijiet, inkluż il-psewdonimi; id-data u l-post ta' twelid; iċ-ċittadinanza; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; is-sess; l-indirizz, jekk magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.
Artikolu 10
Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni.
Artikolu 11
Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti taħt din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew xi pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jeGw pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull forma, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:
|
(a) |
persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Anness I jew II; |
|
(b) |
kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li taġixxi permezz ta' waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a) jew f'isimhom. |
Artikolu 12
Sabiex l-impatt tal-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni jkun kemm jista' jkun qawwi, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f'din id-Deċiżjoni.
Artikolu 13
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-14 ta' Novembru 2018.
Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Hija għandha tiġi mġedda, jew emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.
Artikolu 14
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).
ANNESS I
Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi imsemmija fl-Artikoli 6(1) u 7(1)
ANNESS II
Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi imsemmija fl-Artikolu 7(2)