10.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/57


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2012

tas-7 ta' Novembru 2017

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta' persuna taxxabbli għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvisti ta' merkanzija u ta' servizzi li tkun irċeviet għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. L-Artikolu 26(1)(a) ta' dik id-Direttiva fih rekwiżit li l-VAT tiġi ddikjarata meta xi assi ta' negozju jintuża għall-użu privat tal-persuna taxxabbli jew tal-impjegati tagħha jew, b'mod aktar ġenerali, għal skopijiet oħrajn mhux relatati man-negozju tagħha.

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/232/UE (2) awtorizzat lir-Rumanija, tapplika miżuri ta' deroga skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE sal-31 ta' Diċembru 2014, sabiex timplimenta miżura li tillimita d-dritt ta' tnaqqis tal-VAT għal 50 % fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' vetturi tat-triq bil-magna, kif ukoll il-VAT fuq in-nefqa marbuta ma' vetturi ta' dan it-tip, inkluż il-fjuwil, meta l-vetturi ma jintużawx esklużivament għal skopijiet kummerċjali. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/156 (3) estendiet il-perijodu ta' validità tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/232/UE sal-31 ta' Diċembru 2017.

(3)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-5 ta' April 2017, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tirrestrinġi d-dritt ta' tnaqqis b'rabta man-nefqa fuq ċerti vetturi tat-triq bil-magna li ma jintużawx esklużivament għal skopijiet kummerċjali.

(4)

L-applikazzjoni ta' rata perċentwali fissa għall-ammont tal-VAT dwar in-nefqa eliġibbli għat-tnaqqis rigward vetturi tat-triq bil-magna li ma jintużawx esklużivament għal skopijiet kummerċjali tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT.

(5)

B'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Rumanija permezz ta' ittra datata t-28 ta' Ġunju 2017. Permezz ta' ittra datata d-29 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tevalwa t-talba.

(6)

B'konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/232/UE, ir-Rumanija bagħtet, flimkien mat-talba għal estensjoni, rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni. Abbażi ta' informazzjoni disponibbli attwalment, ir-Rumanija tiddikjara li l-limitu ta' 50 % għadu ġustifikabbli u jibqa' xieraq.

(7)

Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri ta' deroga jkollha limitu taż-żmien biex tkun tista' ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħhom u tal-persentaġġ xieraq. Għalhekk, jenħtieġ li r-Rumanija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri għal perijodu limitat, sal-31 ta' Diċembru 2020.

(8)

Fil-każ li r-Rumanija tikkunsidra li estensjoni tal-awtorizzazzjoni lil hinn mill-2020 hija neċessarja, jenħtieġ li tibgħat talba għal estensjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2020, flimkien ma' rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwali applikat.

(9)

Id-deroga se jkollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett avvers fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/232/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/232/UE jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw in-nefqa marbuta mal-vetturi tat-triq bil-magna li ma tikkwalifikax għal tnaqqis sħiħ tal-VAT, jew fil-31 ta' Diċembru 2020, skont liema data tiġi l-ewwel.

2.   Kull talba għall-estensjoni tal-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2020. Talba bħal din għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jkun jinkludi rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwali applikat fuq id-dritt ta' tnaqqis tal-VAT abbażi ta' din id-Deċiżjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/232/UE tas-26 ta' April 2012 li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 117, 1.5.2012, p. 7).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/156 tas-27 ta' Jannar 2015 li testendi l-perjodu ta' validità tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 26, 31.1.2015, p. 27).